Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020CJ0159

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2022.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel – Artikolu 13 – Użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Feta” għal ġobon prodott fid-Danimarka iżda intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
    Kawża C-159/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:561

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    14 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

    “ Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (UE) Nru 1151/2012 – Skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel – Artikolu 13 – Użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Feta” għal ġobon prodott fid-Danimarka iżda intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

    Fil-Kawża C‑159/20,

    li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit‑8 ta’ April 2020

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, I. Naglis u U. Nielsen, bħala aġenti,

    rikorrent,

    sostnuta minn:

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-E. Krompa, E. Leftheriotou, E. Tsaousi u A.-E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika ta’ Ċipru, irrappreżentata minn V Christoforou u E. Zachariadou, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    vs

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. P. Brøchner Jespersen u J. Nymann-Lindegren, kif ukoll minn V. Pasternak Jørgensen, M. Søndahl Wolff u L. Teilgård, bħala aġenti,

    konvenut,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), M. Ilešič, D. Gratsias u Z. Csehi, Imħallfin, Csehi, juges,

    Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li nstemgħu l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqas milli jipprevjeni u jwaqqaf l-użu, mill-produtturi tal-ħalib Daniżi, tad-denominazzjoni “Feta” sabiex jindika ġobon mhux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ippubblikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1829/2002 tal‑14 ta’ Ottubru 2002 li jemenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 rigward l-isem “Feta” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Vol. 37, p. 195), ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).

    2

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi ttollerat li l-produtturi tal-ħalib Daniżi jipproduċu u jikkummerċjalizzaw imitazzjonijiet tal-Feta, ir-Renju tad-Danimarka kiser l-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Ir‑Regolament Nru 1829/2002

    3

    Permezz tar-Regolament Nru 1829/2002, l-isem “Feta” ġie rreġistrat fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (DOP) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala DOP.

    Ir‑Regolament Nru 1151/2012

    4

    Il-Premessi 2, 3, 5, 18, 20 u 27 tar-Regolament Nru 1151/2012 jipprovdu:

    “(2)

    Iċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-Unjoni qed jitolbu dejjem iżjed kwalità kif ukoll prodotti tradizzjonali. Huma jixtiequ wkoll iżommu d-diversità tal-produzzjoni agrikola fl-Unjoni. Dan jiġġenera domanda għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel b’karatteristiċi speċifiċi identifikabbli, b’mod partikolari dawk marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom.

    (3)

    Il-produtturi jistgħu jkomplu jipproduċu firxa varjata ta’ prodotti ta’ kwalità biss jekk huma jingħataw kumpens ġust għall-isforzi tagħhom. Għal dan, jeħtieġ li huma jkunu jistgħu jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti tagħhom taħt kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta. Jeħtiġilhom ukoll ikunu jistgħu jidentifikaw tajjeb il-prodotti tagħhom fis-suq.

    […]

    (5)

    Il-prijoritajiet tal-politika ta’ Ewropa 2020 kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, jinkludu l-għanijiet tal-kisba ta’ ekonomija kompetittiva bbażata fuq il-konoxxenza u l-innovazzjoni u tat-trawwim ta’ ekonomija b’rata għolja ta’ impjiegi li tipprovdi koeżjoni soċjali u territorjali. Għalhekk, il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli għandha tagħti lill-produtturi l-għodod adatti biex jidentifikaw aħjar u jippromwovu dawk il-prodotti tagħhom li jkollhom karatteristiċi speċifiċi, filwaqt li tħares lil dawk il-produtturi minn prattiċi żleali.

    […]

    (18)

    L-objettivi speċifiċi tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi huma li jinkiseb dħul ġust għall-bdiewa u l-produtturi għall-kwalitajiet u l-karatteristiċi ta’ prodott partikolari, jew tal-mod ta’ produzzjoni tiegħu, u li jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-prodotti li jkollhom karatteristiċi speċifiċi marbutin mal-oriġini ġeografika, u b’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar infurmati ta’ xiri.

    (20)

    Qafas tal-Unjoni li jipproteġi d-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi billi jipprevedi l-inklużjoni tagħhom f’reġistru jiffaċilita l-iżvilupp ta’ dawk l-istrumenti, għaliex l-approċċ aktar uniformi li jirriżulta jkun jiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi tal-prodotti li fuqhom ikollhom dawk l-indikazzjonijiet u jsaħħaħ il-kredibbiltà tal-prodotti f’għajnejn il-konsumatur. Għandu jkun hemm provvediment għall-iżvilupp tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fil-livell tal-Unjoni u għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ mekkaniżmi għall-protezzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (WTO) jew ta’ ftehimiet multilaterali u bilaterali, sabiex b’hekk isir kontribut għar-rikonoxximent tal-kwalità tal-prodotti u tal-mudell ta’ produzzjoni tagħhom bħala fattur li jżid il-valur.

    […]

    (27)

    L-Unjoni tinnegozja ftehimiet internazzjonali, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, mas-sħab kummerċjali tagħha. Sabiex tiffaċilita l-għoti lill-pubbliku ta’ informazzjoni dwar l-ismijiet protetti b’dan il-mod, u b’mod partikulari biex tiżgura l-protezzjoni u l-kontroll tal-użu li jsir minn dawk l-ismijiet, l-ismijiet jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru tad-[DOP] u tal-[IĠP]. Sakemm ma jkunux identifikati b’mod speċifiku bħala denominazzjonijiet tal-oriġini f’dawk il-ftehimiet internazzjonali, l-ismijiet għandhom jiddaħħlu fir-reġistru bħala [IĠP].”

    5

    Taħt it-Titolu I ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinsab l-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Objettivi”, li huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jgħin lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti u l-attributi tal-biedja ta’ dawk il-prodotti u oġġetti tal-ikel, u b’hekk jiżgura:

    (a)

    kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u għall-produtturi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li jkollhom karatteristiċi u attributi li jżidu l-valur;

    (b)

    id-disponibbiltà għall-konsumaturi ta’ informazzjoni affidabbli li tappartjeni għal dawk il-prodotti;

    (c)

    rispett għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; u

    (d)

    l-integrità tas-suq intern.

    Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma maħsubin biex jappoġġaw attivitajiet agrikoli u ta’ pproċessar kif ukoll is-sistemi tal-biedja assoċjati ma’ prodotti ta’ kwalità għolja, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika għall-iżvilupp rurali.

    2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi “skemi tal-kwalità” li jipprovdu l-bażi għall-identifikazzjoni u, fejn xieraq, għall-protezzjoni ta’ ismijiet u termini li, b’mod partikolari, jindikaw jew jiddeskrivu prodotti agrikoli li jkollhom:

    (a)

    karatteristiċi li jżidu l-valur; jew

    (b)

    attributi li jżidu l-valur b’riżultat tal-metodi tal-biedja jew tal-ipproċessar użati fil-produzzjoni tagħhom, jew tal-post tal-produzzjoni jew kummerċjalizzazzjoni tagħhom.”

    6

    Taħt it-Titolu II tal-imsemmi regolament, intitolat “[DOP] u [IĠP]”, hemm inkluż l-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Objettiv”, li jipprevedi:

    “B’dan hija stabbilita skema għad-[DOP] u għall-[IĠP] sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti relattivi għal żona ġeografika billi:

    (a)

    tiżgura li jkollhom dħul ġust għall-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom;

    (b)

    tiżgura li jkun hemm protezzjoni uniformi tal-ismijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni;

    (c)

    tipprovdi lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar l-attributi li jżidu l-valur tal-prodott.”

    7

    L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1151/2012, intitolat “Ismijiet, simboli u indikazzjonijiet”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Id-[DOP] u l-[IĠP] jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.”

    8

    L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni”, jipprevedi:

    “1.   L-ismijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

    (a)

    kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dak l-isem jew fejn l-użu tal-isem ikun qed jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem protett, inkluż f’każijiet meta dawn il-prodotti jintużaw bħala ingredjenti;

    (b)

    kwalunkwe użu skorrett, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodotti jew tas-servizzi hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat b’espressjoni bħal “stil”, “tip”, “metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni” jew xi espressjoni simili, inkluż il-każ meta dawk il-prodotti jintużaw bħala ingredjent;

    (c)

    kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott li tintuża fuq il-pakkett minn ġewwa jew minn barra, fuq il-materjal ta’ riklamar jew fuq dokumenti relatati mal-prodott ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jista’ jagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

    (d)

    kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu passi amministrattivi u ġudizzjarji adatti biex jimpedixxu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ [DOP] u ta’ [IĠP], kif imsemmi fil-paragrafu 1, li huma prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru.

    […]”

    9

    L-Artikolu 36 tar-regolament imsemmi, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU 2017, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 137, p. 40). jipprevedi:

    “Il-kontrolli uffiċjali [mwettqa skont ir-Regolament Nru 2017/625] għandhom ikopru:

    (a)

    verifika li prodott ikun konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti; u

    (b)

    monitoraġġ tal-użu tal-ismijiet irreġistrati biex jiġi deskritt prodott imqiegħed fis-suq, f’konformità mal-Artikolu 13 għall-ismijiet irreġistrati taħt it-Titolu II u f’konformità mal-Artikolu 24 għall-ismijiet irreġistrati taħt it-Titolu III.”

    10

    Skont l-Artikolu 37(1) tal-istess regolament, kif emendat bir-Regolament Nru 2017/625:

    “Fir-rigward tad-[DOP], l-[IĠP] u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jindikaw prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, il-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq, għandha tiġi mwettqa minn:

    (a)

    waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmija fl-Artikolu 4 [tar-Regolament 2017/625]; u/jew

    (b)

    korpi delegati kif definiti fl-Artikolu 3(5) tar-[Regolament 2017/625]

    […]”

    Ir‑Regolament (UE) Nru 608/2013

    11

    Ir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 2).

    “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (1)

    “dritt ta’ proprjetà intellettwali” tfisser: |

    […]

    (d)

    indikazzjoni ġeografika;

    […]

    (4)

    “indikazzjoni ġeografika” tfisser:

    (a)

    [IĠP] jew [DOP] għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel kif previst fir-[Regolament Nru 1151/2012];

    […]”

    Il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    12

    L-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li impriżi li għandhom is-sede tagħhom fid-Danimarka kienu jesportaw ġobon lejn pajjiżi terzi taħt id-denominazzjonijiet “Feta”, “Feta Daniż” u “ġobon Feta Daniż” minkejja li dan il-prodott ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tad-DOP “Feta”.

    13

    Minkejja t-talbiet tal-awtoritajiet Griegi, l-awtoritajiet Daniżi rrifjutaw li jtemmu din il-prattika, billi kkunsidraw li din ma kinitx tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, peress li, fil-fehma tagħhom, ir-Regolament Nru 1151/2012 japplika biss għall-prodotti mibjugħa fit-territorju tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma jipprojbixxix lill-impriżi Daniżi milli jużaw id-denominazzjoni “Feta” sabiex jindikaw ġobon Daniż esportat lejn pajjiżi terzi fejn dan l-isem ma huwiex protett.

    14

    Fis‑26 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tad-Danimarka ittra ta’ intimazzjoni li tgħid li dan l-Istat Membru, billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf il-ksur ikkostitwit mill-imsemmija prattika, kiser id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, u kiser l-Artikolu 4(3) TUE.

    15

    Peress li r-Renju tad-Danimarka rrisponda li ma kienx jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ħarġet, fil‑25 ta’ Jannar 2019, opinjoni motivata li fiha talbet lil dan l-Istat Membru jtemm dan il-ksur u dan il-ksur.

