Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0019

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
Verband Sozialer Wettbewerb eV vs Innova Vital GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Artikolu 1(2) — Kamp ta’ applikazzjoni — Ikel intiż li jitwassal bħala tali lill-konsumatur finali — Indikazzjonijiet magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa.
Kawża C-19/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:563

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Lulju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Artikolu 1(2) — Kamp ta’ applikazzjoni — Ikel intiż li jitwassal bħala tali lill-konsumatur finali — Indikazzjonijiet magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa”

Fil-Kawża C‑19/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

Verband Sozialer Wettbewerb eV

vs

Innova Vital GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Innova Vital GmbH, minn T. Büttner, avukat,

għall-Gvern Grieg, minn A. Dimitrakopoulou u K. Karavasili, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u K. Herbout‑Borczak, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9, u r-rettifika ĠU 2007, L 12, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2012, tat‑8 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2012, L 310, p. 36, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1924/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Verband Sozialer Wettbewerb eV, assoċjazzjoni Ġermaniża għad-difiża tal-kompetizzjoni, u Innova Vital GmbH dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 għal indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’ittra indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttivi 2000/31/KE u 2006/123/KE

3

L-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), jipprevedi li, għall-finijiet tagħha:

“‘komunikazzjoni kummerċjali’: [tfisser] kull għamla ta’ komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, merkanzija, servizzi jew l-immaġini ta’ kumpanija, organizzazzjoni jew persuna li ssegwi attività kummerċjali, industrijali jew ta’ l-artiġjanat jew li teżerċita professjoni regolata. Dawn li ġejjin minnhom infushom ma joħolqux komunikazzjoni kummerċjali:

informazzjoni li tippermetti aċċess dirett għall-attivitajiet tal-kumpanija, l-organizzazzjoni jew persuna, partikolarment isem ta’ dominju jew indirizz ta’ posta elettronika,

komunikazzjonijiet li jirrigwardaw merkanzija, servizzi jew immaġini tal-kumpanija, organizzazzjoni jew persuna miġbura b’mod independenti, partikolarment meta dan ikun mingħajr implikazzjonijiet finanzjarji;”.

4

L-Artikolu 4(12) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), jipprevedi definizzjoni simili tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”.

Ir-Regolament Nru 1924/2006

5

Skont il-premessi 1, 2, 4, 9, 14, 16 sa 18 u 23 tar-Regolament Nru 1924/2006:

“(1)

Numru dejjem jikber ta’ ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat fil-Komunità qed ikollu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq inklużi dawk importati, għandhom ikunu siguri u ttikkettati b’mod xieraq. Dieta varjata u bbilanċjata hija prerekwiżit għas-saħħa u prodotti individwali għandhom importanza relattiva fil-kuntest tad-dieta kollha.

(2)

Id-differenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar tali indikazzjonijiet jistgħu jxekklu l-moviment liberu ta’ l-ikel u joħolqu kondizzjonijiet mhux ugwali ta’ kompetizzjoni. Għalhekk huma għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Għaldaqstant hemm bżonn li jiġu adottati regoli Komunitarji dwar l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa fuq l-ikel.

[...]

(4)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-indikazzjonijiet kollha dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, inklużi inter alia, reklamar ġeneriku ta’ l-ikel u kampanji promozzjonali, bħal dawk appoġġati totalment jew parzjalment mill-awtoritajiet pubbliċi. Huwa m’għandux japplika għal indikazzjonijiet li jsiru f’komunikazzjonijiet mhux kummerċjali, bħal linji gwida dwar dieta jew pariri maħruġa mill-awtoritajiet u l-korpi tas-saħħa pubblika, jew komunikazzjonijiet u informazzjoni mhux kummerċjali fil-ġurnali u f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi. [...]

[...]

