Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0158

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-ParlamentEwropew, il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u l-Kumitattar-Regjuni - Minn Monterrey għall-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp: nonoraw l-impenji li ħadna {KUMM(2007) 163 fínali} {KUMM(2007) 164 fínali}

    /* KUMM/2007/0158 finali */

    52007DC0158

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, il-ParlamentEwropew, il-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u l-Kumitattar-Regjuni - Minn Monterrey għall-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp: nonoraw l-impenji li ħadna {KUMM(2007) 163 fínali} {KUMM(2007) 164 fínali} /* KUMM/2007/0158 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 4.4.2007

    KUMM(2007) 158 finali

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Minn Monterrey għall-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp: nonoraw l-impenji li ħadna

    {KUMM(2007) 163 fínali}{KUMM(2007) 164 fínali}

    WERREJ

    Introduzzjoni 3

    1. L-Unjoni Ewropea onorat l-impenji globali tagħha li żżid l-għajnuna fl-2006 – iżda biex tirrispetta l-iskadenzi li jmiss jinħtieġu sforzi supplimentari u konġunti 3

    2. L-għajnuna għall-kummerċ għandha tiżdied biex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikunu jistgħu jibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ - ser ikun jinħtieġ pjan ta' implimentazzjoni 5

    3. Il-Kwalità u l-effettività ta' l-għajnuna Ewropea għandhom jitkattru - Il-Kummissjoni pproponiet kodiċi ta' mġiba dwar it-tqassim tax-xogħol 6

    4. Konklużjoni 7

    INTRODUZZJONI

    Bl-adozzjoni tal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp f'Diċembru 2005, l-Unjoni Ewropea (UE) poġġiet l-iżvilupp fil-qalba ta' l-azzjoni esterna tagħha u tatu dimensjoni politika mingħajr preċedenti. Għall-ewwel darba, viżjoni komuni li torbot lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lil kull wieħed mis-sebgħa u għoxrin Stat Membru, toffri l-qafas ta' referenza neċessarju għall-azzjoni ta' l-Unjoni biex jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv il-faqar u ż-żieda ta' l-inugwaljanzi fid-dinja, u biex jiġu ffaċċjati b'aktar koerenza l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-migrazzjoni, is-sigurtà, u d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni. Dan jifforma dimensjoni importanti ta' l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli li llum hija fost l-għanijiet ġenerali ta' l-UE.

    Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza u l-varjetà tal-mezzi ta' azzjoni favur l-iżvilupp, l-UE ddeċidiet li żżid l-isforzi ta' għajnuna tagħha b'mod sostanzjali, meqjusa neċessarji aktar minn qatt qabel biex jitħaffef il-progress lejn l-Għanijiet tal-Millenju.

    Mill-konferenza ta' Monterrey dwar il-finanzjament ta' l-iżvilupp lilhawn, fl-2002 l-Unjoni impenjat ruħha li żżid il-volum ta' l-għajnuna tagħha għall-iżvilupp. B'mod partikolari impenjat ruħha li tiddedika total ta' 0.39% tad-dħul gross nazzjonali tagħha għall-għajnuna għall-iżvilupp fl-2006 u 0.56% fl-2010, biex tilħaq 0.7% fl-2015. Bil-kontribut attiv tagħha għall-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-effettività ta' l-għajnuna, l-UE impenjat ruħha wkoll li twettaq riforma fil-fond tas-sistema ta' għajnuna tagħha.

    L-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-pajjiżi msieħba għandhom ir-responsabbiltà ewlenija ta' l-iżvilupp tagħhom u ntrabtet li tagħti għajnuna adattata għall-ħtiġiet speċifiċi tagħhom. L-UE tikkontribwixxi f'dan il-proċess permezz ta' l-investiment tagħha fis-setturi soċjali, fl-infrastruttura, fir-riformi istituzzjonali u fl-appoġġ tagħha għall-isforzi ta' tmexxija tajba.

    B'hekk tfassal qafas politiku mingħajr preċedenti bejn il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-Unjoni Ewropea, li jgħaqqad l-għajnuna mad-djalogu politiku. L-Ewropa għandha d-dmir li tagħmel id-differenza. L-influwenza tagħha għandha tkun tirrifletti r-riżorsi fornuti.

