Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R2258

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2258/96 ta’ 22 ta’ Novembru 1996 dwar operazzjonijiet ta’ rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw

    ĠU L 306, 28.11.1996, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1717

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/2258/oj

    31996R2258



    Official Journal L 306 , 28/11/1996 P. 0001 - 0004


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2258/96

    ta’ 22 ta’ Novembru 1996

    dwar operazzjonijiet ta’ rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw

    IL-KUNSILL TA’L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130w tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189c tat-Trattat [2],

    Billi l-Kummissjoni fil-komunikat tagħha tat-12 ta’ Mejju 1993 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi programm speċjali ta’ appoġġ b’riżq ir-rijabilitazzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, enfasizzat in-natura speċifika u l-iskala ta’ l-għajnuna b’riżq ir-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni li hija meħtieġa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li sofrew distruzzjoni serja minħabba gwerra, diżordni ċivili jew diżastru naturali;

    Billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Żvilupp) tat-2 ta’ Diċembru 1993 fuq l-għajnuna għar- rijabilitazzjoni jispjegaw l-għanijiet, il-kondizzjonijiet u l-kriterji għall-għajnuna ta’ din ix-xorta u jenfazzizaw il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri meta din tkun qed tiġi ppjanata u implimentata;

    Billi l-Kummissjoni trid tiżgura li l-koerenza u l-kontinwità jirregolaw l-isforzi li jsiru fl-oqsma ta’l-għajnuna umanitarja, ir-rijabilitazzjoni u l-iżvilupp;

    Billi l-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 1993 [3], enfasizza l-iskala tal-ħtiġiet għall-għajnuna għar-rijabilitazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ppropona t-twaqqif ta’ qafas finanzjarju speċifiku b’riżorsi finanzjarji konsiderevoli għal dak l-iskop fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej;

    Billi l-Parlament Ewropew enfasizza l-bżonn li jdaħħal l-operazzjonijiet tar-rijabilitazzjoni fi pjan ta’ żvilupp fuq medda medja jew twila;

    Billi l-Parlament Ewropew innota wkoll li jeħtieġ li tingħata l-prijorità għolja għall-ħeffa u l-effiċjenza ta’ l-għajnuna;

    Billi l-awtorità tal-budget inkludiet, fil-budget, intestaturi għall-iffinanzjar tal-programmi ta’ rijabilitazzjoni fin-nofsinhar ta’ l-Afrika (B7–3210) u ta’ operazzjonijiet ta’ rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (B7–6410);

    Billi għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għat-treġija ta’ programmi u operazzjonijiet,

    ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    1. Il-Komunità għandha tagħmel operazzjonijiet ta’ rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw li referenza għalihom saret fil-paragrafu 2, u li sofrew ħsarat konsiderevoli minnħabba gwerer, diżordni ċivili jew diżastri naturali waqt li tingħata prijorità lil dawk l-anqas żviluppati fosthom. Dawn l-operazzjonijiet, li jkunu għal żmien limitat u li għandhom jiġu mibdija malajr kemm jista’ jkun mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità ta’l-istima, għandhom jiġu ppjanati biex jagħtu għajnuna ħalli titwaqqaf mill-ġdid ekonomija li tiffunzjona u l-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa biex ireġġgħu lura mill-ġdid l-istabbilità soċjali u politika fil-pajjiżi konċernati u jlaħħqu mal-bżonnijiet tal-poplu affettwat kollu kemm hu. I-operazzjonijiet għandhom gradatament jieħdu fuq spallejhom l-azzjoni umanitarja u jiftħu t-triq għat-tkomplija għall-għajnuna favur l-iżvilupp fuq medda medja u twila. Dawn għandhom b’mod partikolari jippermettu r-refuġjati, il-persuni spostati u t-truppi demobilizzati sabiex jirritornaw lura lejn pajjiżhom u jgħinu lill-popolazzjoni kollha kemm hi biex terġa’tibda tgħix il-ħajja ċivili normali f’pajjiżha u fir-reġjuni ta’ l-oriġini tagħha.

    2. Il-pajjiżi li għandhom jibbenefikaw minn dan ir-Regolament għandhom ikunu l-pajjiżi Afrikani, dawk tal-Karibew u tal-Paċifiku, il-pajjiżi Meditteranji, il-pajjiżi ta’ l-Amerika Latina u ta’l-Asja kif ukoll il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-Kawkasu u fl-Asja Ċentrali.

    L-Artikolu 2

    1. Meta jiġu deċiżi il-l-operazzjonijiet, għandu jsir rendikont fejn ikun possibli dwar l-eżistenza tal-livell minimu tas-sigurtà u l-impenn ġenwin favur il-proċess tat-transizzjoni li jirrispetta l-valuri demokratiċi u l-libertajiet fondamentali.

    2. Il-prijoritajiet ta’l-operazzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu: l-introduzzjoni mill-ġdid tal-produzzjoni fuq bażi permanenti, ir-rijabilitazzjoni fiżika u operazzjonali ta’l-infrastrutura bażika, inkluża t-tneħħija tal-mini, l-integrazzjoni soċjali, b’mod partikolari dik tar-refuġjati, ta’persuni spostati u ta’ truppi demobiliżżati, u r-restawr mill-ġdid tal-kapaċitajiet istituzzjonali meħtieġa fil-perjodu tar- rijabilitazzjoni, speċjalment fuq il-livell lokali.

