EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0040

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-11 ta' Jannar 2007.
Kaj Lyyski vs Umeå universitet.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Överklagandenämnden för högskolan - l-Iżvezja.
Moviment liberu tal-ħaddiema - Artikolu 39 KE - Xkiel - Taħriġ vokazzjonali - Għalliema - Rifjut ta' ammissjoni għal taħriġ lil kandidat impjegat fi skola ta' Stat Membru ieħor.
Kawża C-40/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:10

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Jannar 2007 (*)

"Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 39 KE – Xkiel – Taħriġ vokazzjonali – Għalliema – Rifjut ta’ ammissjoni għal taħriġ lil kandidat impjegat fi skola ta’ Stat Membru ieħor"

Fil-kawża C-40/05

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Överklagandenämnden för högskolan (l-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2005, fil-kawża

Kaj Lyyski

vs

Umeå universitet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Żvediż, minn K. Wistrand, bħala aġent,

–       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE u 39 KE.

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Lyyski, ċittadin Żvediż impjegat bħala għalliem fi skola fil-Finlandja, u l-Umeå universitet (l-Iżvezja) fir-rigward tal-kandidatura li kien ippreżenta sabiex jagħmel taħriġ f’din l-università.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 3(1) KE jiddisponi li:

"""Għall-finijiet ta’ dak li hemm imsemmi fl-Artikolu 2, l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif provdut f’dan it-Trattat u skond il-programm li jinsab fih:

[…]

q)      kontribuzzjoni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ ta’ kwalità u sabiex jiffjorixxu l-kulturi ta’ l-Istati Membri;

[…]".

4       L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 KE jipprovdi li:

"Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita."

5       Skond l-Artikolu 39(1) u (2) KE:

"1.      Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2.      Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol."

6       L-Artikolu 149(1) u (2) KE huwa fformulat kif ġej:

"1.      Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom.

2.      L-azzjoni komunitarja għandha tkun immirata lejn:

[…]

–       l-inkoraġġiment ta’ l-iżvilupp ta’ skambji fost iż-żgħażagħ u skambji ta’ edukaturi soċjo-edukattivi […]

[…]"

7       Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 150(1) u (2) KE:

"1.      Il-Komunità għandha timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissuplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

2.      L-azzjoni komunitarja għandha jkollha l-mira li:

[…]

–       tħaffef l-aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali u tinkoraġġixxi l-mobilità ta’ l-edukaturi u ta’ min ikun qiegħed jitħarreġ u partikolarment taż-żgħażah;

[…]"

 Id-dritt nazzjonali

 Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi impjegat b’kuntratt għal żmien indeterminat bħala għalliem fl-Iżvezja

8       L-ewwel subparagrafu, punti 1 u 2, u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi 1985:1100 dwar it-tagħlim skolastiku [skollagen (1985:1100), iktar ‘il quddiem il-"liġi dwar it-tagħlim skolastiku"] jiddisponu li hija kkwalifikata li tiġi impjegata għal żmien indeterminat bħala għalliem f’livell skolastiku, preskolastiku jew bħala edukatur ta’ waqt il-ħin liberu fis-sistema skolastika pubblika:

"1.      kull persuna li għandha diploma Żvediża li tiċċertifika taħriġ ta’ għalliem jew taħriġ pedagoġiku tat-tfal u taż-żgħażagħ kif previst mid-dispożizzjonijiet regolamentari meħuda mill-Gvern b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tal-Kapitolu 1 tal-liġi 1992:1434 dwar taħriġ ogħla [högskolelagen (1992:1434)] jew taħriġ ekwivalenti taħt is-sistema preċedenti, li s-suġġetti prinċipali tagħhom jikkorrispondu għal dawk is-suġġetti mgħallma previsti għal dak il-post li jrid jimtela;

2.      kull persuna li ngħatat ċertifikat ta’ kwalifika mill-Högskoleverket [l-Uffiċċju għal taħriġ ogħla] b’applikazzjoni ta’ l-Artikoli 4a u 4b.