    Il-Kunsill ta l-mandat tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura t-twettiq ta' dawn l-impenji. L-aħħar analiżi llum iwassluha biex tressaq tliet proposti biex tiżgura li l-impenji meħuda jiġu onorati kompletament.

    1. L-UNJONI EWROPEA ONORAT L-IMPENJI GLOBALI TAGħHA LI żżID L-GħAJNUNA FL-2006 – IżDA BIEX TIRRISPETTA L-ISKADENZI LI JMISS JINħTIEġU SFORZI SUPPLIMENTARI U KONġUNTI

    Fl-2002, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha b'mod partikolari li fl-2006 tiddedika total ta' 0.39% tad-dħul gross nazzjonali tagħha għall-iżvilupp. Hija mhux biss laħqet dan it-tragward, iżda qabżitu. Fl-2006 l-UE allokat total ta' 0.42% tad-dħul gross nazzjonali tagħha għall-għajnuna fl-iżvilupp.

    Biex jiġi apprezzat dan l-isforz, ta' min iħares lejn iċ-ċifri komparattivi li ġejjin:

    - Fl-2006 l-għajnuna għall-iżvilupp ta' l-UE telgħet għal EUR 48 biljun, żieda apprezzabbli meta mqabbla ma' l-ammont ta' EUR 35 biljun fl-2004 u ta' EUR 45 biljun fl-2005.

    - L-għajnuna ta' Stat Membru qabżet il-1% tad-dħul gross nazzjonali tiegħu.

    - L-għaxar Stati Membri li daħlu fl-UE fl-2004, li kienu jipprovdu biss ammonti ta' għajnuna żgħar, min-naħa tagħhom irduppjaw l-isforzi tagħhom f'termini ta' volum, biex b'hekk urew l-impenn tagħhom lejn l- acuis Komunitarju u l-volontà li jilħqu l-għanijiet individwali tagħhom.

    - Dan l-isforz ta' għajnuna jirrappreżenta qrib EUR 100 għal kull ċittadin kull sena u EUR 40 għal kull persuna ħajja li taqla' anqas minn dollaru kuljum fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

    Għall-fini ta' paragun, l-għajnuna ta' l-Istati Uniti tirrappreżenta 0.17% tad-dħul gross nazzjonali u tirrappreżenta EUR 53 għal kull ċittadin Amerikan; fil-każ tal-Ġappun, iċ-ċifri rispettivi huma ta' 0.25% u EUR 69.

    Dan l-isforz kollettiv jaħbi disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri. Filwaqt li xi wħud jallokaw għall-iżvilupp aktar minn 0.80% tad-dħul gross nazzjonali tagħhom, biex b'hekk jaqbżu l-għanijiet l-aktar ambizzjużi b'mod sinifikanti, oħrajn għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-medja jew l-għanijiet tagħhom stess, jew l-għajnuna tagħhom kienet anqas fl-2006 meta mqabbla ma' l-2005. Jidher ċar ukoll li parti kbira mill-għajnuna addizzjonali tingħata f'forma ta' tnaqqis ta' dejn. Il-problema fis-snin li ġejjin ser tkun kif ser tkompli tiżdied l-għajnuna għall-iżvilupp fit-totalità tagħha filwaqt li titnaqqas il-parti fi tnaqqis tad-dejn.

    Rigward l-allokazzjoni ta' l-għajnuna ta' l-Unjoni, il-prijorità mogħtija lill-Afrika qiegħda tiġi kkonkretizzata għaliex mill-anqas nofs l-għajnuna Ewropea diġà qiegħda tmur għal dan il-kontinent, li mill-2010 għandu jibbenefika minn EUR 10 biljuni fis-sena f'għajnuna supplimentari.

    Għaldaqstant, globalment l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tonora l-impenji tagħha minn issa sa l-2010, iżda l-konferma ta' dawn it-tendenzi u r-riżultati jiddependu mill-kapaċità tal-mobilizzazzjoni ta' l-appoġġ politiku u pubbliku. Iż-żieda fl-għajnuna ta' ċerti Stati Membri irreġistrata sal-lum tirriżulta parzjalment minn operazzjonijiet ta' annullament ta' djun jew ta' interventi oħra ta' natura unika, partikolarment fil-qasam umanitarju. Iż-żamma ta' dinamika ta' żieda tal-baġits għall-għajnuna tirrikjedi li fil-futur jiġu mobilizzati flussi ġodda ta' għajnuna programmabbli.

