This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02014R0897-20200627
Commission Implementing Regulation (EU) No 897/2014 of 18 August 2014 laying down specific provisions for the implementation of cross-border cooperation programmes financed under Regulation (EU) No 232/2014 of the European Parliament and the Council establishing a European Neighbourhood Instrument
Consolidated text: Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 tat-18 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014 tat-18 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat
02014R0897 — MT — 27.06.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 897/2014 tat-18 ta' Awwissu 2014 (ĠU L 244 19.8.2014, p. 12) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/879 tat-23 ta’ Ġunju 2020 |
L 203 |
59 |
26.6.2020 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 897/2014
tat-18 ta' Awwissu 2014
li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat
L-EWWEL PARTI
SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“programm” tfisser programm operattiv konġunt skont it-tifsira tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 232/2014;
“pajjiżi parteċipanti” tfisser l-Istati Membri kollha, il-pajjiżi msieħba fis-CBC u kull pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea li jkun qed jieħu sehem fi programm;
“dokument ta' programmazzjoni” tfisser id-dokument imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u li jistabbilixxi l-objettivi strateġiċi, il-lista ta' programmi, l-allokazzjoni pluriennali indikattiva tagħhom u l-eliġibbiltà ġeografika;
“żona tal-programm” tfisser ir-reġjuni ewlenin, ir-reġjuni kontigwi, iċ-ċentri soċjali, ekonomiċi jew kulturali ewlenin u l-unitajiet territorjali msemmija fl-Artikolu 8(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 rispettivament;
“reġjuni ewlenin” tfisser l-unitajiet territorjali msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u ż-żoni konfinali f'entitajiet ġeografiċi fi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u f'pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea kif stabbilit fid-dokument ta' programmazzjoni;
“reġjuni kontigwi” tfisser l-unitajiet territorjali msemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u dawk li jmissu mar-reġjuni ewlenin f'entitajiet ġeografiċi fi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u f'pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea;
“Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ” tfisser il-kumitat konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm;
“Awtorità Maniġerjali” tfisser l-awtorità jew il-korp maħtur mill-pajjiżi parteċipanti bħala responsabbli għall-ġestjoni tal-programm;
“awtorità nazzjonali” tfisser l-entità maħtura minn kull pajjiż parteċipanti li għandha r-responsabbiltà aħħarija li tappoġġa lill-Awtorità Maniġerjali fl-implimentazzjoni tal-programm fit-territorju tagħha stess;
“Segretarjat Tekniku Konġunt” tfisser il-korp imwaqqaf mill-pajjiżi parteċipanti biex jassisti l-korpi tal-programm;
“strumenti finanzjarji” tfisser il-miżuri ta' appoġġ finanzjarju tal-Unjoni pprovduti fuq bażi komplementari sabiex jiġi indirizzat għan wieħed jew aktar ta' politika speċifika tal-Unjoni. Dawn l-istrumenti jistgħu jieħdu l-forma ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji, u jistgħu, fejn xieraq, jiġu kkombinati ma' għotjiet;
“pajjiżi msieħba fis-CBC” tfisser il-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 232/2014, il-Federazzjoni Russa u l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 231/2014 meta jkun hemm kofinanzjament taħt dan tal-aħħar;
“irregolaritajiet” tfisser kull ksur ta' ftehim ta' finanzjament, kuntratt jew ta' liġi applikabbli b'riżultat ta' att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-programm, li għandu, jew se jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi nefqa mhux iġġustifikata tiġi addebitata lill-baġit tal-Unjoni;
“kontribuzzjoni tal-Unjoni” tfisser il-parti tan-nefqa eliġibbli tal-programm jew tal-proġett li hija ffinanzjata mill-Unjoni;
“kuntratt” tfisser kwalunkwe kuntratt ta' akkwist jew ta' għotja konkluż fil-qafas ta' programm;
“proġetti infrastrutturali kbar” tfisser proġetti li jinkludu sett ta' xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi li huma maħsuba biex jissodisfaw funzjoni indiviżibbli ta' natura preċiża li jsegwu għanijiet identifikati b'mod ċar ta' interess komuni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' investimenti li jwasslu għal impatt u benefiċċji transfruntieri u fejn fil-baġit ikun hemm allokat sehem ta' mill-inqas EUR 2,5 miljuni għall-akkwist ta' infrastruttura;
“korp intermedju” tfisser kull korp pubbliku jew privat li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta' Awtorità Maniġerjali, jew li jwettaq dmirijiet f'isimhom u fir-rigward tal-benefiċjarji li jkunu qed jimplimentaw il-proġetti;
“kuntrattur” tfisser persuna naturali jew ġuridika li magħha jkun ġie konkluż kuntratt ta' akkwist;
“benefiċjarju” tfisser persuna naturali jew ġuridika li magħha jkun ġie ffirmat kuntratt ta' għotja;
“sena ta' kontabbiltà” tfisser il-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju, ħlief għall-ewwel sena ta' kontabbiltà, li jfisser il-perjodu mid-data tal-bidu għall-eliġibbiltà tan-nefqa sat-30 ta' Ġunju 2015. Is-sena finali ta' kontabbiltà tkun mill-1 ta' Lulju 2023 sat-30 ta' Settembru 2024. Fil-każ ta' ġestjoni indiretta ma' organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 80, is-sena ta' kontabbiltà tkun is-sena finanzjarja;
“sena finanzjarja” tfisser il-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.
IT-TIENI PARTI
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
TITOLU I
QAFAS ĠENERALI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI
KAPITOLU 1
Programmi
Artikolu 3
Tħejjija
Kull programm jitħejja permezz ta' ftehim komuni tal-pajjiżi parteċipanti kollha, skont ir-Regolament (UE) Nru 232/2014, id-dokument ta' programmazzjoni u dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Kontenut
Kull programm b'mod partikolari jkun fih l-informazzjoni li ġejja:
Introduzzjoni: deskrizzjoni qasira tal-passi għat-tħejjija tal-programm inkluż tagħrif dwar il-konsultazzjonijiet u l-azzjonijiet li ttieħdu biex il-pajjiżi parteċipanti u l-partijiet interessati oħrajn jiġu involuti fit-tħejjija tal-programm.
Deskrizzjoni taż-żona tal-programm:
Reġjuni ewlenin: lista tal-unitajiet territorjali eliġibbli kif stabbilit fid-dokument ta' programmazzjoni u, fejn rilevanti, kull estensjoni skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dokument ta' programmazzjoni;
Reġjuni kontigwi, fejn rilevanti: lista ta' reġjuni kontigwi, il-ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tagħhom f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dokument ta' programmazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm, kif deċiż mill-pajjiżi parteċipanti;
Ċentri soċjali, ekonomiċi jew kulturali maġġuri msemmija fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014, fejn rilevanti: lista ta' ċentri identifikati skont il-prijorità, il-ġustifikazzjoni għall-inklużjoni tagħhom f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dokument ta' programmazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm, kif deċiż mill-pajjiżi parteċipanti;
Mappa taż-żona tal-programm, li ssemmi l-isem ta' kull unità territorjali u, fejn rilevanti, tagħmel distinzjoni bejn l-unitajiet territorjali msemmija f'(a), (b) u (c);
Minbarra d-deskrizzjoni taż-żona tal-programm, fejn rilevanti, fil-programm tiġi indikata l-intenzjoni li jsir użu mill-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dokument ta' programmazzjoni.
L-istrateġija tal-programm:
deskrizzjoni tal-istrateġija tal-programm inkluża l-għażla ta' objettivi tematiċi u l-prijoritajiet korrispondenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dokument ta' programmazzjoni;
ġustifikazzjoni għall-istrateġija magħżula fuq il-bażi ta':
deskrizzjoni ta' indikaturi oġġettivament verifikabbli, b'mod partikolari:
deskrizzjoni tal-modi kif se jiġu integrati l-kwistjonijiet trasversali li ġejjin, fejn rilevanti: id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, is-sostenibbiltà ambjentali, l-ugwaljanza tas-sessi u l-HIV/AIDS.
L-istrutturi u l-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u l-korpi maniġerjali:
il-kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u l-kompiti;
l-Awtorità Maniġerjali u l-proċess tal-ħatra tagħha;
l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi parteċipanti kollha, b'mod partikolari, l-awtorità f'kull pajjiż parteċipant msemmija fl-Artikoli 20 u 31 u fejn rilevanti l-istrutturi ta' appoġġ, minbarra dawk imsemmija fil-punti (e) u (f);
il-proċedura għat-twaqqif tas-Segretarjat Tekniku Konġunt, u l-uffiċċji tal-fergħat u l-kompiti, fejn relevanti;
l-awtorità tal-awditjar u l-membri tal-grupp tal-awdituri;
il-korp jew il-korpi maħtura bħala punti ta' kuntatt għall-kontroll fil-pajjiżi parteċipanti kollha u l-kompiti tiegħu/tagħhom skont l-Artikolu 32;
L-implimentazzjoni tal-programm:
deskrizzjoni fil-qosor tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll skont l-Artikolu 30;
il-qafas ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-programm;
deskrizzjoni tal-proċeduri tal-għażla tal-proġett skont l-Artikolu 30;
deskrizzjoni skont il-prijorità tan-natura tal-appoġġ skont l-Artikolu 38, inkluża lista ta' proġetti li għandhom jintgħażlu permezz ta' proċedura ta' għoti dirett jew kontribuzzjonijiet għal strumenti finanzjarji. Hija tinkludi wkoll skeda indikattiva għall-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati skont l-Artikolu 41;
deskrizzjoni tal-użu ppjanat tal-assistenza teknika u l-proċeduri applikabbli tal-għoti ta' kuntratti;
deskrizzjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni, flimkien ma' pjan indikattiv ta' kontroll u ta' valutazzjoni għat-tul kollu tal-programm;
l-istrateġija ta' komunikazzjoni għall-perjodu kollu tal-programm u pjan indikattiv ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għall-ewwel sena;
informazzjoni dwar it-twettiq tal-ħtiġiet regolatorji stabbiliti fid-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
pjan finanzjarju indikattiv li jkun fih żewġ tabelli (mingħajr ebda diviżjoni għal kull pajjiż parteċipanti):
regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa msemmija fl-Artikoli 48 u 49;
it-tqassim tar-responsabbiltajiet fost il-pajjiżi parteċipanti skont l-Artikolu 74;
ir-regoli għat-trasferiment, l-użu u l-monitoraġġ tal-kofinanzjament;
deskrizzjoni tas-sistemi tal-IT għar-rappurtar u l-iskambju ta' data kkomputerizzata bejn l-Awtorità Maniġerjali u l-Kummissjoni;
il-lingwa(i) addottata(i) mill-programm f'konformità mal-Artikolu 7.
Artikolu 5
Adozzjoni
1. Fi żmien sena mill-approvazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni, il-pajjiżi parteċipanti jippreżentaw b'mod konġunt proposta għal programm lill-Kummissjoni li jkun fih l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 4. Il-pajjiżi parteċipanti jikkonfermaw bil-miktub il-qbil tagħhom mal-kontenut tal-programm qabel ma jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni tivverifika li l-programm ikun fih l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni tivvaluta l-konsistenza tal-programm mar-Regolament (UE) Nru 232/2014, id-dokument ta' programmazzjoni, dan ir-Regolament u kull liġi rilevanti oħra tal-Unjoni. Il-valutazzjoni b'mod partikulari tindirizza:
il-kwalità tal-analiżi, il-konsistenza tagħha mal-prijoritajiet proposti u ma' programmi oħra ffinanzjati mill-Unjoni;
il-preċiżjoni tal-pjan finanzjarju;
il-konformità mad-Direttiva 2001/42/KE.
3. Fi żmien tliet xhur mid-data tas-sottomissjoni tal-programm il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet u titlob ir-reviżjonijiet meħtieġa. Fi żmien xahrejn mit-talba tal-Kummissjoni l-pajjiżi parteċipanti jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Fi żmien sitt xhur mid-data tas-sottomissjoni tal-programm il-Kummissjoni tapprova l-programm sakemm l-osservazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni jkunu ġew debitament ikkunsidrati. Il-Kummissjoni tista' testendi dawn l-iskadenzi skont in-natura tar-reviżjonijiet meħtieġa.
4. Kull programm jiġi adottat b'deċiżjoni tal-Kummissjoni għat-tul kollu tal-programm skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 232/2014.
