Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0017

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2018.
Proċeduri kriminali kontra Virgil Mailat et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunalul Mureş.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 19 u 29 kif ukoll Artikolu 135(1)(l) – Trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom – Eżenzjoni tal-kiri ta’ proprjetajiet immobbli – Kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li sservi għal użu kummerċjali u tal-oġġetti mobbli neċessarji għal dan l-użu – Provvisti relatati mal-proprjetà immobbli li taw lok għat-tnaqqis tal-VAT – Aġġustament.
Kawża C-17/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:1038

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

19 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 19 u 29 kif ukoll Artikolu 135(1)(l) – Trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom – Eżenzjoni tal-kiri ta’ proprjetajiet immobbli – Kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li sservi għal użu kummerċjali u tal-oġġetti mobbli neċessarji għal dan l-użu – Provvisti relatati mal-proprjetà immobbli li taw lok għat-tnaqqis tal-VAT – Aġġustament”

Fil-Kawża C‑17/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Mureș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mureș, ir-Rumanija), b’deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura kriminali kontra

Virgil Mailat,

Delia Elena Mailat,

Apcom Select SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President tal-Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, E. Levits, u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Mailat, minn L. Chiriac u O. D. Crăciun, avocaţi,

għal D. E. Mailat, minn S. Bogdan u D.-S. Chertes, avocaţi,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn R.-H. Radu, sussegwentement minn C.-R. Canţăr, O. C. M. Florescu u E. Gane, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 19 u 29, kif ukoll tal-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Virgil Mailat u Delia Elena Mailat kif ukoll kontra l-kumpannija kummerċjali li huma kienu l-amministraturi tagħha, Apcom Select SA, għal evażjoni fiskali, minħabba li, wara t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa fuq l-input għal xogħlijiet imwettqa fi proprjetà immobbli li sservi għall-attività kummerċjali tagħhom, huma ma aġġustawx l-imsemmija VAT fil-mument meta krew il-proprjetà immobbli inkwistjoni kif ukoll l-oġġetti mobbli neċessarji għat-tkomplija ta’ din l-attività.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:

“F’każ ta’ trasferiment, bi ħlas jew mingħajr jew bħala kontribuzzjoni lil kumpannija, ta’ l-assi kollha jew parti minnhom, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li ma tkunx saret provvista ta’ merkanzija u li l-persuna li lilha tkun ġiet ittrasferita l-merkanzija għandha tkun trattata bħala s-suċċessur ta’ min jagħmel it-trasferiment.

F’każijiet fejn id-destinatarju ma jkunx kompletament soġġett għat-taxxa, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dawn jistgħu jadottaw ukoll kwalunkwe miżura meħtieġa biex jimpedixxu l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa permezz ta’ l-użu ta’ dan l-Artikolu.”

4

L-Artikolu 29 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Artikolu 19 għandu japplika fl-istess mod għall-provvista ta’ servizzi.”

5

Skont l-Artikolu 135(1)(l) tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(l)

[leasing u] il-kiri ta’ proprjetà immobbli.”

Id-dritt Rumen

6

L-Artikolu 149 tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi Fiskali), tat-23 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Taqsima I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’Diċembru 2007, jipprovdi:

“(1)   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu:

[…]

d)

it-taxxa mnaqqsa relatata mal-beni kapitali hija t-taxxa mħallsa jew dovuta relatata ma kull tranżazzjoni marbuta max-xiri, mal-manifattura, mal-kostruzzjoni, mat-trasformazzjoni jew mal-modernizzazzjoni ta’ dawn il-beni, bl-esklużjoni tat-taxxa mħallsa jew dovuta għat-tiswija jew għall-manutenzjoni tal-imsemmija beni jew tat-taxxa relatata max-xiri tal-ispare parts intiżi għat-tiswija jew għall-manutenzjoni tal-beni kapitali.

[…]

(4)   L-aġġustament tat-taxxa mnaqqsa msemmija fil-paragrafu 1(d) jitwettaq:

a)

meta l-beni kapitali jintuża mill-persuna taxxabbli:

1.

kollha jew parti minnha, għal għanijiet oħra minbarra l-attivitajiet ekonomiċi;

2.

għal tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis tat-taxxa;

3.

għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis tat-taxxa differenti mit-tnaqqis inizjalment imwettaq;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Apcom Select, amministrata minn V. u D. E. Mailat, għamlet, matul ix-xahar ta’ Mejju 2007, xogħlijiet ta’ investiment li twettqu matul il-perijodu 2006–2007 f’bini li fih hija kienet topera ristorant. L-imsemmija kumpannija bbenefikat mit-tnaqqis tal-VAT għal dawn ix-xogħlijiet kif ukoll għall-assi fissi u l-beni relatati mal-operat tal-imsemmi ristorant.

