EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0205

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008.
Lodewijk Gysbrechts u Santurel Inter BVBA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van beroep te Gent - il-Belġju.
Artikoli 28 KE sa 30 KE - Direttiva 97/7/KE - Protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod - Terminu għall-irtirar mill-kuntratt - Projbizzjoni li jintalab mingħand il-konsumatur ħlas akkont jew pagament qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt.
Kawża C-205/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09947

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:730

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Artikoli 28 KE sa 30 KE — Direttiva 97/7/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod — Terminu għall-irtirar mill-kuntratt — Projbizzjoni li jintalab mingħand il-konsumatur ħlas akkont jew pagament qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt”

Fil-Kawża C-205/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Gent (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2007, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2007, fil-proċeduri kriminali kontra

Lodewijk Gysbrechts,

Santurel Inter BVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Klučka, u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Santurel Inter BVBA, minn H. Van Dooren, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE sa 30 KE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra L. Gysbrechts u l-kumpannija Santurel Inter BVBA (iktar ’il quddiem “Santurel”) għal ksur tal-liġi Belġjana dwar bejgħ mill-bogħod.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi inrigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, p. 19), jipprovdi:

“1.   Għal kull kuntratt li jsir mill-bogħod il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ mill-inqas sebat ijiem tax-xogħol li fihom jista’ jirtira mill-kuntratt mingħajr penali u mingħajr ma jagħti ebda raġuni. L-unika kont li jista’ jingħata lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ irtirar tiegħu huwa l-ispiża diretta involuta sabiex l-oġġetti jiġu rritornati.

Il-perjodu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jibda:

fil-każ ta’ oġġetti, mill-ġurnata li l-konsumatur jirċiviehom fejn l-obbligi stabbilit fl-Artikolu 5 ikunu intlaħqu,

[…]

2.   Fejn id-dirtt ta’ irtirar ġie eserċitat mill-konsumatur skond dan l-Artikolu, il-fornitur għandu jkun obbligat li jirrimborża l-ammonti mħallsa mill-konsumatur mingħajr ħlas. L-unika imposta li tista’ ssir lill-konsumatur minħabba l-eżerċizzju tad-dritt li għandu li jirtira huwa l-ispiża diretta involtua fir-ritorn ta’ l-oġġetti. Dan ir-rimborż għandu jsir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien 30 jum.”

4

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom, fejn xieraq, jinkludu projbizzjoni, fl-interess ġenerali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti jew servizzi, partikolarment prodotti mediċinali, fit-territorju tagħhom permezz ta’ kuntratti mill-bogħod, b’kunsiderazzjoni xierqa mogħtija lit-Trattat.”

Id-dritt nazzjonali

5

Id-dritt tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt huwa rregolat mill-Artikolu 80 tal-liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki kummerċjali u l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi, kif emendata l-aħħar bil-liġi tal-5 ta’ Ġunju 2007 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi”).

6

L-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi jipprovdi:

“Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45(1) tal-liġi tat-12 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kreditu fuq il-konsum, il-konsumatur ma jista’ jintalab ebda ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar mill-kuntratt ta’ sebat ijiem tax-xogħol kif stabbilit fil-paragrafu 1.

Fil-każ li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar, stabbilit fil-paragrafi 1 u 2, il-bejjiegħ huwa obbligat iħallas lura l-ammonti mħallsin mill-konsumatur, mingħajr spejjeż. Dan il-ħlas lura għandu jsir mhux iktar tard minn tletin jum wara l-irtirar.

Il-projbizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza titneħħa meta l-bejjiegħ iġib prova li huwa jirrispetta r-regoli stabbiliti mir-Re sabiex iħallas lura l-ammonti mħallsa mill-konsumatur.”

7

Id-Digriet Irjali li għalih tirreferi l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni għadu ma ġiex adottat.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Santurel hija kumpannija speċjalizzata fil-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut ta’ supplimenti tal-ikel. Il-biċċa l-kbira tal-bejgħ isir permezz tas-sit tal-Internet tal-kumpannija, u l-prodotti ordnati jintbagħtu lix-xerrejja bil-posta.

