This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52010DC0810
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Interim evaluation report on the implementation of the Culture programme
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta' evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm Kultura
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta' evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm Kultura
/* KUMM/2010/0810 finali */
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta' evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm Kultura /* KUMM/2010/0810 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 10.1.2011 KUMM(2010) 810 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta' evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm Kultura RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta' evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm Kultura WERREJ 1. INTRODUZZJONI 3 2. L-ISFOND TAL-PROGRAMM 3 3. L-EVALWAZZJONI ESTERNA 4 3.1. It-termini u l-iskop tal-evalwazzjoni 4 3.2. Il-Metodoloġija 4 3.3. Is-Sejbiet 5 4. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni u kummenti mill-Kummissjoni 6 5. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni 6 INTRODUZZJONI Dan ir-rapport qiegħed jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 13.3a) tad-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE[1] tat-12 ta' Diċembru 2006[2] li tistabbilixxi l-Programm Kultura (minn hawn 'il quddiem "il-programm"), li jirrikjedi rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u dwar l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-programm li għandu jitressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sal-31 ta' Diċembru 2010. Huwa jesponi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni esterna finali ta' nofs it-terminu tal-programm li tista' tinkiseb mill-ħolqa ta' hawn taħt: http://ec.europa.eu/culture/key-documents/doc539_en.htm L-ISFOND TAL-PROGRAMM Skont id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE (minn hawn 'il quddiem "id-Deċiżjoni"), l-għan ġenerali tal-programm għandu jkun dak tat-tkattir taż-żona kulturali kondiviża mill-Ewropej u bbażata fuq wirt kulturali komuni permezz tal-iżvilupp ta' kooperazzjoni kulturali bejn l-ideaturi, l-persuni parteċipanti fis-settur kulturali, u l-istituzzjonijiet kulturali, bil-ħsieb li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' ċittadinanza Ewropea. Dan l-għan għandu jinkiseb permezz tal-objettivi speċifiċi tal-programm, jiġifieri: - li jippromovi l-mobbiltà transnazzjonali tal-persuni parteċipanti fis-settur kulturali; - li jħeġġeġ iċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet u tal-prodotti artistiċi u kulturali; - li jħeġġeġ id-djalogu interkulturali. Il-programm għandu tliet partijiet ewlenin. Dawn huma: - parti 1 – sostenn għall-azzjonijiet kulturali, b'mod partikolari l-proġetti ta' kooperazzjoni multiannwali, il-miżuri ta' kooperazzjoni u l-azzjonijiet speċjali; - parti 2 – sostenn għall-korpi li huma attivi fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kultura; - parti 3 – sostenn għall-analiżi u l-ġbir u għat-tixrid ta’ informazzjoni u għall-attivitajiet li jimmassimizzaw l-impatt tal-proġetti fil-qasam tal-koperazzjoni kulturali Ewropea. Il-parti 1 tinkludi l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni kulturali, l-għotjiet għat-traduzzjoni letterarja, l-azzjonijiet speċjali inkluż is-sostenn għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, kif ukoll erba' premji Ewropej fil-qasam tal-kultura. L-aħħar żewġ azzjonijiet huma mmexxija direttament mill-Kummissjoni (DĠ EAC), filwaqt li l-oħrajn huma mmexxija f'isimha mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-Kummissjoni (EACEA). Il-programm huwa stabbilit għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013. Dan ir-rapport ikopri l-partijiet kollha tal-programm (għajr il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, li huma koperti minn