Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0542

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-31 ta’ Mejju 2018.
    Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et vs Dödsboet efter Ingvar Mattsson u Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/92/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘medjazzjoni fl-assigurazzjoni’ – Direttiva 2004/39/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘parir dwar l-investiment’ – Pariri mogħtija waqt il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni u li jikkonċernaw investiment ta’ kapital fil-kuntest ta’ assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital – Klassifikazzjoni tal-attività ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni fl-assenza tal-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni effettiv.
    Kawża C-542/16.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:369

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    31 ta’ Mejju 2018 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2002/92/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘medjazzjoni fl-assigurazzjoni’ — Direttiva 2004/39/KE — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘parir dwar l-investiment’ — Pariri mogħtija waqt il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni u li jikkonċernaw investiment ta’ kapital fil-kuntest ta’ assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital — Klassifikazzjoni tal-attività ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni fl-assenza tal-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni effettiv”

    Fil-Kawża C-542/16,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ottubru 2016, fil-proċedura

    Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag

    vs

    Dödsboet efter Ingvar Mattsson,

    u

    Jan-Erik Strobel et,

    Lisa Bergström et,

    Ann-Christin Jönsson et,

    Daniel Röme et,

    vs

    Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur), E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2017,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag, minn P. Sjödin u K. Blomkvist, advokater, kif ukoll minn A. Martin, C. Waering u P. Öhrn, juristes,

    għal J.-E. Strobel et, minn J. Larsson, advokat,

    għal L. Bergstöm et, minn L. Bengtsson, A. Elison u C. Kronström, advokater,

    għal A.-Ch. Jönsson et, minn H. Asklund, advokat,

    għal D. Röme et, minn T. Eliasson, advokat,

    għal Gvern Svediż, minn H. Shev, C. Meyer-Seitz u A. Falk kif ukoll minn L. Swedenborg u F. Bergius, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-Ph. Wojcik u K. Simonsson, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2017,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima li tikkonsisti f’żewġ kawżi, minn naħa, bejn Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag (iktar ’il quddiem “Länsförsäkringar”) u Dödsboet efter Ingvar Mattsson (suċċessjoni ta’ Ingvar Mattsson) u, min-naħa l-oħra, bejn Jan-Erik Strobel et, Lisa Bergstöm et, Ann-Christin Jönsson et, kif ukoll Daniel Röme et (iktar ’il quddiem, flimkien, “Strobel et”) u Länsförsäkringar, dwar it-telf ta’ somom investiti fi prodotti fil-kuntest ta’ assigurazzjoni kapitali sottoskritti minn kumpaniji ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni li kien jagħmel polza ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma’ Länsförsäkringar. (iktar ’il quddiem, flimkien, “Strobel et”) u Länsförsäkringar, fir-rigward tat-telf ta’ ammonti investiti fi prodotti fil-kuntest ta’ assigurazzjonijiet tal-ħajja fuq il-kapital sottoskritti ma’ kumpanniji ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni li, min-naħa tagħhom, kienu ssottoskrivew assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma’ Länsförsäkringar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 2002/92

    3

    Il-premessi 8, 9 u 17 tad-Direttiva 2002/92 jistabbilixxu:

    “(8)

    Il-kordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ħtiġiet professjonali u r-reġistrazzjoni ta’ persuni li jibdew u jsegwu l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni tista’ għalhekk tikkontribwixxi kemm għal kompletezza tas-suq wieħed għas-servizzi finanzjarji u t-tkabbir fil-valur tal-protezzjoni tal-klijent f’dan il-qasam.

    (9)

    Tipi differenti ta’ persuni jew istituzzjonijiet, bħal aġenti, sensara u operaturi ta’ ‘bancassurance’, jistgħu jqassmu prodotti ta’ assigurazzjoni. Ugwaljanza fit-trattament bejn operaturi u l-protezzjoni tal-klijent teħtieġ li dawn il-persuni kollha jew istituzzjonijiet ikunu koperti b’din id-Direttiva.

    […]

    (17)

    Il-koperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti huma essenzjali biex jipproteġu lill-klijent u jassiguraw il-kondizzjoni soda tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni fis-suq wieħed.”

    4

    L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

    “Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni minn persuni naturali jew ġuridiċi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk.”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    3)

    ‘medjazzjoni ta’ assiguarzzjoni’ tfisser attivitajiet ta’ introduzzjoni, proposti jew it-twettieq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li dawk il-kuntratti jiġu konklużi, jew f’għajnuna fl-amministrazzjoni jew twettieq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talba.

