This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CJ0334
Judgment of the Court (Sixth Chamber) of 20 December 2017.#José Luís Núñez Torreiro v AIG Europe Limited, Sucursal en España and Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa).#Request for a preliminary ruling from the Audiencia Provincial de Albacete.#Reference for a preliminary ruling — Compulsory insurance against civil liability in respect of the use of motor vehicles — Directive 2009/103/EC — Article 3, first paragraph — Concept of ‘use of vehicles’ — National legislation excluding the driving of motor vehicles on roads and terrain that are not ‘suitable for use by motor vehicles’, with the exception of those which, though not suitable, are nonetheless ‘ordinarily so used’).#Case C-334/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
José Luís Núñez Torreiro vs AIG Europe Limited, Sucursal en España u Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Albacete.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati, madankollu ‘jintużaw ta’ spiss.
Kawża C-334/16.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017.
José Luís Núñez Torreiro vs AIG Europe Limited, Sucursal en España u Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Albacete.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati, madankollu ‘jintużaw ta’ spiss.
Kawża C-334/16.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2017:1007
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati, madankollu ‘jintużaw ta’ spiss’”)
Fil-Kawża C-334/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura
José Luis Núñez Torreiro
vs
AIG Europe Limited, Sucursal en España, preċedentement Chartis Europe Limited, Sucursal en España,
Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ April 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal AIG Europe Limited, Sucursal en España u Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa), minn J. Marín López, abogado, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Mentgen, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn A. Joyce, kif ukoll minn L. Williams u G. Hodge, bħala aġenti, assistiti minn G. Gilmore, barrister, |
– |
għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, minn J. Kraehling, bħala aġent, assistita minn A. Bates, barrister, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius u K.-P. Wojcik, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009 L 263, p. 11). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn José Luis Núñez Torreiro u AIG Europe Limited, Sucursal en España, preċedentement Chartis Europe Limited, Sucursal en España (iktar ’il quddiem “AIG”) u l-Unión Española de Entidades Aseguradoras y Reaseguradoras (Unespa) (l-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Kumpanniji tal-Assigurazzjoni) dwar il-ħlas ta’ kumpens skont assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni obbligatorja”) wara inċident li seħħ f’terren ta’ prattika militari. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 1, 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jipprovdu:
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu. […] L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.” |
6 |
L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi: “1. Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, pubbliċi jew privati; il-lista ta’ dawn il-persuni għandha titfassal mill-Istat konċernat u tiġi komunikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. […] 2. Stat Membru jista’ jaġixxi b’deroga tal-Artikolu 3 fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ vetturi jew ċerti vetturi li jkollhom pjanċa speċjali; il-lista tagħhom għandha titfassal mill-Istat ikkonċernat u tiġi komunikata lill Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. […]” |
7 |
L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2009/103 huwa fformulat kif ġej: “Id-Direttivi [72/166], [84/5], [90/232], [2000/26] u [2005/14] […] huma mħassrin […]. Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.” |
Id-dritt Spanjol
8 |
L-Artikolu 1 tal-Ley sobre responsabilidad civil y seguro en la circulación de vehículos a motor (il-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur), ikkodifikata permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2004 (id-Digriet-Liġi Irjali Nru 8/2004) tad-29 ta’ Ottubru 2004 (BOE Nru 267, tal-5 ta’ Novembru 2004, p. 3662) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur”), tipprevedi: “1. Is-sewwieq ta’ vetturi bil-mutur huwa responsabbli, minħabba r-riskju involut fis-sewqan ta’ tali vetturi, għad-dannu kkawżat lil persuni jew lil beni bl-użu tagħhom. […] 6. Il-kunċetti ta’ “vetturi bil-mutur” u ta’ “fatt marbut mal-użu ta’ vettura” għall-finijiet ta’ din il-liġi huma ddefiniti permezz ta’ regolamenti. Fi kwalunkwe każ, ma għandhomx jitqiesu bħala fatti marbuta mal-użu ta’ vettura l-fatti li jirriżultaw mill-użu ta’ vettura bil-mutur għall-finijiet ta’ twettiq ta’ ksur intenzjonat kontra persuni u beni.” |