    16

    Ir-Renju tad-Danimarka rrisponda għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Marzu 2019 li fiha huwa żamm il-pożizzjoni tiegħu.

    17

    Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

    18

    Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta’ Ċipru ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 u tat‑18 ta’ Settembru 2020.

    Fuq ir‑rikors

    19

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 u li kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

    L‑ewwel ilment ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 13 tar‑Regolament Nru 1151/2012

    L-argumenti tal-partijiet

    20

    Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 1151/2012 jipprevedi protezzjoni estiża tal-ismijiet irreġistrati. Sabiex tiġi ggarantita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-Artikolu 12(1) tagħha jagħti lill-operaturi dritt pożittiv ta’ użu ta’ isem irreġistrat jekk il-prodotti kkonċernati jkunu konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott applikabbli. L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, min-naħa tiegħu, protezzjoni “negattiva”, billi jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-użu ta’ isem irreġistrat huwa illegali u, b’mod iktar preċiż, billi jipprojbixxi espressament il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti ffalsifikati, jiġifieri ta’ prodotti li għalihom DOP jew IĠP hija użata minkejja li ma jkunux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tipproteġi l-produtturi li jkunu għamlu sforzi sabiex jiggarantixxu l-kwalitajiet mistennija tal-prodotti koperti minn DOP jew IĠP.

    21

    Konsegwentement, meta impriżi Daniżi jużaw id-DPO “Feta” sabiex jindikaw ġobon prodott mill-ħalib tal-baqar u barra miż-żona ġeografika msemmija fir-Regolament Nru 1829/2002, li huma jesportaw lejn pajjiżi terzi, huma jiksru l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.

    22

    Din il-konklużjoni hija konformi mal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, li minnhom jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jagħtu d-denominazzjonijiet irreġistrati u sabiex jiggarantixxi li l-prodotti li jgawdu minn tali protezzjoni jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali. Il-premessi 3, 5 u 18 tal-imsemmi regolament jenfasizzaw ir-rwol fundamentali tal-ismijiet irreġistrati sabiex joħolqu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali bejn l-impriżi tal-Unjoni, sabiex jikkomunikaw b’mod ċar il-karatteristiċi tal-prodotti ta’ kwalità sabiex jiġi ggarantit li l-produtturi tagħhom jiksbu prezz ġust li jkopri l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom u sabiex tiġi evitata kompetizzjoni żleali tal-impriżi li jużaw illegalment tali ismijiet u jippreġudikaw ir-reputazzjoni tagħhom kif ukoll il-valur tagħhom.

    23

    Huwa wkoll indifferenti li prodotti li jużaw illegalment DOP jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni jew jiġu esportati lejn pajjiżi terzi. Fil-fatt, il-prattika tal-impriżi Daniżi tagħtihom il-possibbiltà, bi ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, li jgawdu minn vantaġġi indebiti għad-detriment tal-isforzi magħmula mill-bdiewa u mill-impriżi li jipproduċu l-Feta awtentika u jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ użu illegali ta’ isem irreġistrat, jiġifieri l-użu kummerċjali dirett u l-isfruttament tar-reputazzjoni tad-DOP, l-użu illegali tad-DOP kif ukoll ix-xebh bejn il-Feta awtentika u l-prodott inkwistjoni permezz tal-indikazzjoni qarrieqa tal-oriġini tal-prodott li tidher b’mod partikolari fuq il-pakkett.

    24

    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li din il-prattika tikkostitwixxi ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali protett mill-Unjoni u li d-detenturi tiegħu huma bdiewa tal-Unjoni. Dan il-ksur iseħħ fit-territorju tal-Unjoni, fejn il-ġobon ittikkettjat illegalment bħala li huwa tal-Feta huwa mmanifatturat minn produtturi tal-Unjoni. Hija toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-Unjoni u tipproduċi fiha l-effetti negattivi tagħha.

    25

    Għalhekk, billi naqas milli jieħu miżuri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jipprevjeni jew jwaqqaf il-produzzjoni fit-territorju tiegħu u l-bejgħ ta’ falsifikazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jiżgura protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li tikkostitwixxi għan importanti ta’ dan ir-regolament, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tiegħu u mill-għażla tal-Artikolu 118 TFUE bħala bażi legali. Dan ifixkel serjament il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jipprekludi t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

    26

    Ir-Repubblika Ellenika, filwaqt li ssostni l-pożizzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, issostni b’mod partikolari li l-kliem tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 huwa ċar sa fejn jipprojbixxi l-ksur ta’ prodotti koperti minn DOP, tkun xi tkun id-destinazzjoni tagħhom, peress li ebda element ta’ dan ir-regolament ma jagħmel distinzjoni bejn il-prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u dawk intiżi għas-suq intern.

    27

    Hija tenfasizza li l-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa d-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, li ma kellhiex ekwivalenti fir-regolamenti preċedenti, bil-għan li tissimplifika u ssaħħaħ is-sistema ta’ protezzjoni tad-DPO u tal-IĠP, billi timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw ex officio l-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu jew jipprevjenu l-użu żleali tad-DOP fir-rigward tal-prodotti li huma mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati fit-territorju tagħhom. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tirrendi kull Stat Membru responsabbli għall-osservanza tar-Regolament Nru 1151/2012 fit-territorju tiegħu u tiddefinixxi l-portata tal-projbizzjoni tal-użu inġust tad-DOP.

    28

    Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1151/2012 jiddefinixxi, fl-Artikoli 36 u 37 tiegħu, il-proċeduri relatati mal-kontrolli li għandhom iwettqu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità ta’ prodott mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti qabel it-tqegħid fis-suq tal-prodott, li jikkonferma li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellu ebda intenzjoni li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni u intiżi sabiex jitqiegħdu fis-suq ta’ Stat terz. Barra minn hekk, interpretazzjoni oħra tagħmel kull stħarriġ impossibbli.

