This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003D1230
Decision No 1230/2003/EC of the European Parliament and of the Council of 26 June 2003 adopting a multiannual programme for action in the field of energy: "Intelligent Energy — Europe" (2003 — 2006) (Text with EEA relevance)
Id-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 li tadotta programm multiannwali għall-azzjoni fil-qasam ta’ l-enerġija: Enerġija Intelliġenti-Ewropa (2003 - 2006)(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Id-Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 li tadotta programm multiannwali għall-azzjoni fil-qasam ta’ l-enerġija: Enerġija Intelliġenti-Ewropa (2003 - 2006)(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 176, 15.7.2003, p. 29–36
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006
Official Journal L 176 , 15/07/2003 P. 0029 - 0036
Deċiżjoni Nru 1230/2003/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 li tadotta programm multiannwali għall-azzjoni fil-qasam ta’ l-enerġija: "Enerġija Intelliġenti-Ewropa" (2003 - 2006) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 175(1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw ta ‘l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2], Wara li kunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3], B’ħidma skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], Billi: (1) Riżorsi naturali, li l-użu bil-qies u razzjonali tagħhom hu pprovdut fl-Artikolu 174 tat-Trattat, jinkludu, minbarra s-sorsi ta’ enerġija rinovabbli, żejt, gass naturali u karburant solidu, li huma sorsi ta’ enerġija essenzjali iżda huma wkoll l-għejun ewlenin ta’ emissjonijiet tad-dijossidu karboniku. Il-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali biex jiġu trattati l-problemi reġjonali u tad-dinja hi waħda mill-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. (2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa "Ewropa sostenibbli għal dinja aħjar: Strateġija ta’ l-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli", ippreżentat lill-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001, jinkludi emissjonijiet ta’ gassijiet li jżidu t-tisħin ta’ l-atmosfera u t-tniġġiz ikkawżat mit-trasport, fost l-ostakli prinċipali ta’ l-iżvilupp sostenibbli. Li jintgħelbu dawn l-ostakli jfisser li jiġi adottat approċċ ġdid għall-politika tal-Komunità biex b’hekk jitqarrbu lejn iċ-ċittadini individwali kif ukoll lejn in-negozji biex jinbidlu l-modi tal-konsum u ta’ l-investiment. (3) Il-Kunsill Ewropew ta’ Gothenburg adotta strateġija ġdida għall-iżvilupp sostenibbli u żied dimensjoni ambjentali għall-proċess ta’ Lisbona għall-impjiegi, għar-riforma ekonomika u għall-koeżjoni soċjali. (4) Il-miżuri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma elementi importanti fl-azzjoni bżonnjuża biex taqbel mad-disposizzjonijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto, kif ipprovdut fil-Programm Ewropew tal-Bidla tal-Klima (ECCP). Bidliet fiżiċi osservati fl-Ewropa u f’postijiet oħra fid-dinja jisħqu l-bżonn għal azzjoni urġenti. (5) Il-Karta l-Ħadra msejħa "Lejn Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Provvista ta’ l-Enerġija" tinnota li l-Unjoni Ewropea qiegħda dejjem issir aktar indipendenti fuq sorsi ta’ enerġija esterni u l-dipendenza tagħha tista’ tiżdied sa’ 70 % f’20,30 sena żmien (imqabbla mal-50 % ta’ bħalissa) u b’hekk tisħaq il-bżonn li tiġi bilanċjata l-politika tal-provvista ma’ azzjoni ċara għal politika tat-talba u s-sejħiet għal bidla ġenwina fl-imġiba tal-konsumaturi sabiex it-talba tiġi orjentata lejn konsum imħaddem aħjar, aktar effiċjenti u li jmur favur l-ambjent, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport u tal-bini, u biex tingħata prijorità għall-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda u li jiġġeddu fuq in-naħa tal-provvista biex tirrispondi għall-isfida tas-sħana globali. (6) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu fil-Karta