Madankollu, persuna li mhijiex ikkwalifikata tista’ tiġi impjegata għal żmien indeterminat jekk in-numru ta’ kandidati kkwalifikati ma jkunx suffiċjenti, jekk dan ikun iġġustifikat b’raġunijiet partikolari, jekk ikollha kwalifiki professjonali ekwivalenti fis-suġġetti mgħallma marbuta ma’ dan il-post li jrid jimtela u jekk jista’ jiġi preżunt li hija kapaċi tgħallem. […]"

9       L-Artikolu 4a tal-Kapitolu 2, tal-liġi dwar it-tagħlim skolastiku jiddisponi li:

"Kull persuna li tagħmel taħriġ ta’ għalliem barra l-pajjiż tingħata ċertifikat ta’ kwalifika jekk dan it-taħriġ, minnu nniffsu jew flimkien ma’ l-esperjenza professjonali, ikun ekwivalenti għal taħriġ pedagoġiku taħt l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 ta’ l-Artikolu 4. […]"

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-programm ta’ taħriġ ikkonċernat fil-kawża prinċipali

10     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, skond l-abbozz ta’ liġi tal-finanzi għall-2002, proġett speċjali ta’ taħriġ ta’ għalliema ("särskild lärarutbildning", iktar ‘il quddiem il-"programm SÄL" jew it-"taħriġ SÄL") qed jitwettaq minn xi snin ‘l hawn sabiex iħarreġ l-ikbar numru ta’ għalliema, fid-dawl, minn naħa, taż-żieda qawwija ta’ studenti u, min-naħa l-oħra, tan-numru kbir ta’ għalliema li rtiraw.

11     Ir-regolament 2001:740 dwar taħriġ speċjali ta’ għalliema [förordning om särskilda lärarutbildningar (2001:740), iktar ‘il quddiem ir-"regolament SÄL"] jipprevedi d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ SÄL. Huwa jagħti lil sitt universitajiet u ċentri ta’ taħriġ ogħla l-inkarigu li jħarrġu għalliema li m’għandhomx il-kwalifiki neċessarji sabiex jiġu impjegati għal żmien indeterminat minn skola Żvediża jew li jixtiequ jiksbu kwalifika supplementari. Permezz ta’ din l-inizjattiva, huwa previst li madwar 4000 għalliema ser jiġu mħarrġa u kkwalifikati. Ir-regolament SÄL daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2001 u huwa applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2006.

12     L-Artikolu 1 tar-regolament SÄL, li jaqa’ taħt it-titolu "Kamp ta’ applikazzjoni", jipprevedi li:

"Dan ir-regolament fih dispożizzjonijiet li jirrigwardaw taħriġ superjuri organizzat b’mezzi partikolari u li jippermettu lill-istudenti jagħtu l-eżami ta’ għalliem."

13     L-Artikolu 2 tar-regolament SÄL, li jinsab taħt it-titolu "Post ta’ taħriġ", jiddisponi li:

"It-taħriġ jingħata fl-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ taħriġ ogħla ta’ l-Istat indikati mill-Gvern. L-espressjoni ‘stabbilimenti ta’ taħriġ ogħla’ tindika iktar ‘il quddiem kemm l-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ taħriġ ogħla."

14     L-Artikolu 3 tar-regolament SÄL, li jinsab taħt it-titolu "Għan tat-taħriġ", jgħid li:

"It-taħriġ jingħata sabiex mill-iktar fis jiġi sodisfatt il-bżonn ta’ għalliema kkwalifikati li jkopru s-suġġetti jew speċjalizzazzjonijiet magħżula mill-istabbilimenti ta’ taħriġ ogħla wara konsultazzjoni mal-komuni kkonċernati."

