Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0408

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta' Marzu 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju tal-Belġju.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward id-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea - Leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva nazzjonali f'dak li jikkonċerna l-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi personali suffiċjenti u l-ħruġ ta' ordnijiet ta' tkeċċija mit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat.
Kawża C-408/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:192

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta' Marzu 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward id-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni u prassi amministrattiva nazzjonali f'dak li jikkonċerna l-kundizzjoni li wieħed ikollu riżorsi personali suffiċjenti u l-ħruġ ta' ordnijiet ta' tkeċċija mit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat"

Fil-kawża C-408/03

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-30 ta' Settembru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Condou-Durande u D. Martin, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn E. Dominkovits, bħala aġent,

konvenut

sostnut:

mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, QC,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann (Relatur) u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, P. Kūris, J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–       billi ssuġġetta d-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għall-kundizzjoni li huma jkollhom riżorsi personali suffiċjenti, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 18 KE u d-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt ta' residenza (ĠU L 180, p. 26)

–       billi pprovda għall-possibbiltà li ċittadini ta' l-Unjoni li ma ressqux id-dokumenti meħtieġa għall-ksib ta' permess għal residenza f'terminu stabbilit jiġu awtomatikament innotifikati b'ordni ta' tkeċċija, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/364, l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE, tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta' Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13), l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE, tal-21 ta' Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta' Stati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14), l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 dwar id-dritt ta' residenza għall-istudenti (ĠU L 317, p. 59), u l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar id-dritt ta' residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom (ĠU L 180, p. 28).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 jipprovdi:

"L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza liċ-ċittadini ta' Stati Membri li ma jgawdux minn dan id-dritt taħt dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Komunità u lill-membri tal-familji tagħhom kif definit fil-paragrafu 2, basta li huma nfushom u l-membri tal-familji tagħhom ikunu koperti b'assikurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti u li jkollhom riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta' residenza tagħhom."

3       L-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

"L-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza għandu jkun ippruvat permess tal-ħruġ ta' dokument magħruf bħala 'Permess [għal] Residenza għal ċittadin ta' Stat Membru tal-KEE', li l-validità tiegħu tista' tkun limitata għal ħames snin fuq bażi rinovabbli. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, meta huma jqisu li dan huwa meħtieġ, jitolbu t-tiġdid tal-validità tal-permess fit-tmiem ta' l-ewwel sentejn ta' residenza. Meta membru tal-familja ma jkollux iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru, dan għandu jinħariġlu dokument ta' residenza ta' l-istess validità bħal dak maħruġ liċ-ċittadin li fuqu huwa jiddependi.

Għall-[għanijiet] tal-ħruġ tal-permess jew dokument ta' residenza, l-Istat Membru jista' jitlob biss li l-applikant jippreżenta karta ta' l-identità valida jew passaport validu u jipprovdi prova li huwa jew hija j/tissodisfa l-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 1."

4       Skond l-Artikolu 3 ta' l-istess Direttiva, id-dritt ta' residenza għandu jibqa' sakemm il-benefiċjarji ta' dan id-dritt jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

5       L-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360 dwar id-dritt ta' residenza tal-ħaddiema impjegati jipprovdi:

"1.      L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza fit-territorju tagħhom lill-persuni li hemm referenza għalihom f'Artikolu 1 li jistgħu jipproduċu d-dokumenti mniżżla f'paragrafu 3.

2.      Bħala prova tad-dritt ta' residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat 'Permess għal Residenza għal ċittadini ta' Stat Membru tal-KEE'. […].

3.      Għall-ħruġ ta' dak il-Permess [għal] Residenza għal ċittadini ta' Stat Membru tal-KEE, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-preżentazzjoni tad-dokumenti segwenti: […]"

6       L-ewwel u t-tieni paragrafi ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 73/148 huma fformulati kif ġej:

"Kull Stat Membru għandu jagħti d-dritt ta' residenza permanenti lil ċittadini ta' Stati Membri oħrajn li stabbilixxew ruħhom fit-territorju tiegħu sabiex ikomplu jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, meta r-restrizzjonijiet fuq dawn l-attivitajiet ikunu ġew aboliti skond it-Trattat.

Bħala prova tad-dritt ta' residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat 'Permess għal Residenza għal ċittadini ta' Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej'. […]"

7       L-Artikolu 6 ta' l-istess Direttiva jipprovdi:

"Applikant għal permess [għal] residenza jew dritt ta’ alloġġ m’ għandux ikun meħtieġ minn Stat Membru li jipproduċi xi ħaġa oħra għajr li ġej, jiġifieri:

a)      il-karta ta' l-identità jew il-passaport li bihom hu jew hi jkunu daħlu fit-territorju tiegħu;

b)      prova li hu jew jiġu minn waħda mill-klassijiet ta' persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 4."