9 |
L-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur jipprovdi: “L-assiguratur, fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja u taħt l-iskema tagħha, għandu jħallas lill-vittma d-danni subiti mill-persuna tagħha u mill-beni tagħha, kif ukoll l-ispejjeż u danni oħra li għalihom għandha dritt skont id-dritt applikabbli. Huwa eżentat minn dan l-obbligu biss jekk jipproduċi prova li l-fatt ma jagħtix lok għal responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi. […]” |
10 |
L-Artikolu 2 tar-Real Decreto 1507/2008 por el que se aprueba el reglamento del seguro obligatorio de responsabilidad civil en la circulación de vehículos a motor (id-Digriet Irjali 1507/2008 dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għar-Responsabbiltà Ċivili għall-Użu tal-Vetturi bil-Mutur), tat-12 ta’ Settembru 2008 (BOE Nru 222, tat-13 ta’ Settembru 2008, p. 37487) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja”), huwa fformulat kif ġej: “1. Għall-finijiet tar-responsabbiltà ċivili marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur u tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja rregolata minn dan ir-regolament, jitqiesu bħala fatti marbuta mal-użu ta’ vettura l-fatti li jirriżultaw mir-riskju involut fis-sewqan tal-vetturi bil-mutur imsemmija fl-artikolu preċedenti, kemm fil-garaxxijiet u parkeġġi kif ukoll f’toroq u f’terreni pubbliċi u privati adattati għat-traffiku, urbani u interurbani, kif ukoll f’toroq u f’terreni li, mingħajr ma huma adattati għal dan il-għan, jintużaw ta’ spiss. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 |
Fit-28 ta’ Ġunju 2012, J. L. Núñez Torreiro, uffiċjal tal-armata Spanjola, ipparteċipa f’eżerċizzji militari bil-lejl fuq terren ta’ prattika militari f’Chinchilla, (Spanja), meta l-vettura bir-roti off-road militari “Aníbal” (iktar ’il quddiem il-“vettura inkwistjoni”), assigurata minn AIG abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja, li fiha huwa kien passiġġier, inqalbet, u kkawżatlu diversi ġrieħi. Din il-vettura ma kinitx qiegħda tinsaq f’żona għall-vetturi bir-roti, iżda f’żona għall-vetturi bil-katina. |
12 |
Abbażi tal-Artikolu 7 tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, J. L. Núñez Torreiro talab lil AIG tikkumpensah is-somma ta’ EUR 15 300.56 bħala dannu li huwa kien ġarrab minħabba dan l-inċident. |
13 |
AIG, filwaqt li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 1(6) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, irrifjutat li tħallsu din is-somma, abbażi tal-fatt li l-inċident ma kienx jirriżulta minn “att marbut mal-użu ta’ vettura”, peress li kien seħħ waqt li l-vettura inkwistjoni kienet qiegħda tintuża fuq terren ta’ prattika militari, li l-aċċess għalih għal kull tip ta’ vetturi mhux militari kien limitat. Fil-fatt, din il-kumpannija tal-assigurazzjoni qieset li dan it-terren ma kienx “adattat għall-użu ta’ vetturi bil-mutur” u, barra minn hekk, ma kienx “jintuża ta’ spiss” fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. |
14 |
J. L. Núñez Torreiro ppreżenta rikors kontra AIG quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n. 1 de Albacete (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Albacete, Spanja). Permezz ta’ sentenza tat-3 ta’ Novembru 2015, dan ċaħad ir-rikors tal-persuna kkonċernata peress li l-grieħi ta’ dan tal-aħħar ma kinux jirriżultaw minn “att marbut mal-użu ta’ vettura”, peress li l-vettura li kien jinsab fiha kienet qiegħda tinsaq fuq terren li la kien adattat għall-użu ta’ vetturi tal-mutur u lanqas kien jintuża ta’ spiss. |
15 |
J. L. Núñez Torreiro appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete, Spanja), billi sostna li l-Artikolu 1(6) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, kellu jiġi interpretat b’mod restrittiv, konformement mas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C-162/13, EU:C:2014:2146), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-responsabbiltà tal-assiguratur ma tistax tiġi eskluża jekk l-użu tal-vettura jkun konformi mal-funzjoni normali tagħha. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 1(6) u tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqrija flimkien mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja u mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, peress li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għandhom bħala effett li, f’ċerti numru ta’ sitwazzjonijiet, bħal dawk li huma s-suġġett tal-kawża quddiemha, ir-responsabbiltà marbuta mal-użu ta’ vetturi bil-mutur ma tistax tkun obbligatorjament koperta b’assigurazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-uniċi eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li, fis-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C-162/13, EU:C:2014:2146), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ma għandux jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru. |
