This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0164
Judgment of the Court (Second Chamber) of 25 July 2018.#Edel Grace and Peter Sweetman v An Bord Pleanala.#Request for a preliminary ruling from the Supreme Court.#Reference for a preliminary ruling — Environment — Directive 92/43/EC — Conservation of natural habitats and of wild fauna and flora — Article 6(3) and (4) — Assessment of the implications of a plan or project for a protected site — Plan or project not directly connected with or necessary to the management of the site — Wind farm project — Directive 2009/147/EC — Conservation of wild birds — Article 4 — Special Protection Area (SPA) — Annex I — Hen harrier (Circus cyaneus) — Suitable habitat fluctuating over time — Temporary or permanent reduction of the amount of appropriate land — Measures included in the project to ensure that, during the lifetime of the project, the amount of land that is in fact suitable for hosting the natural habitat of the species will not be reduced and indeed may be enhanced).#Case C-164/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Edel Grace u Peter Sweetman vs An Bord Pleanala.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied.
Kawża C-164/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018.
Edel Grace u Peter Sweetman vs An Bord Pleanala.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied.
Kawża C-164/17.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:593
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 92/43/KE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(3) u (4) – Evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet ta’ pjan jew proġett fuq sit protett – Pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija tas-sit – Proġett ta’ park eoliku – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi – Artikolu 4 – Żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) – Anness I – Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus) – Habitat xieraq li jvarja tul iż-żmien – Tnaqqis temporanju jew definittiv ta’ superfiċi ta’ artijiet utli – Miżuri integrati fil-proġett intiżi biex jiżguraw, matul il-proġett, li s-superfiċi effettivament xierqa biex iżżomm fiha l-habitat naturali tal-ispeċi ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied”
Fil-Kawża C‑164/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2017, fil-proċedura
Edel Grace,
Peter Sweetman
vs
An Bord Pleanála,
fil-preżenza ta’:
ESB Wind Developments Ltd,
Coillte,
The Department of Arts Heritage and the Gaeltacht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: R. Schiano, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal E. Grace u P. Sweetman, minn O. Collins, barrister, u J. Devlin, SC, bi prokura minn O. Clarke u A. O’Connell, solicitors, |
– |
għall-An Bord Pleanála, minn F. Valentine, barrister, u N. Butler, SC, bi prokura minn A. Doyle u B. Slattery, solicitors, |
– |
għal ESB Wind Developments Ltd u Coillte, minn R. Mulcahy u D. McDonald, SC, kif ukoll minn A. Carroll, BL, bi prokura minn D. Spence, solicitor, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C.S. Schillemans, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u C. Hermes, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Edel Grace u Peter Sweetman, minn naħa u l-An Bord Pleanála (kummissjoni nazzjonali ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ żvilupp tat-territorju, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“An Bord”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tinħareġ awtorizzazzjoni għal ESB Wind Developments Ltd u Coillte għal park eoliku pproġettat fit-territorju ta’ żona ta’ protezzjoni speċjali, ikklassifikata minħabba l-fatt li din fiha tiġbor fiha l-habitat ta’ speċi protetta. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva Direttiva dwar l-għasafar
3 |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”), din tikkonċerna l-konservazzjoni tal-ispeċi kollha ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat FUE. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom. |
4 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:
Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva. […] 4. Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.” |
5 |
Fost l-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-direttiva msemmija hemm il-Bugħadam Abjad Prim (Circus cyaneus). |
Id-Direttiva “Habitats”
6 |
Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva “Habitats”: “Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni.” |
7 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat[FUE]. 2. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. 3. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.” |