(9)

Hemm firxa kbira ta’ nutrijenti u sustanzi oħrajn li jinkludu, iżda mhux limitati għal, vitamini, minerali li jinkludu oligo-elementi, aċidi amino, aċidi tax-xaħam essenzjali, fibra, pjanti diversi u estratti ta’ ħxejjex b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li jistgħu jkunu preżenti f’ikel u jkunu s-suġġett ta’ xi indikazzjoni. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali li japplikaw għall-indikazzjonijiet kollha magħmula fuq l-ikel sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sabiex lill-konsumatur tingħatalu l-informazzjoni meħtieġa biex l-għażliet tiegħu jagħmilhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, kif ukoll biex jinħolqu kondizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fl-industrija ta’ l-ikel.

[...]

(14)

Hemm varjetà kbira ta’ indikazzjonijiet li bħalissa qed jintużaw fl-ittikkettjar u fir-reklamar ta’ l-ikel f’xi Stati Membri relatati ma’ sustanzi li ma ġewx ippruvati li huma ta’ benefiċċju jew li bħalissa m’hemmx biżżejjed qbil xjentifiku dwarhom. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li s-sustanzi li dwarhom issir indikazzjoni jkunu ġew ippruvati li għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huwa ta’ benefiċċju.

[...]

(16)

Huwa importanti li l-indikazzjonijiet fuq l-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u huwa xieraq li-konsumaturi kollha jkunu mħarsa minn indikazzjonijiet qarrieqa. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 84/450/KEE tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Settembru 1984[dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227)], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, sabet li hu meħtieġ meta tkun qed tiġġudika każijiet dwar riklamar li teżamina l-effett fuq konsumatur konċettwali tipiku. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tkun tista’ sseħħ l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjoni kontenuta fih, dan ir-Regolament jieħu bħala standard il-konsumatur medju, li hu infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment osservanti u attent, u meħud kont tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, skond l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fih disposizzjonijiet sabiex jipprevjeni l-esplojtazzjoni tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal indikazzjonijiet li jqarrqu. Fejn xi indikazzjoni tkun immirata speċifikament lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi, bħat-tfal, hu mixtieq li l-impatt ta’ l-indikazzjoni jiġi valutat mill-perspettiva tal-membru medju ta’ dak il-grupp. L-eżami tal-konsumatur medju mhuwiex eżami statistiku. Il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali ser ikollhom jeżerċitaw il-fakoltà tagħhom ta’ ġudizzju, wara li jikkunsidraw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, biex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ partikolari.

(17)

L-evidenza xjentifika għandha tkun l-aspett ewlieni li jrid jitqies fl-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa u l-operaturi tan-negozju ta’ l‑ikel li jużaw l-indikazzjonijiet għandhom jiġġustifikawhom. Indikazzjoni għandha tkun xjentifikament fondata billi tiġi kkunsidrata t-totalità tad-‘data’ xjentifika disponibbli, u billi titqies l-evidenza.

(18)

Indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa m’għandhiex issir jekk tkun inkonsistenti mal-prinċipji ta’ nutriment u saħħa ġeneralment aċċettati jew jekk tinkoraġġixxi jew tittollera konsum eċċessiv ta’ kwalunkwe ikel jew tmaqdar il-prattika ta’ dieta tajba.

[...]

(23)

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jiġu awtorizzati għall-użu fil-Komunità biss wara valutazzjoni xjentifika ta’ l-ogħla standard possibbli. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni xjentifika armonizzata ta’ dawn l-indikazzjonijiet, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel għandha twettaq tali valutazzjonijiet. [...]”

6

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa magħmula f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm fl-ittikkettjar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur aħħari.

[...]”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)

id-definizzjonijiet ta’ ‘ikel’, ‘operatur ta’ negozju ta’ l-ikel’, ‘tqegħid fis-suq’, u ‘konsumatur finali’ stabbilita fl-Artikoli 2, 3(3), 3(8) u 3(18) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463)] għandhom japplikaw;

[...]