8       L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/96 jipprovdi:

"Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt tar-residenza u bil-ħsieb li jigi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali b’mod mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini ta' Stat Membru li jkun ġie aċċettat sabiex jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt tar-residenza għall-kull student li jkun ċittadin ta' Stat Membru u li ma’ jgawdix dak id-dritt taħt dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja, u għal-konjugi ta' l-istudent u t-tfal dipendenti tagħhom, meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bill-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-anqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed risorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-per[i]jodu ta’ residenza tagħhom, dment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmekk u li jkun kopert minn assikurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti."

9       Skond it-tieni u t-tielet paragrafi ta' l-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija Direttiva:

"Id-dritt ta’ residenza għandu jkun muri permezz tal-ħruġ ta’ dokument magħruf bħala 'permess [għal] residenza għaċ-ċittadini ta' Stat Membru tal-Komunità' […]

Għall-fini tal-ħruġ ta’ permess jew dokument ta’ residenza, l-Istat Membru jista’ jirrikjedi li l-applikant jippreżenta karta ta' l-identità valida jew passaport u jipprovdi prova li huwa jew hija jilħaq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1."

10     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/365 jipprovdi:

"L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta' residenza lil ċittadini ta' Stati Membri li wettqu attività bħala persuni mpjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom u lill-membri tal-familji tagħhom kif definiti fil-paragrafu 2, sakemm dawn ikunu jirċievu pensjoni ta' l-invalidità jew anzjanità, jew benefiċċji tal-anzjanità, jew pensjoni fir-rigward ta' [i]nċident jew marda ndustrijali ta' ammont biżżejjed sabiex ikun evitat li dawn isiru piż fuq is-sistema tas-sigurtà soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-per[i]jodu tar-residenza tagħhom u sakemm dawn ikunu koperti minn assikurazzjoni għall-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru li jkunu fih."

11     L-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

"L-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza għandu jkun ippruvat permess tal-ħruġ ta' dokument magħruf bħala 'Permess [għal] residenza għal ċittadin ta' Stat Membru tal-KEE' […]

Għall-għanijiet tal-ħruġ tal-permess jew dokument ta' residenza, l-Istat Membru jista’ jitlob biss li l-applikant jippreżenta karta ta' l-identità valida jew passaport validu u jipprovdi prova li huwa jew hija t/jissodisfa l-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 1."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Il-kundizzjonijiet għar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea fil-Belġju huma rregolati permezz tad-dispożizzjonijiet tad-digriet irjali tat-8 ta' Ottubru 1981, dwar id-dħul fit-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (Moniteur belge tas-27 ta' Ottubru 1981, p. 1), kif emendat mid-digriet irjali tat-12 ta' Ġunju 1998 (Moniteur belge tal-21 ta' Awwissu 1998, p. 26854, iktar 'il quddiem id-"digriet irjali").

13     Rigward id-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri previst mid-Direttiva 90/364, l-Artikolu 53 tad-digriet irjali jipprovdi:

"1.      Il-barrani Komunitarju […] igawdi mid-dritt li jistabbilixxi ruħu fir-Renju sakemm huwa kopert minn assikurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji fil-Belġju u sakemm huwa jkollu riżorsi suffiċjenti sabiex ma jsirx ta' piż fuq l-awtoritajiet pubbliċi.

2.      […]

Qabel it-tmiem tal-ħames xahar wara l-applikazzjoni għal permess għal residenza, il-barrani Komunitarju għandu jiġġustifika permezz ta' prova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-ewwel [paragrafu].

[…]

4.      Il-Ministru jew id-delegat tiegħu għandhom jiċħdu r-residenza meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-residenza ma jkunux sodisfatti. Is-sindku jew id-delegat tiegħu għandhom jiċħdu r-residenza meta d-dokumenti mitluba ma jiġux prodotti fit-terminu [ta' ħames ġimgħat].

Fiż-żewġ każijiet, il-barrani għandu jiġi nnotifikat b'din id-deċiżjoni permezz tal-kunsinna ta' dokument […] li jinkludi jekk ikun il-każ ordni ta' tkeċċija mit-territorju.

[…]

6.      Meta r-residenza tiġi miċħuda skond il-[paragrafu] 4, mat-tmiem tal-ħames xahar wara l-applikazzjoni […] għandha tinħareġ kontra l-barrani Komunitarju ordni ta' tkeċċija mit-territorju. L-ordni ta' tkeċċija mit-territorju tista' tiġi nfurzata ħmistax-il ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu ta' validità taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni."