9

L. Gysbrechts huwa l-fondatur u l-amministratur ta’ din il-kumpannija.

10

Fl-2001, Santurel fetħet kawża kontra wieħed mill-klijenti tagħha, is-Sur Delahaye, residenti fi Franza, minħabba nuqqas ta’ pagament tal-prezz ta’ ċerti prodotti li ġew mibgħuta lilu. Fi tmiem l-imsemmija kawża, il-Kummissarju tal-Ġustizzja ta’ Dendermonde (il-Belġju), adit mill-kawża, ikkundanna, fil-kontumaċja, lis-Sur Delahaye.

11

Is-Sur Delahaye ressaq ilment li fih afferma, minkejja li ma ressaq l-ebda prova ta’ dan, li huwa kien bagħat lura l-imsemmija prodotti lil Santurel. Imbagħad, l-amministrazzjoni Belġjana tal-ispezzjoni ekonomika (l’administration de l’inspection économique) fetħet inkjesta li permezz tagħha ġie kkonstatat ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar stipulati fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Santurel ġiet informata b’dawn in-nuqqasijiet u ntalbet tirregolarizza l-pożizzjoni tagħha.

12

Santurel għalhekk bidlet l-informazzjoni mogħtija fuq is-sit tal-Internet tagħha, billi indikat, fost oħrajn, li l-ħlas tal-prodotti għandu jsir fi żmien tmint ijiem minn meta jaslu l-prodotti. Għall-prodotti mibgħuta l-Belġju, il-prezz jista’ jitħallas permezz ta’ trasferiment bankarju, ordni postali jew b’karta ta’ kreditu. Għall-pajjiżi l-oħra, l-uniku metodu ta’ ħlas aċċettat huwa b’karta ta’ kreditu. Fil-każijiet kollha, meta jsir pagament b’karta ta’ kreditu, fuq il-formula tal-ordni l-klijent għandu jindika n-numru u d-data ta’ validità ta’ din il-karta ta’ kreditu.

13

L-amministrazzjoni Belġjana tal-ispezzjoni ekonomika kkunsidrat li din il-bidla kienet insuffiċjenti u bdiet proċeduri kontra Santurel u L. Gysbrechts, bħala l-amministratur tagħha, minħabba allegat ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ mill-bogħod li jinsabu fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan il-ksur kien jikkonċerna, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ rispett tal-projbizzjoni, stipulata fl-Artikolu 80(3) ta’ din il-liġi, li l-konsumatur jintalab ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sebat ijiem tax-xogħol li fih jista’ jiġi rtirat il-kuntratt. Skont l-amministrazzjoni Belġjana tal-ispezzjoni ekonomika, l-indikazzjoni tan-numru tal-karta ta’ kreditu fuq il-formula tal-ordni tal-prodotti tippermetti lil Santurel tiġbed il-prezz tal-prodotti qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar ta’ sebat’ijiem tax-xogħol, li tikser ir-rekwiżiti stipulati fil-liġi.

14

Il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Dendermonde kkundannat lil Santurel u lil L. Gysbrechts għal multa ta’ EUR 1250 kull wieħed. Il-partijiet kollha fil-kawża prinċipali appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Hof van beroep te Gent.

15

Il-Hof van beroep te Gent ikkonstatat li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi tinvolvi r-riskju, għal fornitur Belġjan, li jkollu diffikultà sabiex jikseb il-ħlas tal-prodotti tiegħu meta dawn jintbagħtu lil klijenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u dan ir-riskju jkun iktar qawwi meta jikkonċerna, bħal fil-kawża prinċipali, ammonti relattivament żgħar.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ħasset li l-argument ta’ Santurel u ta’ L. Gysbrechts, li jgħid li l-projbizzjoni inkwistjoni hija ostakolu mhux ġustifikat għall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità Ewropea, huwa sostenibbli. Konsegwentement, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-liġi Belġjana tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiċi tal-kummerċ u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti, ipprojbita mill-Artikoli 28 [KE] sa 30 KE, sa fejn din il-liġi nazzjonali fiha, fl-Artikolu 80(3) tagħha, projbizzjoni milli teżiġi ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor mill-konsumatur matul it-terminu obbligatorju ta’ rtirar, u li, konsegwentement, din il-liġi ma teżerċitax l-istess influwenza fuq il-kummerċ nazzjonali ta’ merkanzija bħal fuq it-tranżazzonijiet ma’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li din is-sitwazzjoni tinvolvi fil-fatt ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, hekk kif iddikjarat mill-Artikolu 23 KE?”

