This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0540
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 27 June 2006.#European Parliament v Council of the European Union.#Immigration policy - Right to family reunification of minor children of third country nationals - Directive 2003/86/EC - Protection of fundamental rights - Right to respect for family life - Obligation to have regard to the interests of minor children.#Case C-540/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta' Ġunju 2006.
il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Politika ta' l-immigrazzjoni - Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tat-tfal minorenni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi - Direttiva 2003/86/KE - Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali - Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja - Obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi tat-tfal minorenni.
Kawża C-540/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta' Ġunju 2006.
il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Politika ta' l-immigrazzjoni - Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tat-tfal minorenni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi - Direttiva 2003/86/KE - Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali - Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja - Obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi tat-tfal minorenni.
Kawża C-540/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:429
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-540/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-22 ta' Diċembru 2003,
Il-Parlament Ewropew , irrappreżentat minn H. Duintjer Tebbens u A. Caiola, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea , irrappreżentat minn O. Petersen u M. Simm, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut mill-
Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn C. O’Reilly u C. Ladenburger, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti,
u mir-
Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn A. Tiemann kif ukoll W.-D. Plessing u Lumma, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas (Relatur) u K. Schiemann, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' Ġunju 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1), ta' l-Artikolu 4(6) u ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, p. 12, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").
2. Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġew awtorizzati jintervjenu sabiex isostnu l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Id-Direttiva
3. Id-Direttiva, ibbażata fuq it-Trattat KE u, b'mod partikolari, fuq l-Artikolu 63(3)(a) tiegħu, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja li għandhom iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisiedu legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri.
4. It-tieni premessa tagħha tgħid hekk:
"Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b'konformità ma' l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u r-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f'ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b'mod partikolari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea [ĠU 2000, C364, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Karta"]."
5. It-tnax-il premessa tad-Direttiva tispeċifika:
"Il-possibbiltà li jkun limitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja ta' tfal fuq l-età ta' 12-il sena, li r-residenza primarja tagħhom mhix ma' l-isponsor, hija intiża li tirrifletti l-kapaċità għal integrazzjoni tat-tfal meta jkun[u għad]hom ta' età zgħira u għandha tiżgura li huma jiksbu l-edukazzjoni u l-kapaċitajiet fil-lingwi meħtieġa fl-iskola."
6. Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, din għandha tapplika meta l-isponsor għandu permess ta' residenza maħruġ minn Stat Membru għal perijodu ta' validita ta' sena jew iktar u għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta' residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta' pajjiżi terzi, indipendentement mill-istatus legali tagħhom.
7. L-Artikolu 3(4) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi:
"Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta':
a) ftehim bilaterali u multilaterali bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi, fuq l-oħra;
b) il-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 1961, il-Karta Soċjali Ewropea [emendata] tat-3 ta’ Mejju 1987 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-istatus legali ta’ ħaddiema [...]migranti ta’ l-24 ta’ Novembru 1977."
8. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond id-Direttiva, b'mod partikolari, tat-tfal minorenni, inklużi tfal adottati, ta' l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, kif ukoll dawk ta' l-isponsor jew dawk tar-raġel/mara tagħha/tiegħu meta l-ġenitur għandu l-kustodja tagħhom u t-tfal huma dipendenti fuqu. Skond il-paragrafu ta' qabel ta' l-aħħar ta' l-Artikolu 4(1), it-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġuri stabbilita bil-liġi ta' l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin. L-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) jipprovdi:
"[B']deroga [għad-dispożizzjoni preċedenti], fejn wild għandu età ta' iktar minn 12-il sena u jasal indipendentement mill-bqija tal-familja tiegħu/tagħha, l-Istat Membru jista', qabel ma jawtorizza dħul u residenza taħt din id-Direttiva, jivverifika jekk huwa/hija jissodisfax/tissodisfax kundizzjoni għal integrazzjoni li tipprovdi għaliha l-leġislazzjoni eżistenti tiegħu fid-data ta' l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva."
9. L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva jgħid hekk:
"[B']deroga [għad-dispożizzjoni preċedenti], Stati Membri jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta' tfal minorenni għandhom ikunu sottomessi qabel l-età ta' 15, kif tipprovdi l-leġislazzjoni eżistenti tagħhom fid-data ta' l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva. Jekk l-applikazzjoni tkun sottomessa wara l-età ta' 15, l-Istati Membri li jiddeċiedu [li] japplikaw din id-deroga għandhom jawtorizzaw id-dħul u residenza ta' tfal tali fuq raġunijiet differenti minn dawk ta' riunifikazzjoni tal-familja."
10. L-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal minorenni meta jeżaminaw applikazzjoni.
11. L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi:
"Stati Membri jistgħu jirrikjedu lill-isponsor li jkun qagħad legalment fit-territorju tagħhom għal perjodu li ma jeċċedix sentejn, qabel ma l-membri tal-familja tiegħu/tagħha jingħaqdu miegħu/magħha.
[B']deroga [għad-dispożizzjoni preċedenti], fejn il-leġislazzjoni ta' Stat Membru fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva tqis il-kapaċità ta' akkoljenza tiegħu, l-Istat Membru jista' jipprovdi għal perjodu ta' stennija ta' mhux iktar minn tliet snin bejn is-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja u l-ħruġ tal-permess ta' residenza lill-membri tal-familja."
12. L-Artikolu 16 tad-Direttiva jelenka numru ta' ċirkustanzi fejn l-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja jew, jekk ikun il-każ, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza ta' membru tal-familja.
13. L-Artikolu 17 tad-Direttiva jgħid hekk:
"L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta' l-eżistenza ta' rbit familjali, kulturali u soċjali ma' pajjiżu/[h]a ta' oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta' l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu."
14. Skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva, għandu jingħata d-dritt li d-deċiżjonijiet ta' rifjut ta' applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, ta' rtirar jew ta' rifjut ta' tiġdid tal-permess ta' residenza jiġu kkontestati bil-qorti skond il-proċeduri u l-kompetenzi stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati.
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
Fuq l-eċċezzjoni bbażata fuq il-fatt li r-rikors mhuwiex effettivament imressaq kontra att ta' l-istituzzjonijiet
15. Id-dispożizzjonijiet li qed jintalab l-annullament tagħhom huma derogi mill-obbligi imposti mid-Direttiva fuq l-Istati Membri li jippermettu lil dawn ta' l-aħħar li japplikaw leġiżlazzjoni nazzjonali li, skond il-Parlament, ma tirrispettax id-drittijiet fundamentali. Din l-istituzzjoni tqis madankollu li, safejn hija tawtorizza tali leġiżlazzjoni nazzjonali, hija d-Direttiva nfisha li tikser id-drittijiet fundamentali. Hija tikkwota f'dan ir-rigward is-sentenza tas-6 ta' Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 84).
16. Il-Kunsill, min-naħa l-oħra, jenfasizza li d-Direttiva tħalli marġni ta' manuvra lill-Istati Membri billi tippermettilhom li jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li huma kompatibbli mar-rispett tad-drittijiet fundamentali. Fl-opinjoni tal-Kunsill, il-Parlament ma jurix kif dispożizzjonijiet adottati u implementati mill-Istati Membri li possibbilment huma kuntrarji għad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxu azzjoni ta' l-istituzzjonijiet fis-sens ta' l-Artikolu 46(d) UE, li hija suġġetta għall-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet fundamentali.
