This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0330
Judgment of the Court (Eighth Chamber) of 22 September 2022.#The Escape Center BVBA v Belgische Staat.#Request for a preliminary ruling from the Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent.#Reference for a preliminary ruling – Taxation – Value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Article 98 – Option for the Member States to apply a reduced rate of VAT to certain supplies of goods and services – Annex III, point 14 – Concept of the ‘use of sporting facilities’ – Fitness centres – Individual or group coaching.#Case C-330/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
The Escape Center BVBA vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 14 – Kunċett ta’ “dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi” – Swali tal-isport – Akkumpanjament individwali jew fi grupp.
Kawża C-330/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-22 ta’ Settembru 2022.
The Escape Center BVBA vs Belgische Staat.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 14 – Kunċett ta’ “dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi” – Swali tal-isport – Akkumpanjament individwali jew fi grupp.
Kawża C-330/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:719
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)
22 ta’ Settembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98 – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Anness III, punt 14 – Kunċett ta’ “dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi” – Swali tal-isport – Akkumpanjament individwali jew fi grupp”
Fil-Kawża C‑330/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Flanderen tal-Lvant, Diviżjoni ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura
The Escape Center BVBA
vs
Belgische Staat,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),
komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. M. Collins,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal The Escape Center BVBA, minn H. Vandebergh, advocaat, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġenta, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Carlin u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(2), moqri flimkien mal-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn The Escape Center BVBA, l-operatur ta’ salla tal-isport, u l-Belgische Staat (l-Istat Belġjan) dwar l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-attivitajiet ta’ din il-kumpannija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri għandhom japplikaw rata normali ta’ VAT stabbilita minn kull Stat Membru li hija l-istess għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi. |
4 |
L-Artikolu 97 ta’ din id-direttiva jipprovdi li r-rata normali ma tistax tkun inqas minn 15 %. |
5 |
L-Artikolu 98(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa. 2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III. […]” |
6 |
L-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, li jinkludi l-lista ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa ta’ VAT imsemmija fl-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, jinkludi fil-punt 14 tiegħu: “[Id-dritt tal]-użu ta’ faċilitajiet sportivi”. |
Id‑dritt Belġjan
7 |
Skont l-Artikolu 37(1) tal-loi du 3 juillet 1969 créant le code de la taxe sur la valeur ajoutée (il-Liġi tat‑3 ta’ Lulju 1969 li Toħloq il-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), ir-Re jiffissa r-rati ta’ din it-taxxa u jistabbilixxi t-tqassim tal-oġġetti u tas-servizzi bejn dawn ir-rati billi jieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni stabbilita f’dan il-qasam mill-Unjoni Ewropea. |
8 |
L-Artikolu 1 tal-arrêté royal no 20, du 20 juillet 1970, fixant les taux de la taxe sur la valeur ajoutée et déterminant la répartition des biens et des services selon ces taux (id-Digriet Irjali Nru 20, tal‑20 ta’ Lulju 1970, li Jiffissa r-Rati tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u li Jiddetermina t-Tqassim tal-Oġġetti u tas-Servizzi Skont Dawn ir-Rati) jipprovdi li r-rata normali tal-VAT applikabbli għall-oġġetti u s-servizzi msemmija fl-imsemmi kodiċi hija ffissata għal 21 % u li, b’deroga minn dan il-prinċipju, it-taxxa tinġabar bir-rata mnaqqsa ta’ 6 % f’dak li jirrigwarda l-oġġetti u s-servizzi elenkati fit-Tabella A tal-Anness ta’ dan id-digriet irjali. Madankollu, dan l-artikolu jipprevedi li din ir-rata mnaqqsa ma tistax tiġi applikata meta s-servizzi relatati mat-Tabella A jikkostitwixxu l-aċċessorju ta’ ftehim kumpless li għandu prinċipalment bħala għan servizzi oħra. |