15     Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul, l-Artikolu 6 tar-regolament SÄL huwa fformulat kif ġej:

"Kull persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet mitluba sabiex tiġi impjegata għal żmien indeterminat skond il-punti 1 u 2 ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 2 tal-[liġi dwar it-tagħlim skolastiku] tista’ tiġi ammessa għal taħriġ jekk:

1.      fid-dawl tat-taħriġ superjuri li għamlet qabel jew mill-esperjenza professjonali tagħha, tkun kapaċi tagħti l-eżami ta’ għalliem fis-suġġetti jew speċjalizzazzjonijiet taħt dan it-taħriġ, u

2.      hija impjegata bħala għalliem mir-rappreżentant ta’ skola fejn il-parti prattika tat-taħriġ tista’ titwettaq.

Kull kandidat li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet sabiex jiġi impjegat għal żmien indeterminat elenkati fil-punti 1 u 2 ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4 tal-Kapitolu 2 tal-[liġi dwar it-tagħlim skolastiku] jista’ wkoll jiddaħħal għal taħriġ jekk dan jippermetti li jiġi kkwalifikat li jgħallem wieħed jew iktar suġġetti jew speċjalizzazzjonijiet supplementari."

16     L-Artikolu 7 tar-regolament SÄL jiddisponi li:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6, kull kandidat diġà għandu jkun għamel taħriġ ogħla li huwa biżżejjed sabiex it-taħriġ imwettaq b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jippermettilu jikseb id-diploma ta’ għalliem skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6 jew li jikkwalifika li jgħallem suġġett ieħor, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6. Tagħlim ekwivalenti miksub fl-Iżvezja jew barra l-pajjiż huma ekwivalenti għat-taħriġ superjuri."

17     L-Artikolu 10 tar-regolament SÄL jipprevedi li t-taħriġ SÄL għandu jingħata għall-inqas għal dawk b’ħin parzjali u li għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2006. It-tul totali tat-taħriġ ta’ student ma jistax jaqbeż il-valur ta’ 60 punt. Dan it-taħriġ għandu jkun ippjanat fid-dawl tat-taħriġ preċedenti u ta’ l-esperjenza professjonali ta’ kull student.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18     K. Lyyski, ċittadin Żvediż, ippreżenta l-kandidatura tiegħu sabiex iwettaq, fil-kuntest tal-programm SÄL, taħriġ fl-Umeå universitet mill-ħarifa tas-sena 2004.

19     Fl-inkartament tiegħu tal-kandidatura, huwa indika li, kemm idum dan it-taħriġ, huwa ser jokkupa l-post ta’ għalliem f’liċew ta’ lingwa Żvediża f’Åbo (il-Finlandja).

20     L-Umeå universitet irrifjutat il-kandidatura tiegħu. Hija qieset, skond l-interpretazzjoni tagħha tar-regolament SÄL u dak tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni nazzjonali Żvediż, li K. Lyyski ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti mitluba sabiex jibbenefika mit-taħriġ ipprovdut fil-kuntest tal-programm SÄL billi dan mhuwiex impjegat fi skola Żvediża u għandu, konsegwentement, jagħmel il-parti prattika tiegħu fil-Finlandja.

21     K. Lyyski ressaq, quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-kandidatura tiegħu meħuda mill-Umeå universitet. Huwa sostna li kellu jiġi rrikonoxxut li hu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissjoni għal dan it-taħriġ u li, bħala ċittadin Żvediż residenti l-Finlandja u impjegat minn liċew ta’ lingwa Żvediża f’dan l-Istat Membru, huwa kellu biżżejjed esperjenza professjonali sabiex jibda karriera ta’ għalliem.

22     Minn naħa tagħha, l-Umeå universitet, b’mod partikolari, qieset li l-kundizzjoni ta’ l-impjieg minn skola fl-Iżvezja sabiex ikollok aċċess għat-taħriġ SÄL huwa ġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi u proporzjonata ma’ l-għan tagħha.

