EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0228

Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006

OJ L 78, 20.3.2013, p. 23–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 067 P. 144 - 161

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/228/oj

20.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 78/23


REGOLAMENT (UE) Nru 228/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Marzu 2013

li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (3) ġew stabbiliti miżuri speċifiċi għall-agrikoltura biex jingħelbu d-diffikultajiet ikkawżati mis-sitwazzjoni eċċezzjonali li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”). Dawk il-miżuri ġew implimentati permezz ta’ programmi ta’ appoġġ għal kull reġjun, li jirrappreżentaw għodda essenzjali għall-forniment ta’ dawn ir-reġjuni bi prodotti agrikoli. Fid-dawl tal-ħtieġa tal-aġġornament tal-miżuri attwali, anke bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa meħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 247/2006 jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(2)

Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi fundamentali li l-kisba tagħhom tista’ sseħħ bl-għajnuna tal-iskema li tippromwovi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

(3)

Jeħtieġ ukoll li jiġi speċifikat il-kontenut tal-Programmi ta’ Soluzzjonijiet Speċifikatament Relattivi għall-Bogħod u l-Insularità (“il-programmi POSEI”) li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati fil-livell ġeografiku l-aktar xieraq u ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

(4)

Sabiex jinkisbu b’ mod aktar effettiv l-objettivi tal-arranġamenti favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, il-programmi POSEI għandhom jinkludu miżuri li jiggarantixxu l-provvista ta’ prodotti agrikoli u l-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjonijiet agrikoli lokali. Jeħtieġ li jiġi armonizzat il-livell tal-programmazzjoni tar-reġjuni kkonċernati u li ssir sistematika l-politika ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(5)

B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fi spirtu ta’ flessibbiltà li huma l-bażi tal-approċċ tal-programmazzjoni adottat għall-arranġamenti favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, l-awtoritajiet magħżula mill-Istat Membru jistgħu jipproponu emendi fil-programm sabiex jadattawh għar-realtà tar-reġjuni ultraperiferiċi. Dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jimmodifikaw il-programmi POSEI b’konformità mal-prinċipju tas-semplifikazzjoni amministrattiva, sakemm dawn ma jipperikolawx b’hekk l-effikaċja tal-programmi POSEI u r-risorsi finanzjarji korrispondenti allokati lilhom. Fl-istess spirtu, il-proċedura ta’ emenda tal-programmi għandha tkun adattata għal-livell ta’ rilevanza ta’ kull tip ta’ emenda.

(6)

Sabiex tkun żgurata l-provvista ta’ prodotti agrikoli essenzjali lir-reġjuni ultraperiferiċi u bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali kkawżati min-natura estremament remota ta’ dawn ir-reġjuni, huwa xieraq li jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi, tirriżulta fi spejjeż ta’ trasport addizzjonali fil-provvista ta’ prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem, għall-ipproċessar jew bħala inputs agrikoli. Barra minn hekk, fatturi oġġettivi oħrajn marbuta man-natura estremament remota tagħhom, b’mod partikolari l-insularità u ċ-ċokon tad-daqs kwadrat tagħhom, jimponu aktar restrizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi u l-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi li jxekklu severament l-attivitajiet tagħhom. Dak ix-xkiel jista’ jittaffa billi jitbaxxa l-prezz ta’ dawk il-prodotti essenzjali. Madankollu, l-arranġament speċifiku ta’ provvista m’għandu fl-ebda cirkostanza jkun ta’ ħsara għall-prodotti lokali u għall-iżvilupp tagħhom.

(7)

Għal dak il-għan, minkejja l-Artikolu 28 tat-Trattat, l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli minn pajjiżi terzi għandhom ikunu eżenti mid-dazji applikabbli. Sabiex jiġu kkunsidrati l-oriġini u t-trattament doganali tagħhom kif miftiehma skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni, il-prodotti li jkunu daħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni skont arranġamenti ta’ proċessar attiv jew ta’ ħżin doganali għandhom, għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċji għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, ikunu meqjusa bħala importazzjonijiet diretti.

(8)

Sabiex jinkiseb b’mod effikaċi l-objettiv li jitbaxxew il-prezzijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi, u b’hekk jittaffew l-ispejjeż addizzjoniali tan-natura estremament remota tagħhom għandha tingħata għajnuna għall-provvista ta’ prodotti tal-Unjoni lir-reġjuni ultraperiferiċi. Tali għajnuna għandha tikkunsidra l-ispiża addizzjonali tat-trasport lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-prezzijiet applikati għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, u fil-każ ta’ inputs agrikoli u prodotti maħsuba għall-ipproċessar, l-ispejjeż addizzjonali assoċjati man-natura estremament remota tagħhom, u b’mod partikolari l-insularità u ċ-ċokon tad-daqs kwadrat tagħhom, it-topografija u l-klima diffiċili tagħhom u l-fatt li huma gżejjer imxerrda.

(9)

L-appoġġ għas-setturi tradizzjonali huwa altrettant aktar meħtieġ minħabba li dan jgħinhom jibqgħu kompetittivi fis-suq tal-Unjoni quddiem il-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi. Meta jfasslu l-programmi tagħhom, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw ukoll, safejn ikun possibbli, id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi.

(10)

Biex jiġu evitati l-ispekulazzjonijiet li jkunu ta’ ħsara għall-utenti finali fir-reġjuni ultraperiferiċi, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss għanhom igawdu mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.

(11)

Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli għall-funzjonament tal-arranġamenti, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ reġistru tal-operaturi u ta’ sistema ta’ ċertifikati mfassla fuq il-liċenzji msemmija fl-Artikoli 130 u 161 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (4).

(12)

Fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, jinħtieġ li jsiru kontrolli amministrattivi fuq il-prodotti kkonċernati meta dawn jiġu importati jew introdotti fir-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll meta dawn jiġu esportati jew jintbagħtu minnhom. Barra minn hekk, sabiex jintlaħqu l-miri tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti għandhom jiġu riflessi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u għandhom ibaxxu l-prezzijiet sa ma jintlaħaq l-utent aħħari. Għalhekk huma għandhom jingħataw biss bil-kondizzjoni li fil-fatt jibqgħu għaddejjin minn stadju għall-ieħor, u għandhom isiru l-kontrolli adegwati.

(13)

Ladarba l-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista huma limitati għall-bżonnijiet ta’ provvista fir-reġjuni ultraperiferiċi, dawk l-arranġamenti m’għandhomx ifixklu l-funzjonament korrett tas-suq intern. Il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista lanqas m’għandhom iwasslu għal devjazzjonijiet tal-kummerċ fil-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant l-ispedizzjoni jew l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu pprojbiti. Madankollu, l-ispedizzjoni jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti għandhom ikunu awtorizzati jekk il-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jkun rimborsat.

(14)

Fil-każ tal-prodotti pproċessati, għandu jkun awtorizzat in-negozju bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi biex ikun possibbli l-kummerċ bejniethom. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-flussi kummerċjali fi ħdan il-kummerċ reġjonali u l-esportazzjonijiet u l-ispedizzjonijiet tradizzjonali mal-bqija tal-Unjoni jew il-pajjiżi terzi fir-reġjuni ultraperiferiċi, u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati li jikkorrispondu għal kummerċ tradizzjonali għal dawk ir-reġjuni kollha għandhom ikunu awtorizzati. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-perijodu ta’ referenza biex jiġu definiti dawk il-kwantitajiet esportati jew mibgħuta għandu jkun speċifikat.