9 |
Skont it-Taqsima XVIII tat-Tabella A tal-Anness tal-imsemmi digriet irjali, hija suġġetta għar-rata ta’ 6 % “[l]-għoti tad-dritt ta’ dħul għal faċilitajiet kulturali, sportivi u ta’ divertiment, u l-għoti tad-dritt tal-użu tagħhom”. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
10 |
The Escape Center, kumpannija bi skop ta’ lukru u suġġetta għall-VAT għall-attività ta’ “swali tal-isport”, tagħti lil persuni d-dritt li jaċċedu għall-postijiet tagħha fejn dawn jistgħu jużaw tagħmir sabiex itejbu l-kundizzjoni fiżika tagħhom u jiżviluppaw il-muskoli tagħhom. L-użu ta’ tagħmir sportiv isir b’mod individwali jew fi grupp, mingħajr jew flimkien ma’ akkumpanjament limitat. Hija tipproponi wkoll segwiti personalizzati u korsijiet kollettivi. |
11 |
Fil-kuntest tal-attività tagħha, din il-kumpannija dejjem iddikjarat VAT ta’ 21 %. Madankollu, fid-dawl ta’ ġurisprudenza nazzjonali fil-qasam tal-VAT, mogħtija f’kawża li ma kinitx parti minnha, hija qieset li r-rata mnaqqsa tal-VAT ta’ 6 % kienet tapplika għall-attività kollha tagħha minflok ir-rata tal-VAT normali ta’ 21 %. |
12 |
Għaldaqstant, The Escape Center talbet ir-rimbors tad-differenza ta’ 15 % VAT fuq il-perijodu mis-sena 2015 sal-ewwel trimestru tas-sena 2018 inkluż, jiġifieri EUR 48 622.64. Peress li ma qablitx ma’ din il-fehma fil‑25 ta’ Marzu 2019, l-amministrazzjoni fiskali indirizzat dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni li din il-kumpannija kkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Flanderen tal-Lvant, Diviżjoni ta’ Gent, il-Belġju). |
13 |
Din il-qorti tirrileva li l-prattika tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana ma hijiex uniformi fir-rigward tar-rata tal-VAT li għandha tiġi applikata għall-attività tal-operaturi li joperaw swali tal-isport. Fil-fatt, uħud mill-kontrolluri jikkunsidraw li għandha tiġi applikata r-rata normali ta’ 21 % għal dawn l-attivitajiet kollha, filwaqt li kontrolluri oħra jaċċettaw l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa ta’ 6 % jew ta’ rata tal-VAT ponderata, billi jibbażaw ruħhom fuq tqassim tal-attivitajiet differenti suġġetti, rispettivament, għal dawn iż-żewġ rati. |
14 |
Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, l-amministrazzjoni fiskali Olandiża tammetti, min-naħa tagħha, li s-servizzi, bħall-fatt li jingħataw korsijiet, istruzzjonijiet jew li jiżguraw akkumpanjament, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “għoti ta’ opportunità ta’ sport”, suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT. Bl-istess mod, din il-qorti tindika li hija inklinata li tiddeċiedi, mill-qari tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová (C‑432/15, EU:C:2016:855), li d-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi jaqa’ taħt ir-rata mnaqqsa tal-VAT, anki meta akkumpanjament individwali jew fi grupp jikkompleta l-provvista. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen Afdeling Gent (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Flanderen tal-Lvant, Diviżjoni ta’ Gent), billi qieset li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 98(2) tad-Direttiva [dwar il-VAT], moqri flimkien mal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi huwa suġġett għar-rata mnaqqsa ta’ VAT unikament jekk ma tiġi pprovduta ebda gwida individwali jew gwida ta’ grupp?” |
Fuq id‑domanda preliminari
16 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti tad-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi ta’ sala tal-isport u fil-provvista ta’ akkumpanjament individwali jew fi grupp tistax tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT. |
17 |
Skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva dwar il-VAT, kull Stat Membru għandu japplika l-istess rata normali ta’ VAT għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi. |
18 |
B’deroga minn dan il-prinċipju, l-Artikolu 98(1) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw waħda jew żewġ rati mnaqqsa tal-VAT. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-imsemmija direttiva, ir-rati mnaqqsa ta’ VAT jistgħu jiġu applikati biss għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi fil-kategoriji li jidhru fl-Anness III tal-imsemmija direttiva. |
19 |
Il-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT jawtorizza lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għad-dritt ta’ “użu ta’ faċilitajiet sportivi”. |
