This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0077
Judgment of the Court (First Chamber) of 26 May 2005.#Groupement d'intérêt économique (GIE) Réunion européenne and Others v Zurich España and Société pyrénéenne de transit d'automobiles (Soptrans).#Reference for a preliminary ruling: Cour de cassation - France.#Brussels Convention - Request for interpretation of Article 6(2) and the provisions of Section 3, Title II - Jurisdiction in matters relating to insurance - Third-party proceedings between insurers - Multiple insurance situation.#Case C-77/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
Groupement d'intérêt économique (GIE) Réunion européenne et. vs Zurich España u Société pyrénéenne de transit d'automobiles (Soptrans).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - Franza.
Konvenzjoni ta' Brussell - Talba għal interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) u tad-dispożizzjonijiet ta' Sezzjoni 3 tat-Titolu II - Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-assigurazzjoni - Azzjoni dwar garanziji jew garanti jew proċedimenti oħra dwar terzi - Sitwazzjoni ta' assigurazzjonijiet simultanji.
Kawża C-77/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
Groupement d'intérêt économique (GIE) Réunion européenne et. vs Zurich España u Société pyrénéenne de transit d'automobiles (Soptrans).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - Franza.
Konvenzjoni ta' Brussell - Talba għal interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) u tad-dispożizzjonijiet ta' Sezzjoni 3 tat-Titolu II - Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-assigurazzjoni - Azzjoni dwar garanziji jew garanti jew proċedimenti oħra dwar terzi - Sitwazzjoni ta' assigurazzjonijiet simultanji.
Kawża C-77/04.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:327
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
tas-26 ta’ Mejju 2005 (*)
"Konvenzjoni ta' Brussell – Talba għal interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) u tad-dispożizzjonijiet ta' Sezzjoni 3 tat-Titolu II – Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-assigurazzjoni – Azzjoni dwar garanziji jew garanti jew proċedimenti oħra dwar terzi – Sitwazzjoni ta' assigurazzjonijiet simultanji"
Fil-kawża C-77/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f'affarijiet ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Cour de Cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-20 ta’ Jannar 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2004, fil-proċedura
Groupement d’intérêt économique (GIE) Réunion européenne et
vs
Zurich España,
Société pyrénéenne de transit d’automobiles (Soptrans),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: K. H. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2004,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Groupement d'intérêt économique (GIE) Réunion européenne et, minn M. Levis u V. Moissinac, avocats,
– għal Zurich España, minn P. Alfredo u G. Thouvenin, avocats,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-24 ta’ Frar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) u d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f'affarijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 u – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' taħrika bħala terza persuna mressqa mill-assiguraturi tas-société pyrénéenne de transit d’automobiles (aktar 'il quddiem "Soptrans") kontra l-kumpannija Zurich Seguros, li saret Zurich España (aktar 'il quddiem "Zurich"), sabiex il-kumpens dovut minn Soptrans lil General Motors ta' Spanja (aktar 'il quddiem "GME") jinqasam bejniethom.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni jipprovdi li:
"Bla ħsara għall-provvedimenti ta' din il-Konvenzjoni, persuni domiċiljati fi Stat Kontraenti għandhom, tkun liema tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jitħarrku fil-qrati ta' dak l-Istat."
4 L-Artikolu 6 (2) tas-Sezzjoni 2 intitolata "Ġurisdizzjoni Speċjali", tat-Titolu II tal-Konvenzjoni, jgħid is-segwenti:
"Persuna domiċiljata fi Stat Kontraenti tista' wkoll tiġi mħarrka:
[...]
2. bħala terza persuna f'azzjoni dwar xi garanzija jew garanti f'xi proċedimenti oħra dwar terzi, fil-qorti li tkun qed tisma' l-proċedimenti oriġinali, kemm-il darba dawn ma jkunux ġew istitwiti unikament bl-iskop li jneħħuha mill-ġurisdizzjoni tal-qorti li kieku kienet tkun kompetenti fil-każ tagħha;
[…]."
5 L-Artikoli 7 sa 12A jiffurmaw is-Sezzjoni 3 intitolata, "Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-assigurazzjoni", tat-Titolu II tal-Konvenzjoni.
6 L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni jipprovdi li:
"Fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilita b'din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 u 5 (5)."
7 Skond l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni:
"Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 10, assiguratur jista' jibda proċeduri biss fil-qrati ta' l-Istat Kontraenti fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu, irrispettivament minn jekk huwa jkunx id-detentur tal-polza, l-assigurat jew il-benefiċjarju […]"
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Il-kawża prinċipali tnisslet fit-13 ta' Awwissu 1990 minn diżastru naturali li seħħ f'parkeġġ għal vetturi ġodda taħt ir-responsabbilità ta' Soptrans, kumpannija stabbilita fi Franza.