(15)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi permess ir-ristrutturar meħtieġ tas-settur tal-ipproċessar taz-zokkor fl-Azores. Dawn il-miżuri għandhom jikkunsidraw il-fatt li sabiex is-settur taz-zokkor fl-Azores ikun vijabbli jeħtieġ li jiġi żgurat ċertu livell ta’ produzzjoni u pproċessar. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li l-Azores għandhom b’mod ta’ eċċezzjoni, jitħallew jibagħtu lejn il-bqija tal-Unjoni kwantitajiet ta’ zokkor li jaqbżu l-flussi tradizzjonali għal perijodu limitat ta’ ħames snin u suġġett għat-tnaqqis b’mod progressiv tal-limiti annwali. Minħabba li l-kwantitajiet li jistgħu jintbagħtu mill-ġdid se jkun proporzjonali u limitati għal dawk li huma strettament meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-produzzjoni u l-ipproċessar lokali taz-zokkor, din l-ispedizzjoni temporanja ta’ zokkor mill-Azores ma taffetwax b’mod negattiv is-suq intern tal-Unjoni.

(16)

Fil-każ taz-zokkor li jaqbeż il-kwota għall-forniment tal-Azores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji, għandhom jibqgħu japplikaw l-arranġamenti għall-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. B’mod partikolari, l-Azores għandhom jitħallew ukoll jibbenefikaw mill-eżenzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għaz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum, sal-limitu tal-bilanċ previst tiegħu ta’ provvista.

(17)

S’issa l-Gżejjer Kanarji kienu fornuti taħt arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, bi trab tal-ħalib xkumat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1901 90 99 (trab tal-ħalib xkumat li fih xaħmijiet veġetali) maħsuba għall-ipproċessar industrijali. Għandha tkun permessa t-tkompija tal-provvista ta’ dan il-prodott, li sar komponent tradizzjonali tad-dieta lokali.

(18)

Ladarba r-ross huwa element bażiku tad-dieta fir-Réunion, u l-industriji tal-ipproċessar u l-illustrar tar-ross ilhom snin twal stabbiliti fir-Réunion u r-Réunion ma tipproduċix biżżejjed minnu sabiex tkopri l-ħtiġijiet lokali, l-importazzjoni ta’ dan il-prodott fil-gżira teħtieġ li tibqa’ tkun eżentata minn kwalunkwe sura ta’ dazju fuq l-importazzjoni.

(19)

Il-politika tal-Unjoni biex tgħin il-produzzjoni lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi involviet għadd kbir ta’ prodotti u miżuri favur il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar tagħhom. Dawk il-miżuri urew li huma effettivi u żguraw il-kontinwità tal-agrikoltura u l-iżvilupp tagħha. L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa dawn il-linji ta’ produzzjoni, li huma fattur ewlieni biex jiġi żgurat il-bilanċ ambjentali, soċjali u ekonomiku tar-reġjuni ultraperiferiċi. L-esperjenza wriet li, bħal fil-każ tal-politika dwar l-iżvilupp rurali, sħubija aktar mill-qrib mal-awtoritajiet lokali tista’ tgħin biex jiġu indirizzati, b’mod aktar dirett, kwestjonijiet partikolari li jolqtu lir-reġjuni kkonċernati. Għalhekk għandu jitkompla l-appoġġ għall-promozzjoni tal-produzzjoni lokali permezz tal-programmi POSEI.

(20)

Biex jingħata appoġġ lit-tqegħid fis-suq tal-prodotti tar-reġjuni ultraperiferiċi, jeħtieġ li tiġi stabbilita għajnuna maħsuba għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti barra r-reġjun fejn jiġu prodotti, b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż addizzjonali għoljin li huma jiffaċċjaw li jirriżultaw mill-bogħod kbir tagħhom mis-swieq ta’ konsum u l-ħtieġa ta’ ħżin doppju, fatturi li jirriżultaw fi żvantaġġ maġġuri għar-reġjuni ultraperiferiċi, li taffettwa l-kompetittività tagħhom fis-suq intern. Dawn il-fatturi jiġġustifikaw il-ħtieġa li l-iskema POSEI tiġi rieżaminata fil-futur qrib.

(21)

Għandhom jiġu ddeterminati l-elementi minimi li għandhom jingħataw taħt il-programmi POSEI sabiex ikunu definiti l-miżuri favur il-produzzjonijiet agrikoli lokali, b’mod speċifiku d-deskrizzjoni tal-post fejn jinsabu, tal-istrateġija proposta, tal-objettivi u tal-miżuri. Il-prinċipji li huma sottostanti għall-konsistenza ta’ dawn il-miżuri mal-politika l-oħra tal-Unjoni għandhom jiġu ddikjarati ukoll sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kompatibbiltà u d-duplikazzjoni tal-għajnuna.

(22)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun possibbli li l-programm POSEI jkun fih ukoll miżuri għall-finanzjament tal-istudji, tal-proġetti dimostrattivi, tat-taħriġ u tal-assistenza teknika.

(23)

Il-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu mħajra jkomplu jfornu prodotti ta’ kwalità u jagħtu prijorità lill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, l-użu tal-logo introdott f’dan ir-Regolament u ta’ suriet oħra ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità introdotti mill-Unjoni jista’ jkun utli.

(24)

L-istrutturi ta’ xi azjendi tal-biedja jew ta’ kumpaniji ta’ pproċessar u ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom defiċjenzi serji u jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet speċifiċi. L-Artikoli 26(2) u 28(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (5) jipprovdu, għaldaqstant, għal rati ta’ appoġġ aktar favorevoli għal ċerti tipi ta’ investimenti fir-reġjuni ultraperiferiċi.

(25)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jeskludi r-reġjuni ultraperiferiċi mir-restrizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ forestali previst f’dak ir-Regolament.

(26)

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jiddetermina l-ammonti annwali massimi għall-ħlasijiet agroambjentali. Biex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ambjentali speċifika ta’ ċerti żoni mergħat sensittivi ħafna fl-Azores u l-preżervazzjoni tal-pajsaġġ, il-bijodiversità u l-karatteristiċi tradizzjonali tal-art agrikola, b’mod partikolari ż-żoni ta’ kultivazzjoni mtarrġa fil-Madeira u fil-Gżejjer Kanarji, kif ukoll il-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel fir-reġjuni ultraperiferiċi, għandha ssir dispożizzjoni biex ikun hemm il-possibbiltà, f’każ ta’ ċerti miżuri speċifiċi, li dawk l-ammonti jiżdiedu sakemm jirduppjaw.

(27)

Tista’ tingħata deroga mill-politika konsistenti tal-Kummissjoni li ma tawtorizzax għajnuna operattiva mill-Istat fis-settur tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet partikolari fuq il-biedja fir-reġjuni ultraperiferiċi marbuta mad-distanza, l-insularità u n-natura estremament remota tagħhom, iċ-ċokon, l-art muntanjuża u l-klima u d-dipendenza ekonomika fuq numru żgħir ta’ prodotti. Il-produzzjoni agrikola għandha funzjoni vitali fir-ripristinament taż-żoni rurali u fl-inkuraġġiment tal-istabbiliment tal-popolazzjonijiet fihom, għaliex iż-żoni rurali ultraperiferiċi huma partikolarment milquta mit-tixjiħ tal-popolazzjoni, mid-densità baxxa tal-popolazzjoni u, f’ċerti żoni, mit-tnaqqis tal-popolazzjoni.

(28)

Is-sitwazzjoni fitosanitarja tal-uċuħ agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi hija affettwata minn problemi partikolari bħall-wasla ta’ parassiti assoċjati maż-żieda fl-ammont ta’ importazzjonijiet, mal-klima u l-inadegwatezza tal-miżuri ta’ kontroll li s’issa ġew applikati f’dawn ir-reġjuni. Għandhom għalhekk jiġu implimentati programmi biex jiġu miġġielda l-organiżmi perikolużi, inkluż permezz ta’ metodi organiċi sostenibbli u ambjentalment sani. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal dawn il-programmi għandha tiġi definita, filwaqt li jitqies il-fatt li taħt il-qafas finanzjarju pluriennali, huwa kkuntemplat li b’effett mill-2014 il-finanzjament tal-programmi ser jaqa’ taħt intestatura baġitarja differenti.