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

1)

‘indikazzjoni’ tfisser kull messaġġ jew rappreżentazzjoni, li mhix obbligatorja skond il-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali, inklużi rappreżentazzjonijiet bi stampi, grafiċi jew simboliċi, f’kull forma, li jiddikjaraw, jissuġġerixxu jew jimplikaw li xi ikel għandu karetteristiċi partikolari;

[...]

4)

‘indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li xi ikel għandu propjetajiet ta’ nutriment partikolari ta’ benefiċċju minħabba:

a)

l-enerġija (valur kalorifiku) li:

i)

jipprovdi,

ii)

jipprovdi b’rata mnaqqsa jew miżjuda, jew

iii)

ma jipprovdix, u/jew

b)

in-nutrijenti jew sustanzi oħra li:

i)

jikkontjeni,

ii)

jikkontjeni fi proporzjonijiet imnaqqsa jew miżjuda, jew

iii)

ma jikkontjenix;

5)

‘indikazzjoni dwar is-saħħa’ tfisser kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

[...]”

8

Il-Kapitolu II tal-istess regolament, dwar il-prinċipji ġenerali, jinkludi l-Artikoli 3 sa 7 tiegħu. Bit-titolu “Prinċipji ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha” l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprevedi:

“Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel imqiegħed fis-suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Bla ħsara għad-Direttivi 2000/13/KE u 84/450/KEE, l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandux:

a)

ikun falz, ambigwu jew qarrieqi;

[...]”

9

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ġenerali”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

a)

ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel ta’ nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-indikazzjoni għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta’ benefiċċju, kif stabbilit minn evidenza xjentifika b’mod ġenerali;

[...]

2.   L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandu jkun permess biss jekk il-konsumatur medju jista’ jkun mistenni li jifhem l-effetti ta’ benefiċċju kif espressi fl-indikazzjoni.”

10

L-Artikoli 10 sa 19 tal-imsemmi regolament jirrigwardaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa.

11

L-Artikolu 10 tal-istess regolament intitolat “Kondizzjonijiet speċifiċi”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.”

Id-dritt Ġermaniż

12

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (liġi dwar il-kompetizzjoni żleali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2010 I, p. 254) (iktar ’il quddiem l-“UWG”), tipprevedi:

“Azzjoni għat-tneħħija tal-istat ta’ fatt illegali jew, fil-każ ta’ riskju ta’ reċedività, azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni tista’ titressaq kontra kull min iwettaq att kummerċjali illegali fis-sens tal-Artikoli 3 u 7.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Innova Vital, li d-direttur tagħha huwa tabib, ikkummerċjalizzat fil-Ġermanja suppliment tal-ikel imsejjaħ “Innova Mulsin® Vitamin D3” li jinkludi l-vitamina D3 u li jiġi amministrat fil-forma ta’ taqtir.

14

Fix-xahar ta’ Novembru 2013, id-direttur ta’ Innova Vital bagħat, esklużivament lil tobba magħżula b’isimhom, ittra (iktar ’il quddiem l-“ittra inkwistjoni”) li hija fformulata kif ġej:

“[...]

Intom tafu bis-sitwazzjoni: 87 % tat-tfal fil-Ġermanja għandhom kontenut ta’ vitamina D fid-demm ta’ inqas minn 30 ng/ml. Skont id-DGE [(Deutsche Gesellschaft für Ernährung, kumpannija Ġermaniża ta’ nutrizzjoni)], dan il-valur għandu pjuttost ikun bejn 50 u 75 ng/ml.

Kif diġà wrew diversi studji, il-vitamina D għandha rwol sinjifikattiv fil‑prevenzjoni ta’ ħafna mard bħad-dermatite atopika, l-osteoporosi, id‑dijabete u s-SEP [sklerosi multipla]. Skont dawn l-istudji, livell baxx ħafna ta’ vitamina D fit-tfal huwa parzjalment responsabbli għall-fatt li dawn il‑patoloġiji jidhru iktar ’il quddiem.

