Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0649

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015.
    Comité d'entreprise de Nortel Networks SA e.a. u Cosme Rogeau liquidateur de Nortel Networks SA vs Cosme Rogeau liquidateur de Nortel Networks SA u Alan Robert Bloom e.a.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de commerce de Versailles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 2(g), 3(2) u 27 — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċedura prinċipali ta’ insolvenza — Proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet — Ġurisdizzjoni esklużiva jew alternattiva — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Determinazzjoni tal-beni ta’ debitur li jidħol fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Determinazzjoni tal-post fejn jinsabu dawn il-beni — Beni li jinsabu fi Stat terz.
    Kawża C-649/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:384

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    11 ta’ Ġunju 2015 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikoli 2(g), 3(2) u 27 — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċedura prinċipali ta’ insolvenza — Proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Kunflitt ta’ ġurisdizzjonijiet — Ġurisdizzjoni esklużiva jew alternattiva — Determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Determinazzjoni tal-beni ta’ debitur li jidħol fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza — Determinazzjoni tal-post fejn jinsabu dawn il-beni — Beni li jinsabu fi Stat terz”

    Fil-Kawża C‑649/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de commerce de Versailles (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2013, fil-proċeduri

    Comité d’entreprise de Nortel Networks SA et

    vs

    Cosme Rogeau, li qed taġixxi fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza kontra Nortel Networks SA,

    u

    Cosme Rogeau, li qed taġixxi fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza kontra Nortel Networks SA,

    vs

    Alan Robert Bloom,

    Alan Michael Hudson,

    Stephen John Harris,

    Christopher John Wilkinson Hill,

    li qed jaġixxu bħala ko‑stralċjarji fil-proċedura prinċipali ta’ insolvenza kontra Nortel Networks SA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-comité d’entreprise de Nortel Networks SA et, minn R. Dammann u M. Boché-Robinet, avukati,

    għal C. Rogeau, li qed jaġixxi fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza kontra Nortel Networks SA, minn A. Tchekhoff u E. Fabre, avukati,

    għal A. R. Bloom, A. M. Hudson, S. J. Harris u C. J. Wilkinson Hill, li qed jaġixxu fil-kwalità ta’ ko-stralċjarji fil-proċedura prinċipali ta’ insolvenza kontra Nortel Networks SA, minn C. Dupoirier, avukat,

    għall-Gvern Franċiż, minn F.‑X. Bréchot u D. Colas, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistita minn B. Kennelly, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(g), 3(2) u 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest, minn naħa, ta’ kawża bejn il-comité d’entreprise de Nortel Networks SA (iktar ’il quddiem “NNSA”) et sa C. Rogeau, li qed jaġixxi fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju fil-proċedura sekondarja ta’ insolvenza miftuħa fi Franza kontra NNSA (iktar ’il quddiem il-“proċedura sekondarja”), dwar azzjoni intiża, b’mod partikolari, għall-ħlas ta’ benefiċċju ta’ għajnuna mill-bidu nett, u, min-naħa l-oħra, ta’ kawża bejn C. Rogeau, li qed taġixxi fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju fil-proċedura sekondarja, u A. R. Bloom, A. M. Hudson, S. J. Harris u C. J. Wilkinson Hill li qed jaġixxu fil-kwalità ta’ ko-stralċjarji (“amministraturi konġunti”, iktar ’il quddiem il-“ko‑stralċjarji”) fil-proċedura prinċipali ta’ insolvenza miftuħa fir-Renju Unit kontra NNSA (iktar ’il quddiem il-“proċedura prinċipali”), li għandha bħala suġġett azzjoni ta’ kjamata in kawża.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament Nru 1346/2000

    3

    Il-premessi 6 u 23 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu:

    “(6)

    Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza] u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.

    [...]