(29)

Il-manutenzjoni tal-għelieqi tad-dwieli, li huma l-aktar kultivazzjoni mxerrda fir-reġjuni tal-Madeira u l-Gżejjer Kanarji u waħda importanti ħafna għall-Azores, hi imperattiv ekonomiku, soċjali u ambjentali. Bħala għajnuna għall-produzzjoni, f’dawn ir-reġjuni m’għandhomx ikunu applikabbli l-inċentivi għall-abbandun, il-mekkaniżmi tas-suq u, fil-każ tal-Gżejjer Kanarji, is-sistema tad-drittijiet ta’ tħawwil previsti mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007, imma madankollu, fil-Gżejjer Kanarji, għandu jkun possibbli li jiġu applikati miżuri ta’ kriżi għad-distillazzjoni f’każ ta’ disturb mhux tas-soltu fis-suq minħabba problemi ta’ kwalità. Bl-istess mod, diffikultajiet tekniċi u soċjoekonomiċi fixklu l-konverżjoni sħiħa, fil-limiti taż-żmien stipulati, tal-uċuħ tad-dwieli li kienu tħawlu fir-reġjuni tal-Madeira u tal-Azores b’varjetajiet ta’ dwieli ibridi pprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007. L-inbid prodott minn dawn l-għelieqi tad-dwieli hu maħsub biss għall-konsum lokali tradizzjonali.

(30)

Ir-ristrutturar tas-settur tal-ħalib għadu mhux komplut fl-Azores. Biex tiġi kkunsidrata d-dipendenza qawwija tal-Azores fuq il-produzzjoni tal-ħalib, flimkien ma’ żvantaġġi oħra marbuta man-natura estremament remota u n-nuqqas ta’ linji ta’ produzzjoni alternattivi li jħallu qligħ, jeħtieġ li jinżammu kif inhuma d-derogi minn xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 dwar l-imposti fuq il-produzzjoni żejda tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib.

(31)

Minħabba n-natura insostitwibbli tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Azores, fejn hija waħda mill-forzi li jmexxu l-ekonomija, l-istabbiltà soċjali, il-kwalità tal-ambjent u l-okkupazzjoni tal-art, il-programmi POSEI huma l-aħjar strumenti għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżuri meħtieġa biex tiġi sostnuta din il-produzzjoni.

(32)

L-appoġġ għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar fil-Madeira u fir-Réunion ma kienx biżżejjed biex iżomm bilanċ bejn il-provvista domestika u dik esterna, primarjament minħabba diffikultajiet strutturali serji li jolqtu s-settur u d-diffikultajiet tiegħu biex jadatta għal ambjenti ekonomiċi ġodda. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ ħalib UHT rikostitwit minn trab tal-ħalib li joriġina mill-Unjoni għandha tkompli, bil-għan li tkun żgurata kopertura akbar tal-konsum lokali, kemm-il darba din il-miżura ma xxekkilx il-ħalib prodott lokalment milli jinġabar u jsib postijiet minn fejn jinbiegħ, u lanqas ma żżomm lura l-isforzi li jsiru biex tiġi promossa l-espansjoni tal-produzzjoni lokali. Sabiex il-konsumatur ikun infurmat b’mod korrett, għandu jkun obbligatorju li jiġi indikat fuq it-tikketta tal-bejgħ il-metodu ta’ kif il-ħalib UHT huwa rikostitwit bl-użu tat-trab tal-ħalib. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika ukoll fil-Martinique, fil-Gujana Franċiża u fil-Gwadelup, jekk Franza titlob li jsir dan, filwaqt li u tiddikjara li hi x-xewqa tal-atturi lokali li jibbenefikaw minnha u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l-iżvilupp tas-settur tal-ħalib.

(33)

Il-ħtieġa li tinżamm produzzjoni lokali permezz tal-inċentivi tiġġustifika l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mhux qiegħed ikun applikat fid-dipartimenti extra-Ewropej (DOM) Franċiżi u fil-Madeira. Għall-Madeira din l-eżenzjoni għandha tkun stabbilita sal-limitu ta’ 4 000 tunnellata.

(34)

Għandu jiġi mħeġġeġ il-kummerċ bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi bil-għan li tiġi ssodisfata t-talba tal-konsum lokali. Għandha tiġi inkoraġġita wkoll l-esportazzjoni tal-produzzjonijiet żejda minn kull wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi — pereżempju l-esportazzjoni tal-ħalib, il-laħam taċ-ċanga u l-bhejjem tal-ifrat irġiel żgħar mill-Azores — lejn dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi li jkollhom skarsezzi, sabiex tissaħħaħ id-dinamika tal-kummerċ, waqt li fl-istess ħin jiġi evitat li ssir il-ħsara lit-tkabbir tal-produzzjonijiet lokali. Il-kondizzjonijiet meħtieġa għal kummerċ ġust u ekwu għandhom ukoll jiġu ggarantiti.

(35)

L-attivitajiet tradizzjonali ta’ trobbija tal-bhejjem għandhom ikunu appoġġati. Sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ konsum lokali fid-dipartimenti extra-Ewropej Franċiżi u fil-Madeira, l-importazzjonijiet mingħajr dazji minn pajjiżi terzi ta’ frat irġiel intenzjonati għas-simna għandhom ikunu awtorizzati taħt ċerti kondizzjonijiet u sa limitu massimu annwali.

(36)

Il-possibbiltà introdotta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (6) biex tippermetti lill-Portugall jittrasferixxi d-drittijiet għas-sussidju għall-baqar li jreddgħu mill-kontinent lejn l-Azores għandha tkun imġedda u dan l-istrument għandu jkun adattat b’konformità mal-arranġamenti ta’ appoġġ għar-reġjuni ultraperiferiċi.

(37)

Il-kultivazzjoni tat-tabakk hija ta’ importanza storika għall-arċipelagu tal-Kanarji. Minn perspettiva ekonomika, din hija industrija ta’ proċessar li tkompli tirrappreżenta waħda mill-attivitajiet industrijali ewlenin fir-reġjun. F’termini soċjali, il-kultivazzjoni tat-tabakk tinvolvi ħafna ħaddiema u ssir minn agrikolturi żgħar. Madankollu, peress li din l-attività ma tħallix biżżejjed qligħ, hija tinsab fil-periklu li tispiċċa. It-tabakk hu bħalissa kkultivat biss f’żona żgħira fuq il-gżira ta’ La Palma, għall-manifattura tas-sigarri fuq skala żgħira. Għaldaqstant Spanja għandha tkun awtorizzata tkompli tagħti l-għajnuna flimkien mal-għajnuna tal-Unjoni sabiex din il-ħaxixa tradizzjonali tista’ tibqa’ tinżamm bil-għan li tkun appoġġata l-attività artiġjanali marbuta magħha. Barra minn hekk, biex tinżamm il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk, importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji ta’ tabakk mhux maħdum u tabakk semimanifatturat għandhom jibqgħu jkunu eżenti mid-dazji, sa limitu massimu annwali ta’ 20 000 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ tabakk mhux maħdum imqaxxar.

(38)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tipperikola l-livell ta’ appoġġ speċifiku li s’issa bbenefikaw minnu r-reġjuni ultraperiferiċi. L-Istati Membri għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammonti ekwivalenti għall-appoġġ diġà mogħti mill-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 sabiex ikunu jistghu jimplimentaw il-miżuri xierqa.

(39)

Minħabba l-effetti potenzjali li jista’ jkollhom in-negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali futuri u l-modifiki fil-politika agrikola komuni fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni fil-kuntest tal-analiżi, studji u valutazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ dawn in-negozjati u modifiki.

(40)

Mill-2006, il-ħtiġijiet fi prodotti essenzjali żdiedu f’ċerti reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari fl-Azores u fid-DOM, minħabba l-iżvilupp tal-bhejjem u tal-pressjoni demografika. Jeħtieġ għalhekk li tiżdied il-parti tal-baġit li l-Istati Membri jistgħu jużaw għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista tar-reġjuni kkonċernati.