    […]

    […]

    5)

    ‘intermedjarju ta’ assigurazzjoni’ tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li, bi ħlas, tibda jew issegwi medjazzjoni fl-assigurazzjoni;

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 4(3) u (4) tal-istess direttiva:

    “3.   L-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom ikollhom assigurazzjoni ta’ indemnità professjonali li tkorpi t-territorju kollu tal-Komunità jew xi garanzija oħra komparabbli kontra responsabbiltà li tirriżulta minn negliġenza professjonali, tal-anqas għal EUR 1000000 applikabbli għal kull talba u aggregat ta’ EUR 1500000 fis-sena għat-talbiet kollha, sakemm dik l-assigurazzjoni jew garanzija komparabbli tkun ġia provduta minn impriża ta’ assigurazzjoni, impriża ta’ riassigurazzjoni jew impriża oħra li għan-nom tagħha l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni jkollu s-setgħa li jaġixxi jew dik l-impriża tkun assumiet ir-responsabbiltà sħiħa għall-azzjonijiet ta’ l-intermedjarju.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu l-klijenti kontra l-inabilità ta’ intermedjarju ta’ assigurazzjoni li jittrasferixxi l-premium ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew li jittrasferixxi l-ammont ta’ talba jew jirritorna l-premium lill-persuna assigurata.

    […]”

    7

    L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/92, intitolat “Informazzjoni provduta minn intermedjarju ta’ assigurazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

    “2.   Meta l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni jinforma lill-klijent li jagħti l-parir tiegħu fuq il-bażi ta’ analiżi ġust, huwa obbligat li jagħti l-parir fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ numru kbir biżżejjed ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni disponibbli fis-suq, biex ikun permess lilu li jagħmel rakkomandazzjoni, skond il-kriterji professjonali, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li tkun adegwata biex tilħaq il-ħtiġiet tal-klijent.

    3.   Qabel il-konklużjoni ta’ xi kuntratt speċifiku, l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni għandu ta’ l-anqas jispeċifika, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ informazzjoni provduta mill-klijent, it-talbiet u l-ħtiġiet ta’ dak il-klijent kif ukoll ir-raġunijiet sodi għal xi parir mogħti lill-klijent dwar prodott partikolari ta’ assigurazzjoni. Dawn id-dettalji għandhom jiġu modulati skond il-komplessità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkun ġie propost.”

    Id-Direttiva 2004/39/KE

    8

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), jipprovdi:

    “Din id-Direttiva għandha tapplika għad-ditti ta’ l-investiment u s-swieq irregolati.”

    9

    L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

    […]

    (ċ)

    il-persuni li jipprovdu servizz ta’ investiment meta dan is-servizz jiġi pprovvdut f’manjiera inċidentali fil-kors ta’ attività professjonali u li din l-attività tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew minn kodiċi ta’ l-etika li jirregola l-professjoni u li ma jeskludix il-provvediment ta’ dan is-servizz;

    […]

    (j)

    il-persuni li jipprovdu pariri dwar l-investiment fil-kors li jipprovdu attività professjonali oħra mhux koperta b’din id-Direttiva sakemm il-provvediment ta’ dawn il-pariri ma jkunx imħallas b’mod speċifiku;

    […]”

    10

    L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet segwenti:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id- definizzjonijiet li ġejjin:

    1)

    ‘Ditta ta’ investiment’ tfisser kull persuna legali li x-xogħol jew kummerċ regolari tagħha huma l-provvediment ta’ servizz jew iktar ta’ investiment lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività jew iktar ta’ investiment fuq bażi professjonali;

    […]

    (2)

    ‘Servizzi u attivitajiet ta’ investiment’ ifissru kull waħda mis-servizzi u l-attivitjiet elenkati fit-Taqsima A ta’ l-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ ta’ l-Anness I;

    […]

    […]

    (4)

    ‘Parir/i dwar l-investiment/i’ ifissru l-provvediment ta’ rakkommandazzjonijiet personali lill-klijent, jew fuq it-talba tiegħu jew fuq l-inizjattiva tad-ditta ta’ l-investiment, rigward transazzjoni jew iktar li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-istrumenti finanzjarji;

    […]

    (17)

    ‘Strument finanzjarju’ ifisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima Ċ ta’ –L-Anness I;

    […]”

    11

    Fost is-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I ta’ din l-istess direttiva hemm, fil-punt 5 ta’ din it-taqsima, il-konsulenza dwar l-investiment.

    12

    L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “Regoli ta’ kondotta għall-provvista ta’ servizzi ta’ investiment lil klijenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 9 tiegħu:

    “Fil-każijiet meta servizz ta’ investiment jiġi offrut bħala parti minn prodott finanzjarju li jkun diġà bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tal-leġislazzjoni Komunitarja jew ta’ l-i standards komuni Ewropej li jkollhom x’jaqsmu ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu u krediti tal-konsumaturi rigward l-istima tar-riskju tal-klijenti u/jew ħtiġijiet tat-tagħrif, dan is-servizz ma għandux ikun bla ħsara b’mod addizzjonali għall-obbligi ddikjarati f’dan l-Artikolu.”