    L-Artikolu 3

    L-imsieħba fil-kooperazzjoni li jkunu eleġibbli għall-appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, organizzazjonijiet mhux governattivi, dipartimenti nazzjonali, provinċjali u lokali tal-ġvern u aġenziji, organizzazjonijiet fuq bażi komunitarja, istituti u operaturi pubbliċi u privati.

    L-Artikolu 4

    1. Il-mezzi li għandhom jintużaw waqt l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jinkludu studji, assistenza teknika, taħriġ u servizzi oħra, provvisti u xogħlijiet, kif ukoll verifiki u valutazzjonijiet kif ukoll missjonijiet ta’ monitoraġġ.

    2. L-iffinanzjar Komunitarju jista’ jkopri kemm l-investiment, bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-bini u l-ispejjeż rikorrenti (inklużi l-ispejjez amministrattivi, ta’ manteniment u dawk operattivi), waqt li jitqies il-fatt li l-proġett għandu jkollu l-għan li l-ispejjeż rikorrenti jkunu responsabbli għalihom il-benefiċjarji.

    3. Kontribuzzjoni finanzjarja mill-imsieħba kif spjegat fl-Artikolu 3 għandha tintalab għall kull operazzjoni ta’ kooperazzjoni. Il-kontribuzzjoni mitluba għandha tkun waħda li l-imsieħba kkonċernati jifilħu għaliha u din għandha tiddependi fuq in-natura ta’l -operazzjoni. F’każijiet speċifiċi fejn l-imsieħeb ikun NGO jew organizzazzjoni b’bażi komunitarja, tista’ ssir kontribuzzjoni permezz ta’ oġġetti.

    4. Jistgħu jintalbu opportunitajiet għall-ko-finanzjament flimkien ma’provvedituri oħra ta’ fondi, speċjalment ma’ Stati Membri.

    5. Il-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu b’tali mod li jenfasizzaw il-karattru Komunitarju ta’l-għajnuna mogħtija taħt dan ir-Regolament.

    6. Sabiex tilħaq l-għanijiet ta’ koerenza u komplimentarjetà imsemmija fit-Trattat u bil-għan li tiggarantixxi l-aqwa effiċenza fit-totalità ta’ dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri ta’ koordinament kollha meħtiega, b’mod speċjali:

    (a) it-twaqqif ta’ sistema għall-iskambju u l-analiżi sistematiku ta’l-informazzjoni fuq l-azzjonijiet iffinanzjati jew li jkun previst li sa jiġu ffinanzjati mill-Komunità u l-Istati Membri;

    (b) il-koordinazzjoni fuq il-post ta’ dawn l-azzjonijiet permezz ta’ laqgħat regolari u skambju ta’ l-informazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-pajjiz benefiċjarju.

    7. Il-Kummissjoni, flimkien ma’l-Istati Membri, tista’ tieħu kull inizjattiva neċessarja sabiex tiżgura koordinazzjoni tajba mal-provvedituri l-oħra tal-fondi, partikolarment dawk li jiffurmaw parti mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

    L-Artikolu 5

    L-appoġġ finanzjarju taħt dan ir-Regolament għandu jkun fil-forma ta’ għotjiet.

    L-Artikolu 6

    1. Il-Kummissjoni għandha tistma, tiddeċiedi u tamministra l-operazzjonijiet koperti minn dan ir-regolament skond il-proċeduri tal-budget u proċeduri oħra fis-seħħ, u partikolarment dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    2. L-istimi tal-proġetti u l-programmi għandhom iqisu dawn il-fatturi li ġejjin:

    - l-effettività u l-vijabilità ta’l-operazzjonijiet,

    - l-aspetti kulturali, soċjali, ta’ sess u ambjentali,

    - l-iżvilupp istituzzjonali meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-proġett,

    - l-esperjenza miġbura minn operazzjonijiet ta’ l-istess tip.

    3. Id-deċiżjonijiet relatati ma’ l-għotjiet ta’ aktar minn 2 miljun ECU għall-operazzjonijiet individwali ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jittieħdu taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma fil-qosor lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 dwar kwalunkwe deċizjoni ta’ ffinanzjar li tkun fi ħsiebha tieħu rigward proġetti u programmi li jkunu ta’valur inqas minn 2 miljun ECU. L-informazzjoni għandha ssir disponibbli mhux aktar tard minn ġimgħa qabel tittieħed id-deċiżjoni.

    4. Il-Kummissjoni hija awtorizzata biex tapprova, bla ma tikseb l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7, kull irbit ulterjuri meħtieġ biex tkopri eċċessi ta’ nfiq mistennija jew reali fil-każ ta’l-operazzjonijiet, basta l-eċċess jew il-bżonn addizzjonali jkun inqas minn jew egwali ma’l-20 % tar-rabta inizjali stabbilita mid-deċiżjoni tal-finanzjament.