Artikolu 6
Aġġustamenti u reviżjoni
1. Aġġustamenti tal-programm li ma jaffettwawx b'mod sinifikanti n-natura u l-objettivi tal-programm jitqiesu bħala mhux sostanzjali. B'mod partikolari:
bidliet kumulattivi sa 20 % tal-kontribuzzjoni oriġinarjament allokata tal-Unjoni għal kull objettiv tematiku jew assistenza teknika jew kif emendata skont il-paragrafu 2 li tinvolvi trasferiment bejn l-objettivi tematiċi jew minn assistenza teknika għal objettivi tematiċi;
bidliet kumulattivi sa 20 % tal-kontribuzzjoni oriġinarjament allokata tal-Unjoni għal kull objettiv tematiku jew kif emendata skont il-paragrafu 2 li tinvolvi trasferiment minn objettivi tematiċi għal assistenza teknika.
Il-bidliet tal-pjan finanzjarju tal-programm imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru direttament mill-Awtorità Maniġerjali, bl-approvazzjoni minn qabel tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ. L-Awtorità Maniġerjali tinforma lill-Kummissjoni dwar kull bidla bħal din, mhux aktar tard mir-rapport annwali li jmiss, u tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa.
F'każ ta' bidliet tal-pjan finanzjarju tal-programm imsemmija fil-punt (b), l-Awtorità Maniġerjali tfittex l-approvazzjoni minn qabel kemm tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u tal-Kummissjoni.
2. Wara talba motivata mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni wara li tkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ, il-programmi jistgħu jiġu riveduti bħala riżultat ta' xi waħda minn dawn li ġejjin:
reviżjoni tad-dokument ta' programmazzjoni;
bidliet soċjo-ekonomiċi maġġuri jew bidliet sostanzjali fiż-żona tal-programm;
diffikultajiet fl-implimentazzjoni;
bidliet fil-pjan finanzjarju lil hinn mill-marġni ta' flessibbiltà msemmi fil-paragrafu 1 jew kull bidla li taffettwa b'mod sinifikanti n-natura u l-objettivi tal-programm;
eżerċizzji tal-awditjar, monitoraġġ u evalwazzjonijiet.
3. It-talbiet għal reviżjoni tal-programmi jiġu debitament sostanzjati u jirriflettu l-impatt mistenni tal-bidliet lill-programm.
4. Il-Kummissjoni tivvaluta l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafi 2 u 3. Jekk il-Kummissjoni jkollha xi osservazzjonijiet l-Awtorità Maniġerjali tippreżenta l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa lill-Kummissjoni. Fi żmien ħames xhur mis-sottomissjoni tat-talba għal reviżjoni, il-Kummissjoni tapprovaha sakemm l-osservazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni jkunu ġew debitament ikkunsidrati.
5. Kull reviżjoni ta' programm fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew fl-Artikolu 66(5) tiġi adottata b'deċiżjoni tal-Kummissjoni u tista' teħtieġ il-modifika tal-ftehimiet ta' finanzjament imsemmija fl-Artikoli 8 u 9.
Artikolu 7
Użu tal-Lingwi
1. Bħala lingwa operattiva kull programm juża lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-pajjiżi parteċipanti jistgħu anki jiddeċiedu li bħala lingwa operattiva jużaw lingwi oħra mhux uffiċjali tal-Unjoni. L-għażla tal-lingwa(i) operattiva(i) tiġi deskritta fil-programm skont l-Artikolu 4.
2. Biex titqies in-natura tal-programmi li tippromwovi s-sħubija, il-benefiċjarji jistgħu jippreżentaw dokumenti lill-Awtorità Maniġerjali dwar il-proġett tagħhom fil-lingwa nazzjonali tagħhom, bil-kundizzjoni li din il-possibbiltà tiġi speċifikament imsemmija fil-programm u li l-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jipprevedi, permezz tal-Awtorità Maniġerjali, għal kull interpretazzjoni u traduzzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa.
3. L-ispejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni għal-lingwi kollha magħżula mill-programm ikunu koperti jew mill-baġit tal-assistenza teknika fil-livell tal-programm jew mill-baġit ta' kull proġett individwali fil-livell tal-proġett.
KAPITOLU 2
Ftehimiet ta' Finanzjament
Artikolu 8
Ftehimiet ta' finanzjament ma' pajjiżi msieħba fis-CBC
1. Il-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta' finanzjament ma' kull pajjiż imsieħeb fis-CBC. Ftehimiet ta' finanzjament jistgħu jiġu ffirmati wkoll mill-pajjiżi parteċipanti l-oħra u mill-Awtorità Maniġerjali jew mill-pajjiż li jkun qed jospita l-Awtorità Maniġerjali.
2. Il-ftehimiet ta' finanzjament jiġu ffirmati mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena ta' wara s-sena tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-programm. Madankollu, meta programm jinvolvi aktar minn pajjiż wieħed imsieħeb fis-CBC, qabel dik id-data l-partijiet kollha jiffirmaw tal-inqas ftehim wieħed ta' finanzjament. Il-pajjiżi l-oħra msieħba fis-CBC jistgħu jiffirmaw il-ftehimiet ta' finanzjament rispettivi tagħhom wara dan. Sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim ta' finanzjament tiegħu, il-komponent estern tal-programm ma' dak il-pajjiż imsieħeb fis-CBC ma jistax jiġi mniedi. Meta programm ikun qed jiġi kofinanzjat skont ir-Regolament (UE) Nru 231/2014, u jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed imsieħeb fis-CBC, il-partijiet kollha jiffirmaw tal-anqas ftehim wieħed ta' finanzjament ma' pajjiż parteċipanti msieħeb elenkat fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 232/2014 jew mal-Federazzjoni Russa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena ta' wara s-sena tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-programm.
Artikolu 9
Ftehimiet ta' finanzjament ma' pajjiżi msieħba fis-CBC li qed jipprovdu kofinanzjament
1. Meta l-kofinanzjament ta' pajjiż imsieħeb fis-CBC jiġi trasferit lill-Awtorità Maniġerjali, il-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 8 jiġi wkoll iffirmat mill-Istati Membri parteċipanti l-oħra u mill-pajjiżi msieħba fis-CBC u mill-Awtorità Maniġerjali jew mill-pajjiż li jkun qed jospita l-Awtorità Maniġerjali.
2. Dan il-ftehim ta' finanzjament ikun fih dispożizzjonijiet dwar il-kofinanzjament tal-pajjiż imsieħeb fis-CBC, bħal:
l-ammont;
l-użu maħsub u l-kondizzjonijiet għall-użu, inklużi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni;
il-modalitajiet tal-ħlasijiet;
il-ġestjoni finanzjarja;
iż-żamma ta' rekords;
l-obbligi ta' rappurtar;
il-verifiki u l-kontrolli;
l-irregolaritajiet u l-irkupri.
KAPITOLU 3
Ftehimiet oħra jew Memoranda ta' Ftehim
Artikolu 10
Kontenut
L-Awtorità Maniġerjali tista' tikkonkludi Memoranda ta' Ftehim jew kull ftehim ieħor ma' pajjiżi parteċipanti li jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet tal-programm, b'mod partikolari l-kofinanzjament nazzjonali, ir-responsabbiltajiet finanzjarji speċifiċi, l-eżerċizzji ta' awditjar u l-irkupri.
Il-kontenut ta' dawn il-Memoranda ta' Ftehim jew kull ftehim ieħor ikun f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u fil-ftehim(iet) finanzjarju(i).
KAPITOLU 4
Implimentazzjoni
Artikolu 11
Metodi ta' implimentazzjoni
Normalment il-programmi jiġu implimentati f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu jipproponu l-implimentazzjoni f'ġestjoni indiretta minn pajjiż imsieħeb fis-CBC jew minn organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
Il-programmi li jiġu implimentati f'ġestjoni indiretta jkunu regolati mit-Tielet Parti ta' dan ir-Regolament.
TITOLU II
KOFINANZJAMENT
Artikolu 12
Rata ta' kofinanzjament
1. Il-kofinanzjament jammonta għal mill-inqas 10 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.
2. Fejn ikun possibbli, il-kofinanzjament jitqassam b'mod bilanċjat matul it-tul tal-programm biex jiġi żgurat li sal-aħħar tal-programm jintlaħaq l-objettiv minimu ta' 10 %.
3. L-għajnuna li tingħata bil-programm tkun konformi mar-regoli applikabbli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
4. Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2, u b’konformità mal-Artikolu 6(1), mhu se jkun meħtieġ ebda kofinanzjament tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għan-nefqa li tiġġarrab jew titħallas kif tkun inkluża fil-kontijiet annwali tal-programm għas-sena kontabilistika mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021.
Artikolu 13
Sorsi ta' kofinanzjament
1. Il-kofinanzjament jiġi minn sorsi oħra minbarra mill-Unjoni.
2. F'kull programm il-pajjiżi parteċipanti jkunu liberi li jistabbilixxu s-sors, l-ammont u d-distribuzzjoni tal-kofinanzjament.
3. Jekk pajjiż imsieħeb fis-CBC jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-kofinanzjament tiegħu lill-Awtorità Maniġerjali, l-arranġamenti għall-għoti, l-użu u l-monitoraġġ tal-kofinanzjament jiġu stabbiliti fil-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 9 u, jekk rilevanti fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 10.
4. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-arranġamenti applikabbli għall-kofinanzjament jistgħu jiġu stabbiliti fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 10.
Artikolu 14
Kontribuzzjonijiet in natura
1. Kull provvista ta' riżorsi mhux finanzjarji mingħajr ħlas minn parti terza titqies bħala kontribuzzjonijiet in natura fil-livell tal-programm jew tal-proġett. L-ispiża tal-persunal assenjat għal proġett jew programm ma titqisx bħala kontribuzzjoni in natura iżda tista' titqies bħala parti mill-kofinanzjament minimu ta' 10 % msemmi fl-Artikolu 12 meta din tiġi mħallsa minn benefiċjarji jew pajjiżi parteċipanti.
2. Kontribuzzjonijiet in natura mhumiex spejjeż eliġibbli u ma jistgħux jitqiesu parti mill-kofinanzjament minimu ta' 10 % msemmi fl-Artikolu 12.
TITOLU III
PERJODU TA' EŻEKUZZJONI
Artikolu 15
Perjodu ta' eżekuzzjoni
Il-perijodu ta' eżekuzzjoni ta' kull programm jibda l-aktar kmieni fid-data tal-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni u jintemm mhux aktar tard mill- ►M1 31 ta’ Diċembru 2025 ◄ .
Artikolu 16
Il-fażi tal-bidu tal-programm
1. B'ġestjoni kondiviża, fl-Istati Membri parteċipanti l-programm jibda mal-wasla tan-notifika msemmija fl-Artikolu 25(4) li permezz tagħha l-Kummissjoni tgħarraf li mhijiex biħsiebha titlob id-dokumenti msemmija f'dak l-Artikolu jew li ma għandha l-ebda osservazzjonijiet. Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu jniedu l-azzjonijiet preparatorji meħtieġa biex iwaqqfu s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll minn qabel. L-ispejjeż relatati jkunu eliġibbli skont l-Artikolu 36.
2. B'ġestjoni indiretta msemmija fl-Artikoli 80 u 82, fl-Istati Membri parteċipanti l-programm jibda wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim li jafda l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit f'idejn organizzazzjoni internazzjonali jew pajjiż imsieħeb fis-CBC.
3. Barra minn hekk, jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet preparatorji ulterjuri li ġejjin li huma meħtieġa biex jitwettaq il-programm:
l-istabbiliment tal-Awtorità Maniġerjali u, fejn rilevanti, tas-Segretarjat Tekniku Konġunt;
l-ewwel laqgħat tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ, inklużi wkoll rappreżentanti tal-pajjiżi msieħba fis-CBC li jkunu għadhom ma ffirmawx ftehim ta' finanzjament jew fejn il-ftehim ta' finanzjament ma jkunx għadu daħal fis-seħħ;
it-tħejjija u t-tnedija ta' proċeduri tal-għażla tal-proġett jew tal-għoti tal-kuntratt bi klawżola ta' sospensjoni marbuta mad-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet ta' finanzjament.