    Id-Direttiva 2014/65/UE

    13

    Il-premessa 87 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349), tipprovdi:

    “Investimenti li jinvolvu kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ spiss ikunu disponibbli għall-klijenti bħala alternattivi jew sostituti potenzjali għal strumenti finanzjarji suġġetti għal din id-Direttiva. Biex tingħata protezzjoni konsistenti lill-klijenti mhux professjonali u jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali bejn prodotti simili, hu importanti li prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni jkunu suġġetti għal rekwiżiti xierqa. Minkejja li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-investitur f’din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu applikati b’mod ugwali għal dawk l-investimenti miġbura f’kuntratti ta’ assigurazzjoni, l-istrutturi tas-suq differenti tagħhom u l-karatteristiċi tal-prodott jagħmluha aktar xierqa li jkunu stabbiliti rekwiżiti dettaljati fir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva 2002/92/KE aktar milli jkunu stabbiliti f’din id-Direttiva. Liġi futura tal-Unjoni li tirregola l-attivitajiet tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tal-impriżi tal-assigurazzjoni għandhom għalhekk jiżguraw b’mod xieraq approċċ regolatorju konsistenti dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti finanzjarji differenti li jissodisfaw ħtiġijiet simili tal-investitur u għalhekk iqajmu sfidi kumparabbli dwar il-protezzjoni tal-investitur. [...] Dawk ir-rekwiżiti ġodda għal prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni għandhom ikunu stipulati fid-Direttiva 2002/92/KE.”

    14

    L-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/65 jinkludi emendi għad-Direttiva 2002/92. It-tieni paragrafu tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din l-aħħar direttiva huwa ssostitwit bit-test li ġej:

    “Bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu IIIA ta’ din id-Direttiva, dawk l-attivitajiet, meta jitwettqu minn impriża ta’ assigurazzjoni jew impjegat ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li jkun qed jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tal-impriża ta’ assigurazzjoni m’għandhomx jitqiesu li jkunu medjazzjoni tal-assigurazzjoni jew distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni.”

    15

    Fl-imsemmi Artikolu 2 jiżdied il-punt 13 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodott ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni” bħala “prodott ta’ assigurazzjoni li joffri valur fil-maturità jew valur ta’ ċessjoni u meta dak il-valur ta’ ċessjoni ikunu kompletament jew parzjalment esposti, direttament jew indirettament, għall-fluttwazzjonijiet tas-suq”, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet.

    16

    Il-Kapitolu IIIa, intitolat “Rekwiżiti addizzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni”, huwa inkluż fid-Direttiva 2002/92. Skont l-Artikolu 13a ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

    “Soġġett għall-eċċezzjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3), dan il-Kapitolu jistipula rekwiżiti addizzjonali rigward l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u għall-bejgħ dirett imwettaq mill-impriżi ta’ assigurazzjoni meta jitwettqu fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti ta’ investiment abbażi ta’ assigurazzjoni. Ir-riferiment għal dawk l-attivitajiet għandu jkun ta’ attivitajiet għad-distribuzzjoni ta’ assigurazzjoni.”

    Id-dritt Svediż

    17

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 ta’ lagen (2005:405) om försäkringsförmedling (il-Liġi (2005:405) dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni”):

    “Il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni tfisser kwalunkwe attività eżerċitata professjonalment li tikkonsisti fi:

    1)

    il-preżentazzjoni jew il-proposta ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni jew it-twettiq ta’ xogħlijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni;

    2)

    il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni f’isem terzi; jew

    3)

    l-assistenza fil-ġestjoni u l-implementazzjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni.”

    18

    Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi, l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni tista’, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, tiġi eżerċitata biss wara li tkun inkisbet l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità għas-Sorveljanza Finanzjarja. Tali awtorizzazzjoni hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Mill-punt 4 tal-Artikolu 5 u mill-punt 2 tal-Artikolu 6 ta’ dan il-kapitolu jirriżulta li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li l-assigurazzjoni tkun ġiet sottoskritta sabiex tkopri r-responsabbiltà tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni li jikkawża dannu billi jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu.

    19

    L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 5 tal-Att dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni tipprovdi li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni għandu jadatta il-pariri tiegħu għax-xewqat u għall-bżonnijiet tal-klijent, u jirrakkomanda soluzzjonijiet xierqa lil dan tal-aħħar. Meta l-klijent ikun persuna fiżika bi skopijiet prinċipalment mhux kummerċjali, l-intermedjarju għandu wkoll jagħtiha parir ma tiħux miżuri li ma jistgħux jitqiesu bħala xierqa fid-dawl tal-bżonnijiet tagħha, tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha jew ta’ ċirkustanzi oħra.

    20

    Skont l-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni li, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmi Artikolu 4 huwa obbligat jagħmel tajjeb għad-dannu purament finanzjarju li l-klijent ikun b’mod partikolari ġarrab b’konsegwenza ta’ dan.

