Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0608

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Estonja għall-2022

    COM/2022/608 final

    Brussell, 23.5.2022

    COM(2022) 608 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Estonja għall-2022

    {SWD(2022) 608 final} - {SWD(2022) 640 final}


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja tal-2022 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Estonja għall-2022

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Din tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari biex jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dan ikkunsidra kif dovut l-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fil-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond 3 . Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet adottata fit-5 ta’ April 2022 mill-Kunsill, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.

    (3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li qed jesperjenzaw jew jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tesperjenza wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata 4 għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali. Qed titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Estonja skont l-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (Cohesion’s Action for Refugees in Europe, CARE) u permezz ta’ prefinanzjament addizzjonali taħt il-programm Assistenza għall-Irkupru għall-Koeżjoni u t-Territorji tal-Ewropa (Recovery Assistance for Cohesion and the Territories of Europe, REACT-EU) biex jiġu indirizzati b’mod urġenti l-ħtiġijiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.

    (4)Fil-kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew qed ikompli bil-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza adottati hija essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha rilevanti speċifiċi għall-pajjiż, jew subsett sinifikanti minnhom, maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.

    (5)Il-Klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020 5 . Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021 6 , il-Kummissjoni spjegat il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew il-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed fuq il-bażi ta’ valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-UE jew fiż-żona tal-euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Iż-żieda fl-inċertezza u riskji qawwija ta’ evoluzzjoni negattiva fil-prospettiva ekonomika ta’ gwerra fl-Ewropa, żiediet bla preċedenti fil-prezzijiet tal-enerġija u aktar tħarbit fil-katina tal-provvista huma argumenti favur l-estensjoni tal-klawzola liberatorja ġenerali għal matul l-2023.

    (6)Skont l-approċċ fl-opinjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali attwalment titkejjel l-aħjar bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji), bl-esklużjoni tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju 7 . Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, sabiex jiġi vvalutat jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, tingħata wkoll attenzjoni lill-evoluzzjoni tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata nazzjonalment 8 (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u l-investiment.

    (7)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 9 . Il-Kummissjoni nnotat li, fuq il-bażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 jenħtieġ li jkomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-linji ta’ gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.

    (8)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-prospettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.

    (9)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, l-Estonja ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fid-29 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Estonja 10 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Estonja tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

    (10)Fid-29 ta’ April 2022, l-Estonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2022 u l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2022, f’konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Estonja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għall-Estonja 11 fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tal-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-Estonja tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Estonja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    (12)Fit-23 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE. Dan ir-rapport jiddiskuti l-qagħda baġitarja tal-Estonja, billi fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha huwa ppjanat li jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ma pproponietx li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2022 u se tivvaluta mill-ġdid ir-rilevanza tal-proposta li jinfetħu proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fil-ħarifa 2022.

    (13)Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill irrakkomanda lill-Estonja biex fl-2020 u fl-2021 tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll li l-Estonja, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, timxi fuq politiki fiskali mmirati biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jissaħħaħ l-investiment. Fl-2021, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Estonja niżel minn 5,6 % tal-PDG fl-2020 għal 2,4 % fl-2021. Ir-rispons ta’ politika fiskali mill-Estonja appoġġa l-irkupru ekonomiku fl-2021, filwaqt li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza naqsu minn 2,3 % tal-PDG fl-2020 għal 2,7 % fl-2021. Il-miżuri li ħadet l-Estonja fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Il-miżuri baġitarji diskrezzjonarji adottati mill-Gvern fl-2020 u l-2021 kienu fil-biċċa l-kbira temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Fl-istess ħin, uħud mill-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-Gvern matul il-perjodu mill-2020 sal-2021 ma kinux temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija, u kienu jikkonsistu prinċipalment f’żidiet fil-pensjonijiet, żidiet immirati fil-pagi (lill-għalliema, lill-persunal mediku, kulturali u lill-pulizija) kif ukoll programmi ta’ nfieq għall-kura tas-saħħa, RuŻ, il-militar u l-ICT. Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 18,1 % tal-PDG fl-2021.