23     Filwaqt li għamlet riferiment għall-Artikoli 12 KE u 149(1) KE kif ukoll għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors (115/78, Ġabra p. 399); tat-13 ta’ Frar 1985, Gravier (293/83, Ġabra p. 593); tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot (24/86, Ġabra p. 379), u tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I-6191), il-qorti tar-rinviju qieset li s-sitwazzjoni in kwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u li, konsegwentement, tqum il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din ta’ l-aħħar mal-kundizzjoni ta’ impjieg fi skola Żvediża għad-dħul fit-taħriġ SÄL.

24     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Överklagandenämnden för högskolan iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-Artikolu 12 KE, jipprekludi li, waqt l-eżami tal-kwalifiki ta’ kandidat għal taħriġ ta’ għalliem intiż sabiex jissodisfa fl-iqsar żmien it-talba ta’ għalliema kkwalifikati fl-Iżvezja, jiġi mitlub li l-persuna kkonċernata tkun impjegata minn skola Żvediża? Talba bħal din tista’ titqies li hija ġġustifikata u proporzjonata?

2)      Sabiex tirrispondi l-ewwel domanda, huwa rilevanti li l-kandidat għat-taħriġ, impjegat minn skola ta’ Stat Membru ieħor barra mir-Renju ta’ l-Iżvezja, ikun ċittadin [ta’ din ta’ l-aħħar] jew ta’ Stat Membru ieħor?

3)      Sabiex tirrispondi l-ewwel domanda, huwa rilevanti li dan jirrigwarda programm ta’ taħriġ ta’ għalliema li l-eżistenza tagħhom hija limitata fiż-żmien iktar milli minn programm ta’ taħriġ iktar permanenti?"

 Fuq id-domandi preliminari

25     Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali li provviżorjament torganizza taħriġ sabiex tissodisfa fl-iqsar żmien it-talba ta’ għalliema kkwalifikati fi Stat Membru jkun applikat b’mod li l-benefiċċju minn dan it-taħriġ ikun irriżervat għall-kandidati impjegati fi skola ta’ dan l-Istat Membru u jekk, għal din l-evalwazzjoni, huwiex rilevanti li dan it-taħriġ ikollu natura iktar permanenti jew le u li l-kandidati jkunu jew ma jkunux ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

26     Sabiex tirrispondi dawn id-domandi, jaqbel li l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

27     F’dan il-każ, it-taħriġ li għalih ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa kandidat fil-kuntest tal-programm SÄL b’mod partikolari jipprovdi taħriġ lill-għalliema li m’għandhomx il-kwalifiki neċessarji sabiex jiġu impjegati għal żmien indeterminat minn skola Żvediża skond is-sistema normali rregolata mil-liġi dwar it-tagħlim skolastiku. Dan it-taħriġ, li huwa fis-seħħ għal żmien determinat permezz ta’ ffinanzjar speċifiku previst mill-baġit ta’ l-Istat, għandu bħala għan li jagħti kwalifiki partikolari għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ għalliem b’kuntratt għal żmien indeterminat. Għalhekk, irid jiġi rrikonoxxut li r-regolament SÄL għandu l-għan ta’ taħriġ vokazzjonali. Barra minn dan, dan huwa biss ipprovdut minn ċerti universitajiet u ċerti stabbilimenti ta’ taħriġ ogħla.

28     Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ġa ddeċidiet fil-punt 25 tas-sentenza Gravier, iċċitata iktar ‘il fuq, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għat-taħriġ vokazzjonali jaqgħu fil-qasam ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE (ara, ukoll, is-sentenzi ta’ l-1 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑65/03, Ġabra p. I‑6427, punt 25, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 32).