(41)

It-tessut soċjoekonomiku tar-reġjuni ultraperiferiċi jibqa’ fraġli ħafna u, għal xi wħud minnhom, huwa spiss dipendenti ħafna fuq is-settur tal-banana li hu stess qed ibati b’mod ċar minn nuqqas ta’ kompetittività u diffikultajiet biex iwieġeb għall-kondizzjonijiet tas-suq li qed jinbidlu. Il-baġit tal-POSEI allokat lis-settur tal-banana għandu għalhekk jiżdied b’ammont limitat ta’ darba li għandu jitħallas lill-produtturi tal-banana matul is-sena finanzjarja 2013.

(42)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tar-reġim stabbilit minn dan ir-Regolament, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplementar jew tal-emendar ta’ ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(43)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm POSEI fl-Istati Membri u sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta jew id-diskriminazzjoni bejn l-operaturi, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (7).

(44)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U OBJETTIVI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi dwar l-agrikoltura biex jitnaqqsu d-diffikultajiet maħluqa min-natura estremament remota, b’mod partikolari l-bgħid, l-isolazzjoni, iċ-ċokon tad-daqs kwadrat, it-terren, il-klima diffiċli u d-dipendenza ekonomika fuq numru limitat ta’ prodotti tar-reġjuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat (“ir-reġjuni ultraperiferiċi”).

Artikolu 2

Objettivi

1.   Il-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jgħinu sabiex jinkisbu l-objettivi li ġejjin:

(a)

il-garanzija tal-provvista ta’ prodotti essenzjali lir-reġjuni ultraperiferiċi għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar bħala inputs agrikoli billi jittaffew l-ispejjeż żejda mġarrba minħabba n-natura estremament remota tagħhom, mingħajr ma ssir ħsara lill-produzzjonijiet lokali u t-tkabbir tagħhom;

(b)

l-iżgurar tal-ġejjieni fit-tul u l-iżvilupp tas-setturi tal-“bhejjem” u tad-“diversifikazzjoni tal-uċuħ” fir-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-prodotti lokali;

(c)

il-manutenzjoni tal-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-attivitajiet agrikoli tradizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għelejjel u l-prodotti lokali.

2.   L-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu implimentati permezz tal-miżuri indikati fil-Kapitoli III, IV u V.

KAPITOLU II

PROGRAMMI POSEI

Artikolu 3

Stabbiliment tal-programmi POSEI

1.   Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 għandhom jiġu definiti għal kull reġjun ultraperiferiku permezz ta’ Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifikatament Relattivi għall-Bogħod u l-Insularità (“il-programm POSEI”), li jinkludi:

(a)

arranġamenti speċifiċi ta’ provvista kif previst fil-Kapitolu III; u

(b)

miżuri speċifiċi li jgħinu l-produzzjonijiet agrikoli lokali kif previsti fil-Kapitolu IV.

2.   Il-programm POSEI għandu jkun stabbilit fil-livell ġeografiku meqjus l-aktar xieraq mill-Istat Membru kkonċernat. Dan għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istat Membru li, wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti fuq il-livell territorjali adegwat, għandu jressqu quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6.

3.   Programm POSEI wieħed biss għandu jitressaq minn Stat Membru għar-reġjuni ultraperiferiċi tiegħu.

Artikolu 4

Kompatibbiltà u konsistenza

1.   Il-miżuri meħuda taħt il-programmi POSEI għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni u mal-miżuri meħuda taħt tali politika.

2.   Għandha tkun żgurata l-konsistenza tal-miżuri meħuda skont il-programmi POSEI mal-miżuri implimentati skont strumenti oħra tal-politika agrikola komuni, u b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, l-iżvilupp rurali, il-kwalità tal-prodott, it-trattament xieraq tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent.

B’mod partikolari, l-ebda miżura taħt dan ir-Regolament m’għandha tkun iffinanzjata bħala:

(a)

appoġġ addizzjonali għal sussidju jew skemi ta’ għajnuna taħt organizzazzjoni komuni tas-suq ħlief f’każi eċċezzjonali ġġustifikati minn kriterji oġġettivi;

(b)

appoġġ għal proġetti ta’ riċerka, miżuri ta’ appoġġ għal proġetti ta’ riċerka jew miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (8);

(c)

appoġġ għall-miżuri fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Artikolu 5

Il-kontenut tal-programmi POSEI

Programm POSEI għandu jinkludi:

(a)

skeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri u tabella finanzjarja ġenerali annwali indikattiva li turi r-riżorsi li għandhom jintużaw;

(b)

prova tal-kompatibbiltà u l-konsistenza bejn il-miżuri differenti skont il-programmi u mal-kriterji u l-indikaturi kwantitattivi li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(c)

il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programmi huma implimentati b’mod effettiv u adegwat, inklużi l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u sett speċifiku ta’ indikaturi kwantifikati għall-użu fil-valutazzjoni tal-programmi;

(d)

il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti u korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm u l-ħatra ta’ awtoritajiet jew ta’ korpi assoċjati u msieħba soċjoekonomiċi fil-livelli adegwati, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jkunu saru.

Artikolu 6

L-approvazzjoni u l-emendamenti tal-programmi POSEI

1.   Il-programmi POSEI huma stabbiliti bir-Regolament KE Nru 247/2006 u huma ffinanzjati fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3).

Kull programm jikkonsisti f’bilanċ previst tal-provvista li jindika l-prodotti, il-kwantitajiet tagħhom u l-ammont ta’ għajnuna għall-provvista mill-Unjoni, flimkien ma’ abbozz ta’ programm ta’ għajnuna għall-produzzjonijiet lokali.

2.   Abbażi tal-valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programmi POSEI, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw l-imsieħba soċjoekonomiċi kkonċernati, jissottomettu lill-Kummissjoni proposti debitament sostanzjati għall-emendament ta’ dawk il-miżuri fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3), sabiex jadattawhom aħjar għall-ħtiġijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-istrateġija proposta. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità tal-emendi proposti mal-liġi tal-Unjoni u biex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu approvati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

3.   Il-proċeduri stipulati mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jieħdu kont tal-elementi li ġejjin: l-importanza tal-modifiki proposti mill-Istati Membri b’referenza għall-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda, jekk il-bidliet fil-baġit allokat għall-miżuri humiex sostanzjali, bidliet fil-kwantitajiet u fil-livell ta’ għajnuna għall-prodotti fil-bilanċi previsti tal-provvista, u kwalunkwe emenda tal-kodiċijiet u tad-deskrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tariffarja u statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (9).

4.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddeterminaw ukoll, għal kull proċedura, il-frekwenza li biha għandhom isiru t-talbiet għal emendi, kif ukoll l-iskadenzi li fihom għandhom jiġu implimentati l-emendi approvati.

Artikolu 7

Emendi dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji

Sa mit-22 ta’ April 2013, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ emendi għall-programmi POSEI tagħhom biex jirriflettu l-bidliet introdotti mill-Artikolu 30(5).

Dawn l-emendi għandhom isiru applikabbli xahar wara t-tressiq tagħhom jekk matul dan il-perijodu l-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iħallsu l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 30(5) mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2013.

Artikolu 8

Monitoraġġ u segwitu

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-verifiki permezz ta’ kontrolli amministrattivi u fuq il-post. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli li għandhom isiru mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji sabiex tassigura sorveljanza effikaċi tal-implimentazzjoni tal-programmi.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

KAPITOLU III

ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI TA’ PROVVISTA

Artikolu 9

Bilanċ tal-provvista previst

1.   Huma stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat li huma essenzjali, fir-reġjuni ultraperiferiċi, għall-konsum tal-bniedem, għall-manifattura ta’ prodotti oħra jew bħala inputs agrikoli.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi, fil-livell ġeografiku li hu jqis l-aktar adegwat, il-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista b’dikjarazzjoni tal-ammont ta’ ħtiġijiet annwali ta’ kull reġjun ultraperiferiku ta’ provvista tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat.