evalwazzjonijiet separati[3]) u l-ambitu ġeografiku kollu tiegħu matul l-ewwel tliet snin tal-implimentazzjoni tal-programm. L-EVALWAZZJONI ESTERNA It-termini u l-iskop tal-evalwazzjoni ECOTEC Research u Consulting Ltd intgħażlu biex iwettqu l-evalwazzjoni indipendenti esterna. L-evalwazzjoni kellha l-għan li tivvaluta l-implimentazzjoni tal-programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu, li tirrapporta dwar kemm l-azzjonijiet li ġew adottati s'issa, kkontribwew għall-objettivi speċifikati fid-Deċiżjoni u għall-objettivi ġenerali tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kultura kif previst fl-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE, u li tipprovdi informazzjoni għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe programm futur fil-qasam tal-kultura bħala segwitu għal dak attwali. Il-Metodoloġija Il-metodoloġija li tintuża mill-evalwatur estern hija bbażata fuq serje ta' mistoqsijiet ta' evalwazzjoni bl-użu tal-kriterji ewlenin ta' rilevanza, effiċjenza, effettività u sostenibbiltà. Il-metodi ta' analiżi wżati kienu jinkludu riċerka sekondarja (inkluża reviżjoni tad-dejta tal-programm); reviżjoni ta' kampjun ta' fajls relatati ma' proġetti ffinanzjati; 78 intervista ma' benefiċjarji, korpi ta' implimentazzjoni tal-programmi u partijiet interessati oħra; grupp speċifiku ta' mira; skambju ta' informazzjoni mal-Kumitat ta' Ġestjoni tal-programm Kultura; u 11-il studju tal-każ tal-proġett. Twettqu żewġ stħarriġiet online: stħarriġ tal-organizzazzjonijiet appoġġati mill-programm u stħarriġ tad-djar tal-pubblikazzjoni li rċevew appoġġ għat-traduzzjonijiet letterarji. Ir-rati ta' rispons għaż-żewġ stħarriġiet kienu tajbin, 50 % u 40 % rispettivament, u l-persuni li wieġbu kienu ġejjin minn 34 pajjiż. Is-Sejbiet 1. Ir-rilevanza L-evalwazzjoni tikkonkludi li l-Programm Kultura għandu rwol uniku fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn il-fruntieri, fil-promozzjoni tat-tagħlim mill-pari u fil-professjonalizzazzjoni tas-settur u fit-tkabbir tal-aċċess għaċ-ċittadini Ewropej għax-xogħlijiet Ewropej mhux nazzjonali. B'mod indirett huwa jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kontenut li huwa essenzjali għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi, u jħeġġeġ żviluppi ġodda, kreattivi u innovattivi. Ir-rapport jenfasizza li l-programm għandu rwol kruċjali fir-rispett tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u fl-iżgurar tas-salvagwardja u t-tisħiħ tal-wirt kulturali Ewropew kif stipulat fl-Artikolu 3.3 tal-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-UE u l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (b'mod partikolari l-Artikolu 22) u l-obbligi tal-UE bħala parteċipant fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali. L-objettivi tal-programm ikkontribwew għall-għanijiet stipulati fl-Artikolu 167, li skontu l-azzjoni tal-Unjoni għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fit-titjieb tal-għarfien u t-tixrid tal-wirt kulturali ta' importanza Ewropea, fiż-żamma u s-salvagwardja tal-wirt kulturali ta' importanza Ewropea, l-iskambji kulturali mhux kummerċjali, u l-ħolqien artistiku u letterarju. Għalkemm il-programm sar qabel l-Aġenda Ewropea l-ġdida għall-Kultura, hemm rabtiet qawwija bejn it-tnejn li huma. Xi forom ta' appoġġ huma marbuta direttament ma' dawk il-proċessi ta' politika (il-pjattaformi tas-soċjetà ċivili, l-analiżi r-raggruppament u l-istudji tal-politika), filwaqt li forom oħrajn mhumiex marbuta direttament iżda għandhom il-potenzjali li jiġġeneraw eżempji u lezzjonijiet ta' prattika tajba minn esperjenza li tista' taġġorna l-proċessi tal-politika (proġetti ta' kooperazzjoni, azzjonijiet speċjali u proġetti ta' traduzzjoni letterarja). Fir-rigward tal-proġetti ta' kooperazzjoni (fil-forom kollha tagħhom) li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-fondi taħt il-programm, u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet madwar l-UE kollha, dawn huma rilevanti