Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0429

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-12 ta’ Settembru 2024.
"NARE-BG" ЕООD vs Direktor na direktsia "Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika" Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-dministrativen sad - Varna.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis – Termini ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas ta’ ċerti taxxi – Proroga minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 – Ċaħda tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT – Dekadenza – Prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT.
Kawża C-429/23.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:742

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

12 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis – Termini ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas ta’ ċerti taxxi – Proroga minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 – Ċaħda tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT – Dekadenza – Prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT”

Fil-Kawża C‑429/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva tal-Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Lulju 2023, fil-proċedura

“NARE-BG” ЕООD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “NARE-BG” ЕООD, minn D. D. Petkova‑Topalova, advokat,

għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn D. Zhelyazkov,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Drambozova u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 184 u 186 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/KE tat‑13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “NARE-BG” EOOD u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika” Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (id-Direttur tad-Direttorat “Rikorsi u prattiki fil-qasam tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali” għall-belt ta’ Varna fi ħdan l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Aġenzija Nazzjonali għad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“Direttur”) dwar ir-rifjut minn dan tal-aħħar li jħalli lil NARE-BG teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont l-Artikolu 167 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

4

L-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

5

L-Artikolu 178 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;

[…]”

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 tal-istess direttiva jiddikjara:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.”

7

Skont l-Artikolu 180 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw persuna taxxabbli li tagħmel tnaqqis li ma tkunx għamlet skond l-Artikoli 178 u 179.”

8

L-Artikolu 184 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

9

L-Artikolu 185 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal–proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

10

L-Artikolu 186 tal-istess direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185.”

Id‑dritt Bulgaru

Iż-ZDDS

11

Skont l-Artikolu 72 taż-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) (DV Nru 63, tal‑4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”):

“1.   Il-parti kkonċernata rreġistrata konformement ma’ din il-liġi tista’ teżerċita d-dritt tagħha li tnaqqas il-VAT fil-perijodu fiskali li matulu dan id-dritt tnissel jew f’wieħed mit-tnax-il perijodu fiskali segwenti.

2.   Il-parti kkonċernata teżerċita d-dritt previst fil-paragrafu 1 billi:

1)

tinkludi l-ammont tal-kreditu tal-VAT ikkalkolat fir-riżultat ta’ perijodu fiskali previst fil-paragrafu 1 fid-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 125 dwar l-istess perijodu fiskali;

2)

iddaħħal id-dokument previst fl-Artikolu 71 fil-ktieb tax-xiri previst fl-Artikolu 124 għall-perijodu fiskali previst fil-punt 1.”

12

L-Artikolu 74 taż-ZDDS jipprovdi:

“1.   Persuna rreġistrata bis-saħħa tal-Artikoli 96, 97, 98, 100(1) u (3), 102, 132 jew 132a għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-assi mixtrija jew akkwistati mod ieħor jew introdotti fis-sens taż-Zakon za schetovodstvoto [(il-Liġi dwar il-Kontabbiltà)] qabel id-data tar-reġistrazzjoni tagħha bis-saħħa [taż-ZDDS], li jeżistu fid-data tar-reġistrazzjoni.

2.   Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi fis-seħħ biss għall-assi eżistenti fid-data tar-reġistrazzjoni li fir-rigward tagħhom jiġu simultanjament issodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

ir-rekwiżiti tal-Artikoli 69 u 71 jiġu ssodisfatti;

2)

il-fornitur jew il-persuna li tipprovdi servizz hija persuna rreġistrata skont il-liġi fid-data tal-ħruġ tad-dokument fiskali u l-kunsinna jew il-provvista kienet taxxabbli f’din id-data;

[…]

4)

l-assi jkunu ġew akkwistati mill-persuna fil-ħames snin li jippreċedu d-data ta’ reġistrazzjoni fis-sens ta’ din il-liġi u, fir-rigward tal-proprjetà immobbli, fl-għoxrin sena li jippreċedu din id-data.