14     L-Artikolu 5(3)(b)1 taċ-ċirkolari ta' l-14 ta' Lulju 1998, dwar il-kundizzjonijiet għar-residenza tal-barranin Komunitarji u tal-membri tal-familja tagħhom kif ukoll tal-membri barranin tal-familja taċ-ċittadini Belġjani (Moniteur belge tal-21 ta' Awwissu 1998, p. 27032), jikkonferma li, jekk id-dokumenti ta' prova meħtieġa ma jiġux prodotti fit-terminu preskritt, l-amministrazzjoni hija fl-obbligu mhux biss li tiċħad ir-residenza, iżda wkoll li tinnotifika ordni ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali.

15     Rigward id-dritt ta' residenza tal-ħaddiema impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom, l-Artikolu 45 tad-digriet irjali jipprovdi:

"1.      Il-barrani Komunitarju li jiġi l-Belġju sabiex jeżerċita hawnhekk attività ta' impjieg jew attività għal rasu […] huwa […] irreġistrat fir-reġistru tal-barranin u mogħti ċertifikat ta' reġistrazzjoni validu […] għal ħames snin li jibdew jiddekorru mid-data tal-ħruġ tiegħu

[…]

Qabel it-tmiem tal-ħames xahar wara l-applikazzjoni għal permess għal residenza, il-barrani Komunitarju għandu jressaq, ċertifikat mingħand dak li jħaddem […] jekk huwa jeżerċita jew bi ħsiebu jeżerċita attività ta' impjieg, jew id-dokumenti meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni, jekk huwa jeżerċita jew biħsiebu jeżerċita attività għal rasu.

[…]

3.      Il-Ministru jew id-delegat tiegħu għandhom jiċħdu l-permess għal residenza jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-residenza ma jkunux sodisfatti. Is-sindku jew id-delegat tiegħu għandhom jiċħdu r-residenza meta d-dokumenti meħtieġa ma ġewx prodotti fit-terminu previst fil-paragrafu 1(3).

Fiż-żewġ każijiet, il-barrani għandu jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni […] li tinkludi jekk ikun il-każ ordni ta' tkeċċija mit-territorju.

[…]

5.      […] L-ordni ta' tkeċċija mit-territorju tista' tiġi nfurzata tletin jum wara l-iskadenza tat-terminu ta' validità taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

[…]"

16     Bl-istess mod, rigward il-ħaddiema impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attivitajiet professjonali tagħhom, l-Artikolu 51(4) tad-digriet irjali jipprovdi li l-barrani għandu jiġi nnotifikat bid-deċiżjoni ta' ċaħda ta' residenza flimkien ma' ordni ta' tkeċċija mit-territorju meta d-dokumenti meħtieġa ma ġewx prodotti qabel it-tmiem tal-ħames xahar mill-applikazzjoni għal permess għal residenza. L-ordni ta' tkeċċija mit-territorju tista' tiġi nfurzata ħmistax-il ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu ta' validità taċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni.

17     Rigward id-dritt ta' residenza ta' l-istudenti, l-Artikolu 55 tad-digriet irjali jipprovdi li, meta ċ-ċittadin ta' Stat Membru ma jressaq ebda prova li tistabbilixxi li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza f'terminu ta' tliet xhur mill-applikazzjoni tiegħu ta' residenza, l-awtorità muniċipali għandha tinnotifikah b'deċiżjoni li ttemm ir-residenza tiegħu, b'ordni ta' tkeċċija mit-territorju.

 Il-proċedura prekontenzjuża

18     Mill-inkartament jirriżulta li l-Kummissjoni rċiviet diversi lmenti rigward il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva ta' l-awtoritajiet Belġjani f'dak li jikkonċerna, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' l-awtorizzazzjonijiet ta' residenza skond id-Direttiva 90/364 u, min-naħa l-oħra, l-ordnijiet ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali maħruġa kontra ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea.

19     Hija ssostni li hija tat attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' De Figueiredo, ċittadina Portugiża li marret il-Belġju flimkien mat-tlett itfal bniet tagħha, f'Awwissu 1999, sabiex tingħaqad ma' ċittadin Belġjan, is-sieħeb tagħha sa minn żmien twil. Id-dikjarazzjoni ta' wasla magħmula fit-30 ta' Awwissu 1999 tindika li r-residenza kienet awtorizzata sad-29 ta' Ottubru 1999. Is-sieħeb ta' De Figueiredo ppreżenta simultanjament dokument li bih iggarantixxa li ser imantniha.