8

Fix-xahar ta’ Diċembru 2007, din l-istess kumpannija kkonkludiet, fil-kuntest ta’ skema ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-VAT, kuntratt ta’ kiri ma’ kumpannija kummerċjali oħra, fir-rigward tal-proprjetà immobbli inkwistjoni kif ukoll l-assi fissi u l-beni relatati mal-operat tar-ristorant. Il-persuna li tikri kompliet l-operat kummerċjali tar-ristorant taħt l-istess isem tad-ditta. Waqt il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, V. u D. E. Mailat ma wettqux l-aġġustament tal-VAT abbażi tal-VAT imnaqqsa għax-xogħol imwettaq kif ukoll għall-assi fissi u l-beni relatati mal-operat tar-ristorant, filwaqt li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma kellhom l-obbligu li jagħmlu dan.

9

Huwa f’dan il-kuntest li V. u D. E. Mailat, kif ukoll Apcom Select, huma suġġetti għal proċedimenti kriminali quddiem il-qorti tar-rinviju, fuq l-inizjattiva tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, għal evażjoni fiskali.

10

F’dan il-każ, V. u D. E. Mailat isostnu li l-kiri, permezz ta’ Apcom Select, tal-bini li fih huma joperaw ristorant, bit-tagħmir u bl-assi marbuta mal-operat tar-ristorant, lil kumpannija kummerċjali oħra, jikkostitwixxi trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-Artikoli 19 u 29 tad-Direttiva dwar il-VAT, u li, għaldaqstant, Apcom Select kellha d-dritt li tnaqqas il-VAT relatata max-xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni mwettqa matul il-perijodu 2006–2007, mingħajr il-ħtieġa ta’ aġġustament tal-VAT favur l-Istat fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kiri.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Mureș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mureș, ir-Rumanija), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-konklużjoni ta’ ftehim li permezz tiegħu kumpannija tikri bini lil kumpannija oħra li fih kienu jitwettqu attivitajiet speċifiċi ta’ għoti ta’ alimentazzjoni lill-pubbliku f’ristorant, flimkien mat-tagħmir u mal-beni tal-inventarju kollha, u l-kumpannija kerrejja tkompli twettaq l-istess attivitajiet ta’ għoti ta’ alimentazzjoni lill-pubbliku f’ristorant bl-istess isem bħal dak użat preċedentement, tikkostitwixxi trasferiment ta’ attività fis-sens tal-Artikolu 19 u tal-Artikolu 29 tad-Direttiva [dwar il-VAT]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-operazzjoni deskritta tirrappreżenta provvista ta’ servizzi li tista’ titqies bħala kiri ta’ proprjetà immobbli fis-sens tal-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva tal-VAT jew bħala provvista ta’ servizzi kumplessi li ma tistax titqies bħala [“]kiri ta’ proprjetà immobbli[”] u li hija taxxabbli skont il-liġi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

12

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom”, fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva [dwar il-VAT], għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-tranżazzjoni li biha bini li kien iservi għal użu kummerċjali jinkera, bit-tagħmir kollu tiegħu kif ukoll bil-prodotti għall-konsum intiżi għal dan l-użu, meta min jikri jkompli dan l-operat taħt l-istess isem tad-ditta.

13

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa redatt f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), u li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-aħħar dispożizzjoni tista’ tiġi trasposta, mutatis mutandis, għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT. Skont din il-ġurisprudenza, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiffaċilita t-trasferimenti ta’ impriżi, billi jissimplifikahom u billi jevita li r-riżorsi tal-benefiċjarju jiġu suġġetti għal piż fiskali sinjifikattiv li huwa kien, fi kwalunkwe każ, jirkupra iktar ’il quddiem permezz ta’ tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes,C‑497/01, EU:C:2003:644, punt 39, u tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C‑444/10, EU:C:2011:724, punt 23).