Il-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista separata tista’ titħejja għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji tal-ippakkjar u tal-ipproċessar ta’ prodotti maħsuba għas-suq lokali, għat-tqassim tradizzjonali fil-bqija tal-Unjoni jew għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi bħala parti mill-kummerċ reġjonali fis-sens tal-Artikolu 14(3), jew bħala parti minn kummerċ tradizzjonali.

Artikolu 10

Operazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista

1.   Fil-limitu tal-kwantitajiet determinati fil-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista, m’għandhomx japplikaw dazji għal importazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi fir-reġjuni ultraperiferiċi għall-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, prodotti li jkunu daħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt arranġamenti ta’ pproċessar attiv jew ta’ ħażna tad-dwana għandhom ikunu meqjusa bħala importazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi.

2.   Biex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 9(2) f’dawk li huma prezz u kwalità, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm is-sehem tal-Unjoni fil-provvisti, għandha tingħata għajnuna biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu fornuti bi prodotti tal-Unjoni miżmuma f’imħażen għall-intervent pubbliku jew disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

L-ammont ta’ din l-għajnuna għandu jkun iddeterminat għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat billi tkun ikkunsidrata l-ispiża addizzjonali tat-trasport lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-prezzijiet applikati għall-esportazzjonijiet lejn terzi pajjiżi, u fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-ipproċessar jew inputs agrikoli, l-ispejjeż addizzjonali minħabba n-natura estremament remota, b’mod partikolari l-insularità u ċ-ċokon tad-daqs kwadrat tagħhom.

3.   M’għandha tingħata l-ebda għajnuna għall-provvista ta’ prodotti li jkunu diġà bbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista f’reġjun ultraperiferiku ieħor.

4.   Il-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss għandhom jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Il-prodotti ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom jagħtu livell ekwivalenti ta’ garanziji bħal dawk li huma prodotti taħt l-istandards veterinarji u fitosanitarji tal-Unjoni.

Artikolu 11

Implimentazzjoni

Fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandu jittieħed kont partikolarment ta’ dan li ġej:

(a)

il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u, fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-ipproċessar u inputs agrikoli, il-kondizzjonijiet ta’ kwalità meħtieġa;

(b)

il-flussi ta’ kummerċ mal-bqija tal-Unjoni;

(c)

l-aspett ekonomiku tal-għajnuna proposta;

(d)

il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-produzzjoni lokali eżistenti la tiġi destabbilizzata, u lanqas tiġi ostakolata fl-iżvilupp tagħha.

Artikolu 12

Ċertifikati

1.   L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni jew l-aċċess għall-għajnuna fil-qafas tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom jingħataw mal-preżentata ta’ ċertifikat.

Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu biss lil dawk l-operaturi mdaħħla f’reġistru miżmum mill-awtoritajiet kompetenti.

Il-liċenzji u ċ-ċertifikati m’għandhomx ikunu trasferibbli.

2.   Ma għandha tiġi rekwiżita l-ebda garanzija meta jsiru applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni, ċertifikati ta’ eżenzjoni jew ċertifikati għall-għajnuna. Madankollu, sa fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi li tiġi depożitata garanzija ugwali għall-ammont tal-vantaġġ msemmi fl-Artikolu 13. F’dawn il-każijiet għandu japplika l-Artikolu 34(1), (4), (5), (6), (7) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (10).

Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 33, li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru u li jipprovdu għall-eżerċizzju sħiħ mill-operaturi tad-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri ta’ dan l-Artikolu, speċifikament rigward l-introduzzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati u l-impenn meħud mill-operaturi meta jkunu qed jirreġistraw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 13

L-impatt tal-vantaġġ

1.   Il-benefiċċju derivat mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li jirriżulta mill-eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni jew mill-għoti ta’ għajnuna għandu jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jingħadda lill-utent finali li, skont il-każ, jista’ jkun il-konsumatur fil-każ tal-prodotti maħsuba għall-konsum dirett, min jipproċessa jew jippakkja l-aħħar fil-każ tal-prodotti maħsuba għall-industrija tal-ipproċessar jew tal-ippakkjar, jew il-bidwi fil-każ tal-prodotti użati għall-għalf tal-annimali jew bħala inputs agrikoli.

Il-vantaġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-ammont tal-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni jew daqs l-ammont tal-għajnuna.

2.   Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli spjegati fil-paragrafu 1 u b’mod aktar speċifiku l-kondizzjonijiet għall-monitoraġġ mill-Istati Membri li l-vantaġġ ikun fil-fatt wasal sal-utent aħħari. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 14

L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u spedizzjoni lejn il-bqija tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżiti li f’konformità magħhom jistgħu jiġu esportati lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni l-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, li għandhom jinkludu l-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew ir-rimbors tal-għajnuna li dak li jkun ikun irċieva, kif indikat fl-Artikolu 10. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista mhijiex soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-flussi ta’ kummerċ bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM).

2.   L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti pproċessati fir-reġjuni ultraperiferiċi minn prodotti li jkunu bbenefikaw minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li huma:

(a)

esportati lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni fil-limiti tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-esportazzjonijiet tradizzjonali u għall-ispedizzjonijiet tradizzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, biex tistabbilixxi dawk il-kwantitajiet abbażi taċ-ċifri medji tal-ispedizzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet, billi jittieħdu bħala referenza ċ-ċifri medji verifikati tal-aħjar tliet snin bejn l-2005 u l-2012. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2);

(b)

esportati lejn pajjiżi terzi bħala parti minn kummerċ reġjonali;

(c)

mibgħuta bejn ir-reġjuni tal-Azores, ta’ Madeira u tal-Gżejjer Kanarji;

(d)

mibgħuta bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.

Ma għandu jingħata ebda rimbors għall-esportazzjoni ta’ prodotti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.

L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, ma għandhiex tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.

3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, “kummerċ reġjonali” għandu jinftiehem bħala kummerċ li jsir, għal kull reġjun ultraperiferiku, ma’ pajjiżi terzi li jagħmlu parti mill-istess żona ġeografika li fihom jinsabu r-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll ma’ pajjiżi li magħhom hemm rabtiet kummerċjali storiċi. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta’ dawk il-pajjiżi, b’kunsiderazzjoni għat-talbiet oġġettivi tal-Istati Membri wara konsultazzjoni mas-setturi kkonċernati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

4.   Il-prodotti kkunsinjati fid-DOM, fl-Azores, fil-Madeira jew fil-Gżejjer Kanarji li jkunu koperti minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista u li jservu għall-provvista ta’ bastimenti u ajruplani huma kkunsidrati bħala kkonsmati lokalment.

5.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-kwantitajiet massimi li ġejjin ta’ zokkor (kodiċi NM 1701) jistgħu jintbagħtu kull sena mill-Azores lejn il-bqija tal-Unjoni matul il-ħames snin li ġejjin:

—   fl-2011: 3 000 tunnellata,

—   fl-2012: 2 500 tunnellata,

—   fl-2013: 2 000 tunnellata,

—   fl-2014: 1 500 tunnellata,

—   fl-2015: 1 000 tunnellata.

6.   L-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jistgħu jirriżultaw f’esportazzjonijiet kummerċjali tradizzjonali jew reġjonali jew spedizzjonijiet tradizzjonali għandhom jissodisfaw, mutatis mutandis, il-kondizzjonijiet ta’ pproċessar applikabbli skont l-arranġamenti ta’ pproċessar attiv u l-proċedura għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali previst fil-leġilazzjoni relevanti tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tas-suriet abitwali kollha ta’ trattament.