17. F'kull każ, il-Kunsill jistaqsi kif il-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżerċita eżami purament astratt tal-legalità fir-rigward ta' dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju li jillimitaw ruħhom li jirreferu għal leġiżlazzjoni nazzjonali li la l-kontenut tagħha u lanqas il-mod kif se tiġi applikata mhuwa magħruf. Il-bżonn li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti jirriżulta mis-sentenzi tal-11 ta' Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279), u Lindqvist, iċċitata iktar 'il fuq.
18. Il-Kummissjoni tqis li l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rispett tad-drittijiet fundamentali li huma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jistax ikun limitat għall-każ waħdieni fejn dispożizzjoni ta' direttiva tobbliga lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi li jiksru dawn id-drittijiet fundamentali, iżda għandha wkoll tkopri l-każ meta d-Direttiva tippermetti espliċitament tali miżuri. Fil-fatt, m'għandux jiġi mistenni mill-Istati Membri li jindunaw waħedhom li miżura speċifika permessa minn direttiva Komunitarja hija kontrarja għad-drittijiet fundamentali. Hija tikkonkludi li l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi eskluż għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva jillimitaw ruħhom li jirreferu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
19. Madankollu hija tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss tannulla dispożizzjonijiet, bħal dawk li huma s-suġġett tar-rikors, meta jkun impossibbli għaliha li tinterpretahom b'mod konformi mad-drittijiet fundamentali. Jekk, fid-dawl tar-regoli ordinarji ta' interpretazzjoni, id-dispożizzjoni kkontestata tħalli marġni ta' diskrezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pjuttost tagħti l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni li tirrispetta d-drittijiet fundamentali.
20. Il-Parlament iwieġeb li interpretazzjoni a priori tad-Direttiva mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif proposta mill-Kummissjoni, jkollha l-effett li tistabbilixxi rimedju preventiv li jidħol fuq il-kompetenzi tal-leġiżlatur Komunitarju
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
21. Kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-kwistjoni għandha tiġi trattata mill-aspett ta' l-ammissibbiltà tar-rikors. Essenzjalment, il-Kunsill jikkontesta l-fatt li r-rikors huwa mressaq kontra att ta' l-istituzzjonijiet, billi jallega li hija biss l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali miżmuma jew adottati b'mod konformi mad-Direttiva li tista', skond il-każ, tikser id-drittijiet fundamentali.
22. F'dan ir-rigward, il-fatt li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva jagħtu ċerta marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri u jippermettulhom li japplikaw, f'ċerti ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li tidderoga mir-regoli bażiċi imposti mid-Direttiva ma jistax ikollu l-effett li jeskludi dawn id-dispożizzjonijiet mill-eżami tal-legalità tal-Qorti tal-Ġustizzja previst mill-Artikolu 230 KE.
23. Barra minn hekk, dispożizzjoni ta' att Komunitarju tista', minnha nfisha, ma tirrispettax id-drittijiet fundamentali jekk hija kienet tobbliga lill-Istati Membri, jew awtorizzathom espliċitament jew impliċitament, jadottaw jew iżommu liġijiet nazzjonali li ma jirrispettawx l-imsemmija drittijiet.
24. Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li r-rikors mhuwiex effettivament imressaq kontra att ta' l-istituzzjonijiet għandha tiġi miċħuda.
Fuq in-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet li tagħhom intalab l-annullament
25. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, preliminarjament, l-importanza li għandu għaliha l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li fih wieħed mill-punti ċentrali tal-kompromess li permezz tiegħu setgħet tinkiseb l-adozzjoni tad-Direttiva, li għaliha kienet mitluba l-unanimità tal-voti. Hija tfakkar li l-annullament parzjali ta' att jista' jiġi prospettat biss fil-każ meta l-att huwa magħmul minn diversi elementi, li jistgħu jiġu separati wieħed mill-ieħor, u meta wieħed biss minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b'illegalità minħabba ksur tad-dritt Komunitarju. F'dan il-każ, mhux possibbli li tiġi separata r-regola dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja msemmija fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva mill-bqija ta' l-istess Direttiva. Fil-każ ta' sentenza ta' annullament parzjali, din tidħol fuq il-kompetenzi tal-leġiżlatur Komunitarju, b'mod li l-annullament tad-Direttiva kollha biss huwa possibbli.
26. Il-Parlament jikkontesta t-teżi li l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva mhux element li jista' jiġi separat minn din ta' l-aħħar sempliċement għax il-formulazzjoni tagħha tirriżulta minn kompromess politiku li ppermetta l-adozzjoni tad-Direttiva. Skond din l-istituzzjoni, huwa importanti biss li jiġi stabbilit jekk is-separazzjoni ta' element tad-Direttiva hijiex legalment possibbli. Inkwantu d-dispożizzjonijiet li għalihom saret referenza fir-rikors jikkostitwixxu derogi mir-regoli ġenerali stabbiliti mid-Direttiva, l-annullament tagħhom la jippreġudika l-istruttura u lanqas l-effettività tad-Direttiva fit-totalità tagħha, li tagħha l-Parlament jirrikonoxxi l-importanza għall-implementazzjoni tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
27. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta' att Komunitarju huwa possibbli biss safejn l-elementi li l-annullament tagħhom qed jiġi mitlub jistgħu jiġu separati mill-bqija ta' l-att (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-10 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-29/99, Ġabra p. I-11221, punti 45 u 46; tal-21 ta' Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-378/00, Ġabra p. I-937, punt 29; tat-30 ta' Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-239/01, Ġabra p. I-10333, punt 33; ta' l-24 ta' Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I-4021, punt 12; u tat-30 ta' Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-36/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 9).
28. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, ripetutament iddeċidiet li din l-eżiġenza ta' separabbiltà mhix sodisfatta meta l-annullament parzjali ta' att għandu l-effett li jibdel is-sustanza ta' dan l-att (is-sentenza tal-31 ta' Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 257 u s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 46; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 34; Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 13, u Spanja vs Il-Kunsill, punt 13).
29. F'din il-kawża, il-verifika tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet li tagħhom intalab l-annullament tippresupponi l-eżami tal-mertu tal-kawża, jiġifieri tal-portata ta' l-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista' jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tad-Direttiva.
Ir-rikors
Fuq ir-regoli tad-dritt li fid-dawl tagħhom tista' tiġi eżaminata l-legalità tad-Direttiva
30. Il-Parlament isostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali u, b'mod partikolari, id-dritt għall-ħajja tal-familja u d-dritt għan-non-diskriminazzjoni, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea"), u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, li l-Unjoni għandha tirrispetta skond l-Artikolu 6(2) UE, li għalih jagħmel referenza l-Artikolu 46(d) UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-azzjoni ta' l-istituzzjonijiet.
31. Il-Parlament jinvoka fl-ewwel lok id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea, li ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jkopri wkoll id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (is-sentenzi Carpenter, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, u tat-23 ta' Settembru 2003, Akrich, C-109/01, Ġabra p. I-9607, punt 59). L-istess prinċipju ġie ripetut fl-Artikolu 7 tal-Karta, li dwarha l-Parlament jenfasizza li, inkwantu tistabbilixxi lista tad-drittijiet fundamentali eżistenti u anke jekk m'għandhiex effett ġuridiku vinkolanti, hija tikkostitwixxi madankollu indikazzjoni utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jiċċita l-Artikolu 24 tal-Karta, iddedikat għad-drittijiet tat-tfal, li jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li "[f]l-azzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi kif ukoll minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja" u, fil-paragrafu 3 tiegħu, li "[i]t-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan mhuwiex kontra l-interessi tat-tfal".
