This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R1972
Commission Delegated Regulation (EU) 2015/1972 of 8 July 2015 supplementing Regulation (EU) No 223/2014 of the European Parliament and of the Council with specific provisions on the reporting of irregularities concerning the Fund for European Aid to the Most Deprived
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1972 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1972 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
ĠU L 293, 10.11.2015, p. 11–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
10.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/11 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1972
tat-8 ta' Lulju 2015
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (1), u b'mod partikolari l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-għan ta' dan ir-Regolament huwa jiġi ddeterminat liema irregolaritajiet l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha rigward il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq analiżi tar-riskju, għandu jiġi stabbilit ukoll liema dejta għandha tiġi pprovduta. |
(2) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-objettivi li għalih ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir Regolament (UE) Nru 223/2014, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (2), (UE) Nru 1306/2013 (3) u (UE) Nru 514/2014 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat li japplikaw regoli identiċi fir-rigward tal-fondi kollha rregolati minn dawn ir-Regolamenti, huwa neċessarju li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għar-Regolamenti ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 (5), (UE) 2015/1971 (6) u (UE) 2015/1973 (7). |
(3) |
Biex ikun possibbli li ssir applikazzjoni koerenti tar-rekwiżiti ta' rappurtar fl-Istati Membri kollha, huwa meħtieġ li jiġu definiti t-terminu “suspett ta' frodi”, billi titqies id-definizzjoni ta' frodi fil-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8), u t-terminu “konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja”. |
(4) |
Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 jiddeterminaw il-limitu ta' rappurtar li, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor, irregolaritajiet li jaqgħu taħtu ma jkunux jeħtieġu li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u l-każijiet li għalihom ma hemmx bżonn isir rappurtar. Sabiex jiġu ssimplifikati u allinjati d-dispożizzjonijiet u jinstab bilanċ bejn il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-interess komuni fl-għoti ta' dejta preċiża għall-finijiet ta' analiżi fil-ġlieda tal-Unjoni kontra l-frodi, huwa meħtieġ li jiġu applikati l-istess limitu ta' rappurtar u l-istess derogi għar-rapportar ta' irregolaritajiet li jinsabu fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 514/2014. |
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza fir-rappurtar huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġi ddeterminat meta irregolaritajiet għandhom jiġu inizjalment irrappurtati u d-dejta li għandha tiġi pprovduta f'dawk ir-rapporti inizjali. |
(6) |
Sabiex id-dejta pprovduta lill-Kummissjoni tkun preċiża, huwa meħtieġ rappurtar ta' segwitu. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata dwar kull progress sinifikanti fil-proċeduri, jew il-proċedimenti, amministrattivi u ġuridiċi relatati ma' kull rapport inizjali. |
(7) |
Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, jipprevjenu kwalunkwe divulgazzjoni mhux awtorizzata ta' dejta personali, jew aċċess mhux awtorizzat għaliha. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika għal liema skopijiet il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw dik id-dejta. |
(8) |
Billi diġà saru pagamenti għall-Fond u jistgħu jseħħu irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament, għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jiddetermina liema irregolaritajiet għandhom jiġu rrappurtati u jistabbilixxi liema dejta għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 223/2014 japplikaw. Barra minn hekk, għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:
(a) |
“suspett ta' frodi” tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta' proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit li kien hemm mġiba intenzjonata, b'mod partikolari frodi, kif jissemma fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej; |
(b) |
“konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja” tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta' fatti speċifiċi tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li dik il-konklużjoni sussegwentement jista' jkollha tiġi riveduta jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju. |
Artikolu 3
Rappurtar inizjali
1. L-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni l-irregolaritajiet li:
(a) |
jaffettwaw ammont ta' iktar minn EUR 10 000 f'kontribuzzjoni mill-Fond; |
(b) |
kienu s-suġġett ta' konklużjoni primarja amministrattiva jew ġudizzjarja. |
2. Fir-rapport inizjali l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-isem u n-numru tal-Kodiċi Komuni ta' Identifikazzjoni (“CCI”) tal-programm operattiv u tal-operazzjoni kkonċernati; |