20     Fis-16 ta' Diċembru 1999, ordni ta' tkeċċija mit-territorju ġiet innotifikata lil De Figueiredo minħabba li hija baqgħet fil-Belġju wara d-data ta' skadenza li kienet tidher fuq id-dikjarazzjoni ta' wasla. L-awtoritajiet Belġjani kkunsidraw li l-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta' riżorsi suffiċjenti msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/364, filwaqt li ppreċiżaw li l-garanzija mogħtija mis-sieħeb tagħha ma kinitx tikkostitwixxi l-prova li hija kellha riżorsi suffiċjenti.

21     Wara skambju ta' ittri bejn l-awtoritajiet Belġjani u l-Kummissjoni, din ta' l-aħħar għarrfet lir-Renju tal-Belġju, permezz ta' l-ittra ta' intimazzjoni tagħha tat-8 ta' Mejju 2001, li hija tqis li r-riżorsi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mhumiex biss ir-riżorsi tal-persuna nnifisha li qiegħda titlob l-ħruġ ta' permess għal residenza. Barra minn hekk, rigward l-ordni ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali, il-Kummissjoni eżaminat in-natura awtomatika, skond il-liġi Belġjana, tad-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet li joħorġu ordni simili, ladarba jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' produzzjoni tad-dokumenti ta' prova meħtieġa għall-ksib tal-permess għal residenza.

22     Fir-risposta tagħhom għall-ittra ta' intimazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li, fl-opinjoni tagħhom, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 (1) tad-Direttiva 90/364 jimplika li ċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li jitlob l-benefiċċju ta' din id-Direttiva għandu jkollu riżorsi personali suffiċjenti.

23     L-imsemmija awtoritajiet sostnew li d-dħul li ġej minn terz jista' wkoll jittieħed in kunsiderazzjoni dejjem jekk dan jappartjeni lill-mara jew ir-raġel taċ-ċittadin u/jew lill-wild taċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li qiegħed jinvoka l-benefiċċju tad-Direttiva 90/364. Ir-rabta bejn dan ta' l-aħħar u l-persuna li huwa jindika bħala s-sors, anke jekk parzjali, tad-dħul tiegħu għandha titqiegħed f'kuntest ġuridiku sabiex l-Istat Membru ospitanti jkun ċert li din il-persuna hija marbuta b'obbligu ġuridiku li ssostni finanzjarjament liċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea.

24     Barra minn hekk, l-awtoritajiet Belġjani indikaw li huma kienu intitolati jadottaw miżura ta' tkeċċija kontra ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li kien residenti fil-Belġju għal iktar minn tliet xhur mingħajr ma beda l-proċedura għal residenza jew li ma ppreżentax id-dokumenti meħtieġa fil-kuntest ta' l-applikazzjoni għal permess għal residenza li huwa ppreżenta.

25     Peress illi qieset li l-argumenti mqajma mir-Renju tal-Belġju fir-risposta tiegħu għall-ittra ta' intimazzjoni ma kinux sodisfaċenti, fit-3 ta' April 2002, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fejn stidnitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni f'terminu ta' xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika ta' l-opinjoni.

26     Peress illi ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija mir-Renju tal-Belġju għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

27     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 2004, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq ġie ammess bħala parti intervenjenti sabiex isostni t-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ewwel ilment, dwar il-kundizzjoni li ċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkollu riżorsi personali suffiċjenti

 L-argumenti tal-partijiet

28     Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 bl-ebda mod ma jeżiġi li ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea jkollu riżorsi personali suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu.

29     Din l-interpretazzjoni letterali ta' l-imsemmija dispożizzjoni hija kkonfermata mill-għan imfittex mid-Direttiva 90/364, jiġifieri li jiġi evitat li l-persuna intitolata għad-dritt ta' residenza jew il-membri tal-familja tagħha jsiru ta' piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti. Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex dan l-għan jitwettaq, ftit huwa importanti li r-riżorsi jkunu tal-persuna intitolata għad-dritt ta' residenza nnifisha jew li jkunu ġejjin minn x'imkien ieħor.

30     B'dan il-mod, dawn ir-riżorsi jistgħu jkunu kkostitwiti minn jew ikkompletati b'dawk ta' ġenitur jew ta' terz, per eżempju persuna li toqgħod flimkien mal-persuna intitolata għad-dritt ta' residenza jew li toffri garanzija għal din ta' l-aħħar, dejjem jekk dokumenti ta' prova xierqa jkunu ġew prodotti. Il-Kummissjoni tqis li d-distinzjoni stabbilita mill-awtoritajiet Belġjani f'dak li għandu x'jaqsam mas-sors tad-dħul, jiġifieri skond jekk hux ġej jew le minn persuni li magħhom iċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea għandu rabtiet ġuridiċi, hija artifiċjali u ma għandha l-ebda bażi fid-dritt Komunitarju.