    It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-kawża Strobel et vs Länsförsäkringar

    21

    Connecta Fond och försäkring AB (iktar ’il quddiem “Connecta”), kumpannija tal-assigurazzjoni rreġistrata, operat prinċipalment matul is-snin 2004 sa 2010, wara li kisbet l-awtorizzazzjoni mill-Awtorità għas-Sorveljanza Finanzjarja. Hija kienet ssottoskriviet assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma’ Länsförsäkringar, kif preskritta mil-Liġi dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni.

    22

    Matul is-snin, diversi persuni ttrasferixxew somom ta’ flus lil Connecta sabiex jinvestuhom fi “prodotti tal-bonds korporattivi ta’ Connecta” li kellhom ikunu marbuta ma’ assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital. Bħala korrispettiv, huma rċevew ċerti dokumenti mingħand Connecta. Madankollu, sussegwentement irriżulta li kien hemm miżapproprjazzjoni tal-ammonti inkwistjoni mid-Direttur Ġenerali ta’ Connecta. Dan ġie rrapportat lill-pulizija u l-awtorizzazzjoni mogħtija lil Connecta ġiet irtirata. Id-Direttur Ġenerali miet f’Novembru 2010. Il-patrimonju tiegħu u Connecta ġew iddikjarati insolventi f’Diċembru 2010. Matul is-snin 2004 sa 2010, Connecta kienet ukoll eżerċitat attività ġenwina ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

    23

    Strobel et, li għalhekk tilfu somom ta’ flus, ressqu kawża kontra Länsförsäkringar u talbu kumpens abbażi tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili sottoskritta minn Connecta, minħabba li din tal-aħħar kellha obbligu ta’ kumpens fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 tal-Liġi dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni. Huma sostnew li kienu taw istruzzjonijiet lil din tal-aħħar sabiex jinvestu flushom f’assigurazzjonijiet tal-ħajja fuq il-kapital u li, għaldaqstant, is-servizz inkwistjoni kien ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

    24

    Länsförsäkringar sostniet, b’mod partikolari, li d-danni ma kinux nibtu mill-attività assigurata peress li l-prodotti inkwistjoni kienu fittizji. Fil-fehma tagħha, l-aġir tad-Direttur Ġenerali ta’ Connecta ma kienx jaqa’ taħt attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

    25

    Il-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza nqatgħet favur Strobel et. Din tal-aħħar qieset li huma kellhom l-intenzjoni li jissottoskrivu assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital u li kellhom raġunijiet li jemmnu li kien hemm medjazzjoni fid-dawl tal-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni effettivi. Il-qorti tal-ewwel istanza enfasizzat li, fid-dawl tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-perċezzjoni ġġustifikata ta’ Strobel et dwar l-intenzjonijiet tad-Direttur Ġenerali ta’ Connecta kienet timmilita favur il-konklużjoni li kien hemm medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Barra minn hekk, din il-qorti qieset ukoll li, ladarba tali medjazzjoni tinkludi x-xogħol preparatorju u li Connecta kienet ukoll eżerċitat attività ġenwina ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, il-fatti kif kienu seħħew oġġettivament kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni”.

    26

    Adita b’appell kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tal-appell iddeċidiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-konsumatur ma jeżiġix li tingħata attenzjoni għall-opinjoni suġġettiva tal-konsumatur dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni u li, f’dan il-każ, ma setax ikun hemm, oġġettivament, kwistjoni ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

    27

    Il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) tirrileva li, skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” jinkludi wkoll xogħlijiet preparatorji u għalhekk ma jeżiġix, sabiex din id-direttiva tapplika, li kuntratt ta’ assigurazzjoni jkun ġie effettivament konkluż. Din il-qorti tistaqsi madankollu dwar ir-rilevanza, f’dan ir-rigward, tal-intenzjoni tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ tali kuntratt, kif ukoll tal-perċezzjoni tal-konsumatur.

    Il-kawża Länsförsäkringar vs Dödsboet efter Ingvar Mattsson

    28

    F’Jannar 2010, wara parir mogħti minn impjegat ta’ European Wealth Management Group AB (iktar ’il quddiem “EWMG”), li hija kumpannija ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, Ingvar Mattsson, fil-kuntest ta’ assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital, investa SEK 500000 (madwar EUR 50000) f’ċertifikat ta’ investiment, li huwa strument finanzjarju strutturat. Dan l-investiment, sussegwentement, tilef il-valur kollu tiegħu.

    29

    EWMG kienet issottoskriviet assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma’ Länsförsäkringar, kif previst mil-Liġi dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni. Skont il-kundizzjonijiet ta’ din l-assigurazzjoni, din tirrigwarda attività koperta mill-imsemmija liġi u tikkonsisti f’obbligu ta’ kumpens, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 ta’ din tal-aħħar.