29     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li kemm it-taħriġ ogħla kif ukoll it-taħriġ universitarju jikkostitwixxu taħriġ vokazzjonali (ara s-sentenzi Blaizot, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 15 sa 20; tas-27 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 42/87, Ġabra p. 5445, punti 7 u 8, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33). Il-kwistjoni dwar jekk it-tagħlim huwiex ta’ natura permanenti jew le mhuwiex rilevanti għal din l-evalwazzjoni.

30     F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni meħuda fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali, bħal dik opposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija suxxettibbli li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju.

31     F’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema skond l-Artikolu 39(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mir-residenza tiegħu u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu minn din il-libertà u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C‑18/95, Ġabra p. I‑345, punt 27).

32     Peress illi dan huwa l-każ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa ċittadin, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-regoli tiegħu jipprekludux liġi nazzjonali bħar-regolament SÄL.

33     L-ewwel nett għandu jiġi osservat jekk l-Artikolu 12 KE, li huwa espressament invokat mill-qorti tar-rinviju u li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ non diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità, m’għandux jiġi applikat b’mod awtonomu ħlief f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitajru li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regola speċifika ta’ non diskriminazzjoni (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C‑100/01, Ġabra p. I‑10981, punt 25; tal-11 ta’ Diċembru 2003, AMOK, C‑289/02, Ġabra p. I‑15059, punt 25, u tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑4981, punt 57).

34     F’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema, dan il-prinċipju ġie fis-seħħ u kkonkretizzat bl-Artikolu 39(2) KE. Għalhekk mhemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-Artikolu 12 KE (sentenza Weigel, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 58 u 59).

35     Għandu sussegwentement jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jaffiċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju kollu tal-Komunità u jipprekludu miżuri oħra li jistgħu jiżvantaġġaw dawk iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1988, Wolf et, 154/87 u 155/87, Ġabra p. 3897, punt 13; tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 94; Terhoeve, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37, tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C-190/98, Ġabra p. I-493, punt 21, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 25).

36      Mhuwiex ikkontestat li l-impjeg ta’ għalliema għal żmien determinat huwa miftuħ għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Istati Membri li għandhom il-kwalifiki neċessarji li jgħallmu. F’dan ir-rigward, il-Gvern Żvediż iqis, mingħajr ma ġie kkontradett fuq dan il-punt, li t-taħriġ SÄL għandu l-għan preċiż li jindirizza liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra impjegati bħala għalliema fl-Iżvezja permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat u li jistgħu, iktar miċ-ċittadini Żvediżi, li ma jkollhomx il-kwalifiki kollha mitluba sabiex ikollhom aċċess għal impjiegi permanenti ta’ għalliema f’sistema normali.

37     Madankollu, safejn liġi nazzjonali bħar-regolament SÄL jiġi applikat b’mod li jintalab mill-kandidati għal taħriġ li jkunu impjegati fi skola ta’ l-Istat Membru kkonċernat, l-esklużjoni, konsegwentement, tal-kandidaturi ta’ għalliema li huma impjegati fi skola ta’ Stat Membru ieħor jiżvantaġġa liċ-ċittadini li jaħdmu fi Stati Membri oħra, u b’mod partikolari dawk li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. L-applikazzjoni ta’ regola bħal din hija għalhekk xkiel għall-moviment liberu tal-ħaddiema, li huwa, fil-prinċipju, ipprojbit mill-Artikolu 39 KE.

38     Fl-aħħar nett, minkejja li r-rekwiżit li l-kandidati għat-taħriġ SÄL għandhom ikunu impjegati fi skola Żvediża jikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu tal-ħaddiema, hija madankollu tista’ tevita l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 39 KE jekk l-għan leġittimu mfittex ikun kompatibbli mat-Trattat u jkun iġġustifikat permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Iżda wkoll għandu jkun, f’tali ipoteżi, li l-applikazzjoni ta’ miżura bħal din tkun tista’ tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan in kwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan il-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punt 32; Bosman, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 104; Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 77, u Kranemann, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).