4. Sakemm jidħlu fis-seħħ il-ftehimiet rispettivi ta' finanzjament, jistgħu jiġu mnedija biss l-azzjonijiet preparatorji msemmija fil-paragrafi 1 u 3 mal-pajjiż rilevanti msieħeb fis-CBC.
Artikolu 17
Twaqqif tal-programm
1. Meta l-ebda pajjiż imsieħeb fis-CBC ma jkun iffirma l-ftehim rilevanti ta' finanzjament qabel id-data msemmija fl-Artikolu 8(2), il-programm jitwaqqaf.
Pagamenti annwali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali diġà impenjati jibqgħu disponibbli għall-ħajja normali tagħhom, iżda jistgħu jintużaw biss għal attivitajiet li jseħħu esklussivament fl-Istati Membri kkonċernati u li jkunu ġew kuntrattati qabel id-deċiżjoni ta' twaqqif mill-Kummissjoni. L-Awtorità Maniġerjali tibgħat ir-rapport finali lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mill-għeluq tal-kuntratti u tal-aħħar tipproċedi skont il-paragrafi 2 u 3.
2. Meta l-programm ma jkunx jista' jiġi implimentat minħabba problemi b'riżultat ta' relazzjonijiet bejn il-pajjiżi parteċipanti u f'każijiet oħrajn debitament iġġustifikati, b'talba tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jew b'inizjattiva tagħha stess wara li tkun ikkonsultat mal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li twaqqaf il-programm qabel id-data ta' skadenza tal-perjodu tal-eżekuzzjoni.
3. Meta l-programm jitwaqqaf, l-Awtorità Maniġerjali tibgħat ir-rapport finali fi żmien sitt xhur wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Wara li tikklerja l-ħlasijiet preċedenti ta' prefinanzjament, il-Kummissjoni tħallas il-bilanċ finali jew, fejn xieraq, toħroġ ordni ta' rkupru. Il-Kummissjoni tiddiżimpenja wkoll il-bilanċ tal-impenji.
Bħala alternattiva, jista' jiġi deċiż li l-allokazzjoni tal-baġit għall-programm tiġi mnaqqsa skont il-punt (c) tal-Artikolu 6(2).
4. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li jikkorrispondi għal pagamenti annwali li jkunu għadhom ma ġewx impenjati jew pagamenti annwali impenjati u totalment jew parzjalment diżimpenjati matul l-istess sena baġitarja, li ma jkunux ġew allokati mill-ġdid għal programm ieħor tal-istess kategorija ta' programmi ta' kooperazzjoni esterna jiġi allokat lill-programmi interni ta' kooperazzjoni transfruntiera skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.
L-appoġġ mir-Regolament (UE) Nru 232/2014 li jikkorrispondi għal pagamenti annwali li għadhom ma ġewx impenjati jew pagamenti annwali impenjati u totalment jew parzjalment diżimpenjati matul l-istess sena baġitarja jintuża biex jiffinanzja programmi jew proġetti eliġibbli oħra taħt ir-Regolament (UE) Nru 232/2014.
Artikolu 18
Proġetti
1. Kuntratti għal proġetti infrastrutturali kbar magħżula permezz ta' għotja diretta jiġu ffirmati u l-kontribuzzjoni għal strumenti finanzjarji tiġi pprovduta qabel it-30 ta' Ġunju 2019. =
2. Il-kuntratti l-oħra kollha jiġu ffirmati qabel il- ►M1 31 ta’ Diċembru 2022 ◄ .
3. L-attivitajiet kollha tal-proġett iffinanzjati mill-programm jintemmu sa mhux aktar tard mill- ►M1 31 ta’ Diċembru 2023 ◄ .
Artikolu 19
Għeluq tal-programm
1. L-uniċi attivitajiet li jistgħu jsiru bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u t-30 ta’ Settembru 2024 huma dawk marbuta mal-għeluq ta’ proġetti mill-benefiċjarji skont il-punt (a)(iii) tal-Artikolu 48(2) jew dawk marbuta mal-għeluq tal-programmi b’assistenza teknika.
2. Programm jitqies magħluq meta:
il-kuntratti kollha konklużi skont il-programm ikunu ngħalqu;
il-bilanċ finali jkun tħallas jew ġie rimborsat;
l-approprjazzjonijiet pendenti jkunu ġew diżimpenjati mill-Kummissjoni.
3. L-għeluq tal-programm ma jippreġudikax id-dritt tal-Kummissjoni li, fi stadju aktar tard, twettaq korrezzjonijiet finanzjarji fil-konfront tal-Awtorità Maniġerjali jew tal-benefiċjarji jekk l-ammont finali tal-programm jew tal-proġetti jkollu jiġi aġġustat b'riżultat ta' kontrolli jew eżerċizzi ta' awditjar li jsiru wara d-data tal-għeluq.
TITOLU IV
STRUTTURI TAL-PROGRAMM
Artikolu 20
Ħatra tal-awtoritajiet u l-korpi maniġerjali
1. Awtorità jew korp pubbliku, lokali, reġjonali jew nazzjonali, jew korp legali privat b'missjoni ta' servizz pubbliku jintgħażlu bħala Awtorità Maniġerjali mill-pajjiżi parteċipanti. L-istess Awtorità Maniġerjali tista' tintgħażel għal aktar minn programm wieħed.
2. Il-pajjiżi parteċipanti jaħtru awtorità jew korp pubbliku, lokali, reġjonali jew nazzjonali, funzjonalment indipendenti mill-Awtorità Maniġerjali, bħala l-unika Awtorità tal-Awditjar. L-Awtorità tal-Awditjar tkun tinsab fl-Istat Membru li jkun qed jospita l-Awtorità Maniġerjali. L-istess Awtorità tal-Awditjar tista' tinħatar għal aktar minn programm wieħed.
3. Jista' jinħatar korp intermedju wieħed jew aktar biex iwettaq ċerti kompiti tal-Awtorità Maniġerjali taħt ir-responsabbiltà ta' din tal-aħħar. L-arranġamenti rilevanti bejn l-Awtorità Maniġerjali u l-korpi intermedji jiġu rreġistrati formalment bil-miktub. Il-korp intermedju jiggarantixxi s-solvenza u l-kompetenza tiegħu fil-qasam ikkonċernat, kif ukoll il-kapaċità ta' ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tiegħu.
4. Fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll u fejn rilevanti fil-ftehimiet finanzjarji msemmija fl-Artikoli 8 u 9 u/jew fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 10, il-pajjiżi parteċipanti jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Awtorità Maniġerjali u mal-Awtorità tal-Awditjar, ir-relazzjonijiet bejn dawn l-awtoritajiet u r-relazzjonijiet bejn dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni.
5. L-Istat Membru li fih l-Awtorità Maniġerjali tkun tinsab jista', b'inizjattiva tiegħu stess, jaħtar korp ta' koordinazzjoni li r-responsabbiltà tiegħu tkun li jikkomunika ma' u jinforma lill-Kummissjoni, jikkordina l-attivitajiet tal-korpi maħtura rilevanti l-oħra u jippromwovi l-applikazzjoni armonizzata tal-liġi applikabbli.
6. Kull pajjiż parteċipanti jaħtar:
awtorità nazzjonali biex tappoġġa lill-Awtorità Maniġerjali fil-ġestjoni tal-programm skont il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;
punt ta' kuntatt ta' kontroll biex jappoġġa lill-Awtorità Maniġerjali biex tikkontrolla l-obbligi tal-programm;
rappreżentant għall-grupp ta' awdituri msemmi fl-Artikolu 28(2);
rappreżentanti għall-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ msemmi fl-Artikolu 21.
KAPITOLU 1
Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ
Artikolu 21
Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ
Fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni, il-pajjiżi parteċipanti jistabbilixxu l-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ.
Artikolu 22
Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ
1. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ ikun magħmul minn rappreżentant wieħed jew aktar maħtur minn kull pajjiż parteċipanti. Ir-rappreżentanti jinħatru fuq bażi funzjonali u mhux fuq bażi personali. Persuni oħra jistgħu jinħatru mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ bħala osservaturi.
2. Kull meta jkun possibbli u xieraq, il-pajjiżi parteċipanti jiżguraw il-parteċipazzjoni xierqa tal-atturi kollha kkonċernati u b'mod partikolari l-partijiet interessati lokali, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fl-implementazzjoni tal-programm.
3. Il-Kummissjoni tkun involuta fil-ħidma tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ bħala osservatur. Hija tiġi mistiedna għal-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ flimkien mar-rappreżentanti tal-pajjiżi parteċipanti. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi jekk tipparteċipax fil-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jew f'parti minnhom.
4. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ ikun presedut minn wieħed mill-membri tiegħu, rappreżentant tal-Awtorità Maniġerjali jew kull persuna oħra, kif stabbilit fir-regoli proċedurali.
5. Bħala segretarju tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jinħatar rappreżentant tal-Awtorità Maniġerjali, tas-Segretarjat Tekniku Konġunt jew tal-korp intermedju msemmi fl-Artikolu 20(3).
Artikolu 23
Funzjonament
1. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ ifassal u jadotta r-regoli proċedurali tiegħu b'unanimità.
2. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ ifittex li jieħu d-deċiżjonijiet b'kunsens. Jista' jpoġġi ċerti deċiżjonijiet għal votazzjoni, b'mod partikolari dawk relatati mal-għażla finali ta' proġetti u l-ammonti ta' għotjiet allokati lilhom skont ir-regoli proċedurali tiegħu.
3. Kull pajjiż parteċipanti jkollu drittijiet ugwali ta' votazzjoni rrispettivament min-numru ta' rappreżentanti li jkun ħatar.
4. Is-segretarju, il-Kummissjoni jew kull osservatur ieħor ma għandhomx dritt għall-vot.
5. Il-president tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jaġixxi bħala moderatur u jmexxi d-diskussjonijiet. Il-president ikollu d-dritt tal-vot meta jkun/tkun rappreżentant ta' pajjiż parteċipanti.
6. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jiltaqa' tal-anqas darba fis-sena. Huwa jitlaqqa' mill-president tiegħu wara talba tal-Awtorità Maniġerjali jew wara talba debitament ġustifikata ta' xi pajjiż parteċipanti jew tal-Kummissjoni. Bl-inizjattiva tal-president tiegħu, tal-Awtorità Maniġerjali jew ta' kwalunkwe pajjiż parteċipanti jista' anki jieħu deċiżjonijiet permezz ta' proċedura bil-miktub f'konformità mar-regoli proċedurali tiegħu.
7. Il-minuti jitfasslu wara kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ għall-firma mill-president u s-segretarju. Kopja ta' dawn il-minuti titqassam lir-rappreżentanti tal-pajjiżi parteċipanti, lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe osservatur ieħor.
Artikolu 24
Funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ
1. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jsegwi l-implimentazzjoni tal-programm u l-progress lejn il-prijoritajiet tiegħu billi juża l-indikaturi oġġettivament verifikabbli u l-valuri fil-mira relatati definiti fil-programm. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw il-prestazzjoni tal-programm.
2. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jista' joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Awtorità Maniġerjali dwar l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programm. Huwa jimmonitorja l-azzjonijiet li ttieħdu bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
3. B'mod partikulari l-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ:
japprova l-programm ta' ħidma u l-pjan finanzjarju tal-Awtorità Maniġerjali, inkluż l-użu ppjanat tal-assistenza teknika;
jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma u l-pjan finanzjarju mill-Awtorità Maniġerjali;
japprova l-kriterji għall-għażla tal-proġetti li se jiġu ffinanzjati mill-programm;
ikun responsabbli għall-proċedura tal-evalwazzjoni u tal-għażla applikabbli għall-proġetti li se jiġu ffinanzjati mill-programm;
japprova kull proposta biex jiġi rivedut il-programm;
jeżamina r-rapporti kollha ppreżentati mill-Awtorità Maniġerjali u, jekk meħtieġ, jieħu l-miżuri adegwati;
jeżamina kull każ kontenzjuż li jinġieb għall-attenzjoni tiegħu mill-Awtorità Maniġerjali.
jeżamina u japprova r-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 77;
jeżamina u japprova l-pjan annwali ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 78;
jeżamina u japprova l-pjanijiet annwali ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 79.