32. Il-Parlament jinvoka fit-tieni lok il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-persuni kkonċernati, li huwa meħud in kunsiderazzjoni mill-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea u li huwa kopert espliċitament mill-Artikolu 21(1) tal-Karta.
33. Il-Parlament jikkwota wkoll diversi dispożizzjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali ffirmati taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti: l-Artikolu 24 tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fid-19 ta' Diċembru 1966 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 1976, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata fl-20 ta' Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Settembru 1990, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema Migranti u tal-Membri tal-Familja Tagħhom, adottata fit-18 ta' Diċembru 1990 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003, kif ukoll id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, ipproklamata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-20 ta' Novembru 1959 [Riżoluzzjoni 1386 (XIV)]. Barra minn hekk, il-Parlament jiġbed l-attenzjoni għar-Rakkomandazzjoni Nru R (94) 14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa lill-Istati Membri, tat-22 ta' Novembru 1994, rigward il-politiki tal-familja koerenti u integrati, kif ukoll għar-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 23 ta' l-istess Kumitat lill-Istati Membri, tal-15 ta' Diċembru 1999, dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għar-rifuġjati u l-persuni l-oħra li għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali. Il-Parlament isemmi fl-aħħar nett diversi kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.
34. Il-Kunsill josserva li l-Komunità mhijiex parti kontraenti fid-diversi strumenti ta' dritt internazzjonali pubbliku invokati mill-Parlament. F'kull każ, dawn ir-regoli jirrikjedu sempliċement li l-interessi tat-tfal jiġu rrispettati u meħuda in kunsiderazzjoni, iżda ma jistabbilixxu ebda dritt assolut fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk il-Kunsill josserva li, fl-opinjoni tiegħu, m'hemmx lok li r-rikors jiġi eżaminat fid-dawl tal-Karta peress li hija ma tikkostitwixxix sors tad-dritt Komunitarju.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
35. Id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi r-rispett tagħhom. Għal dan l-iskop, il-Qorti tal-Ġustizzja tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom. Il-Konvenzjoni Ewropea għandha, f'dan ir-rigward, sinjifikat partikolari (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 41; l-opinjoni 2/94 tat-28 ta' Marzu 1996, Ġabra p. I-1759, punt 33; is-sentenzi tas-6 ta' Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 37; tat-22 ta' Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 25; tat-12 ta' Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 71; u ta' l-14 ta' Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9606, punt 33).
36. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 6(2) UE, "[l]-Unjoni għandha tirrispetta [d-drittijiet] fundamentali, kif garantiti mill-[Konvenzjoni Ewropea] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità".
37. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tfakkar li l-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi huwa fost l-istrumenti internazzjonali li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li hija tieħu in kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta' Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 31; tat-18 ta' Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punt 68; u tas-17 ta' Frar 1998, Grant, C-249/96, Ġabra p. I-621, punt 44). Dan japplika wkoll għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal imsemmija iktar 'il fuq li, bħall-Ftehim iċċitat iktar 'il fuq, jorbot lil kull wieħed mill-Istati Membri.
38. Rigward il-Karta, hija ġiet ipproklamata b'mod solenni mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000. Minkejja li din il-Karta ma tikkostitwixxix strument ġuridiku vinkolanti, il-leġiżlatur Komunitarju madankollu ried jirrikonoxxi l-importanza tagħha billi afferma, fit-tieni premessa tad-Direttiva, li din ta' l-aħħar tirrispetta l-prinċipji li huma rrikonoxxuti mhux biss mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea, iżda wkoll mill-Karta. Barra minn hekk, l-għan prinċipali tal-Karta, kif jirriżulta mill-preambolu, huwa li jafferma mill-ġdid "id-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati Komunitarji, [mil]l-[…] [Konvenzjoni Ewropea], [mil]l-Karti Soċjali adottati mill-[Komunità] u mill-Kunsill ta' l-Ewropa kif ukoll [mil]l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem".
39. Rigward l-istrumenti internazzjonali l-oħra invokati mill-Parlament, b'eċċezzjoni tal-Karta Soċjali Ewropea li se tkun ittrattata fil-punt 107 ta' din is-sentenza, ma jidhirx, f'kull każ, li huma jinkludu dispożizzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal aktar minn dawk li jinsabu fl-istrumenti diġà msemmija.
Fuq l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva
40. Il-Parlament isostni li l-motivazzjoni ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li tinsab fit-tnax-il premessa tagħha, mhix konvinċenti u li l-leġiżlatur Komunitarju fixkel il-kunċetti ta' "kundizzjoni għal integrazzjoni" u ta' "għan ta' integrazzjoni". Ladarba wieħed mill-mezzi l-aktar importanti sabiex tirnexxi l-integrazzjoni ta' minorenni hija r-riunifikazzjoni mal-familja tiegħu, ma jkunx floku li jiġu mitlub test ta' integrazzjoni qabel ma t-tifel/tifla, membru tal-familja ta' l-isponsor, j/tingħaqad miegħu. Dan irendi r-riunifikazzjoni tal-familja impossibbli u jkun jikkostitwixxi ċ-ċaħda ta' dan id-dritt.
41. Din l-istituzzjoni ssostni wkoll li, peress li l-kunċett ta' integrazzjoni mhux definit fid-Direttiva, l-Istati Membri huma b'dan il-mod awtorizzati li jillimitaw b'mod konsiderevoli d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.
42. Dan id-dritt huwa protett mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u kundizzjoni għal integrazzjoni prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma taqax taħt xi wieħed mill-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw indħil kif imsemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea, jiġifieri s-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, il-prevenzjoni tad-diżordni u ta' l-egħmil ta' delitti, il-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, u l-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta' ħaddieħor. F'kull każ, kull indħil għandu jkun iġġustifikat u proporzjonat. Issa, l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jitlobx li jiġu miżuna l-interessi rispettivi in kwistjoni.
43. Barra minn hekk, id-Direttiva hija kontradittorja, għax ma tipprovdi l-ebda restrizzjoni bbażata fuq il-kundizzjoni għal integrazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mar-raġel/mara ta' l-isponsor.
44. Barra minn hekk, id-Direttiva tistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata esklużivament fuq l-età tat-tifel/tifla li mhix oġġettivament iġġustifikata u tmur kontra l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea. B'hekk, l-għan li l-ġenituri jiġu inkoraġġuti jġibu t-tfal tagħhom qabel l-età ta' 12-il sena ma jiħux in kunsiderazzjoni xkiel ta' natura ekonomika u soċjali li jimpedixxi lil familja li tilqa' tifel/tifla għal perijodu ftit jew wisq twil. Barra minn hekk, l-għan ta' integrazzjoni seta' jintlaħaq b'mezzi anqas radikali, bħal miżuri ta' integrazzjoni tal-minorenni wara li jitħalla jidħol fit-territorju ta' l-Istat Membru ospitanti.
