Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0247

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-18 ta' Novembru 2010.
    Alketa Xhymshiti vs Bundesagentur für Arbeit - Familienkasse Lörrach.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Baden-Württemberg - il-Ġermanja.
    Ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni - Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 kif ukoll (KE) Nru 859/2003 - Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Benefiċċji tal-familja - Ċittadin ta’ Stat terz li jaħdem l-Isvizzera u li jirresjedi flimkien mat-tfal tiegħu fi Stat Membru li tiegħu t-tfal għandhom iċ-ċittadinanza.
    Kawża C-247/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11845

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:698

    Kawża C-247/09

    Alketa Xhymshiti

    vs

    Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Lörrach

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg)

    “Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 kif ukoll (KE) Nru 859/2003 — Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji tal-familja — Ċittadin ta’ Stat terz li jaħdem l-Isvizzera u li jirrisjedi flimkien mat-tfal tiegħu fi Stat Membru li tiegħu t-tfal għandhom iċ-ċittadinanza”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae — Estensjoni għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li ma jibbenefikawx minn din il-leġiżlazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom

    (Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Anness II, Sezzjoni A; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Nru 574/72 u Nru 859/2003)

    2.        Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji tal-familja — Ċittadin ta’ Stat terz li jirrisjedi legalment fi Stat Membru iżda li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 859/2003 — Inapplikabbiltà tal-leġiżlazzjoni Komunitarja

    (Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni, Anness II, Sezzjoni A; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 2, 13 u 76, u Nru 574/72 Artikolu 10 (1)(a))

    1.        Fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi legalment fi Stat Membru tal-Unjoni u jaħdem fl-Isvizzera, dan iċ-ċittadin ma huwiex suġġett, fl-Istat Membru ta’ residenza, għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 859/2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, peress li dan ir-Regolament Nru 859/2003 ma jinsabx indikat fost l-atti Komunitarji msemmija fis-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, li l-partijiet għal dan il-ftehim jintrabtu li japplikaw.

    Konsegwentement, l-obbligu, għall-Istat Membru ta’ residenza, li japplika r-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, u r-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, għal dan l-impjegat u l-konjuġi tiegħu ma jistax jiġi kkonstatat.

    (ara l-punt 39 u d-dispożittiv 1)

    2.        L-Artikoli 2, 13 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, kif ukoll l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, ma humiex applikabbli għal ċittadin ta’ Stat terz li jirrisjedi legalment fi Stat Membru iżda li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 859/2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, sa fejn is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza. Il-fatt biss li t-tfal ta’ dan iċ-ċittadin huma ċittadini tal-Unjoni ma jistax jirrendi illegali r-rifjut li jingħataw allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza meta l-kundizzjonijiet legali neċessarji għall-finijiet ta’ dan l-għoti ma humiex sodisfatti.

    Fil-fatt, id-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-ammont u t-tul ta’ żmien tagħhom.

    (ara l-punti 41, 43, 45 u d-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

    18 ta’ Novembru 2010 (*)

    “Ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 kif ukoll (KE) Nru 859/2003 – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Benefiċċji tal-familja – Ċittadin ta’ Stat terz li jaħdem l-Isvizzera u li jirrisjedi flimkien mat-tfal tiegħu fi Stat Membru li tiegħu t-tfal għandhom iċ-ċittadinanza”

    Fil-Kawża C-247/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

    Alketa Xhymshiti

    vs

    Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Lörrach,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

    komposta minn K. Schiemann (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tinvolvi l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317), kif ukoll tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE‑Svizzera”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Alketa Xhymshiti, ċittadina Albaniża residenti legalment fil-Ġermanja u miżżewġa ċittadin tal-Kosovo residenti legalment fil-Ġermanja u jaħdem fl-Isvizzera u l-Bundesagentur für Arbeit – Familienkasse Lörrach (Aġenzija Federali tal-Impjieg – fond tal-benefiċċji tal-familja ta’ Lörrach, iktar ’il quddiem il-“FKL”), dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tagħti, bħala allowances tal-familja, ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-allowances tal-familja Svizzeri u l-allowances tal-familja Ġermaniżi għaż-żewġt itfal tagħha, ta’ ċittadinanza Ġermaniża.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3        Ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 jipprovdu għat-trasferiment ta’ benefiċċji soċjali bejn l-Istati Membri sabiex il-moviment liberu tal-persuni jiġi ffaċilitat.