31     Il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi jimponu fuq iċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li jkollu personalment riżorsi suffiċjenti għalih u għall-familja tiegħu, l-awtoritajiet Belġjani jiksru l-Artikolu 18 KE u ma josservawx il-prinċipju ta' proporzjonalità fl-applikazzjoni tal-kundizzjoni rigward l-eżistenza ta' riżorsi suffiċjenti mitluba mid-Direttiva 90/364.

32     Wara li inizjalment kien ħa pożizzjoni aktar stretta, ir-Renju tal-Belġju, fil-kontroreplika tiegħu, taffa l-pożizzjoni tiegħu billi aċċetta li jieħu in kunsiderazzjoni riżorsi ta' sieħeb, imma biss meta dan ikun intrabat kuntrattwalment li jagħmilhom disponibbli għaċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' kuntratt konkluż quddiem nutar u li jinkludi klawsola ta' assistenza.

33     Rigward is-sors ta' dawn ir-riżorsi, ir-Renju Unit isostni li l-applikant għal permess għal residenza għandu jkollu riżorsi personali suffiċjenti mingħajr ma jkun jista' jistrieħ, f'dan ir-rigward, fuq riżorsi ta' membru tal-familja tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

34     Id-dritt ta' residenza fuq it-territorju ta' l-Istati Membri stipulat fl-Artikolu 18(1) KE huwa mogħti direttament lil kull ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea permezz ta' dispożizzjoni ċara u preċiża tat-Trattat KE, u huwa suġġett għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti minnu kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara s-sentenza tas-17 ta' Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I-7091, punti 84 u 85).

35     Għall-finijiet ta' din il-kawża, dawn il-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet joħorġu mid-Direttiva 90/364.

36     Mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) ta' din id-Direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li ċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor li jridu jibbenefikaw mid-dritt ta' residenza fuq it-territorju tagħhom jkunu koperti, huma u l-membri tal-familja tagħhom, b'assigurazzjoni għall-mard li tkopri r-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll li jkollhom riżorsi suffiċjenti sabiex jiġi evitat li huma jsiru, waqt ir-residenza tagħhom, ta' piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' dan l-Istat.

37     Dawn il-kundizzjonijiet, meta moqrija fid-dawl tar-raba' premessa ta' l-imsemmija Direttiva, li tipprovdi li l-benefiċjarji tad-dritt ta' residenza m'għandhomx isiru ta' piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti, jibbażaw ruħhom fuq l-idea li l-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea jista' jkun suġġett għall-interessi leġittimi ta' l-Istati Membri (is-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar 'il fuq, punt 90)

–       Eżami ta' l-ewwel ilment

38     Permezz ta' l-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Renju tal-Belġju li jieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta' l-implementazzjoni tad-Direttiva 90/364, biss ir-riżorsi personali taċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li jitlob il-benefiċċju tad-dritt ta' residenza jew dawk tal-mara/tar-raġel jew ta' wild ta' dan iċ-ċittadin, filwaqt li jeskludi riżorsi li ġejjin minn terza persuna, b'mod partikolari minn sieħeb li miegħu ma hemm ebda rabta ġuridika.

39     Għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet u limitazzjonijiet stipulati fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 għandha ssir filwaqt li jiġu osservati l-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u skond il-prinċipji ġenerali ta' dan id-dritt, b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità. Dan ifisser li l-miżuri nazzjonali adottati f'dan ir-rigward għandhom ikunu xierqa u neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara s-sentenza Baumbast u R, iċċitata iktar 'il fuq, punt 91).

40     Fil-punti 30 u 31 tas-sentenza tad-19 ta' Ottubru 2004, Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, skond it-termini nfushom ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364, huwa biżżejjed li ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri "jkollhom" ir-riżorsi neċessarji u din id-dispożizzjoni ma timplika ebda kundizzjoni rigward il-provenjenza ta' dawn ir-riżorsi. Din l-interpretazzjoni hija msaħħa minħabba li d-dispożizzjonijiet li jħarsu prinċipju fundamentali bħal ma huwa dak tal-moviment liberu tal-persuni għandhom jiġu interpretati f'sens wiesa'.

41     Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li interpretazzjoni tal-kundizzjoni rigward in-natura suffiċjenti tar-riżorsi fis-sens tad-Direttiva 90/364, li tipprovdi li l-persuna kkonċernata għandu jkollha hija nnifisha tali riżorsi mingħajr ma tkun tista' tistrieħ f'dan ir-rigward fuq ir-riżorsi ta' membru tal-familja li jkun magħha, iżżid ma' din il-kundizzjoni, hekk kif hija fformulata f'din id-Direttiva, rekwiżit rigward is-sors tar-riżorsi li tikkostitwixxi tfixkil sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu u ta' residenza mogħti mill-Artikolu 18 KE, fis-sens li mhux neċessarju għat-twettiq ta' l-għan mfittex, jiġifieri l-ħarsien tal-finanzi pubbliċi ta' l-Istati Membri (is-sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

42     Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sakemm ir-riżorsi finanzjarji jkunu assigurati minn membru tal-familja taċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea, il-kundizzjoni rigward l-eżistenza ta' riżorsi suffiċjenti prevista fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 90/364 hija sodisfatta.