ħafna għat-tliet objettivi speċifiċi kollha. B'mod partikolari dawn joffru l-possibbiltà li jappoġġaw direttament perjodi ta' mobbiltà, kif ukoll attivitajiet li jinvolvu ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet. Ir-rekwiżit transnazzjonali għas-sħubijiet jiżgura li jkun hemm livell ta' djalogu interkulturali fl-attivitajiet tagħhom, minħabba li jinġabru flimkien nies minn sfondi kulturali differenti. Madankollu, għalkemm ħafna mill-proġetti jħeġġu djalogu interkulturali, it-tip ta' attivitajiet speċifiċi meħtieġa għall-kisba ta' dan l-objettiv mhumiex dejjem evidenti daqs l-objettivi l-oħra. Id-djalogu interkulturali għalhekk huwa ġeneralment (iżda mhux dejjem) prodott sekondarju tal-proġetti aktar milli l-għan ewlieni tagħhom. It-traduzzjonijiet letterarji jagħmlu kontribut tanġibbli ħafna lill-objettiv taċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali u b'mod indirett lid-djalogu interkulturali. L-evalwazzjoni tirrakomanda li jkun naturalment importanti li wieħed jirrevedi l-objettivi tal-programm fil-ġejjieni sabiex jitqiesu l-iżviluppi reċenti kemm f'termini tal-politiki tal-UE (pereżempju l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Ewropea għall-Kultura), kif ukoll tal-kundizzjonijiet li jaffettwaw is-settur kulturali u l-ħtiġijiet tiegħu tul il-perjodu li ġej (bħal pereżempju l-impatt tal-globalizzazzjoni u l-bidla għas-sistema diġitali). 2. L-effettività L-evidenza mir-reviżjoni tad-dokumenti tal-proġett u l-istħarriġ tindika li l-programm ġeneralment irnexxielu jikseb ir-riżultati u l-impatt tiegħu, b'effett ta' spinta sinifikanti. Dan huwa muri permezz taċ-ċifri li ġejjin. Aktar minn 700 għotja ngħataw lil operaturi kulturali mill-programm għall-perjodu mill-2007 sal-2009, u b'hekk laħqu madwar 3 000 organizzazzjoni b'kollox jekk jiġu inklużi l-ko-organizzaturi, u bi ħlas totali f'għotjiet ta' aktar minn EUR 120 miljun. Ir-rekwiżit ta' ko-finanzjament naturalment ħeġġeġ il-mobilizzazzjoni ta' fondi oħra fil-livell nazzjonali. L-attivitajiet appoġġati jilħqu pubbliku aktar wiesa' u qegħdin ikabbru l-aċċess għall-kultura Ewropea. L-appoġġ għat-traduzzjoni letterarja għen biex issir traduzzjoni ta' aktar minn 1 600 ktieb matul il-perjodu ta' tliet snin, u b'hekk madwar 1,4 miljun qarrejja ngħataw aċċess għal-letteratura Ewropea (ġdida). Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura jiġbed miljuni ta' nies b'mod regolari u jinvolvi eluf ta' voluntiera, b'10 miljun persuna li żaru Liverpool matul l-2008. Il-Jiem tal-Wirt Ewropew 2009 ġibed 25 miljun viżitatur madwar l-Ewropa u l-European Border Breakers Awards laħaq il-mijiet ta' eluf ta' Ewropej permezz ta' xandir fuq 12-il stazzjon tat-televixin, 24 stazzjon tar-radju f'24 pajjiż differenti u l-internet. Il-maġġoranza tal-promoturi tal-proġetti kienu tal-fehma li kellhom suċċess fl-attivitajiet li wettqu biex jilħqu dawk l-objettivi. La d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-programm u lanqas il-Gwida tal-Programm attwali ma stabbilixxew b'mod espliċitu x'għandhom ikunu n-natura, il-forma u l-kontenut tal-attivitajiet kulturali appoġġati. F'dan ir-rigward il-flessibbiltà tal-programm jippermetti lill-operaturi kulturali jadottaw approċċi magħmula apposta li huma adatti għall-ħtiġijiet tagħhom. Minbarra l-objettivi espliċiti tal-programm, il-proġetti għandhom tendenza wkoll li jkollhom għanijiet oħrajn. Żewġ tipi wiesgħa ta' attivitajiet jitwettqu normalment: attivitajiet kulturali (inklużi l-skambji artistiċi, il-kreazzjoni kulturali konġunta, il-ko-produzzjonijiet, tours u festivals, u skambji ta' artefatti); u attivitajiet ta' appoġġ (skambji ta' esperjenza u netwerking, il-provvista ta' informazzjoni u appoġġ prattiku għall-operaturi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka). Dawn huma implimentati permezz ta' medda kbira ta' azzjonijiet. Il-mobbiltà tal-operaturi kulturali u ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet normalment twettqu bħala attivitajiet