This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0021
Council Decision 2014/21/CFSP of 20 January 2014 amending Council Decision 2010/413/CFSP concerning restrictive measures against Iran
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/21/PESK tal- 20 ta’ Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/21/PESK tal- 20 ta’ Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
ĠU L 15, 20.1.2014, p. 22–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
20.1.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 15/22 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/21/PESK
tal-20 ta’ Jannar 2014
li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran. |
(2) |
Fl-24 ta' Novembru 2013, iċ-Ċina, Franza. il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, appoġġati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu ftehim mal-Iran dwar Pjan ta' Azzjoni Konġunt li jistabbilixxi approċċ għall-kisba ta' soluzzjoni komprensiva fit-tul tal-kwistjoni nukleari Iranjana. Ġie miftiehem li l-proċess li jwassal għal din is-soluzzjoni komprensiva għandu jinkludi, bħala l-ewwel pass, miżuri inizjali maqbula b'mod reċiproku li għandhom jittieħdu miż-żewġ naħat għal perijodu ta' sitt xhur u rinnovabbli b'kunsens reċiproku. |
(3) |
Bħala parti minn dan l-ewwel pass, l-Iran iwettaq għadd ta' miżuri volontarji kif speċifikat fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. Bħala kumpens għal dan, jitwettqu għadd ta' miżuri volontarji li jinkludu, għall-Unjoni, is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-projbizzjoni fuq il-forniment tal-assigurazzjoni u l-assigurazzjoni mill-ġdid u t-trasport għaż-żejt mhux maħdum Iranjan, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' prodotti petrokimiċi Iranjani u fuq il-forniment ta' servizzi relatati u l-projbizzjoni fuq il-kummerċ fid-deheb u metalli prezzjużi mal-Gvern tal-Iran, il-korpi pubbliċi tiegħu u l-Bank Ċentrali tal-Iran, jew persuni u entitajiet li jaġixxu f'isimhom. Is-sospensjoni ta' dawn il-miżuri restrittivi għandu jkollha durata ta' sitt xhur u matul dan il-perijodu l-kuntratti rilevanti għandhom jiġu eżegwiti. |
(4) |
Barra minn hekk, il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jipprevedi wkoll iż-żieda b'għaxar darbiet tal-limiti stabbiliti ta' awtorizzazzjoni b'rabta mat-trasferimenti ta' fondi lill-Iran u minn għandu. |
(5) |
Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri previsti minn din id-Deċiżjoni. |
(6) |
Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif adatt, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fid-Deċiżjoni 2010/413/PESK, l-Artikolu li ġej huwa miżjud:
"Artikolu 26a
1. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(1) għandha tiġi sospiża sal-20 ta' Lulju 2014 safejn tirrigwarda t-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.
2. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(2) għandha tiġi sospiża sal-20 ta' Lulju 2014 safejn tirrigwarda l-forniment tal-assigurazzjoni u l-assigurazzjoni mill-ġdid, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.
3. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3b għandha tiġi sospiża sal-20 ta' Lulju 2014.
4. Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 4c għandha tiġi sospiża sal-20 ta' Lulju 2014 safejn tirrigwarda d-deheb u l-metalli prezzjużi.
5. L-Artikolu 10(3)(a), (b) u (c) huwa sostitwit mill-punti li ġejjin sal-20 ta' Lulju 2014:
"(a) |
trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' inqas minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' inqas minn EUR 400 000, għandhom jitwettqu mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000 |
(b) |
trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' aktar minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' aktar minn EUR 400 000, għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija; |
(c) |
kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 100 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.". |
6. L-Artikolu 10(4)(b) u (c) huwa sostitwit mill-punti li ġejjin sal-20 ta' Lulju 2014:
"(b) |
kwalunkwe trasferiment ieħor ta' inqas minn EUR 400 000 għandu jitwettaq mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000; |
(c) |
kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 400 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorizzazzjoni għandha titqies li tkun mogħtija fi żmien erba' ġimgħat dment li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ma tkunx oġġezzjonat f’dak il-perijodu ta' żmien. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni miċħuda.". |
7. Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18b għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta' Lulju 2014.
8. Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) u fl-Artikolu 20(2) għall-Ministeru taż-Żejt, elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta' Lulju 2014, safejn ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni, sal-20 ta' Lulju 2014, ta' kuntratti għall-importazzjoni jew ix-xiri ta' prodotti petrokimiċi Iranjani.".
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON
(1) ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39