4. Minkejja l-punt (d) tal-paragrafu 3, il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jista' jwaqqaf kumitat tal-għażla tal-proġetti li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
KAPITOLU 2
Awtorità Maniġerjali
Artikolu 25
Ħatra
1. L-Awtorità Maniġerjali li tkun ġiet magħżula mill-pajjiżi parteċipanti tal-programm tgħaddi minn proċedura ta' ħatra fl-Istat Membru li fih tkun tinsab b'deċiżjoni fil-livell xieraq.
2. Il-proċedura tal-ħatra tkun ibbażata fuq rapport u opinjoni ta' korp indipendenti tal-awditjar li jivvaluta l-konformità tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, inkluż ir-rwol tal-korpi intermedji fihom, mal-kriterji tal-ħatra stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Il-korp tal-awditjar iqis, fejn ikun relevanti, jekk is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-programm humiex simili għal dawk fis-seħħ għall-perjodu preċedenti ta' programmazzjoni, kif ukoll kull evidenza tal-funzjonament effettiv tagħhom.
Il-korp indipendenti tal-awditjar ikun l-Awtorità tal-Awditjar, jew korp legali pubbliku jew privat ieħor bil-kapaċità neċessarja ta' awditjar, li jkun funzjonalment indipendenti mill-Awtorità Maniġerjali. Huwa jwettaq il-ħidma tiegħu skont normi dwar il-verifika internazzjonalment aċċettati.
3. L-Istat Membru jippreżenta d-deċiżjoni formali msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun wara l-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni.
4. Fi żmien xahrejn mill-wasla tad-deċiżjoni formali msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob ir-rapport u l-opinjoni tal-korp indipendenti tal-awditjar u d-deskrizzjoni tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll, b'mod partikolari, fir-rigward ta' dawk il-partijiet li jittrattaw l-għażla tal-proġett. Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex l-intenzjoni li titlob dawn id-dokumenti, hija tinnotifika lill-Istat Membru malajr kemm jista' jkun. Jekk il-Kummissjoni titlob dawn id-dokumenti, tista' jagħmel osservazzjonijiet fi żmien xahrejn mill-wasla ta' dawn id-dokumenti li jiġu riveduti b'kunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet. Meta l-Kummissjoni ma jkollha l-ebda osservazzjonijiet inizjali jew ulterjuri hija tinnotifika lill-Istat Membru malajr kemm jista' jkun.
5. Meta r-riżultati eżistenti tal-awditjar u ta' kontroll juru li l-awtorità nominata ma għadhiex konformi mal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru, f'livell xieraq, jistabbilixxi l-azzjoni ta' rimedju meħtieġa u jiffissa perjodu ta' prova skont is-severità tal-problema, li matulu tittieħed din l-azzjoni ta' rimedju.
Meta l-awtorità maħtura tonqos milli timplimenta l-azzjoni ta' rimedju meħtieġa matul il-perjodu ta' prova determinat mill-Istat Membru, l-Istat Membru, fil-livell xieraq, itemm il-ħatra tagħha.
L-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta:
In-notifika li korp maħtur ikun tqiegħed taħt prova mill-Istat Membru, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 61, ma tinterrompix l-immaniġġar ta' talbiet għall-ħlas.
Meta l-ħatra ta' Awtorità Maniġerjali tkun intemmet, il-pajjiżi parteċipanti jaħtru awtorità jew korp ġdid, kif imsemmi fl-Artikolu 20(1), biex jieħu f'idejh il-funzjonijiet tal-Awtorità Maniġerjali. Dan il-korp jew l-awtorità jgħaddu mill-proċedura tal-għażla prevista fil-paragrafu 2 u l-Kummissjoni tiġi notifikata dwar dan f'konformità mal-paragrafu 4. Din il-bidla teħtieġ reviżjoni tal-programm skont l-Artikolu 6.
Artikolu 26
Funzjonijiet tal-Awtorità Maniġerjali
1. L-Awtorità Maniġerjali tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm skont il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba u biex tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ ikunu konformi mal-liġi u d-dispożizzjonijiet applikabbli.
2. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-programm, l-Awtorità Maniġerjali:
tappoġġa l-ħidma tal-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u tipprovdilu l-informazzjoni li jeħtieġ biex iwettaq il-kompiti tiegħu, b'mod partikolari dejta relatata mal-progress tal-programm fil-kisba tar-riżultati u l-miri mistennija;
tfassal u, wara approvazzjoni mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ, tippreżenta r-rapport annwali u r-rapport finali lill-Kummissjoni;
taqsam l-informazzjoni mal-korpi intermedji, is-Segretarjat Tekniku Konġunt, l-Awtorità tal-Awditjar u l-benefiċjarji li hija rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom jew għall-implimentazzjoni tal-proġett;
tistabbilixxi u żżomm sistema kompjuterizzata biex tiġi rreġistrata u tinħażen data dwar kull proġett meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja, il-kontroll u l-eżerċizzji ta' awditjar, inkluż data dwar parteċipanti individwali fi proġetti, fejn applikabbli. B'mod partikolari, hija tirreġistra u taħżen rapporti tekniċi u finanzjarji għal kull proġett. Is-sistema tipprovdi d-dejta kollha meħtieġa għat-tħejjija ta' talbiet għall-ħlasijiet u kontijiet annwali, inklużi rekords ta' ammonti rkuprabbli, ammonti rkuprati u ammonti li ġew imnaqqsa wara l-kanċellazzjoni ta' kontribuzzjoni kollha jew parti minnha għal proġett jew programm;
twettaq fejn rilevanti studji dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fil-livell tal-programm;
timplimenta l-pjanijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni skont l-Artikolu 79;
timplimenta l-pjanijiet ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni skont l-Artikolu 78.
3. Fir-rigward tal-għażla u l-ġestjoni tal-proġetti, l-Awtorità Maniġerjali:
tfassal u tniedi l-proċeduri tal-għażla;
tmexxi l-proċeduri tal-għażla tal-proġett;
tipprovdi lill-benefiċjarju ewlieni b'dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ għal kull proġett inkluż il-pjan ta' finanzjament u l-iskadenzi tal-eżekuzzjoni;
tiffirma kuntratti mal-benefiċjarji;
tmexxi l-proġetti.
4. Fir-rigward tal-assistenza teknika, l-Awtorità Maniġerjali:
tmexxi l-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti;
tiffirma kuntratti mal-kuntratturi;
tamministra l-kuntratti.
5. Fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-programm, l-Awtorità Maniġerjali:
tivverifika li s-servizzi, il-provvisti jew ix-xogħlijiet ikunu twettqu, twasslu u/jew ġew installati u jekk in-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji tkunx tħallset minnhom u li dan jikkonforma mal-liġi applikabbli, mar-regoli tal-programm u l-kundizzjonijiet għall-appoġġ tal-proġetti;
tiżgura li benefiċjarji involuti fl-implimentazzjoni tal-proġett iżommu jew sistema separata ta' kontabbiltà jew kodiċi adegwat ta' kontabbiltà għat-tranżazzjonijiet kollha relatati ma' proġett;
tistabbilixxi miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi filwaqt li tqis ir-riskji identifikati;
tistabbilixxi proċeduri biex jiġi żgurat li d-dokumenti kollha dwar l-infiq u l-eżerċizzji tal-awditjar meħtieġa biex jiġi żgurat rekord xieraq tal-awditjar jinżammu skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 30;
tfassal id-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni u s-sommarju annwali msemmi fl-Artikolu 68;
tfassal u tippreżenta talbiet għall-ħlas lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 60;
tfassal il-kontijiet annwali;
tqis ir-riżultati tal-eżerċizzji kollha tal-awditjar imwettqa minn jew taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Awditjar meta tfassal u tippreżenta t-talbiet għall-ħlas;
iżżomm rekords kompjuterizzati ta' kontabbiltà għan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni u għall-ħlasijiet lill-benefiċjarji;
iżżomm kont tal-ammonti rkuprabbli u tal-ammonti mnaqqsa wara l-kanċellazzjoni tal-għotja kollha jew ta' parti minnha.
6. Il-verifiki skont il-punt (a) tal-paragrafu 5 jinkludu l-proċeduri li ġejjin:
verifiki amministrattivi għal kull talba għall-ħlas mill-benefiċjarji;
verifiki tal-proġetti fuq il-post.
Il-frekwenza u l-kopertura tal-verifiki fuq il-post ikunu proporzjonali mal-ammont tal-għotja lil proġett u mal-livell tar-riskju identifikat minn dawn il-verifiki u l-eżerċizzji tal-awditjar mill-Awtorità tal-Awditjar għas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll fl-intier tagħhom.
7. Il-verifiki fil-post tal-proġetti skont il-punt (b) tal-paragrafu 6 jistgħu jitwettqu fuq bażi ta' kampjun.
8. Meta l-istituzzjoni li tkun qed tospita lill-Awtorità Maniġerjali tkun ukoll benefiċjarju tal-programm, l-arranġamenti għall-verifiki msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5 jiżguraw is-segregazzjoni xierqa tal-funzjonijiet.
Artikolu 27
Segretarjat Tekniku Konġunt u l-uffiċċji tal-fergħat
1. Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu Segretarjat Tekniku Konġunt li għandu jiġi deskritt fil-programm skont l-Artikolu 4.
2. Is-Segretarjat Tekniku Konġunt jassisti lill-Awtorità Maniġerjali, lill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u, fejn rilevanti, lill-Awtorità tal-Awditjar, fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom. B'mod partikolari, huwa jinforma lill-benefiċjarji potenzjali dwar opportunitajiet ta' finanzjament bil-programmi u jassisti lill-benefiċjarji fl-implimentazzjoni tal-proġett. Jista' wkoll jinħatar bħala korp intermedju msemmi fl-Artikolu 20(3).
3. Wara deċiżjoni tal-pajjiżi parteċipanti, jistgħu jitwaqqfu uffiċċji tal-fergħat fil-pajjiżi parteċipanti. Ir-rwol tagħhom jiġi deskritt fil-programm u jista' jinkludi komunikazzjoni, informazzjoni, għajnuna lill-Awtorità Maniġerjali fl-evalwazzjoni tal-proġett u s-segwitu tal-implimentazzjoni. Fl-ebda każ, l-uffiċċju tal-fergħa ma jista' jiġi fdat b'kompitu li jinvolvi l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika jew l-użu ta' setgħat diskrezzjonali ta' ġudizzju fir-rigward tal-proġetti.
4. Il-baġit tal-assistenza teknika jiffinanzja l-operat tas-Segretarjat Tekniku Konġunt u tal-uffiċċji tal-fergħat.
KAPITOLU 3
Awtorità tal-Awditjar
Artikolu 28
Funzjonijiet tal-Awtorità tal-Awditjar
1. L-Awtorità tal-Awditjar tal-programm tiżgura li l-verifiki jsiru fuq is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, fuq kampjun xieraq ta' proġetti u fuq il-kontijiet annwali tal-programm.
1a. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-pandemija tal-COVID-19 għandha tikkostitwixxi każ iġġustifikat kif xieraq li jista’ jiġi invokat mill-awtorità tal-awditjar abbażi tal-ġudizzju professjonali tagħha li tuża metodu ta’ kampjunar mhux statistiku għas-sena kontabilistika mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020.
2. L-Awtorità tal-Awditjar tiġi assistita minn grupp ta' awdituri li jinkludu rappreżentant ta' kull pajjiż parteċipanti fil-programm.
3. Meta l-eżerċizzji tal-awditjar jitwettqu minn korp li mhuwiex l-Awtorità tal-Awditjar, l-Awtorità tal-Awditjar tiżgura li dan il-korp ikollu l-indipendenza funzjonali meħtieġa.
4. L-Awtorità tal-Awditjar tiżgura li x-xogħol ta' awditjar jikkonforma ma' normi dwar il-verifika internazzjonalment aċċettati.
5. Fi żmien disa' xhur mill-iffirmar tal-ewwel ftehim ta' finanzjament skont l-Artikolu 8(2), l-Awtorità tal-Awditjar tippreżenta strateġija tal-awditjar għall-prestazzjoni tal-eżerċizzji tal-awditjar lill-Kummissjoni. L-istrateġija tal-awditjar tistabbilixxi l-metodoloġija tal-awditjar fuq il-kontijiet annwali u fuq il-proġetti, il-metodu ta' kampjunar għall-eżerċizzji tal-awditjar fuq il-proġetti u l-ippjanar tal-eżerċizzji tal-awditjar għas-sena kurrenti ta' kontabbiltà u għas-sentejn sussegwenti ta' kontabbiltà. L-istrateġija tal-awditjar tiġi aġġornata kull sena mill-2017 sa tmiem l-2024. Fejn ikun hemm sistema komuni ta' ġestjoni u ta' kontroll li tapplika għal aktar minn programm wieħed, tista' titħejja strateġija waħda tal-awditjar għall-programmi kkonċernati. L-istrateġija aġġornata tal-awditjar tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni flimkien mar-rapport annwali tal-programm.