43     Għandu jiġi eżaminat jekk l-istess konklużjoni tapplika jekk ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea bi ħsiebu jistrieħ fuq id-dħul tas-sieħeb tiegħu li għandu residenza fl-Istat Membru ospitanti.

44     Dan l-eżami jirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni tal-provenjenza ta' tali dħul, minħabba li l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ospitanti, f'kull każ, għandhom id-dritt jeffettwaw il-kontrolli neċessarji rigward l-eżistenza ta' dan id-dħul, il-livell tiegħu u d-disponibbiltà tiegħu.

45     Ir-Renju tal-Belġju jammetti li tali dħul jista' jittieħed in kunsiderazzjoni bil-kundizzjoni li jkun ġej minn persuna marbuta mal-benefiċjarju b'rabta ġuridika li torbtu jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. Huwa jsostni li tali kundizzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li, jekk jiġi aċċettat li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul ta' persuna li r-rabta tagħha maċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea mhijiex ġuridikament determinata u li tista', għaldaqstant, tinħall mingħajr diffikultà, ikun hemm riskju akbar li ċ-ċittadin isir, wara ċertu żmien, ta' piż fuq is-sistema ta' l-assistenza soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti.

46     Tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċetata, minħabba li l-kundizzjoni rigward l-eżistenza ta' rabta ġuridika, hekk kif mitluba mir-Renju tal-Belġju, bejn dak li jipprovdi r-riżorsi u l-benefiċjarju tar-riżorsi hija sproporzjonata inkwantu tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq ta' l-għan imfittex mid-Direttiva 90/364, jiġifieri l-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi ta' l-Istat Membru ospitanti.

47     It-telf ta' riżorsi suffiċjenti huwa dejjem riskju eżistenti, kemm jekk dawn ikunu personali kif ukoll jekk ikunu ġejjin minn terza persuna, u dan anke meta din ta' l-aħħar tkun intrabtet li ssostni finanzjarjament il-persuna intitolata għad-dritt ta' residenza. Għaldaqstant il-provenjenza ta' dawn ir-riżorsi m'għandux effett awtomatiku fuq ir-riskju li jkun hemm tali telf, minħabba li l-okkorrenza ta' tali riskju tiddependi fuq kif jiżviluppaw iċ-ċirkustanzi.

48     Huwa fir-rigward ta' dan il-fatt li, sabiex jiġu mħarsa l-interessi leġittimi ta' l-Istat Membru ospitanti, id-Direttiva 90/364 tinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lil dan ta' l-aħħar jieħu passi fil-każ li effettivament ikun hemm telf tar-riżorsi finanzjarji, sabiex jiġi evitat li l-persuna intitolata għad-dritt ta' residenza ma ssirx ta' piż fuq il-finanzi pubbliċi ta' l-imsemmi Stat.

49     B'hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/364 jipprovdi li d-dritt ta' residenza għandu jibqa' sakemm il-benefiċjarji ta' dak id-dritt jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

50     Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru ospitanti li jivverifika li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea li jibbenefikaw mid-dritt ta' residenza jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-rigward fid-Direttiva 90/364 matul il-perijodu kollu tar-residenza tagħhom. Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jitolbu, meta jqisu li huwa meħtieġ, it-tiġdid tal-validità tal-permess għal residenza fit-tmiem ta' l-ewwel sentejn ta' residenza.

51     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jsegwi li, meta eskluda, fl-applikazzjoni tad-Direttiva 90/364 liċ-ċittadini ta' Stat Membru li jridu jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 18 KE, id-dħul ta' sieħeb li għandu residenza fl-Istat Membru ospitanti, fin-nuqqas ta' kuntratt konkluż quddiem nutar u li jinkludi klawsola ta' assistenza, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-imsemmi Artikolu 18 KE u skond l-imsemmija Direttiva 90/364.

52     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fondat.

 Fuq it-tieni lment, rigward l-ordni ta' tkeċċija mit-territorju nnotifikat liċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea li ma ppreżentawx id-dokumenti meħtieġa għall-għoti ta' permess għal residenza f'terminu stabbilit

 L-argumenti tal-partijiet

53     Il-Kummissjoni ssostni li t-tkeċċija ta' ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea tista' ssir biss, minbarra fil-każ ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq l-ordni, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, jekk il-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mid-dritt Komunitarju għat-tgawdija tad-dritt ta' residenza jew jekk m'għadhiex tissodisfahom.