39     Jirriżulta mill-Artikoli 149 KE u 150 KE, li l-organizzazzjoni kemm tas-sistema edukattiva kemm tat-taħriġ vokazzjonali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri. Din ir-responsabbiltà timplika b’mod partikolari ż-żamma jew it-titjib tas-sistema edukattiva, li konsegwentement għandha tikkostitwixxi l-għanijiet leġittimi fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Mhuwiex ikkontestat li r-regolament SÄL jaqa’ preċiżament f’din il-perspettiva.

40     Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, huwa paċifiku li l-adozzjoni tar-regolament SÄL jaqa’ f’kuntest ta’ nuqqas fl-Iżvezja ta’ għalliema kkwalifikati impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat skond is-sistema normali rregolata mil-liġi dwar it-tagħlim skolastiku. Jirriżulta mill-inkartament li dan in-nuqqas huwa l-konsegwenza, f’dan l-Istat Membru, l-ewwel nett, ta’ numru kbir ta’ għalliema li rtiraw, imbagħad, minn numru mhux biżżejjed ta’ ggradwati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal din is-sistema normali u, fl-aħħar nett, iż-żieda ta’ tfal fl-iskejjel. Sa fejn mhuwiex ikkontestat li l-impjegati b’kuntratt għal żmien indeterminat ta’ għalliema ggradwati, minkejja li miftuħ għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Istati Membri li jiddisponu mill-kwalifiki mitluba, ma ppermettiex li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet għal għalliema ta’ dan l-Istat Membru, mhemmx dubju li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom jirrikorru għas-servizzi ta’ għalliema impjegati għal żmien determinat.

41     Għaldaqstant il-kwistjoni hija li jsir magħruf jekk l-applikazzjoni tar-regolament SÄL jirrispondix għar-rekwiżit ta’ proporzjonalità fir-rigward ta’ l-għan imfittex.

42     Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li t-taħriġ SÄL huma pprovduti biss minn sitt universitajiet u stabbilimenti ta’ taħriġ ogħla, permezz ta’ ffinanzjar speċifiku previst mill-baġit ta’ l-Istat, bil-għan li jħarreġ 4000 għalliema. Ma jirriżultax mid-dokumenti fl-inkartament li dan it-taħriġ kellu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, natura oħra għajr dik indikata.

43     Min-naħa l-oħra, qed jintalab mill-kandidati għat-taħriġ speċjali li jkunu impjegati fi skola Żvediża. Jidher li din il-ħtieġa, li tista’ xxekkel l-aċċess għal dan it-taħriġ ta’ għalliema li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor, hija marbuta mat-twettiq tal-parti prattika tat-taħriġ speċjali. Din il-parti hija żgurata, fil-prinċipju, fil-post fejn l-għalliem jeżerċita l-attività tiegħu. Il-kontroll u l-evalwazzjoni tiegħu jsiru manifestament iktar diffiċli sabiex jitwettqu fil-każ fejn dawn jitwettqu f’ambjent barra minn dak tas-sistema skolastika Żvediża.

44     Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tal-miżura in kawża tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, għandhom jiġu eżaminati l-ħtiġijiet dwar l-parti prattika tat-taħriġ in kwistjoni. Jidher li, fid-dawl ta’ l-informazzjoni fornuta mill-Gvern Żvediż fis-seduta, ċerti stabbilimenti ta’ taħriġ superjuri jew universitajiet setgħu jeżentaw l-interessati minn din il-parti prattika. Barra minn dan, dan il-Gvern ma eskludiex li dan jista’ jiġi effettwat fi skola oħra li mhijiex dik fejn il-persuna in kwistjoni tkun ġiet impjegata bħala għalliem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi ta’ informazzjoni li minnhom tiddisponi l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettulhiex tiddetermina b’eżattezza jekk il-parti prattika ta’ dan it-taħriġ jikkostitwixxix element essenzjali u obbligatorju tiegħu.