    30

    Peress li ġie ddikjarat il-falliment ta’ EWMG, Ingvar Mattsson ressaq kawża kontra Länsförsäkringar. Huwa sostna, minn naħa, li EWMG kienet intenzjonalment jew b’negliġenza naqset milli teżegwixxi l-obbligi tagħha fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Kapitolu 5 tal-Liġi dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni u għaldaqstant kienet obbligata tħallsu kumpens. Min-naħa l-oħra, dan l-aġir kien jikkostitwixxi avveniment assigurat skont l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili sottoskritta minn EWMG.

    31

    Länsförsäkringar irrikonoxxiet li l-medjazzjoni dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital kienet, fiha nnifisha, tagħmel parti mil-Liġi dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni. Hija madankollu sostniet, b’mod partikolari, li l-pariri mogħtija minn EWMG ma kinux jikkonċernaw din l-assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital, iżda investiment fl-istrument finanzjarju li kien marbut magħha. Konsegwentement, tali pariri ma kinux koperti mill-imsemmija assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili.

    32

    Peress li l-kawżi quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u tal-appell inqatgħu favur Ingvar Mattsson, Länsförsäkringar ressqet kawża quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema), filwaqt li rrikonoxxiet li EWMG kienet aġixxiet b’negliġenza. Din il-qorti tal-aħħar tistaqsi jekk il-pariri pprovduti fil-kuntest ta’ assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital, li ma jikkonċernawx fihom infushom l-iffirmar tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, iżda investiment ta’ kapital, jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92, li l-Att dwar il-Medjazzjoni fl-Assigurazzjoni jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt Żvediż, jew tad-Direttiva 2004/39, jew ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    (a)

    Id-Direttiva 2002/92 tkopri attività fejn intermedjarju fl-assigurazzjoni ma kellu l-ebda intenzjoni li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni reali? Huwa rilevanti jekk din l-intenzjoni kienet assenti qabel ma bdiet l-attività jew bdiet teżisti biss sussegwentement?

    (b)

    Fis-sitwazzjoni prevista fid-domanda 1(a), huwa rilevanti jekk l-intermedjarju wettaqx ukoll attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni xierqa flimkien ma’ attività fittizja?

    (ċ)

    Fis-sitwazzjoni prevista fid-domanda 1(a) ukoll, huwa rilevanti li l-attività dehret, prima facie, lill-klijent bħala xogħol preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni? Il-fehma tal-klijent, kemm jekk fondata jew infondata, ta’ jekk kinitx involuta l-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, hija ta’ xi rilevanza?

    2)

    (a)

    Id-Direttiva 2002/92 tirregola l-pariri, ekonomiċi jew mod ieħor, mogħtija b’konnessjoni mal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni iżda li bħala tali ma jikkonċernawx l-iffirmar attwali jew il-kontinwazzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni? F’dan ir-rigward, x’japplika, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ pariri dwar it-tqegħid tal-kapital fil-kuntest ta’ assigurazzjoni ta’ kapital?

    (b)

    Il-pariri msemmija fid-domanda 2(a), fejn, b’definizzjoni, jikkostitwixxu pariri dwar l-investiment skont id-Direttiva 2004/39 (2), huma wkoll jew minflok koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva? Jekk dawn il-pariri huma koperti wkoll mid-Direttiva 2004/39, sett ta’ regoli wieħed jieħu preċedenza fuq l-ieħor?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    34

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li l-partijiet kollha tagħha għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni”, anki fl-assenza tal-intenzjoni tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni kkonċernat li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni effettiv.

    35

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/92, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jinkludi, b’mod partikolari, l-eżerċizzju tal-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, li fir-rigward tagħha d-Direttiva tistabbilixxi regoli.

    36

    Għal dan il-għan, il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” huwa ddefinit fl-ewwel paragrafu tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva bħala “attivitajiet ta’ introduzzjoni, proposti jew it-twettieq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, jew li dawk il-kuntratti jiġu konklużi, jew f’għajnuna fl-amministrazzjoni jew twettieq ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ talba”.

    37

    Mill-fatt li l-attivitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni huma ppreżentati bħala alternattivi jsegwi li kull waħda minnhom tikkostitwixxi, fiha nnifisha, attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Il-qorti tar-rinviju u l-partijiet kkonċernati kollha msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taw il-fehma tagħhom dwar dan is-suġġett fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jaqblu li t-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” indipendentement minn jekk iwassalx għall-konklużjoni ta’ tali kuntratti.

    38

    Madankollu, Länsförsäkringar hija tal-fehma li tali xogħlijiet preparatorji jikkostitwixxu medjazzjoni fl-assigurazzjoni fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 biss jekk, meta jwettaqhom, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jkollu l-intenzjoni li jikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni effettivi. Hija għalhekk tqis li, fil-kawża Strobel et vs Länsförsäkringar, ma kienx hemm medjazzjoni fl-assigurazzjoni fil-każ tal-misapproprjazzjoni mid-Direttur Ġenerali ta’ Connecta tal-ammonti mħallsa minn Strobel et f’dik il-kawża minkejja li dawn l-ammonti kienu intiżi għall-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti.