integrati, pereżempju, organizzazzjonijiet tal-arti tal-ispettaklu li jivvjaġġjaw sabiex jagħmlu prestazzjoni ta' xogħlijiet ġodda, jew artisti li joħolqu u juru xogħlijiet ġodda matul perjodu ta' mobbiltà. Il-pubbliku aktar wiesa' jintlaħaq permezz ta' spettakli quddiem udjenzi, wirjiet, xi kultant permezz tat-televixin u r-radju u ovvjament l-internet. L-isħarriġ jindika li l-ispiża hija l-akbar ostakolu għall-kooperazzjoni transnazzjonali u bħala konsegwenza l-proġetti għandhom tendenza li jibqgħu jeżistu biss sakemm isservi l-għotja, l-aktar minħabba spejjeż addizzjonali li jinħolqu minħabba x-xogħol bejn il-fruntieri. Madankollu, il-programm għandu benefiċċji fuq żmien twil billi: - iħeġġeġ il-ħiliet u l-karrieri tal-artisti permezz ta' esperjenzi ta' mobbiltà, - jikkontribwixxi għat-tagħlim mill-pari permezz ta' skambji transnazzjonali, netwerking u esperimentazzjoni, ta' spiss f'oqsma u speċjalizzazzjonijiet fejn il-ħiliet u l-kompetenza fl-Ewropa huma ġeografikament imxerrda, u b'hekk jitwettqu ekonomiji ta' skala u t-tħeġġiġ tal-professjonalizzazzjoni tas-settur b'mod partikolari bl-għan li jopera f'ambjent globali, - jgħin fl-indirizzar tal-iżbilanċi ġeografiċi billi jappoġġa artisti f'pajjiżi b'kapaċità aktar dgħajfa permezz tad-dinamika ta' kooperazzjoni tal-programm, - jgħin fiċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej ko-prodotti mhux nazzjonali u jkabbar l-aċċess pubbliku għal dawn ix-xogħlijiet, - jippromwovi ħarsa aktar miftuħa u internazzjonali fost l-individwi u l-organizzazzjonijiet. L-iżbilanċ ewlieni fil-programmi jikkonċerna t-traduzzjoni letterarja. Għalkemm l-appoġġ għamel kontribuzzjoni sinifikanti għall-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet letterarji, u b'hekk żdied l-aċċess għal-letteratura Ewropea mhux nazzjonali, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi tas-sors predominanti (aktar minn erbgħa f'għaxar traduzzjonijiet) u ħames lingwi jirrappreżentaw aktar minn nofs it-traduzzjonijiet f'termini tal-lingwa tal-mira (it-Taljan, l-Ungeriż, is-Sloven, il-Bulgaru u l-Grieg). Għalhekk hemm potenzjal mhux użat f'termini tal-promozzjoni tad-diversità kulturali billi jiżdiedu t-traduzzjonijiet f'xi wħud mil-lingwi dinija Ewropej il-kbar, li jistgħu jservu bħala lingwi pern (pivot languages) għal aktar traduzzjonijiet f'lingwi oħra. Għalhekk l-evalwazzjoni tikkonkludi li l-programm kien effettiv fil-promozzjoni ta' kooperazzjoni kulturali bejn il-fruntieri, filwaqt li jappoġġa l-kreazzjoni artistika u letterarja u jtejjeb iċ-ċirkolazzjoni ta' espressjonijiet kulturali. B'dan il-mod, għamel kontribuzzjoni importanti għall-għan globali tat-Trattat biex jippromwovi d-diversità kulturali madwar l-Ewropa, filwaqt li jġib il-wirt kulturali komuni 'l quddiem. 3. L-effiċjenza Kien hemm domanda għolja relatata mal-fondi disponibbli: madwar waħda biss minn erba' applikazzjonijiet għall-partijiet tal-proġett ta' kooperazzjoni ġiet iffinanzjata u madwar waħda biss minn tliet applikazzjonijiet mill-organizzazzjonijiet li huma attivi fuq livell Ewropew. Ir-rata ta' aċċettazzjoni għall-applikazzjonijiet għat-traduzzjoni letterarja kienet ogħla, b'madwar nofshom li rċevew il-fondi, iżda dan il-livell ta' domanda espressa ma jirriflettix il-bżonn identifikat għal aktar traduzzjonijiet f'ċerti lingwi dominanti (l-aktar l-Ingliż). Għandu jiġi nnotat li hemm ukoll domanda moħbija b'mod aktar ġenerali, li mhijiex riflessa fl-għadd ta' applikazzjonijiet imressqa, minħabba li f'xi każijiet bżonn reali għall-fondi mhux bilfors jirriżulta f'applikazzjoni (pereżempju, minħabba diffikultajiet fil-kisba tal-fondi li jaqblu). In-nefqa s'issa hija ġeneralment konformi mal-istenniji, bħalma hija l-allokazzjoni bejn il-partijiet. Madankollu, hemm dubju jekk l-għadd relattivament limitat ta' proġetti ta' pajjiżi terzi li jistgħu jiġu appoġġati mill-baġit, jistax jirriżulta f'"massa kritika" sinifikanti kwalunkwe fir-rigward tal-pajjiżi mmirati. L-effiċjenza tal-proċess ta' applikazzjoni u l-ġestjoni