Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2458

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2458 tal-31 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica li joriġinaw mir-Renju Unit u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    C/2023/7323

    ĠU L, 2023/2458, 3.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2458/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2458/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2458

    3.11.2023

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2458

    tal-31 ta’ Ottubru 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica li joriġinaw mir-Renju Unit u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Abbażi tal-valutazzjoni preliminari tar-riskji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

    (2)

    Bħala segwitu tal-valutazzjoni preliminari, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod provviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Wieħed mill-ġeneri elenkati huwa l-Fagus L.

    (3)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

    (4)

    Fis-16 ta’ Ġunju 2022, ir-Renju Unit (5) ippreżenta talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tal-pjanti għat-tħawwil (“il-pjanti rilevanti”) li ġejjin:

    pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica ta’ mhux aktar minn sentejn b’dijametru massimu ta’ 10 mm;

    pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica ta’ mhux aktar minn 7 snin bl-għeruq mikxufin b’dijametru massimu ta’ 40 mm;

    pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica ta’ mhux aktar minn 15-il sena f’materjal għat-tkabbir, b’dijametru massimu ta’ 80 mm.

    Dik it-talba kienet appoġġata mid-dossier tekniku rilevanti.

    (5)

    Fis-27 ta’ Ġunju 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti rilevanti li joriġinaw mir-Renju Unit (6). L-awtorità identifikat il-Phytophthora ramorum (iżolati mhux tal-UE), it-Thaumetopoea processionea, il-Meloidogyne mali u l-Phytophthora kernoviae, bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti.

    (6)

    L-Awtorità evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier għall-pesti identifikati. Ikkonkludiet li l-probabbiltà li l-pjanti rilevanti jkunu ħielsa minn dawk il-pesti hija għolja, dment li jiġu applikati l-miżuri rilevanti ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

    (7)

    Abbażi ta’ dik l-opinjoni, huwa kkunsidrat li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni tal-pjanti rilevanti jitnaqqas għal-livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju ta’ pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

    (8)

    Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossier tekniku jitqiesu suffiċjenti biex ir-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni jitnaqqas għal-livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu adottati bħala rekwiżiti fitosanitarji għall-importazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni mir-riskju mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fih.

    (9)

    Ir-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica ta’ 15-il sena bl-għeruq mikxufin jitqies li huwa inqas minn jew simili għar-riskju li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica tal-istess età fil-materjal għat-tkabbir.

    (10)

    Għaldaqstant, il-pjanti għat-tħawwil tal-Fagus sylvatica li għandhom sa 15-il sena, b’dijametru massimu ta’ 80 mm, jenħtieġ li ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli.

    (11)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat skont dan.

    (12)

    Fl-Annessi II u III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, il-Phytophthora ramorum (iżolati mhux tal-UE) and t-Thaumetopoea processionea huma elenkati bħala pesti tal-kwarantina fl-Unjoni u bħala pest tal-kwarantina f’żona protetta rispettivament.

    (13)

    Il-Phytophthora kernoviae għadu mhux inkluż fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Jeħtieġ li ssir disponibbli l-valutazzjoni tar-riskju tal-pesti kompluta u aġġornata biex jiġi determinat jekk il-pest jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jiġi elenkat fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u jekk il-pjanti rilevanti, li joriġinaw mir-Renju Unit, għandhomx jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament, flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi rispettivi.

    (14)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat skont dan.

    (15)

    Il-Meloidogyne mali mhuwiex inkluż fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. L-analiżi tar-riskju tal-pesti għal dak il-pest ġiet ippubblikata mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (EPPO) f’Settembru 2017 (7). Ġie konkluż li l-pest ma jenħtieġx li jiġi rregolat bħala pest tal-kwarantina fl-Unjoni u lanqas bħala pest irregolat mhux tal-kwarantina fl-Unjoni, minħabba li għalkemm ilu preżenti f’ċerti Stati Membri mingħajr miżuri ta’ kontroll uffiċjali, ir-riskju fitosanitarju tiegħu f’dawk l-Istati Membri huwa meqjus baxx. Għal dik ir-raġuni, ma huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti għall-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista provviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

    (5)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-att, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

    (6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2023. Commodity risk assessment of Fagus sylvatica plants from the UK. EFSA Journal, 21(7), 1–151. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8118

    (7)  EPPO (2017) Pest risk analysis for Meloidogyne mali. EPPO, Pariġi. Disponibbli fuq http://www.eppo.int/QUARANTINE/Pest_Risk_Analysis/PRA_intro.htm u https://gd.eppo.int/taxon/MELGMA


    ANNESS I

    Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tabella tal-punt 1, fit-tieni kolonna “Deskrizzjoni”, l-entrata għall-“ Fagus L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

    Fagus L., għajr il-pjanti għat-tħawwil ta’ Fagus sylvatica li għandhom 15-il sena b’dijametru massimu ta’ 80 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit”.


    ANNESS II

    Fit-tabella fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrati “ Albizia julibrissin Durazzini, bl-għeruq mikxufa, inattivi, pjanti mlaqqma għat-tħawwil b’dijametru massimu ta’ 2,5 cm ”:

    Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

    Kodiċi NM

    Pajjiżi terzi tal-oriġini

    Miżuri

    Fagus sylvatica,

    pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 15-il sena b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 80 mm.

    ex 0602 10 90 ex 0602 90 41

    ex 0602 90 45

    ex 0602 90 46

    Ir-Renju Unit

    (a)

    Dikjarazzjoni uffiċjali li:

    (i)

    il-pjanti huma ħielsa mill-Phytophthora kernoviae

    (ii)

    waqt spezzjonijiet uffiċjali, inkluż waqt l-ittestjar għal kwalunkwe sintomu li jista’ jqajjem suspett, li saru fi żminijiet xierqa, sa mill-bidu tal-aħħar staġun tat-tkabbir, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Phytophthora kernoviae;

    (iii)

    twaqqfet sistema biex tiżgura li, qabel ma jiddaħħlu fis-sit tal-produzzjoni, l-għodod u l-makkinarju jkunu tnaddfu għalkollox mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mill-Phytophthora kernoviae, u

    (iv)

    eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali, inkluż ittestjar għal kwalunkwe sintomu li jista’ jqajjem suspett, għall-preżenza tal-Phytophthora kernoviae.

    (b)

    taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

    (i)

    id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213”; u

    (ii)

    l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2458/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top