Fuq id-domanda preliminari

L-osservazzjonijiet tal-partijiet

17

Santurel issostni, essenzjalment, li l-interpretazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fornitur huwa pprojbit milli jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur f’bejgħ mill-bogħod, tikser ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 28 KE sa 30 KE.

18

Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-prinċipji misluta mis-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837), u tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097), Santurel issostni li l-projbizzjoni imposta bid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża principali fil-fatt taffettwa b’mod qawwi l-esportazzjoni tal-merkanzija nazzjonali u tikkostitwixxi, għalhekk, miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, ipprojbita mit-Trattat.

19

Skont il-Gvern Belġjan, l-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi huwa intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7. Jirriżulta li l-imsemmi Artikolu 80(3) għandu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq il-fornitur l-obbligu li joffri għażla bejn diversi metodi ta’ ħlas, li fosthom tal-inqas wieħed jippermetti lill-konsumatur iħallas għall-merkanzija mibgħuta wara l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar.

20

Barra minn hekk, is-sistemi ta’ ħlas żguri, li ma jippermettux li jinġibdu l-prezzijiet tal-merkanzija mibgħuta qabel l-iskadenza tat-terminu legali ta’ rtirar, huma kompatibbli mad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar filwaqt li jżomm id-dritt inkundizzjonat li jingħata ħlas lura tal-ammont imħallas lill-korp li jieħu ħsieb il-ħlas. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi dikjarazzjoni li permezz tagħha l-fornitur jintrabat li ma jiġbidx dan l-ammont qabel l-iskadenza tat-terminu tal-irtirar ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

21

F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jippreċiża wkoll li Digriet Irjali, li qiegħed fil-proċess li jiġi adottat, fil-futur se jirregola sistema ta’ pagament fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, li jkun mingħajr riskju għall-konsumatur, filwaqt li jipproteġi wkoll lill-fornitur. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, il-konsumatur iħallas il-prezz tax-xiri tal-merkanzija fil-kont ta’ terza persuna indipendenti, imbagħad, wara l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, is-somma tiġi ttrasferita lill-fornitur tal-merkanzija.

22

Il-Gvern Belġjan jirrikonoxxi, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu, li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipproduċi effett iktar restrittiv fuq it-tranżazzjonijiet magħmula ma’ persuni stabbiliti fi Stati Membri oħra. Madankollu, skont l-istess Gvern, minkejja li r-riskju li jassumi l-fornitur ikun ikbar, din id-dispożizzjoni tibqa’ konformi mad-dritt Komunitarju.

23

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet mal-Artikolu 28 KE, il-Gvern Belġjan isostni li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni peress li ma tagħmilx l-aċċess tal-prodotti importati għas-suq Belġjan iktar diffiċli. Għall-kuntrarju, hija toħloq sitwazzjoni inqas favorevoli għall-operaturi Belġjani meta mqabbla ma’ operaturi ta’ Stati membri oħra, u dan ma jiksirx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 28 KE.

24

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra xorta waħda li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, il-Gvern Belġjan iqis li din il-miżura tista’ tiġi ġġustifikata bil-protezzjoni tal-konsumaturi, b’mod partikolari għaliex tiggarantilhom l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rtirar stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7. Fl-istess ħin, hija tkun proporzjonata mal-għan imfittex. Fil-fatt, il-projbizzjoni li l-konsumatur jintalab ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar għandha l-għan li tiggarantixxi li l-konsumatur jista’ effettivament jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar, speċifikament billi jiġi evitat li d-diffikultajiet marbuta mal-irkupru tal-ammonti diġà mħallsa jiddisswaduh milli jeżerċita dan id-dritt.