    29

    Ir-Repubblika Ellenika tenfasizza wkoll li r-Regolament Nru 1151/2012 jiddefinixxi espressament u b’mod ċar l-għanijiet tiegħu fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 4 tiegħu, li minnhom jirriżulta li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jgħin lill-produtturi jiksbu remunerazzjoni ekwa għall-isforzi li huma jużaw u l-ispejjeż li huma jesponu sabiex jiggarantixxu l-osservanza tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott f’termini ta’ kwalità, u li dan l-għan jintlaħaq permezz ta’ kompetizzjoni leali bejn il-produtturi, id-disponibbiltà għall-konsumaturi ta’ informazzjoni affidabbli u r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    30

    Ir-Repubblika ta’ Ċipru, filwaqt li tappoġġja wkoll il-pożizzjoni u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, issostni b’mod partikolari li r-Regolament Nru 1151/2012 jistabbilixxi sistema eżawrjenti għall-protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP bħala drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet ma hijiex stabbilita fil-fruntieri tas-suq intern, kif jirriżulta min-natura ta’ tali drittijiet, tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 36 tiegħu, u tar-Regolament Nru 608/2013. Ir-Renju tad-Danimarka huwa għalhekk obbligat iwettaq kontrolli fis-suq tiegħu skont il-modalitajiet previsti mid-dritt tal-Unjoni u mhux li jiffavorixxi l-ksur u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ffalsifikati bħall- “Feta Daniż”.

    31

    Skont dan l-Istat Membru, il-produzzjoni fi Stat Membru u l-esportazzjoni ta’ prodotti li jirrigwardaw l-imballaġġ tagħhom l-indikazzjoni ta’ DOP li huma ma josservawx l-ispeċifikazzjonijiet tagħha taqa’ taħt użu kummerċjali kif previst fl-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, imwettaq fit-territorju tal-Unjoni. Issa, mill-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jipproteġu d-DOP kontra l-prattiki ddefiniti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu mhux biss f’dak li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fit-territorju tagħhom, iżda wkoll f’dak li jirrigwarda l-produzzjoni tagħhom. L-allegazzjoni tar-Renju tad-Danimarka dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà territorjali tal-imsemmi regolament hija għalhekk infondata.

    32

    Barra minn hekk, il-prassi tal-awtoritajiet Daniżi tmur kontra l-ispirtu tar-Regolament Nru 1151/2012 u l-protezzjoni tad-DOP stess bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali u tippreġudika l-perspettivi ta’ protezzjoni internazzjonali tad-DOP, fatt li jmur ukoll kontra l-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament.

    33

    Ir-Renju tad-Danimarka, li jitlob li r-rikors jiġi miċħud, jikkontesta l-ewwel ilment tal-Kummissjoni billi jsostni li r-Regolament Nru 1151/2012 ma japplikax għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

    34

    Huwa jsostni, fl-ewwel lok, li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-obbligi tal-Istati Membri previsti minn dan ir-regolament japplikawx biss għall-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jew jekk jestendux għall-prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, peress li dan ir-regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni li ssemmi dawn l-esportazzjonijiet.

    35

    F’dan ir-rigward, ir-Renju tad-Danimarka josserva li, b’differenza mir-Regolament Nru 1151/2012, regolamenti oħra li huma relatati mill-qrib miegħu, bħar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU 2014, L 84, p. 14, rettifika fil-ĠU 2014, L 105, p. 12 u fil-ĠU 2020, L 182, p. 11), ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16), ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, fil-ĠU 2020, L 1, p. 5), jipprevedu espressament li r-regoli li jipprovdu japplikaw għal prodotti manifatturati fl-Unjoni għal skopijiet ta’ esportazzjoni, li jkun indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma qiesx xieraq li jadotta tali regola billi jadotta r-Regolament Nru 1151/2012.

    36

    Fit-tieni lok, mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1151/2012 jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jimplementa sistema ta’ protezzjoni favur prodotti mqiegħda fis-suq intern. Fil-fatt, jidher ċar mill-Artikolu 1(1), moqri flimkien mal-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, li dan l-artikolu jirreferi għax-xerrejja u għall-konsumaturi tal-Unjoni. Dan huwa kkorroborat mill-Artikolu 1(1)(d) tal-imsemmi regolament, li minnu jirriżulta li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodotti u l-proprjetajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti u tal-prodotti tal-ikel jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita l-integrità tas-suq intern. Minbarra li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012, dan l-Artikolu 1 l-indikazzjonijiet tal-preambolu ta’ dan ir-regolament juru li l-għan tal-protezzjoni mogħtija minnu huma l-prodotti li jitqiegħdu fis-suq intern. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-Artikolu 13(1)(d) tal-imsemmi regolament li jipprevedi li d-denominazzjonijiet irreġistrati għandhom jiġu protetti kontra kull prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur, jiġifieri l-konsumatur tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-oriġini vera tal-prodott.

    37

    Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1151/2012 jagħmel distinzjoni ċara bejn il-miżuri ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP li jistgħu jiġu applikati fuq livell tal-Unjoni u dawk li għandhom jiġu applikati sabiex tiġi ggarantita protezzjoni simili fil-pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, mill-premessa 20 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li protezzjoni paragunabbli fil-pajjiżi terzi tippresupponi l-ħolqien ta’ mekkaniżmi fil-kuntest tad-WTO jew ta’ ftehimiet multilaterali u bilaterali.

    38

    Skont ir-Renju tad-Danimarka, l-għan tar-Regolament Nru 1151/2012 li jikkonsisti fil-garanzija tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali għall-produtturi ta’ prodotti li jużaw DOP jew IĠP ma jippermettix li l-protezzjoni prevista minn dan ir-regolament tiġi estiża għal swieq esterni tal-Unjoni. Ir-rabta bejn dan l-għan u l-konsumaturi tal-Unjoni tirriżulta b’mod ċar mill-premessa 3 tal-imsemmi regolament li turi li l-mezz sabiex il-produtturi jiġu kkumpensati b’mod ġust tal-isforzi tagħhom huwa li jitqiegħdu fuq il-prodotti indikazzjonijiet li jippermettu lill-konsumaturi li jirrikonoxxuhom fis-suq, peress li l-“konsumaturi” huma mifhuma bħala l-konsumaturi tal-Unjoni u s-“suq” bħala s-suq intern.