8 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva. 3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali. 4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati. Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.” |
9 |
Konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva “Habitats”, l-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafi (2) sa (4) tal-Artikolu 6 tagħha japplikaw għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-”ŻPS”) fis-sens tad-Direttiva dwar l-għasafar. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda proġett ta’ park eoliku, li ser jiġi żviluppat u sfruttat b’mod konġunt minn Coillte, impriża pubblika tal-forestrija u ESB Wind Developments, u lokalizzat fiż-ŻPS bejn it-triq Slieve Felim sal-muntanji ta’ Silvermines (rispettivament fil-kontej ta’ Limerick u ta’ Tipperary, l-Irlanda) (iktar ’il quddiem il-“proġett inkwistjoni”). |
11 |
Dan it-territorju ġie kklassifikat bħala ŻPS skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar minħabba l-fatt li jospita l-habitat naturali ta’ speċi ta’ għasafar elenkata fl-Anness I ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-Bugħadam Abjad Prim. It-territorju msemmi li jestendi fuq 20935 ettaru jinkludi, b’mod partikolari, żoni ta’ artijiet imxarrba mhux imħawla u xagħri, kif ukoll 12078 ettaru bis-siġar. It-totalità ta’ dan l-ispazju hija potenzjalment xierqa, minħabba l-karatteristiċi tagħha, biex isservi bħala habitat għal din l-ispeċi. |
12 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-proġett inkwistjoni jipprevedi li jokkupa 832 ettaru miż-ŻPS, essenzjalment koperti minn pjantazzjonijiet ta’ siġar koniferi tal-ewwel u tat-tieni rotazzjoni kif ukoll minn artijiet imxarrba mhux imħawla u minn raba’ xagħri. Il-kostruzzjoni ta’ sittax-il turbina tar-riħ kif ukoll ta’ infrastrutturi tal-madwar teħtieġ li s-siġar jinqatgħu f’kull wieħed mill-postijiet fejn jitqiegħdu. Skont stima, is-superfiċi kkonċernata mill-qtugħ tas-siġar hija ta’ 41.7 ettari. Il-proġett iwassal għall-qerda permanenti ta’ 9 ettari ta’ habitat li jikkorrispondi għaż-żoni li fuqhom ser jinbnew il-kostruzzjonijiet, kif ukoll għall-qerda temporanja ta’ 1.7 ettari ta’ superfiċi ta’ habitat li jintużaw għall-kostruzzjoni ta’ baċiri ta’ impjantazzjoni temporanji. Barra minn hekk, peress li huwa preżunt li dawn l-għasafar, fit-tfittxija tagħhom għall-ikel, ma jippenetrawx f’perimetru ta’ 250 m madwar turbina tar-riħ, l-imsemmija qorti tindika li, minħabba dan il-fatt, l-għajbien totali taż-żona tal-ikel jista’ jammonta għal 162.7 ettari. |
13 |
Il-proġett inkwistjoni huwa akkumpanjat minn pjan ta’ ġestjoni tal-habitats u tal-ispeċi (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ġestjoni”). Dan il-pjan, li għandu jiġi implimentat fuq perijodu ta’ ħames snin, jinkludi miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt potenzjali tal-park eoliku fuq iż-żona ta’ alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim. L-ewwel nett, skont il-pjan ta’ ġestjoni, tliet żoni attwalment imħawla, li jirrappreżentaw superfiċji totali ta’ 41.2 ettari, li minnhom 14.2 ettari jkunu jinsabu f’perimetru ta’ 250 metru madwar turbina tar-riħ, jiġu kkonvertiti lura f’art imxarrba tal-għata. It-tieni nett, matul il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett inkwistjoni, l-imsemmi pjan jissuġġetta 137.3 ettari ta’ foresta tat-tieni rotazzjoni għal ġestjoni “sensibbli”, li tipprevedi l-qtugħ u s-sostituzzjoni tal-foresti attwali b’kopertura magħluqa sabiex tiġi żgurata preżenza permanenti ta’ 137.3 ettari ta’ foresta b’kopertura miftuħa, li toffri żona ta’ provvista xierqa għall-Bugħadam Abjad Prim, u tranżizzjoni ekoloġika bejn żewġ żoni ta’ art imxarrba miftuħa. Dan il-qtugħ iseħħ fi stadji diversi li jibdew sena qabel il-bidu tal-kostruzzjoni. It-tielet nett, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ikun ġeneralment limitat għal perijodi li jinsabu barra mill-istaġun prinċipali tat-tgħammir tal-Bugħadam Abjad Prim. |
14 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2014, l-An Bord iddeċieda li jawtorizza l-proġett inkwistjoni għar-raġuni li dan ma jippreġudikax l-integrità taż-ŻPS. |
15 |
E. Grace u P. Sweetman ippreżentaw rikors quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) li permezz tiegħu huma kkontestaw id-deċiżjoni tal-An Bord. B’deċiżjonijiet tal-1 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Diċembru 2015, din il-qorti ċaħdet l-appell tagħhom u kkonfermat id-deċiżjoni tal-An Bord. |
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2016, E. Grace u P. Sweetman ġew awtorizzati jappellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda). B’sentenza tal-24 ta’ Frar 2017, din il-qorti ddeċidiet definittivament fuq tnejn mit-tliet aggravji ta’ dan l-appell. Madankollu, l-aħħar deċiżjoni li għandha tingħata għall-appell imsemmi tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats”. |