Artikolu 15

Zokkor

1.   Matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 204(2) u (3), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-produzzjoni barra l-kwota msemmija fl-Artikolu 61 tal-istess Regolament hija eżentata mid-dazji ta’ importazzjoni, fil-limiti tal-previżjonital-bilanċ tal-provvista msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

għaz-zokkor introdott biex ikun ikkonsmat fil-Madeira u fil-Gżejjer Kanarji fil-forma ta’ zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701;

(b)

għaz-zokkor raffinat u kkonsmat fl-Azores fil-forma ta’ zokkor mhux ipproċessat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 12 10 (zokkor mhux maħdum tal-pitravi).

2.   Fl-Azores, għall-finijiet tal-ipproċessar, il-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu supplimentati, fil-limiti tal-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista, permezz ta’ zokkor mhux ipproċessat li jaqa’ taħt il-kodiċi 1701 11 10 (zokkor mhux maħdum tal-kannamieli).

Meta jiġu determinati l-ħtiġijiet ta’ zokkor mhux ipproċessat fl-Azores, għandu jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-pitravi taz-zokkor. Il-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti ta’ provvista għandhom ikunu determinati sabiex jiġi żgurat li t-total tal-volum taz-zokkor ipproċessat fl-Azores ma jaqbiżx l-10 000 tunnellata kull sena.

Artikolu 16

Trab tal-ħalib xkumat

B’deroga mill-Artikolu 9, il-Gżejjer Kanarji jistgħu jibqgħu jirċievu provvisti ta’ trab tal-ħalib xkumat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1901 90 99 (trab tal-ħalib xkumat li fih xaħmijiet veġetali) maħsuba għall-ipproċessar industrijali sa 800 tunnellata kull sena. L-għajnuna mogħtija mill-Unjoni għall-provvista ta’ dan il-prodott ma tistax taqbeż il-EUR 210 għal kull tunnellata u għandha tkun inkluża fil-limitu stabbilit fl-Artikolu 30. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.

Artikolu 17

Ross

Ma għandu jkun impost ebda dazju fid-dipartiment extra-Ewropew Franċiż ta’ Réunion fuq prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1006 10, 1006 20 u 1006 40 00 importati għall-konsum hemmhekk.

Artikolu 18

Kontrolli u penali

1.   Il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli amministrattivi meta jiġu importati jew introdotti fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll meta jiġu esportati jew mibgħuta minn dawn.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli li għandhom isiru mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

2.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure jew kondizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali, jekk operatur, kif imsemmi fl-Artikolu 12, jonqos milli jikkonforma mal-impenji li jkunu saru skont l-Artikolu 12, l-awtorità kompetenti, mingħajr ħsara għal kwalunkwe penali applikabbli skont il-liġi nazzjonali, għandha:

(a)

tirkupra l-vantaġġ mogħti lill-operatur;

(b)

temporanjament tissospendi jew tirrevoka r-reġistrazzjoni tal-operatur, skont il-gravità tan-nonkonformità.

3.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure jew kondizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali, fejn operaturi, kif imsemmi fl-Artikolu 12, ma jwettqux l-importazzjoni jew id-dħul ppjanati, il-jedd tagħhom li japplikaw għal liċenzji jew ċertifikati għandu jiġi sospiż mill-awtorità kompetenti għal perijodu ta’ 60 jum wara l-iskadenza ta’ dik il-liċenzja jew ċertifikat. Wara l-perijodu tas-sospensjoni, il-ħruġ ta’ liċenzji jew ta’ ċertifikati sussegwenti għandu jkun soġġett għad-depożitu ta’ garanzija ugwali għall-ammont tal-vantaġġ li jkun se jingħata matul perijodu ta’ żmien li jrid jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti.

L-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tintuża mill-ġdid kull kwantità ta’ prodotti magħmula disponibbi bħala riżultat tan-noneżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni parzjali jew il-kanċellament tal-liċenzji u taċ-ċertifikati maħruġa jew l-irkupru tal-vantaġġ mogħti.

KAPITOLU IV

MIŻURI LI JGĦINU L-PRODOTTI AGRIKOLI LOKALI

Artikolu 19

Miżuri

1.   Il-programmi POSEI għandhom jinkludu miżuri speċifiċi favur il-prodotti agrikoli lokali skont it-termini tat-Titolu III tal-Parti Tlieta tat-Trattat, meħtieġa għall-assigurazzjoni tal-kontinwità u l-iżvilupp tal-prodotti agrikoli lokali f’kull reġjun ultraperiferiku.

2.   Il-partijiet tal-programm li jinkludu miżuri biex tiġi megħjuna l-produzzjoni agrikola lokali u li jikkorrispondu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali tal-produzzjoni agrikola li tqis ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet disponibbli, li turi d-differenzi, in-nuqqasijiet u l-potenzjal għall-iżvilupp, ir-riżorsi finanzjarji użati u r-riżultati ewlenin ta’ miżuri meħuda qabel;

(b)

deskrizzjoni tal-istrateġija proposta, il-prijoritajiet magħżula u l-objettivi ġenerali u operattivi kwantifikati, u valutazzjoni li turi l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali mistenni, inklużi l-effetti fuq l-impjiegi;

(c)

deskrizzjoni tal-miżuri previsti, u b’mod partikolari l-iskemi ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni tagħhom, u, fejn ikun meħtieġ, tagħrif dwar il-ħtiġijiet għal xi studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ jew operazzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati;

(d)

il-lista tal-għajnuniet li jikkostitwixxu ħlasijiet diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009;

(e)

l-ammont ta’ għajnuna stabbilit għal kull miżura u l-ammont proviżorju għal kull azzjoni sabiex jinkiseb objettiv wieħed jew aktar tal-programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward ir-rekwiżiti għall-provvediment tal-għajnuna deskritta fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

4.   Il-programm jista’ jinkludi miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi.

Kull miżura tista’ tinkludi varjetà ta’ azzjonijiet. Għal kull azzjoni l-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-benefiċjarji;

(b)

il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà;

(c)

l-ammont unitarju tal-għajnuna.

Biex jingħata appoġġ lill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti barra minn reġjun ta’ produzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’ konformita’ mal-Artikolu 33 dwar il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ tali kummerċjalizzazzjoni u, fejn ikun il-każ, il-kondizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-kwantitajiet tal-prodotti li jaqgħu taħt din l-għajnuna.

Artikolu 20

Kontrolli u ħlasijiet mhux dovuti

1.   Il-kontrolli tal-miżuri msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom isiru permezz ta’ kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post.

2.   F’każ ta’ ħlas mhux dovut, il-benefiċjarju kkonċernat għandu l-obbligu li jħallas lura l-ammonti inkwistjoni. L-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kondizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ (dirett) għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kondizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (11), għandu japplika mutatis mutandis.

KAPITOLU V

MIŻURI TA’ AKKUMPANJAMENT

Artikolu 21

Logo

1.   Għandu jiġi introdott logo bil-għan li jikbru l-għarfien u l-konsum ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità, kemm naturali kif ukoll ipproċessati, speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi.

2.   Il-kondizzjonijiet għall-użu tal-logo previst fil-paragrafu 1 għandu jkun propost mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ ikkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħaddu dawn il-proposti, bl-opinjoni tagħhom dwarhom, lill-Kummissjoni.