25

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29 KE, il-Gvern Belġjan issostni li l-imsemmija dispożizzjoni hija applikata mingħajr distinzjoni għall-bejgħ konkluż ma’ persuni residenti fit-territorju Belġjan u għal dawk li jinvolvu konsumaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra u, għalhekk, ma tikkostitwixxix restrizzjoni speċifika fuq l-esportazzjoni.

26

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 28 KE, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija tal-opinjoni li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-operaturi kollha attivi fis-suq nazzjonali u li, legalment, hija taffettwa bl-istess mod il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati. Barra minn hekk, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-effett reali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Jekk id-dispożizzjoni nazzjonali tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, il-Kummissjoni tqis, min-naħa, li jkun possibbli li tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni tal-konsumaturi, u, min-naħa l-oħra, li hija tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

27

Fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 29 KE, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ssostni li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni għaliex, fil-kawża preżenti, il-miżura kkonċernata m’għandhiex l-għan jew l-effett li tillimita speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni.

28

Matul is-seduta, il-Kummissjoni madankollu ressqet il-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-definizzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, sabiex tinkludi l-miżuri li “għandhom l-effett li jillimitaw l-esportazzjonijiet u li jistabbilixxu trattatment differenti bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-esportazzjoni”. Skont din id-definizzjoni l-ġdida, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali miżura li għandha effett ekwivalenti li tista’ tiġi ġġustifikata bil-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

Osservazzjonijiet preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 28 KE sa 30 KE jipprekludux dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-bejgħ mill-bogħod, li tipprojbixxi lill-fornitur li jitlob ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar.

30

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem l-istess Qorti, li L. Gysbrechts u Santurel ġew ikkundannati talli talbu lill-konsumaturi li ma jirrisjedux fil-Belġju n-numru tal-karta ta’ kreditu tagħhom qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar. Fil-fatt, skont l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali adottata mill-awtoritajiet Belġjani, meta jiġi konkluż kuntratt mill-bogħod, il-fornitur ma jistax jitlob lill-konsumatur in-numru tal-karta ta’ kreditu tiegħu, anke jekk jobbliga ruħu li ma jużahx qabel l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni sabiex jiġbed il-pagament.

31

Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża li hija jkollha quddiemha, kemm jekk din tkun għamlet referenza għalihom fid-domandi tagħha u kemm jekk le (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline, C-17/06, Ġabra p. I-7041, punt 29), projbizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u kif deskritta fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija, fil-kawża prinċipali, mill-awtoritajiet Belġjani, kif deskritta fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

32

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 97/7.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’settur li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti f’livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux tat-Trattat (ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 64).

34

Madankollu, fil-kawża preżenti, jirriżulta li d-Direttiva 97/7 ma għamlitx armonizzazzjoni eżawrjenti. F’dan ir-rigward, kif l-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi espressament, hija tawtorizza lill-Istati Membri biex jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-direttiva, dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, bil-kundizzjoni li din is-setgħa tkun eżerċitata b’rispett lejn it-Trattat (ara s-sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

35

Jirriżulta li tali dispożizzjoni ma teskludix il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 28 KE sa 30 KE.

36

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28 KE, għandu jiġi kkonstatat li proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-importazzjoni iżda, għall-kuntrarju, l-esportazzjoni ta’ merkanzija mill-Belġju lejn Stati Membri oħra.

37

Peress li l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-imsemmi Artikolu 80(3) mal-Artikolu 28 KE hija irrilevanti għas-suġġett tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex bżonn tiddeċiedi dwar dan l-aspett tad-domanda preliminari.

Fuq l-eżistenza ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 29 KE

38

Sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi stabbilit jekk il-projbizzjoni stipulata fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni.

39

Għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 29 KE billi tiġi kkunsidrata wkoll l-interpretazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali li l-fornituri mhumiex awtorizzati jitolbu lill-konsumaturi n-numru tal-karta ta’ kreditu tagħhom, anke jekk jobbligaw ruħhom li ma jużawhx qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar.