17 |
Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu derogi mill-obbligu ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur jew mill-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” ħlief fil-kuntest tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/103 jew fejn l-użu tal-vettura kkonċernata ma jkunx konsistenti mal-funzjoni normali tal-vettura. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet għall-kunċett ta’ “att marbut mal-użu ta’ vettura” li jirriżultaw mir-restrizzjoni, skont l-Artikolu 2(1), ta’ tali użu għall-użu li jseħħ fuq terren “adattat għall-użu ta’ vetturi bil-mutur” jew li “mingħajr ma [ġie adattat] għal dan il-għan, [jintuża] ta’ spiss”, huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi eċċezzjoni għall-obbligu ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-użu tagħhom f’avvenimenti sportivi, f’portijiet u f’ajruporti, kif ukoll bħala vetturi bil-mutur użati għal attivitajiet industrijali jew agrikoli jew sabiex jitwettqu reati intenzjonati. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Provincial de Albacete (il-Qorti Provinċjali ta’ Albacete) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
19 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jiġu esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja d-danni mġarrba waqt l-użu ta’ vetturi bil-mutur f’toroq u f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu jintużaw ta’ spiss. |
20 |
Dawn id-domandi huma bbażati, fil-każ inkwistjoni, fuq il-premessa li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, jistgħu jiġu esklużi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja, danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vettura bil-mutur fuq terren ta’ prattika militari, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li dan jikkostitwixxi terren inadattat għall-użu ta’ vetturi bil-mutur li, barra minn hekk, ma “jintużax ta’ spiss” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja. |
21 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżgura li r responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni. |
22 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li vettura bir-roti off-road militari tat-tip “Aníbal”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “vettura” imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, peress li tikkostitwixxi “vettura bil-mutur intiża għal vjaġġi fuq l-art u mmexxija minn qawwa mekkanika, imma li ma timxix fuq il-linji”. Barra minn hekk, huwa paċifiku li din il-vettura normalment hija bbażata fit-territorju ta’ Stat Membru u ma hija affettwata b’ebda deroga adottata skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. |
23 |
Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi bil-mutur” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. |
24 |
Għandu jitfakkar, għal dan il-għan, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett stess, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166 (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”) li l-kontenut tiegħu essenzjalment jikkorrispondi għal dak tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, ma jistax jitħalla għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru, iżda jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi interpretat, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet previsti mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punti 41 u 42, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 31). |
25 |
F’dan ir-rigward, kif tindika l-premessa 1 tad-Direttiva 2009/103, din tikkodifika l-Ewwel Direttiva, it-Tieni Direttiva 84/5, it-Tielet Direttiva 90/232, id-Direttiva 2000/26 u d-Direttiva 2005/14. Dawn id-direttivi ddefinixxew, progressivament, l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-assigurazzjoni obbligatorja. Minn naħa, huma kienu intiżi li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll ta’ persuni li jivvjaġġaw f’tali vetturi, u min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament komparabbli, indipendentement mill-post tat-territorju tal-Unjoni jew mill-post fejn seħħ l-inċident (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C-300/10, EU:C:2012:656, punt 26; tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 50, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 32). |
26 |
Mill-premessi 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta essenzjalment li din tippersegwi l-istess għanijiet. |
27 |
Barra minn hekk, mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi kien kontinwament persegwit u msaħħaħ mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punti 52 sa 55, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 33). |