tal-programm ittejbu b'mod konsiderevoli meta mqabbla mal-programm preċedenti, il-programm Kultura 2000. Il-modifikazzjonijiet proċedurali, inklużi l-modifikazzjonijiet magħmula bid-Deċiżjoni 1352/2008/KE tar-rekwiżiti ta' komitoloġija tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni, għamlu l-proċess ta' applikazzjoni aktar ċar u iqsar milli kien fil-passat (bejn 52 u 140 jum iqsar, skont il-parti). Bosta miżuri ta' simplifikazzjoni mill-Kummissjoni u l-EACEA ssimplifikaw ir-rekwiżiti amministrattivi għall-applikanti. Il-parteċipanti fil-programm huma ġeneralment sodisfatti b'dawn il-modifikazzjonijiet u bil-Gwida tal-Programm li ġie introdott biex jagħti lill-applikanti informazzjoni dettaljata u aktar stabbli dwar l-applikazzjoni għall-fondi. Il-Punti ta' Kuntatt Kulturali (PKK) ikomplu jipprovdu servizz sodisfaċenti u, għalkemm għadhom fi stadju bikri, il-bidliet magħmula dan l-aħħar fl-arranġamenti ta' ħidma tagħhom qegħdin jiżviluppaw b'mod sodisfaċenti, u qegħdin jgħinu sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni ta' ħidma bejn il-PKK u l-EACEA. Il-viżibbiltà tal-Programm Kultura u l-attivitajiet ta' tixrid tal-Kummissjoni huma ġeneralment meqjusa bħala sodisfaċenti mill-benefiċjarji, iżda l-evidenza tissuġġerixxi wkoll li jista' jinkiseb aktar minn hekk, b'mod partikolari billi jsiru aktar attivitajiet ta' tixrid f'livell tal-UE – għalkemm ġie enfasizzat li dawn tjiebu ħafna mill-programm Kultura 2000. Il-konklużjoni ġenerali tal-evalwatur dwar l-effiċjenza hija li fil-biċċa l-kbira l-programm issodisfa l-istenniji f'termini ta' parteċipazzjoni għal kull tip ta' organizzazzjoni u ta' bilanċ ġeografiku. Il-programm ippermetta wkoll li jipparteċipaw medda kbira ta' organizzazzjonijiet kulturali li ma jagħmlux qligħ u organizzazzjonijiet ta' daqs żgħir u medju. Aktar minn nofs il-parteċipanti fil-programm ġejjin mill-arti tal-ispettaklu, iżda hemm proporzjoni relattivament kbir ta' atturi "interdixxiplinarji", u dan juri n-natura inter-dixxiplinarja ta' bosta attivitajiet kulturali kontemporanji. F'termini ta' rati ta' applikazzjoni (għalkemm dawn mhumiex neċessarjament riflessi fuq bażi proporzjonali fir-rata ta' suċċess), it-tendenza ġeneralment turi korrelazzjoni sodisfaċenti bejn il-parteċipazzjoni u d-daqs tal-pajjiż, bl-eċċezzjoni notevoli tat-traduzzjoni letterarja. 4. Is-sostenibbiltà F'termini tas-sostenibbiltà, bosta proġetti ta' kooperazzjoni ġġeneraw attivitajiet ta' segwitu, u b'hekk bnew bażijiet b'saħħithom għal attivitajiet futuri, ħeġġew benefiċċji fuq żmien twil u ffurmaw sħubijiet li huma b'saħħithom biżżejjed biex jibqgħu jeżistu. Madankollu, l-attivitajiet ta' kooperazzjoni kontinwi tagħhom jiddependu ħafna fuq il-kapaċità ta' organizzazzjoni li tkompli x-xogħol tagħha fuq skala internazzjonali wara li l-proġett jieqaf ikun iffinanzjat. F'bosta każijiet l-ispejjeż li ġġarrbu permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali kienu jfissru li l-proġetti ma setgħux ikomplu wara t-tul ta' żmien tal-proġett, jew fuq skala iżgħar biss. Skont ir-rapport, il-frammentazzjoni kulturali u lingwistika fl-Ewropa u l-iżviluppi ekonomiċi attwali - u l-effett tagħhom fuq l-infiq pubbliku fuq il-kultura u l-arti - jippreżentaw sfidi għall-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni kontinwa, il-bini tal-kapaċità u għalhekk għall-iżviluppi sostenibbli f'dan is-settur. Fir-rigward tal-organizzazzjonijiet li huma attivi fuq livell Ewropew li huma appoġġati taħt il-parti 2, l-evidenza tissuġġerixxi li għadd ta' dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkomplu taħt forma oħra mingħajr għotja tal-UE, minkejja li fuq skala iżgħar. It-titlu tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura ta' spiss ħalla benefiċċju dejjiemi għall-ibliet ikkonċernati fil-forma ta' infrastruttura u attivitajiet kulturali ġodda, kapaċità akbar fi ħdan is-settur kulturali lokali u governanza kulturali, ambjent kulturali aktar attiv u dehra ġenwinament imtejba. IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET EWLENIN TAL-EVALWAZZJONI U KUMMENTI MILL-KUMMISSJONI Fuq il-bażi tas-sejbiet, l-evalwatur ħareġ 17-il rakkomandazzjoni. Dawn huma ppreżentati f'tipi korsivi (filwaqt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija miktuba f'tipi standard) u huma miġbura f'żewġ kategoriji ewlenin skont jekk humiex relatati mal-implimentazzjoni kontinwa tal-programm Kultura attwali sal-2013 jew mat-tfassil tal-programm il-ġdid (wara l-2013). 