45. Fl-aħħar nett, il-Parlament jenfasizza li l-klawżola ta' standstill hija anqas stretta mill-klawżoli ta' standstill ordinarji, ladarba l-liġi nazzjonali għandha teżisti biss fid-data ta' l-implementazzjoni tad-Direttiva. Il-marġni li tħalla lill-Istati Membri jmur kontra l-għan tad-Direttiva, li huwa li jiġu pprovduti kriterji komuni għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja.
46. Il-Kunsill, sostnut mill-Gvern Ġermaniż u mill-Kummissjoni, isostni li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja mhux ekwivalenti, minnu nnifsu, għal dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa biżżejjed li l-ħajja tal-familja tkun possibbli, per eżempju, fl-Istat ta' oriġini.
47. Huwa jenfasizza wkoll li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet li rifjuti ta' riunifikazzjoni tal-familja fil-kuntest ta' politika ta' l-immigrazzjoni kienu ġġustifikati b'għall-inqas wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea. Skond il-Kunsill, tali rifjut jista' jkun ibbażat fuq l-għan ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1), jiġifieri l-integrazzjoni effettiva tal-migranti minorenni billi l-familji migranti separati jiġu inkoraġġuti jġibu t-tfal minorenni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti f'età ta' inqas minn 12-il sena.
48. L-għażla ta' l-età ta' tnax-il sena mhix arbitrarja, iżda kienet immotivata mill-fatt li, qabel din l-età, it-tfal ikunu f'fażi ta' l-iżvilupp tagħhom li hija importanti għall-kapaċità tagħhom ta' integrazzjoni f'soċjetà. Huwa dan li jingħad fit-tnax-il premessa tad-Direttiva. Il-Kunsill josserva f'dan ir-rigward li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniediem ċaħdet l-eżistenza ta' ksur ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea f'kawżi li jikkonċernaw ir-riunifikazzjoni ta' minorenni ta' età inqas minn 12-il sena.
49. Ikun iġġustifikat li tiġi applikata l-kundizzjoni għal integrazzjoni għat-tfal ta' aktar minn 12-il sena u mhux għar-raġel/mara ta' l-isponsor minħabba l-fatt li t-tfal iqattgħu, bħala regola ġenerali, parti itwal ta' ħajjithom fl-Istat Membru ospitanti mill-ġenituri tagħhom.
50. Il-Kunsill jenfasizza li d-Direttiva ma tiġġudikax minn qabel ir-riżultat tat-tweżin ta' l-interessi individwali u kollettivi li huma preżenti fil-kawżi individwali u jfakkar li l-Artikoli 17 u 5(5) ta' din id-Direttiva jobbligaw lill-Istati Membri jieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi protetti mill-Konvenzjoni Ewropea u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
51. Huwa jsostni wkoll li l-klawżola ta' standstill li tinsab fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) ma tqiegħedx fid-dubju l-legalità ta' din id-dispożizzjoni. Ir-referenza li ssir għad-"data ta' l-implementazzjoni" tad-Direttiva hija għażla politika leġittima tal-leġiżlatur Komunitarju, immotivata mill-fatt li l-Istat Membru li xtaq jinvoka din id-deroga ma kienx ikkonkluda l-proċess leġiżlattiv ta' adozzjoni tar-regoli nazzjonali in kwistjoni. Kien preferibbli li jintgħażel il-kriterju finalment adottat pjuttost milli wieħed joqgħod jistenna l-konklużjoni ta' l-imsemmi proċess qabel ma tiġi adottata d-Direttiva.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
52. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja fis-sens ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea jifforma parti mid-drittijiet fundamentali li, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma protetti fl-ordni ġuridiku Komunitarju (is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Carpenter, punt 41, u Akrich, punti 58 u 59). Dan id-dritt li wieħed jgħix mal-qraba intimi tiegħu jinvolvi għall-Istati Membri obbligi li jistgħu jkunu negattivi, meta Stat Membru huwa obbligat ma jkeċċix persuna, jew pożittivi, meta huwa obbligat iħalli persuna tidħol u tirrisjedi fit-territorju tiegħu.
53. B'hekk il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li l-Konvenzjoni Ewropea ma tiggarantix bħala dritt fundamentali d-dritt, għal barrani, li jidħol u jirrisjedi fit-territorju ta' pajjiż partikolari, it-tkeċċija ta' persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba intimi tiegħu tista' tikkostitwixxi indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif protett mill-Artikolu 8(1) ta' din il-Konvenzjoni (is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Carpenter, punt 42 u Akrich, punt 59).
54. Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Sen vs L-Olanda tal-21 ta' Diċembru 2001, punt 31, "l-Artikolu 8 [tal-Konvenzjoni Ewropea] jista' jnissel obbligi pożittivi inerenti għal 'rispett' effettiv tal-ħajja tal-familja. Il-prinċipji applikabbli għal tali obbligi huma paragunabbli ma' dawk li jirregolaw l-obbligi negattivi. Fiż-żewġ każijiet, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-bilanċ xieraq li għandu jinżamm bejn l-interessi ta' l-individwu u tas-soċjetà sħiħa, li jikkompetu bejniethom; bl-istess mod, fiż-żewġ każijiet, l-Istat igawdi minn ċertu marġni ta' diskrezzjoni (is-sentenza Gül [vs L-Iżvizzera, tad-19 ta' Frar 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet , 1996-I], p. 174, punt 38 u Ahmut [vs L-Olanda, tat-28 ta' Novembru 1996, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet , 1996-VI, p. 2030], p. 2031, punt 63)".
55. Fil-paragrafu 36 tas-sentenza Sen vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fakkret kif ġej il-prinċipji li japplikaw fil-qasam ta' riunifikazzjoni tal-familja, kif stabbiliti fis-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Gül vs L-Iżvizzera, punt 38, u Ahmut vs L-Olanda, punt 67:
"a) Il-portata ta' l-obbligu ta' Stat li jħalli qraba ta' immigranti jidħlu fit-territorju tiegħu tiddependi mis-sitwazzjoni ta' dawk ikkonċernati u mill-interess ġenerali.
b) Skond prinċipju ta' dritt internazzjonali stabbilit sew, l-Istati għandhom id-dritt, bla ħsara għall-obbligi imposti fuqhom minn trattati, li jikkontrollaw id-dħul ta' non-ċittadini fit-territorju tagħhom.
c) Fil-qasam ta' immigrazzjoni, l-Artikolu 8 ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi fuq Stat obbligu ġenerali li jirrispetta l-għażla, minn koppji miżżewġa, tar-residenza komuni tagħhom u li jippermetti r-riunifikazzjoni tal-familja fit-territorju tiegħu."
56. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem speċifikat li, fl-eżami tagħha, hija tieħu in kunsiderazzjoni l-età tat-tfal ikkonċernati, is-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u l-livell ta' dipendenza tagħhom fuq qrabathom (is-sentenza Sen vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 37; ara wkoll is-sentenza Rodrigues da Silva vs L-Olanda, tal-31 ta' Jannar 2006, punt 39).
57. Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tirrikonoxxi wkoll il-prinċipju tar-rispett tal-ħajja tal-familja. Hija bbażata fuq ir-rikonoxximent, espress fis-sitt premessa tagħha, li t-tifel/tifla, għandu/ha j/titrabba f'ambjent ta' familja għall-iżvilupp sħiħ u armonjuż tal-personalità tiegħu/tagħha. Għalhekk, l-Artikolu 9(1) ta' din il-konvenzjoni jipprovdi li l-Istati Partijiet għandhom jiżġuraw li t-tifel/tifla ma j/tkunx mifrud/a mill-ġenituri tiegħu/tagħha kontra r-rieda tagħhom u, skond l-Artikolu 10(1), dan l-obbligu jimplika li kull applikazzjoni magħmula minn tifel/tifla jew mill-ġenituri tiegħu/tagħha sabiex jidħlu fi Stat Parti jew sabiex jitilqu minnu għall-finijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja għandha tiġi kkunsidrata mill-Istati Partijiet b'sens pożittiv, b'umanità u b'ħeffa.
58. Il-Karta, fl-Artikolu 7 tagħha, ukoll tirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien ma' l-obbligu li jittieħed in kunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) ta' l-imsemmija Karta u billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-bżonn tat-tfal, espress fl-imsemmi Artikolu 24(3), li jkollhom, fuq bażi regolari relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri.
59. Dawn id-diversi testi jenfasizzaw l-importanza tal-ħajja tal-familja għat-tfal u jirrakkomandaw lill-Istati sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni l-interess tagħhom imma ma joħolqux dritt individwali għall-membri ta' familja sabiex jitħallew jidħlu fit-territorju ta' Stat u ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jċaħħdu lill-Istati minn ċertu marġni ta' diskrezzjoni meta jkunu qed jeżaminaw applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja.
60. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jmur lil hinn minn dawn id-dispożizzjonijiet u jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma' drittijiet individwali korrispettivi definiti b'mod ċar, għaliex jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti mid-Direttiva, jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċerti membri tal-familja ta' l-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta' diskrezzjoni tagħhom.
61. Rigward l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, huwa għandu l-effett, f'ċirkustanzi strettament definiti, jiġifieri meta tifel/tifla ta' aktar minn 12-il sena j/tasal indipendentement mill-bqija tal-familja, li jżomm parzjalment il-marġni ta' diskrezzjoni ta' l-Istati Membri billi jippermettilhom, qabel ma jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tat-tifel/tifla skond id-Direttiva, li jeżaminaw jew huwa/hija j/tissodisfax kundizzjoni għal integrazzjoni prevista mil-liġi nazzjonali fis-seħħ fid-data ta' l-implementazzjoni tad-Direttiva.
62. Bil-fatt li jagħmel hekk, l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja. Fil-fatt, fil-kuntest ta' direttiva li timponi obbligi pożittivi preċiżi fuq l-Istati Membri, huwa jħalli f'idejn dawn l-Istati marġni ta' diskrezzjoni limitat li mhux differenti minn dak li huwa rrikonoxxut lilhom mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniediem fil-ġurisprudenza tagħha rigward dan id-dritt sabiex, f'kull ċirkustanza ta' fatt, jiżnu l-interessi in kwistjoni.
63. Barra minn hekk, kif rikjest mill-Artikolu 5(5) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, meta jwieżnu l-interessi, jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal minorenni.
64. Barra minn hekk, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-Artikolu 17 tad-Direttiva li jobbliga l-Istati Membri jieħdu in kunsiderazzjoni kif jixraq in-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tagħha fl-Istat Membru kif ukol l l-eżistenza ta' rbit familjali, kulturali u soċjali mal-pajjiż ta' oriġini tagħha. Kif jirriżulta mill-punt 56 ta' din is-sentenza, tali kriterji jikkorrispondu għal dawk meħuda in kunsiderazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tara jekk Stat, li rrifjuta applikazzjoni għal riunifikazzjoni ta' familja, wiżinx korretament l-interessi in kwistjoni.
65. Fl-aħħar nett, l-età ta' tifel/tifla u l-fatt li huwa/hija j/tasal indipendentement mill-familja tiegħu/tagħha huma wkoll elementi meħuda in kunsiderazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li din ta' l-aħħar tieħu in kunsiderazzjoni l-irbit li tifel/tifla għandu/ha mal-membri tal-familja tiegħu/tagħha fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu/tagħha, kif ukoll l-irbit li huwa/hija għandu/għandha ma' l-ambjent kulturali u lingwistiku ta' dan il-pajjiż (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Ahmut vs L-Olanda, punt 69, u Gül vs L-Iżvizzera, punt 42).
66. Rigward il-kundizzjoni għal integrazzjoni, ma jidhirx li hija, minnha nfisha, tmur kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja ta' familja li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea. Kif ġie mfakkar, dan id-dritt m'għandux jiġi interpretat fis-sens li jinvolvi neċessarjament l-obbligu, għal Stat Membru, li jippermetti r-riunifikazzjoni tal-familja fit-territorju tiegħu u l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva sempliċement iżomm il-marġni ta' diskrezzjoni ta' l-Istat Membru billi jillimitah għall-eżami ta' kriterju definit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandu jiġi eżerċitat minn dan l-Istat fir-rispett, b'mod partikolari, tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikoli 5(5) u 17 tad-Direttiva. F'kull każ, il-bżonn ta' l-integrazzjoni jista' jaqa' taħt diversi mill-għanijiet leġittimi msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea.
67. Bil-kontra ta' dak li jsostni l-Parlament, il-leġiżlatur Komunitarju ma fixkilx il-kundizzjoni għal integrazzjoni msemmija fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma' l-għan ta' integrazzjoni tal-minorenni, li jista', skond il-Parlament, jintlaħaq b'mezzi bħal miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom wara li jitħallew jidħlu. Fil-fatt, dawn huma żewġ elementi differenti. Kif jirriżulta mit-tnax-il premessa tad-Direttiva, il-possibbiltà li jiġi limitat id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja tat-tfal ta' aktar minn 12-il sena li r-residenza primarja tagħhom mhix ma' l-isponsor hija intiża sabiex tirrifletti l-kapaċità ta' integrazzjoni tat-tfal meta jkunu għadhom ta' età żgħira u għandha tiżgura li huma jiksbu l-edukazzjoni u l-kapaċitajiet lingwistiċi meħtieġa fl-iskola.
68. B'hekk, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li, 'il fuq mill-età ta' 12-il sena, l-għan ta' integrazzjoni ma jistax jintlaħaq daqshekk faċilment u, għaldaqstant, ipprovda li l-Istat Membru għandu l-possibbiltà li jieħu in kunsiderazzjoni livell minimu ta' kapaċità ta' integrazzjoni meta jiddeċiedi jekk jawtorizzax id-dħul u r-residenza skond id-Direttiva.
69. Il-kundizzjoni għal integrazzjoni fis-sens ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tista' għaldaqstant tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-eżami ta' applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja u l-leġiżlatur Komunitarju ma kkontradixxiex ruħu billi awtorizza l-Istati Membri, fiċ-ċirkustanzi partikolari previsti minn din id-dispożizzjoni, li jeżaminaw applikazzjoni fid-dawl ta' din il-kundizzjoni fil-kuntest ta' direttiva li, kif jirriżulta mir-raba' premessa tagħha, għandha bħala għan ewlieni li tiffaċilita l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Istati Membri, billi tagħmel il-ħajja tal-familja possibbli permezz tar-riunifikazzjoni tal-familja.