    (14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 huwa wieħed kawt. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jonqos b’1,0 % fl-2022 u b’1,2 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali ta’ 1,0 % fl-2022 u ta’ 2,4 % fl-2023. Il-Kummissjoni tbassar tkabbir aktar qawwi tal-konsum privat, imsaħħaħ minn livell għoli ta’ self akkumulat u minn dinamiċi robisti tal-pagi mistennija. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2022, il-Gvern jistenna li d-defiċit nominali se jiżdied għal 5,3 % tal-PDG fl-2022 u jonqos għal 4,8 % fl-2023. Iż-żieda fl-2022 tirrifletti l-aktar il-miżuri l-ġodda ta’ infieq għat-taffija tal-prezzijiet tal-enerġija u infieq addizzjonali marbut mal-oqsma soċjali u tas-sigurtà kif ukoll l-ispejjeż mġarrba biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lil persuni spustjati mill-Ukrajna. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 20,7 % fl-2022 u wara dan li jiżdied għal 24,1 % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 4,4 % tal-PDG u 3,7 % rispettivament. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, prinċipalment minħabba tbassir tal-PDG aktar b’saħħtu li fuqu huma bbażati l-proġettazzjonijiet tal-Kummissjoni u tkabbir aktar moderat fin-nefqa tal-investiment ipproġettata mill-Kummissjoni. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 20,9 % fl-2022 u 23,5 % fl-2023, qrib il-proġettazzjonijiet tal-Programm.

    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali medju potenzjali fuq perjodu medju (medja ta’ 10 snin) hija stmata fil-valur ta’ 3,1 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludux l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Estonja.

    (15)Fl-2022, il-Gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 2,7 % tal-PDG fl-2021 għal 0,8 % fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0,7 % tal-PDG fl-2022 u huma mistennija li jitneħħew fl-2023 12 . Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment fi trasferimenti soċjali lejn unitajiet domestiċi ifqar, limiti fuq il-prezzijiet tal-elettriku u tat-tisħin u tnaqqis fit-tariffi tan-network tal-elettriku u tal-gass għall-konsumaturi. Dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari l-limitu massimu ġenerali fuq il-prezzijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi, it-tnaqqis tat-tariffi tan-network u t-tnaqqis ġenerali fid-dazji tas-sisa (effettiv mill-2020). Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma pproġettati li jkunu 0,4 % tal-PDG fl-2022 u 0,6 % fl-2023 13 , kif ukoll l-ispiża miżjuda tal-nefqa fuq id-difiża ta’ 0,6% tal-PDG fl-2023.

    (16)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 l-Estonja 14 żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Irrakkomanda wkoll lill-Estonja biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju, u fl-istess ħin, li ssaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

    (17)Fl-2022, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni u inkluża l-informazzjoni inkorporata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tal-Estonja, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata li tkun ta’ appoġġ fil-livell ta’ -2,4 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill 15 . L-Estonja qed tippjana li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-irkupru billi tagħmel użu mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali kif rakkomandat mill-Kunsill. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,1 punt perċentwali imqabbel mal-2021. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,6 punt perċentwali tal-PDG fl-2022 16 . Għalhekk, kif irrakkomandat mill-Kunsill, l-Estonja qed tippjana li tippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonal Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2022 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 1,4 punti perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti tinkludi, fost affarijiet oħra, żidiet fil-pagi u fit-trasferimenti soċjali, kif ukoll l-impatt addizzjonali tal-miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (0,5 % tal-PDG), kif ukoll tal-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,4 % tal-PDG).

    (18)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni għal 0,2 % tal-PDG fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika 17 . L-Estonja hija pproġettata li tuża l-għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2023 biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ għall-irkupru. Il-kontribuzzjoni pożittiva lejn l-attività ekonomika tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-UE hija pproġettata li tiżdied b’0,4 punt perċentwali tal-PDG, imqabbel mal-2022. L-investiment iffinanzjat b’mod nazzjonali huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja għall-pożizzjoni fiskali ta’ 0,3 punt perċentwali tal-PDG fl-2023 18 . Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata min-nazzjon (nett minn miżuri ġodda ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,4 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali ġenerali. Dan jinkludi l-impatt mill-eliminazzjoni ftit ftit tal-miżuri biex jiġu indirizzati l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija (0,7 % tal-PDG), kif ukoll l-ispejjeż addizzjonali biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG).