L-użu tal-logo għandu jkun sorveljat minn awtorità uffiċjali jew minn korp approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

3.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 33, dwar il-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-użu tal-logo kif ukoll tar-riproduzzjoni u l-użu tiegħu. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu mmirati sabiex jikber l-għarfien dwar il-prodotti agrikoli ta’ kwalità għolja mir-reġjuni ultraperiferiċi u sabiex jikber il-konsum tagħhom, kemm jekk ikunu prodotti pproċessati kif ukoll jekk mhux ipproċessati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward ir-regoli dettaljati rigward l-użu tal-logo u l-karatteristiċi minimi għall-kontrolli u l-monitoraġġ li l-Istati Membri għandhom iwettqu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 22

Żvilupp rurali

1.   Minkejja l-Artikolu 39(4) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-ammonti annwali massimi eliġibbli fl-ambitu għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, kif spjegati fl-Anness I tal-imsemmi Regolament, jistgħu jiżdiedu sad-doppju f’dak li jirrigwarda l-miżura ta’ protezzjoni tal-lagi fl-Azores u l-miżura għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ, tal-bijodiversità u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli u l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel fir-reġjuni ultraperiferiċi.

2.   Deskrizzjoni tal-miżuri ppjanifikati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun inkluża, fejn xieraq, fil-programmi għal dawn ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

Artikolu 23

Għajnuna mill-Istat

1.   Għall-prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat, li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna operattiva, f’konformità mal-Artikolu 108 tat-Trattat, fis-setturi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-prodotti, bl-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi li jirriżultaw mill-isolazzjoni, l-insularità u n-natura estremament remota tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-programmi POSEI. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kummissjoni tista’ tapprovahom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, bħala parti minn dawn il-programmi. Dawn l-għajnuniet notifikati għandhom jiġu kkunsidrati bħala notifikati skont it-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Franza tista’ tagħti għajnuna sa EUR 90 miljun fis-settur taz-zokkor tar-reġjuni Franċiżi ultraperiferiċi, għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum minn tmiem kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna li fil-fatt tkun tat.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli (12), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għall-ħlasijiet li jkunu saru mill-Istati Membri taħt dan ir-Regolament, b’applikazzjoni tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikoli 24 u 28 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Programmi għas-saħħa tal-pjanti

1.   L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni programmi għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti fir-reġjuni ultraperiferiċi. Il-programmi għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari l-objettivi li għandhom jintlaħqu, il-miżuri li għandhom jitwettqu, id-durata u l-ispiża tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programmi mressqa. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi jekk tapprovax dawk il-programmi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

2.   L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programmi previsti fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ analiżi teknika tas-sitwazzjonijiet reġjonali.

Tali kontribuzzjoni tista’ tkopri sa 75 % tan-nefqa eliġibbli. Il-ħlas għandu jsir abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu organizzati kontrolli mill-Kummissjoni u jsiru f’isimha minn esperti kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (13).

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni għal kull reġjun u programm, abbażi tal-kriterji ffissati fil-paragrafu 2 u l-programm ippreżentat skont il-paragrafu 1, biex tistabbilixxi:

(a)

il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni, kif ukoll l-ammont tal-għajnuna;

(b)

il-miżuri eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 25

Inbid

1.   Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 103v, 103w, 103x u 182a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandhomx japplikaw la għall-Azores u lanqas għall-Madeira.

2.   Minkejja t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-għeneb li jkun ġej mill-varjetajiet tad-dwieli msemmija fil-punt (b) tas-subparagrafu msemmi, maħsuda fir-reġjuni tal-Azores u tal-Madeira, jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ inbid li għandu jibqa’ f’dawk ir-reġjuni.

Il-Portugall għandu gradwalment jelimina l-produzzjoni mill-għelieqi tad-dwieli msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, bl-appoġġ, fejn xieraq, previst fl-Artikolu 103q ta’ dak ir-Regolament.

3.   B’deroga mill-Artikolu 85f tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, ir-reġim transizzjonali tad-drittijiet ta’ tħawwil għandhom japplikaw għall-Gżejjer Kanarji sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 26

Ħalib

1.   Għall-finijiet tat-tqassim ta’ dazju għaż-żejjed taħt l-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, huma biss il-produtturi fis-sens tal-Artikolu 65(c) ta’ dak ir-Regolament, stabbiliti u li jipproduċu fl-Azores, li jqiegħdu fis-suq kwantitajiet li jaqbżu l-kwota tagħhom, miżjuda bil-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li għandhom jitqiesu bħala li kkontribwixxew għall-produzzjoni żejda.

Id-dazju fuq iż-żejjed għandu jitħallas fuq kwantitajiet li jaqbżu l-kwota miżjuda mill-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu, wara allokazzjoni mill-ġdid, fost il-produtturi kollha fis-sens tal-Artikolu 65(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, stabbiliti u li jipproduċu fl-Azores, u proporzjonalment mal-kwota disponibbli għal kull produttur, tal-kwantitajiet mhux użati fil-marġni li tirriżulta minn din iż-żieda u li baqgħu ma ntużawx.

Il-perċentwal imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-proporzjon bejn il-kwantità ta’ 23 000 tunnellata mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 ’il quddiem u t-total tal-kwantitajiet ta’ referenza disponibbli fuq kull azjenda fil-31 ta’ Marzu 2010. Hu għandu japplika biss għall-kwota disponibbli fuq l-azjenda fil-31 ta’ Marzu 2010.

2.   Il-kwanitatijiet ta’ ħalib jew ekwivalenti tal-ħalib imqiegħda fis-suq li jaqbżu l-kwota, iżda li jaqblu mal-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, wara l-allokazzjoni mill-ġdid imsemmija fl-istess paragrafu, m’għandhomx jitqiesu waqt li tiġi stabbilita kwalunkwe produzzjoni akbar mill-kwota mill-Portugall kif ikkalkulata b’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

3.   L-iskema ta’ dazju fuq iż-żejjed applikabbli għall-produtturi tal-ħalib prevista fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandhiex tapplika għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jew, fil-limitu tal-produzzjoni lokali ta’ 4 000 tunnellata ħalib, fil-Madeira.

4.   Minkejja l-Artikolu 114(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-produzzjoni ta’ ħalib UHT rikostitwit minn trab tal-ħalib li joriġina mill-Unjoni għandha tkun awtorizzata fil-Madeira u fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropew ta’ Réunion, fil-limiti tal-ħtiġijiet ta’ konsum lokali, sakemm din il-miżura ma xxekkilx il-ħalib prodott lokalment milli jinġabar u jiġi dispost. Jekk Franza turi l-espedjenza ta’ tali miżura għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ta’ Martinique u tal-Gwadalup u l-Gujana Franċiża, il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa, li tadotta atti delegati, fejn meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 33, sabiex testendi din il-miżura għal dawk id-dipartimenti. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.

Il-metodu kif jinkiseb il-ħalib UHT hekk rikostitwit għandu jkun indikat b’mod ċar fuq it-tikketta tal-bejgħ.

Artikolu 27

Trobbija tal-ifrat

1.   Sa meta l-kwantità lokali tal-ifrat irġiel żgħar tilħaq livell suffiċjenti biex tiżgura l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-laħam taċ-ċanga fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira, għandha tiddaħħal l-possibbiltà li jiġu importati annimali tal-ifrat minn pajjiżi terzi għas-simna u l-konsum fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira, mingħajr l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni skont it-Tariffa Doganali Komuni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu u b’mod aktar speċifiku l-mezzi għall-introduzzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-ifrat irġiel żgħar li jiddaħħlu fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

L-Artikoli 13 u 14(1) għandhom japplikaw għall-annimali li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-kwantità ta’ annimali li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun determinata fil-programmi POSEI, meta l-ħtieġa għall-importazzjoni tkun iġġustifikata, minħabba l-iżviluppi fil-produzzjoni lokali. Għandha tingħata prijorità fir-rigward ta’ dawn l-annimali lill-produtturi li jżommu annimali għas-simna li minnhom mill-anqas 50 % huma ta’ oriġini lokali.

Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta dawk atti delegati, taħt l-Artikolu 33, li jistipulaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jieħdu kont tal-karatteristiċi speċifiċi lokali tas-settur u l-industrija taċ-ċanga.