6. L-Awtorità tal-Awditjar tfassal f'konformità mal-Artikolu 68:
opinjoni tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali għas-sena preċedenti ta' kontabbiltà;
rapport annwali tal-awditjar.
Fejn ikun hemm sistema komuni ta' ġestjoni u ta' kontroll li tapplika għal aktar minn programm wieħed, l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (b) tista' tiġi koperta b'rapport wieħed.
Artikolu 29
Kooperazzjoni mal-Awtorità tal-Awditjar
Il-Kummissjoni tikkoopera mal-Awtorità tal-Awditjar biex tikkoordina l-pjanijiet u l-metodi tal-awditjar u taqsam ir-riżultati tal-eżerċizzji tal-awditjar li twettqu fuq is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-programm ikkonċernat.
TITOLU V
SISTEMI TA' ĠESTJONI U TA' KONTROLL
Artikolu 30
Prinċipji ġenerali tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll
1. Is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll jinkludu:
il-funzjonijiet ta' kull korp involut fil-ġestjoni u l-kontroll, inkluża d-diviżjoni tal-funzjonijiet f'kull korp, l-organizzazzjoni interna tagħhom f'konformità mal-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn u f'dawn il-korpi;
il-proċeduri biex tiġi żgurata l-korrettezza u r-regolarità tan-nefqa ddikjarata;
is-sistemi ta' dejta elettronika għall-kontabbiltà, il-ħażna, il-monitoraġġ u r-rappurtar;
is-sistemi għall-monitoraġġ u r-rappurtar fejn il-korp responsabbli jafda l-eżekuzzjoni tal-kompiti lil korp ieħor;
l-arranġamenti għall-awditjar tal-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll;
is-sistemi u l-proċeduri biex jiġi żgurat rekord adegwat tal-awditjar;
il-proċeduri għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż frodi u l-irkupru ta' ammonti li ma kellhomx jitħallsu, flimkien ma' kwalunkwe imgħax;
il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal assistenza teknika u l-proċeduri għall-għażla ta' proġetti;
ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali u r-responsabbiltajiet tal-pajjiżi parteċipanti skont l-Artikolu 31.
2. L-Awtorità Maniġerjali tiżgura li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll għall-programmi jiġu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u li dawn is-sistemi jiffunzjonaw b'mod effettiv.
Artikolu 31
Awtoritajiet nazzjonali u r-responsabbiltajiet tal-pajjiżi parteċipanti
1. L-awtorità nazzjonali li tkun inħatret skont il-punt (a) tal-Artikolu 20(6) fost oħrajn:
tkun responsabbli għat-twaqqif u l-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll fil-livell nazzjonali;
tiżgura l-koordinazzjoni globali tal-istituzzjonijiet involuti fil-livell nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programm, inkluż fost oħrajn, l-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala punti ta' kuntatt għall-kontroll u bħala membru tal-grupp tal-awdituri;
tirrappreżenta l-pajjiż tagħha fil-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ.
Għall-pajjiżi msieħba fis-CBC, l-awtorità nazzjonali hija l-korp li fl-aħħar nett huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikoli 8 u 9.
2. Il-pajjiżi parteċipanti jappoġġaw lill-Awtorità Maniġerjali fl-obbligu tagħha msemmi fl-Artikolu 30(2).
3. Il-pajjiżi parteċipanti jimpedixxu, jidentifikaw u jikkoreġu irregolaritajiet, inklużi frodi u l-irkupru ta' ammonti li ma kellhomx jitħallsu, flimkien ma' kwalunkwe imgħax skont l-Artikolu 74 fit-territorji tagħhom. Huma jinnotifikaw dawn l-irregolaritajiet mingħajr dewmien lill-Awtorità Maniġerjali u lill-Kummissjoni u jżommuhom informati bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali relatati.
4. Ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi parteċipanti għal ammonti li ma kellhomx jitħallsu lil benefiċjarju huma stabbiliti fl-Artikolu 74.
5. Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni ma tippreġudikax l-obbligu tal-Awtorità Maniġerjali li tfittex li tissokta bl-irkupri skont l-Artikoli 74 u 75 u lanqas l-obbligu mill-Istati Membri biex jirkupraw għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 ( 2 ).
Artikolu 32
Strutturi ta' Verifika u Kontroll
1. Nefqa ddikjarata mill-benefiċjarju b'appoġġ ta' talba għall-ħlas tiġi eżaminata minn awditur jew minn uffiċjal pubbliku kompetenti li jkun indipendenti mill-benefiċjarju. L-awditur jew l-uffiċjal pubbliku kompetenti jeżamina jekk l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju u d-dħul tal-proġett humiex reali, ġewx irreġistrati b'mod preċiż u humiex eliġibbli skont il-kuntratt.
Dan l-eżami jsir fuq il-bażi ta' proċedura miftiehma li ssir f'konformità ma':
l-Istandard Internazzjonali dwar Servizzi Relatati 4400 Ingaġġi biex jitwettqu Proċeduri Miftiehma li jikkonċernaw Informazzjoni Finanzjarja promulgata mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Accountants (IFAC);
il-Kodiċi ta' Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-IFAC, żviluppati u maħruġa mill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Etika għall-Kontabilisti tal-IFAC.
Għall-uffiċjali pubbliċi, dawn il-proċeduri u l-istandards jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali b'kunsiderazzjoni ta' standards internazzjonali.
L-awditur jissodisfa mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:
ikun membru ta' korp jew istituzzjoni nazzjonali ta' kontabbiltà jew tal-awditjar li min-naħa tagħha tkun membru tal-IFAC;
ikun membru ta' korp nazzjonali jew istituzzjoni ta' kontabbiltà jew tal-awditjar. Meta din l-organizzazzjoni ma tkunx membru tal-IFAC, l-awditur jikkommetti ruħu li jwettaq il-ħidma skont l-istandards u l-etika tal-IFAC;
ikun reġistrat bħala awditur statutorju fir-reġistru pubbliku ta' korp ta' sorveljanza pubblika fi Stat Membru skont il-prinċipji ta' sorveljanza pubblika stabbiliti fid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );
ikun reġistrat bħala awditur statutorju fir-reġistru pubbliku ta' korp ta' sorveljanza pubblika f'pajjiż imsieħeb fis-CBC, sakemm dan ir-reġistru ikun soġġett għal prinċipji ta' sorveljanza pubblika kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat.
L-uffiċjal pubbliku jkollu l-kompetenza teknika meħtieġa biex iwettaq il-ħidma investigattiva tiegħu.
2. Barra minn hekk, l-Awtorità Maniġerjali twettaq il-verifiki tagħha stess skont il-punt (a) tal-Artikolu 26(5) u l-Artikolu 26(6). Għall-finijiet tat-twettiq tal-verifiki madwar iż-żona kollha tal-programm, l-Awtorità Maniġerjali tista' tiġi assistita mill-punti ta' kuntatt għall-kontroll.
Il-pajjiżi parteċipanti jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jappoġġaw lill-Awtorità Maniġerjali fil-kompiti ta' kontroll tagħha.
3. L-Awtorità tal-Awditjar tiżgura li jsiru eżerċizzji tal-awditjar fuq is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, fuq kampjun xieraq tal-proġetti u fuq il-kontijiet annwali tal-programm kif imsemmi fl-Artikolu 28. Il-grupp ta' awdituri msemmi fl-Artikolu 28(2) jitwaqqaf fi żmien tliet xhur mill-ħatra tal-Awtorità Maniġerjali. Huwa jfassal ir-regoli proċedurali tiegħu stess. Huwa jiġi presedut mill-Awtorità tal-Awditjar maħtura għall-programm.
Kull pajjiż parteċipanti jista' jawtorizza lill-Awtorità tal-Awditjar biex twettaq id-doveri tagħha direttament fit-territorju tiegħu.
4. L-indipendenza tal-korp(i) imsemmi(jin) fil-paragrafi 1, 2 u 3 tkun garantita.
Artikolu 33
Kontrolli mill-Unjoni
1. Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u kull awditur estern awtorizzat minn dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi jistgħu jivverifikaw l-użu tal-fondi tal-Unjoni mill-Awtorità Maniġerjali, il-benefiċjarji, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u mill-partijiet terzi li jirċievu appoġġ finanzjarju billi jeżaminaw id-dokumenti u/jew iwettqu kontrolli fuq il-post. Kull kuntratt espressament jistipula li dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi jistgħu jeżerċitaw is-setgħa ta' kontroll tagħhom, dwar bini, dokumenti u informazzjoni, irrispettivament mill-mezz li fih ikunu maħżuna.
2. Il-Kummissjoni tkun sodisfatta li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, inkluża d-deċiżjoni tal-ħatra, id-dikjarazzjoni annwali tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni, ir-rapporti annwali ta' kontroll, l-opinjoni annwali tal-awditjar, ir-rapport annwali u l-eżerċizzji tal-awditjar li jsiru mill-korpi nazzjonali u tal-Unjoni, is-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll ikunu konformi ma' dan ir-Regolament u li dawn jiffunzjonaw b'mod effettiv.
3. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Awtorità Maniġerjali biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll u l-korrettezza tal-infiq.
TITOLU VI
ASSISTENZA TEKNIKA
Artikolu 34
Baġit tal-Assistenza Teknika
1. Jista' jiġi allokat massimu ta' 10 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-assistenza teknika. F'każijiet debitament ġustifikati bi ftehim mal-Kummissjoni jista' jiġi allokat ammont ogħla.
2. Il-livell ta' assistenza teknika għandu jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-programm, b'mod partikolari billi jitqiesu fatturi bħall-baġit totali tal-programm, id-daqs taż-żona ġeografika koperta minn programm u l-għadd ta' pajjiżi parteċipanti.
Artikolu 35
Għan
1. L-attivitajiet ta' assistenza teknika jinkludu t-tħejjija, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-informazzjoni, il-komunikazzjoni, in-netwerking, ir-riżoluzzjoni ta' ilment, l-attivitajiet ta' kontroll u ta' awditjar relatati mal-implimentazzjoni tal-programm u l-attivitajiet sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-programm.
2. L-assistenza teknika għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw għall-ħtiġijiet, kemm tal-istrutturi u tal-benefiċjarji tal-programm.
3. In-nefqa għall-attivitajiet li jikkonċernaw il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet li tiġi sostnuta barra miż-żona tal-programm tista' tiġi koperta skont il-limitu indikat fl-Artikolu 39(2) u sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fih jintlaħqu.
Artikolu 36
Eliġibbiltà
1. Ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 48 japplikaw mutatis mutandis għall-ispejjeż ta' assistenza teknika. L-ispejjeż għall-uffiċjali tal-pajjiżi parteċipanti assenjati lill-programm jistgħu jitqiesu eliġibbli bħala spejjeż ta' assistenza teknika. Sistemi ta' remunerazzjoni paralleli u żidiet jiġu evitati. L-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 49 ma jitqisux eliġibbli bħala spejjeż ta' assistenza teknika.
2. L-ispejjeż għall-azzjonijiet preparatorji msemmija fl-Artikolu 16 ikunu eliġibbli wara l-preżentazzjoni tal-programm lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4, iżda mhux qabel l-1 ta' Jannar 2014 sakemm il-programm jiġi approvat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5.
Artikolu 37
Regoli dwar l-akkwisti
1. Jekk l-implimentazzjoni tal-pjan annwali għall-użu tal-baġit ta' assistenza teknika teħtieġ li jsiru l-akkwisti, il-kuntratt għandu jingħata skont ir-regoli li ġejjin:
fejn tkun entità stabbilita fi Stat Membru hija jew tapplika l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet nazzjonali amministrattivi adottati b'konnessjoni ma' leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-akkwisti pubbliċi jew tapplika r-regoli dwar l-akkwisti stabbiliti fit-Titolu IV tat-Tieni Parti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u t-Titolu II tat-Tieni Parti tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012;
fil-każijiet l-oħra kollha, ir-regoli rilevanti dwar l-akkwisti jiġu deskritti fil-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikoli 8 u 9 jew fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 81 u 82.