    4        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi:

    “Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

    5        Fi kliem l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali”:

    “1.      Bla ħsara għall‑Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir‑Regolament għandhom ikunu soġġetti għall‑liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il‑liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id‑dispożizzjonijiet ta’ dan it‑Titolu.

    2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

    (a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

    [...]”

    6        L-Artikolu 76(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, jipprovdi:

    “Fejn, matul l-istess perijodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-familja tabita, l-intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.”

    7        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew tal-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jipprovdi:

    “1.      (a)   L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji.

          (b)      Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

    (i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

    (ii)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew biss taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor inkella taħt l-Artikoli 77 jew 78 tar-Regolament, lill-persuna intitolata għal dawn il-benefiċċji jew lill-persuna li lilha huma pagabbli, id-dritt għal dawn il-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru inkella fl-applikazzjoni ta’ dawk l-Artikoli jkun sospiż; fejn dan huwa l-każ, il-persuna kkonċernata tkun intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew allowances tal-familja ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw it-tfal, bl-ispiża titħallas mill-Istat Membru, u fejn suppost, għall-benefiċċji oħra barra l-allowances tal-familja li għalihom hemm riferenza fl-Artikolu 77 u l-Artikolu 78 tar-Regolament, bl-ispiża titħallas mill-Istat kompetenti kif iddefinit b’dawk l-Artikoli.”

    8        Ir-Regolament Nru 859/2003 huwa intiż sabiex jestendi d-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni bir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

    9        Id-disa’, il-ħdax, it-tnax, l-erbatax u s-sittax-il premessa tal-imsemmi regolament jipprovdu:

    “(9)      Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi provdut għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ koordinazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fil-Komunità u li m’humiex fil-preżent koperti bid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regolamenti fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tagħhom u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet l-oħra kif provdut f’dan ir-Regolament; estensjoni bħal dik hija ta’ mportanza partikolari minħabba t-tkabbir li ġej ta’ l-Unjoni Ewropea.

    […]

    (11)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 huma, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, applikabbli biss sal-limitu li l-persuna kkonċernata hija diġà legalment tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru. Li wieħed ikun legalment jirrisjedi hija għalhekk prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    (12)      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 m’humiex applikabbli f’sitwazzjoni li hija konfinata fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed. Dan jikkonċerna, fost ħwejjeġ oħra, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu rabtiet biss ma’ pajjiż terz u ma’ Stat Membru wieħed.

    […]

    (15)      Biex jinkisbu dawn l-obbjettivi huwa meħtieġ u xieraq li jiġi estiż il-kamp ta’ l-applikazzjoni tar-regoli li jikkoordinaw l-iskemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali billi jiġi adottat strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u japplika direttament f’kull Stat Membru li jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (16)      Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn patti ta’ ftehim internazzjonali ma’ pajjiżi terzi li għalihom il-Komunità hija parti u li joffru vantaġġi f’termini ta’ sigurtà soċjali.”

    10      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003 jipprovdi:

    “Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għandhom japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’humiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u s-superstiti tagħhom, sakemm ikunu jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u huma f’sitwazzjoni li mhix konfinata fl-aspetti kollha ġewwa Stat Membru wieħed.”

    11      L-Anness tar-Regolament Nru 859/2003 dwar dispożizzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, jipprovdi, fir-rigward tal-Ġermanja, li “[f]il-każ ta’ benefiċċji tal-familja, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom fil-pussess tagħhom permess tar-residenza li jikkonforma mad-definizzjoni fil-liġi Ġermaniża ta’ ‘Aufenthaltserlaubnis’ jew ‘Aufenthaltsberechtigung’.”

    12      Il-Ftehim UE‑Svizzera jipprovdi fl-Artikolu 1 tal-Anness II tiegħu, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali:

    “1.      Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

    2.      Il-frażi ‘Stat membru(i)’ fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.”

    13      Is-Sezzjoni A tal-imsemmi Anness tirreferi kemm għar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll għar-Regolament Nru 574/72.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    14      L-Artikolu 62(1) tal-Liġi federali Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”) jipprovdi:

    “Fir-rigward tat-tfal fis-sens tal-Artikolu 63, hija intitolata għall-allowances tal-familja taħt din il-liġi, kull persuna:

    1.      li għandha d-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali […]”

    15      L-Artikolu 65(1) tal-EStG, intitolat “Benefiċċji oħra għat-tfal”, jipprovdi li:

    “Ma għandhomx jitħallsu allowances għat-tfal dipendenti li jibbenefikaw minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li jieħdu tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:

    […]

    2.      benefiċċji għat-tfal mogħtija fl-esteru u paragunabbli għall-allowances għat-tfal dipendenti jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;

    […]”

    16      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li d-dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fil-Ġermanja.