14

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom” il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trasferiment tal-avvjament jew ta’ parti awtonoma ta’ impriża li tinkludi elementi korporali u, jekk ikun il-każ, inkorporali li, flimkien, jikkostitwixxu impriża jew parti minn impriża li tista’ teżerċita attività ekonomika awtonoma, iżda ma jkoprix is-sempliċi trasferiment ta’ assi, bħall-bejgħ ta’ stokk ta’ prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes,C-497/01, EU:C:2003:644, punt 40, u tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punt 24).

15

Minn din l-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, sabiex ikun hemm trasferiment tal-avvjament jew ta’ parti awtonoma ta’ impriża, hemm bżonn li l-elementi kollha ttrasferiti jkunu suffiċjenti sabiex jippermettu t-tkomplija ta’ attività ekonomika awtonoma u li l-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi kollha għandhomx jew le jinkludu proprjetajiet immobbli kif ukoll oġġetti mobbli għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-attività ekonomika inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punti 25 u 26).

16

Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet li għandha tingħata importanza partikolari għan-natura tal-attività ekonomika li t-tkomplija tagħha hija prevista fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-fatti li għandha titwettaq sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni taqax taħt il-kunċett ta’ “trasferiment tal-assi kollha”, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punt 32).

17

Għalhekk, fil-każ fejn attività ekonomika ma teħtieġx l-użu ta’ bini partikolari jew ta’ tagħmir b’installazzjonijiet fissi indispensabbli għat-tkomplija tal-attività ekonomika, jista’ jkun hemm trasferiment tal-assi kollha, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT, anki mingħajr it-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà fuq proprjetà immobbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punt 27).

18

Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi li jikkonsistu fl-operat ta’ grupp indisassoċjabbli ta’ oġġetti mobbli u immobbli, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ikkunsidrat li ma hemmx trasferiment tal-assi kollha, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT, meta ċ-ċessjonarju ma jkunx fil-pussess tal-bini. B’mod partikolari, jekk il-bini kummerċjali huwa mgħammar b’installazzjonijiet fissi meħtieġa għat-tkomplija tal-attività ekonomika, din il-proprjetà immobbli għandha tkun tifforma parti mill-elementi ttrasferiti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punt 28).

19

Fir-rigward tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-operat ta’ ristorant, għandu jiġi kkonstatat li din hija attività li, bħala prinċipju, ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr bini kummerċjali. Fil-fatt, minbarra s-servizz tar-ristorazzjoni ambulanti, l-attività ta’ ristorazzjoni timplika li l-operatur għandu bini li jista’ jintuża bħala kċina, li fih jista’ jżomm t-tagħmir, il-materjal u l-materja prima meħtieġa għat-tħejjija tal-platti. Issa, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax attività ta’ ristorazzjoni ambulanti, iżda l-operat ta’ stabbiliment f’indirizz fiss, li għandu kemm kċina kif ukoll kamra tal-ikel.

20

Għandu jitfakkar li, għalkemm tikkonsisti f’attività ekonomika li ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr il-pussess ta’ bini kummerċjali, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi ttrasferiti, li l-proprjetarju tal-avvjament ikun ukoll il-proprjetarju tal-proprjetà immobbli li fih jinsab in-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C‑444/10, EU:C:2011:724, punt 34). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta t-tkomplija tal-attività ekonomika inkwistjoni tkun teżiġi li x-xerrej juża l-istess bini bħal dak li kellu l-bejjiegħ, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li dan il-pussess jiġi ttrasferit permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kiri (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punt 36).

21

Madankollu, għandu jiġi speċifikat li l-kawża li waslet għas-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever (C-444/10, EU:C:2011:724), li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawn il-kunsiderazzjonijiet, kienet tikkonċerna t-trasferiment, għall-benefiċċju ta’ operatur ġdid tal-attività kummerċjali inkwistjoni f’din il-kawża, tal-proprjetà tal-istokk tal-merkanzija u tat-tagħmir użat għal din l-attività, li kienu meqjusa li jikkostitwixxu sett ta’ oġġetti mobbli suffiċjenti sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-imsemmija attività.

22

Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-elementi kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu biss is-suġġett ta’ kiri u li ma kien hemm l-ebda trasferiment ta’ drittijiet għall-proprjetà relatati.

23

Issa, tali tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-elementi kollha ma tikkostitwixxix trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT.