    39

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eżerċizzju tal-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni li jikkonsisti fit-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwiex suġġett għall-eżistenza tal-intenzjoni tal-intermedjarju ta’ assigurazzjoni li jikkonkludi dawn il-kuntratti, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet persegwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, jirriżulta, b’mod partikolari, mit-termini “attività”, “preżentazzjoni”, “tipproponi”, “jitwettqu” u “jgħinu” li l-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” huwa ddefinit b’riferiment biss għall-passi oġġettivament meħuda mill-intermedjarju tal-assigurazzjoni. Min-naħa l-oħra, ebda terminu f’din id-dispożizzjoni ma jista’ jiġi interpretat bħala li jindika li, sabiex jiġu kklassifikati bħala medjazzjoni fl-assigurazzjoni, l-attivitajiet msemmija fid-dispożizzjoni għandhom ikollhom intenzjoni partikolari min-naħa ta’ dan l-intermedjarju.

    41

    Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/92 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-klijenti kontra l-inabbiltà tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni li jittrasferixxi l-primjum lill-impriża tal-assigurazzjoni. Fin-nuqqas ta’ preċiżjoni kuntrarja, hemm lok li jitqies li din id-dispożizzjoni hija intiża għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra kwalunkwe nuqqas tal-imsemmi intermedjarju li jwettaq tali trasferiment, indipendentement mir-raġuni. Konsegwentement, din il-protezzjoni għandha tkopri l-impossibbiltà li jiġi ttrasferit tali primjum lill-impriża tal-assigurazzjoni meta jkun hemm misapproprijazzjoni tal-imsemmi primjum minn impjegat tal-kumpannija intermedjarja fil-kuntest tat-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    42

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li din id-direttiva għandha bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-premessi 8, 9 u 17 tagħha, it-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Għal dan il-għan, kif previst fil-premessa 9 tagħha, kull persuna u istituzzjoni li jqassmu prodotti ta’ assigurazzjoni għandhom jiġu koperti mill-imsemmija direttiva. L-ewwel nett, l-issuġġettar tal-inklużjoni ta’ attività fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess direttiva għall-intenzjoni suġġettiva tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni li jeżerċita dik l-attività tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, għad-detriment tal-klijenti ta’ dak l-intermedjarju. It-tieni nett, kif osservat il-Kummissjoni, tali sitwazzjoni legali jkollha l-konsegwenza li l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jista’ jinvoka l-aġir frawdolenti tiegħu sabiex jevita r-responsabbiltà tiegħu fir-rigward tal-klijenti tiegħu skont id-Direttiva 2002/92.

    43

    Minn dak li ntqal isegwi li t-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni huwa kunċett oġġettiv. Għaldaqstant, dan jikkostitwixxi attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, indipendentement mill-intenzjoni tal-intermedjarju ta’ assigurazzjoni li jikkonkludi jew le l-imsemmija kuntratti.

    44

    Minn dan isegwi li l-mument li fih ikun hemm l-assenza ta’ intenzjoni ta’ intermedjarju li jikkonkludi kuntratti tal-assigurazzjoni kif ukoll il-perċezzjoni suġġettiva tal-klijenti kkonċernati dwar l-attività tal-imsemmi intermedjarju li tikkonsisti fit-twettiq tax-xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni huma irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din l-attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    45

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” it-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, anki fl-assenza tal-intenzjoni tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni kkonċernat li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni effettiv.

    Fuq it-tieni domanda

    46

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, li l-partijiet tagħha għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-pariri finanzjarji marbuta mal-investiment ta’ kapital mogħtija fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-ħajja fuq il-kapital jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 jew tad-Direttiva 2004/39 u, fil-każ li dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ direttivi, jekk l-applikazzjoni ta’ waħda minn dawk id-direttivi għandhiex tipprevali fuq l-oħra.

    Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92

    47

    Kif jirriżulta mill-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, sabiex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/92, attività għandha tikkorrispondi ma’ waħda minn dawk imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni”.