l-Ħadra "Lejn Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Provvista ta’ l-Enerġija" [5], il-Parlament Ewropew identifika l-effiċjenza u l-iffrankar ta’ l-enerġija bħala l-ewwel priorita’ tiegħu. Hu sejjaħ għal promozzjoni ta’ approċċ "intelliġenti" għall-użu ta’ l-enerġija, sabiex l-Ewropea ssir l-aktar ekonomija enerġetikament effiċjenti fid-dinja. (7) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar pjan ta’ azzjoni biex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija fil-Komunità Ewropea tipprovdi għat-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija b’1 % aktar fis-sena meta mqabbla mal-figura ta’ 0,6 % li tirreferi għall-mudell irreġistrat f’dawn l-aħħar għaxar snin. Jekk dan l-għan jintlaħaq, żewġ terzi tal-potenzal ta’ l-iffrankar ta’ l-enerġija, li hu stimat bħala 18 % tal-konsum totali, jista’ jkun realizzat sa’ l-2010. Il-pjan ta’ azzjoni jipproponi miżuri leġislattivi u azzjonijiet ta’ appoġġ. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni titlob ukoll it-tħejjija ta’ sistemi effiċjenti għall-monitoraġġ u t-tkomplija. (8) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa "Enerġija għall-futur: sorsi ta’ enerġija rinovabbli - Karta Bajda għall-istrateġija tal-Komunità u pjan ta’ azzjoni" jirrakkomanda għan indikattiv ta’ 12 % ta’ enerġija minn sorsi li jiġġeddu fil-konsum gross domestiku fil-Komunità sa’ l-2010. Il-Kunsill, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-sorsi ta’ l-enerġija rinovabbli, [6] u l-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu fil-Karta Bajda, saħqu l-bżonn għal żieda sostanzjali u sostenibbli fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-Komunità u approvaw l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni, inkluż it-tisħiħ tal-programmi li jsostnu s-sorsi li jiġġeddu. Il-pjan ta’ azzjoni jipprovdi għal miżuri ta’ appoġġ għall-promozzjoni u l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Il-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tal-Komunità u l-pjan ta’ azzjoni għas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli (1998-2000) tinnota l-progress li sar, iżda jisħaq li hemm bżonn ta’ aktar sforzi fuq livell Komunitarju u nazzjonali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, b’mod partikolari leġislazzjoni ġdida dwar is-sorsi ta’ enerġija rinovabbli u l-promozzjoni tagħhom. (9) Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija dwar is-suq intern ta’ l-elettriku [7] titlob lill-Istati Membri biex iħejju għanijiet nazzjonali indikattivi konsistenti ma’ l-għan indikattiv globali tal-Komunità ta’ 12 % tal-konsum gross nazzjonali ta’ l-enerġija sa’ l-2010 u b’mod partikolari bit-22,1 % ta’ parti indikattiva ta’ elettriku prodotta mis-sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-konsum totali ta’ elettriku fil-Komunità sa’ l-2010. (10) Ir-Riżoluzzjoni dwar l-użu tas-sorsi ta’ l-enerġija rinovabbli fl-Istati AKP [8] adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-EU fl-1 ta’ Novembru 2001 "tħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi l-provvisti ta’ l-enerġija sostenibbli, b’mod partikolari permezz ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta’ forom ta’ enerġija rinovabbli, bħala qasam ta’ azzjoni prioritarja fl-istrateġija tal-politika ġdida ta’ l-iżvilupp". (11) Il-"Pjan finali ta’ implimentazzjoni" tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, miftiehem fit-2 ta’ Settembru 2002, rabat lill-pajjiżi li ffirmaw, inkluż l-UE, biex jagħmlu sforzi sabiex: - iżidu b’mod sostanzjali il-parti globali tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli fit-taħlita ta’ l-enerġija, - joħolqu qasam li jqiegħed il-livelli għas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli meta mqabbla ma’ sorsi ta’ enerġija oħra, - jippromwovu aktar riċerka u żvilupp fis-sorsi ta’ enerġija rinovabbli, l-effiċjenza ta’ l-enerġija u teknoloġiji konvenzjonali aktar indaf ta’ karburant, - jagħtu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ir-riżorsi