45     Barra minn dan, l-attività ta’ għalliem imwettaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiggarantixxi a priori li dan ta’ l-aħħar għandu l-kapaċità meħtieġa li jwettaq it-taħriġ ipprovdut fil-kuntest tal-programm SÄL u sabiex jgħallem, skond din, fl-Iżvezja. Jekk mhuwiex ċert li l-kandidat ikkonċernat kien immanifesta l-intenzjoni li effettivament jaċċetta impjieg għal żmien indeterminat fl-Iżvezja wara dan it-taħriġ, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma tqiegħed fid-dubju n-natura komparabbli tas-sitwazzjoni ma’ dik ta’ l-għalliema impjegati għal żmien determinat fl-iskejjel Żvediżi, li m’għandhom, hekk kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt id-seduta, l-ebda obbligu li jieħdu impjieg ta’ għalliem għal żmien indeterminat fl-Iżvezja skond dan it-taħriġ.

46     F’sitwazzjoni bħal din, l-esklużjoni, a priori, tal-kandidatura tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba biss il-fatt li tirriżulta minn persuna li mhijiex impjegata fi skola Żvediża tista’ tmur fl-aħħar nett kontra l-għanijiet imfittxija u tkun sproporzjonata, b’mod partikolari jekk, meta kull kandidatura ekwivalenti li ġejja minn għalliema impjegati fi skola Żvediża setgħat tiġi ssodisfatta, ix-xkiel għat-twettiq tal-parti prattika tat-taħriġ setgħu jitqajmu mingħajr diffikultà.

47     F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex eskluż li l-applikazzjoni magħmula mir-regolament SÄL tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan li jfittex li jżomm u jtejjeb is-sistema edukattiva Żvediża.

48     Fir-rigward tan-natura limitata ta’ l-elementi ta’ informazzjoni li minnhom tiddisponi l-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss l-imħallef nazzjonali, li quddiemu titressaq il-kawża prinċipali u li jrid jieħu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandu jevalwa jekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tar-regolament SÄL huwiex proporzjonat ma’ l-għan imfittex.

49     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali li provviżorjament torganizza taħriġ sabiex jissodisfa fl-iqsar żmien it-talba għal għalliema kkwalifikati fi Stat Membru jitlob li l-kandidati għal dan it-taħriġ ikunu impjegati fi skola ta’ dan l-Istat, bla ħsara madankollu għall-fatt li l-applikazzjoni magħmula minn dan ir-regolament ma twassalx għall-esklużjoni a priori ta’ kull kandidatura ta’ għalliem li mhuwiex impjegat fi stabbiliment bħal dan, esklużjoni li ssir mingħajr evalwazzjoni minn qabel u individwali tal-merti ta’ din il-kandidatura fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċijiet ta’ l-interessat u tal-possibbiltà li tikkontrolla l-parti prattika tat-taħriġ li dan ta’ l-aħħar jirċievi jew li eventwalment tiġi lilu mogħtija.

 Fuq l-ispejjeż

50     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali, li provviżorjament torganizza taħriġ sabiex jissodisfa fl-iqsar żmien it-talba għal għalliema kkwalifikati fi Stat Membru jitlob li l-kandidati għal dan it-taħriġ ikunu impjegati fi skola ta’ dan l-Istat, bla ħsara madankollu għall-fatt li l-applikazzjoni magħmula minn dan ir-regolament ma twassalx għall-esklużjoni a priori ta’ kull kandidatura ta’ għalliem li mhuwiex impjegat fi stabbiliment bħal dan, esklużjoni li ssir mingħajr evalwazzjoni minn qabel u individwali tal-merti ta’ din il-kandidatura fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċijiet ta’ l-interessat u tal-possibbiltà li tikkontrolla l-parti prattika tat-taħriġ li dan ta’ l-aħħar jirċievi jew li eventwalment tiġi lilu mogħtija.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.

Top