Għal din ir-raġuni, jiena nnifsi tajt lill-ibni l-preparazzjonijiet abbażi tal-vitamina D irrakkomandati u kkonstatajt li l-forma tradizzjonali f’pastilji ma hijiex apprezzata wisq mit-trabi, mit-tfal ta’ età żgħira jew saħansitra mit-tfal ta’ età tal-iskola. Ta spiss ibni kien jobżoq il-pastilji.

Bħala tabib speċjalizzat fl-immunoloġija, irriflettejt fuq din il-kwistjoni u żviluppajt emulsjoni ta’ vitamina D3 (Innova Mulsin® D3), li tista’ tkun amministrata fil-forma ta’ taqtir.

[...]

Vantaġġi tal-emulsjonijiet Mulsin®:

[...]

Prevenzjoni jew eliminazzjoni rapida tal-istat ta’ defiċjenza (80 % tal-popolazzjoni hija deskritta bħala nieqsa mill‑vitamina D3 fix-xitwa)

[...]

Tistgħu tiksbu r-rekwiżiti għal ordni diretta kif ukoll materjal ta’ informazzjoni b’xejn għal klinika tagħkom fuq in-numru [...]”

15

L-ittra inkwistjoni kienet tinkludi preżentazzjoni ta’ immaġni tas-suppliment tal-ikel Innova Mulsin® Vitamin D3, informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tiegħu, il-prezz tal-bejgħ tiegħu kif ukoll l-ispiża ta’ kuljum għat-trattament skont id-doża rrakkomandata ta’ qatra kuljum.

16

Il-Verband Sozialer Wettbewerb ressqet kawża għall-waqfien quddiem il-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I) kontra Innova Vital, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 8 tal-liġi dwar il-kompetizzjoni żleali, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali.

17

Din l-assoċjazzjoni sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-ittra inkwistjoni tinkludi indikazzjonijiet dwar is-saħħa pprojbiti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, jiġifieri ż-żewġ dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“Kif diġà wrew diversi studji, il-vitamina D għandha rwol sinjifikattiv fil‑prevenzjoni ta’ ħafna mard bħad-dermatite atopika, l-osteoporosi, id‑dijabete u s-SEP [sklerosi multipla]. Skont dawn l-istudji, livell baxx ħafna ta’ vitamina D fit-tfal huwa parzjalment responsabbli għall-fatt li dawn il‑patoloġiji jidhru iktar ’il quddiem.”

u

“Prevenzjoni jew eliminazzjoni rapida tal-istat ta’ defiċjenza (80 % tal-popolazzjoni hija deskritta bħala nieqsa mill‑vitamina D3 fix-xitwa).”

18

F’dan ir-rigward, il-Verband Sozialer Wettbewerb b’mod partikolari sostniet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 japplikaw għar-reklamar indirizzat lill-professjonisti kif ukoll lil dawk mhux professjonisti.

19

Min-naħa l-oħra, skont Innova Vital, ir-Regolament Nru 1924/2006 ma jikkonċernax ir-reklamar intiż għall-professjonisti. Konsegwentement, peress li l-ittra inkwistjoni kienet indirizzata biss lil tobba, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma humiex applikabbli għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa pprojbiti mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 li jinsabu f’din l-ittra.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jirrigwarda l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München (qorti reġjonali ta’ München I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw ukoll għall-istqarrijiet [indikazzjonijiet] dwar nutrizzjoni u saħħa redatti f’komunikazzjonijiet kummerċjali fir-reklamar ta’ ikel li għandu jkun imwassal bħala tali lill-konsumatur finali meta din il-komunikazzjoni kummerċjali jew dan ir-reklamar ikun indirizzat esklużivament lil professjonisti fil-qasam tas-saħħa?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali, u li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel li għandhom jitwasslu bħala tali lil konsumatur finali, meta din il-komunikazzjoni ma tkunx indirizzata lill-konsumatur finali, iżda esklużivament lil professjonisti tas-saħħa, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

23

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12; tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 44, u tas-17 ta’ Marzu 2016, Liffers, C‑99/15, EU:C:2016:173, punt 14).