    Dan il-bilanċ pożittiv iżda differenzjat, flimkien mal-ħtieġa li tiġi segwita l-evoluzzjoni tal-baġits ta' l-Unjoni għall-għajnuna, iwassal lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda li kull Stat Membru jistabbilixi, sa tmiem l-2007, pjan li jiżgura żieda gradwali tal-fluss ta' għajnuna pubblika minn issa sa l-2010 u sa l-2015 sabiex jiġu evitati diskrepanzi fil-konfront ta' l-impenji meħuda kemm fuq livell kollettiv kif ukoll fuq livell individwali.

    2. L-GħAJNUNA GħALL-KUMMERċ GħANDHA TIżDIED BIEX IL-PAJJIżI LI QEGħDIN JIżVILUPPAW IKUNU JISTGħU JIBBENEFIKAW MIL-LIBERALIZZAZZJONI TAL-KUMMERċ - SER IKUN JINħTIEġ PJAN TA' IMPLIMENTAZZJONI

    Is-sehem tal-pajjiżi l-aktar foqra fil-kummerċ internazzjonali għadu marġinali minkejja t-tariffi preferenzjali li jibbenefikaw minnhom, b'mod partikolari fis-suq Ewropew. Minbarra l-għajnuna teknika fit-twettiq tal-politika kummerċjali (inkluża, ngħidu aħna, il-politika doganali), fl-aħħar snin żviluppa qbil dwar il-ħtieġa li jitkattar u jiġi integrat fl-istrateġiji ta' kooperazzjoni appoġġ akbar għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni, għall-infrastrutturi marbuta mal-kummerċ u biex jingħelbu limitazzjonijiet oħrajn tal-provvista.

    F'Diċembru 2005, l-UE intrabtet li mill-2010 l-għajnuna tagħha għall-kummerċ tlaħħaq iż-EUR 2 biljuni fis-sena komplessivament għall-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw, fejn EUR 1 biljun huma f'għajnuna Komunitarja li magħhom jiżdiedu EUR 1 biljun ta' għajnuniet bilaterali mill-Istati Membri.

    Fuq stedina tal-Kunsill f'Ottubru 2006, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiftiehmu fuq strateġija konġunta ta' għajnuna għall-kummerċ. Skond il-Kummissjoni, din l-istrateġija għandha tinkludi l-elementi essenzjali li ġejjin:

    - iż-żieda mħabbra fil-volum ta' l-għajnuna ta' l-UE għall-kummerċ biex tlaħħaq iż-EUR 2 biljun fis-sena sa mill-2010. Il-Kummissjoni tinsab fit-triq it-tajba biex tonora dan l-impenn. L-Istati Membri jridu jilħqu l-livell ta' EUR 600 miljun fl-2008 biex jonoraw l-impenji tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandhom jinħasbu miżuri speċifiċi għal dan l-għan;

    - l-allokazzjoni ta' parti sinifikanti minn dawk ir-riżorsi lill-pajjiżi AKP fil-kuntest tal-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku (FPE). L-istrateġija għandha tindika l-ammont maħsub għall-pajjiżi AKP;

    - proċess ta' identifikazzjoni tal-ħtiġiet tal-pajjiżi sieħba billi jitqiesu l-ewwel il-valutazzjonijiet magħmula minnhom stess kif ukoll il-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti. Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat hija fundamentali fil-proċessi u din għandha tiġi ffaċilitata. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata n-natura dewwiema tal-miżuri u tar-riformi mwettqa mill-UE;

    - għajnuna aktar effettiva permezz ta' l-implimentazzjoni tar-riformi mħabbra, b'mod partikolari l-progress lejn programmazzjoni konġunta, it-tqassim tax-xogħol, l-allinjament u modalitajiet aktar effettivi ta' l-għajnuna bħal għajnuna baġitarja u kofinanzjament;

    - it-twaqqif ta' fondi reġjonali fir-reġjuni AKP li permezz tagħhom jitkoprew il-ħtiġiet li jiġu identifikati fl-ambitu tal-FPE u b'appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali billi l-għajnuna Ewropea tiġi allokata u mwassla b'mod koerenti. Il-"Partenarjat għal Infrastruttura għall-Afrika", stabbilit fl-2006, jikkostitwixxi l-ewwel inizjattiva ta' dan it-tip. Bosta Stati Membri jikkontribwixxu diġà, l-oħrajn huma mistiedna jingħaqdu magħhom f'dan l-isforz komuni.