24

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu madankollu jiġi rrilevat li, mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għadd ta’ oġġetti mobbli, kienu mhux mikrija, iżda mibjugħa liċ-ċessjonarju. Hija l-qorti nazzjonali li finalment għandha tiddetermina jekk dawn l-oġġetti kinux jippermettu, waħedhom, liċ-ċessjonarju jkompli l-attività ekonomika inkwistjoni b’mod awtonomu, jew jekk il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx mgħammra b’installazzjonijiet neċessarji għat-tkomplija ta’ din l-attività ekonomika.

25

Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll, minn naħa, li sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT, huwa neċessarju li ċ-ċessjonarju kellu l-intenzjoni li juża l-avvjament jew il-parti ta’ impriża ttrasferita u mhux sempliċement li jillikwida immedjatament l-attività kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jbiegħ l-istokk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes,C-497/01, EU:C:2003:644, punt 44).

26

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, l-intenzjonijiet tax-xerrej jistgħu jew, f’ċerti każijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi ta’ operazzjoni, sakemm dawn ikunu sostnuti minn elementi oġġettivi (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punt 38).

27

Issa, għalkemm huwa minnu li, fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-persuna li tikri kompliet matul iktar minn sentejn l-attività ekonomika awtonoma eżerċitata preċedentement minn sid il-kera u li, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħadet l-impjegati, żammet l-istess fornituri u onorat l-impenji kummerċjali li diġà ttieħdu minn sid il-kera fil-konfront tal-klijenti ta’ dan tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li din il-persuna li tikri qatt ma kienet f’pożizzjoni li, bħala tali, tillikwida l-attività kkonċernata, sa fejn, peress li ma saritx proprjetarja ta’ parti kbira mill-elementi neċessarji għall-operat tal-imsemmija attività, hija ma kellhiex il-kapaċità li tiddisponi minnha.

28

Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li elementi bħalma huma t-tul permess tal-kirja u l-modalitajiet miftiehma għat-tmiem tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni globali tal-operazzjoni ta’ trasferiment ta’ assi, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT, xorta jibqa’ l-fatt li la t-tul tal-kirja u lanqas il-possibbiltà ta’ xoljiment ta’ din tal-aħħar permezz ta’ preavviż qasir ma huma, fihom innifishom, determinanti sabiex jiġi konkluż li ċ-ċessjonarju kellu l-intenzjoni li jillikwida immedjatament l-avvjament jew il-parti ta’ impriża ttrasferita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punti 42 u 43). Issa, peress li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, min jikri mingħand Apcom Select bl-ebda mod ma seta jipproċedi bil-likwidazzjoni tal-attività ekonomika kkonċernata, il-fatt li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT ma tistax tiġi rrifjutata biss abbażi ta’ wieħed minn dawn il-motivi biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Schriever,C-444/10, EU:C:2011:724, punti 42 sa 44) huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.

29

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi li l-benefiċjarju għandu jitqies bħala s-suċċessur taċ-ċedent, ma jagħmilx il-kontinwazzjoni ta’ din il-persuna kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes,C-497/01, EU:C:2003:644, punt 43). Għaldaqstant, il-fatt li, f’dan il-każ, il-benefiċjarju kompla bl-operat tal-attività taħt l-istess isem tad-ditta bħaċ-ċedent, huwa wkoll irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax jew le taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom”, fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jkoprix it-tranżazzjoni li permezz tagħha proprjetà immobbli li kienet isservi għal użu kummerċjali tinkera, bit-tagħmir kollu tagħha kif ukoll bil-prodotti għall-konsum meħtieġa għal dan l-użu, minkejja li min jikri jkompli l-attività ta’ sid il-kera taħt l-istess isem tad-ditta.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li kienet isservi għal użu kummerċjali kif ukoll tat-tagħmir kollu tagħha u tal-prodotti għall-konsum meħtieġa għal dan l-użu jikkostitwixxix “kiri ta’ proprjetajiet immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew jekk tali kuntratt għandux jitqies bħala provvista ta’ servizz kumpless.