3.   Il-persuna rreġistrata msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll id-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fuq is-servizzi rċevuti qabel id-data tar-reġistrazzjoni tagħha fis-sens ta’ din il-liġi, meta jiġu simultajnament issodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

is-servizzi huma direttament marbuta mar-reġistrazzjoni tal-persuna konformement mat-Targovskia zakon [(il-Liġi Kummerċjali)];

2)

is-servizzi ġew irċevuti mhux iktar tard minn xahar qabel ir-reġistrazzjoni tal-persuna taħt il-Liġi Kummerċjali;

3)

il-persuna ressqet talba għal reġistrazzjoni taħt din il-liġi f’terminu ta’ tletin jum mid-data tal-inklużjoni tagħha fir-reġistru taħt l-Artikolu 82 tad-Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali u Assigurazzjonijiet Soċjali)];

4)

il-persuna tinsab fil-pussess ta’ fattura msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 71 għas-servizzi rċevuti;

5)

il-fornitur tas-servizz hija persuna rreġistrata skont il-liġi fid-data tal-ħruġ tad-dokument fiskali u l-provvista kienet taxxabbli f’din id-data;

[…]

4.   Għall-oġġetti eżistenti tal-persuna rreġistrata msemmija fil-paragrafu 1, li huma jew suppost huma assi immobbli, użati fl-istess waqt biex tiġi eżerċitata attività ekonomika indipendenti u għall-bżonnijiet personali tagħha jew għall-bżonnijiet tal-proprjetarju, tal-ħaddiema tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal finijiet differenti mill-attività ekonomika indipendenti tagħha, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jiġi fis-seħħ taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 71a u 71b.”

13

L-Artikolu 75 taż-ZDDS jiddikjara:

“1.   Id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa bis-saħħa tal-Artikolu 74 jiġi fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni taħt din il-liġi.

2.   Id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa previst fil-paragrafu 1 jiġi eżerċitat matul il-perijodu ta’ taxxa li fih tnissel jew matul wieħed mit-tnax-il perijodu ta’ taxxa li ġejjin, u d-dokumenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 71 jitniżżlu fil-ktieb tax-xiri flimkien mal-bażi taxxabbli u t-taxxa korrispondenti għall-oġġetti jew għas-servizzi rċevuti.”

14

L-Artikolu 124(4) taż-ZDDS jipprevedi:

“Il-persuna rreġistrata għandha obbligu ssemmi d-dokumenti fiskali li hija rċeviet fil-ktieb tax-xiri sa mhux iktar tard mit-tnax-il perijodu fiskali wara dak li matulu dawn ikunu nħarġu iżda mingħajr ma tmur lil hinn mill-aħħar perijodu fiskali msemmi fl-Artikolu 72(1). […]”

15

L-Artikolu 125 taż-ZDDS jipprovdi:

“1.   Għal kull perijodu ta’ taxxa, il-persuni rreġistrati għandhom jissosttomettu dikjarazzjoni fiskali stabbilita fuq il-bażi tar-reġistri ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 124, bl-eċċezzjoni tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 159b.

[…]

3.   Il-persuna rreġistrata għandha tannetti wkoll mad-dikjarazzjoni fiskali msemmija fil-paragrafu 1 ir-reġistri ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 124 għall-perijodu ta’ taxxa kkonċernat.

4.   Id-dikjarazzjoni fiskali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa anki jekk ma jkunx hemm taxxa li għandha titħallas jew li għandha tiġi rċevuta kif ukoll fil-każ fejn il-persuna rreġistrata ma tkunx wettqet jew irċeviet kunsinna jew akkwist jew jekk ma wettqitx importazzjoni għal dan il-perijodu ta’ taxxa.

5.   Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 u r-reġistri ta’ kontabbiltà msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu sottomessi sa mhux iktar tard mill-14 tax-xhur ta’ wara l-perijodu ta’ taxxa li miegħu huma relatati.

[…]”

16

Skont l-Artikolu 126 taż-ZDDS:

“1.   L-iżbalji mwettqa fid-dikjarazzjonijiet sottomessi bis-saħħa tal-Artikolu 125(1) u (2) minħabba dokumenti mhux imniżżla jew imniżżla b’mod żbaljat fir-reġistri ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artiklu 124 għandhom jiġu korretti skont il-modalitajiet previsti fil-paragrafi 2 u 3.

2.   L-iżbalji kkonstatati sal-iskadenza tat-terminu ta’ sottomissjoni tad-dikjarazzjoni fiskali għandhom jiġu rrettifikati mill-persuna billi twettaq il-korrezzjonijiet neċessarji u billi tissottometti mill-ġdid id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 125(1) u (2) u r-reġistri ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 124.