17 |
Skont E. Grace u P. Sweetman, l-An Bord kellu jikkunsidra li l-proġett inkwistjoni u l-pjan ta’ ġestjoni li jakkumpanjah kienu jinvolvu miżuri ta’ kumpens, b’tali mod li l-evalwazzjoni kellha titwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji previsti fl-Artikolu 6(4) tad-direttiva msemmija. |
18 |
L-An Bord u l-intervenjenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-proġett jistax jippreġudika l-integrità taż-ŻPS, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ebda parti tas-settur bis-siġar taż-żona ma tibqa’ b’mod permanenti fi stat li toffri habitat adatt. |
19 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Bugħadam Abjad Prim huwa għasfur li essenzjalment jgħix fil-kampanja u li jeħtieġ spazji vasti ta’ artijiet xierqa biex ifittex l-ikel. Min-naħa l-oħra, il-bini tal-bejtiet hija ħafna inqas dipendenti fuq tali fattur, peress li dan jista’ jseħħ fuq żona ġeografika iżgħar u f’tipi differenti ta’ habitats. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ispeċi protetta jirriżulta iktar mid-degradazzjoni possibbli taż-żona ta’ għalf milli dik tal-bini tal-bejtiet. Din il-qorti ssostni li, għalkemm kien ġeneralment rikonoxxut li l-artijiet imxarrba mhux imħawla u x-xagħri jikkostitwixxu l-habitat prinċipali tal-Bugħadam Abjad Prim, ġie osservat, bl-iżvilupp tal-forestrija, li l-pjantazzjonijiet ta’ siġar koniferi żgħar fuq artijiet imxarrba joffru l-possibbiltà għall-Bugħadam Abjad Prim li jfittex l-ikel fihom. Min-naħa l-oħra, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li foresta li ma hijiex imdawla jew maqtugħ, iżda li titħalla biss tilħaq il-maturità tagħha sakemm tifforma kopertura magħluqa, ma toffrix żona ta’ ikel xierqa. |
20 |
Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-foresta għall-użu tal-forestrija għandha ċiklu medju ta’ 40 sena li jinkludi żewġ fażijiet ta’ rotazzjoni. Il-partijiet taż-żona li fiha l-pjantazzjonijiet ikunu waslu għall-maturità fl-aħħar tal-ewwel fażi u li, minħabba dan il-fatt, jippreżentaw kopertura magħluqa, jiġu maqtugħa. Issegwi fażi ta’ ripjantazzjoni, li mill-ġdid toħloq parti miż-żona li l-kopertura tagħha tkun miftuħa, adattata ħafna għall-alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim. Minn dan jirriżulta li ż-żona għall-alimentazzjoni ta’ din l-ispeċi fiż-ŻPS tinsab f’tibdil kostanti u tiddependi minn dawn il-fażijiet, relatati mal-ġestjoni tal-forestrija. Għaldaqstant, nuqqas fil-ġestjoni attiva tat-tħawwil forestali waħdu jwassal għal għajbien taż-żona ta’ alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim, minħabba l-għajbien gradwali ta’ partijiet taż-żona b’kopertura miftuħa. Skont l-istudji disponibbli, il-popolazzjoni tal-ispeċi protetta fil-fatt tvarja, ’il fuq jew l-isfel, skont l-eżistenza ta’ foresti b’kopertura miftuħa. F’dan il-każ, il-proporzjon ta’ foresta b’kopertura miftuħa tonqos gradwalment minn 14 % tat-total tal-art afforestata matul is-snin 2014 sa 2018 biex tilħaq livell ta’ 8 % matul is-snin 2024 sa 2028. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tiddetermina jekk kienx bi żball li l-An Bord qies li l-proġett inkwistjoni u l-pjan ta’ ġestjoni kienu jinvolvu miżuri ta’ mitigazzjoni li kienu jawtorizzawh iwettaq l-evalwazzjoni tiegħu biss taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”. |
22 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-miżuri proposti fil-kuntest tal-pjan ta’ ġestjoni li jakkumpanja l-abbozz inkwistjoni, u li huma intiżi sabiex jiżguraw li s-superfiċi totali li toffri habitat adegwat ma titnaqqasx u tkun tista’ saħansitra tiżdied, jistgħu, f’dan il-każ, jiġu kkwalifikati bħala miżuri ta’ mitigazzjoni jew jekk għandhomx jitqiesu bħala miżuri kumpensatorji, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”. |
23 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Meta
miżuri bħal dawk deskritti taħt (c) jistgħu jitqiesu ġustament bħala miżuri ta’ mitigazzjoni?” |
Fuq id-domanda preliminari
24 |
Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma fiha l-ebda referenza għal dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija domanda, li għandha tinqara fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats”. |
25 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva ma jinkludi ebda riferiment għal xi kunċett ta’ “miżuri ta’ mitigazzjoni” (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 57, kif ukoll tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman et, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 25). |