3.   Fejn ikunu applikati l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53(1), tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-Portugall jista’ jnaqqas il-komponent tal-limitu nazzjonali li jikkorrispondi għall-ħlas tad-drittijiet tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u għad-drittijiet tal-primjum tal-baqar li jreddgħu. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha taddotta att ta’ implimentazzjoni dwar l-ammont rilevanti li għandu jiġi trasferit mil-limiti stabbiliti skont l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għar-riżorsi finanzjarji msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 30(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 28

Għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tat-tabakk

Spanja hija awtorizzata tagħti għajnuna rigward il-produzzjoni tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji. L-għoti ta’ din l-għajnuna m’għandux iwassal għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi fil-gżejjer.

L-ammont tal-għajnuna ma jistax jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 980,62 għal kull tunnellata. L-għajnuna addizzjonali għandha titgħata għal massimu ta’ 10 tunnellati kull sena.

Artikolu 29

Eżenzjoni mid-dazju fuq it-tabakk

1.   L-ebda dazju m’għandu jiġi applikat għal importazzjonijiet diretti fil-Gżejjer Kanarji ta’ tabakk mhux maħdum u nofsu maħdum li jaqa’, rispettivament, taħt:

(a)

Kodiċi tan-NM 2401; kif ukoll

(b)

is-subtitoli li ġejjin:

2401 10 Tabakk mhux maħdum mhux imqaxxar,

2401 20 Weraq tat-tabakk biz-zokk parzjalment maqtugħ jew maqtugħ kollu,

ex 2401 20 Għata ta’ barra għas-sigarri ppreżentati fuq stends, f’rukkelli, maħsuba għall-manifattura tat-tabakk,

2401 30 Skart tat-tabakk,

ex 2402 10 Sigarri mhux kompluti mingħajr kisja,

ex 2403 10 Biċċiet ta’ tabakk (taħlit finalizzat ta’ tabakk għall-manifattura ta’ sigaretti, sigarri, sigarri ħoxnin miftuħin miż-żewġt itruf u sigarri żgħar),

ex 2403 91 Tabakk omoġenizzat jew rikostitwit, kemm jekk imqiegħed f’forma ta’ folja jew fi strixxi,

ex 2403 99 Tabakk imwessa’.

L-eżenzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata permezz taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 12.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika għall-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu, maħsuba għall-ipproċessar fil-Ġejjer Kanarji biex isiru prodotti manifatturati lesti għat-tipjip, soġġett għal limitu annwali ta’ importazzjoni ta’ 20 000 tunnellata tal-ekwivalenti ta’ tabakk mhux maħdum imqaxxar.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 u b’mod aktar speċifiku l-miżuri biex tiddaħħal l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 30

Riżorsi finanzjarji

1.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu intervent maħsub biex jistabbilizza s-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (14), bl-eċċezzjoni tal-miżuri previsti:

(a)

fl-Artikolu 22; u

(b)

fl-Artikolu 24, mid-data tal-applikazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020.

2.   Għal kull sena finanzjarja l-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa somma annwali massima ekwivalenti għal dan li ġej:

:

fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej

:

EUR 278,41 miljun

:

Azores u Madeira

:

EUR 106,21 miljun

:

Gżejjer Kanarji

:

EUR 268,42 miljun.

3.   L-ammonti allokati annwalment għal kull sena finanzjarja għall-finanzjament tal-miżuri previsti fil-Kapitolu III ma jistgħux ikunu akbar mill-ammonti li ġejjin:

:

fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej

:

EUR 26,9 miljun

:

Azores u Madeira

:

EUR 21,2 miljun

:

Gżejjer Kanarji

:

EUR 72,7 miljun.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżiti li f’konformità magħhom l-Istati Membri jistgħu jemendaw l-allokazzjoni tar-riżorsi allokati kull sena għall-prodotti differenti li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

4.   Il-Kummissjoni b’dan tinghata s-setgħa li tadotta att delegati, taħt l-Artikolu 33, dwar il-kondizzjonijiet biex jiġi determinat l-ammont massimu annwali li jista’ jiġi allokat għall-miżuri ta’ finanzjament ta’ studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ u għajnuna teknika, sakemm tali allokazzjoni tkun raġonevoli u proporzjonata.

5.   Għas-sena finanzjarja 2013, l-Unjoni għandha tagħti finanzjament addizzjonali għas-settur tal-banana tar-reġjuni ultraperiferiċi sal-ammonti massimi li ġejjin:

:

fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej

:

EUR 18,52 miljun

:

Azores u Madeira

:

EUR 1,24 miljun

:

Gżejjer Kanarji

:

EUR 20,24 miljun.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 31

Miżuri nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontrolli u sanzjonijiet amministrattivi, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 32

Komunikazzjonijiet u rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar ta’ kull sena dwar l-approprjazzjonijiet li jkunu saru disponibbli għalihom li jkunu bi ħsiebhom jonfqu matul is-sena ta’ wara għall-implimentazzjoni tal-bilanċ provviżorju tal-provvista u għal kull miżura favur il-produzzjoni agrikola lokali inkluża fil-programmi POSEI.

2.   L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, rapport dwar l-implimentazzjoni fis-sena preċedenti tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.

3.   Sat-30 ta’ Ġunju 2015, u wara kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament, inkluż fis-setturi tal-banana u tal-ħalib, flimkien ma’ proposti xierqa, fejn applikabbli.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi kapitolu speċifiku fl-analiżijiet, l-istudji u l-valutazzjonijiet li twettaq fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali u tal-politika agrikola komuni fejn ikun involut qasam li jkun ta’ interess partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi.

Artikolu 33

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-21 ta' Marzu 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   L-atti delegati adottati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’ xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 34

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Pagamenti Diretti stabbilit permezz tal-Artikolu 141 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ħlief għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament, li għalih il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti stabbilit permezz tad-Deċijoni tal-Kunsill 76/894/KEE (15). Dawk il-Kumitati għandhom ikuni kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 35

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dawn l-arranġamenti qabel tmiem l-2013, fid-dawl tal-effikaċja ġenerali tagħhom u l-qafas ta’ politika l-ġdid tal-PAK, u jekk ikun meħtieġ għandha tressaq proposti xierqa għal skema riveduta tal-POSEI.

Artikolu 36

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 huwa b’dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 33.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 2013.

(3)  ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(5)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(8)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(9)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(10)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.

(11)  ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.

(12)  ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.

(13)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Volum 29, p. 258.

(14)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(15)  ĠU L 340, 9.12.1976, p. 25, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Volum 3, p. 60.


ANNESS

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 247/2006

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 9

Artikolu 3(1) u (2)

Artikolu 10(1) u (2)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4)

Artikolu 3(3)

Artikolu 11

Artikolu 3(4)

Artikolu 13

Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 14(1) u (2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(4)

Artikolu 4(3)

Artikolu 14(5)

Artikolu 5

Artikolu 15

Artikolu 6

Artikolu 16

Artikolu 7

Artikolu 17

Artikolu 8 l-aħħar sentenza

Artikolu 12(3)

Artikolu 9(1) u Artikolu 10

Artikolu 19(1)

Artikolu 9(2) u (3)

Artikolu 3

Artikolu 11

Artikolu 4

Artikolu 12(a), (b) u (c)

Artikolu 19(2)(a), (b) u (c)

Artikolu 12(d), (e), (f), (g)

Artikolu 5

Artikolu 13

Artikolu 8 tieni paragrafu

Artikolu 14

Artikolu 21

Artikolu 15

Artikolu 22

Artikolu 16

Artikolu 23

Artikolu 17

Artikolu 24

Artikolu 18

Artikolu 25

Artikolu 19

Artikolu 26

Artikolu 20

Artikolu 27

Artikolu 21

Artikolu 28

Artikolu 22

Artikolu 29

Artikolu 23

Artikolu 30

Artikolu 24

Artikolu 6

Artikolu 27

Artikolu 31

Artikolu 28

Artikolu 32

Artikolu 29

Artikolu 36

Artikolu 33

Artikolu 37


Top