20 |
Id-Direttiva dwar il-VAT ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi” u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal‑15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1), ma jipprevedix definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, la d-Direttiva dwar il-VAT u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 ma jirreferu għad-dritt tal-Istati Membri f’dan is-suġġett, biex b’hekk l-imsemmi kunċett għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, C‑174/14, EU:C:2015:733, punti 53 u 54). |
21 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett ta’ “dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi”, li jinsab fil-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, fis-sens li għandu jinftiehem bħala jkopri d-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet intiżi għall-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika, kif ukoll l-użu tagħhom għal dan il-għan (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 65). |
22 |
Għaldaqstant, jistgħu jaqgħu taħt il-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva l-provvisti ta’ servizzi marbuta mal-użu ta’ dawn l-installazzjonijiet u meħtieġa għall-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 66 |
23 |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni, din il-konstatazzjoni hija konformi mal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkoraġġixxi l-eżerċizzju effettiv tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika pjuttost milli jenfasizza l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess għall-faċilitajiet sportivi. Fil-fatt, l-għan ta’ dan l-Anness III huwa li jirrendi inqas onerużi, u allura iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li finalment iħallas il-VAT, ċerti provvisti ta’ servizzi meqjusa bħala partikolarment meħtieġa (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, C‑703/19, EU:C:2021:314, punt 37 u ġurisprudenza ċċitata) u, f’dan il-kuntest, il-punt 14 tiegħu huwa intiż sabiex jippromwovi l-prattika ta’ attivitajiet sportivi u li jirrendi dawn tal-aħħar aċċessibbli għall-individwi (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Baštová, C‑432/15, EU:C:2016:855, punt 64). |
24 |
Għalkemm ma hemmx dubju li l-aċċess għal sala tal-isport li tagħti dritt għall-użu ta’ faċilitajiet sportivi, kif ukoll l-akkumpanjament ta’ klijenti ġodda intiżi għall-użu responsabbli tat-tagħmir ta’ din is-sala tal-isport, jaqa’ taħt il-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, madankollu, għandu jiġi rrilevat li The Escape Center tipproponi, minbarra dan l-aċċess u dan id-dritt ta’ użu, akkumpanjamenti personalizzati u korsijiet kollettivi. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-provvisti kollha proposti minn din il-kumpannija jistgħux jaqgħu taħt il-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, sa fejn huma jifformaw provvista waħda. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jkun hemm “provvista unika” fejn żewġ elementi jew azzjonijiet, jew iktar minn tnejn, fornuti mill-persuna taxxabbli lill-konsumatur, meqjus bħala konsumatur medju, għandhom konnessjoni tant stretta li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda li ma tistax tiġi sseparata u li kieku kellha tiġi sseparata tingħata xejra artifiċjali (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C‑41/04, EU:C:2005:649, punt 22, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franck, C‑801/19, EU:C:2020:1049, punt 25). |
26 |
Dan huwa wkoll il-każ meta provvista waħda jew iktar jikkostitwixxu provvista prinċipali u l-provvista jew il-provvisti l-oħra jikkostitwixxu provvista anċillari waħda jew iktar li għalihom tapplika l-istess sistema fiskali li hija applikabbli għall-provvista prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha titqies bħala anċillari għal provvista prinċipali meta ma tkunx tikkostitwixxi għan fiha nnifisha għall-klijenti, iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali pprovdut mill-fornitur (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, EU:C:2008:108, punt 52, u tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Mailat, C‑17/18, EU:C:2018:1038, punt 34). |
27 |
F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li, f’ċirkustanzi oħra, l-elementi li jifformaw tranżazzjoni bħal din jistgħu jiġu pprovduti weħidhom u huma meqjusa, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, bħala distinti u indipendenti (ara, f’dan is-sens, digriet tad‑19 ta’ Jannar 2012, Purple Parking u Airparks Services, C‑117/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:29, punt 31). |