26 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-effett utli tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” huwa intiż li jevita li, permezz ta’ miżuri msemmija “mitiganti”, iżda li jikkorrispondu fir-realtà għal miżuri kumpensatorji, l-awtorità nazzjonali kompetenti tevita l-proċeduri speċifiċi stabbiliti f’dan l-artikolu billi tawtorizza, skont il-paragrafu 3 tiegħu, proġetti li jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Finalment, f’dak li jikkonċerna ż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jissostitwixxu, skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar mid-data tal-klassifikazzjoni skont din id-direttiva meta din id-data tkun iktar tard mid-data tal-implimentazzjoni tad-Direttiva “Habitats” [sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
28 |
Minn dan isegwi li għandu jinftiehem li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat jew jekk tali ċirkustanza taqax, skont il-każ, taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu. |
29 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jimponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex jiġu żgurati, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iż-żamma jew, jekk ikun il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi ta’ interess għall-Unjoni, bil-għan li jintlaħaq l-għan iktar ġenerali tal-istess direttiva li huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tas-siti protetti taħt din id-direttiva [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 43, u tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 106]. |
30 |
F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jikkostitwixxu totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minn din id-direttiva. Fil-fatt, il-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu għandhom l-għan li jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi paragrafu (3) (sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Skont l-għaxar premessa tad-Direttiva “Habitats”, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun innominat fil-ġejjieni. Din il-premessa hija espressa fl-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi b’mod partikolari li pjan jew proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit ikkonċernat ma jistax jiġi awtorizzat mingħajr ma ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tiegħu fuqu (sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jistabbilixxi żewġ fażijiet. L-ewwel fażi, prevista fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, li tiġi wara l-imsemmija evalwazzjoni xierqa, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva (sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula. |
34 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-fatt li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jippresupponi li dan jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma fit-tul tal-karatterisitiċi kostituttivi tiegħu, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu jiġġustifika li dan is-sit jitniżżel fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 116). |
35 |
Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, id-deżinjazzjoni ta’ żona bħala ŻPS għall-konservazzjoni ta’ speċi timplika ż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi kostituttivi tal-habitat ta’ din iż-żona, fejn l-għan li jiġġustifika d-deżinjazzjoni ta’ din iż-żona huwa s-sopravivenza tal-ispeċi inkwistjoni u r-riproduzzjoni tagħha. |
36 |
Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit, kif tindika l-qorti tar-rinviju u hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 13 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għan ta’ konservazzjoni taż-ŻPS hija li jinżammu jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kondizzjonijiet ta’ konservazzjoni favorevoli tal-Bugħadam Abjad Prim. B’mod iktar partikolari, huwa billi toffri lill-ispeċi protetta habitat li jinkludi fih żona ta’ alimentazzjoni li ż-ŻPS tippermetti li jintlaħaq dan l-għan. |
37 |
F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-effetti tal-proġett inkwistjoni fuq iż-ŻPS, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-pjan ta’ ġestjoni huwa intiż biex jistabbilixxi salvagwardji li jikkonsistu f’li, fi kwalunkwe ħin, fir-rigward taż-żona ta’ alimentazzjoni tal-Bugħadam Abjad Prim, is-superfiċi taż-żona ma titnaqqasx, jew saħansitra tkun tista’ tiżdied, minkejja li, matul il-perijodu ta’ żvilupp tal-proġett inkwistjoni, parti minnha ma tkunx ta’ natura li toffrilu habitat adegwat. |
38 |
L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni taż-żona kkonċernata, iżda li jkun jista’ jaffettwa lil din tal-aħħar b’mod sinifikanti jkun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