2. Fil-każijiet kollha, japplikaw ir-regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.
3. Akkwisti minn fergħat ikunu limitati għal spejjeż kontinwi ordinarji u spejjeż għall-attivitajiet ta' komunikazzjoni u viżibilità.
TITOLU VII
PROĠETTI
KAPITOLU 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 38
Natura tal-appoġġ
1. Proġett huwa serje ta' attivitajiet definiti u ġestiti b'rabta mal-objettivi, l-eżiti, ir-riżultati u l-impatti li l-għan tiegħu huwa li jiksibhom f'perjodu ta' żmien u baġit definit. L-objettivi, l-eżiti, ir-riżultati u l-impatti jikkontribwixxu għall-prijoritajiet identifikati fil-programm.
2. Kontribuzzjonijiet finanzjarji minn programm għall-proġetti jiġu pprovduti permezz ta' għotjiet u eċċezzjonalment permezz ta' trasferimenti għal strumenti finanzjarji. Il-proġetti ffinanzjati permezz ta' għotjiet ikunu soġġetti għall-Kapitoli minn 2 sa 4.
3. L-għotjiet jingħataw lill-proġetti li jintgħażlu permezz ta' sejħiet għall-proposti skont ir-regoli stabbiliti fil-programm, ħlief fil-każijiet eċċezzjonali debitament sostanzjati tal-Artikolu 41.
4. Is-sehem tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni allokat għal proġetti infrastrutturali kbar u l-kontribuzzjonijiet għall-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 42 ma jistgħux jaqbżu t-30 %.
Artikolu 39
Kondizzjonijiet għall-finanzjament
1. Il-proġetti jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja minn programm sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
jipprovdu impatt u benefiċċji ċari ta' kooperazzjoni transfruntiera kif deskritt fid-dokument ta' programmazzjoni u juru l-valur miżjud tal-istrateġiji u l-programmi tal-Unjoni;
jiġu implimentati fiż-żona tal-programm;
jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin:
proġetti integrati fejn kull benefiċjarju jimplimenta parti mill-attivitajiet tal-proġett fit-territorju tiegħu stess;
proġetti simetriċi fejn attivitajiet simili jiġu implimentati b'mod parallel fil-pajjiżi parteċipanti;
proġetti ta' pajjiż uniku fejn il-proġetti jiġu implimentati prinċipalment jew kompletament f'wieħed mill-pajjiżi parteċipanti iżda għall-benefiċċju tal-pajjiżi parteċipanti kollha jew għal xi wħud minnhom u fejn l-impatti u l-benefiċċji transfruntieri huma identifikati.
2. Il-proġetti li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu parzjalment implimentati barra miż-żona tal-programm, sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfati:
il-proġetti huma meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-programm u huma ta' benefiċċju għaż-żona tal-programm;
l-ammont totali allokat skont il-programm għall-attivitajiet barra miż-żona tal-programm ma jaqbiżx l-20 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni fil-livell tal-programm;
l-obbligi tal-awtoritajiet Maniġerjali u tal-Awditjar fir-rigward tal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar li jikkonċerna l-proġett jiġu sodisfati jew mill-awtoritajiet tal-programm jew permezz ta' ftehimiet konklużi mal-awtoritajiet fil-pajjiżi fejn tiġi implimentata l-attività.
3. Kull proġett li jinkludi komponent infrastrutturali jħallas lura l-kontribuzzjoni tal-Unjoni jekk, fi żmien ħames snin mill-għeluq tal-proġett jew fil-perjodu ta' żmien stabbilit fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, ikun soġġett għal bidla sostanzjali li taffettwa n-natura, l-objettivi jew il-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu li jwasslu biex jiġu kompromessi l-objettivi oriġinali tiegħu. Somom li ma kellhomx jitħallsu fir-rigward tal-proġett jiġu rkuprati mill-Awtorità Maniġerjali b'mod proporzjonali għall-perjodu li għalih il-ħtieġa ma tkun ġiet sodisfata.
4. L-Awtorità Maniġerjali taħseb biex tipprevjeni d-duplikazzjoni ta' attivitajiet fost il-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Awtorità Maniġerjali tista' tagħmel kull konsultazzjoni li tqis xierqa u l-entitajiet ikkonsultati, inkluża l-Kummissjoni, jipprovdu l-appoġġ meħtieġ.
5. L-Awtorità Maniġerjali tipprovdi lill-benefiċjarju ewlieni għal kull proġett magħżul b'dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-appoġġ tal-proġett, inklużi r-rekwiżiti speċifiċi dwar il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jitwasslu mill-proġett, il-pjan finanzjarju u l-perjodu ta' żmien għall-eżekuzzjoni.
Artikolu 40
Sejħiet għall-proposti
Għal kull sejħa għall-proposti l-Awtorità Maniġerjali tipprovdi lill-applikanti b'dokument li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fis-sejħa, l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġett. Dan id-dokument ikun jinkludi wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw ir-riżultati taħt il-proġett, il-pjan finanzjarju, u l-limitu ta' żmien għall-eżekuzzjoni.
Artikolu 41
Għotja diretta
1. Proġetti jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għall-proposti fil-każijiet li ġejjin biss u sakemm dan ikun issostanzjat kif imiss fid-deċiżjoni tal-għoti:
il-korp li jingħata proġett igawdi minn monopolju de jure jew de facto;
il-proġett ikun relatat ma' azzjonijiet b'karatteristiċi speċifiċi li jeħtieġ tip partikulari ta' korp fuq il-bażi tal-kompetenza teknika, il-grad għoli ta' speċjalizzazzjoni jew is-setgħa amministrattiva tiegħu;
il-proġett jiġi implimentat sabiex jiġu promossi l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni għall-kriżijiet fil-kuntest tal-pandemija COVID-19.
2. Fil-programm tiġi inkluża lista finali ta' proġetti infrastrutturali kbar proposti li jintgħażlu mingħajr sejħa għall-proposti. Wara l-adozzjoni tal-programm, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, l-Awtorità Maniġerjali tipprovdi lill-Kummissjoni bl-applikazzjonijiet sħaħ tal-proġetti inkluża l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 43 flimkien mal-ġustifikazzjoni għal għotja diretta.
3. Fil-programm tiġi inkluża lista indikattiva ta' proġetti minbarra l-proġetti infrastrutturali kbar proposti li jintgħażlu mingħajr sejħa għall-proposti. Il-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ jista' jiddeċiedi li jagħżel proġetti addizzjonali mingħajr sejħa għall-proposti f'kullħin wara l-adozzjoni tal-programm. Fiż-żewġ każijiet, tinkiseb l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Awtorità Maniġerjali tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 43 flimkien mal-ġustifikazzjoni għal għotja diretta.
4. Il-proġetti proposti li jintgħażlu mingħajr sejħa għall-proposti jiġu approvati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' proċedura f'żewġ stadji, li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta' sommarju tal-proġett segwit minn applikazzjoni sħiħa tal-proġett. Għal kull stadju, il-Kummissjoni tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Awtorità Maniġerjali fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentazzjoni tad-dokument. Din l-iskadenza tista' tiġi estiża fejn ikun meħtieġ. Meta l-Kummissjoni tirrifjuta proġett propost, hija tinnotifika lill-Awtorità Maniġerjali bir-raġunijiet tagħha.
4a. Permezz ta’ deroga mill-proċedura stipulata fil-paragrafu 4, il-proġetti proposti li jintgħażlu biex isiru mingħajr sejħa għall-proposti taħt il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni abbażi ta’ sommarju tal-proġett. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-valutazzjoni tagħha lill-awtorità maniġerjali fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentazzjoni tad-dokument. Din l-iskadenza tista’ tiġi estiża fejn ikun meħtieġ. Fil-każ ta’ valutazzjoni negattiva l-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtorità maniġerjali dwar ir-raġunijiet tagħha.
Artikolu 42
Kontribuzzjonijiet għal strumenti finanzjarji
1. Il-programm jista' jikkontribwixxi għal strument finanzjarju sakemm dan tal-aħħar ikun konformi mal-prijoritajiet tal-programm.
2. Fil-programm ikun hemm deskrizzjoni tal-lista finali ta' kontribuzzjonijiet għall-istrumenti finanzjarji. Wara l-adozzjoni tal-programm, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, l-Awtorità Maniġerjali tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 43.
3. Il-Kummissjoni teżamina l-kontribuzzjoni proposta biex jiġi determinat il-valur miżjud u l-konsistenza tagħha mal-programm.
4. Il-proċess ta' approvazzjoni jsegwi r-regoli ta' dawn l-istrumenti finanzjarji. Meta l-Kummissjoni tirrifjuta kontribuzzjoni proposta, hija tinnotifika lill-Awtorità Maniġerjali bir-raġunijiet tagħha.
5. Kontribuzzjonijiet għal dawn l-istrumenti finanzjarji jkunu soġġetti għar-regoli applikabbli għal dawn l-istrumenti finanzjarji.
Artikolu 43
Kontenut tal-proġetti
1. Id-dokumenti tal-applikazzjoni tal-proġett jinkludu mill-inqas:
analiżi tal-problemi u l-ħtiġijiet li jiġġustifikaw il-proġett, b'kunsiderazzjoni tal-istrateġija tal-programm u l-kontribuzzjoni mistennija tiegħu biex jindirizza l-prijorità korrispondenti;
valutazzjoni tal-impatt transfruntier tiegħu;
il-qafas loġiku;
valutazzjoni tas-sostenibbiltà tar-riżultati mistennija tal-proġett wara t-tlestija tal-proġett;
indikaturi oġġettivament verifikabbli;
informazzjoni dwar il-kopertura ġeografika u l-gruppi fil-mira tal-proġett;
informazzjoni dwar il-kopertura ġeografika u l-gruppi fil-mira tal-proġett;
analiżi tal-effetti tal-proġett fuq il-kwistjonijiet trasversali msemmija fil-punt 3(d) tal-Artikolu 4 fejn relevanti;
ir-rekwiżiti tal-implimentazzjoni tal-proġett, inklużi dawn li ġejjin:
identifikazzjoni tal-benefiċjarji u l-isem tal-benefiċjarju ewlieni, b'garanziji tal-kompetenza tiegħu fil-qasam ikkonċernat kif ukoll il-kapaċità amministrattiva u tal-ġestjoni finanzjarja tiegħu;
deskrizzjoni tal-ġestjoni tal-proġett u l-istruttura ta' implimentazzjoni;
arranġamenti fost il-benefiċjarji skont l-Artikolu 46;
arranġamenti ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni;
pjanijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni, b'mod partikolari, miżuri biex jiġi rikonoxxut l-appoġġ tal-Unjoni għall-proġett;
pjan finanzjarju dettaljat u l-baġit.
2. Applikazzjonijiet għal proġett għal proġetti li jinkludu komponent infrastrutturali ta' mill-inqas EUR 1 miljun jinkludu wkoll:
deskrizzjoni dettaljata tal-investiment fl-infrastruttura u l-lokazzjoni tagħha;
deskrizzjoni dettaljata tal-komponent tal-bini tal-kapaċità tal-proġett, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati;
it-twettiq ta' studju sħiħ ta' fattibilità jew l-ekwivalenti, inkluża l-analiżi tal-għażliet, ir-riżultati, u r-reviżjoni indipendenti tal-kwalità;
valutazzjoni tal-impatt ambjentali tiegħu f'konformità mad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) u, għall-pajjiżi parteċipanti li huma partijiet għalih, mal-Konvenzjoni ta' Espoo tal-UN/ECE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transfruntier tal-25 ta' Frar 1991;
evidenza ta' sjieda mill-benefiċjarji jew aċċess għall-art;
permess tal-bini.
3. B'mod eċċezzjonali u f'każijiet debitament ġustifikati, l-Awtorità Maniġerjali tista' taċċetta li d-dokumenti msemmija fil-punt (f) jiġu ppreżentati f'data aktar tard.