    39

    Fit-tielet lok, ir-Renju tad-Danimarka josserva li r-Regolament Nru 1151/2012 ma jittrattax id-destin riservat għad-DOP u l-IĠP ta’ prodotti manifatturati fl-Unjoni iżda intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, filwaqt li, fil-ħidma preparatorja ta’ qabel l-adozzjoni tiegħu, minn naħa, il-Kumitat tar-Reġjuni kien irrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri preċiżi sabiex jiġi evitat il-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti li l-ittikkettar tagħhom ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ kwalità applikabbli għall-prodotti agrikoli tal-Unjoni u, naħa l-oħra, il-Parlament Ewropew kien ippropona li tiddaħħal, fl-Artikolu 13, dispożizzjoni li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati biex tiddefinixxi l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw sabiex jiġi evitat mhux biss il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, iżda wkoll l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta’ prodotti li t-tikkettar tagħhom ma jkunx konformi mar-Regolament. Dawn iċ-ċirkustanzi jsostnu, fil-fehma tiegħu, interpretazzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 huwa limitat għall-prodotti mqiegħda fis-suq intern, billi juru li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrinunzja li jirregola f’dan ir-regolament il-kwistjoni tat-trattament irriżervat għall-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni iżda intiżi li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi.

    40

    Bl-istess mod, l-interpretazzjoni li l-obbligu tal-Istati Membri li jipprevjenu jew li jadottaw l-użu illegali ta’ DOP u IĠP ma japplikax għall-prodotti intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi hija sostnuta mis-sitwazzjoni preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1151/2012. Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena (C‑432/18, EU:C:2019:1045, punt 27), is-sistema ta’ protezzjoni tal-IĠP u tad-DOP ta’ prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel li kienu jipprevedu r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74 u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38), ġiet inkorporata mingħajr bidla sostantiva fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012.

    41

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex espressament f’dan ir-regolament li l-obbligi tal-Istati Membri abbażi tiegħu jestendu għall-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni iżda intiżi li jiġu kkummerċjalizzati f’pajjiżi terzi.

    42

    Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jindika, f’dak li jirrigwarda l-kliem tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012, li huwa jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-kelma “prodotti” li tidher fiha turi li huwa diġà fil-mument meta l-ġobon jiġi prodott li l-awtoritajiet Daniżi għandhom l-obbligu li jipprekludu l-użu tad-DOP “Feta”. Huwa jsostni li dan l-obbligu huwa impost, madankollu, fil-każ ta’ użu illegali ta’ denominazzjoni protetta, li jkun il-każ meta l-ġobon ikun intiż li jiġi kkummerċjalizzat u kkunsmat fis-suq intern, iżda mhux meta dan il-ġobon ikun intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz. Din il-konklużjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan ta’ dan ir-regolament, kif iddefinit fl-Artikolu 4 tiegħu, li jikkonsisti f’li tiġi ggarantita protezzjoni uniformi tad-denominazzjonijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali “fit-territorju tal-Unjoni”.

    43

    Dan l-Istat Membru jżid li huwa minnu li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija biss għan fost diversi għanijiet tal-istess valur, iżda li l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ma tikkostitwixxix l-għan prinċipali ta’ dan ir-regolament. Il-fatt li dan huwa intiż b’mod partikolari sabiex jiżgura tali protezzjoni ma jippermettix fih innifsu li jiġi konkluż li din tal-aħħar testendi lil hinn mis-suq intern.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    44

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lir-Renju tad-Danimarka talli naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, peress li naqas milli jadotta l-miżuri xierqa sabiex jipprevjeni jew jadotta l-użu, minn produtturi tal-ħalib Daniżi, tad-denominazzjoni “Feta” sabiex jindika ġobon prodott fit-territorju tiegħu mill-ħalib tal-baqar, u għalhekk ma ssodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Feta”, li huwa esportat lejn pajjiżi terzi.

    45

    Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tad-Danimarka ma jinnegax il-prassi li hija akkużata biha mill-Kummissjoni. Madankollu, dan l-Istat Membru jikkontesta li din il-prattika tikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ma jestendix għall-prodotti esportati lejn pajjiżi terzi, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni, fil-fehma tiegħu, li jestendi l-projbizzjoni tal-użu tad-DOP għal prodotti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli esportati lejn pajjiżi terzi meta l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim multilaterali jew bilaterali fil-qasam tal-protezzjoni tad-DOP.

    46

    Konformement ma ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub), C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, mill-paragrafu 1(a) tiegħu jirriżulta li huwa pprojbit “kwalunkwe użu kummerċjali, dirett jew indirett, ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni fejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti rreġistrati taħt dak l-isem jew fejn l-użu tal-isem ikun qed jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem protett”. Mill-użu tal-kliem “kwalunkwe użu” jirriżulta li ma huwiex eskluż minn din il-projbizzjoni l-użu ta’ denominazzjoni rreġistrata sabiex jiġu indikati prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni li huma mmanifatturati fl-Unjoni u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    48

    Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu “ passi amministrattivi u ġudizzjarji adatti biex jimpedixxu jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ [DOP] u ta’ [IĠP], kif imsemmi fil-paragrafu 1, li huma prodotti jew kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru”. L-aħħar konġunzjoni “jew” tindika li dan l-obbligu ma japplikax biss għall-prodotti kkummerċjalizzati fit-territorju tal-Istat Membru, iżda wkoll għal dawk li huma mmanifatturati hemmhekk. Dawn it-termini jikkonfermaw għalhekk li ma huwiex eskluż mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament l-użu ta’ denominazzjoni rreġistrata sabiex jiġu indikati prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni li huma mmanifatturati fl-Unjoni u intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    49

    Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li produtturi Daniżi jagħmlu użu kummerċjali dirett, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012 tad-DOP “Feta” sabiex jindikaw ġobon li huma jipproduċu fit-territorju tar-Renju tad-Danimarka u li, għaldaqstant, ma huwiex kopert mir-reġistrazzjoni ta’ din id-DOP, u li l-awtoritajiet Daniżi ma jieħdu ebda miżura amministrattiva jew ġudizzjarja sabiex jipprevjenu jew jadottaw dan l-użu.