70. In-nuqqas ta' definizzjoni tal-kunċett ta' integrazzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex jużaw dan il-kunċett b'mod li jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b'mod aktar partikolari, id-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, l-Istati Membri li jixtiequ jużaw id-deroga ma jistgħux jużaw kunċett mhux speċifikat ta' integrazzjoni, iżda għandhom japplikaw il-kundizzjoni għal integrazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni tagħhom eżistenti fid-data ta' l-implementazzjoni tad-Direttiva sabiex jeżaminaw is-sitwazzjoni partikolari ta' tifel/tifla ta' aktar minn 12-il sena li j/tasal indipendentement mill-bqija tal-familja tiegħu/tagħha.
71. Għaldaqstant, l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li jawtorizza l-Istati Membri, espliċitament jew impliċitament, jadottaw dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni li jmorru kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja.
72. Il-Parlament ma wriex kif il-klawżola ta' standstill li tinsab fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tmur kontra regola tad-dritt superjuri. Ladarba l-leġiżlatur Komunitarju ma kisirx id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja billi awtorizza l-Istati Membri, f'ċerti ċirkustanzi, jieħdu in kunsiderazzjoni kundizzjoni għal integrazzjoni, kien leġittimu għalih li jistabbilixxi limiti għal din l-awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, mhux importanti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tispeċifika l-kundizzjoni għal integrazzjoni li tista' tittieħed in kunsiderazzjoni kellha teżisti biss fid-data ta' l-implementazzjoni tad-Direttiva u mhux fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jew ta' l-adozzjoni tagħha.
73. Lanqas ma jidher li l-leġiżlatur Komunitarju ma tax attenzjoni biżżejjed għall-interess tat-tfal. Fil-fatt, il-kontenut ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva juri li l-aħjar interessi tat-tifel/tifla kienu kunsiderazzjoni primarja fl-adozzjoni ta' din id-dispożizzjoni u ma jidhirx li l-aħħar paragrafu ta' din id-dispożizzjoni ma jeħodhomx biżżejjed in kunsiderazzjoni jew jawtorizza lill-Istati Membri li jagħżlu li jieħdu kundizzjoni għal integrazzjoni in kunsiderazzjoni sabiex ma jqisuhomx. Għall-kuntrarju, kif ġie mfakkar fil-punt 63 ta' din is-sentenza, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jobbliga l-Istati Membri jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal minorenni.
74. F'dan il-kuntest, l-għażla ta' l-età ta' 12-il sena ma tidhirx li hija kriterju li jikser il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, għaliex huwa kriterju li jikkorrispondi għal fażi fil-ħajja ta' tifel/tifla minorenni fejn huwa/hija diġà għex/għexet għal perijodu relattivament twil f'pajjiż terz mingħajr il-membri tal-familja tiegħu/tagħha, b'mod li integrazzjoni f'ambjent ieħor għandha mnejn toħloq aktar diffikultajiet.
75. Bl-istess mod, il-fatt li l-konjuġi u t-tifel//tifla ta' aktar minn 12-il sena mhumiex ittrattati bl-istess mod ma jistax jitqies bħala diskriminazzjoni mhux iġġustifikata kontra t-tifel/tifla minorenni. Fil-fatt, l-għan innifsu ta' żwieġ huwa l-formazzjoni ta' komunità ta' ħajja għal żmien twil bejn il-miżżewġin, filwaqt li tifel/tifla ta' aktar minn 12-il sena mhux bilfors j/tibqa' għal żmien twil mal-ġenituri tiegħu/tagħha. Kien għaldaqstant ġustifikabbli għal-leġiżlatur Komunitarju li jieħu in kunsiderazzjoni dawn is-sitwazzjonijiet differenti u ma kkontradixxiex lilu nnifsu billi adotta regoli differenti fil-konfront tagħhom.
76. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, l-obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal jew il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, la minnu nnifsu, u lanqas safejn jawtorizza espliċitament jew impliċitament lill-Istati Membri sabiex jaġixxu b'dan il-mod.
Fuq l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva
77. Għal raġunijiet simili għal dawk invokati fl-eżami ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-Parlament isostni li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva, li jippermetti lill-Istati Membri li jeżiġu li l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja tat-tfal minorenni jiġu mressqa qabel ma dawn jilħqu l-età ta' 15-il sena, ukoll jikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja u tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Barra minn hekk, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw dispożizzjonijiet derogatorji restrittivi ġodda sad-data ta' l-implementazzjoni tad-Direttiva. Fl-aħħar nett, l-obbligu, għall-Istati Membri li jużaw din id-deroga, li jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta' dħul u ta' residenza mressqa minn tfal minorenni ta' aktar minn 15-il sena għal "raġunijiet differenti" minn dawk ta' riunifikazzjoni tal-familja li mhumiex definiti, tħalli ħafna għas-setgħa diskrezzjonali ta' l-awtoritajiet nazzjonali u toħloq inċertezza legali.
78. Bħal fil-każ ta' l-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-Parlament josserva li l-għan ta' integrazzjoni seta' jitwettaq b'mezzi anqas radikali minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li mhijiex iġġustifikata oġġettivament u għaldaqstant hija arbitrarja.
79. Il-Kunsill isostni li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva huwa disponibbli għal użu, fuq il-livell nazzjonali, li huwa kompatibbli mad-drittijiet fundamentali u, b'mod partikolari, proporzjonat ma' l-għan imfittex. L-għan huwa li l-familji migranti jiġu inkoraġġuti jġibu t-tfal minorenni tagħhom sa mill-età l-aktar bikrija, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom. Dan huwa għan leġittimu, li jagħmel parti mill-politika ta' l-immigrazzjoni u jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea.
80. L-espressjoni wiesgħa "raġunijiet differenti" m'għandhiex tiġi kkritikata bħala sors ta' inċertezza legali, ladarba hija intiża sabiex tiffaċilita deċiżjoni pożittiva fil-biċċa l-kbira ta' l-applikazzjonijiet ikkonċernati.
81. L-età ta' 15-il sena ngħażlet sabiex, minn naħa, tiġbor l-akbar numru ta' każijiet filwaqt li, min-naħa l-oħra, ma tostakolax lill-minorenni milli jattendi skola fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant m'hemmx diskriminazzjoni arbitrarja. Il-Kunsill isostni li għażla bħal din taqa' fil-marġni ta' diskrezzjoni tiegħu bħala leġiżlatur.
82. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva ma jikkostitwixxix ksur ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għax id-drittijiet li l-persuna kkonċernati jistgħu jiksbu mill-imsemmija Konvenzjoni jibqgħu kompletament imħarsa. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jeżaminaw kull bażi legali oħra possibbli għal applikazzjoni tat-tifel/tifla kkonċernat/a sabiex j/titħalla j/tidħol fit-territorju tagħhom u li jawtorizzaw tali dħul jekk il-kundizzjonijiet legali jkunu sodisfatti. Dan għandu jinkludi dritt ibbażat direttament fuq l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea u għaldaqstant jippermetti eżami każ b'każ ta' l-applikazzjonijiet għal dħul imressqa minn tfal ta' 15-il sena u aktar.