54     Issa, id-deċiżjoni ta' tkeċċija nnotifikata mill-awtoritajiet Belġjani liċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea effettivament tippenalizza l-fatt li dan ma ppreżentax, fit-terminu stabbilit, id-dokumenti meħtieġa sabiex huwa jingħata permess għal residenza.

55     Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-persuna kkonċernata ma kkonformatx ruħha ma' l-obbligi amministrattivi mitluba għall-ksib ta' permess għal residenza ma jfissirx neċessarjament li hija ma tissodisfax, fil-fatt, il-kundizzjonijiet stipulati mid-dritt Komunitarju għar-rikonoxximent tad-dritt ta' residenza. In-notifika awtomatika ta' ordni ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali hija għaldaqstant kontrarja għall-Artikoli 2 tad-Direttiva 90/364, 4 tad-Direttiva 68/360, 4 tad-Direttiva 73/148, 2 tad-Direttiva 93/96 u 2 tad-Direttiva 90/365.

56     Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jsostni li ċittadin ta' Stat Membru ma jistax ikollu residenza għal aktar minn tliet xhur fi Stat Membru ieħor jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fid-diversi regolamenti u direttivi fil-qasam tal-moviment liberu. Jekk jissodisfa l-imsemmija kundizzjonijiet, fatt li jista' jiġi ppruvat biss bil-produzzjoni tad-dokumenti stipulati minn dawn l-istess regolamenti u direttivi, huwa jgawdi mill-protezzjoni mogħtija permezz ta' dawn ir-regolamenti u direttivi u jingħata permess għal residenza li jiċċertifika d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

57     Il-preżentazzjoni tad-dokumenti li jippruvaw li l-imsemmija kundizzjonijiet huma kollha sodisfatti hija, skond ir-Renju tal-Belġju, kundizzjoni sine qua non għall-eżerċizzju tad-dritt ta' residenza.

58     Għaldaqstant, jekk iċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea ma ppreżentax, fit-terminu stabbilit, f'dan il-każ terminu ta' ħames xhur, id-dokumenti neċessarji sabiex jiġi ppruvat li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati għar-rikonixximent tad-dritt tiegħu ta residenza, huwa għandu jitqies li kellu residenza ta' aktar minn tliet xhur fil-Belġju mingħajr raġuni valida u, f'dawn iċ-ċirkustanzi, miżura ta' tkeċċija tkun iġġustifikata.

59     Madankollu, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza n-natura relattiva ta' din il-miżura ta' tkeċċija. Fil-fatt, hija ma tiġix eżegwita bil-forza u għandha l-għan, bl-għeluq tal-proċedura ta' applikazzjoni għal permess għal residenza, li tistabbilixxi li ċ-ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea kkonċernat ma għandu ebda titolu li jawtorizzah ikollu residenza ta' aktar minn tliet xhur fuq it-territorju Belġjan.

60     Huwa jżid li xejn ma jżomm lill-persuna kkonċernata milli tibda proċedura għal residenza ġdida li fiha tkun tista' ġġib il-prova li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza.

61     Ir-Renju Unit isostni li, meta applikant għal permess għal residenza ma jippreżentax il-provi meħtieġa fit-terminu stabbilit, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandu jkollha d-dritt li tieħu deċiżjoni kontra dan l-applikant.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

62     Id-dritt taċ-ċittadini ta' Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor u li jkollhom residenza hemm, għall-finijiet mixtieqa mit-Trattat, huwa dritt mogħti direttament minn dan ta' l-aħħar, jew, skond il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni ta' l-imsemmi Trattat (ara s-sentenza tat-8 ta' April 1976, Royer, 48/75, Ġabra p. 497, punt 31).

63     Il-ħruġ ta' permess għal residenza għal ċittadin ta' Stat Membru m'għandux jitqies bħala att li jikkonferixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta' Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta' ċittadin ta' Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (is-sentenzi Royer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33, u tal-25 ta' Lulju 2002, MRAX, C-459/99, Ġabra p. I-6591, punt 74).

64     Madankollu, peress li d-dritt ta' residenza rikonoxxut taħt l-Artikolu 18 KE mhuwiex inkondizzjonat, huma ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom jipprovaw li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-rigward mid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti.