1. Il-programm attwali Rakkomandazzjoni nru. 1 Il-Kummissjoni għandha tkompli tirrevedi l-livell tal-għotjiet ipprovduti għat-traduzzjonijiet letterarji sabiex jiġi żgurat li jkunu konsistenti mar-rati tas-suq stabbiliti f'kull pajjiż. Rakkomandazzjoni nru. 2 Ma hemm l-ebda vantaġġ dirett biex jitkompla l-appoġġ għall-festivals bħala sotto-parti diskreta ġewwa l-parti 2. Tali appoġġ inbidel fil-Gwida tal-Programm il-ġdida li ġiet ippubblikata f'Mejju 2010, b'sotto-parti speċifika maħluqa taħt il-parti 1, sabiex ikunu jistgħu jiġu appoġġati bħala proġetti aktar milli permezz ta' għotjiet operattivi. Il-festivals jistgħu wkoll ikomplu japplikaw għal proġetti ta' kooperazzjoni sakemm jissodisfaw il-kriterji rilevanti, pereżempju huma bbażati fuq ftehim ta' kooperazzjoni. Rakkomandazzjoni nru. 3 L-introduzzjoni ta' bidliet għall-arranġamenti ta' ħidma tal-PKK għandha titlesta, filwaqt li jsiru aġġustamenti kif meħtieġa waqt li jitkompla l-proċess, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm titjib kontinwu, bl-għan li jiġi żgurat l-aħjar servizz possibbli għall-operaturi kulturali. Rakkomandazzjoni nru. 4 Iż-żjarat annwali għall-proġetti mill-Kummissjoni/EACEA għandhom jitkomplew sabiex tingħata għajnuna lill-benefiċjarji u tiġi żgurata l-familjarità tal-Kummissjoni/EACEA mal-kontenut tal-proġetti. Rakkomandazzjoni nru. 5 Ir-rapporti finali għandhom jeħtieġu li l-proġetti ta' kooperazzjoni u l-organizzazzjonijiet li huma attivi fuq livell Ewropew jiddikjaraw in-numri ta' individwi li qegħdin jibbenefikaw minn perjodi ta' mobbiltà. Rakkomandazzjoni nru. 6 L-isforzi attwali għall-promozzjoni tar-riżultati tal-proġetti permezz ta' konferenzi u pubblikazzjonijiet annwali għandhom jitkomplew u, jekk jippermettu r-riżorsi, għandhom jitqiesu attivitajiet oħra bħal dawn. Il-PKK għandhom iħeġġu lill-benefiċjarji tal-proġetti jaqsmu l-esperjenza tagħhom fil-"jiem ta' informazzjoni" lokali. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Il-Kummissjoni ġeneralment taqbel ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Fl-2007 bdiet proċess ta' simplifikazzjoni ta' medda kbira li wassal għal titjib sinifikanti fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm attwali, inklużi bosta mill-aspetti indirizzati mir-rapport tal-evalwatur, u dawn ġew apprezzati ħafna mill-partijiet interessati. B'mod akar speċifiku, mill-2010 il-festivals bdew jiġu appoġġati fil-forma ta' proġetti aktar milli permezz ta' għotjiet operattivi. Kif imsemmi fir-rapport, ir-rakkomandazzjoni nru. 2 għalhekk diġà ġiet implimentata. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet nru. 1 (ir-rati fissi għat-traduzzjonijiet letterarji huma riveduti kull sentejn: peress li dan sar fil-bidu tal-2010, ir-reviżjoni li jmiss għandha ssir fl-2012); nru. 3 (l-arranġamenti ta' ħidma tal-PKK bl-għan li jitjieb is-servizz mogħti huma implimentati bis-sħiħ mill-2010 u issa - taħt dawn il-kundizzjonijiet - jistgħu jitqiesu bħala stabbli għat-tul ta' żmien tal-programm attwali); u nru. 4 (in-numru dejjem jiżdied ta' proġetti li saritilhom żjara. l-aktar mill-EACEA, jippermetti lill-Kummissjoni/EACEA jkollha għarfien aħjar tal-attivitajiet appoġġati b'xewqa għal monitoraġġ u promozzjoni aħjar), il-Kummissjoni diġà għamlet il-bidiet neċessarji fl-istruttura tal-programm attwali. Jista' jkun interessanti li wieħed jelabora aktar fuq l-għadd ta' individwi involuti jew li qegħdin jibbenefikaw mill-mobbiltà, bħala riżultat tar-rakkomandazzjoni nru. 5. Peress li dan jimplika bidla