    50

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni, dan ir-regolament ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, li jawtorizza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jistabbilixxu, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern, il-miżuri dwar il-ħolqien ta’ titoli Ewropej sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fl-Unjoni.

    51

    Huwa għalhekk bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali li d-DOP u l-IĠP huma protetti mir-Regolament Nru 1151/2012 u speċjalment mill-Artikolu 13 tiegħu, kif jikkonferma l-Artikolu 4(b) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li sistema ta’ DOP u IĠP hija stabbilita sabiex tgħin lill-produtturi ta’ prodotti marbuta ma’ żona ġeografika billi tiggarantixxi protezzjoni uniformi tad-denominazzjonijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni. Id-DOP u l-IĠP, kif osservat ir-Repubblika ta’ Ċipru, jaqgħu wkoll taħt id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għall-finijiet tar-Regolament Nru 608/2013, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1)(d) u (4)(a) tiegħu.

    52

    Issa, l-użu ta’ DOP jew ta’ IĠP sabiex jiġi indikat prodott immanifatturat fit-territorju tal-Unjoni li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli jippreġudika fl-Unjoni d-dritt ta’ proprjetà intellettwali li tikkostitwixxi din id-DOP jew din l-IĠP, anki jekk dan il-prodott huwa intiż għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    53

    Barra minn hekk, fir-rigward ukoll tal-kuntest tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 36 u 37 tiegħu, kif emendati bir-Regolament 2017/625, jimponu b’mod partikolari fuq l-Istati Membri li jiżguraw fit-territorju tagħhom verifika tal-konformità tal-prodott mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti, u dan qabel it-tqegħid tiegħu fis-suq. Dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ma jeskludux minn din il-verifika l-prodotti intiżi għall-esportazzjoni, jikkonfermaw li l-obbligu għall-Istati Membri, previst fl-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament, li jieħdu l-miżuri amministrattivi jew ġudizzjarji xierqa sabiex jipprevjenu jew jadottaw l-użu illegali ta’ DOP jew IĠP japplika wkoll għal tali prodotti.

    54

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi osservat li dawn huma ddefiniti b’mod ċar fl-Artikoli 1 u 4 tiegħu. Skont l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jgħin lill-produtturi ta’ prodotti agrikoli u ta’ prodotti tal-ikel jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti u tal-proprjetajiet ta’ dawn il-prodotti u tal-prodotti tal-ikel billi jiggarantixxi b’dan il-mod kompetizzjoni leali għall-bdiewa u għall-produtturi li l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel tagħhom għandhom karatteristiċi u proprjetajiet li jagħtuhom valur miżjud, id-disponibbiltà għall-konsumaturi ta’ informazzjoni affidabbli dwar dawn il-prodotti, l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-integrità tas-suq intern. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tad-DOP u tal-IĠP, l-għan huwa, skont it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-produtturi ta’ prodotti marbuta ma’ żona ġeografika jiġu megħjuna billi jiġi żgurat dħul ġust fir-rigward tal-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom, billi tiġi ggarantita protezzjoni uniformi tad-denominazzjonijiet bħala dritt ta’ proprjetà intellettwali fit-territorju tal-Unjoni u billi l-konsumaturi jingħataw informazzjoni ċara dwar il-proprjetajiet tal-prodott li jagħtuh valur miżjud.

    55

    Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 1151/2012 tindika wkoll li, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP, l-għanijiet speċifiċi huma li jiżguraw dħul ġust għall-bdiewa u għall-produtturi fid-dawl tal-kwalitajiet u tal-karatteristiċi ta’ prodott partikolari jew tal-metodu ta’ produzzjoni tiegħu u li jipprovdu informazzjoni ċara dwar il-prodotti li għandhom karatteristiċi speċifiċi marbuta mal-oriġini ġeografika, b’mod li jippermetti lill-konsumaturi jieħdu d-deċiżjoni tagħhom li jixtru b’għarfien aħjar tal-fatti.

    56

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP hija intiża essenzjalment li tiżgura lill-konsumaturi li l-prodotti agrikoli li għandhom denominazzjoni rreġistrata jkollhom, minħabba l-provenjenza tagħhom minn żona ġeografika speċifika, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforz kwalitattiv reali li jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi japprofittaw ruħhom abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier,C‑490/19, EU:C:2020:1043, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll, b’analoġija, tad‑9 ta’ Settembru 2021, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne,C‑783/19, EU:C:2021:713, punt 49).

    57

    Peress li r-Renju tad-Danimarka jsostni li minn dawn l-għanijiet jirriżulta li r-Regolament Nru 1151/2012 huwa intiż li jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP għall-prodotti mqiegħda fis-suq intern, peress li l-konsumaturi kkonċernati huma dawk tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li huma, ċertament, dawn il-konsumaturi u mhux dawk ta’ pajjiżi terzi li huma koperti minn dan ir-regolament. Fil-fatt, dan tal-aħħar, adottat abbażi tal-Artikolu 118 TFUE, jikkonċerna l-funzjonament tas-suq intern u jirrigwarda, kif josserva dan l-Istat Membru, l-integrità tas-suq intern u l-informazzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni.