L-evalwazzjoni mwettqa skont din id-dispożizzjoni ma tistax tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fiż-żona protetta kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, People Over Wind u Sweetman, C‑323/17, EU:C:2018:244, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Il-fatt li l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq iż-żona kkonċernata għandha titwettaq skont l-imsemmija dispożizzjoni jimplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ din iż-żona (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Huwa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jeżisti ebda dubju raġonevoli mill-aspett xjentifiku dwar l-assenza ta’ effetti li jippreġudikaw l-integrità taż-żona kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, l-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tidentifika l-għajbien permanenti u dirett ta’ superfiċji li jospitaw habitat xieraq għall-Bugħadam Abjad Prim b’disa’ ettari. It-tieni nett, is-superfiċi bis-siġar li ser jinqatgħu għall-kostruzzjoni tat-turbini tar-riħ kif ukoll tal-infrastrutturi tikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 41.7 ettari minn din iż-żona tal-habitat. It-tielet nett, il-parti taż-żona mhux disponibbli matul il-proġett tista’ tilħaq il-162.7 ettari. Ir-raba’ nett, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul il-fażi ta’ żvilupp tal-proġett inkwistjoni, is-superfiċi ta’ foresta b’kopertura miftuħa, li tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi li jikkostitwixxu ż-żona għall-alimentazzjoni tal-ispeċi protetta, tkun qed tonqos b’mod kostanti. |
43 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta pjan jew proġett li ma jkunx direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ żona, jirriskja li jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha, dan għandu jitqies li jista’ jaffettwa lil din iż-żona b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni tal-imsemmi riskju għandha titwettaq, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi taż-żona kkonċernata minn tali pjan jew tali proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 45). |
44 |
Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tat-tipi ta’ miżuri inklużi fil-proġett inkwistjoni taħt il-pjan ta’ ġestjoni sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-proġett, dawn jikkonsistu, minn naħa, fir-restawr taż-żoni lura lejn artijiet imxarrba tal-għata kif ukoll lejn art mistagħdra fuq superfiċi ta’ 41.2 ettari (li minnhom 14.2 ettari jinsabu f’perimetru ta’ 250 metru madwar turbina tar-riħ) u, min-naħa l-oħra, fl-għoti lil Bugħadam Abjad Prim u lil annimali oħra li jinsabu fit-territorju, ta’ żoni ta’ habitat ottimali matul il-ħajja tal-proġett, b’mod partikolari billi, fuq żona ta’ 137.3 ettari, tinqata’ u tiġi ssostitwita l-forest attwali b’kopertura magħluqa li tinsab fiha sabiex finalment tiġi żgurata l-preżenza ta’ żona ta’ kopertura miftuħa. |
45 |
Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għal fatt li, fil-fehma tagħha, jista’ jikkostitwixxi element determinanti għar-risposta li għandha tingħata lid-domanda tagħha, peress li dan l-element jiddistingwi l-fatti tal-kawża prinċipali minn dawk li taw lok għas-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583). |
46 |
Għaldaqstant, il-ġestjoni taż-ŻPS bil-għan li jiġi ppreżervat l-habitat naturali tal-Bugħadam Abjad Prim issir b’mod “dinamiku”, fis-sens li s-superfiċi xierqa għal dan il-habitat ivarjaw ġeografikament u matul iż-żmien, abbażi ta’ din il-ġestjoni. |
47 |
F’dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva “Habitats” kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata miegħu jirriżulta li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ protezzjoni inkorporati fil-proġett u intiżi biex jiġu evitati jew imnaqqsa l-eventwali effetti negattivi kkawżati direttament minn dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li dan il-proġett ma jippreġudikax l-integrità taż-żona, li jaqgħu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, mill-miżuri li, fis-sens tal-paragrafu 4 tiegħu, huma intiżi sabiex jikkumpensaw l-effetti negattivi tal-imsemmi proġett fuq żona protetta li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan l-istess proġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punti 28 u 29; tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 48, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punti 34 u 71). |
48 |
F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li xi partijiet miż-ŻPS ma jibqgħux, jekk il-proġett inkwistjoni jitlesta, iktar kapaċi li joffru habitat xieraq, iżda li pjan ta’ tmexxija huwa intiż biex jiżgura li l-parti taż-ŻPS li tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tiżdied. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma distinti minn dawk li taw lok għas-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C‑521/12, EU:C:2014:330), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583), dawn huma simili fis-sens li, fil-mument tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-pjan jew tal-proġett fuq iż-żona kkonċernata, huma bbażati fuq premessa identika tal-benefiċċji futuri li jindirizzaw l-effetti tal-park eoliku fuq din iż-żona, filwaqt li, barra minn hekk, dawn il-benefiċċji ma humiex ċerti. Il-lezzjonijiet li jirriżultaw minn dawn is-sentenzi huma għalhekk trasponibbli għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