    Fejn ir-rabta addizzjonali msemmija fis-sottoparagrafu preċedenti tkun anqas minn 4 miljun ECU, il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7, għandu jiġi informat bid-deċizjoni tal-Kummissjoni. Meta r-rabta addizzjonali msemmija tkun ta’ aktar minn 4 miljun ECU imma anqas minn 20 %, l-opinjoni tal-Kumitat għandha tinkiseb.

    5. Kull ftehim jew kuntratt ta’ ffinanzjar konkluż taħt dan ir-Regolament għandu jipprovdi biex il-Kummissjoni jew il-Qorti ta’l-Awdituri jkunu jistgħu jagħmlu l-kontrolli fuq il-post skond is-soliti proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni taħt ir-regoli fis-seħħ, u partikolarment dawk tar-Regolament Finanzjarju applikabbli fil-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

    6. Fejn l-operazzjonijiet ikunu s-suġġett ta’ ftehim ta’ffinanzjar bejn il-Komunità u l-pajjiżi ospiti, dan il-ftehim għandu jistipula li l-ħlasijiet tat-taxxi, id-dazji jew kwalunkwe ħlas ieħor ma jkunux koperti mill-Komunità.

    7. Il-parteċipazzjoni fis-sejħiet għall-offerti u l-aġġudikar tal-kuntratti għandhom ikunu miftuħa fuq kondizzjonijiet egwali għall-persuni naturali u legali ta’l-Istati Membri u tal-pajjiż riċevitur. Din tista’ tiġi estiża għal pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw u, f’każijiet eċċezzjonali li huma ġġustifikati kif imiss, għal pajjizi terzi.

    8. Il-provvista trid toriġina mill-Istati Membri, il-pajjiż li se jirċievi l-fondi jew pajjiż ieħor li qed jiżviluppa. F’każijiet eċċezzjonali fejn iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, il-provvisti jistgħu joriġinaw banda oħra.

    L-Artikolu 7

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat ġeografiku relevanti.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kummissjoni abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz, fil-limitu taż-żmien li l-president jista’ jistabilixxi skond l-urgenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata milll-maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandu jiġi ppeżat skond il-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-presient ma għandux jivvota.

    Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri kkunsidrati jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

    Jekk il-miżuri kkunsidrati jkunu skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tkun ingħatat, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tressaq quddiem il-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

    Jekk, fi żmien xahar wara li l-kwestjoni tkun ġiet imressqa quddiem il-Kunsill, dan ta’ l-aħħar ma jkunx ħa passi, il-miżuri proposti għandhom jiġu addottati mill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 8

    Għandu jsir skambju ta’ veduti darba fis-sena, fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni mir-rappreżentant tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida ġenerali ta’l-operazzjonijiet li għandhom isiru fis-sena li tmiss, fil-qafas ta’ laqgħa konġunta tal-kumitati msemmija fl-Artikolu 7(1).

    Artikolu 9

    Wara kull sena ta’ stima, il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fejn tissommarja il-l-operazzjonijiet iffinanzjati matul dik is-sena u l-evalwar ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’dan il-perjodu.

    Is-sommarju għandu partikolarment ikun fih informazzjoni dwar dawk li magħhom ġew konklużi l-kuntratti.

    Ir-rapport għandu wkoll jinkludi sommarju tal-konklużjonijiet ta’ kull evalwazzjoni indipendenti tal-l-operazzjonijiet speċifiċi

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri, mhux aktar tard minn xahar wara d-deċiżjoni tagħha, dwar l-l-operazzjonijiet u l-proġetti li ġew jkunu approvati, u għandha tindika l-ammonti, il-karattru, il-pajjiz riċevitur u l-imsieħba tagħhom.

    L-Artikolu 10

    Il-Kummissjoni għandha regolarment tagħmel stima ta’l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità biex tistabilixxi jekk l-għanijiet ta’l-operazzjonijiet ġewx milħuqa u biex tipprovdi linji ta’ gwida biex ittejjeb l-effettività ta’l-operazzjonijiet fil-futur. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 sommarju ta’l-istimi li jkunu saru, li dan ta’ l-aħħar jista’, jekk ikun meħtieġ, jeżamina. Ir-rapporti dwar l-istimi għandhom ikunu disponibbli għal kull Stat Membru li jitlobhom.

    L-Artikolu 11

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Tliet snin wara li dan ir-Regolament jidhol fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill stima globali dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità taħt dan ir-Regolament, flimkien ma’ suġġerimenti rigward il-futur ta’ dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, proposti sabiex jemendawh.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Novembru 1996.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. Burton

    [1] ĠU L 235, tad-9.9.1995, p. 11.

    [2] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 1995 (ĠU C 17, tat-22.1.1996, p. 448), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 Jannar 1996 (ĠU C 87, tas-27.3.1996, p. 29) u d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 1996 (ĠU C 166, ta’ l-10.6.1996, p. 33).

    [3] ĠU C 329, tas-6.12.1993, p. 77.

    --------------------------------------------------

    Top