    17      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika wkoll li l-allowances tal-familja Svizzeri huma paragunabbli mal-allowances tal-familja Ġermaniżi.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18      Il-konjuġi Xhymshiti jgħixu fil-Ġermanja biż-żewġt itfal tagħhom u t-tnejn li huma għandhom il-permessi tar-residenza msemmija fl-Anness tar-Regolament Nru 859/2003 fil-parti li tirrigwarda lill-Ġermanja.

    19      Alketa Xhymshiti, ċittadina Albaniża, ma teżerċitax attività ekonomika. Astrit Xhymshiti, ċittadin tal-Kosovo, jaħdem l-Isvizzera fejn iħallas kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għax-xjuħija u r-romol. Huwa jirċievi, min-naħa ta’ min jimpjegah fl-Isvizzera, għat-tfal tiegħu li għandhom, it-tnejn li huma, ċittadinanza Ġermaniża, allowances tal-familja.

    20      Sa mit-twelid tal-ewwel tifel tagħhom, Albion, fit-28 ta’ April 2005, Alketa Xhymshiti kienet tirċievi allowances tal-familja msejħa “parzjali” min-naħa tal-Istat Ġermaniż, li kienu jikkorrispondu għad-differenza bejn l-allowances tal-familja Ġermaniżi u l-allowances Svizzeri li kienu iktar baxxi.

    21      Wara t-twelid tat-tieni wild, Albiona, fit-30 ta’ Ġunju 2007, Alketa Xhymshiti talbet ukoll, fit-13 ta’ Lulju 2007, għall-allowances tal-familja parzjali Ġermaniżi għal din it-tifla.

    22      Wara din it-talba, l-FKL annulla, fil-5 ta’ Settembru 2007, l-għoti tal-allowances tal-familja għal Albion, peress li Astrit Xhymshiti kien jirċievi, fir-rigward ta’ dan it-tifel, allowances tal-familja fl-Isvizzera.

    23      Fit-12 ta’ Ottubru 2007, Alketa Xhymshiti talbet mill-ġdid lill-FKL il-ħlas tal-allowances tal-familja għal dawn iż-żewġt itfal. Il-FKL, li rċeva din it-talba fil-15 ta’ Ottubru 2007, ċaħadha fil-25 ta’ Ottubru 2007, filwaqt li ma semma l-isem ta’ ebda wieħed jew waħda mit-tfal. Huwa kkunsidra li, peress li l-konjuġi Xhymshiti ma kinux jaqgħu taħt il-Ftehim UE‑Svizzera minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, l-għoti tal-allowances tal-familja parzjali taħt ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 ma setax ikun applikabbli.

    24      Fid-19 ta’ Frar 2008, il-FKL ċaħad il-kontestazzjoni minn Alketa Xhymshiti ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Fid-deċiżjoni tiegħu li tikkonferma ċ-ċaħda inizjali, il-FKL indika li t-tifla Albiona kienet tibbenefika, sa mix-xahar ta’ Ġunju tas-sena 2007, minn ħlas barrani paragunabbli mal-allowances tal-familja Ġermaniżi, u l-fatt li dan il-ħlas kienet ta’ ammont iżgħar mill-allowances nazzjonali ma kienx jagħmel differenza.

    25      Konsegwentement, Alketa Xhymshiti ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-25 ta’ Ottubru 2007 u d-deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2008 fuq kontestazzjoni. Hija talbet ukoll il-ħlas tal-allowances tal-familja li hija tqis li huma dovuti lilha.

    26      Peress li l-Finanzgericht Baden-Württemberg, adita b’din l-azzjoni, kellha dubji fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 859/2003 u, konsegwentement, tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 għal ċittadini ta’ Stati terzi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-konjuġi Xhymshiti, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)      Fil-każijiet li ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi legalment fi Stat Membru tal-Unjoni [...] u jaħdem [l-Isvizzera], dan iċ-ċittadin, l-istess bħal martu, ċittadina ta’ [Stat] terz, huwa suġġett, fl-Istat Membru ta’ residenza, għall-applikazzjoni tar-Regolament [...] Nru 859/2003[...], bil-konsegwenza li l-Istat Membru ta’ residenza huwa obbligat japplika r-Regolamenti [...] Nri 1408/71 u 574/72 għall-imsemmi impjegat u għal martu?