Artikolu 44
Pubblikazzjoni ta' lista ta' proġetti
1. Biex tiġi żgurata trasparenza fir-rigward tal-proġetti appoġġati mill-programm, l-Awtorità Maniġerjali żżomm lista tal-proġetti li jkunu ngħataw f'format ta' spread-sheet, li jippermetti l-klassifikazzjoni, it-tfittxija, l-estrazzjoni u t-tqabbil tad-data u l-pubblikazzjoni faċli tagħha fuq l-Internet. Il-lista tal-proġetti tkun aċċessibbli fuq il-websajt tal-programm u tiġi aġġornata mill-inqas kull sitt xhur. Biex is-settur privat, is-soċjetà ċivili jew l-amministrazzjoni pubblika nazzjonali jiġu mħeġġa jerġgħu jużaw il-lista tal-proġetti, il-websajt tista' tinkludi referenza ċara għar-regoli applikabbli ta' liċenzjar li taħthom id-dejta tkun ippubblikata.
2. Il-lista mill-inqas ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:
3. Il-lista tal-proġetti tiġi pprovduta lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara s-sena finanzjarja li fiha l-proġetti jkunu ġew magħżula. Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq sit tal-Internet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
KAPITOLU 2
Benefiċjarji
Artikolu 45
Parteċipazzjoni fil-proġetti
1. Il-proġetti jinvolvu benefiċjarji minn tal-inqas wieħed mill-Istati Membri parteċipanti u wieħed mill-pajjiżi sħab parteċipanti elenkati fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 232/2014 jew il-Federazzjoni Russa.
2. Il-benefiċjarji huma persuni naturali jew ġuridiċi li lilhom tkun ingħatat għotja għal proġett. Persuni naturali jistgħu jkunu benefiċjarji, jekk dan ikun meħtieġ minħabba n-natura jew il-karatteristiċi tal-azzjoni jew l-objettiv segwit mill-applikant. Il-parteċipazzjoni ta' persuni naturali tiġi deċiża fil-livell tal-programm.
3. Il-benefiċjarji msemmija fil-paragrafu 1 jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
ikunu ċittadini ta' xi wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, jew persuni ġuridiċi li jkunu effettivament stabbiliti fiż-żona tal-programm jew organizzazzjonijiet internazzjonali li l-bażi tal-operazzjonijiet tagħhom tkun fiż-żona tal-programm. Raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali jista' jkun benefiċjarju, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tiegħu, sakemm il-kopertura ġeografika tiegħu tkun fiż-żona tal-programm;
ikunu konformi mal-kriterji ta' eliġibbiltà definiti għal kull proċedura ta' għażla;
ma jkunu jaqgħu f'ebda waħda mis-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 106(1) u l-Artikolu 107 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
4. Minbarra l-benefiċjarji msemmija fil-paragrafu 1, il-benefiċjarji li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 jistgħu jipparteċipaw, sakemm ikunu sodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
jistgħu jipparteċipaw skont l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;
il-parteċipazzjoni tagħhom tkun meħtieġa min-natura u mill-għanijiet tal-proġett u kif meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu;
l-ammont totali allokat bil-programm lill-benefiċjarji li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ikun fil-limitu indikat fil-punt (b) tal-Artikolu 39(2).
Artikolu 46
Obbligi tal-benefiċjarji
1. Kull proġett jaħtar benefiċjarju ewlieni biex jirrappreżenta s-sħubija.
2. Il-benefiċjarji kollha jikkooperaw b'mod attiv fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Barra minn hekk, huma jikkooperaw fil-provvista ta' persunal u/jew tal-finanzjament tal-proġetti. Kull benefiċjarju jkun legalment u finanzjarjament responsabbli għall-attivitajiet li jkun qed jimplimenta u għas-sehem tal-fondi tal-Unjoni li jirċievi. L-obbligi speċifiċi kif ukoll ir-responsabbiltajiet finanzjarji tal-benefiċjarji jiġu stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 3.
3. Il-benefiċjarju ewlieni:
jirċievi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Awtorità Maniġerjali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett;
jiżgura li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-għotja malajr kemm jista' jkun u b'mod sħiħ skont l-arranġamenti msemmija f' (c). L-ebda ammont ma jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda imposta speċifika b'effett ekwivalenti ma tiġi imposta li tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji;
jistabbilixxi l-arranġamenti ta' sħubija mal-benefiċjarji fi ftehim li jkun jinkludi, dispożizzjonijiet li fost oħrajn, jiggarantixxu l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati lill-proġett inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' fondi li ma kellhomx jitħallsu;
jassumi r-responsabbiltà biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-proġett kollu;
jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji tkun ġiet sostnuta biex jiġi implimentat il-proġett u tkun tikkorrispondi għall-attivitajiet stabbiliti fil-kuntratt u miftiehma bejn il-benefiċjarji kollha;
jivverifika li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji tkun ġiet eżaminata skont l-Artikolu 32(1).
KAPITOLU 3
Eliġibbiltà tan-nefqa
Artikolu 47
Forom ta' għotjiet
1. L-għotjiet jistgħu jieħdu kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:
rimborż ta' proporzjon speċifikat tal-ispejjeż eliġibbli msemmija fl-Artikolu 48 li effettivament ikunu ġew imġarrba;
finanzjament b'rata fissa, iddeterminat bl-applikazzjoni ta' perċentwali għal kategorija definita waħda jew aktar ta' spejjeż;
somom f'daqqa;
rimborż fuq il-bażi ta' spejjeż għal kull unità;
kombinazzjoni tal-forom imsemmija fil-punti minn (a) sa (d), biss sakemm kull waħda tkun tkopri kategoriji differenti ta' spejjeż.
2. Għotjiet fil-forma msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ispejjeż eliġibbli li attwalment ikunu ġew imġarrba mill-benefiċjarju, soġġett għal stima baġitarja preliminari kif ippreżentata mal-proposta u li tkun ġiet inkluża fil-kuntratt. Finanzjament b'rata fissa kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ikopri kategoriji speċifiċi ta' spejjeż eliġibbli li jkunu ġew identifikati b'mod ċar minn qabel billi jiġi applikat persentaġġ. Somom f'daqqa kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 f'termini globali jkopru l-kategoriji kollha jew ċerti kategoriji speċifiċi ta' spejjeż eliġibbli li jkunu ġew identifikati b'mod ċar minn qabel. L-ispejjeż għal kull unità kif imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ikopru kategorija sħiħa jew ċerti kategoriji speċifiċi ta' spejjeż eliġibbli li jkunu ġew identifikati b'mod ċar minn qabel permezz ta' referenza għal ammont għal kull unità.
3. L-għotjiet ma jkollhomx l-għan jew l-effett li jipproduċu profitt fil-qafas tal-proġett. Japplikaw l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 125(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
Artikolu 48
Eliġibbiltà tal-ispejjeż
1. L-għotjiet ma jaqbżux limitu massimu globali espress bħala perċentwali u valur assolut li għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' stima tal-ispejjeż eliġibbli. L-għotjiet ma jaqbżux l-ispejjeż eliġibbli.
2. L-ispejjeż eliġibbli huma spejjeż li effettivament ikunu ġew imġarrba mill-benefiċjarju li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
jiġu mġarrba matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-proġett. B'mod partikolari:
Spejjeż relatati ma' servizzi u xogħlijiet ikunu relatati mal-attivitajiet imwettqa matul il-perjodu ta' implimentazzjoni. Spejjeż relatati ma' provvisti jkunu relatati mal-kunsinna u l-installazzjoni ta' oġġetti matul il-perjodu ta' implimentazzjoni. L-iffirmar ta' kuntratt, it-tqegħid ta' ordni, jew l-irbit f'xi obbligu għal nefqa matul il-perjodu ta' implimentazzjoni għal kunsinna futura ta' servizzi, xogħlijiet jew provvisti wara l-iskadenza tal-perjodu ta' implimentazzjoni ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit; it-trasferimenti ta' flus bejn il-benefiċjarju ewlieni u l-benefiċjarji l-oħra ma jistax jitqies bħala spejjeż imġarrba.
il-kostijiet li jiġġarrbu jenħtieġ li jitħallsu qabel ma jiġu ppreżentati r-rapporti finali tal-proġett. Jistgħu jitħallsu wara, sakemm jiġu elenkati fir-rapport finali flimkien mad-data stmata tal-pagament.
qed issir eċċezzjoni għall-kostijiet relatati mar-rapporti finali tal-proġett, inkluża l-verifika tan-nefqa, l-awditjar u l-evalwazzjoni finali tal-proġett, li jistgħu jiġu mġarrba wara l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-proġett.
Qabel il-bidu tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-proġett il-benefiċjarju(i) seta'(setgħu) kien(u) beda(bdew) proċeduri għall-għoti ta' kuntratti, kif imsemmi fl-Artikolu 52 u ta' wara u seta'(setgħu) jikkonkludi(u) kuntratti, sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 u ta' wara jkunu ġew rispettati;
jiġu indikati fl-istima tal-baġit globali tal-proġett;
huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett;
huma identifikabbli u verifikabbli, u b'mod partikolari ġew irreġistrati fir-rekords tal-kontabbiltà tal-benefiċjarju u determinati skont l-istandards tal-kontabbiltà u tal-prattiċi tas-soltu tal-kontabbiltà tal-ispejjeż applikabbli għall-benefiċjarju;
huma konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fiskali u soċjali applikabbli;
huma raġonevoli, ġustifikati u konformi mar-rekwiżiti ta' ġestjoni finanzjarja tajba, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija u l-effiċjenza;
huma mġarrba minn fatturi jew dokumenti ta' valur probatorju ekwivalenti;
2 a. Minkejja l-Artikolu 19(1), in-nefqa ma għandhiex tkun eliġibbli għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni, fejn titħallas wara l-31 ta’ Diċembru 2023.
3. Għotja tista' tingħata b'mod retroattiv fil-każijiet li ġejjin:
meta l-applikant jista' juri l-ħtieġa li l-proġett jinbeda qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt. Madankollu l-ispejjeż eliġibbli għal finanzjament ma jiġux imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għotja; jew
għal spejjeż relatati ma' studji u dokumentazzjoni għal proġetti li jinkludu komponent infrastrutturali.
L-ebda għotja ma tista' tingħata b'mod retroattiv għal proġetti li diġà tlestew.
3 a. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 3, il-kostijiet tal-proġetti li jippromwovu l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni għall-kriżijiet fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 għandhom ikunu eliġibbli mill‐1 ta’ Frar 2020.
4. Biex tiġi permessa t-tħejjija ta' sħubiji b'saħħithom, l-ispejjeż imġarrba qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għotja minn proġetti li jkunu ngħataw għotja huma eliġibbli sakemm il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti wkoll:
jiġu mġarrba wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti;
ikunu limitati għal spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza tal-persunal impjegat mill-benefiċjarji, sakemm dawn jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 5;
ma jaqbżux l-ammont massimu ffissat fil-livell tal-programm.
5. Soġġett għall-paragrafi 1 u 2, l-ispejjeż diretti li ġejjin tal-benefiċjarju jkunu eliġibbli:
l-ispejjeż tal-persunal assenjat għall-proġett bil-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
spejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza tal-persunal u ta' persuni oħra li jkunu qed jieħdu sehem fil-proġett, sakemm ma jaqbżux la l-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-benefiċjarju skont ir-regoli u r-regolamenti tiegħu u lanqas ir-rati ppubblikati mill-Kummissjoni fil-ħin tal-missjoni jekk se jiġu rimborsati fuq il-bażi ta' somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità jew finanzjament b'rata fissa;
spejjeż ta' xiri jew ta' kiri għal tagħmir (ġdid jew użat) u provvisti speċifikament għall-fini tal-proġett, sakemm jikkorrispondu mal-prezzijiet tas-suq;
l-ispiża ta' konsumabbli li jkunu speċifikament inxtraw għall-proġett;
spejjeż imġarrba minn kuntratti li ngħataw mill-benefiċjarji għall-finijiet tal-proġett;
spejjeż li jkunu direttament ġejjin mir-rekwiżiti imposti minn dan ir-Regolament u l-proġett (bħal informazzjoni u operazzjonijiet ta' viżibilità, evalwazzjonijiet, eżerċizzji esterni tal-awditjar, traduzzjonijiet) inklużi spejjeż ta' servizzi finanzjarji (bħal spejjeż ta' trasferimenti bankarji u garanziji finanzjarji).