24

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, għandu jiġi kkonstatat li, skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmi regolament japplika għall-indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa meta, minn naħa, dawn l-indikazzjonijiet isiru f’komunikazzjonijiet kummerċjali, kemm jekk fil-forma ta’ ttikkettjar tal-ikel, tal-preżentazzjoni tiegħu jew tar-reklamar magħmul fir-rigward tiegħu, u li, min-naħa l-oħra, l-ikel inkwistjoni jkun intiż li jitwassal bħala tali lill-konsumatur finali.

25

Dan ir-regolament ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”. Madankollu, dan il-kunċett huwa ddefinit, f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, minn dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, li f’dan il-każ għandhom iservu ta’ ispirazzjoni sabiex tiġi żgurata l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

26

Għalhekk, skont l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31, “komunikazzjoni kummerċjali” tfisser kull għamla ta’ komunikazzjoni li għandha l-iskop li tippromwovi, direttament jew indirettament, il-merkanzija, is-servizzi jew l-immaġni ta’ impriża, organizzazzjoni jew persuna impenjata f’attività kummerċjali, industrijali jew tal-artiġjanat jew li teżerċita professjoni rregolata.

27

L-Artikolu 4(12) tad-Direttiva 2006/123 jinkludi definizzjoni simili tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, komunikazzjoni kummerċjali tinkludi mhux biss ir-reklamar klassiku, iżda wkoll tipi oħra ta’ reklamar u ta’ komunikazzjonijiet ta’ informazzjoni intiżi sabiex jinkisbu klijenti ġodda (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, C‑119/09, EU:C:2011:208, punt 33).

28

Barra minn hekk, mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” jirrigwarda wkoll komunikazzjoni li jkollha għanijiet “promozzjonali”.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda, b’mod partikolari, komunikazzjoni mwettqa fil-forma tar-riklamar li jirrigwarda l-ikel u li tkun intiża li tippromwovi, direttament jew indirettament, dan l-ikel.

30

Issa, tali komunikazzjoni tista’ tieħu wkoll il-forma ta’ ittra pubbliċitarja li persuni li joperaw fis-settur tal-ikel jindirizzaw lil professjonisti tas-saħħa, u li tkun tinkludi indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa fis-sens ta’ dan ir-regolament, sabiex dawn il-professjonisti jirrakkomandaw, jekk ikun il-każ, lill-pazjenti tagħhom sabiex jixtru u/jew jikkonsmaw l-imsemmi ikel.

31

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2004 ma jinkludix indikazzjonijiet preċiżi dwar id-destinatarju tal-komunikazzjoni kummerċjali u ma jagħmel ebda distinzjoni skont jekk dan ikunx konsumatur finali jew professjonist tas-saħħa. Minn dan isegwi li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa l-prodott tal-ikel innifsu li għandu jkun intiż għall-konsumatur finali u mhux il-komunikazzjoni li tagħha dan l-ikel ikun is-suġġett.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2000/31 u tal-Artikolu 4(12) tad-Direttiva 2006/123, jirriżulta li r-Regolament Nru 1924/2006 japplika għall-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa.

33

Għandu jiġi enfasizzat, fit-tieni lok, li tali interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-analiżi tal-kuntest li minnu jifforma parti l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006.

34

Ċertament, kif sostniet Innova Vital, ċerti premessi u dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari l-premessi 1, 9, 16, 29 u 36, kif ukoll l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, jirrigwardaw espliċitament il-“konsumaturi”, mingħajr ma jsemmu l-“professjonisti”.