    (2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikoli 2, 13 u 76 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 u l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament [...] Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-Istat Membru ta’ residenza, l-għoti tal-allowance tal-familja jista’ jiġi rrifjutat lil omm, ċittadina ta’ [Stat] terz, minħabba l-fatt li hija għandha n-nazzjonalità ta’ [Stat] terz, minkejja li binha huwa ċittadin tal-Unjoni?”

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    27      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk ir-Regolament Nru 859/2003 huwiex applikabbli għaċ-ċittadini ta’ Stat terz li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ Astrit Xhymshiti u martu.

    28      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003, ċittadin ta’ Stat terz għandu jissodisfa żewġ kundizzjonijiet sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 ikunu applikabbli għalih u għall-membri tal-familja tiegħu. Għalhekk, huwa għandu, fl-ewwel lok, jirrisjedi legalment fi Stat Membru u, fit-tieni lok, li ma jkunx jinsab f’sitwazzjoni li hija marbuta fl-aspetti kollha tagħha ma’ Stat Membru wieħed. Mit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 859/2003, li tiċċara din it-tieni kundizzjoni, jirriżulta li dan ikun partikolarment il-każ meta ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu rabtiet biss ma’ Stat terz u ma’ Stat Membru wieħed.

    29      Minn naħa, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, kemm Astrit Xhymshiti kif ukoll martu għandhom residenza legali fil-Ġermanja u jissodisfaw il-kundizzjoni tal-permess tar-residenza msemmi fl-Anness tar-Regolament Nru 859/2003. Għalhekk, l-ewwel kundizzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li hija sodisfatta.

    30      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jsostni l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-sitwazzjoni ta’ Astrit Xhymshiti ma tinkludix l-element ta’ rabta ma’ iktar minn Stat Membru wieħed. Il-fatt li jeżerċita attività professjonali l-Isvizzera ma għandu ebda effett f’dan ir-rigward.

    31      Madankollu, kif isostnu kemm il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u kif ukoll il-qorti tar-rinviju, jirriżulta li għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, il-Konfederazzjoni Svizzera għandha tiġi meqjusa bħala Stat Membru tal-Unjoni.

    32      Din il-konklużjoni hija imposta mill-Artikolu 1 tal-Anness II tal-Ftehim UE‑Svizzera, dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, l-imsemmi artikolu, fil-paragrafu 1 tiegħu, jimponi fuq il-partijiet kontraenti l-obbligu li japplikaw bejniethom, fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-imsemmi ftehim u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-anness.

    33      Barra minn hekk, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu 1, “il-frażi ‘Stat membru(i)’ fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.”

    34      Kemm ir-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll ir-Regolament Nru 574/72 jidhru fis-Sezzjoni A tal-Anness II, intitolata “Atti li għalihom sar riferiment”, tal-Ftehim UE‑Svizzera. Minn dan isegwi li, minbarra l-Istati Membri tal-UE, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jkopru wkoll lill-Konfederazzjoni Svizzera.

    35      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li dan ma huwiex il-każ għar-rigward tar-Regolament Nru 859/2003, li ma jidhirx fost l-atti Komunitarji li l-partijiet għall-Ftehim UE‑Svizzera jintrabtu li japplikaw u li huma, konsegwentement, imsemmija fis-Sezzjoni A tal-Anness II ta’ dan il-ftehim. Huwa paċifiku li din is-Sezzjoni A telenka xi wħud mill-atti li jemendaw ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, u dan jindika r-rieda tal-partijiet għal dan il-ftehim li juru fl-imsemmija sezzjoni, fl-għamla ta’ skrizzjoni individwalizzata, kull emenda għal dawn l-atti leġiżlattivi.

    36      Kif sostna ġustament il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, is-sistema maħluqa mill-imsemmi ftehim, inkwantu din hija limitata għall-applikazzjoni ta’ atti li għalihom sar riferiment espliċitu, ma għandhiex l-għan li tirreferi għall-atti fil-verżjoni attwali tagħhom. Konsegwentement, anki jekk ir-Regolament Nru 859/2003 kellu jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi biss emenda għar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72, dan ma jistax jiġi applikat fuq il-bażi tal-Ftehim UE‑Svizzera. Għalhekk, dan ir-Regolament, li sar wara l-Ftehim UE‑Svizzera, jista’ biss jiġi inkluż f’dan il-ftehim wara li ssir emenda għall-ftehim innifsu.