    (19)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 3,8 % tal-PDG fl-2024 u għal 2,9 % sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jinżel għal taħt it-3 % tal-PDG sal-2025. Dawn il-proġettazzjonijiet jassumu xi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali addizzjonali li għadhom mhumiex speċifikati. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied sal-2025, b’mod speċifiku b’żieda sa 27,7 % fl-2024 u żieda sa 29,2 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru li huma baxxi fuq perjodu medju ta’ żmien.

    (20)F’konformità mal-Artikolu 19(3)(b), u l-Kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Estonja mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, il-pjan jiffoka fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’miżuri biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u tiġi żviluppata l-enerġija rinnovabbli; tiżdied is-sostenibbiltà tat-trasport u l-mobilità; jingħata appoġġ lill-kumpaniji fit-tranżizzjoni doppja, b’mod partikolari negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju; tkompli tiddiġitalizza s-servizzi pubbliċi; u żżid ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari dwar il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali. Il-pjan fih ukoll miżuri biex jittejbu l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u jipprevedi xi titjib fix-xibka ta’ sikurezza soċjali u fl-aċċess għas-servizzi soċjali.

    (21)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Estonja hija mistennija li tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fl-Estonja jammontaw għal 41,5 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 21,5 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lill-Estonja tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

    (22)L-Estonja ppreżentat il-Ftehim ta’ Sħubija fit-18 ta’ April 2022 iżda d-dokumenti l-oħra ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 19 għadhom ma ġewx ippreżentati. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, l-Estonja għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar għall-2021-2027 tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi riċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.

    (23)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Estonja qed tiffaċċja għadd ta’ sfidi addizzjonali relatati mal-kura għat-tul u mal-adegwatezza tax-xibka tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari fejn jolqot lill-persuni qiegħda.

    (24)L-adegwatezza tax-xibka ta’ sikurezza soċjali tjiebet fl-Estonja iżda r-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u tal-esklużjoni soċjali għadha għolja fil-każ ta’ persuni akbar fl-età, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni qiegħda. Il-persuni qiegħda huma inqas protetti milli jaqgħu fil-faqar minħabba l-kriterji restrittivi biex jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad, b’mod partikolari l-limiti massimi għall-impjieg u d-dħul qabel il-qgħad. B’riżultat ta’ dan, fl-2021 madwar 50 % biss tal-persuni qiegħda rreġistrati kollha rċevew benefiċċji tal-qgħad, 37 % tal-persuni qiegħda li għadhom kif ġew irreġistrati rċevew benefiċċji tal-assigurazzjoni tal-qgħad u 26 % biss irċevew il-benefiċċju tal-qgħad fiss. L-estensjoni tal-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad u r-rilassament tal-kriterji minimi għall-aċċess għall-benefiċċji tal-qgħad jistgħu jkunu effettivi biex tiżdied il-protezzjoni soċjali, b’mod partikolari ta’ dawk b’perjodi qosra ta’ xogħol u f’forom ta’ xogħol mhux standard.

    (25)Il-popolazzjoni Estonjana qed tixjieħ iżda l-provvista ta’ kura fit-tul mhijiex adegwata biex tissodisfa d-domanda minħabba nuqqasijiet fl-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-kura fit-tul. Il-frammentazzjoni fl-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-kura fit-tul bejn is-settur soċjali u tal-kura tas-saħħa u l-istat u l-gvernijiet lokali twassal għal provvista mhux uniformi ta’ servizzi domestiċi u komunitarji. Barra minn hekk, is-sehem tan-nefqa mħallsa minn dawk li jeħtieġu l-kura (direttament mill-but tal-persuna kkonċernata), kien it-tieni l-ogħla fl-UE fl-2019. In-nefqa pubblika fuq il-kura fit-tul kienet biss ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2019 (meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 1,7 %). Nuqqas ta’ standards komuni għall-kura fit-tul u nuqqas ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa jimminaw il-kwalità tal-forniment tas-servizzi. Ir-riforma tal-kura fit-tul billi tiffoka fuq finanzjament effiċjenti u sostenibbli, l-aċċess għal servizzi tas-saħħa u soċjali integrati, l-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità, u l-iżgurar li jkun hemm għadd numeruż ta’ ħaddiema fil-kura, u li jkunu tas-sengħa biżżejjed, iżid il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk fil-bżonn għall-kura u jnaqqas il-piż qawwi tal-kura fuq il-membri tal-familja.