żgħira fil-mudelli tal-EACEA għar-rapporti finali tal-proġetti, l-aħjar mument biex tiġi implimentata din il-bidla possibbli għandu jiġi vvalutat. Fir-rigward tal-attivitajiet li jimmiraw il-promozzjoni tar-riżultati tal-proġetti (ir-rakkomandazzjoni nru. 6), il-prattika ta' konferenzi u pubblikazzjonijiet annwali se titkompla u l-Kummissjoni se teżamina x'aktar possibbiltajiet huma vijabbli bir-riżorsi disponibbli għaliha. Fir-rigward tal-jiem ta' informazzjoni lokali organizzati mill-PKK, mill-2010 ħafna minnhom diġà jikkonċentraw aktar fuq il-qsim tal-esperjenzi mill-proġetti appoġġati u jinkludu rappreżentanti mill-Kummissjoni/EACEA kull fejn ikun meħtieġ u possibbli. 2. Il-programm futur Rakkomandazzjoni nru. 7 L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programm futur għandhom jiġu riveduti sabiex jirriflettu l-iżviluppi li saru mit-tfassil tal-aħħar programm, inklużi l-bidliet li jaffettwaw is-settur kulturali u l-iżviluppi fil-politika bħal pereżempju l-Istrateġija EU2020, l-inizjattivi ewlenin tagħha, u l-Aġenda Ewropea għall-Kultura. Rakkomandazzjoni nru. 8 Għandu jitqies il-livell xieraq ta' kofinanzjament massimu fi ħdan il-programm. Livell relattivament baxx ta' kofinanzjament massimu jippermetti li jiġu ffinanzjati numru akbar ta' proġetti; madankollu livell eċċessivament baxx ta' kofinanzjament jista' jiddiswadi lill-operaturi milli japplikaw u milli jkunu jistgħu jwettqu proġetti ambizzjużi. Fil-fatt, jekk il-livell ta' kofinanzjament ma jirriflettix ir-realtajiet (pereżempju tnaqqis strett fil-fondi pubbliċi fuq livell nazzjonali, tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li jagħmilha aktar diffiċli li wieħed isib sponsorjar privat, eċċ), għadd kbir ta' operaturi kulturali effettivament jistgħu jsibu rwieħhom esklużi mill-applikazzjoni taħt il-programm u dan jista' involontarjament jipprojbixxi l-programm milli jikseb l-objettivi tiegħu. Il-vantaġġ u l-iżvantaġġi tar-rata ta' kofinanzjament għalhekk għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa fil-programm futur fid-dawl tal-objettivi u l-prijoritajiet u ċ-ċirkostanzi prevalenti tiegħu Rakkomandazzjoni nru. 9 L-approċċ interdixxiplinarju tal-programm għandu jitkompla, u dan jirrifletti r-realtà tal-iżviluppi fis-settur kulturali, inkluż l-impatt tal-bidla għas-sistema diġitali, li biha l-frontieri bejn is-setturi qegħdin isiru aktar fluwidi u l-esperimentazzjoni trans-settorjali hija komuni. Rakkomandazzjoni nru. 10 Għandu jitqies jekk id-distinzjoni bejn il-proġetti ta' kooperazzjoni multiannwali u ta' sentejn għandhiex tinżamm fid-dawl tal-fatt li dawn għandhom l-istess objettivi. Rakkomandazzjoni nru. 11 Għandha titqies id-dimensjoni tal-pajjiżi terzi billi l-approċċ attwali li jintgħażel pajjiż wieħed jew aktar għal sena speċifika, jidher li għandu impatt fuq żmien twil limitat li jista' jintwera minħabba li jonqsu massa kritika. Rakkomandazzjoni nru. 12 Billi għadhom jeżistu ħafna ostakoli għall-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni minkejja s-suq uniku u l-libertà ta' moviment għall-ħaddiema, għandu jitqies li jiġi inkluż l-appoġġ għal informazzjoni/intelliġenza u gwida aħjar għall-operaturi kulturali li għandhom bżonn jaħdmu f'pajjiż tal-UE ieħor. Rakkomandazzjoni nru. 13 Il-Kummissjoni u l-EACEA għandhom jikkunsidraw modi li bihom jistgħu jitħeġġu aktar traduzzjonijiet letterarji minn lingwi mhux rappreżentati ħafna (b'mod partikolari dawk fl-Istati Membri l-ġodda) għal ligwi aktar dominanti bħal pereżempju l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ispanjol, li ta' spiss iservu bħala lingwi pern (pivot languages) għal aktar traduzzjonijiet u għalhekk jagħmlu kontribut ta' valur għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika. Għandhom jitqiesu inizjattivi oħra biex titħeġġeġ it-traduzzjoni tal-letteratura. Rakkomandazzjoni nru. 14 Għandha titqies il-bidla tal-kategorija "Netwerks ta' Promozzjoni" favur "Netwerks" billi l-organizzazzjonijiet mhux bilfors għandu jkollhom