    (23)

    Dan ir-Regolament għandu jesiġi, għall-materji koperti minnu, regoli uniformi dwar kunflitt ta’ liġijiet, li jibdlu, fl-iskop tal-applikazzjoni tagħhom, ir-regoli nazzjonali tal-liġi privata internazzjonali. Sa kemm ma jingħadx mod ieħor, għandha tapplika l-liġi tal-Istat Membru tal-ftuħ tal-proċedimenti (lex concursus). Din ir-regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet għandha tkun valida kemm għal proċedimenti prinċipali kif ukoll għal proċedimenti lokali; il-lex concursus tiddetermina l-effetti tal-proċedimenti ta’ falliment, kemm proċedurali kif ukoll sostantivi, fuq il-persuni u relazzjonijiet legali li jikkonċernawhom. Jirregola il-kondizzjonijiet kollha għal ftuħ, it-twettieq u l-egħluq tal-proċedimenti ta’ falliment.”

    4

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    [...]

    g)

    ’l-Istat Membru li fih ikunu jinstabu l-assi’ għandu jfisser, fil-każ ta’:

    propjetà tanġibbli, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinstab il-propjetà,

    propjetà u drittijiet ta’ propjetà jew intitolar li dwaru jrid ikun miktub f’reġistru pubbliku, l-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu jkun jinżamm ir-reġistru,

    ‘talbiet’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-parti terza meħtieġa li tilqagħhom ikollu ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tieghu,z kif iddeterminat minn l-Artikolu 3[(1)];

    [...]”

    5

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”:

    “1.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

    2.   Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi [għall-beni] tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

    [...]”

    6

    L-Artikolu 25 tal-imsemmi regolament, intitolat “Għarfien [Rikonoxximent] u eżekuzzjoni ta’ sentenzi oħrajn”, jipprovdi:

    “1.   Sentenzi mgħotija minn qorti li l-ġudizzju tiegħu dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti huwa rikonoxxut skond l-Artikolu 16 u li jikkonċernaw il-kors u l-egħluq ta’ proċedimenti ta’ falliment, u komposizzjonijiet approvati minn dik il-qorti għandhom ukoll ikunu rikonoxxuti mingħajr formalitajiet oħra. Sentenzi bħal dawk għandom jiġu eżegwiti skond l-Artikoli 31 sa 52, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 34(2), tal-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968] dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-ftehimiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda ma’ din il-konvenzjoni].

    L-ewwel sub-paragrafu għandu wkoll japplika għal sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom, anki jekk dawk kienu mgħotija minn qorti ieħor.

    [...]

    2.   L-għarfien u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi apparti minn dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu regolati mill-Konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, basta illi dik il-Konvenzjoni tkun applikabbli.

    [...]”

    7

    L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, intitolat “Ftuħ tal-proċedimenti”, jipprevedi:

    “Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment [...]. L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.”

    Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001

    8

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar b’dan il-kliem:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

    2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    [...]

    b)

    falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

    [...]”

    Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

    9

    Il-grupp Nortel kien il-fornitur ta’ soluzzjonijiet tekniċi ddestinati għan-netwerks ta’ telekomunikazzjoni. Nortel Networks Limited (iktar ’il quddiem “NNL”), stabbilit Mississauga (il-Kanada), kienet iżżomm il-parti l-kbira tas-sussidjarji tal-grupp Nortel fid-dinja, fosthom NNSA, stabbilita f’Yvelines (Franza).

    10

    Kważi l-proprjetà intellettwali kollha riżultanti mill-attività ta’ riċerka u ta’ żvilupp tas-sussidjarji speċjalizzati tal-grupp Nortel kienet irreġistrata, prinċipalment fl-Amerika ta’ Fuq, taħt l-isem ta’ NNL li kienet tagħti lil dawn is-sussidjarji, fosthom NNSA, liċenzji esklużivi mingħajr ħlas għall-użu tal-proprjetà intellettwali ta’ dan il-grupp. L-imsemmija sussidjarji kellhom ukoll iżommu l-proprjetà ekonomika (“beneficial ownership”) fuq din il-proprjetà intellettwali, sal-ammont tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom. Ftehim intra-grupp, imsejjaħ “Master R & D Agreement” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim MRDA”), kien jorganizza r-relazzjonijiet legali bejn NNL u l-istess sussidjarji.