finanzjarji biex jiżviluppaw il-kompetenza fl-enerġija, inklużi sorsi ta’ enerġija rinovabbli, effiċjenza fl-enerġija u teknoloġiji konvenzjonali aktar indaf ta’ karburant, bil-għan li jinkiseb żvilupp sostenibbli. (12) L-inizjattiva ta’ l-imsieħba ta’ l-UE "Inizjattiva ta’ l-Enerġija għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli" mibdija fl-1 ta’ Settembru 2002 hi bażata fuq effiċjenza aħjar ta’ l-enerġija u użu akbar tas-sorsi ta’ l-enerġija rinovabbli, u diversi pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u organizzazzjonijiet reġjonali, kif ukoll is-settur privat u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, diġà assoċjaw irwieħhom ma’ din l-inizjattiva, il-prinċipji u l-istrateġija li huma stipulati fil-"Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni fuq l-Enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw". (13) Peress li ħafna miżuri Komunitarji dwar l-effiċjenza fl-enerġija, b’mod partikolari t-tqegħid ta’ tikketti fuq tagħmir elettroniku, ta’ l-uffiċcji u ta’ komunikazzjoni u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tad-dawl, tas-sħana u ta’ l-arja kondizzjonata, ma jorbtux lill-Istati membri, hemm bżonn ta’ programmi speċifiċi ta’ promozzjoni fuq livell Komunitarju sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet għal mixja lejn sistemi ta’ enerġija sostenibbli. (14) L-istess jgħodd għal miżuri Komunitarji biex tinkiseb penetrazzjoni akbar fis-suq għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli, b’mod partikolari l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir li jipproduċi jew jikkonsma sorsi ta’ enerġija rinovabbli. (15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/21/KE, Euratom ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 li tadotta programm fil-qafas multiannwali għall-azzjonijiet fis-settur ta’ l-enerġija (1998-2002) u miżuri relatati [9], id-Deċiżjonijiet dwar programmi speċifiċi, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/22/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 li tadotta programm multiannwali għal studji, analiżi, tbassir u xogħol ieħor relatat mal-qasam ta’ l-enerġija (1998-2002) [10]: - il-programm ETAP, Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/23/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 li tadotta programm fil-qafas multiannwali biex jippromwovi l-koperazzjoni internazzjonali fis-settur ta’ l-enerġija (1998-2002) [11] - il-programm Synergy, Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/24/KE, Euratom ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 li tadotta programm multiannwali ta’ l-azzjonijiet tekniċi li jippromwovu użu nadif u effiċjenti ta’ karburant solidu (1998-2002) [12] - ill-programm Carnot, Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/25/Euratom ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998 li tadotta programm multiannwali (1998-2002) ta’ azzjonijiet fis-settur nukleari rigward it-trasport sigur tal-materjali radjoattivi u rigward is-salvagwardji u l-koperazzjoni bejn l-industrija sabiex jiġu promossi ċerti aspetti ta’ l-apparat nukleari fil-pajjiżi li bħalissa qegħdin jieħdu sehem fil-Programm Tacis [13] - il-programm SURE, Deċiżjoni 646/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar li tadotta programm multiannwali għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-Komunità (1998-2002) [14] - il-programm Altener, u d-Deċiżjoni 647/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar li tadotta programm multiannwali għall-promozzjoni ta’ l-effiċjenza fl-enerġija (1998-2002) [15] - il-programm SAVE skada fil-31 ta’ Diċembru 2002. (16) Skond l-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni 1999/21/KE, Euratom, il-Kummissjoni qabbdet esperti indipendenti biex jagħmlu evalwazzjoni esterna fil-qafas tal-programm hawn fuq imsemmi u tal-programmi speċifiċi. Fir-rapport tagħhom, l-evalwaturi jagħrfu l-importanza ta’, b’mod