9 Fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati lil dawn il-vetturi, Soptrans hijat assigurata minn GIE Réunion européenne, mill-kumpanniji Axa, aventi kawża ta' l-Union des assurances de Paris, Winterthur, aventi kawża ta' Neuchâteloise, Le Continent u Assurances mutuelles de France (aktar 'il quddiem, flimkien, "l-assiguraturi"), li kollha għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom jew fergħa fi Franza.
10 Xi vetturi minn dawk illi ġarrbu ħsara kienu ta' GME u kienu assigurati minn Zurich, stabbilita fi Spanja. Wara ftehim, li sar matul proċeduri quddiem it-tribunal ta' Saragoza (Spanja), Soptrans impenjat ruħha li tħallas ESP 120 000 000 lil GME bħala kumpens għad-danni subiti mill-vetturi ta' din ta' l-aħħar.
11 Fl-istess waqt li kienu qed isiru dawn il-proċeduri, Soptrans ippreżentat kawża kontra l-assiguraturi quddiem it-tribunal de grande instance ta' Perpignan sabiex dawn jiġu kkundannati jiggarantixxu l-konsegwenzi tal-kawża miġjuba kontriha quddiem il-qorti Spanjola.
12 Min-naħa tagħhom l-assiguraturi ħarrku lil Zurich bħala terza persuna quddiem it-tribunal de grande instance, fuq il-bażi ta' l-Artikolu L. 121-4 tal-kodiċi ta' assigurazzjoni Franċiż li jipprovdi li, f'sitwazzjonijiet ta' assigurazzjonijiet simultanji, għandu jkun hemm tqassim proporzjonat bejn id-diversi assiguraturi tal-kumpens li għandu jitħallas lill-assigurat. Zurich ikkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti Franċiża u sostniet li t-tribunal ta' Barċellona (Spanja), fejn hija għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha, għandu l-ġurisdizzjoni.
13 Permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Frar 1999, it-Tribunal de Grande Instance ta' Perpignan iddeċieda li kienu l-qrati Franċiżi li kellhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi ta' l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni. Zurich appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d'Appel ta' Montpellier li, billi ikkunsidrat li fil-kawża in eżami d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni biss kienu applikabbli, iddikjarat li l-imsemmija qrati ma kellhomx kompetenza fir-rigward tat-taħrika bħala terza persuna li saret mill-assiguraturi.
14 Għalhekk l-assiguraturi ressqu appell quddiem il-Cour de cassation, minħabba li, min-naħa il-proċedimenti tat-taħrika bħala terza persuna, ibbażati fuq l-assigurazzjonijiet simultanji, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta' rabta bejn it-talba prinċipali u t-taħrika bħala terza persuna ma kinitx tidher fost il-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni.
15 Filwaqt li kkunsidrat li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, is-soluzzjoni tal-kawża teħtieġ interpretazzjoni tal-Konvenzjoni, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi il-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari segwenti:
"(1) Taħrika bħala terza persuna f'azzjoni dwar garanzija jew garanti jew proċedimenti oħra dwar terzi bejn assiguraturi, bbażati fuq l-allegazzjoni ta' assigurazzjonijiet simultanji jew ta' sitwazzjoni ta' ko-assigurazzjoni pjuttust milli fuq kuntratt ta' riassigurazzjoni, li jaqgħu taħt is-suġġett ta' assigurazzjoni, huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni ta' Brussell […]?
(2) L-Artikolu 6(2) huwa applikabbli biex tiġi determinata liema qorti għandha ġurisdizzjoni f'taħrika bħala terza persuna f'azzjoni dwar garanzija jew garanti jew proċedimenti oħra dwar terz, u, f'każ ta' risposta pożittiva, din l-applikazzjoni hija soġġetta għar-rekwiżit ta' rabta bejn id-diversi talbiet fis-sens ta' l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, jew, minn ta' l-anqas, għall-prova ta' l-eżistenza ta' rabta suffiċjenti bejn dawn it-talbiet li juri li ma kienx hemm abbuż fl-għażla tal-forum?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
16 Is-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni hija dwar ir-regoli ta' ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam ta' l-assigurazzjoni.