3.   Minbarra għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-iżbalji għandhom jiġu korretti kif ġej:

1)

il-persuna għandha twettaq il-korrezzjonijiet neċessarji matul il-perijodu ta’ taxxa li matulu l-iżball ġie kkonstatat u għandha tinkludi d-dokument mhux imniżżel fir-reġistru ta’ kontabbiltà li jirrigwarda l-istess perijodu ta’ taxxa – fil-każ ta’ dokumenti mhux imniżżla fir-reġistri ta’ kontabbiltà bis-saħħa tal-Artikolu 124;

2)

il-persuna għandha tinforma bil-miktub lill-awtorità fiskali kompetenti, li min-naħa tagħha, fil-każ ta’ dokumenti mniżżla b’mod żbaljat fir-reġistri ta’ kontabbiltà, tieħu miżuri biex tirrettifika d-dejn fiskali tal-persuna għall-perijodu ta’ taxxa kkonċernat.”

Iż-ZKPO

17

Il-punt 4 tal-Artikolu 1 taż-Zakon za korporativnoto podohodno oblagane (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-Persuni Ġuridiċi) (DV Nru 105, tat‑22 ta’ Diċembru 2006), fil-verjżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZKPO”) jipprovdi:

“Il-liġi preżenti tirregola t-tassazzjoni:

[…]

4   tad-dħul imsemmi fiha rċevut, fir-Repubblika tal-Bulgarija, minn persuni ġuridiċi residenti jew mhux residenti.”

18

L-Artikolu 92 taż-ZKPO huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-persuni suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji għandhom jissottomettu dikjarazzjoni fiskali annwali permezz ta’ formola għad-dħul taxxabbli finanzjarju u għat-taxxa fuq il-kumpanniji annwali dovuta.

2.   Id-dikjarazzjoni fiskali annwali għandha tiġi sottomessa, sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu tas-sena segwenti, lid-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku fil-post ta’ reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli.”

19

L-Artikolu 93 taż-ZKPO jipprovdi:

“Il-persuni taxxabbli għandhom iħallsu t-taxxa fuq il-kumpanniji tas-sena kkonċernata sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju tas-sena segwenti, wara li jitnaqqsu l-ħlasijiet bil-quddiem magħmula għas-sena kkonċernata.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

20

NARE‑BG hija kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru li tixtri artijiet sabiex fihom tiżviluppa binjiet li l-kostruzzjoni tagħhom titħalla f’idejn subappaltaturi.

21

Matul is-snin 2017 sa 2019, fil-kuntest ta’ proġett immobiljari f’Varna (il-Bulgarija), din il-kumpannija rċeviet 71 fattura maħruġa minn subappaltaturi għal ammont totali ta’ VAT ta’ 117 458.80 Lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 60050).

22

Fil‑25 ta’ Novembru 2019, l-imsemmija kumpannija ġiet irreġistrata għall-VAT taħt l-Artikolu 100(1) taż-ZDDS.

23

Għall-perijodi ta’ taxxa mill‑25 ta’ Novembru 2019 sat‑30 ta’ Settembru 2020, NARE‑BG issottomettiet dikjarazzjonijiet tal-VAT li ma kinux jindikaw taxxa li kellha titħallas jew li kellha tiġi rċevuta.

24

Fit‑13 ta’ Marzu 2020, ġie ddikjarat l-istat ta’ urġenza fuq it-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 b’effett mit‑13 ta’ Marzu sat‑13 ta’ April 2020. Dan ġie progressivament estiż sat‑30 ta’ April 2021. F’dan il-kuntest, ġiet adottata leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-miżuri u azzjonijiet meħuda matul l-istat ta’ urġenza bil-għan li jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ din il-pandemija. Fid-dawl tad-diffikultajiet ikkawżati mill-imsemmija pandemija lill-operaturi ekonomiċi, din il-leġiżlazzjoni estendiet it-termini ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas ta’ ċerti taxxi, madankollu mingħajr ma pprevediet skema speċjali ta’ dan it-tip għad-dikjarazzjoni, il-ħlas jew it-tnaqqis tal-VAT.

25

Fl‑10 ta’ Diċembru 2020, NARE‑BG issottomettiet dikjarazzjoni tal-VAT għall-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Novembru 2020, billi indikat kunsinni li jagħtu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal ammont ta’ BGN 10 125.40 (madwar EUR 5180).