    58

    Għandu jiġi osservat ukoll li l-għan li l-konsumaturi jiġu informati u dak li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-produtturi jkollhom dħul ġust fir-rigward tal-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom jippreżentaw rabta, peress li l-informazzjoni lill-konsumaturi għandha b’mod partikolari l-għan, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li tippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforzi kwalitattivi reali jiksbu inkambju għal dħul aħjar.

    59

    Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-għan li jiġi żgurat li l-produtturi tad-dħul ġust fir-rigward tal-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom jikkostitwixxi fih innifsu, kif jirriżulta mill-premessa 18 u mill-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 1151/2012, għan imfittex minn dan ir-regolament. L-istess japplika għall-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stabbilit fl-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament.

    60

    Issa, huwa ċar li l-użu tad-DOP “Feta” sabiex jindika prodotti mmanifatturati fit-territorju tal-Unjoni li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP jippreġudika, anki jekk dawn il-prodotti huma intiżi li jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, dawn iż-żewġ għanijiet.

    61

    Għalhekk, kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 kif ukoll mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament jirriżulta li, kif issostni l-Kummissjoni, tali użu jaqa’ taħt l-aġir ipprojbit mill-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

    62

    L-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra mressqa mir-Renju tad-Danimarka ma jista’ jikkontesta din l-interpretazzjoni.

    63

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-fatt li r-Regolament Nru 1151/2012, b’differenza minn regolamenti oħra li jaqgħu fil-qasam tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet u tal-indikazzjonijiet irreġistrati, bħar-Regolamenti Nri 110/2008 u 251/2014, ma jipprevedix espressament li dan japplika wkoll għall-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni għal finijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet u tal-indikazzjonijiet irreġistrati, li jagħmlu parti mill-politika orizzontali tal-Unjoni fil-qasam tal-kwalità, għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni li tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 32). Issa, interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1151/2012 fis-sens li dan jeskludi l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mill-protezzjoni li huwa jistabbilixxi, filwaqt li r-Regolamenti Nri 110/2008 u 251/2014 invokati mir-Renju tad-Danimarka jiggarantixxu l-istess protezzjoni għall-prodotti koperti minnhom, inkluż meta dawn jiġu prodotti fl-Unjoni għal finijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, ma tissodisfax dan ir-rekwiżit ta’ koerenza, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ tali differenza.

    64

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-allegazzjoni bbażata fuq il-premessi 20 u 27 tar-Regolament Nru 1151/2012, għandu jiġi enfasizzat li dawn bl-ebda mod ma jistgħu jinftiehmu fis-sens li l-protezzjoni tal-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni u esportati lejn il-pajjiżi terzi hija suġġetta għall-eżistenza ta’ mekkaniżmu previst għal dan il-għan fil-kuntest tad-WTO jew ta’ ftehimiet multilaterali jew bilaterali. Fil-fatt, dawn tal-aħħar għandhom l-għan li jiżguraw tali protezzjoni minn u fil-pajjiżi terzi, filwaqt li r-Regolament Nru 1151/2012 jipprevedi sistema ta’ protezzjoni uniformi u eżawrjenti għad-DOP u l-IĠP fl-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 114).

    65

    F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-elementi invokati mir-Renju tad-Danimarka dwar l-oriġini tar-Regolament Nru 1151/2012 u s-sitwazzjoni preċedenti għall-adozzjoni tiegħu, għandu jiġi osservat li, minn naħa, il-fatt li r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-proposta tal-Parlament Ewropew imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza ma wasslux sabiex jiġi indikat espressament, f’dan ir-regolament, li dan japplika wkoll għall-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni għal finijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-leġiżlatur tal-Unjoni finalment irrinunzja li jinkludi dawn il-prodotti fl-ambitu tiegħu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-paragun tas-sistema ta’ protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel, li tirriżulta mir-Regolament Nru 2081/92 u sussegwentement mir-Regolament Nru 510/2006, ma’ dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 1151/2012 ma juri ebda element li jsostni l-allegazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta dan tal-aħħar, kellu l-intenzjoni jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-prodotti esportati lejn pajjiżi terzi.

    66

    Fl-aħħar nett, fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, ir-Regolament Nru 1151/2012 ma jsemmix espressament li dan japplika wkoll għall-prodotti mmanifatturati fl-Unjoni għal finijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura ġenerali u inekwivoka tal-Artikoli 13, 36 u 37 tar-Regolament Nru 1151/2012, li ma jipprevedu ebda deroga fir-rigward ta’ tali prodotti, u tal-fatt li l-għanijiet imsemmija fil-punt 59 ta’ din is-sentenza huma msemmija b’mod ċar fl-Artikoli 1 u 4 ta’ dan ir-regolament, jidher li l-Artikolu 13(3) tiegħu huwa ċar u nieqes minn ambigwità sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri amministrattivi u ġudizzjarji xierqa intiżi sabiex jipprevjenu jew jadottaw l-użu ta’ DOP jew ta’ IĠP li huma intiżi sabiex jindikaw prodotti ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli li huma mmanifatturati fit-territorju tagħhom, inkluż meta dawn il-prodotti jkunu intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    67

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, billi naqas milli jipprevjeni u jwaqqaf tali użu mwettaq fit-territorju tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.

    68

    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

    Fuq it‑tieni lment, ibbażat fuq ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali

    L‑argumenti tal‑partijiet

    69

    Il-Kummissjoni ssostni li, billi ttollerat li produtturi tal-ħalib Daniżi jipproduċu u jikkummerċjalizzaw ġobon li juża d-DOP “Feta”, ir-Renju tad-Danimarka kiser l-Artikolu 4(3) TUE, flimkien mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012. Fil-fatt, minn naħa, dan l-Istat Membru deliberatament kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, jew saħansitra inkoraġġixxa l-użu illegali ta’ din id-DOP. B’hekk huwa pperikola t-twettiq tal-għanijiet tagħha, jiġifieri li tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta għall-bdiewa u għall-produtturi li l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel tagħhom għandhom karatteristiċi u proprjetajiet li jagħtuhom valur miżjud, li tgħin lill-produtturi ta’ prodotti marbuta ma’ żona ġeografika sabiex jirċievu dħul ġust fir-rigward tal-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom, u tiggarantixxi protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għad-denominazzjonijiet protetti kollha fit-territorju tal-Unjoni.