17 Skond ġurisprudenza stabbilita, mill-eżami tad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Sezzjoni, ikkjarifikati permezz tax-xogħolijiet preparatorji tagħhom, jirriżulta li, billi joffru lill-assigurat sensiela ta' kompetenzi aktar estiża minn dik li għandu l-assiguratur u billi jeskludu kull possibbiltà ta' klawsola għal proroga ta' kompetenza għal dan ta' l-aħħar, dawn id-dispożizzjonijiet kienu ispirati għall-protezzjoni ta' l-assigurat, li ta' sikwit isib ruħu quddiem kuntratt stabbilit minn qabel u li l-klawsoli tiegħu ma jkunux negozjabbli u li huwa l-persuna l-aktar dgħajfa ekonomikament (sentenzi ta' l-14 ta' Lulju 1983, Gerling et, 201/82, Ġabra p. 2503, punt 17, u tat-13 ta' Lulju 2000, Group Josi, C-412/98, Ġabra p. I-5925, punt 64).
18 Din il-funzjoni ta' protezzjoni tal-parti fil-kuntratt li hija meqjusa bħala l-aktar dgħajfa ekonomikament u li għandha anqas esperjenza fil-qasam legali madankollu tinvolvi li l-applikazzjoni tar-regoli ta' ġurisdizzjoni speċjali previsti għal dan il-għan mill-Konvenzjoni ma tkunx estiża għal persuni li għalihom ma tkunx ġġustifikata din il-protezzjoni (sentenza Group Josi, iċċitata aktar 'il fuq, paragrafu 65).
19 F'din il-kawża, kif jirriżulta mill-proċess li ġie sottomess lill-Qorti, l-assiguraturi ħarrku lil Zurich sabiex tidher quddiem it-tribunal de grande instance ta' Perpignan abbażi ta' l-Artikolu L. 121-4 tal-kodiċi ta' assigurazzjoni Franċiż li jippermetti lill-assiguratur, konvenut fl-istanza mressqa mill-assigurat, jitlob li jiġu kjamati in kawża, fuq il-bażi ta' assigurazzjonijiet simultanji, l-assiguraturi l-oħra sabiex jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-kumpens lill-assigurat.
20 F'dawn iċ-ċirkostanzi, mhija ġġustifikata ebda protezzjoni speċjali peress illi r-relazzjonijiet in kwistjoni huma bejn professjonisti fis-settur ta' l-assigurazzjoni, li ħadd minnhom mhuwa preżunt li qiegħed f'pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel ma' l-oħrajn.
21 Hekk kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-paragrafu 17 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija sostnuta, b'mod partikulari, mill-Artikoli 8, 10 u 12 tal-Konvenzjoni li kjarament jitkellmu dwar ir-rikors imressaq minn detentur ta' polza ta' assigurazzjoni, assigurat jew persuna offiża u mill-Artikolu 11 ta' l-istess Konvenzjoni li jirreferi għar-rikors magħmul minn detentur ta' polza ta' assigurazzjoni, assigurat jew benefiċjarju.
22 Fil-fatt, l-awturi tal-Konvenzjoni bbażaw rwieħhom fuq il-premessa li d-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni huma biss applikabbli għar-relazzjonijiet ikkaratterizzati minn sitwazzjoni li mhijiex ekwilibrata bejn l-intervenjenti u, għal din ir-raġuni, stabbilixxew sistema ta' ġurisdizzjoni speċjali favur il-parti li hija meqjusa bħala l-aktar dgħajfa ekonomikament u li għandha l-anqas esperjenza fil-qasam legali. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(5) tal-Konvenzjoni eskluda, minn tali sistema protettiva, il-kuntratti ta' assigurazzjoni li fihom l-assigurat jibbenefika minn poter ekonomiku sostanzjali.
23 B'hekk huwa konformi kemm mal-kliem kif ukoll ma' l-ispirtu u ma' l-għan tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni li jiġi konkluż li dawn mhumiex applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-assiguraturi fil-kuntest ta' taħrika bħala terza persuna f'azzjoni dwar garanzija jew garanti.
24 Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li proċedimenti dwar taħrika bħala terza persuna f'azzjoni dwar garanzija jew garanti bejn assiguraturi, ibbażati fuq assigurazzjonijiet simultanji, ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni.
Fuq it-tieni domanda
25 Skond l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni, fil-każ ta' taħrika bħala terza persuna f'azzjoni dwar garanzija jew garanti jew proċedimenti oħra dwar terz, konvenut jista' jiġi mressaq quddiem il-qorti li tkun qed tisma' t-talba oriġinali, kemm-il darba din ma tkunx saret biss bl-għan li jneħħuh mill-ġurisdizzjoni tal-qorti li kieku kienet tkun kompetenti fil-każ tiegħu.