    11

    Billi l-grupp Nortel, matul is-sena 2008, iffaċċja diffikultajiet finanzjarji serji, id-diriġenti tiegħu ddeċidew li jagħtu bidu għall-ftuħ simultanju ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-Kanada, fl-Istati Uniti u fl-Unjoni Ewropea. Permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Jannar 2009, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (ir-Renju Unit), fetħet proċeduri prinċipali ta’ insolvenza rregolata mid-dritt Ingliż kontra l-kumpanniji kollha tal-grupp Nortel stabbiliti fl-Unjoni, fosthom NNSA, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    12

    Fuq rikors konġunt ippreżentat minn NNSA u l-ko-stralċjarji, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2009, fetħet proċedura sekondarja kontra NNSA u ħatret lil C. Rogeau bħala stralċjarju ġudizzjarju f’din il-proċedura.

    13

    Fil-21 ta’ Lulju 2009, protokoll ta’ ftehim ta’ tmiem ta’ kunflitt temm tilwima industrijali fi ħdan l-NNSA (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt”). Dan il-ftehim kien jipprovdi l-ħlas ta’ benefiċċju ta’ għajnuna mill-bidu nett li parti minnha kienet pagabbli immedjatament u oħra, imsejħa “benefiċċju ta’ għajnuna mill-bidu nett iddifferit” (iktar ’il quddiem il-“BGĦBN iddifferit”), kellha titħallas, ladarba jispiċċa l-operat, fuq il-fondi disponibbli provenjenti mill-bejgħ tal-attiv, wara l-ħlas tal-ispejjeż ikkawżati mit-twettiq tal-attività ta’ NNSA matul il-proċeduri prinċipali u sekondarji kif ukoll spejjeż amministrattivi (“administration expenses”).

    14

    Fl-1 ta’ Lulju 2009 ġie ffirmat protokoll ta’ koordinazzjoni tal-proċeduri prinċipali u sekondarji mill-korpi taż-żewġ proċeduri (iktar ’il quddiem il-“protokoll ta’ koordinazzjoni”), li skontu, b’mod partikolari, l-ispejjeż amministrattivi kellhom jitħallsu kollha kemm huma, bi prijorità, irrispettivament mill-post ta’ fejn jinsab l-attiv mibjugħ. Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2009, il-qorti tar-rinviju approvat, b’mod partikolari, il-protokolli ta’ koordinazzjoni u ta’ tmiem ta’ kunflitt.

    15

    Sabiex jiżguraw valorizzazzjoni aħjar tal-attiv tal-grupp Nortel, l-istralċjarji tad-diversi proċeduri ta’ insolvenza miftuħa madwar id-dinja ftehmu li jbigħu dan l-attiv b’mod globali, skont il-fergħa ta’ attività. Skont ftehim intitolat “Interim Funding and Settlement Agreement” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim IFSA”), konkluż fid-9 ta’ Ġunju 2009 bejn NNL u diversi sussidjarji tal-grupp Nortel, dawn is-sussidjarji kellhom jirrinunzjaw fi żmien utli għad-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà industrijali u intellettwali koperti mill-ftehim MRDA. Għall-kuntrarju, id-drittijiet ta’ liċenzja li minnhom kienu jibbenefikaw is-sussidjarji kellhom jinżammu sa tmiem l-operazzjonijiet ta’ stralċ u ta’ trasferiment, u d-drittijiet tal-imsemmija sussidjarji bħala proprjetarji ekonomiċi tal-proprjetà intellettwali kkonċernata kellhom jinżammu.

    16

    Skont il-Ftehim IFSA, id-dħul mit-trasferimenti tal-attiv tal-grupp Nortel kellu jitpoġġa f’kontijiet issekwestrati, imsejħa “lockbox” (iktar ’il quddiem il-“lockbox”), fi stabbilimenti ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Uniti, u ma seta’ jsir ebda tqassim tas-somom iddepożitati fil-“lockbox” fl-assenza ta’ ftehim konkluż mill-entitajiet kollha kkonċernati ta’ dan il-grupp. NNSA saret parti għall-ftehim IFSA permezz ta’ ftehim ta’ adeżjoni konkluż fil-11 ta’ Settembru 2009. Id-dħul mit-trasferimenti ġew issekwestrati kif kien previst mill-Ftehim IFSA, mingħajr madankollu ma kien għadu sar ftehim dwar it-tqassim tiegħu.