28 |
Sabiex jiġi evalwat jekk l-akkumpanjament personalizzat u l-korsijiet kollettivi, li għalihom l-aċċess għas-sala tal-isport jagħti wkoll dritt, jikkostitwixxux provvisti anċillari għall-għoti ta’ tali aċċess jew għall-użu ta’ faċilitajiet sportivi ta’ tali sala, il-qorti tar-rinviju għandha tfittex l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni kkonċernata, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom din isseħħ (digriet tad‑19 ta’ Jannar 2012, Purple Parking u Airparks Services, C‑117/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:29, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dawn l-evalwazzjonijiet, hija, madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għall-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Žamberk, C‑18/12, EU:C:2013:95, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Stock ’94, C‑208/15, EU:C:2016:936, punt 30). |
30 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-provvisti marbuta mal-ipprattikar tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika għandhom, sa fejn huwa possibbli, jiġu kkunsidrati flimkien (ara, b’analoġija, sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Régie communale autonome du stade Luc Varenne, C‑55/14, EU:C:2015:29, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan ir-rigward, kif fakkar il-Gvern Olandiż, għandu jiġi indikat li ċerti attivitajiet fiżiċi pprattikati fis-swali tal-isport jeħtieġu neċessarjament qafas li jirrendi possibbli l-prattika tagħhom jew jistgħu jiġu pprattikati biss fil-kuntest ta’ kors kollettiv. Għaldaqstant, l-aċċess għal sala tal-isport li toffri l-prattika ta’ tali attivitajiet fiżiċi, il-qafas individwali u l-korsijiet kollettivi li għalihom dan l-aċċess jagħti dritt, jidhru bħala elementi marbuta li jifformaw, bħala prinċipju, provvista waħda. Min-naħa l-oħra, kif jenfasizza l-Gvern Finlandiż, dan ma jkunx il-każ meta l-akkumpanjament personalizzat jew il-kors kollettiv, imwettqa fil-kuntest ta’ sala tal-isport, ma jirrigwardawx il-qafas jew l-akkumpanjament normali ta’ ċerti attivitajiet fiżiċi, iżda essenzjalment it-tagħlim jew it-taħriġ ta’ dixxiplina sportiva. |
32 |
Barra minn hekk, sa fejn il-formuli proposti lill-klijenti jagħtu aċċess kemm għall-bini tas-sala tal-isport fejn l-isport u l-edukazzjoni fiżika jistgħu jiġu pprattikati kif ukoll għall-korsijiet kollettivi, mingħajr ebda distinzjoni skont it-tip ta’ installazzjoni effettivament użata u l-eventwali parteċipazzjoni fil-korsijiet kollettivi, din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi indizju importanti tal-eżistenza ta’ provvista unika. F’dan il-kuntest, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni ta’ kull viżitatur dwar l-użu tal-infrastrutturi pprovduti jew il-parteċipazzjoni fil-korsijiet kollettivi offruti mill-operatur imur kontra l-għanijiet segwiti mis-sistema tal-VAT li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll l-applikazzjoni korretta u sempliċi tar-rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tal-użu ta’ faċilitajiet sportivi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex tiffaċilita l-atti inerenti għall-applikazzjoni tal-VAT, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Žamberk, C‑18/12, EU:C:2013:95, punti 32 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Għalhekk, bla ħsara għall-evalwazzjoni mwettqa b’mod definittiv mill-qorti tar-rinviju, mill-elementi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, kif ġew ippreżentati fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jirriżulta li l-akkumpanjament personalizzat u l-korsijiet kollettivi li għalihom l-aċċess għas-sala tal-isport użata minn The Escape Center jagħti dritt huma anċillari għad-dritt ta’ użu tal-installazzjonijiet ta’ din is-sala jew għall-użu effettiv ta’ dawn tal-aħħar. |
34 |