26 Fil-kawża prinċipali, Zurich ġiet mħarrka bħala terza persuna mill-assiguraturi quddiem it-tribunal li fih Soptrans ippreżentat kawża sabiex tikseb il-kundanna ta' l-assiguraturi jiggarantixxu l-konsegwenzi tal-kawża miġjuba kontriha minn GME.
27 Il-talbiet imressqa minn Soptrans u mill-assiguraturi quddiem it-tribunal de grande instance ta' Perpignan għandhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati rispettivament bħala talba oriġinali u taħrika bħala terza persuna, skond l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni.
28 Din il-kwalifikazzjoni hija kkorroborata mir-rapport fuq il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi f'affarijiet ċivili u kummerċjali, ta' P. Jenard (ĠU 1979, C 59, p. 1, 27), li skondu taħrika bħala terza persuna hija ddefinita bħala l-azzjoni "li hija istitwita mill-konvenut kontra terza persuna f'kawża bl-għan li jingħata kumpens għall-konsegwenzi ta' din il-kawża".
29 F'din il-kawża, l-applikabilità ta' l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni tibqa', madankollu, soġġetta għall-osservanza tal-kundizzjoni li teħtieġ li taħrika bħala terza persuna ma ssirx bil-għan li t-terza parti titneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti li kieku kienet tkun kompetenti fil-każ tagħha.
30 Kif ġie enfasizzat, min-naħa, mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, mill-Avukat Ġenerali fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta' rabta bejn iż-żewġ talbiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija inerenti fil-kunċett stess ta' taħrika bħala terza persuna.
31 Fil-fatt, hemm relazzjoni intrinsika bejn azzjoni diretta kontra assiguratur għall-kumpens tal-konsegwenzi ta' avveniment kopert minnu u l-proċedura li permezz tagħha dan l-assiguratur jipprova jġiegħel lil assiguratur ieħor, li kien ikopri l-istess avveniment, sabiex jikkontribwixxi fil-ħlas tal-kumpens dovut.
32 Hija l-qorti nazzjonali li tkun qed tisma' t-talba oriġinali li għandha tivverifika l-eżistenza ta' rabta bħal din, fis-sens li hija għandha tassigura li t-taħrika bħala terza persuna ma tkunx saret biss bl-għan li tneħħi lill-konvenut mill-ġurisdizzjoni tal-qorti li kieku kienet tkun kompetenti fil-każ tiegħu.
33 Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni ma jeħtieġ l-eżistenza ta' ebda rabta ħlief dik li hija suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li ma kienx hemm abbuż fl-għażla tal-forum.
34 Għandu jingħad ukoll, f'dan ir-rigward, li fil-każ ta' taħrika bħala terza persuna, kull ma jagħmel l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni huwa li jiddetermina liema qorti għandha ġurisdizzjoni u ma jistabbilixxix il-kundizzjonijiet ta' ammissibilità veru u proprji u li, f'dak li jirrigwarda r-regoli ta' proċedura, għandu jsir riferiment għar-regoli nazzjonali applikabbli mill-qorti nazzjonali (sentenza tal-15 ta' Mejju 1990, Hagen, C-365/88, Ġabra p. I-1845, punti 18 u 19).
35 Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli ta' proċedura nazzjonali ma tistax tippreġudika l-effettività tal-Konvenzjoni. Il-qorti ma tistax tapplika kundizzjonijiet ta' ammissibilità, previsti mid-dritt nazzjonali, li l-effett tagħhom huwa li jillimita l-implementazzjoni tar-regoli dwar ġurisdizzjoni previsti mill-Konvenzjoni (sentenza Hagen, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20).
36 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni huwa applikabbli għal taħrika bħala terza persuna, ibbażata fuq assigurazzjonijiet simultanji, kemm-il darba teżisti rabta bejn it-talba oriġinali u t-taħrika bħala terza persuna li twassal għall-konklużjoni li ma kienx hemm abbuż fl-għażla tal-forum.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Proċedimenti dwar taħrika bħala terza persuna f'azzjoni dwar garanzija jew garanti bejn assiguraturi, bbażati fuq assigurazzjonijiet simultanji, mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f'affarijiet ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja.
2) L-Artikolu 6(2) ta' l-imsemmija Konvenzjoni huwa applikabbli għal taħrika bħala terza persuna, ibbażata fuq assigurazzjonijiet simultanji, kemm-il darba teżisti rabta bejn it-talba oriġinali u t-taħrika bħala terza persuna li twassal għall-konklużjoni li ma kienx hemm abbuż fl-għażla tal-forum.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.