    (26)B’rispons għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jmexxu l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.

    (27)L-Estonja bħalissa timporta sehem limitat tal-provvista tal-enerġija tagħha għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana, iżda tibqa’ fil-biċċa l-kbira dipendenti fuq l-importazzjonijiet mir-Russja għas-sehem żgħir tal-gass (8 %) u għall-prodotti taż-żejt raffinat fit-taħlita tal-enerġija tagħha 20 . Flimkien mat-tneħħija gradwali kontinwa tal-użu tax-shale bituminuż bħala sors ta’ enerġija, l-Estonja tibbenefika miż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, it-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija tagħha (inkluż in-network tal-elettriku), u l-iżgurar ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija b’kapaċità suffiċjenti, inklużi dawk transfruntiera ma’ Stati Membri ġirien. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-netwerks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex tiġi ffaċilitata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom, permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. It-tlestija tas-sinkronizzazzjoni kontinwa man-network tal-elettriku kontinentali tal-UE, filwaqt li tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti għall-interkonnessjonijiet mal-Istati Membri ġirien u proġetti konġunti tal-enerġija rinnovabbli għandhom jibqgħu prijorità politika. Aktar diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija — inkluż fit-trasport — u l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jinkisbu permezz tat-tneħħija tal-ostakli mhux finanzjarji għall-ippjanar u l-permessi ta’ installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni sostenibbli tal-bijometan u l-aċċellerazzjoni tal-użu ta’ soluzzjonijiet rinnovabbli bbażati fuq l-idroġenu filwaqt li tiġi żgurata valorizzazzjoni sostenibbli tal-bijomassa. L-elettrifikazzjoni tal-linji ferrovjarji ewlenin, appoġġata mill-fondi tal-UE, diġà tinsab għaddejja jew hija ppjanata, iżda l-elettrifikazzjoni tan-netwerk kollu tikkontribwixxi għal dekarbonizzazzjoni aktar rapida tat-trasport. L-emissjonijiet diġà għoljin ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport bit-triq komplew jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin, minħabba l-użu intensiv ta’ vetturi prinċipalment effiċjenti fl-użu tal-fjuwil. L-Estonja hija wieħed mill-ftit Stati Membri li ma jimponux taxxi annwali fuq vetturi tat-triq bħal karozzi tal-passiġġieri u trakkijiet ħfief. Iż-żieda fl-inċentivi biex jitħeġġeġ it-tiġdid tal-istokk ta’ vetturi lejn dawk li jniġġsu inqas tgħin it-tranżizzjoni lejn modi ta’ trasport aktar ekoloġiċi. Fejn meħtieġ, salvagwardji xierqa jistgħu jtaffu l-impatt fuq is-sidien tal-karozzi bi dħul baxx. Il-konsum tal-enerġija jista’ jitnaqqas permezz ta’ rinnovazzjonijiet effiċjenti tal-bini b’approċċ integrat, inklużi installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli u sistemi tat-tisħin u tal-enerġija kkombinati. Sabiex jintlaħqu l-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, se tkun meħtieġa żieda ulterjuri fl-ambizzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u ż-żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.

    (28)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar f’diversi setturi, l-Estonja tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni. Barra minn hekk, l-Estonja tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.

    (29)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 u l-opinjoni tiegħu 21 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (30)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro. Għall-Estonja, dan huwa rifless b’mod partikolari fir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) hawn taħt.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2022 u fl-2023 biex:

    1.Fl-2023, tara li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment ikun konformi ma’ pożizzjoni ta’ politika ġeneralment newtrali, filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. Tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, inkluż billi tagħmel użu mill-fondi tal-RRF (Recovery and Resilience Facility), ta’ RePowerEU u fondi oħra tal-UE. Għall-perjodu ta’ wara l-2023, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju.

    2.Tkompli bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021. Tippreżenta d-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li jiġu ffinalizzati n-negozjar tagħhom mal-Kummissjoni u sussegwentement jinbeda l-implimentazzjoni tagħhom.