50 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżuri previsti minn proġett li huma intiżi biex jikkumpensaw l-effetti negattivi tiegħu ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi proġett, prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 29, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 48). |
51 |
Huwa biss fejn ikun hemm ċertezza suffiċjenti li miżura tkun ser tikkontribwixxi b’mod effettiv biex tiġi evitata ħsara li tiggarantixxi n-nuqqas ta’ kull dubju raġonevoli dwar il-fatt li l-proġett ma jaffettwax ħażin l-integrità taż-żona, li tali miżura tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑142/16, EU:C:2017:301, punt 38). |
52 |
Issa, bħala regola ġenerali, l-effetti pożittivi eventwali tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf tas-superfiċji u ta’ kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq żona protetta, huma biss diffiċilment prevedibbli jew ikunu viżibbli biss iktar tard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punti 52 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
Għandu jiġi enfasizzat li din ma hijiex ċirkustanza fejn il-habitat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab f’tibdil kontinwu u fejn din iż-żona teħtieġ ġestjoni “dinamika” li hija sors ta’ inċertezza. Tali inċertezza tirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-identifikazzjoni ta’ ħsara ċerta jew potenzjali lill-integrità taż-żona kkonċernata, bħala żona ta’ habitat u ta’ provvista tal-ikel, u għalhekk għal waħda mill-karatteristiċi kostituttivi ta’ din iż-żona, kif ukoll mill-inklużjoni, fl-evalwazzjoni tal-impatti, tal-benefiċċji futuri li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri li, fl-istadju ta’ dik l-evalwazzjoni, huma biss possibbli peress li l-implimentazzjoni tagħhom għadha ma ġietx iffinalizzata. B’riżultat ta’ dan, u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija benefiċċji ma setgħux ikunu previsti biċ-ċertezza meħtieġa fil-mument meta l-awtoritajiet approvaw l-abbozz inkwistjoni. |
54 |
Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma kkonfermati mill-fatt li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jintegra fih il-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti l-prevenzjoni effettiva tad-danni lill-integrità taż-żoni protetti dovuti għall-pjanijiet jew għall-proġetti kkunsidrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et, C‑521/12, EU:C:2014:330, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
Finalment, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, fil-każ fejn, fin-nuqqas ta’ konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett għandu madankollu jitwettaq, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku maġġuri, inklużi ta’ natura soċjali u ekonomika, u meta ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kull miżura ta’ kumpens neċessarja sabiex jiżgura li “l-koerenza globali ta’ Natura 2000” tkun protetta. |
56 |
Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, f’dan il-kuntest, jagħtu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva biss sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu sodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et, C‑387/15 u C‑388/15, EU:C:2016:583, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
Minn dan isegwi li għandu jinftiehem li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat, iżda taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta proġett ikun intiż li jitwettaq fuq sit indikat għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tal-ispeċi, li s-superfiċi tiegħu xierqa għall-ħtiġijiet ta’ speċi protetta tvarja maż-żmien, u meta tali proġett ikollu bħala effett li, temporanjament jew definittivament, ċerti partijiet ta’ dan is-sit ma jkunux ser jibqgħu ta’ natura li joffru habitat adatt lill-ispeċi inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li dan il-proġett jinkludi miżuri intiżi li jiżguraw, wara li tkun twettqet l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti tal-imsemmi proġett u matul il-ħajja tal-proġett imsemmi, li l-parti tal-imsemmi sit li b’mod konkret tista’ toffri habitat xieraq ma titnaqqasx, jew saħansitra tista’ tiżdied, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u intiża li tiżgura li l-proġett inkwistjoni mhux ser jaffettwa b’mod negattiv l-integrità tas-sit ikkonċernat, iżda taqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-istess artikolu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.