    37      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju, minn Astrit Xhymshiti, ta’ attività professjonali fl-Isvizzera ma jikkostitwixxix fattur li jestendi s-sitwazzjoni tiegħu lil hinn mil-limiti ta’ Stat Membru wieħed. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tiegħu għandha biss rabtiet ma’ Stat terz u ma’ Stat Membru wieħed, jiġifieri, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    38      Minn dan jirriżulta li peress li t-tieni miż-żewġ kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 859/2003 ma ġietx sodisfatta, l-imsemmi regolament ma japplikax għas-sitwazzjoni ta’ persuna bħalma huwa Astrit Xhymshiti.

    39      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi legalment fi Stat Membru tal-Unjoni u jaħdem l-Isvizzera, dan iċ-ċittadin ma huwiex suġġett, fl-Istat Membru ta’ residenza, għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 859/2003, peress li dan ir-regolament ma jinsabx indikat fost l-atti Komunitarji msemmija fis-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim UE‑Svizzera li l-partijiet għal dan il-ftehim jintrabtu li japplikaw. Konsegwentement, l-obbligu, tal-Istat Membru ta’ residenza, li japplika r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 għall-imsemmi impjegat u għall-konjuġi tiegħu ma jistax jiġi kkonstatat.

     Fuq it-tieni domanda

    40      It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti 1408/71 u 574/72 jippermettux, lil Stat Membru ta’ residenza, li jirrifjuta li jagħti allowances tal-familja lil ċittadin ta’ Stat terz, minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, meta t-tfal tiegħu jkunu ċittadini tal-Unjoni.

    41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mir-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, il-konjuġi Xhymshiti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 859/2003, u dan jimplika li lanqas ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 ma huma applikabbli għalihom. Konsegwentement, l-għoti ta’ allowances tal-familja għaż-żewġt itfal jaqgħu biss taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

    42      Issa, mid-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għoti ta’ allowances tal-familja Ġermaniżi huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż, b’mod konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 62(1) tal-EStG. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, minkejja li din il-kundizzjoni hija sodisfatta, skont il-punt 1 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, Alketa Xhymshiti hija xorta waħda eskluża milli tibbenefika minn dawn il-ħlasijiet minħabba l-fatt li żewġha jirċievi ħlasijiet paragunabbli fl-Isvizzera.

    43      Għandu jiġi rrimarkat li d-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-ammont u t-tul ta’ żmien tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Klöppel, C-507/06, Ġabra p. I‑943, punt 16).

    44      F’dan ir-rigward, il-fatt biss li t-tfal tal-konjuġi Xhymshiti huma ċittadini tal-Unjoni ma jistax jirrendi illegali r-rifjut li jingħataw allowances tal-familja fil-Ġermanja meta, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet legali neċessarji għall-finijiet ta’ dan l-għoti ma humiex sodisfatti.

    45      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 2, 13 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 ma humiex applikabbli għal ċittadina ta’ Stat terz fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan sa fejn is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza. Il-fatt biss li t-tfal ta’ din iċ-ċittadina huma ċittadini tal-Unjoni ma jistax jirrendi illegali r-rifjut li jingħataw allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza meta, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet legali neċessarji għall-finijiet ta’ dan l-għoti ma humiex sodisfatti.

     Fuq l-ispejjeż

    46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      Fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat terz jirrisjedi legalment fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u jaħdem l-Isvizzera, dan iċ-ċittadin ma huwiex suġġett, fl-Istat Membru ta’ residenza, għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, peress li dan ir-Regolament Nru 859/2003 ma jinsabx indikat fost l-atti Komunitarji msemmija fis-Sezzjoni A tal-Anness II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, li l-partijiet għal dan il-ftehim jintrabtu li japplikaw. Konsegwentement, l-obbligu, għall-Istat Membru ta’ residenza, li japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, għal dan l-impjegat u l-konjuġi tiegħu ma jistax jiġi kkonstatat.

    2)      L-Artikoli 2, 13 u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 ma humiex applikabbli għal ċittadina ta’ Stat terz fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u dan sa fejn is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza. Il-fatt biss li t-tfal ta’ din iċ-ċittadina huma ċittadini tal-Unjoni ma jistax jirrendi illegali r-rifjut li jingħataw allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza meta, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kundizzjonijiet legali neċessarji għall-finijiet ta’ dan l-għoti ma humiex sodisfatti.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top