40

F’dan ir-rigward, ġew ikklassifikati miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantittativi fuq l-esportazzjoni l-miżuri nazzjonali li għandhom bħala għan jew effett li jillimitaw speċifikament il-flussi ta’ esportazzjoni u li jistabbilixxi wkoll trattament differenti bejn il-kummerċ intern ta’ Stat Membru u l-kummerċ ta’ esportazzjoni tiegħu, b’mod li jagħti vantaġġ partikolari lill-produzzjoni nazzjonali jew lis-suq domestiku tal-Istat ikkonċernat, bi preġudizzju għall-produzzjoni jew għall-kummerċ ta’ Stati Membri oħra (sentenza tat-8 ta’ Novembru 1979, Groenveld, 15/79, Ġabra p. 3409, punt 7).

41

Fil-kawża prinċipali, jidher, kif anke ġie rrilevat mill-Gvern Belġjan fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu, li l-projbizzjoni li jintalab pagament minn qabel iċaħħad lill-operaturi kkonċernati minn strument effettiv sabiex jipproteġu ruħhom minn qabel kontra r-riskju li ma jitħallsux. Dan huwa minnu, iktar u iktar, meta d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija interpretata bħala li tipprojbixxi lill-fornituri milli jitolbu n-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumaturi, anke jekk jobbligaw ruħhom li ma jużawhx qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar sabiex jiġbdu l-pagament.

42

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tali projbizzjoni ġeneralment għandha konsegwenzi iktar sinjifikattivi fil-bejgħ transkonfinali li jsir direttament lill-konsumatur, b’mod partikolari, fil-bejgħ magħmul permezz tal-Internet, u dan b’mod partikolari minħabba l-ostakoli għal proċedimenti legali fi Stat Membru ieħor kontra konsumaturi li ma jħallsux, iktar u iktar fil-każ ta’ bejgħ li jirrigwarda ammonti relattivament żgħar.

43

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, anke jekk projbizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija applikabbli għall-operaturi kollha attivi fuq territorju nazzjonali, hija madankollu taffettwa iktar il-prodotti ħerġin mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni milli l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq domestiku tal-imsemmi Stat Membru.

44

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, projbizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta fuq fornitur f’bejgħ mill-bogħod li jitlob ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjoni. L-istess jingħad għall-projbizzjoni magħmula lill-fornitur li jitlob lill-konsumaturi n-numru tal-karta ta’ kreditu tagħhom, anke jekk jobbliga ruħu li ma jużahx qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu sabiex jiġbed il-pagament.

Fuq l-eventwali ġustifikazzjoni tal-miżura li għandha effett ekwivalenti

45

Miżura nazzjonali kuntrarja għall-Artikolu 29 KE tista’ tiġi ġġustifikata b’waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 30 KE, kif ukoll minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm l-imsemmija miżura tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 30 KE mhija rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

47

Madankollu, jeħtieġ li jingħad li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-protezzjoni tal-konsumaturi tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ interess pubbliku li tiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, 120/78, Ġabra p. 649, punt 8, u tat-23 ta’ Frar 2006, A-Punkt Schmuckhandel, C-441/04, Ġabra p. I-2093, punt 27).

48

Fil-kawża prinċipali, mhuwiex ikkontestat li d-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet introdotta sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rtirar iggarantit lilu permezz tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/7.

49

Fil-fatt, bis-saħħa tal-possibbiltà rikonoxxuta bl-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7 li l-Istati Membri jistgħu jadottaw, fil-qasam kopert minnha, dispożizzjonijiet iktar stretti, ir-Renju tal-Belġju għażel li jipproteġi iktar lill-konsumatur billi jipprojbixxi lill-fornituri mhux biss milli jimponu penali fil-każ li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar, iżda wkoll milli jitolbu ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar. Id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk maħsuba sabiex issaħħaħ ukoll il-libertà tal-konsumatur li jtemm ir-relazzjonijiet kuntrattwali, mingħajr ma jinkwieta dwar ir-rimbors tal-ammonti li jkun diġà ħallas.

50

Baqa’ li jiġi stabbilit jekk din id-dispożizzjoni, kif ukoll l-interpretazzjoni li ngħatat mill-awtoritajiet nazzjonali, humiex proporzjonali mal-għan imfittex.

