Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0898

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/898 tal-25 ta' Ġunju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Myanmar/Burma

    ST/9554/2018/INIT

    ĠU L 160I, 25.6.2018, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/898/oj

    25.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 160/1


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/898

    tal-25 ta' Ġunju 2018

    li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Myanmar/Burma

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013, tat-2 ta' Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Myanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4i tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-2 ta' Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 401/2013.

    (2)

    Fis-26 ta' Frar 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jikkundannaw l-abbużi mifruxin, sistematiċi u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li qed isiru mill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar/Burma. Fil-konklużjonijiet saret sejħa għal proposti għal miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali għolja militari tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw).

    (3)

    Fis-26 ta' April 2018, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2018/647 (2) li jipprevedi qafas legali għal miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għax-xkiel għall-għoti ta' assistenza umanitarja lil persuni ċivili fil-bżonn u għax-xkiel għat-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti ta' ksur jew abbużi serji allegati tad-drittijiet tal-bniedem.

    (4)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u r-responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn partijiet tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera, jenħtieġ li seba' persuni jiddaħħlu fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013.

    (5)

    Jenħtieġ li l-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/647 tas-26 ta' April 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Myanmar/Burma (ĠU L 108, 27.4.2018, p. 1).


    ANNESS

    Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013:

     

    “Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-inklużjoni fil-lista

    1.

    Aung Kyaw Zaw

    Data tat-twelid: 20 ta' Awwissu 1961

    Numru tal-passaport: DM000826

    Data tal-ħruġ: 22 ta' Novembru 2011

    Data tal-iskadenza: 21 ta' Novembru 2021

    Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: BC 17444

    Il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw kien il-Kmandant tal-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Awwissu 2015 sa tmiem l-2017. L-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 kellu f'idejh il-Kmand tal-Punent u, f'dak il-kuntest, il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

    25.6.2018

    2.

    Maung Maung Soe

    Data tat-twelid: Marzu 1964

    Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: Tatmadaw Kyee 19571

    Il-Maġġur Ġeneral Maung Maung Soe kien il-Kmandant tal-Kmand tal-Punent tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Ottubru 2016 sal-10 ta' Novembru 2017 u kellu f'idejh l-operazzjonijiet militari fl-Istat ta' Rakhine. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

    25.6.2018

    3.

    Than Oo

    Data tat-twelid: 12 ta' Ottubru 1973

    Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: BC 25723

    Il-Brigadier Ġeneral Than Oo hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

    25.6.2018

    4.

    Aung Aung

    Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: BC 23750

    Il-Brigadier Ġeneral Aung Aung hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

    25.6.2018

    5.

    Khin Maung Soe

     

    Il-Maġġur Ġenerali Khin Maung Soe hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 15 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), li taħtha hemm il-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 15 tal-Infanterija Ħafifa, b'mod partikolari l-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

    25.6.2018

    6.

    Thura San Lwin

    Data tat-twelid: 1957

    Il-Brigadier Ġenerali Thura San Lwin kien il-Kmandant tal-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera minn Ottubru 2016 sal-bidu ta' Ottubru 2017. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

    25.6.2018

    7.

    Thant Zin Oo

     

    Thant Zin Oo hu l-Kmandant tat-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. Il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jinkludi qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya. Dak il-ksur twettaq flimkien ma', u bħala appoġġ dirett għal, id-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) immexxija mill-Brigadier Ġeneral Aung Aung. Thant Zin Oo hu għaldaqstant assoċjat mal-persuna elenkata, il-Brigadier Ġeneral Aung Aung.

    25.6.2018”


    Top