    17

    Fit-23 ta’ Novembru 2010, rapport stabbilit minn C. Rogeau fil-kuntest tal-proċedura sekondarja kien isemmi bilanċ pożittiv ta’ EUR 38980313 fil-kontijiet bankarji ta’ NNSA fit-30 ta’ Settembru 2010, li kien jippermetti li jiġi previst li minn Mejju 2011, isir l-ewwel ħlas tal-BGĦBN iddifferit. Madankollu, wara intimazzjoni mill-comité d’entreprise de NNSA, C. Rogeau indikatlu, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2011, li kien impossibbli għalih li japplika t-termini tal-protokoll ta’ tmiem ta’ kunflitt, billi previżjoni tat-teżor kienet turi ammont negattiv ta’ kważi EUR 6 miljun, b’mod partikolari minħabba diversi talbiet għal ħlas min-naħa tal-kostralċjarji, għal, b’mod partikolari, spejjeż ikkawżati mit-twettiq tal-attivitajiet tal-grupp Nortel matul il-proċedura kif ukoll mit-trasferiment ta’ ċertu attiv.

    18

    Filwaqt li kkontesta dan l-istat ta’ fatt, il-comité d’entreprise de NNSA u xi ex‑impjegati tal-NNSA ppreżentaw rikors quddiem it-tribunal de commerce de Versailles (Franza), intiż, minn naħa, li jiġi kkonstatat li l-proċedura sekondarja tippermettilhom li jkollhom dritt esklużiv u dirett fuq is-sehem tal-prezz tat-trasferiment globali tal-assi tal-grupp Nortel attribwibbli għal NNSA, u, min-naħa l-oħra, il-kundanna ta’ C. Rogeau, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarju ġudizzjarju, sabiex immedjatament tħallas, b’mod partikolari, il-BGĦBN iddifferit sas-somom disponibbli ta’ NNSA.

    19

    Sussegwentement, C. Rogeau sejħet in kawża lill-kostralċjarji quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn tal-aħħar madankollu talbu lit-tribunal de commerce de Versailles, b’mod partikolari, sabiex jiddikjara ruħu bħala li ma għandux ġurisdizzjoni internazzjonali, u dan favur il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division. Sussidjarjament, il-kostralċjarji talbu lill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, sabiex tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-beni u d-drittijiet li ma kinux jinsabu fi Franza, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja.

    20

    Il-qorti tar-rinviju ssostni li, sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi magħmula quddiemha, hija għandha qabelxejn tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddetermina l-portata tal-effetti tal-proċedura sekondarja. Hija tqis ukoll li ser ikollha tiddetermina jekk l-effetti ta’ proċedura sekondarja jistgħux jestendu għall-beni tad-debitur li jinsabu barra mill-Unjoni.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de commerce de Versailles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “Il-qorti tal-Istat tal-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji [proċedura sekondarja] għandha ġurisdizzjoni, esklużivament jew alternattivament mal-qorti tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedura prinċipali, sabiex tiddeċiedi fuq id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-parametri [fil-portata] tal-effetti tal-proċedimenti sekondarji skont l-Artikoli 2(g), 3(2) u 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 [...] u, fil-każ ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew alternattiva, id-dritt applikabbli huwa dak tal-proċedimenti prinċipali jew dak tal-proċedimenti sekondarji?”

    Fuq id-domanda preliminari

    22

    Id-domanda magħmula tinqasam f’żewġ partijiet li għandhom jiġu eżaminati separatament. Għalhekk, l-ewwel parti tad-domanda tirrigwarda t-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tal-proċedura prinċipali u dik tal-proċedura sekondarja, filwaqt li t-tieni parti hija intiża li tidentifika d-dritt applikabbli għad-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti tal-proċedura sekondarja.

    Fuq l-ewwel parti tad-domanda

    23

    Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3(2) u 27 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru tal-ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza għandhomx ġurisdizzjoni, b’mod esklużiv jew alternattiv flimkien mal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, sabiex tiddeċiedi dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura sekondarja.

    24

    F’dan ir-rigward, minkejja li d-domanda tirrigwarda biss ir-Regolament Nru 1346/2000, madankollu qabelxejn għandu jiġi identifikat jekk il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest hijiex irregolata minn dan ir-regolament jew mir-Regolament Nru 44/2001. Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament applikabbli, il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti hijiex stabbilita f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk tali ġurisdizzjoni għandhiex titqies bħala ta’ natura esklużiva jew alternattiva.