partikolari, l-programmi Altener, SAVE, Synergy u ETAP fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija enerġetika u l-istrateġija Komunitarja għall-iżvilupp sostenibbli. Jinnutaw in-nuqqas ta’ riżorsi għal dawn il-programmi, meta wieħed iqis il-bżonnijiet ġenwini, u jagħtu parir li dawn għandhom jiżdiedu. (17) Jidher bħala ġustifikat li jiżdied il-qafas finanzjarju għal programm "Enerġija Intelliġenti-Ewropa" aktar komprensiv. (18) Meta tiġi kkunsidrata l-istrateġija tal-Komunità għall-iżvilupp sostenibbli u r-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet fil-qafas tal-programm, għandhom jittieħdu passi sabiex jissaħħaħ l-appoġġ tal-Komunità f’dawk l-oqsma ta’ l-enerġija li jgħinu fl-iżvilupp sostenibbli billi jingħaqdu fi programm wieħed - "Enerġija Intelliġenti-Ewropa" - li jikkonsisti f’erba’ oqsma speċifiċi. (19) L-importanza u s-suċċess ta’ l-appoġġ tal-Komunità għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli fil-qafas tal-programm Altener matul il-perjodu bejn l-1993 u l-2002 jiġġustifikaw l-inklużjoni f’dan il-programm tal-qasam speċifiku li jikkonċerna s-sorsi ta’ l-enerġija rinovabbli - "Altener". (20) Il-bżonn li jissaħħaħ l-appoġġ tal-Komunità għal użu razzjonali ta’ l-enerġija u s-suċċess tal-programm SAVE matul il-perjodu 1991-2002 jiġġustifika l-inklużjoni f’dan il-programm tal-qasam speċifiku li jikkonċerna l-effiċjenza fl-enerġija - "SAVE". (21) It-titjib ta’ l-użu ta’ l-enerġija fis-settur tat-trasport, inkluża d-diversifikazzjoni tal-karburanti, fejn sorsi ta’ enerġija ġdida li qegħdin jiżviluppaw bħall-idroġenu u sorsi ta’ enerġija rinovabbli jista’ jkollhom irwol, hu estremament importanti fl-isforzi tal-Komunità biex tnaqqas l-effetti negattivi tat-trasprort fuq l-ambjent. Dan jiġġustifika l-inklużjoni fil-programm "Enerġija Intelliġenti-Ewropa" ta’ qasam speċifiku li jikkonċerna l-aspetti enerġetiċi tat-trasport - "STEER". (22) Il-bżonn li jkun hemm promozzjoni ta’ l-aqwa prattiċi żviluppati fil-Komunità fl-oqsma tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli u ta’ l-effiċjenza fl-enerġija, u biex jiġu trasferiti lejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b’mod partikolari, hu wieħed mill-prioritajiet tal-Komunità fir-rigward ta’ l-impenji internazzjonali, flimkien mat-tisħiħ tal-koperazzjoni fl-użu ta’ mekkaniżmi flessibli tal-Protokoll ta’ Kyoto. Sabiex tiġi żgurata kontinwità fir-rigward ta’ l-ex programm Synergy li jikkonċerna l-azzjonijiet fl-oqsma msemmija hawn fuq, qasam speċifiku li jikkonċerna l-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija fil-qafas tal-promozzjoni internazzjonali - "COOPENER" - għandu jkun inkluż f’dan il-programm. (23) Skambju ta’ għarfien, l-aqwa prattika u riżultati ta’ proġetti, kordinazzjoni fil-programm u ma’ politika oħra tal-Komunità, kontinwità mal-programmi attwali, stabbiltà tar-regoli ta’ parteċipazzjoni, riżorsi umani biżżejjed kif ukoll implimentazzjoni rapida se jkunu kruċjali għas-suċċess tal-programm "Enerġija Intelliġenti-Ewropa". F’dan ir-rispett, organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali jista’ jkollhom irwol siewi fil-kontribuzzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm ma’ programmi nazzjonali relatati. (24) L-integrazzjoni tad-dimensjoni ta’ l-ugwaljanza bejn is-sessi hi aspett importanti fil-programmi kollha tal-Komunità u b’hekk għandha tkun ikkunsidrata fil-qafas tal-programm "Enerġija Intelliġenti-Ewropa". (25) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas finanzjarju għat-tul kollu tal-programm li għandu jkun il-punt prinċipali ta’ referenza għall-awtorita’ tal-budgetarja, skond il-punt 22 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-6 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-budget u t-titjib tal-proċedura tal-budget [16]. (26) Peress li l-għanijiet tal-programm propost, li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tal-Komunità fl-oqsma ta’ l-enerġija li tgħin l-iżvilupp sostenibbli, ma