    3. IL-KWALITÀ U L-EFFETTIVITÀ TA' L-GħAJNUNA EWROPEA GħANDHOM JITKATTRU - IL-KUMMISSJONI PPROPONIET KODIċI TA' MġIBA DWAR IT-TQASSIM TAX-XOGħOL[1]

    L-espansjoni u l-multiplikazzjoni ta' l-attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-aħħar snin wasslet għal sistema kumplessa u għalja biex titmexxa għall-pajjiżi sieħba.

    L-isforz ta' armonizzazzjoni mħeġġeġ b'mod attiv mill-Kummissjoni jinsab fil-qalba ta' l-Aġenda ta' Pariġi biex tinkiseb l-effettività ta' l-għajnuna li l-Unjoni impenjat ruħha dwarha.

    F'dan ir-rigward tliet dimensjonijiet huma fundamentali:

    - it-tqassim tax-xogħol. Il-Kummissjoni pproponiet kodiċi ta' mġiba ta' l-UE, ta' natura volontarja u flessibbli, maħsub biex iħeġġeġ il-komplimentarjetà bejn id-donaturi bil-ħsieb li tinkiseb effettività akbar;

    - l-approprjazzjoni u l-allinjament tal-programmi ta' kooperazzjoni dwar l-istrateġiji u l-proċeduri tal-pajjiżi sieħba. Dawn il-prinċipji huma espressi fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u fil-Konsensus Ewropew. Iżda r-realità fil-prattika hija 'l bogħod minn hekk. Minn naħa, iċ-ċiklu baġitarju tal-pajjiżi mhuwiex rispettat; min-naħa l-oħra, l-eċċess ta' kundizzjonijiet ixekkel il-kontinwità u l-prevedibbiltà ta' l-għajnuna. Il-Kummissjoni jidhrilha li wasal il-mument li jiġi implimentat il-kunċett ta' "kuntratt" marbut mar-riżultati tanġibbli fir-rigward ta' l-Għanijiet tal-Millenju minflok il-verifika annwali tal-kundizzjonijiet tradizzjonali imposti minn kull donatur;

    - il-modalitajiet ta' l-għajnuna. Il-programmi ta' għajnuna u l-għajnuna baġitarja għandhom kemm jista' jkun malajr isiru l-modalitajiet preferuti, mingħajr ma jkunu esklużi modalitajiet oħrajn fejn dawn ikunu aktar xierqa. Il-frammentazzjoni ta' l-għajnuna u l-multipliċità ta' proġetti żgħar, bħal ngħidu aħna fit-Tanzanija, fejn fis-settur tas-saħħa biss jeżistu f'daqqa 600 proġett ta' anqas minn miljun euro kull wieħed, jinvolvu spejjeż akbar u nuqqas ta' effettività.

    Dawn ir-riformi għandhom isiru fil-kuntest ta' progressi aktar deċiżivi lejn programmazzjoni konġunta ta' l-għajnuniet bilaterali u Komunitarji.

    4. KONKLUżJONI

    L-UE ħadet impenji ambizzjużi, fuq l-ogħla livell politiku, għall-għajnuna meta ddeċidiet li żżid gradwalment l-isforz ta' għajnuna tagħha biex tilħaq 0.7% tad-dħul gross nazzjonali tagħha fl-2015 - jiġifieri EUR 164 għal kull ċittadin Ewropew fis-sena - u fit-teħid tal-miżuri neċessarji biex iżżid l-effettività globali tas-sistema ta' l-għajnuniet Ewropej.

    Għandna nimxu mir-retorika għall-fatti. Dan ifisser li għandna nonoraw l-impenji u l-volontà politika. Dan bl-ebda mod ma jinvolvi xi bidla fl-ekwilibriju istituzzjonali fi ħdan l-Unjoni, u lanqas ma jfisser li l-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-iżvilupp ser jitwessgħu. Ifisser li l-Ewropa ssir aktar b'saħħitha, aktar effettiva, billi toħloq opportunitajiet għal dawk l-aktar dgħajfa u vulnerabbli fid-dinja. Biex tiżgura dawn l-opportunitajiet, l-Ewropa għandha tagħmel għażla kollettiva.

    [1] KUMM(2007) 72.

    Top