    Fuq l-applikabbiltà tar-Regolamenti Nru 1346/2000 u Nru 44/2001

    25

    Għandu jitfakkar li l-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ diversi ftehimiet konklużi minn jew bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, fosthom, b’mod partikolari, il-ftehimiet IFSA u MRDA kif ukoll il-protokolli ta’ koordinazzjoni u ta’ tmiem ta’ kunflitt. Fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-interpretazzjoni ta’ wieħed jew uħud minn dawn il-ftehimiet, il-ġurisdizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni dwar din it-tilwima tista’ tiġi rregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, anki jekk l-imsemmija tilwima tkun bejn l-istralċjarji ta’ żewġ proċeduri ta’ insolvenza, waħda prinċipali u l-oħra sekondarja, li t-tnejn li huma jkunu jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1346/2000.

    26

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt li dawn it-testi jistabbilixxu kif ukoll kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, taħt l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, għaliex huma “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simmetriku, l-azzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    27

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’, u li huma biss l-azzjonijiet li jidderivaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza u li jidħlu fiha b’mod strett (iktar ’il quddiem l-“azzjonijiet annessi”) li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Konsegwentement, dawn l-azzjonijiet biss jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (ara s-sentenza Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala kriterju determinanti sabiex jiġi identifikat il-qasam li taħtu taqa’ azzjoni mhux il-kuntest proċedurali li fih tidħol din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (sentenza Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 27).

    29

    F’dan il-każ, minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-kontenut tad-diversi ftehimiet konklużi mill-partijiet fil-kawża prinċipali, madankollu jidher li d-drittijiet jew l-obbligi li fuqhom huma bbażati l-azzjonijiet fil-kawża prinċipali jidderivaw direttament minn proċeduri ta’ insolvenza, jaqgħu fihom b’mod strett u joriġinaw minn regoli speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

    30

    Fil-fatt, is-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali tiddependi, b’mod partikolari, mit-tqassim tad-dħul mill-bejgħ tal-attiv ta’ NNSA bejn il-proċedura prinċipali u l-proċedura sekondarja. Bħalma jidher li jirriżulta mill-protokoll ta’ koordinazzjoni, u hekk kif il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonfermaw matul is-seduta, dan it-tqassim għandu essenzjalment jitwettaq, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000, mingħajr ma l-imsemmi protokoll jew il-ftehimiet l-oħra inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu intiżi li jemendawlhom il-kontenut. Id-drittijiet u l-obbligi li fuqhom huma bbażati l-azzjonijiet fil-kawża prinċipali għaldaqstant joriġinaw mill-Artikoli 3(2) u 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, tant li dan ir-regolament ikun applikabbli.

    Fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni previsti bir-Regolament Nru 1346/2000

    31

    F’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun fetħet proċedura sekondarja ta’ insolvenza, sabiex tiddeċiedi dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li jattribwixxi ġurisdizzjoni internazzjonali lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu infetħet il-proċedura ta’ insolvenza sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet annessi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza F‑Tex, C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, irrikonoxxiet biss il-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tingħata deċiżjoni dwar azzjoni annessa lill-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, għandha ssir interpretazzjoni analoga tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    33

    Fil-fatt, fid-dawl tal-istruttura u tal-effettività tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament għandu jitqies bħala li jattribwixxi lill-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu infetħet proċedura sekondarja ta’ insolvenza ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħdu konjizzjoni tal-azzjonijiet annessi, sa fejn dawn l-azzjonijiet ikunu jirrigwardaw il-beni tad-debitur li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat.

    34

    Minn naħa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprevedi obbligu għall-Istati Membri li jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjonijiet dwar l-iżvolġiment u l-għeluq ta’ proċedura ta’ insolvenza mogħtija kemm mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-regolament kif ukoll minn dawk li l-ġurisdizzjoni tagħhom hija bbażata fuq il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu 3, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li l-ewwel subparagrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandu japplika wkoll għas-“sentenzi li jirriżultaw direttament mill-proċedimenti ta’ falliment u li jkunu marbuta mill-qrib magħhom”, jiġifieri għad-deċiżjonijiet li, b’mod partikolari, jirrigwardaw azzjoni annessa.