26

Fl‑14 ta’ Jannar 2021, NARE‑BG issottomettiet dikjarazzjoni tal-VAT għall-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Diċembru 2020, billi indikat kunsinni li jagħtu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal ammont ta’ BGN 117 458.80 (madwar EUR 60050), li jikkorrispondu għall‑VAT imsemmija fuq il-71 fattura li hija kienet irċeviet matul is-snin 2017 sa 2019.

27

Fil‑15 ta’ Jannar 2021, hija informat bil-miktub lit-Teritorialna direktsia na Nationalna agentsia za prihodite Varna (id-Direttorat Territorjali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku ta’ Varna, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali”), konformement mal-Artikolu 126(3) taż-ZDDS, li hija kienet ħadet dawn il-fatturi inkunsiderazzjoni b’mod żbaljat fil-ktieb tax-xiri u fid-dikjarazzjoni fiskali tal-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Diċembru 2020 minflok ma ħadet dawn il-fatturi inkunsiderazzjoni f’dawk tal-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Novembru 2020. Dawn l-iżbalji, li tagħhom hija talbet ir-rettifika, jirriżultaw mill-infezzjoni għall-COVID‑19 u mit-tqegħid fi kwarantina tal-kontabilista tal-imsemmija kumpannija – li x-xogħol tiegħu ġie fdat lil sostitut.

28

Madankollu, l-Awtorità Fiskali rrifjutat id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għall-imsemmija fatturi fuq il-bażi tal-Artikolu 72(1) taż-ZDDS, li skontha l-persuna taxxabbli rreġistrata konformement ma’ din il-liġi tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis fil-perijodu ta’ taxxa li matulu dan id-dritt tnissel jew f’wieħed mit-tnax-il perijodu segwenti. Fil-fatt, id-dritt għal tnaqqis tal-VAT għall-assi mixtrija jew akkwistati u għas-servizzi rċevuti qabel ir-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli jitnissel, bis-saħħa tal-Artikolu 75(1) u (2) taż-ZDDS, fid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni. Għalhekk, fid-dawl tad-data ta’ reġistrazzjoni ta’ NARE-BG għall-VAT, din imissha eżerċitat id-dritt tagħha għal tnaqqis fir-rigward tal‑71 fattura sa mhux iktar tard fil-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Novembru 2020. Dan premess, billi dan id-dritt ma ġiex eżerċitat fid-dikjarazzjoni tal-VAT għal dan il-perijodu ta’ taxxa, li kellha tiġi sottomessa, konformement mal-Artikolu 125(5) taż-ZDDS, sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Diċembru 2020, dan id-dritt għal tnaqqis skada.

29

Konsegwentement, billi qieset li NARE‑BG, li eżerċitat id-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT għal dawn il-71 fattura fil-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Diċembru 2020, kienet kisret l-Artikolu 72 taż-ZDDS, fl‑24 ta’ Jannar 2022 l-Awtorità Fiskali ħarġet avviż ta’ aġġustament fil-konfront ta’ din il-kumpannija għal ammont ta’ VAT ta’ BGN 117 458.80.

30

NARE‑BG ippreżentat rikors kontra dan l-avviż ta’ aġġustament quddiem l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.

31

Quddiem din il-qorti, NARE‑BG tinvoka, insostenn tad-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 179(1), u tal-Artikoli 180 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità tal-VAT, ta’ effettività u ta’ ekwivalenza fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade (C‑95/07 u C‑96/07, EU:C:2008:267), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, EMS‑Bulgaria Transport (C‑284/11, EU:C:2012:458). Min-naħa l-oħra, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, X (C‑194/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza X, EU:C:2022:535), invokata mid-Direttur, ma hijiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Min-naħa tiegħu, id-Direttur isostni li NARE‑BG eżerċitat tardivament, jiġifieri fil-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Diċembru 2020 minflok dak tax-xahar ta’ Novembru 2020, id-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT bi ksur tal-Artikolu 75(2) taż-ZDDS minħabba li l-kontabilista tagħha ġie infettat bil-COVID‑19. Għalhekk, huwa jqis li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien ma’ dan l-Artikolu 75(1), u mhux mal-kundizzjonijiet ta’ rettifika tal-iżbalji li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT sottomessi minn din il-kumpannija. Għalhekk, jeħtieġ, f’dan il-każ, li tiġi applikata sempliċement il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza X, li konformement magħha l-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst mid-Direttiva dwar il-VAT ma huwiex intiż li japplika meta l-persuna taxxabbli tkun naqset milli teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT u meta tkun tilfet dan id-dritt minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar ir-rilevanza, għall-kawża prinċipali, tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade (C‑95/07 u C‑96/07, EU:C:2008:267), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, EMS‑Bulgaria Transport (C‑284/11, EU:C:2012:458). Fil-fatt, il-fatti tal-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi huma distinti minn dawk tal-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata mill-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi, adottati fil-kuntest tal-istat ta’ urġenza marbut mal-pandemija tal-COVID‑19, li jipprevedu terminu itwal għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas ta’ ċerti taxxi iżda mingħajr ma tali terminu jkun previst għad-dikjarazzjoni, il-ħlas u t-tnaqqis tal-VAT.