51

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa importanti li jiġi vverifikat mhux biss jekk il-mezzi li din tuża humiex adatti sabiex jiggarantixxu li jitwettqu l-għanijiet previsti, iżda wkoll jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour-Marinopoulos, C-158/04 u C-159/04, Ġabra p. I-8135, punt 22).

52

Il-projbizzjoni li jintalab ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, kif ukoll il-projbizzjoni li x-xerrejja jintalbu jindikaw in-numru tal-karta ta’ kreditu tagħhom, hija xierqa sabiex tiżgura protezzjoni għolja tal-konsumatur fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ rtirar.

53

Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk il-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan propost u, b’mod partikolari, jekk setgħux jiġu kkunsidrati miżuri effettivi bl-istess mod għall-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda li jkollhom effett inqas restrittiv fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

54

Fil-fatt jeħtieġ jiġi mfakkar li wieħed mill-karatteristiċi tal-kuntratti ta’ bejgħ mill-bogħod huwa li spiss ikun hemm diskrepanza bejn l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali ta’ kull waħda mill-partijiet. B’hekk, huwa possibbli li l-konsumatur jintalab iħallas għall-merkanzija qabel ma tasal għandu jew, għall-kuntrarju, li l-fornitur iwassal il-merkanzija qabel ma jkun tħallas tagħha. Din id-diskrepanza toħloq riskju speċifiku ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-partijiet kontraenti.

55

Huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, b’osservanza tad-dritt Komunitarju, min-naħa, il-mod li bih dan ir-riskju ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni għandu jinqasam bejn il-fornitur u l-konsumatur u, min-naħa l-oħra, ir-riżorsi mqegħda għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-partijiet kontraenti sabiex jipproteġu ruħhom.

56

Anke jekk, il-projbizzjoni li jintalab ħlas matul it-terminu għall-irtirar iżżid l-inċertezza tal-fornituri fir-rigward tal-ħlas tal-prezz tal-merkanzija mibgħuta, din il-projbizzjoni tidher neċessarja sabiex tiżgura l-livell ta’ protezzjoni maħsub mid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-konsumatur li jkun ħallas minn qabel lill-fornitur ikun inqas lest li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ rtirar, anke jekk il-prodotti mibgħuta ma jissodisfawx kompletament l-eżiġenzi tiegħu.

57

Fir-rigward iktar speċifikament tal-projbizzjoni imposta fuq il-fornitur li jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu lill-konsumatur, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija projbizzjoni hija inseparabbli mill-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 80(3) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi.

58

Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija projbizzjoni tirriżulta mill-implementazzjoni, mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti, tal-projbizzjoni msemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, hija tfittex l-istess għan, jiġifieri, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rtirar.

59

Bħall-projbizzjoni msemmija fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-projbizzjoni imposta fuq il-fornitur li jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur hija xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li hija tfittex, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza.

60

Madankollu, anke kif jirriżulta mill-punt 85 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-uniku effett tal-projbizzjoni imposta fuq il-fornitur li jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu lill-konsumatur huwa li jiġi evitat ir-riskju li l-fornitur jiġbed il-prezz qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar.

61

Issa, jekk dan ir-riskju jimmaterjalizza, l-aġir tal-fornitur fih innifsu jikser il-projbizzjoni msemmija bid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura xierqa u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, kif jirriżulta mill-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza.

62

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni imposta fuq il-fornitur li jitlob in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

63

Għalhekk ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 29 KE ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi lill-fornitur, fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod transkonfinali, li jitlob ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor mingħand il-konsumatur qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, iżda jipprekludi li, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ikun ipprojbit, qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, li jintalab in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 29 KE ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi lill-fornitur, fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod transkonfinali, li jitlob ħlas akkont tal-prezz jew kwalunkwe ħlas ieħor mingħand il-konsumatur qabel l-iskadenza tat-terminu għall-irtirar, iżda jipprekludi li, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, ikun ipprojbit, qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, li jintalab in-numru tal-karta ta’ kreditu tal-konsumatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top