    48

    Sa fejn l-attivitajiet kollha elenkati f’din id-dispożizzjoni jirrigwardaw kuntratt ta’ assigurazzjoni, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxix “kuntratt ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2002/92 ma tipprovdi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni”, u lanqas ma tirreferi espressament għad-dritt tal-Istati Membri dwar dan il-punt. Għalhekk, kif jirriżulta kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, il-portata tat-terminu “kuntratt ta’ assigurazzjoni” għandha tiġi identifikata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-direttiva, u għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, González Alonso, C-166/11, EU:C:2012:119, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni, f’kuntesti differenti, tikkonstata li t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma kkaratterizzati, b’mod ġeneralment aċċettat, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, bi ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jimmaterjalizza r-riskju kopert, is-servizz miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt (sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, EU:C:1999:93, punt 17, u tas-26 ta’ Marzu 2015, Litaksa, C-556/13, EU:C:2015:202, punt 28). Tali tranżazzjonijiet jimplikaw, min-natura tagħhom, l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha jkunu koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Aspiro, C-40/15, EU:C:2016:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Minn dan isegwi li, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni” skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jistipula l-ħlas ta’ primjum mill-persuna assigurata u li, bħala korrispettiv għal dan il-ħlas, il-provvista ta’ servizz mill-assiguratur fil-każ tal-mewt tal-assigurat jew l-okkorrenza ta’ avveniment ieħor imsemmi f’dan il-kuntratt. F’dan il-każ, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kuntratt ta’ assigurazzjoni fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, fatt li ma huwiex ikkontestat minn Länsförsäkringar.

    52

    Għaldaqstant, tqum id-domanda, it-tieni nett, jekk parir finanzjarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jaqa’ taħt l-attivitajiet elenkati fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, meta huwa pprovdut fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni relatat mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-attivitajiet huma deskritti f’termini ġenerali. B’mod partikolari, dawn jikkonsistu mhux biss fil-preżentazzjoni u fil-proposta ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni, iżda wkoll fit-twettiq ta’ xogħol preparatorju ieħor għall-konklużjoni tagħhom, mingħajr ma n-natura tax-xogħlijiet preparatorji msemmija tkun limitata bi kwalunkwe mod.

    54

    Skont il-qorti tar-rinviju, il-pariri finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jikkonċernaw l-investiment ta’ kapital f’ċertifikat ta’ investiment fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Svediż jirriżulta li dan il-kapital kien jikkonsisti fi primjums tal-assigurazzjoni mħallsa fil-prodott inkwistjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi parti integrali mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni u li, konsegwentement, parir dwar din l-istess dispożizzjoni jikkostitwixxi xogħol preparatorju għall-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt tal-assigurazzjoni.

    55

    Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għan persegwit mid-Direttiva 2002/92 intiż, kif ġie mfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tal-medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-pariri inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma suġġetti, b’mod partikolari, għar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 12(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li permezz tagħhom l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, meta jinforma lill-klijent li huwa jipprovdi l-pariri tiegħu abbażi ta’ analiżi imparzjali, huwa obbligat, minn naħa, li jagħti tali pariri abbażi ta’ analiżi ta’ numru suffiċjenti ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni offerti fis-suq sabiex jirrakkomanda dak li huwa adattat għall-bżonnijiet tal-klijent u, min-naħa l-oħra, li jippreċiża minn tal-inqas, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni speċifiku, ir-rekwiżiti u l-bżonnijiet tal-imsemmi klijent kif ukoll ir-raġunijiet li jimmotivaw kull parir mogħti dwar prodott partikolari ta’ assigurazzjoni, u dawn id-dettalji għandhom jiġu adattati skont il-kumplessità tal-kuntratt propost.

    56

    L-interpretazzjoni msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza hija wkoll ikkorroborata mid-Direttiva 2014/65, li ma kinitx fis-seħħ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, li emendat id-Direttiva 2002/92 biż-żieda ta’ kapitolu ġdid IIIa, intitolat “Rekwiżiti addizzjonali għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni”. Dawk il-prodotti issa huma ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, f’paragrafu 13 ġdid, bħala prodotti tal-assigurazzjoni li joffru valur fil-maturità jew valur ta’ ċessjoni li huwa kompletament jew parzjalment espost, direttament jew indirettament, għall-fluttwazzjonijiet tas-suq.

    57

    Minn din id-definizzjoni jirriżulta li prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, l-istess bħall-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvi element ta’ investiment li huwa suġġett għal żviluppi fis-swieq finanzjarji. Madankollu, id-Direttiva 2014/65 ma introduċiet ebda emenda fid-definizzjoni ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, li jfisser li l-pariri dwar tali element ta’ investiment jikkostitwixxu attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, kif iddefinit f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-imsemmi Kapitolu IIIa jinkludi rekwiżiti “supplimentari” fir-rigward ta’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jindika li l-medjazzjoni ta’ tali prodotti diġà kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 qabel l-emenda tagħha mid-Direttiva 2014/65.

    58

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-pariri finanzjarji marbuta mal-investiment ta’ kapital mogħtija fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92.

    Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39

    59

    Fir-rigward tad-Direttiva 2004/39, huwa minnu li l-pariri finanzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu, fihom infushom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “parir dwar l-investiment”, kif iddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, sakemm l-investiment ikkonċernat jista’ jiġi kklassifikat bħala “strument finanzjarju” li, skont il-punt 17 tal-istess paragrafu, hemm riferiment għalih fit-Taqsima C tal-Anness I ta’ dik id-direttiva.

