Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0781

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 781/2013 tal- 14 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva fipronil u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 219, 15.8.2013, p. 22–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/781/oj

15.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 781/2013

tal-14 ta’ Awwissu 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva fipronil u li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel alternattiva tal-Artikolu 21(3), l-Artikolu 49(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva fipronil iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (2) bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/52/KE (3).

(2)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/21/UE (4) emendat l-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE fejn jidħlu l-d-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-fipronil.

(3)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tniżżlu fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn tidħol il-lista tas-sustanzi attivi approvati (5).

(4)

Skont l-informazzjoni l-ġdida li waslet mill-Italja dwar ir-riskji għan-naħal tal-għasel li ġejjin minn żrieragħ tal-qamħirrum miksija li jkunu ġew trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva. Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”, għal assistenza xjentifika u teknika biex tivvaluta din l-informazzjoni l-ġdida u biex tirrevedi l-valutazzjoni tar-riskju tal-fipronil fejn jidħol l-impatt tagħha fuq in-naħal.

(5)

L-Awtorità ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju fejn jidħol in-naħal fis-27 ta’ Mejju 2013 (6).

(6)

Biex jintużaw bħala trattament għaż-żerriegħa tal-qamħirrun, l-Awtorità identifikat riskji akuti kbar għan-naħal li joħolqu prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva fipronil. B’mod partikolari, l-Awtorità identifikat riskju akut kbir għan-naħal li ġej mill-għabra. Minbarra dan, għal bosta għelejjel ma setgħux jiġu esklużi riskji inaċċettabbli minħabba effetti akuti jew kroniċi fuq is-sopravivenza u l-iżvilupp tal-kolonji. Barra minn hekk, l-Awtorità identifikat xi informazzjoni nieqsa għal kull użu evalwat, b’mod partikolari fejn jidħlu r-riskji fit-tul għan-naħal tal-għasel minn esponiment għall-għabra, minn esponiment potenzjali għal residwi tal-għabra tad-dakra u n-nektar, minn esponiment potenzjali għal fluwidu tal-guttazzjoni u minn esponiment għal residwi fl-għelejjel, il-ħaxix ħażin u l-ħamrija li jkun hemm wara.

(7)

Fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku l-ġdid, il-Kummissjoni qieset li hemm indikazzjonijiet li xi użi approvati tal-fipronil ma jissodisfawx il-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fejn jidħol l-impatt fuq in-naħal u li ma setax jiġi eskluż ir-riskju kbir għan-naħal ħlief bl-impożizzjoni ta’ aktar restrizzjonijiet.

(8)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikatur biex iressaq il-kummenti tiegħu.

(9)

Il-konklużjoni tal-Awtorità rrivedewha l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew finalizzati fis-16 ta’ Lulju 2013 fl-għamla ta’ addenda tar-rapport ta’ reviżjoni għall-fipronil.

(10)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li jista’ jiġi eskluż riskju għoli għan-naħal biss billi jiġu imposti aktar restrizzjonijiet.

(11)

Ġie kkonfermat li s-sustanza attiva fipronil titqies approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Madanakollu, sabiex jonqos kemm jista’ jkun l-esponiment tan-naħal, jixraq li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil ikun restritt u jkunu previsti miżuri speċifiċi biex jittaffew ir-riskji għall-protezzjoni tan-naħal. B’mod partikolari l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil għandu jkun limitat għat-trattament taż-żrieragħ maħsuba biex jinżergħu fis-serer u għat-trattament taż-żrieragħ tal-kurrat, il-basal, ix-shallots u l-grupp tal-ħxejjex Brassica maħsuba biex jinżergħu fl-għelieqi u li jinħasdu qabel iwarrdu. L-għelejjel li jinħasdu qabel iwarrdu ma jitqisux attraenti għan-naħal.

(12)

Fejn jidħlu l-applikazzjonijiet tal-fipronil li jistgħu jiġu awtorizzati skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, jixraq li tintalab aktar informazzjoni konfermattiva.

(13)

Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Ġew identifikati r-riskji għan-naħal minn żrieragħ trattati, b’mod partikolari minn esponiment mill-għabra fejn jidħol l-użu fil-qamħirrun. Filwaqt li jitqiesu r-riskji relatati mal-użu ta’ żrieragħ trattati, l-użu u t-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil għandhom ikunu pprojbiti ħlief għaż-żrieragħ miżrugħa fis-serer u għat-trattament taż-żrieragħ tal-kurrat, il-basal, ix-shallots u l-grupp tal-ħxejjex Brassica maħsuba biex jinżergħu fl-għelieqi u li jinħasdu qabel iwarrdu. Waqt l-istennija biex titressaq l-informazzjoni nieqsa dwar l-użu taż-żrieragħ trattati tal-ġirasol, jixraq li jiġu applikati miżuri simili bħal tal-qamħirrun.

(15)

L-Istati Membri għandhom jingħataw iż-żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil.

(16)

Fejn jidħlu l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil, meta l-Istati Membri jkunu taw perjodu ta’ konċessjoni skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2014. Għaldaqstant, il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ żrieragħ trattati għandha tapplika mill-1 ta’ Marzu 2014 ħalli jkun jista’ jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni.

(17)

Fi żmien sentejn minn meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni se tibda analiżi tal-informazzjoni xjentifika l-ġdida li tkun irċeviet, inklużi l-istudji l-ġodda, u l-informazzjoni dwar formulazzjonijiet ġodda tal-prodott li jkunu tawha l-applikanti.

(18)

L-Artikolu 36(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi li f’ċerti ċirkostanzi Stat Membru jista’ jimponi aktar miżuri biex jittaffew ir-riskji jew restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil. Dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil, ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 71 tiegħu.