35

Madankollu, il-fatt li f’dawn il-premessi u f’dawn id-dispożizzjonijiet ma jissemmewx il-“professjonisti” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi regolament ma japplikax fis-sitwazzjoni fejn komunikazzjoni kummerċjali hija indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, din il-komunikazzjoni bejn l-operaturi tas-settur tal-ikel u l-professjonisti tas-saħħa hija prinċipalment intiża għall-konsumatur finali, sabiex dan jixtri l-prodott tal-ikel li huwa s-suġġett tal-imsemmija komunikazzjoni, wara r-rakkomandazzjonijiet mogħtija minn dawn il-professjonisti.

36

Għandu jingħad ukoll li minn ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jirriżulta li dan ma japplikax għall-komunikazzjonijiet kummerċjali indirizzati lill-professjonisti tas-saħħa.

37

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament, dawn jikkonfermaw l-interpretazzjoni li tgħid li l-istess regolament japplika għall-komunikazzjonijiet kummerċjali indirizzati esklużivament lill-professjonisti tas-saħħa.

38

Fill-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, dan tal-aħħar huwa intiż li jiggarantixxi l-funzjonament effikaċi tas-suq intern filwaqt li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

39

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 18 ta’ dan ir-regolament, il-protezzjoni tas-saħħa hija fost l-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-regolament (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 45). Għal din ir-raġuni l-konsumatur għandu, b’mod partikolari, jingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex ikun jista’ jwettaq l-għażliet tiegħu b’konoxxenza sħiħa (sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Ehrmann, C‑609/12, EU:C:2014:252, punt 40, u tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 49).

40

F’dan is-sens, l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprevedi li l-użu ta’ indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa huwa awtorizzat biss jekk ġie pprovat li l-preżenza, l-assenza jew il-kontenut imnaqqas fi prodott tal-ikel jew f’kategorija ta’ prodotti tal-ikel ta’ nutrijent jew ta’ sustanza oħra li tkun is-suġġett tal-indikazzjoni jkunu ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku, kif stabbilit mill-provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati. Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tinkludi wkoll indikazzjoni f’dan is-sens.

41

Kif ippreċiżat fil-premessa 17 tal-imsemmi regolament, l-evidenza xjentifika għandha tkun l-aspett prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jintużaw indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa. Barra minn hekk, il-premessa 23 tal-istess regolament tistipula li l-użu fl-Unjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandu jiġi awtorizzat biss wara evalwazzjoni xjentifika tal-ogħla standard possibbli u li sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni xjentifika armonizzata ta’ dawn l-indikazzjonijiet, din l-evalwazzjoni għandha titwettaq mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel.

42

Ir-Regolament Nru 1924/2006 għalhekk jipprevedi proċedura li tippermetti li jiġi vverifikat jekk allegazzjoni, fis-sens previst minnu, hijiex xjentifikament iġġustifikata.

43

Ċertament, il-professjonisti tas-saħħa jistgħu jitqiesu li għandhom għarfien xjentifiku ogħla minn dak ta’ konsumatur finali, mifhum bħala l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, kif tistipula l-premessa 16 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, dawn il-professjonisti ma jistgħux jitqiesu li b’mod permanenti għandhom l-għarfien xjentifiku speċjalizzat kollu u aġġornat neċessarju sabiex jevalwaw kull wieħed mill-prodotti tal-ikel u l-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa użati fl-ittikkettjar, fil-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti jew fil-pubbliċità magħmula fir-rigward tagħhom.

44

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li l-professjonisti tas-saħħa nfushom jiġu mqarrqa minn indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa mhux eżatti, ambigwi jew qarrieqa.

45

Għalhekk, dawn il-professjonisti tas-saħħa jirriskjaw li jitrażmettu, in bona fide, informazzjoni żbaljata dwar il-prodotti tal-ikel li huma s-suġġett tal-komunikazzjoni kummerċjali lill-konsumaturi finali li magħhom għandhom relazzjoni. Dan ir-riskju huwa iktar u iktar kunsiderevoli peress li l-imsemmija professjonisti x’aktarx, minħabba r-rapport ta’ fiduċja li ġeneralment jeżisti bejnhom u bejn il-pazjenti tagħhom, jeżerċitaw influwenza inċiżiva fuq dawn tal-aħħar.