83. Rigward il-limitu ta' l-età stabbilit għal 15-il sena, dan mhuwiex irraġonevoli u jista' jiġi spjegat bir-rabta li teżisti bejn l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva u l-perijodu ta' stennija ta' tliet snin li jinsab fl-Artikolu 8 ta' l-istess Direttiva. Fil-fatt, ir-raġuni hija sabiex ma jinħarġux permessi ta' residenza lil persuni li, sadattant, ikunu laħqu l-età maġġuri.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
84. Għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' dan ir-rikors, l-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-kwistjoni jekk id-dispożizzjoni kkontestata, minnha nfisha, tirrispettax id-drittijiet fundamentali u, b'mod aktar partikolari, id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, l-obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal u l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. B'mod partikolari għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva jawtorizzax espliċitament jew impliċitament lill-Istati Membri li ma jirrispettawx dawn il-prinċipji fundamentali fis-sens li jippermettilhom, b'deroga għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva, li jifformulaw rekwiżit skond l-età tat-tifel/tifla minorenni li jintalab id-dħul u r-residenza tiegħu/tagħha fit-territorju nazzjonali fil-kuntest ta' riunifikazzjoni tal-familja.
85. Ma jidhirx li d-dispożizzjoni kkontestata tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja li jinsab fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Artikolu 4(6) tad-Direttiva jagħti fil-fatt lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirriżervaw l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja previsti mid-Direttiva għall-applikazzjonijiet imressqa qabel ma t-tfal ikunu laħqu l-età ta' 15-il sena. Din id-dispożizzjoni ma tistax madankollu tiġi interpretata fis-sens li hija tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jikkunsidraw applikazzjoni rigward tifel/tifla ta' aktar minn 15-il sena jew li tawtorizzahom li ma jagħmlux hekk.
86. F'dan ir-rigward, mhuwiex importanti li l-aħħar sentenza tad-dispożizzjoni kkontestata tipprovdi li l-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw id-deroga għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tat-tfal li għalihom tkun tressqet l-applikazzjoni wara li jkunu laħqu l-età ta' 15-il sena "għal raġunijiet differenti minn dawk ta' riunifikazzjoni tal-familja". L-espressjoni "riunifikazzjoni tal-familja" għandha fil-fatt tiġi interpretata fil-kuntest tad-Direttiva bħala li tirreferi għar-riunifikazzjoni tal-familja fil-każijiet fejn din hija mitluba minn din id-Direttiva. Hija ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tipprojbixxi lil Stat Membru, li japplika din id-deroga, milli jawtorizza d-dħul u r-residenza ta' tifel/tifla sabiex jippermettilu/ha j/tingħaqad mal-ġenituri tiegħu/tagħha.
87. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva għandu jinqara fid-dawl tal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5(5) ta' l-istess Direttiva, li jobbliga lill-Istati Membru li jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal minorenni, u fl-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, li jobbligahom jieħdu in kunsiderazzjoni numru ta' elementi fosthom ir-relazzjonijiet familjali tal-persuna.
88. Minn dan isegwi li, minkejja li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva għandu bħala effett li jawtorizza Stat Membru jirrifjuta li l-applikazzjonijiet imressqa mit-tfal minorenni ta' aktar minn 15-il sena jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet ġenerali ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, l-Istat Membru jibqa' marbut li jeżamina l-applikazzjoni fl-interess tat-tifel/tifla u bil-ħsieb li jippromwovi l-ħajja tal-familja.
89. Għar-raġuni esposta fil-punt 74 ta' din is-sentenza, a fortiori ma jidhirx li l-għażla ta' l-età ta' 15-il sena tikkostitwixxi kriterju li jmur kontra l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Bl-istess mod, għar-raġuni esposta fil-punt 72 ta' din is-sentenza, ma jidhirx li l-klawżola ta' standstill , kif ifformulata, tikser xi regola tad-dritt superjuri.
90. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, l-obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal jew il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, la minnu nnifsu, u lanqas safejn jawtorizza espliċitament jew impliċitament lill-Istati Membri sabiex jaġixxu b'dan il-mod.
Fuq l-Artikolu 8 tad-Direttiva
91. Il-Parlament jenfasizza li l-perijodi ta' sentejn u tliet snin previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva jillimitaw b'mod sinjifikattiv id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Dan l-Artikolu, li ma jimponiex eżami każ b'każ ta' l-applikazzjonijiet, jawtorizza lill-Istati Membri li jżommu miżuri sproporzjonati meta mqabbla mal-bilanċ li għandu jeżisti bejn l-interessi in kwistjoni.
92. Barra minn hekk, il-Parlament isostni li d-deroga awtorizzata fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tipperikola li tagħti lok għal trattament differenti f'każijiet simili, skond jekk l-Istat Membru kkonċernat ikollu jew ma jkollux leġiżlazzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità tiegħu ta' akkoljenza. Fl-aħħar nett, kriterju bbażat fuq il-kapaċità ta' akkoljenza ta' l-Istat Membru jammonta għall-sistema ta' kwoti, li mhix kompatibbli mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea. Din l-istituzzjoni tosserva f'dan ir-rigward li s-sistema restrittiva ta' kwoti annwali applikata mir-Repubblika ta' l-Awstrija ġiet meqjusa mill-Verfassungsgerichtshof (L-Awstrija) bħala mhux konformi mal-Kostituzzjoni Awstrijaka (is-sentenza tat-8 ta' Ottubru 2003, Kawża G 119,120/03-13).
93. Il-Kunsill jenfasizza li l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma jimponix, minnu nnifsu, perijodu ta' stennija u li perijodu ta' stennija ma jammontax għal rifjut tar-riunifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-perijodu ta' stennija huwa element klassiku tal-politika ta' l-immigrazzjoni li jeżisti fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri mingħajr ma ġie meqjus illegali mill-qrati kompetenti. Dan il-perijodu ta' stennija jfittex li jilħaq għan leġittimu tal-politika ta' l-immigrazzjoni, jiġifieri l-integrazzjoni effettiva tal-membri tal-familja fis-soċjetà ospitanti, billi jassigura li r-riunifikazzjoni tal-familja sseħħ biss wara li l-isponsor ikun sab fl-Istat ospitanti bażi solida, ekonomika kif ukoll familjali, sabiex jistabbilixxi familja hemm.
94. Il-Kunsill josserva li d-differenza fit-trattament bejn l-Istati Membri hija biss il-konsegwenza tal-proċess ta' approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjonijiet u jenfasizza li, bil-kontra ta' dak li jafferma l-Parlament, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jwettaq approssimazzjoni konsiderevoli tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, meta titqies in-natura stretta tal-klawżola ta' standstill li fih.
95. Huwa jikkontesta l-fatt li r-referenza għall-kapaċità ta' akkoljenza ta' Stat Membru, li tinsab fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva, tammonta għal sistema ta' kwoti. Dan il-kriterju jservi biss sabiex jiġu identifikati l-Istati Membri li jistgħu jestendu l-perijodu ta' stennija għal tliet snin. Barra minn hekk, l-osservazzjonijiet tal-Parlament fuq il-mod kif din id-dispożizzjoni hija applikata fl-Istati Membri huma spekulattivi.