65     Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-permess għal residenza huma rregolati, f'dak li jirrigwarda l-ħaddiema impjegati, mid-Direttiva 68/360; fir-rigward tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, mid-Direttiva 73/148; fir-rigward ta' l-istudenti, mid-Direttiva 93/96; fir-rigward tal-ħaddiema impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività professjonali tagħhom, mid-Direttiva 90/365, u, fir-rigward taċ-ċittadini Komunitarji li ma jibbenefikawx mid-dritt ta' residenza taħt dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, mid-Direttiva 90/364.

–       Eżami tat-tieni lment

66     Huwa biss fil-każ meta ċ-ċittadin ta' Stat Membru ma jkunx kapaċi jipprova li dawn il-kundizzjonijiet huma kollha sodisfatti li l-Istat Membru ospitanti jista' jieħu miżura ta' tkeċċija filwaqt li josserva l-limiti imposti mid-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta' Frar 2005, Oulane, C-215/03, Ġabra p. I-1215, punt 55).

67     Issa, permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika l-leġiżlazzjoni Belġjana minħabba l-fatt li n-nuqqas ta' produzzjoni, miċ-ċittadin ta' Stat Membru, f'terminu stabbilit, tad-dokumenti ta' prova neċessarji għall-ħruġ tal-permess għal residenza jwassal awtomatikament għan-notifika ta' ordni ta' tkeċċija.

68     Miżura awtomatika ta' tkeċċija bħal din tmur kontra s-sustanza nnifisha tad-dritt ta' residenza li huwa direttament mogħti mid-dritt Komunitarju. Anke jekk Stat Membru jista', jekk ikun il-każ, jieħu miżura ta' tkeċċija fil-każ meta ċittadin ta' Stat Membru mhux kapaċi jipproduċi, f'terminu stabbilit, id-dokumenti li jippruvaw li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet finanzjarji meħtieġa, in-natura awtomatika tal-miżura ta' tkeċċija, hekk kif stipulata mil-leġiżlazzjoni Belġjana, tagħmilha sproporzjonata.

69     Fil-fatt, minħabba n-natura awtomatika ta' l-ordni ta' tkeċċija, din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li jittieħdu in kunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom il-persuna kkonċernata ma wettqitx l-obbligi amministrattivi meħtieġa u l-kapaċità eventwali tagħha li tipprova li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet li d-dritt Komunitarju jitlob għad-dritt tagħha ta' residenza.

70     F'dan ir-rigward, jibqa' irrilevanti l-fatt li, m'hemmx, fil-prattika, infurzar immedjat ta' l-ordnijiet ta' tkeċċija. Il-leġiżlazzjoni Belġjana, b'mod partikolari l-Artikoli 45, 51 u 53 tad-digriet irjali, jistipulaw it-termini li mat-tmiem tagħhom l-ordnijiet ta' tkeċċija maħruġa jkunu jistgħu jiġu nfurzati. F'kull każ, in-natura allegatament relattiva ta' l-ordnijiet ta' tkeċċija bl-ebda mod ma taffettwa l-fatt li dawn il-miżuri huma sproporzjonati meta mqabbla mal-gravità tal-ksur u għandhom mnejn jiddisswadu ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

71     Fid-dawl ta' dak li ntqal, it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni għandu jitqies bħala fondat.

72     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li:

–       billi eskluda, fl-applikazzjoni tad-Direttiva 90/364 fir-rigward taċ-ċittadini ta' Stat Membru li jridu jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 18 KE, id-dħul ta' sieħeb li għandu residenza fl-Istat Membru ospitanti, fin-nuqqas ta' kuntratt konkluż quddiem nutar u li jinkludi klawsola ta' assistenza, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-imsemmi Artikolu 18 KE u skond l-imsemmija Direttiva,

–       billi pprovda għall-possibbiltà li ssir notifika b'mod awtomatiku ta' ordni ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li ma ppreżentawx id-dokumenti meħtieġa għall-ksib ta' permess għal residenza f'terminu determinat, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/364, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360, ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 73/148, ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/96, u ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/365.

 Fuq l-ispejjeż

73     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi

1)      a)     Billi eskluda, fl-applikazzjoni tad-Direttiva 90/364 fir-rigward taċ-ċittadini ta' Stat Membru li jridu jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 18 KE, id-dħul ta' sieħeb li għandu residenza fl-Istat Membru ospitanti, fin-nuqqas ta' kuntratt konkluż quddiem nutar u li jinkludi klawsola ta' assistenza, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond l-imsemmi Artikolu 18 KE u skond l-imsemmija Direttiva,

b)      Billi pprovda għall-possibbiltà li ssir notifika b'mod awtomatiku ta' ordni ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li ma ppreżentawx id-dokumenti meħtieġa għall-ksib ta' permess għal residenza f'terminu determinat, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/364, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360, ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 73/148, ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/96, u ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/365.

2)      Ir-Renju tal-Belġju għandu jbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top