34

B’mod simili, din il-qorti tistaqsi dwar ir-rilevanza tas-sentenza X fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali differenti li fuqhom huma msejsa din is-sentenza u t-tilwima fil-kawża prinċipali.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-kundizzjonijiet tal-miżuri ta’ konfinament introdotti bil-liġi, li jinkludu l-impożizzjoni ta’ miżuri amministrattivi ta’ limitazzjoni fuq il-ħruġ mid-dar u fuq iċ-ċaqliq fiż-żoni abitati, ta’ limitazzjoni fuq il-kuntatti ma’ persuni oħra u ta’ għeluq ta’ siti kummerċjali, u f’sitwazzjoni fejn, inkonnessjoni ma’ dawn il-miżuri ta’ konfinament, ikunu ġew estiżi t-termini għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tad-djun fiskali taħt iż-[ZKPO] (li tirregola t-termini għad-dikjarazzjoni u għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul taħt id-dritt nazzjonali), terminu ta’ dekadenza bħal dak inkwistjoni f’din il-proċedura jagħmilha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli li teżerċita d-dritt għat-tnaqqis [tal-VAT] matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ konfinament u, f’dan id-dawl, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prassi tal-amministrazzjoni fiskali li huma inkwistjoni f’din il-proċedura huma kompatibbli mal-Artikolu 184 tad-Direttiva [dwar il-VAT], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 186 tagħha u fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità [tal-VAT] introdott permezz tad-Direttiva dwar il-VAT u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade)?

2)

Fil-każ li jkun possibbli, kif tipprevedi ż-[ZDDS], li tiġi rrettifikata l-informazzjoni indikata fid-dikjarazzjoni fiskali prevista [f’din il-liġi], fiċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża li biha hija adita l-awla li qiegħda tagħmel dan ir-rinviju, l-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 186 tagħha, jippermetti prassi tal-amministrazzjoni fiskali li tirrifjuta lill-persuna taxxabbli d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għar-raġuni li l-VAT kienet ġiet iddikjarata permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ rettifika ppreżentata bil-għan li tiġi rrettifikata l-informazzjoni dwar l-aħħar perijodu ta’ tassazzjoni inkluż fit-terminu ta’ dekadenza (tnax-il xahar) stabbilit fir-rigward tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq il-kunsinni rċevuti mill-persuna taxxabbli qabel id-data tar-reġistrazzjoni tagħha taħt iż-ZDDS, bil-kundizzjoni li t-tranżazzjonijiet kummerċjali ma jkunux moħbija, li l-informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tagħha tkun disponibbli fil-kontabbiltà tar-rikorrent, li l-amministrazzjoni fiskali jkollha l-informazzjoni meħtieġa u li ma jkunx hemm elementi li jindikaw dannu għall-baġit?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà

36

Id-Direttur u l-gvern Spanjol jikkontestaw l-ammissibbiltà taż-żewġ domandi magħmula.

37

Fir-rigward tal-ewwel domanda, minn naħa, id-Direttur isostni li din ma għandhiex bħala għan l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda s-sempliċi applikazzjoni tad-dritt fiskali nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol huwa tal-fehma li din id-domanda hija ipotetika peress li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx suffiċjentement li l-miżuri ta’ iżolament adottati fil-kuntest ta’ l-istat ta’ urġenza ddikjarata b’risposta għall-pandemija tal-COVID‑19 effettivament ipprekludew jew ostakolaw l-eżerċizzju, minn NARE‑BG, tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT matul it-terminu ta’ dekadenza ta’ tnax‑il xahar, ġaladarba l-inkapaċità temporanja tal-kontabilista kkonċernat kienet tkopri biss perijodu ta’ ġimagħtejn matul dawn it-tnax‑il xahar.