rwol ta' promozzjoni sabiex ikunu ta' benefiċċji sostanzjali lill-mobbiltà tal-artisti, iċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet, eċċ. Rakkomandazzjoni nru. 15 L-evalwazzjoni wriet il-bżonn għat-tħeġġiġ ta' żviluppi u strutturi ġodda, kreattivi u innovattivi u l-potenzjal li l-programm għandu biex isir dan, iżda wriet ukoll li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kooperazzjoni transnazzjonali jistgħu jagħmluha diffiċli biex jiġu appoġġati strutturi jew proġetti lil hinn minn kemm iddum isservi l-għotja tal-UE. Għal din ir-raġuni, wieħed għandu jaħseb fuq kif il-kriterji ta' għotja futuri jistgħu jilħqu bilanċ bejn it-tħeġġiġ tal-bidu ta' attivitajiet u strutturi ġodda u innovattivi, filwaqt li jiżguraw li l-istrutturi stabbiliti li għandhom rwol kontinwu u fundamentali fil-promozzjoni tal-objettivi tal-programm u b'valur miżjud Ewropew ċar ma jiġux ippenalizzati. Rakkomandazzjoni nru. 16 Għandu jitqies ir-rwol, l-arranġamenti ta' ħidma u l-proċessi għall-ħatra tal-PKK fi kwalunkwe programm ġdid. Fejn meħtieġ, dawn għandom jiġu riveduti sabiex jirriflettu r-rekwiżiti tal-programm il-ġdid u fid-dawl tal-prattika tajba fi programmi oħra tal-UE. Rakkomandazzjoni nru. 17 Il-ġestjoni tal-programm futur għandha tkun issimplifikata u ħafifa kemm jista' jkun, fl-interess tal-applikanti u l-benefiċjarji sa fejn jippermettu r-Regolamenti Finanzjarji, u tinbena fiq il-progress li sar fil-programm attwali. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Il-Kummissjoni ġeneralment taqbel ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u se tqishom sa fejn huwa possibbli fit-tħejjija tal-proposta tagħha għall-programm ta' wara l-2013. Dan japplika kemm għall-kontenut kif ukoll għall-amministrazzjoni tiegħu, li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li żżomm ħfief u effiċjenti kemm jista' jkun. IL-KONKLUżJONIJIET TAL-KUMMISSJONI Il-Kummissjoni taqbel mal-valutazzjoni globali tal-evalwatur li l-programm għandu rwol uniku fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni kulturali bejn il-fruntieri, u fit-trawwim tal-benefiċċji indikati fit-taqsima dwar is-sejbiet. Il-programm implimenta b'mod xieraq l-azzjoni tal-UE fil-qasam kulturali kif previst mill-Artikolu 167 tat-Trattat u ssodisfa l-objettivi tiegħu kif stabbilit fid-Deċiżjoni. Il-konklużjonijiet tal-evalwatur juru li jista' jsir xi titjib żgħir f'numru limitat ta' oqsma speċifiċi u li, b'mod ġenerali, il-parteċipanti huma sodisfatti bil-programm u jirrekonoxxu l-valur miżjud Ewropew uniku tiegħu. L-evalwazzjoni tenfasizza wkoll li d-domanda mis-settur kulturali għal dan it-tip ta' appoġġ tal-UE jista' jibqa' pjuttost għoli, u forsi anke jiżdied, fis-snin li ġejjin u li l-programm jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kontenut u l-għarfien li huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli fil-ġejjieni u għall-impjiegi u għall-iżviluppi ġodda, kreattivi u innovattivi. Mill-2007, il-Kummissjoni intensifikat ħafna l-konsultazzjoni mas-settur kulturali u qiegħda tagħti attenzjoni mill-qrib għall-fehmiet espressi mill-partijiet interessati fi ħdan dan il-proċess u li jinsabu wkoll f'dan ir-rapport ta' evalwazzjoni. Kif imsemmi fit-taqsima 4, diġà ddaħħlu varji karatteristiċi ġodda u xi titjib fil-programm Kultura attwali, u b'hekk qegħdin jiġu antiċipati, f'xi każijiet, ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwatur. Għalhekk il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tqis ir-riżultati ta' din l-evalwazzjoni l-aktar bl-għan li tħejji l-programm tal-UE l-ġdid fil-qasam tal-kultura għall-perjodu ta' wara l-2013. [1] ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1. [2] Kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 1352/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008, ĠU L 348, 24.12.2008, p. 128. [3] Il-komplementarjetajiet bejn il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-bqija tal-programm, madankollu, ġew koperti minn din l-evalwazzjoni.