32

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, diversi provvisti formalment distinti, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u għalhekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland,C-155/12, EU:C:2013:434, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li provvista għandha tiġi kkunsidrata bħala unika meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli jkunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda u indiviżibbli li d-diviżjoni tagħha tkun ta’ natura artifiċjali (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland,C-155/12, EU:C:2013:434, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Dan huwa wkoll il-każ meta provvista waħda jew iktar jikkostitwixxu provvista prinċipali u l-provvista jew il-provvisti l-oħra jikkostitwixxu provvista anċillari waħda jew iktar li għalihom tapplika l-istess sistema fiskali li hija applikabbli għall-provvista prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha titqies li hija anċillari għal provvista prinċipali meta ma tkunx tikkostitwixxi għan fiha nnifisha għall-klijenti, iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali pprovdut mill-fornitur (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland,C-155/12, EU:C:2013:434, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Għalkemm huwa minnu li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix provvista waħda f’sitwazzjoni partikolari u li għandha tevalwa l-fatti kollha definittivi f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tipprovdilha l-elementi kollha utli ta’ interpretazzjoni sabiex tiġi deċiża t-tilwima (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, RR Donnelley Global Turnkey Solutions Poland,C-155/12, EU:C:2013:434, punt 23).

36

Għalhekk, fir-rigward tal-kunċetti ta’ “leasing” u ta’ “kiri” li jinsabu fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti fl-imsemmija dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-“kiri ta’ proprjetajiet immobbli”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala l-għoti mis-sid ta’ proprjetà immobbli lil min jikri, bi ħlas u għal perijodu miftiehem, tad-dritt li jokkupa din il-proprjetà immobbli u li jeskludi kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ tali dritt (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Goed Wonen,C-326/99, EU:C:2001:506, punt 55, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Walderdorff,C-451/06, EU:C:2007:761, punt 17).

37

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, inklużi l-kunċetti ta’ “leasing” u ta’ “kiri ta’ proprjetajiet immobbli”, għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi li ssir bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Walderdorff,C-451/06, EU:C:2007:761, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-kiri ta’ proprjetà immobbli li kienet isservi għal użu kummerċjali fl-istess ħin bħall-kiri tat-tagħmir u tal-prodotti għall-konsum intiżi għal dan l-użu, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala provvista waħda jew bħala diversi provvisti distinti u indipendenti li għandhom jiġu evalwati separatament fir-rigward tal-VAT.

39

F’dan ir-rigward, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kiri tal-oġġetti mobbli li huma s-suġġett tal-kuntratt ta’ kiri ma jidhrux li jistgħu jiġu separati mill-kiri tal-proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li uħud minn dawn il-oġġetti mobbli, bħat-tagħmir u l-apparat tat-tisjir, huma inkorporati f’din il-proprjetà immobbli u għandhom, f’dan l-istadju, jitqiesu bħala li jifformaw parti integrali minnu. Sa fejn il-prodotti għall-konsum li nkrew, jew, għal xi wħud minnhom, li ġew ittrasferiti, fl-istess ħin bħall-proprjetà immobbli kienu jintużaw ukoll għall-operat tar-ristorant, bl-istess mod kif dan l-aħħar beni, dan il-kiri/il-bejgħ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li għandu għan speċifiku, iżda għandu jitqies bħala mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali li jikkostitwixxi l-kiri tal-proprjetà immobbli.

40

Għaldaqstant, il-kiri tal-proprjetà immobbli għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-provvista prinċipali li fir-rigward tagħha l-provvisti l-oħra, jiġifieri l-kiri tat-tagħmir u tal-prodotti għall-konsum, huma biss anċillari.

41

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li kienet isservi għal użu kummerċjali kif ukoll tat-tagħmir kollu tagħha u tal-prodotti għall-konsum meħtieġa għal dan l-użu jikkostitwixxi provvista waħda fejn il-kiri tal-proprjetà immobbli hija l-provvista prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom”, fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jkoprix it-tranżazzjoni li permezz tagħha proprjetà immobbli li kienet isservi għal użu kummerċjali tinkera, bit-tagħmir kollu tagħha kif ukoll bil-prodotti għall-konsum meħtieġa għal dan l-użu, minkejja li min jikri jkompli l-attività ta’ sid il-kera taħt l-istess isem tad-ditta.

 

2)

L-Artikolu 135(1)(l) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli li kienet isservi għal użu kummerċjali kif ukoll tat-tagħmir kollu tagħha u tal-prodotti għall-konsum meħtieġa għal dan l-użu jikkostitwixxi provvista waħda fejn il-kiri tal-proprjetà immobbli hija l-provvista prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.

Top