jistgħux jinkisbu kif suppost mill-Istati Membri li jaħdmu għal rashom minħabba li hemm bżonn ta’ kampanja ta’ promozzjoni u ta’ skambji, ibbażati fuq kooperazzjoni mill-qrib fuq skala Ewropea bejn il-persuni involuti fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u b’hekk jistgħu jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx ‘il hinn minn dak li hu neċessarju għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. (27) Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni ma jaffettwawx l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, u b’mod partikolari l-pariri tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ta’ l-ambjent. (28) Il-miżuri bżonnjużi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eserċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [17], ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Programm multiannwali għall-azzjonijiet fil-qasam ta’ l-enerġija: "Enerġija Intelliġenti- Ewropa", minn issa ‘l quddiem imsejjaħ "dan il-programm", hu hawnhekk adottat għall-perjodu bejn l-2003 u l-2006. 2. Dan il-programm se jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli fil-kuntest enerġetiku, billi jagħti kontribut bilanċjat għall-kisba ta’ l-għanijiet ġenerali li ġejjin: sigurtà fil-provvista ta’ l-enerġija, kompetittività u l-protezzjoni ta’ l-ambjent. 3. Dan il-programm hu maħsub ukoll għal koeżjoni ekonomika u soċjali u jfittex li jkabbar it-trasparenza, il-koerenza u l-komplementarjetà ta’ l-azzjonijiet kollha u ta’ miżuri oħra relatati fil-qasam ta’ l-enerġija, biex b’hekk joħloq rabtiet effettivi bejn dawn il-miżuri u azzjonijiet magħmulha skond politika oħra tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri. Artikolu 2 L-għanijiet speċifiċi tal-programm huma kif ġejjin: (a) li jipprovdi l-elementi bżonnjużi għall-promozzjoni ta’ l-effiċjenza fl-enerġija, l-użu akbar tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli u d-diversifikazzjoni fl-enerġija, bħal permezz ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluż fit-trasport, it-titjib tas-sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-potenzal tar-reġjuni, b’mod partikolari r-reġjuni li jinsabu fuq in-naħa ta’ barra, u tal-gżejjer, u t-tħejjija ta’ miżuri leġislattivi bżonnjużi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; (b) li jiżviluppa l-mezzi u l-istrumenti, li jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, biex ikompli, jimmonitorja u jevalwa l-impatt tal-miżuri adottati mill-Komunità u mill-Membri Stati tagħha fl-oqsma ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluż l-aspetti enerġetiċi tat-trasport; (ċ) li jippromwovi mudelli effiċjenti u intelliġenti ta’ produzzjoni u konsum ta’ enerġija bażati fuq sisien sostenibbli billi titqajjem l-attenzjoni, b’mod partikolari permezz tas-sistema edukattiva, u jiġu mħajra l-iskambji ta’ esperjenza u għarfien fost il-persuni prinċipali konċernati, negozji u ċittadini in-ġenerali, billi jkun hemm appoġġ għal azzjonijiet maħsuba biex itejbu l-investiment f’teknoloġiji ġodda, u billi jiġi mħajjar it-tixrid ta’ l-aqwa prattiċi u ta’ l-aqwa teknoloġiji disponibbli, kif ukoll permezz ta’ promozzjoni fuq livell internazzjonali. Artikolu 3 1. Il-programm hu strutturat f’erba’ oqsma speċifiċi kif ġejjin: (a) "SAVE", li jikkonċerna t-titjib ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu razzjonali tagħha, b’mod partikolari fis-setturi tal-bini u ta’ l-industrija, minbarra l-azzjonijiet taħt STEER, inkluż it-tħejjija ta’ miżuri leġislattivi u l-applikazzjoni tagħhom; (b) "Altener", li jikkonċerna l-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija ġdida u rinovabbli għal produzzjoni ċentralizzata u deċentralizzata ta’ elettriku u sħana u l-integrazzjoni tagħhom fl-ambjent lokali u fis-sistemi ta’ enerġija, minbarra l-azzjonijiet taħt STEER, inkluż it-tħejjija ta’ miżuri leġislattivi u l-applikazzjoni tagħhom; (ċ) "STEER", li jikkonċerna l-appoġġ għal inizjattivi relattivi ma’ l-aspetti enerġetiċi kollha tat-trasport, id-diversifikazzjoni tal-karburanti, bħal permezz ta’ sorsi ta’ enerġija li qiegħdin jiżviluppaw u li jiġġeddu, u l-promozzjoni ta’ karburanti li jiġġeddu u l-effiċjenza fl-enerġija fit-trasport, inkluż it-tħejjija ta’ miżuri leġislattivi u l-applikazzjoni tagħhom; (d) "COOPENER", li jikkonċerna l-appoġġ għal inizjattivi relattivi mal-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli u effiċjenza fl-enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, b’mod partikolari fil-qafas tal-koperazzjoni tal-Komunità mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-Afrika, fl-Asja, fl-Amerika Latina u fil-Paċifiku. 2. "Azzjonijiet prinċipali" li huma inizjattivi li jgħaqqdu xi wħud mill-oqsma speċifiċi hawn fuq imsemmija u/jew li huma relattivi mal-prioritajiet tal-Komunità, bħal żvilupp sostenibbli fir-reġjuni li jinsabu fuq in-naħa ta’ barra kif definiti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat, jistgħu jinbdew. Artikolu 4 1. Għal kull waħda mill-oqsma speċifiċi u l-azzjonijiet prinċipali msemmija fl-Artikolu 3, l-fondi tal-Komunità taħt il-programm għandhom ikunu għal azzjonijiet jew proġetti marbuta ma’: (a) il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli, sigurtà fil-provvista ta’ l-enerġija fil-qafas tas-suq intern, kompetittività u protezzjoni ambjentali, inkluż l-iżvilupp ta’ standards u sistemi ta’ tqegħid ta’ tikketti u ċertifikazzjoni, rabtiet volontarji fit-tul li għandhom jiġu mifthema bejn l-industrija u persuni involuti fil-kompetizzjoni, kif ukoll studji bil-quddiem, studji strateġiċi fuq il-bażi ta’ analiżi maqsuma, u sorveljanza regolari ta’ l-iżvilupp tas-swieq u t-tendenzi ta’ l-enerġija inkluż għat-tħejjija ta’ miżuri leġislattivi futuri u għar-reviżjoni tal-leġislazzjoni attwali; (b) il-ħolqien, tkabbir jew organizzazzjoni mill-ġdid ta’ strutturi u strumenti għall-iżvilupp ta’ l-enerġija sostenibbli, inkluż ippjanar u maniġġjar ta’ enerġija lokali u reġjonali, u l-iżvilupp ta’ prodotti finanzjarjament adegwati u strumenti tal-kummerċ; (ċ) il-promozzjoni tas-sistemi ta’ eneġija sostenibbli u t-tagħmir sabiex titħaffef il-penetrazzjoni fis-suq u jitqajjem investiment biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mid-dimostrazzjoni għall-kummerċ ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti, inkluż it-tixrid ta’ l-aħjar prattiċi u teknoloġiji ġodda li jmorru kontra l-kurrent, kampanji ta’ għarfien u l-ħolqien ta’ strutturi istituzzjonali maħsuba biex jimplimentaw l-mekkaniżmu ta’ żvilupp nadif u l-implimentazzjoni konġunta taħt il-Protokoll ta’ Kyoto; (d) l-iżvilupp ta’ l-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-istrutturi tat-taħriġ; l-użu tar-riżultati, l-promozzjoni u t-tixtrid ta’ l-għarfien u l-aqwa prattiċi li jinvolvu l-konsumaturi kollha, it-tixrid tar-riżultati ta’ l-azzjonijiet u l-proġetti u l-koperazzjoni ma’ l-Istati Membri permezz ta’ networks operattivi fuq livell Komunitarju u internazzjonali; (e) il-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ l-inizjattivi tal-Komunità, u l-miżuri ta’ l-appoġġ; (f) l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-azzjonijiet u l-proġetti mnedija taħt il-programm. 2. Taħt dan il-programm, l-għajnuna finanzjarja mogħtija għall-azzjonijiet jew il-proġetti fl-erba’ oqsma speċifiċi u l-azzjonijiet prinċipali msemmija fl-Artikolu 3 għandha tkun stabbilita fuq il-bażi tal-valur miżjud tal-Komunità fuq l-azzjoni proposta u se tiddependi fuq il-qliegħ u l-impatt mistenni tagħha. Fejn xieraq, għandha tingħata prijorità lill-intrapriżi żgħar u medji u lill-inizjattivi reġjonali u lokali. L-għajnuna ma tistax taqbeż il-50 % ta’ l-ispiża totali ta’ l-azzjoni jew proġett, il-bqija jkun kopert jew minn fondi pubbliċi jew privati, jew minn taħlita tat-tnejn. L-għajnuna tista’, madankollu, tkopri l-ispiża ta’ xi azzjonijiet, bħal studji, t-tixrid ta’ riżultati ta’ proġetti u azzjonijiet oħra biex jitħejja, jiġi supplimentat, jiġi implimentat u jiġi evalwat l-impatt ta’ l-istrateġija tal-Komunità u l-għarfien ta’ kif titjieb il-kordinazzjoni bejn inizjattivi tal-Komunità, nazzjonali, internazzjonali u oħrajn. L-ispejjeż kollha relatati ma’ l-azzjonijiet jew proġetti magħmulha fuq inizjattiva tal-Komunità, identifikati bħala tali taħt l-Artikolu 5(2)(b) għandhom jitħallsu mill-Komunità. 