38

Fir-rigward tat-tieni domanda, id-Direttur isostni li din ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa jqis li t-talba għal rettifika msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza fil-verità tirrigwarda d-dikjarazzjoni sottomessa minn NARE‑BG għall-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Diċembru 2020. Peress li din it-talba ġiet sottomessa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza, l-Awtorità Fiskali validament irrifjutat lil din il-kumpannija l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT mingħajr ma din ma tista’ titlob ir-rettifika ta’ din id-dikjarazzjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif iddeċidiet numru ta’ drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li din tal-aħħar tikkunsidra li huma taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, u li l-verifika tal-eżattezza tiegħu ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Societatea Civilă Profesională de Avocaţi AB & CD, C‑252/22, EU:C:2024:13, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tindika li hija teħtieġ, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade (C‑95/07 u C‑96/07, EU:C:2008:267, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, EMS‑Bulgaria Transport (C‑284/11, EU:C:2012:458, punt 49) risposta għad-domanda dwar jekk NARE‑BG hijiex f’pożizzjoni, bis-saħħa tad-Direttiva dwar il-VAT, li tnaqqas, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza, il-VAT tal-input imħallsa fuq tranżazzjonijiet imwettqa qabel id-data tar-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT, billi titlob ir-rettifika ta’ dikjarazzjoni tal-VAT sottomessa qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

41

Minn naħa, din il-qorti tistaqsi jekk it-terminu ta’ dekadenza għad-dikjarazzjoni, il-ħlas u l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-prattika jagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis fid-dawl tal-fatt li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-istat ta’ urġenza minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 jipprevedu termini itwal għad-dikjarazzjoni u l-ħlas ta’ ċerti taxxi, filwaqt li t-terminu ta’ dekadenza għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT ma ġiex mibdul.

42

Fid-dawl tal-punti preċedenti, u fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ rilevanza li minnha jgawdu d-domandi preliminari, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma minn din il-qorti hija ta’ natura ipotetika.

43

Għaldaqstant id-domandi magħmula huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

44

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 186 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva nazzjonali li bis-saħħa tagħhom persuna taxxabbli tiġi rrifjutata d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT minħabba li talbet dan it-tnaqqis wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli permezz ta’ dikjarazzjoni intiża li tirrettifika dikjarazzjoni tal-VAT sottomessa qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, minkejja ċ-ċirkustanza li miżuri nazzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 ġew adottati sabiex jiġu estiżi t-termini għad-dikjarazzjoni u l-ħlas ta’ ċerti taxxi mingħajr ma ġiet inkluża l-VAT fost dawn tal-aħħar.

45

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu mill-VAT li huma għandhom iħallsu l-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għall-oġġetti akkwistati u għas-servizzi rċevuti minnhom jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT implimentata mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Vittamed technologijos,C‑293/21, EU:C:2022:763, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Is-sistema tat-tnaqqis hija intiża li ttaffi għalkollox lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Is-sistema komuni tal-VAT, konsegwentement, tiggarantixxi n-newtralità f’dak li jirrigwarda l-oneru fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma nnifishom suġġetti għall-VAT (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Vittamed technologijos, C‑293/21, EU:C:2022:763, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Hekk kif enfasizzat repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad-Direttiva dwar il-VAT jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u, bħala prinċipju, ma jistax jiġi limitat. B’mod partikolari, dan id-dritt normalment jiġi eżerċitat immedjatament għat-taxxi kollha imposti fuq it-tranżazzjonijiet tal-input imwettqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2022, Vittamed technologijos, C‑293/21, EU:C:2022:763, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, bis-saħħa tal-Artikoli 180 u 182 ta’ din id-direttiva, persuna taxxabbli tista’ tkun awtorizzata tipproċedi bit-tnaqqis tal-VAT anki jekk ma tkunx eżerċitat id-dritt tagħha matul il-perijodu li fih tnissel dan id-dritt, suġġett, madankollu, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet u modalitajiet stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (sentenza X, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li, bis-saħħa tal-Artikolu 75(1) u (2) taż-ZDDS, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għall-kunsinni u servizzi pprovduti qabel ir-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli, taħt din il-liġi, jiġi fis-seħħ fid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni u għandu jiġi eżerċitat matul il-perijodu ta’ taxxa li matulu tnissel jew matul wieħed mit-tnax‑il perijodu ta’ taxxa segwenti. It-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT li jinsab fuq il‑71 fattura rċevuta minn NARE‑BG qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT għalhekk kien ta’ tnax‑il xahar. Dan it-terminu beda jiddekorri mill-perijodu ta’ taxxa li matulu tnissel id-dritt għal tnaqqis u skada fix-xahar ta’ Novembru 2020. Konformement mal-Artikolu 125(5) taż-ZDDS, dan id-dritt għal tnaqqis missu ġie eżerċitat sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Diċembru 2020, li huwa d-data limitu previst għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni fiskali għall-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Novembru 2020.