    60

    Tali konsulenza finanzjarja għalhekk tista’, bħala prinċipju, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2004/39 sa fejn, skont il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) u l-punt 5 tat-Taqsima A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi servizz tal-investiment u sa fejn, skont il-punt 1 ta’ dak il-paragrafu, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala “kumpannija ta’ investiment” fejn din tal-aħħar tagħti tali pariri bħala xogħol regolari jew attività kummerċjali.

    61

    Madankollu, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/39 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, persuni li jipprovdu servizz ta’ investiment meta dan is-servizz jiġi pprovdut b’mod anċillari matul attività professjonali u din l-attività tkun irregolata minn dispożizzjonijiet legali jew regolatorji jew minn kodiċi tal-etika li jirregola l-professjoni u li ma jeskludix il-provvista ta’ dan is-servizz.

    62

    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-attività professjonali ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni tikkonsisti, skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2002/92, fil-medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Sa fejn tali intermedjarju jipproponi, fost il-prodotti tal-assigurazzjoni disponibbli, prodott bħall-assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li l-pariri dwar investiment ta’ kapital użat f’dak il-prodott għandhom jiġu pprovduti fuq bażi anċillari, peress li huma pprovduti fil-kuntest ta’ attività ta’ medjazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, attività li hija suġġetta għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri dawk tad-Direttiva 2002/92.

    63

    Il-fatt, irrilevat mill-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li intermedjarju ta’ assigurazzjoni jipprovdi tali pariri regolarment jew frekwentement, huwa għalhekk irrilevanti, sa fejn dawn jiġu pprovduti kull darba fil-kuntest ta’ medjazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni.

    64

    L-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/39 hija, barra minn hekk, konformi mal-istruttura din id-direttiva sa fejn, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-servizzi jew l-attivitajiet ta’ investiment li huma offerti fil-kuntest ta’ attività oħra rregolata huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni jew mill-obbligi tagħha. Għalhekk, l-Artikolu 2(j) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ta’ persuni li jipprovdu pariri dwar l-investiment matul l-eżerċizzju ta’ attività professjonali oħra mhux koperta b’din id-direttiva, sakemm il-provvista ta’ dawn il-pariri ma tkunx speċifikament remunerata.

    65

    Bl-istess mod, l-Artikolu 19(9) tad-Direttiva 2004/39 jipprevedi li servizz ta’ investiment offrut bħala parti minn prodott finanzjarju li huwa diġà suġġett għal dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew għal standards komuni Ewropej ma għandux ikun suġġett għall-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu 19, anki jekk dawn l-obbligi ma jkunux identiċi għal dawk previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet jew standards (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Genil 48 u Comercial Hostelera de Grandes Vinos, C-604/11, EU:C:2013:344, punt 45 kif ukoll 46).

    66

    Kuntrarjament għal dak li jsostnu Länsförsäkringar u l-Gvern Svediż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-affermazzjoni li tgħid li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39 jipprevedu regoli ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ servizzi ta’ investiment iktar estiżi minn dawk previsti fid-Direttiva 2002/92, anki jekk korretta, ma tistax minnha nnifisha twassal sabiex pariri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39, li l-Artikolu 2(ċ) tagħha jeskludi tali pariri meta jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital.

    67

    F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2014/65, li tħassar u tikkostitwixxi riformulazzjoni tad-Direttiva 2004/39, kif jirriżulta mill-premessa 87 tagħha, introduċiet rekwiżiti ġodda, fid-Direttiva 2002/92, li jsaħħu l-protezzjoni tal-investituri fir-rigward ta’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, sabiex tiżgura, fid-dritt tal-Unjoni li jirregola l-attivitajiet tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tal-impriżi tal-assigurazzjoni, approċċ regolatorju konsistenti dwar id-distribuzzjoni ta’ prodotti finanzjarji differenti.

    68

    Barra minn hekk, din il-premessa tikkorrobora l-interpretazzjoni li l-pariri inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39 peress li tipprevedi li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65 dwar il-protezzjoni tal-investituri għandhom japplikaw bl-istess mod għal prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, li jfisser li dawn il-prodotti ma kinux suġġetti għar-regoli ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva 2004/39.

    69

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-pariri finanzjarji marbuta mad-dispożizzjoni ta’ kapital mogħtija fil-kuntest ta’ medjazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39.

    70

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-pariri finanzjarji marbuta mal-investiment ta’ kapital mogħtija fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 u mhux taħt dak tad-Direttiva 2004/39.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “medjazzjoni fl-assigurazzjoni” it-twettiq ta’ xogħlijiet preparatorji għall-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, anki fl-assenza tal-intenzjoni tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni kkonċernat li jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni effettiv.

     

    2)

    Il-pariri finanzjarji marbuta mal-investiment ta’ kapital mogħtija fil-kuntest ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja fuq il-kapital jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/92 u mhux taħt dak tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

    Top