96. Skond il-Kummissjoni, il-perijodu ta' stennija introdott mill-Artikolu 8 tad-Direttiva għandu n-natura ta' regola ta' proċedura amministrattiva li m'għandhiex l-effett li teskludi d-dritt għar-riunifikazzjoni. Regola simili tfittex li tilħaq għan leġittimu, u dan b'mod proporzjonat. Il-Kummissjoni tenfasizza f'dan ir-rigward li t-tul tal-perijodu li matulu l-isponsor ikun irrisjeda fil-pajjiż ospitanti huwa fattur importanti li ġie meħud in kunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fit-tweżin ta' l-interessi, l-istess bħall-kapaċità ta' akkoljenza ta' pajjiż. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha f'kull każ, kif ġie rrikonoxxut mill-Verfassungsgerichtshof, tippermetti l-possibbiltà li tiġi mressqa applikazzjoni għal riunifikazzjoni bbażata direttament fuq l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea qabel ma jiskadi l-perijodu ta' stennija.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
97. Bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet l-oħra kkontestati fil-kuntest ta' dan ir-rikors, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jawtorizza lill-Istati Membri li jidderogaw mir-regoli tar-riunifikazzjoni tal-familja previsti minn din id-Direttiva. L-ewwel paragrafu ta' l-imsemmi Artikolu 8 jawtorizza lill-Istati Membri li jirrikjedu mill-isponsor residenza legali fit-territorju tagħhom għal perijodu ta' mill-iktar sentejn, qabel ma jkunu jistgħu jingħaqdu miegħu/magħha l-membri tal-familja tiegħu/tagħha. It-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu jippermetti lill-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ta' akkoljenza tagħhom li jipprovdu għal perijodu ta' stennija ta' mhux iktar minn tliet snin bejn is-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni u l-ħruġ tal-permess ta' residenza lill-membri tal-familja.
98. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex għaldaqstant bħala effett li timpedixxi kull riunifikazzjoni tal-familja, iżda li żżomm marġni ta' diskrezzjoni limitata għall-Istati Membri billi tippermettilhom jassiguraw li r-riunifikazzjoni tal-familja sseħħ f'kundizzjonijiet tajba, wara li l-isponsor ikun qagħad fl-Istat ospitanti għal perijodu twil biżżejjed sabiex jista' jiġi preżunt li jkunu seħħew stabbiliment stabbli u ċertu livell ta' integrazzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li Stat Membru jieħu dawn l-elementi in kunsiderazzjoni u l-fakultà li jipposponi r-riunifikazzjoni tal-familja b'sentejn jew, skond il-każ, bi tliet snin ma jmorrux kontra d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja li jinsab b'mod partikolari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
99. Madankollu għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Direttiva, it-tul ta' reside nza fl-Istat Membru huwa biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni minn dan ta' l-aħħar fl-eżami ta' applikazzjoni u li ma jistax jiġi impost perijodu ta' stennija mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni, f'każijiet speċifiċi, l-elementi rilevanti kollha.
100. L-istess japplika għall-kriterju tal-kapaċità ta' akkoljenza ta' l-Istat Membru, li jista' jkun wieħed mill-elementi meħuda in kunsiderazzjoni fl-eżami ta' applikazzjoni, iżda ma jistax jiġi interpretat bħala wieħed li jawtorizza kwalunkwe sistema ta' kwoti jew perijodu ta' stennija ta' tliet snin impost mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każijiet speċifiċi. Fil-fatt, l-analiżi ta' l-elementi kollha kif prevista fl-Artikolu 17 tad-Direttiva ma tippermettix li jittieħed biss in kunsiderazzjoni dan l-element waħdieni u tirrikjedi li jsir eżami ġenwin tal-kapaċità ta' akkoljenza fiż-żmien ta' l-applikazzjoni.
101. F'din l-analiżi, l-Istati Membri għandhom barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 63 ta' din is-sentenza, jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal minorenni.
102. Il-koeżistenza ta' sitwazzjonijiet differenti, skond jekk l-Istati Membri jagħżlux jew le li jużaw il-possibbiltà li jimponu perijodu ta' stennija ta' sentejn jew ta' tliet snin meta l-leġiżlazzjoni tagħhom fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tad-Direttiva tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ta' akkoljenza tagħhom, hija biss l-espressjoni tad-diffikultà li ssir approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet f'qasam li, sa dak il-waqt, kien jaqa' fil-kompetenza ta' l-Istati Membri biss. Kif rikonoxxut mill-Parlament innifsu, id-Direttiva fl-intier tagħha hija importanti għall-implementazzjoni b'mod armonizzat tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. F'dan il-każ, ma jidhirx li l-leġiżlatur Komunitarju mar lil hinn mil-limiti imposti mid-drittijiet fundamentali billi ppermetta lill-Istati Membri li kellhom jew xtaqu jadottaw leġiżlazzjoni speċfika, li jaġġustaw ċerti aspetti tad-dritt għar-riunifikazzjoni.
103. Għaldaqstant, l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja jew l-obbigu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, la minnu nnifsu, u lanqas safejn jawtorizza espliċitament jew impliċitament lill-Istati Membri sabiex jaġixxu b'dan il-mod.
104. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li d-Direttiva tħalli marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri, din hija wiesgħa biżżejjed sabiex tippermettilhom japplikaw ir-regoli tad-Direttiva b'mod konformi ma' l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Lulju 1989, Wachauf, 5/88, Ġabra p. 2609, punt 22).
105. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rikonoxxuti fis-sistema ġuridika Komunitarja, fosthom id-drittijiet fundamentali, jorbtu lill-Istati Membri wkoll meta jimplementaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja u li, għaldaqstant, dawn huma obbligati, safejn huwa possibbli, li japplikaw din il-leġiżlazzjoni b'mod li ma jiksrux l-imsemmija eżiġenzi (ara s-sentenzi ta' l-24 ta' Marzu 1994, Bostock, C-2/92, Ġabra p. I-955, punt 16; tat-18 ta' Mejju 2000, Rombi u Arkopharma, C-107/97, Ġabra p. I-3367, punt 65; f'dan is-sens, is-sentenza ERT, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).
106. L-implementazzjoni tad-Direttiva hija suġġetta għall-eżami tal-qrati nazzjonali għaliex, kif previst fl-Artikolu 18 ta' l-imsemmija Direttiva, "[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isponsor u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha jkollhom id-dritt li [għal rimedju ġudizzjarju] fejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tinċaħad jew permess ta' residenza jew ma jiġġedditx jew ikun irtirat jew tkeċċija tkun ordnata". Jekk isibu diffikultajiet rigward l-interpretazzjoni jew il-validità ta' din id-Direttiva, huma dawn il-qrati li għandhom iressqu domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikoli 68 KE u 234 KE.
107. Rigward l-Istati Membri marbuta b'dawn l-istrumenti, għandu barra minn hekk jiġi mfakkar li d-Direttiva tipprovdi, fl-Artikolu 3(4) tagħha, li hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar favorevoli tal-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta' Ottubru 1961, il-Karta Soċjali Ewropea emendata tat-3 ta' Mejju 1987 u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-istatus legali ta' ħaddiema migranti ta' l-24 ta' Novembru 1977 kif ukoll tal-ftehim bilaterali u multilaterali bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u pajjiżi terzi, fuq l-oħra;
108. Fid-dawl tan-nuqqas ta' fondatezza tar-rikors, m'hemmx lok li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex separabbli mill-bqija tad-Direttiva.
109. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
110. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni, li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.