    70

    Min-naħa l-oħra, ir-Renju tad-Danimarka, billi naqas milli jipprevjeni jew iwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tad-DOP “Feta” li jseħħ meta produtturi tal-ħalib Daniżi jesportaw lejn pajjiżi terzi tal-ġobon li juża illegalment din id-DOP, idgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati internazzjonali intiżi sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tas-sistemi ta’ kwalità tal-Unjoni, billi ppreġudika l-koerenza tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni.

    71

    B’risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni sostniet li r-Renju tad-Danimarka ġab prova ta’ aġir li l-effetti tiegħu jmorru lil hinn min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu materjali li jirriżulta mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.

    72

    Ir-Repubblika Ellenika tenfasizza b’mod partikolari li l-konsegwenzi tal-prattika implimentata mir-Renju tad-Danimarka huma gravi, kemm fuq livell nazzjonali, għall-produtturi ta’ Feta, kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, fil-kuntest tan-negozjati internazzjonali. Hija tqis li l-aġir imsemmi minn dan l-ilment tal-Kummissjoni huwa distint mill-aġir li jikkonsisti fi ksur tal-obbligi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012. Fil-fatt, dan l-Istat Membru evita b’mod sistematiku, u għal żmien twil, l-obbligi tiegħu billi eċċepixxa l-argument, dilatorju u abbużiv, li jgħid li l-prodotti inkwistjoni kienu intiżi għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, u ma ħa ebda miżura sabiex iħassar il-konsegwenzi illegali ta’ dan l-aġir illegali.

    73

    Ir-Repubblika ta’ Ċipru tqis ukoll li l-prattika inkwistjoni taffettwa l-perspettivi ta’ protezzjoni internazzjonali tad-DOP. Din il-prassi tikkontribwixxi, fil-fatt, sabiex DOP ssir, f’pajjiżi terzi, denominazzjoni ġenerika, u b’hekk tnaqqas is-setgħa ta’ nnegozjar tal-Kummissjoni. It-tolleranza murija mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward ta’ din il-prattika tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4(3) TUE. Hemm lok li jiġi kkonstatat dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 ma humiex ċari fir-rigward tal-kontroll tal-prodotti kkummerċjalizzati fil-pajjiżi terzi.

    74

    Ir-Renju tad-Danimarka jiċħad dan l-ilment billi jsostni li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma jistax jitqies li nkiser la fil-kuntest tal-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1151/2012, u lanqas b’mod awtonomu, peress li nuqqas ta’ qbil fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jikkostitwixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jqis li l-aġir imsemmi fiż-żewġ ilmenti fformulati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tiegħu huwa l-istess.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    75

    Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE jista’ jiġi kkonstatat biss sa fejn dan jirrigwarda aġir distint minn dak li jikkostitwixxi l-ksur tal-obbligi speċifiċi li l-Istat Membru huwa akkużat bih [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il-Kummissjoni vs Is-Slovenja (Arkivji tal-BĊE), C‑316/19, EU:C:2020:1030, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    76

    Issa, għandu jiġi kkonstatat f’dan il-każ li l-ilment tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sa fejn, permezz tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka huwa akkużat li kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1151/2012 u li b’hekk qiegħed f’perikolu t-twettiq tal-għanijiet imfittxija minnu, jirrigwarda l-istess aġir bħal dak li huwa s-suġġett tal-ewwel ilment, jiġifieri n-nuqqas li jipprevjeni u jwaqqaf l-użu, mill-produtturi Daniżi, tad-DOP “Feta” sabiex jidentifika l-ġobon ma huwiex konformi mal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli.

    77

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabilixxitx li r-Renju tad-Danimarka kien, mod ieħor barra b’din l-ommissjoni, inkoraġġixxa l-użu illegali tad-DOP “Feta”.

    78

    Bl-istess mod, għalkemm, ċertament, l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, minn produtturi tal-Unjoni, ta’ prodotti li jużaw illegalment DOP hija ta’ natura li ddgħajjef il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati internazzjonali intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tas-sistemi ta’ kwalità tal-Unjoni, ma huwiex stabbilit li, kif l-Avukat Ġenerali essenzjalment tirrileva fil-punt 95 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Renju tad-Danimarka wettaq azzjonijiet jew għamel dikjarazzjonijiet li jista’ jkollhom din il-konsegwenza, li jikkostitwixxu aġir distint minn dak li huwa s-suġġett tal-ewwel ilment.

    79

    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

    80

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu, minn naħa, jiġi kkonstatat li, billi naqas milli jipprevjeni u jwaqqaf l-użu, mill-produtturi tal-ħalib Daniżi, tad-DOP “Feta” sabiex jirreferi għal ġobon li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1151/2012 u, min-naħa l-oħra, li jiċħad il-kumplament tar-rikors.

    Fuq l‑ispejjeż

    81

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Renju tad-Danimarka jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż u dan tal-aħħar tilef il-parti l-kbira tal-motivi tiegħu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ hemm lok li r-Renju tad-Danimarka jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, minbarra l-ispejjeż tiegħu, għal erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar għandha tbati wieħed minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha.

    82

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta’ Ċipru għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Billi naqas milli jipprevjeni u jwaqqaf l-użu, mill-produtturi Daniżi tal-ħalib, tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini (DOP) “Feta” sabiex jirreferi għal ġobon li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din id-DOP, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel;

     

    2)

    Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

     

    3)

    Ir-Renju tad-Danimarka jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

     

    4)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati wieħed minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha.

     

    5)

    Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta’ Ċipru għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Top