46

Barra minn hekk, jekk l-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa indirizzati lil professjonisti tas-saħħa ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006, bil-konsegwenza li tali indikazzjonijiet jistgħu jintużaw mingħajr ma jkunu neċessarjament imsejsa fuq provi xjentifiċi, ikun hemm riskju li l-operaturi tas-settur tal-ikel jevitaw l-obbligi previsti minn dan ir-regolament billi jindirizzaw lill-konsumatur finali permezz tal-professjonisti tas-saħħa, sabiex dawn tal-aħħar jirrakkomandaw il-prodotti tagħhom lil dan il-konsumatur.

47

Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali intiża għall-professjonisti tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern, suq li l-iżgurar tal-funzjonament effikaċi tiegħu huwa għan tar-Regolament Nru 1924/2006.

48

L-argumenti magħmula minn Innova Vital ma humiex tali li jikkonfutaw l-interpretazzjoni li tgħid li l-imsemmi regolament japplika għall-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali, inkluż meta din tal-aħħar tkun indirizzata esklużivament lil professjonisti tas-saħħa.

49

Ċertament, mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-użu ta’ indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa huwa awtorizzat biss jekk il-konsumatur medju jista’ jifhem l-effetti benefiċi esposti fl-indikazzjoni.

50

Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li kull informazzjoni oġġettiva min-naħa tal-operaturi tas-settur tal-ikel indirizzata lil professjonisti tas-saħħa fuq l-iżviluppi l-ġodda tax-xjenza u li tinvolvi l-użu ta’ terminoloġija teknika jew xjentifika, bħall, f’dan il-każ l-użu tat-termini “dermatite atopika”, hija pprojbita.

51

Fil-fatt, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika meta l-indikazzjonijiet nutrittivi u ta’ saħħa huma kkomunikati direttament lill-konsumatur finali, sabiex jippermettulu jwettaq għażliet b’konoxxenza sħiħa. Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ittra li jkun fiha dawn l-indikazzjonijiet ma hijiex, bħala tali, ippreżentata lill-konsumatur finali, iżda hija indirizzata lil professjonisti tas-saħħa li huma impliċitament mistiedna jirrakkomandaw lill-konsumatur il-prodott tal-ikel imsemmi f’dawn l-indikazzjonijiet.

52

Barra minn hekk, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1924/2006 tistipula li dan tal-aħħar ma għandux japplika għall-indikazzjonijiet magħmula fil-komunikazzjonijiet mhux kummerċjali, bħal-linji gwida jew il-pariri dwar dieta maħruġa minn awtoritajiet jew korpi pubbliċi kompetenti fil-qasam tas-saħħa, jew għall-komunikazzjonijiet u l-informazzjoni mhux kummerċjali fil-ġurnali u f’pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

53

Konsegwentement, dan ir-regolament ma jipprekludix li l-professjonisti tas-saħħa jiġu oġġettivament informati dwar l-iżviluppi xjentifiċi l-ġodda, li jinvolvu l-użu ta’ terminoloġija teknika jew xjentifika, fis-sitwazzjoni fejn il-komunikazzjoni hija ta’ natura mhux kummerċjali.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali u li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel li għandhom jitwasslu bħala tali lil konsumatur finali, meta din il-komunikazzjoni ma tkunx indirizzata lill-konsumatur finali, iżda esklużivament lil professjonisti tas-saħħa, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2012, tat‑8 ta’ Novembru 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjonijiet nutrittivi jew ta’ saħħa magħmula f’komunikazzjoni kummerċjali u li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel li għandhom jitwasslu bħala tali lil konsumatur finali, meta din il‑komunikazzjoni ma tkunx indirizzata lill-konsumatur finali, iżda esklużivament lil professjonisti tas-saħħa, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top