50

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li NARE‑BG ma eżerċitatx id-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT matul it-terminu ta’ tnax‑il xahar. Huwa minnu li fl‑10 ta’ Diċembru 2020 hija ssottomettiet dikjarazzjoni tal-VAT għall-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Novembru 2020 mingħajr madankollu ma inkludiet fiha l-VAT li kien jirriżulta fuq il‑71 fattura rċevuta qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT. Huwa biss fil‑15 ta’ Jannar 2021, wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tnax‑il xahar, li hija rrettifikat, mal-Awtorità Fiskali, din id-dikjarazzjoni tal-VAT għall-perijodu ta’ taxxa tax-xahar ta’ Novembru 2020.

51

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT mingħajr limitazzjoni ratione temporis tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, fid-dawl tad-drittijiet u obbligi tagħha fir-rigward tal-amministrazzjoni fiskali, ma tirriskjax li titqiegħed inkwistjoni b’mod indefinittiv (sentenza X, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terminu ta’ dekadenza li l-iskadenza tiegħu għandha bħala konsegwenza li tissanzjona lill-persuna taxxabbli li ma hijiex suffiċjentement diliġenti, li naqset milli titlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallas, billi ttellifha d-dritt għal tnaqqis tal-VAT, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mas-sistema stabbilita mid-Direttiva tal-VAT, sakemm, minn naħa, dan it-terminu japplika bl-istess mod għad-drittijiet analogi fil-qasam fiskali bbażati fuq id-dritt intern u għal dawk ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, dan ma jagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT (prinċipju ta’ effettività) (sentenza X, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi enfasizzat li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika x-xebh tal-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan, ir-raġuni u l-elementi essenzjali tal-imsemmija modalitajiet proċedurali allegatament simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Philips Orăştie, C‑487/20, EU:C:2022:92, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fid-dawl tal-verifika li l-qorti nazzjonali jkollha twettaq, tipprovdilha ċerti elementi marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Philips Orăştie, C‑487/20, EU:C:2022:92, punt 31).

55

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-miżuri u azzjonijiet meħuda matul l-istat ta’ urġenza ġiet adottata bil-għan li jiġu rrimedjati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID‑19. Din il-leġiżlazzjoni estendiet it-termini għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet u l-ħlas fir-rigward ta’ ċerti taxxi diretti previsti miż-ZKPO mingħajr ma pprevediet skema speċifika għad-dikjarazzjoni, il-ħlas jew it-tnaqqis tal-VAT. Madankollu, tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed biex din il-leġiżlazzjoni tkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

56

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-taxxi diretti, bħat-taxxa fuq id-dħul, u t-taxxi indiretti, bħall-VAT, huma ta’ natura fundamentalment differenti u ma humiex paragunabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza (ara, b’analoġija, id-digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2022, The Navigator Company u Navigator Pulp Figueira, C‑459/21, EU:C:2022:979, punti 2829).

57

Sussegwentement, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi osservat li terminu ta’ dekadenza ta’ tnax‑il xahar mir-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli għall-VAT lanqas ma huwa tali, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li fil-prattika jagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT.