Barra minn hekk, għandu jingħad li, meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel użu mill-possibbiltà stabbilita mill-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-VAT li japplika rata mnaqqsa tal-VAT għal kategorija ta’ provvisti li jidhru fl-Anness III ta’ din id-direttiva, huwa għandu, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, il-possibbiltà li jillimita l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa tal-VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi ta’ din il-kategorija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑94/09, EU:C:2010:253, punt 28, kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2021, Phantasialand, C‑406/20, EU:C:2021:720, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Issa, il-Gvern Belġjan jindika li, permezz tal-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali Nru 20 tal‑20 ta’ Lulju 1970 u t-Taqsima XXVIII tat-Tabella A tal-Anness ta’ dan id-Digriet Irjali, il-leġiżlatur Belġjan introduċa tali limitazzjoni sabiex jipprevedi l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT biss għall-għoti tad-dritt ta’ aċċess għal faċilitajiet sportivi u għall-użu tagħhom, bl-esklużjoni ta’ kull akkumpanjament, personalizzat jew le, u ta’ kull qafas fil-forma ta’ korsijiet. Għaldaqstant, kif jippreċiża l-kummentarju amministrattiv partikolari dwar l-operat ta’ “Fitnesscenter”, adottat fl‑24 ta’ Lulju 1984, fil-każ ta’ provvista, mill-operatur ta’ sala tal-isport, ta’ tagħlim lill-persuni li jipprattikaw attivitajiet differenti, is-servizzi ta’ dan l-operatur huma suġġetti għar-rata normali tal-VAT. |
36 |
Skont dan il-gvern, tali applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT tissodisfa l-kundizzjoni doppja stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn naħa, għandha tiżola biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ provvisti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għandha tosserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑94/09, EU:C:2010:253, punt 30, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz, C‑454/12 u C‑455/12, EU:C:2014:111, punt 45). |
37 |
Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din hijiex, f’dan il-każ, applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ma jidhirx li huwa l-każ. |
38 |
Fil-fatt, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi digriet irjali, imsemmija mill-Gvern Belġjan, ma jidhrux li jiddeterminaw b’mod iktar preċiż, fost il-provvisti ta’ servizzi inklużi fil-kategorija li tinsab fil-punt 14 tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-VAT, dawk li għalihom tapplika r-rata mnaqqsa tal-VAT. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet essenzjalment jirriproduċu l-kontenut tal-imsemmi punt 14 tal-Anness III, huma ma jistgħux jitqiesu bħala li jillimitaw l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għal aspetti konkreti u speċifiċi tal-kategorija ta’ provvisti inkwistjoni. |
39 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kummentarju amministrattiv partikolari dwar l-operat ta’ “Fitnesscenter”, adottat fl‑24 ta’ Lulju 1984, għandu jiġi rrilevat li dan tal-aħħar jidher li jirrifletti biss prattika amministrattiva, peress li l-Gvern Belġjan ma jsostnix li ġiet implimentata applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix dan il-kummentarju amministrattiv u tesponi prattika amministrattiva fiskali diverġenti dwar ir-rata tal-VAT li għandha tiġi applikata għall-attività tal-operaturi li joperaw swali tal-isport. |
40 |
Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika n-natura u l-portata tal-imsemmi digriet irjali u tal-imsemmi kummentarju fid-dritt nazzjonali. |
41 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva dwar il-VAT, moqri flimkien mal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti tad-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi ta’ sala tal-isport u fil-provvista ta’ akkumpanjament individwali jew fi grupp tista’ tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa tal-VAT, meta dan l-akkumpanjament huwa marbut mal-użu ta’ dawn l-faċilitajiet u huwa meħtieġ għall-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika jew meta dan l-akkumpanjament huwa anċillari għad-dritt tal-użu tal-imsemmija faċilitajiet jew għall-użu effettiv tagħhom. |
Fuq l‑ispejjeż
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 14 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-għoti tad-dritt ta’ użu ta’ faċilitajiet sportivi ta’ sala tal-isport u fil-provvista ta’ akkumpanjament individwali jew fi grupp tista’ tiġi suġġetta għal rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, meta dan l-akkumpanjament huwa marbut mal-użu ta’ dawn l-faċilitajiet u huwa meħtieġ għall-prattika tal-isport u tal-edukazzjoni fiżika jew meta dan l-akkumpanjament huwa anċillari għad-dritt tal-użu tal-imsemmija faċilitajiet jew għall-użu effettiv tagħhom. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.