EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0874

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/874 tal-11 ta’ Marzu 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendar tal-Anness 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

ST/6930/2024/INIT

ĠU L, 2024/874, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/874/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/874/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/874

19.3.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/874

tal-11 ta’ Marzu 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tal-emendar tal-Anness 13 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)

L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. Sitt Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

(3)

Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati (“SARPs”) internazzjonali, u jfassalhom bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(4)

Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-231 sessjoni tiegħu, għandu jadotta l-Emenda 19 għall-Anness 13 – Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru – tal-Konvenzjoni ta’ Chicago (“Emenda 19”).

(5)

L-għan ewlieni tal-Emenda 19 huwa li ttejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi tiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili.

(6)

Il-bidliet proposti għandhom l-għan li jissodisfaw dawk l-objettivi billi jassistu lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Kontraenti waqt l-investigazzjonijiet tagħhom dwar l-Inġenji tal-Ajru Pilotati mill-Bogħod, u jagħmlu l-informazzjoni u d-data mir-reġistraturi installati fuq l-inġenji tal-ajru disponibbli mingħajr dewmien. L-Emenda 19 tagħraf ukoll l-aspettattivi tal-pubbliku u tal-midja li jkunu infurmati, u għalhekk tinkludi dispożizzjonijiet biex tingħata informazzjoni fattwali fil-ħin matul l-investigazzjonijiet tas-sikurezza. Barra minn hekk, l-Emenda 19 tirrifletti l-fatt li l-użu ta’ teknoloġiji moderni jippermetti li jiqsar il-perjodu tal-konsultazzjoni għall-abbozzi ta’ rapporti finali, u b’hekk titħaffef il-pubblikazzjoni tar-rapport finali. Fl-aħħar nett, l-Emenda 19 tintroduċi preferenza li r-rapporti finali jintbagħtu f’format elettroniku sabiex ikunu jistgħu jittellgħu fil-bażi tad-data ċentrali tal-ICAO.

(7)

In-Network Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) stabbilit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), li huwa responsabbli, inter alia, biex jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-aspetti kollha tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-politiki u r-regoli tal-Unjoni relatati mal-investigazzjonijiet tas-sikurezza u mal-prevenzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti, ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-proposta għall-Emenda 19.

(8)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-Emenda 19 ser tkun vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90(a) tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 996/2010.

(9)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO jew waqt kwalunkwe sessjoni konsegwenti b’rabta mal-adozzjoni tal-Emenda 19 jenħtieġ li tkun li l-adozzjoni ta’ dik l-emenda fl-intier tagħha. Dik il-pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO.

(10)

Skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kull Stat Kontraenti li jqisha mhix prattika għalih li jikkonforma għalkollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali, jew li r-regolamenti jew il-prattiki tiegħu jiġu jikkonformaw għal kollox ma’ xi standard jew proċedura internazzjonali bħal dawn, jew li jidhirlu li hemm bżonn l-adozzjoni ta’ regolamenti jew prattiki differenti f’xi aspett partikolari minn dawk stabbiliti fi standard internazzjonali, għandu jinnotifika minnufih lill-ICAO dwar id-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita fl-istandard internazzjonali.

(11)

Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, kwalunkwe Anness, kif imsemmi fl-Artikolu 54, is-subparagrafu (l) ta’ dik il-Konvenzjoni, jew kwalunkwe emenda ta’ Anness għandhom isiru effettivi fi żmien tliet xhur minn meta jiġu ppreżentati lill-Istati kontraenti tal-ICAO, jew fi tmiem dak il-perjodu itwal li l-Kunsill tal-ICAO jista’ jippreskrivi, sakemm fil-frattemp ma jkunx hemm maġġoranza ta’ Stati kontraenti tal-ICAO li jirreġistraw id-diżapprovazzjoni tagħhom.

(12)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni tal-Emenda 19 mill-Kunsill tal-ICAO, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO bil-proċedura tal-Ittra lill-Istati tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tirreġistrax diżapprovazzjoni u li tikkonforma ma’ dik l-emenda. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mis-SARPs li jkun għadhom kemm ġew adottati wara data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk is-SARPs, jenħtieġ li l-ICAO tiġi notifikata dwar id-differenza minn dawk is-SARPs partikolari. Il-pożizzjoni tal-Unjoni rigward it-tali differenza jenħtieġ li tkun ibbażata fuq dokument bil-miktub ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni.

(13)

Dik il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-231 sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew f’waħda mis-sessjonijiet sussegwenti għandha tkun li tappoġġa l-emenda proposta għall-Anness 13 — Investigazzjoni tal-Aċċidenti u tal-Inċidenti tal-Inġenji tal-Ajru — tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-“Konvenzjoni ta’ Chicago”) fl-intier tagħha.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, diment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr tibdil sostanzjali l-emenda msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi nnotifikata l-konformità mal-miżuri adottati bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-ICAO lill-Istati.

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun differenti mill-istandards stabbiliti fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago wara d-data prevista tal-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards, li tkun teħtieġ in-notifika lill-ICAO ta’ differenza minn dawk l-istandards partikolari skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kummissjoni għandha, fiż-żmien debitu u mill-inqas xahrejn qabel skadenza stabbilita mill-ICAO għan-notifika tad-differenzi, tippreżenta dokument preparatorju lill-Kunsill, għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni, li jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar id-differenzi dettaljati li għandhom jiġu nnotifikati lill-ICAO f’isem l-Unjoni mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

P.-Y. DERMAGNE


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/874/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top