58

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-istat ta’ urġenza minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 ma kienx ikopri, għall-kuntrarju, il-perijodu kollu li matulu NARE‑BG setgħet tissottometti dikjarazzjoni sabiex teżerċita d-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT li kienet tinsab fuq il‑71 fattura inkwistjoni. It-tieni nett, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-Repubblika tal-Bulgarija ffaċċjat, fir-rigward tal-persuni suġġetti għall-VAT b’mod ġenerali, jew fir-rigward ta’ NARE‑BG b’mod partikolari, diffikultajiet tali, matul dan l-istat ta’ urġenza, li kienu jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis. It-tielet nett, l-infezzjoni tal-kontabilita ta’ NARE‑BG għall-COVID‑19 matul ix-xahar ta’ Diċembru 2020 ma tistax titqies li tagħmel impossibbli l-eżerċizzju minn din il-kumpannija tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT matul it-terminu kollu ta’ tnax‑il xahar li hija kellha għad-dispożizzjoni għal dan il-għan.

59

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, fir-rigward tat-tnissil ta’ possibbiltà ta’ obbligu ta’ aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT previst fl-Artikoli 184 u 185 tad-Direttiva dwar il-VAT, dan huwa, ċertament, iddefinit b’mod wiesa’ f’dan l-Artikolu 184, sa fejn it-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat meta dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata. Din il-formulazzjoni ma teskludi a priori ebda ipoteżi prevedibbli ta’ tnaqqis indebitu u l-portata ġenerali ta’ dan l-obbligu ta’ aġġustament hija sostnuta mill-elenkar espliċitu tal-eċċezzjonijiet permessi mid-Direttiva dwar il-VAT fl-Artikolu 185(2) tagħha (sentenza X, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Konformement mal-Artikolu 185(1) ta’ din id-direttiva, tali aġġustament għandu b’mod partikolari jseħħ meta tibdil tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ dan it-tnaqqis iseħħ wara d-dikjarazzjoni tal-VAT.

61

Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament huwa applikabbli biss jekk ikun jeżisti dritt għal tnaqqis. Dan premess, l-Artikoli 184 u 185 tal-imsemmi direttiva ma jistgħux jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis (sentenza X, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst mid-Direttiva dwar il-VAT ma huwiex intiż li japplika meta l-persuna taxxabbli tkun naqset milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT u meta tkun tilfet dan id-dritt minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza (sentenza X, punt 46).

63

Konsegwentement, dan il-mekkaniżmu ma japplikax f’ċirkustanzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-persuna taxxabbli li naqset milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT meta ġiet biex tissottometti d-dikjarazzjoni tal-VAT għal perijodu ta’ taxxa speċifika tkun tixtieq teżerċita dan id-dritt sussegwentement, fl-okkażjoni ta’ rettifika ta’ din id-dikjarazzjoni, meta t-terminu ta’ dekadenza previst mid-dritt nazzjonali għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt ikun skada.

64

Fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT lanqas ma jista’ jqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni. Huwa minnu li l-mekkaniżmu ta’ aġġustament jagħmel parti integrali mis-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mid-Direttiva dwar il-VAT u huwa intiż li jżid il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’mod li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, World Comm Trading Gfz, C‑684/18, EU:C:2020:403, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Madankollu, il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT ma jistax ikollu bħala effett li jippermetti lil persuna taxxabbli taġġusta dritt għal tnaqqis li ma tkunx eżerċitat qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ dekadenza u li b’hekk tkun tilfet.

66

Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 186 tagħha, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva nazzjonali li bis-saħħa tagħhom persuna taxxabbli tiġi rrifjutata d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT minħabba li talbet dan it-tnaqqis wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli permezz ta’ dikjarazzjoni intiża li tirrettifika dikjarazzjoni tal-VAT sottomessa qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, minkejja ċ-ċirkustanza li miżuri nazzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 ġew adottati sabiex jiġu estiżi t-termini għad-dikjarazzjoni u l-ħlas ta’ ċerti taxxi mingħajr ma ġiet inkluża l-VAT fost dawn tal-aħħar.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 184 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/KE tat‑13 ta’ Lulju 2010, moqri flimkien mal-Artikolu 186 tad-Direttiva 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/45, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT),

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva nazzjonali li bis-saħħa tagħhom persuna taxxabbli tiġi rrifjutata d-dritt li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT minħabba li talbet dan it-tnaqqis wara l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli permezz ta’ dikjarazzjoni intiża li tirrettifika dikjarazzjoni tal-VAT sottomessa qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, minkejja ċ-ċirkustanza li miżuri nazzjonali marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 ġew adottati sabiex jiġu estiżi t-termini għad-dikjarazzjoni u l-ħlas ta’ ċerti taxxi mingħajr ma ġiet inkluża l-VAT fost dawn tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top