3. Sabiex tgħin fit-tixrid tar-riżultati tal-proġetti, l-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-disposizzjoni r-rapporti dwar l-azzjonijiet u l-proġetti, jekk possibbli f’forma elettronika. Artikolu 5 1. Fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ xogħol, b’konsultazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8(1). Dan il-programm għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 1(2), l-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4. Għandu jkun imħejji u aġġornat skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8(2). 2. Il-programm ta’ xogħol għandu jistipula fid-dettal: (a) il-parir għal kull waħda mill-oqsma speċifiċi u l-azzjonijiet prinċipali msemmija fl-Artikolu 3 sabiex jiġu implimentati l-għanijiet u l-prioritajiet stipulati fl-Artikolu (2), l-Artikolu 2, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4, billi jiġi kkunsidrat il-valur miżjud li l-miżuri proposti se jipprovdu fuq livell Komunitarju meta mqabbla mal-miżuri eżistenti; (b) l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni, bid-distinzjoni bejn l-azzjonijiet maħsubha fl-inizjattiva tal-Komunità u dawk fejn l-inizjattiva tiġi mis-settur u/jew is-suq konċernat, kif ukoll l-arranġamenti tal-fondi u t-tip u r-regoli għall-parteċipazzjoni; (ċ) il-kriterji ta’ l-għażla, li jirriflettu l-għanijiet imsemmija f’din id-Deċiżjoni, u l-arranġamenti biex jiġu applikati għal kull tip ta’ azzjoni u l-metodu u l-mezzi biex isir il-monitoraġġ u l-użu tar-riżultati ta’ l-azzjonijiet u/jew tal-proġett, inkluża d-definizzjoni ta’ l-indikaturi tal-prestazzjoni; (d) iż-żmien indikattiv għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ xogħol, b’mod partikolari rigward il-kontenut tas-sejħiet għall-proposti; (e) ir-regoli dettaljati għall-koordinazzjoni u r-rabta mal-politika eżistenti tal-Komunità. Il-proċedura għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet kordinati ma’ dawk magħmulha mill-Istati Membri fil-qasam ta’ l-enerġija sostenibbli għandha tkun stipulata. L-għan hu li jingħata valur miżjud meta mqabbel mal-miżuri meħuda minn kull Stat Membru li jaħdem għal rasu. Dawn il-miżuri se joħolqu l-possibbiltà li tinkiseb taħlita ottima ta’ l-istrumenti differenti għad-disposizzjoni kemm tal-Komunità kif ukoll ta’ l-Istati Membri; (f) jekk hemm bżonn, l-arranġament operattivi sabiex tiġi mħajra l-parteċipazzjoni ta’ reġjuni remoti u li jinsabu fuq in-naħa ta’ barra, inkluż gżejjer, fil-programm, u s-sehem tas-SME’s. Regoli tal-Komunità li jikkonċernaw l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, trasparenza u dominanza taż-żewġ sessi għandhom jiġu kkunsidrati fil-programm. Artikolu 6 1. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm għall-perjodu 2003 sa 2006 għandu jkun ta’ EUR 200 miljun. Approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati minn awtorità tal-budget fil-limitu tal-perspettiva finanzjarja. L-ammonti ta’ referenza finanzjarja għandhom ikunu stipulati fuq bażi indikattiva għal kull qasam speċifiku. Allokazzjoni indikattiva ta’ dan l-ammont hi mogħtija fl-Anness. L-allokazzjoni tal-budget bejn l-oqsma għandha tkun flessibbli sabiex taħdem b’mod aktar effettiv mal-bżonnijiet li jinbidlu tas-settur; tista’ tinbidel bil-ftehim tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 8. 