28 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi tal-mutur” li jinsab f’tali direttiva, ma huwiex limitat għal sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi bil-mutur fit-toroq, jiġifieri f’toroq pubbliċi, iżda dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 59, u tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 34). |
29 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sa fejn il-vetturi bil-mutur imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2009/103, huma, indipendentement mill-karatteristiċi tagħhom, intiżi li jservu bħala mezz tat-trasport, dan il-kunċett ikopri kwalunkwe użu ta’ vettura bħala mezz tat-trasport (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punti 37 u 38). |
30 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-portata tal-imsemmi kunċett ma tiddependix mill-karatteristiċi tat-terren li fuqu tintuża l-vettura bil-mutur (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 35). |
31 |
Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/103 ma tillimita l-portata tal-obbligu tal-assigurazzjoni, u tal-protezzjoni li dan l-obbligu huwa intiż li jagħti lil vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, fil-każ ta’ użu ta’ tali vetturi f’ċerti terreni jew f’ċerti toroq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C-514/16, EU:C:2017:908, punt 36). |
32 |
Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li l-vettura inkwistjoni, fil-mument li nqalbet, kienet qiegħda tintuża minn J. L. Núñez Torreiro bħala mezz tat-trasport. |
33 |
Għaldaqstant, tali użu jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi bil-mutur” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103. |
34 |
Il-fatt li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, meta nqalbet il-vettura inkwistjoni kienet qiegħda tintuża fuq terren ta’ prattika militari li l-aċċess għalih kien ipprojbit għal kull vettura mhux militari u f’żona ta’ dan it-terren mhux adattata għall-użu ta’ vetturi bir-roti, ma hijiex ta’ natura li taffettwa din il-konklużjoni u, għalhekk, li tillimita l-obbligu ta’ assigurazzjoni li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni. |
35 |
Madankollu, l-effett ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li l-estent tal-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja huwa dipendenti fuq il-karatteristiċi tat-terren li fuqu tintuża l-vettura bil-mutur. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tippermetti li tiġi limitata l-portata tal-obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni li l-Istati Membri huma marbuta jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 u għalhekk, il-protezzjoni li dan l-obbligu jestendi lill-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn vetturi bil-mutur, fil-każ tal-użu ta’ tali vetturi f’ċerti terreni jew f’ċerti toroq. |
36 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-esklużjoni mill-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ danni li jirriżultaw mis-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq jew f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu “jintużaw ta’ spiss”. |
Fuq it-tielet domanda
37 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(6) u l-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar ir-Responsabbiltà Ċivili u l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, moqrija flimkien mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja, li jeskludi mill-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja d-danni li jirriżultaw mill-użu ta’ vetturi fil-kuntest ta’ attivitajiet sportivi, industrijali jew agrikoli, f’portijiet u f’ajruporti, kif ukoll fil-kuntest tat-twettiq ta’ reat intenzjonat. |
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentarju u fattwali li hija r-responsabbiltà tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo, C-416/16, EU:C:2017:574, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Fil-każ inkwistjoni, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dannu mġarrab minn J. L. Núñez Torreiro jirriżulta minn inċident li jimplika vettura bir-roti militari tat-tip “Aníbal” li kienet qiegħda tintuża f’żona ta’ terren ta’ prattika militari, adattata għal vetturi bil-katina. Għaldaqstant, il-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-użu ta’ din il-vettura fil-kuntest ta’ attivitajiet sportivi, industrijali jew agrikoli, f’portijiet jew f’ajruporti, jew fil-kuntest tat-twettiq ta’ reat intenzjonat. |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, mitluba fil-kuntest tat-tielet domanda, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u għalhekk, din id-domanda hija inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-esklużjoni mill-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja ta’ danni li jirriżultaw mis-sewqan ta’ vetturi bil-mutur f’toroq jew f’terreni li ma humiex “adattati għall-użu ta’ vetturi bil-mutur”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minkejja li ma humiex adattati għal dan il-għan, madankollu “jintużaw ta’ spiss”. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.