(b) |
l-identitajiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti, jew tat-tnejn li huma, jew ta' kull entità oħra li kellha rwol fit-twettiq tal-irregolarità u dettalji dwar x'kien dak ir-rwol, minbarra fejn dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura tal-irregolarità kkonċernata; |
(c) |
id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet li jkun ġew miksura; |
(d) |
id-data u s-sors tal-ewwel informazzjoni li wasslet biex jiġi suspettat li twettqet irregolarità; |
(e) |
il-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità; |
(f) |
fejn xieraq, jekk il-prattika twassalx għal suspett ta' frodi; |
(g) |
il-mod li bih tkun ġiet magħrufa l-irregolarità; |
(h) |
fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjizi terzi involuti; |
(i) |
il-perjodu li matulu twettqet l-irregolarità, jew id-data ta' meta twettqet; |
(j) |
id-data li fiha ġiet stabbilit l-konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja dwar l-irregolarità; |
(k) |
l-ammont totali tan-nefqa tal-operazzjoni kkonċernata espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali; |
(l) |
l-ammont affettwat mill-irregolarità espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u ta' dik nazzjonali; |
(m) |
f'każijiet ta' suspett ta' frodi, u fil-każ li l-ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika ma jkun sar lill-benefiċjarju, l-ammont li kien se jitħallas indebitament kieku l-irregolarità ma ġietx identifikata, espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali; |
(n) |
in-natura tan-nefqa irregolari; |
(o) |
is-sospensjoni tal-pagamenti, fejn applikabbli, u l-possibbiltà tal-irkuprar tal-ammonti mħallsa. |
3. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri m'għandhomx jirrappurtaw lill-Kummissjoni dawk l-irregolaritajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
Fil-każijiet l-oħrajn kollha, b'mod partikolari f'dawk li jippreċedu falliment jew f'każijiet ta' suspett ta' frodi, l-irregolaritajiet skoperti u l-miżuri preventivi u korrettivi marbuta magħhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.
4. Fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tat-tribunal, qorti jew korp ieħor kompetenti skont ir-regoli nazzjonali.
Artikolu 4
Rappurtar ta' segwitu
1. Fejn parti mill-informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 3(2), b'mod partikolari l-informazzjoni li tikkonċerna l-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità u l-mod li bih tkun ġiet skoperta, ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni nieqsa jew korretta fir-rapporti ta' segwitu dwar l-irregolaritajiet li jippreżentaw lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bidu, il-konklużjoni jew l-abbandun ta' kull proċeduri jew proċedimenti, għall-impożizzjoni ta' miżuri amministrattivi, penali amministrattivi jew sanzjonijiet kriminali fir-rigward tal-irregolaritajiet irrappurtati, kif ukoll l-eżitu ta' dawk il-proċeduri jew il-proċedimenti. Fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom ikunu ġew imposti penali, l-Istati Membri jindikaw ukoll dan li ġej:
(a) |
jekk il-penali humiex ta' natura amministrattiva jew kriminali; |
(b) |
jekk il-penali jirriżultawx minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u dettalji dwar il-penali; |
(c) |
jekk ġiex stabbilit li kien hemm frodi. |
3. Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni fir-rigward ta' irregolarità speċifika jew grupp ta' irregolaritajiet.
Artikolu 5
Użu u pproċessar ta' informazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista' tuża kull informazzjoni ta' natura ġenerali jew operattiva kkomunikata mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament biex tagħmel analiżijiet tar-riskju, bl-appoġġ tat-teknoloġija informatika, u tista', fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi li jservu biex jidentifikaw ir-riskji b'mod iktar effettiv.
2. L-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament tiġi koperta mill-kunfidenzjalità professjonali u protetta bl-istess mod bħal ma tkun protetta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jkun pprovdia u mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li l-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax, b'mod partikolari, tintbagħat lill-persuni ħlief dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.
4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tista' tintuża għall-ebda skop ieħor għajr il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sakemm l-awtoritajiet li pprovdew l-informazzjoni ma jagħtux il-kunsens speċifiku tagħhom.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(3) Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(4) Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).
(5) Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 1848/2006 (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1973 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ara l-paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.
(9) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).