2. L-arranġamenti għal assistenza finanzjarja tal-Komunità għal azzjonijiet magħmula taħt dan il-programm għandhom ikunu stipulati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [18]. Artikolu 7 Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-attwazzjoni ta’ dan il-programm skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8(2). Artikolu 8 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat. 2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 li jinsab fiha. Il-perjodu ta’ żmien preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura. Artikolu 9 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel eżaminazzjoni annwali dwar il-progress magħmul taħt dan il-programm u dwar l-azzjonijiet magħmulha fl-erba’ oqsma speċifiċi u l-azzjonijiet prinċipali msemmija fl-Artikolu 3 u għandha tissottometti rapport dwarhom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. 2. Fi tmiem it-tieni sena tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-programm, u f’kull każ qabel ma jiġu mressqa proposti dwar xi programm ieħor, il-Kummissjoni għandha tipprovdi, u tagħti l-konklużjonijiet tagħha dwar, evalwazzjoni esterna ta’ l-implimentazzjoni totali ta’ l-azzjonijiet Komunitarji magħmula taħt dan il-programm. L-evalwazzjoni esterna għandha ssir minn esperti indipendenti. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf bil-konklużjonijiet tagħha rigward din l-evalwazzjoni inkluż, fejn jgħodd, b’mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir, kull addattament għal dan il-programm, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni qabel tressaq proposti dwar dan il-programm jew dwar ieħor li jiġi warajh. Artikolu 10 1. Mingħajr ma jiġu affettwati l-paragrafi 2 u 3, parteċipazzjoni f’dan il-programm għandha tkun miftuħa għal kull persuna legali, kemm pubblika kif ukoll privata, stabbilita fit-territorju ta’ l-Istati Membri. 2. Dan il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati, skond il-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta’ assoċjazzjoni Ewropej, u fil-protokolli miżjuda relatati magħhom u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsilli Assoċjattivi rispettivi, fuq il-bażi tal-ftehim bilaterali rilevanti. 3. Bl-istess mod, il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi EFTA/ŻEE fuq il-bażi ta’ fondi addizzjonali u skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma’ dawn il-pajjiżi. Artikolu 11 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 12 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, fis-26 ta’ Ġunju 2003. Għall-Parlament Il-President P. Cox Ewropew Għall-Kunsill Il-President A. Tsochatzopoulos [1] ĠU C 203 E, tas-27.8.2002, pġ. 47. [2] ĠU C 61, 14.03.03, pġ. 38. [3] ĠU C 73, 26.03.03, pġ. 41. [4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ Novembru 2002 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), l-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta’ Frar 2003 (ĠU C 64 E, tat-18.3.2003, pġ. 13) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Mejju 2003 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2003. [5] ĠU C 140 E, tat-13.6.2002, pġ. 543. [6] ĠU C 198, ta’ l-24.06.98, pġ. 1. [7] ĠU L 283, tas-27.10.01, pġ. 33. [8] ĠU C 78, tat-02.04.02, pġ. 35. [9] ĠU L 7, tat-13.01.99, pġ. 16. [10] ĠU L 7, tat-13.01.99, pġ. 20. [11] ĠU L 7, tat-13.01.99, pġ. 23. [12] ĠU L 7, tat-13.01.99, pġ. 28. [13] ĠU L 7, tat-13.01.99, pġ. 31. [14] ĠU L 79, tat-30.03.00, pġ. 1. [15] ĠU L 79, tat-30.03.00, pġ. 6. [16] ĠU C 172, tat-18.6.1999, pġ. 1. [17] ĠU L 184, tas-17.07.99, pġ. 23. [18] ĠU L 248, tas-16.09.02, pġ. 1. -------------------------------------------------- ANNESS Allokazzjoni indikattiva ta’ l-ammont stmat bħala bżonnjuż [1] EUR miljun | Oqsma ta’ azzjoni | 2003 - 2006 | 1.Titjib ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u użu razzjonali ta’ l-enerġija | 69,8 | 2.Sorsi ta’ enerġija ġdida u rinovabbli u diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ l-enerġija | 80 | 3.Aspetti ta’ l-enerġija fit-trasport | 32,6 | 4.Promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli u effiċjenza fl-enerġija fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw | 17,6 | Total | 200 | --------------------------------------------------