    35

    Issa, billi jipprevedi obbligu ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet “annessi” adottati mill-qrati li għandhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, dan ir-regolament jidher li jattribwixxi, tal-inqas b’mod impliċitu, lil dawn l-aħħar qrati l-ġurisdizzjoni sabiex jadottaw dawn id-deċiżjonijiet.

    36

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li wieħed mill-għanijiet essenzjali mfittxija mill-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, li tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ insolvenza jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-protezzjoni tal-interessi lokali, minkejja l-fatt li din il-proċedura tista’ wkoll tfittex għanijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Burgo Group, C‑327/13, EU:C:2014:2158, punt 36).

    37

    Issa, azzjoni annessa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża li jiġi kkonstatat li beni partikolari jaqgħu taħt proċedura sekondarja ta’ insolvenza, hija intiża preċiżament sabiex tipproteġi dawn l-interessi. Din il-protezzjoni u, għaldaqstant, l-effettività, b’mod partikolari, tal-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament ikunu mdgħajfa sostanzjalment jekk din l-azzjoni annessa ma tkunx setgħet titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura sekondarja.

    38

    Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni, abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, sabiex jiddeċiedu fuq id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura.

    Fuq in-natura esklużiva jew alternattiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tingħata deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza

    39

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kwistjoni dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, sabiex tingħata deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura, għandhiex natura esklużiva jew alternattiva, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tal-qrati, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, sabiex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet annessi hija prinċipalment ibbażata fuq l-effettività ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Seagon, C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 21, u F‑Tex, C‑213/10, EU:C:2012:215, punt 27). Hekk kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna l-ġurisdizzjoni analoga tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni abbażi tal-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu 3.

    40

    Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata n-natura esklużiva jew alternattiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-azzjonijiet annessi, u għaldaqstant il-portata ta’ kull wieħed mill-paragrafi (1) u (2) tal-imsemmi Artikolu 3, hemm lok, ukoll, li l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tiġi żgurata.

    41

    Għalhekk, fir-rigward ta’ azzjoni intiża sabiex jiġi kkonstatat li ċerti beni tad-debitur jidħlu fil-portata tal-effetti tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza, kif inhuma l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li din, evidentement, għandha effett dirett fuq l-interessi amministrati fil-kuntest tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, peress li l-konstatazzjoni mitluba neċessarjament timplika li l-beni inkwistjoni ma jkunux jaqgħu taħt il-proċedura prinċipali. Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali għandhom, huma wkoll, ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq l-azzjonijiet annessi u għaldaqstant sabiex jiddeterminaw il-portata tal-effetti ta’ din l-aħħar proċedura.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza, sabiex jiddeċiedu dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura, iċċaħħad lill-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-azzjonijiet annessi, mill-effettività tiegħu u, għaldaqstant, ma tistax tintlaqa’.

    43

    Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000 ma jirriżultax li dan jagħti lill-qorti adita fl-ewwel lok il-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar azzjoni annessa. Kuntrarjament għal dak li sostna l-comité d’entreprise de NNSA, tali attribuzzjoni lanqas ma tirriżulta mis-sentenza Staubitz-Schreiber (C‑1/04, EU:C:2006:39) li tirrigwarda każ differenti, jiġifieri dak tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni sabiex tinfetaħ proċedura prinċipali ta’ insolvenza, u għaldaqstant dwar l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, hija esklużiva.

    44

    Ċertament, hekk kif sostnew diversi partijiet interessati, ir-rikonoxximent, f’dan il-kuntest, ta’ ġurisdizzjoni “alternattiva” jimplika r-riskju ta’ deċiżjonijiet li jikkompetu bejniethom u, potenzjalment, irrikonċiljabbli.

    45

    Madankollu, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 ikun jippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli, billi jiġi impost li kull qorti adita b’azzjoni annessa, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirrikonoxxi deċiżjoni preċedenti adottata minn qorti oħra li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) jew, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

    46

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 3(2) u 27 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni, b’mod alternattiv flimkien mal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali, sabiex jiddeċiedu dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura sekondarja.

    Fuq it-tieni parti tad-domanda

    47

    Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi liema dritt huwa applikabbli għad-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza.

    48

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, minn naħa, li l-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza huma limitati, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 3(2) u 27 tar-Regolament Nru 1346/2000, għall-beni tad-debitur li, fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, kienu jinsabu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura sekondarja.