(19)

Iż-żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil, soġġetti għar-restrizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jintużaw għall-esperimenti jew għat-testijiet bi skopijiet ta’ riċerka jew żvilupp skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(20)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ trattati

Iż-żrieragħ tal-għelejjel li ġew trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil m’għandhomx jintużaw jew jitqiegħdu fis-suq ħlief iż-żrieragħ maħsuba biex jinżergħu fis-serer u ż-żrieragħ tal-kurrat, il-basal, ix-shallots u l-grupp tal-ħxejjex Brassica maħsuba biex jinżergħu fl-għelieqi u li jinħasdu qabel iwarrdu.

Artikolu 3

Miżuri tranżitorji

Meta meħtieġ u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fipronil bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 4

Perjodu ta’ konċessjoni

Kull perjodu ta’ konċessjoni li jagħtu l-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar 2014.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u jibda japplika mill-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, l-Artikolu 2 għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 214, 17.8.2007, p. 3.

(4)  ĠU L 65, 13.3.2010, p. 27.

(5)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel: Il-konklużjoni dwar ir-reviżjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għan-naħal għas-sustanza attiva fipronil. EFSA Journal 2013;11(5):3158. [51 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2013.3158. Jista’ jinstab fuq: www.efsa.europa.eu/efsajournal


ANNESS

Emendi tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 157, il-fipronil, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala insettiċida biex tintuża bħala trattament taż-żerriegħa. L-użi għandhom jiġu awtorizzati biss għaż-żrieragħ maħsuba biex jinżergħu fis-serer u ż-żrieragħ tal-kurrat, il-basal, ix-shallots u l-grupp tal-ħxejjex Brassica maħsuba biex jinżergħu fl-għelieqi u li jinħasdu qabel iwarrdu.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif jissemmew fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni għall-fipronil, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif finalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-15 ta’ Marzu 2007 u l-konklużjonijiet tal-addenda tar-rapport ta’ reviżjoni għall-fipronil kif finalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali tas-16 ta’ Lulju 2013.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom jagħtu kas l-aktar:

(a)

l-imballaġġ tal-prodotti li se jitqiegħdu fis-suq ħalli tiġi evitata l-ġenerazzjoni ta’ prodotti tad-degradazzjoni li huma ta’ tħassib;

(b)

il-potenzjal li jkun kontaminat l-ilma ta’ taħt l-art b’mod speċjali minn metaboliti li huma aktar persistenti mill-kompost ġenitur, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’ħamrija u/jew kundizzjonijiet klimatiċi vulnerabbli;

(c)

il-protezzjoni ta’ għasafar u mammiferi granivori, organiżmi akkwatiċi, artropodi mhux fil-mira u naħal tal-għasel.

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li:

(a)

iż-żrieragħ jinksew biss f’faċilitajiet professjonali tat-trattament taż-żerriegħa; dawn il-faċilitajiet iridu japplikaw l-aqwa metodi disponibbli ħalli jiżguraw li tkun minimizzata l-għabra li toħroġ waqt l-applikazzjoni għaż-żerriegħa, il-ħażna u t-trasport;

(b)

jintuża tagħmir xieraq tal-ħrit u ż-żrigħ ħalli jkun żgurat livell għoli ta’ inkorporazzjoni fil-ħamrija, li t-tixrid taż-żerriegħa jkun mill-anqas u daqstant ieħor l-emissjoni tal-għabra;

(c)

it-tikketta taż-żrieragħ trattati jkollha l-indikazzjoni li ż-żrieragħ ġew trattati bil-fipronil u ssemmi l-miżuri li jtaffu r-riskji previsti fl-awtorizzazzjoni;

(d)

jinbdew programmi ta’ monitoraġġ biex meta u kif jixraq, jivverifikaw l-esponiment reali tan-naħal għall-fipronil fi nħawi użati b’mod estensiv min-naħal biex jiġbor l-ikel jew min-nissiela tan-naħal.

Meta jixraq, il-kundizzjonijiet għall-użu għandu jkun fihom miżuri li jtaffu r-riskji.

In-notifikatur għandu jressaq informazzjoni konfermattiva dwar:

(a)

ir-riskju għad-dakkara ħlief in-naħal tal-għasel;

(b)

ir-riskju akut u fit-tul għas-sopravivenza u l-iżvilupp tal-kolonja u r-riskju għad-duqqajs tan-naħal minn metaboliti tal-pjanti u tal-ħamrija ħlief il-metaboliti fotoliżi tal-ħamraija.

(c)

l-esponiment potenzjali għall-għabra li ttir mar-riħ wara l-ħrit u ż-żrigħ u r-riskju akut u fit-tul għas-sopravivenza u l-iżvilupp tal-kolonja, u r-riskju għad-duqqajs tan-naħal meta l-ikel tan-naħal fuq il-veġitazzjoni jkun espost għall-għabra li ttir mar-riħ;

(d)

ir-riskju akut u fit-tul għas-sopravivenza u l-iżvilupp tal-kolonja u r-riskju għad-duqqajs tan-naħal meta jiġbor l-ikel mill-qtar tal-għasel tal-insetti;

(e)

l-esponiment potenzjali għall-fluwidu tal-guttazzjoni u r-riskju akut u fit-tul għas-sopravivenza u l-iżvilupp tal-kolonja, u r-riskju għad-duqqajs tan-naħal;

(f)

l-esponiment potenzjali għal residwi tal-għabra tad-dakra u n-nektar, il-qtar tal-għasel, u l-fluwidu tal-guttazzjoni tal-għelejjel u l-ħaxix ħażin li jkun hemm wara, inklużi l-metaboliti persistenti tal-ħamrija (RPA 200766, MB 46136 u MB 45950).

In-notifikatur għandu jressaq din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sat-30 ta’ Marzu 2015.”


Top