    3.Issaħħaħ il-protezzjoni soċjali, inkluż billi testendi l-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad, b’mod partikolari għal dawk li jaħdmu għal perjodu qasir u f’forom ta’ xogħol mhux tas-soltu. Ittejjeb l-affordabbiltà u l-kwalità tal-kura fit-tul, b’mod partikolari billi tiżgura l-finanzjament sostenibbli tagħha u tintegra s-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali.

    4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż permezz ta’ simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, l-iżgurar ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ interkonnessjonijiet u t-tisħiħ tal-grilja domestika tal-elettriku. Iżżid l-effiċjenza enerġetika, inkluż tal-bini, biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. Tintensifikaw l-isforzi biex itejbu s-sostenibbiltà tas-sistema tat-trasport, inkluż permezz tal-elettrifikazzjoni tan-netwerk ferrovjarju u billi jżidu l-inċentivi biex jinkoraġġixxu trasport sostenibbli u li jniġġes inqas, inkluż it-tiġdid tal-istokk tal-vetturi tat-triq.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
    (2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
    (3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
    (4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukraina fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1.
    (5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali
    tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, Brussell, 20.3.2020, COM(2020) 123 final.
    (6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali, Brussell, 3.3.2021, COM(2021) 105 final.
    (7)    L-istimi dwar il-pożizzjoni fiskali u l-komponenti tagħha f’din ir-rakkomandazzjoni huma stimi tal-Kummissjoni bbażati fuq is-suppożizzjonijiet sottostanti għat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni. L-istimi tal-Kummissjoni ta’ tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ma jinkludux l-impatt pożittiv tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali.
    (8)    Mhux iffinanzjati minn għotjiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.
    (9)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill: Gwida għall-politika fiskali għall-2023, Brussell, 2.3.2022, COM(2022) 85 final.
    (10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ottubru 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru r-reżiljenza għall-Estonja (ST 12532/21; ST 12532/21 ADD 1; ST 12532/21 ADD 1 COR 1 REV 1)    
    (11)    SWD(2022) 608 final.
    (12)    Iċ-ċifri jirrappreżentaw il-livell tal-ispejjeż baġitarji annwali ta’ dawk il-miżuri meħuda mill-ħarifa 2021, inkluż id-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – il-miżuri tan-nefqa kapitali.
    (13)    L-għadd totali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna lejn l-UE huwa preżunt li gradwalment jilħaq is-6 miljuni sa tmiem l-2022, u d-distribuzzjoni ġeografika tagħhom hija stmata fuq il-bażi tad-daqs tad-dijaspora eżistenti, il-popolazzjoni relattiva tal-Istat Membru riċeventi, u d-distribuzzjoni reali ta’ persuni spostati mill-Ukrajna madwar l-UE minn Marzu 2022. Għall-ispejjeż baġitarji għal kull persuna, l-istimi huma bbażati fuq il-mudell ta’ mikrosimulazzjoni tal-Euromod taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu kemm it-trasferimenti ta’ flus kontanti li n-nies jistgħu jkunu eliġibbli għalihom kif ukoll il-benefiċċji materjali bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.
    (14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Estonja, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 23. 
    (15)    Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispongi għal eċċess (nuqqas) tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).
    (16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 punt perċentwali tal-PDG. Dan jirrifletti ż-żieda ppjanata mill-Gvern fir-riżervi tal-gass u tal-fjuwils likwidi.
    (17)    Sinjal negattiv (pożittiv) tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess (nuqqas) tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja (restrittiva).
    (18)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,5 punt perċentwali tal-PDG. Din tirrifletti l-effett bażi tax-xiri mill-Gvern ta’ riżervi tal-gass u tal-fjuwils likwidi fl-2022.
    (19)    Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159.
    (20)    Eurostat (2020), l-importazzjonijiet Russi bħala sehem tal-importazzjonijiet totali ta’ gass naturali u ta’ prodotti taż-żejt raffinat, rispettivament. L-Estonja għandha dipendenza indiretta fuq l-importazzjonijiet Russi tal-gass naturali permezz tal-kummerċ intra-UE; meta jitqies dan, tintlaħaq l-istima li l-Estonja hija kważi esklużivament dipendenti fuq ir-Russja għall-importazzjonijiet tal-gass naturali tagħha.
    (21)    Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
    Top