    49

    Min-naħa l-oħra, mill-premessi 6 u 23 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta, l-ewwel nett, li dan ir-regolament jistabbilixxi regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet uniformi li jissostitwixxu r-regoli nazzjonali tad-dritt privat internazzjonali u, it-tieni nett, li din is-sostituzzjoni hija limitata, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli previsti minn dan ir-regolament. Għalhekk, l-imsemmi regolament ma jeskludix, bħala prinċipju, fil-kuntest ta’ azzjoni annessa bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu hija l-qorti li quddiemha din l-azzjoni annessa tinsab pendenti, li tirrigwarda d-dritt privat internazzjonali ta’ dan l-Istat, sa fejn ir-regolament Nru 1346/2000 ma jinkludix regoli uniformi li jirregolaw is-sitwazzjoni inkwistjoni.

    50

    Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, oġġett għandux jitqies li kien jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament jipprevedi effettivament regoli uniformi, li jeskludu, għal dan l-għan, kull użu mid-dritt nazzjonali.

    51

    Fil-fatt, mill-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, l-“Istat Membru li fih ikunu jinstabu l-assi” huwa, għall-beni tanġibbli, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu dawn il-beni, għall-beni u d-drittijiet li l-proprjetarju jew il-persuna intitolata għalihom għandha tirreġistra f’reġistru pubbliku, l-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu dan ir-reġistru jinżamm, u, fl-aħħarnett, għad-djun, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur terz, kif iddeterminat mill-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament. Minkejja l-kumplessità tas-sitwazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din ir-regola għandha tippermetti lill-qorti tar-rinviju li tillokalizza l-beni, id-drittijiet jew id-djun ikkonċernati.

    52

    F’dan ir-rigward wieħed għandu jżid li, minkejja li l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000 jagħmel riferiment espress biss għall-beni, għad-drittijiet jew għad-djun li jinsabu fi Stat Membru, minn dan ma jistax jiġi dedott li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fl-ipoteżi fejn l-oġġett, id-dritt jew id-dejn inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala li jinsabu fi Stat terz.

    53

    Fil-fatt, sabiex jiġu identifikati l-beni li jaqgħu taħt proċedura sekondarja ta’ insolvenza, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk, fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, dawn kinux jinsabu, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000, fit-territorju tal-Istat Membru li fih infetħet din il-proċedura, mingħajr ma l-kwistjoni ta’, fejn xieraq, f’liema Stat ieħor kienu jinsabu dawn il-beni fi stad ulterjuri tkun ta’ rilevanza f’dan ir-rigward.

    54

    Konsegwentement, fir-rigward tal-tilwimiet fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha qabelxejn tivverifika jekk il-beni inkwistjoni, li ma jidhirx li jistgħu jitqiesu bħala beni tanġibbli, jikkostitwixxux beni jew drittijiet li l-proprjetarju jew il-persuna intitolata għalihom għandha tirreġistra f’reġistru pubbliku, jekk jew għandhomx jitqiesu bħala djun. Sussegwentement, tkun l-istess qorti li jkollha tiddetermina, rispettivament, jekk l-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu dan ir-reġistru jinżamm huwiex dak tal-ftuħ tal-proċedura sekondarja ta’ insolvenza, f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża, jew jekk, fejn xieraq, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tat-terz debitur huwiex ir-Repubblika Franċiża. Huwa biss fil-każ fejn waħda minn dawn il-verifiki twassal għal riżultat pożittiv li l-beni inkwistjoni jkunu jaqgħu taħt il-proċedura sekondarja ta’ insolvenza fi Franza.

    55

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda magħmula għandha tkun li d-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    Fuq l-ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 3(2) u 27 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza għandhom ġurisdizzjoni, b’mod alternattiv flimkien mal-qrati tal-Istat Membru ta’ ftuħ tal-proċedura prinċipali, sabiex jiddeċiedu dwar id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ din il-proċedura sekondarja.

     

    Id-determinazzjoni tal-beni tad-debitur li jidħlu fil-portata tal-effetti ta’ proċedura sekondarja ta’ insolvenza għandha titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 1346/2000.

     

    Firem


    ( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top