6. Skont l-Artikolu 4 programm jista' jistabbilixxi regoli addizzjonali ta' eliġibbiltà għall-programm kollu kemm hu.
Artikolu 49
Spejjeż mhux eliġibbli
1. L-ispejjeż li ġejjin li huma relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett ma jitqisux bħala eliġibbli:
djun u imposti fuq ħlas ta' dejn (imgħax);
dispożizzjonijiet għal telf jew obbligazzjonijiet;
spejjeż iddikjarati mill-benefiċjarju u li diġà ġew iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni;
xiri ta' art jew bini għal ammont li jaqbeż l-10 % tan-nefqa eliġibbli tal-proġett ikkonċernat;
telf tal-kambju;
dazji, taxxi u imposti, inkluża l-VAT, ħlief fejn ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati skont il-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, sakemm ma jiġix previst b'mod ieħor f'dispożizzjonijiet xierqa nnegozjati mal-pajjiżi msieħba fis-CBC;
self lil partijiet terzi;
multi, penali finanzjarji u spejjeż ta' litigazzjoni;
kontribuzzjonijiet in natura kif definiti fl-Artikolu 14(1).
2. Skont l-Artikolu 4 programm jista' jiddikjara kategoriji oħra ta' spejjeż bħala mhux eliġibbli.
Artikolu 50
Somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità u finanzjament b'rata fissa
1. L-ammont totali ta' finanzjament fuq il-bażi ta' somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità u finanzjament b'rata fissa ma jistax jaqbeż EUR 60 000 għal kull benefiċjarju u għal kull proġett, sakemm il-programm ma jistabbilixxix b'mod ieħor skont l-Artikolu 4, iżda li ma jaqbiżx EUR 100 000 .
2. L-użu ta' somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità u finanzjament b'rata fissa jiġi mill-inqas appoġġat b'dan li ġej:
ġustifikazzjoni dwar l-adegwatezza ta' dawn il-forom ta' finanzjament fir-rigward tan-natura tal-proġetti kif ukoll tar-riskji ta' irregolaritajiet u frodi u l-kontroll tal-ispejjeż;
identifikazzjoni tal-ispejjeż jew tal-kategoriji ta' spejjeż koperti minn somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità jew finanzjament b'rata fissa, li jeskludu spejjeż mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 49.
deskrizzjoni tal-metodi biex jiġu determinati somom f'daqqa, spejjeż għal kull unità jew finanzjament b'rata fissa, u tal-kundizzjonijiet biex jiġi żgurat b'mod raġonevoli li r-regola ta' ebda profitt u l-prinċipji ta' kofinanzjament jiġu ssodisfati u biex jiġi evitat il-finanzjament doppju. Dawn il-metodi jkunu bbażati fuq:
dejta statistika jew mezzi oġġettivi simili; jew
approċċ għal kull benefiċjarju, b'referenza għal dejta storika ċertifikata jew verifikabbli tal-benefiċjarju jew għall-prattiki komuni ta' kontabbiltà tal-ispejjeż.
3. Ladarba l-ammonti jkunu ġew ivvalutati u approvati mill-Awtorità Maniġerjali, ma jiġux ikkontestati minn kontrolli ex post.
Artikolu 51
Spejjeż indiretti
1. L-ispejjeż indiretti jistgħu jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta' rata fissa sa 7 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli, esklużi l-ispejjeż imġarrba fir-rigward tal-provvista tal-infrastruttura, sakemm ir-rata tiġi kkalkolata fuq il-bażi ta' metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli.
2. Billi l-ispejjeż indiretti għal proġett jitqiesu dawk l-ispejjeż eliġibbli li ma jistgħux jiġu identifikati bħala spejjeż speċifiċi direttament marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett u ma jistgħux jiġu direttament attribwiti lilu skont il-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà kif definiti fl-Artikolu 48. Ma jistgħux jinkludu spejjeż mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 49 jew spejjeż diġà ddikjarati taħt element ieħor ta' kost jew intestatura baġitarja tal-proġett.
KAPITOLU 4
Artikolu 52
Regoli applikabbli
1. Jekk l-implimentazzjoni ta' proġett teħtieġ li benefiċjarju jagħmel akkwisti ta' oġġetti, xogħlijiet jew servizzi, japplikaw ir-regoli li ġejjin:
meta l-benefiċjarju jkun awtorità kontraenti jew entità kontraenti skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-proċeduri ta' akkwist, jista' japplika liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati b'konnessjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mar-regoli tal-paragrafu 2;
meta l-benefiċjarju jkun organizzazzjoni internazzjonali, jista' japplika r-regoli tal-akkwist tiegħu stess jekk joffru garanziji ekwivalenti għal standards internazzjonalment aċċettati;
meta l-benefiċjarju jkun awtorità pubblika ta' pajjiż imsieħeb fis-CBC li l-kofinanzjament tiegħu jiġi trasferit lill-Awtorità Maniġerjali, jista' japplika liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, sakemm il-ftehim ta' finanzjament jippermetti dan u li l-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-punt (a) tal-paragrafu 2 ikunu rispettati.
2. Fil-każijiet l-oħra kollha jkun hemm konformità mal-obbligi li ġejjin:
il-kuntratt jingħata lill-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus, jew kif xieraq, lill-offerta li toffri l-aktar prezz baxx, filwaqt li jiġi evitat kull kunflitt ta' interess;
għal kuntratti b'valur ta' aktar minn EUR 60 000 , japplikaw ukoll ir-regoli li ġejjin:
jiġi stabbilit kumitat ta' evalwazzjoni biex jevalwa l-applikazzjonijiet u/jew l-offerti fuq il-bażi tal-kriterji ta' esklużjoni, għażla u għotja ppubblikati mill-benefiċjarju bil-quddiem fid-dokumenti tal-offerti. Il-kumitat għandu jkollu numru fard ta' membri bil-kapaċitajiet tekniċi u amministrattivi kollha meħtieġa biex jagħtu opinjoni infurmata dwar l-offerti/applikazzjonijiet;
għandha tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti, kompetizzjoni ġusta u pubbliċità ex ante adegwata;
jiġi żgurat trattament ugwali, proporzjonalità u ebda diskriminazzjoni;
id-dokumenti tal-offerti għandhom jiġu mfassla skont l-aħjar prattika internazzjonali;
l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet jew tal-offerti għandhom ikunu twal biżżejjed biex jagħtu lill-partijiet interessati perjodu raġonevoli biex iħejju l-offerti tagħhom;
il-kandidati jew l-offerenti jiġu esklużi milli jipparteċipaw fi proċedura ta' akkwist jekk jaqgħu f'waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 106(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Il-kandidati jew l-offerenti għandhom jiċċertifikaw li ma huma f'ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kuntratti ma jistgħux jingħataw lil kandidati jew offerenti li, matul il-proċedura ta' akkwist jaqgħu f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;
jiġu segwiti l-proċeduri ta' akkwist stabbiliti fl-Artikoli minn 53 sa 56.
3. Fil-każijiet kollha, japplikaw ir-regoli tan-nazzjonalità u l-oriġini stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.
Artikolu 53
Proċeduri ta' akkwist għal kuntratti ta' servizz
1. Kuntratti ta' servizz b'valur ta' EUR 300 000 jew aktar jingħataw permezz ta' proċedura ta' offerti internazzjonali ristretta wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' akkwist. L-avviż ta' akkwist jiġi ppubblikat fil-midja xierqa kollha lil hinn miż-żona tal-programm, u jiddikjara n-numru ta' kandidati li se jiġu mistiedna jitfgħu offerti f'firxa ta' erba' sa tmien kandidati biex b'hekk tiġi żgurata kompetizzjoni ġenwina.
2. Kuntratti ta' servizz b'valur ta' aktar minn EUR 60 000 iżda anqas minn EUR 300 000 jingħataw permezz ta' proċedura kompetittiva nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni. Il-benefiċjarju jikkonsulta mill-anqas tliet fornituri ta' servizzi tal-għażla tiegħu u jinnegozja t-termini tal-kuntratt ma' wieħed jew aktar minnhom.
Artikolu 54
Proċeduri ta' akkwist għal kuntratti ta' provvisti
1. Kuntratti ta' provvisti b'valur ta' EUR 300 000 jew aktar jingħataw permezz ta' proċedura internazzjonali miftuħa wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' akkwist, li jiġi ppubblikat fil-midja xierqa kollha lil hinn miż-żona tal-programm.
2. Kuntratti ta' provvisti b'valur ta' EUR 100 000 jew aktar iżda anqas minn EUR 300 000 jingħataw permezz ta' proċedura miftuħa ta' offerti ppubblikata fiż-żona tal-programm. Kull offerent eliġibbli jiġi pprovdut bl-istess opportunitajiet bħal ditti lokali.
3. Kuntratti ta' provvisti b'valur ta' aktar minn EUR 60 000 iżda anqas minn EUR 100 000 jingħataw permezz ta' proċedura kompetittiva nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni. Il-benefiċjarju jikkonsulta mill-anqas tliet fornituri tal-għażla tiegħu u jinnegozja t-termini tal-kuntratt ma' wieħed jew aktar minnhom.
Artikolu 55
Proċeduri ta' akkwist għal kuntratti ta' xogħlijiet
1. Kuntratti ta' xogħlijiet b'valur ta' EUR 5 000 000 jew aktar jingħataw permezz ta' proċedura internazzjonali miftuħa, jew minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti xogħlijiet permezz ta' proċedura ristretta ta' offerti, wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' akkwist li jiġi ppubblikat fil-midja xierqa kollha lil hinn miż-żona tal-programm.
2. Kuntratti ta' xogħlijiet b'valur ta' EUR 300 000 jew aktar iżda anqas minn EUR 5 000 000 jingħataw permezz ta' proċedura miftuħa ta' offerti ppubblikata fiż-żona tal-programm. Kull offerent eliġibbli jiġi pprovdut bl-istess opportunitajiet bħal ditti lokali.
3. Kuntratti ta' xogħlijiet b'valur ta' aktar minn EUR 60 000 iżda anqas minn EUR 300 000 jingħataw permezz ta' proċedura kompetittiva nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni. Il-benefiċjarju jikkonsulta mill-anqas tliet kuntratturi tal-għażla tiegħu u jinnegozja t-termini tal-kuntratt ma' wieħed jew aktar minnhom.
Artikolu 56
Użu ta' Proċedura Negozjata
Il-benefiċjarju jista' jiddeċiedi li juża proċedura nnegozjata fuq il-bażi ta' offerta waħda fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 266, 268, 270 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.
Artikolu 57
Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi
1. Jekk il-proġett jeħtieġ l-għoti ta' appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, dan jista' jingħata bil-kundizzjoni li:
kull parti terza toffri garanziji adegwati fir-rigward tal-irkupru tal-ammonti;
ikun hemm konformità mal-prinċipji ta' proporzjonalità, trasparenza, ġestjoni finanzjarja tajba, trattament ugwali u ebda diskriminazzjoni;
jiġu evitati l-kunflitti ta' interessi;
l-appoġġ finanzjarju ma jistax ikun kumulattiv jew jingħata retrospettivament, fil-prinċipju, jinvolvi kofinanzjament u ma jistax ikollu l-għan jew l-effett li jipproduċi profitt għal kull parti terza;
il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju jiġu strettament definiti fil-kuntratt biex jiġi evitat l-eżerċizzju ta' diskrezzjoni mill-benefiċjarju. B'mod partikolari, il-kuntratt jispeċifika l-kategoriji ta' persuni li huma eliġibbli għall-appoġġ, il-kriterji għall-għoti (inklużi l-kriterji biex jiġi determinat l-ammont eżatt) u lista fissa tat-tipi differenti ta' attività li jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju bħal dan;
l-ammont massimu ta' appoġġ finanzjarju li jista' jitħallas ma jaqbiżx EUR 60 000 għal kull parti terza, ħlief meta l-appoġġ finanzjarju ikun l-għan ewlieni tal-proġett.
2. Japplikaw ir-regoli dwar in-nazzjonalità u l-oriġini stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Meta sub-għotja taqbeż EUR 60 000 japplikaw mutatis mutandis ir-regoli ta' parteċipazzjoni stabbiliti fil-punt (b)(vi) tal-Artikolu 52.
TITOLU VIII
ĦLASIJIET, PREŻENTAZZJONI U AĊĊETTAZZJONI TAL-KONTIJIET, KORREZZJONIJIET FINANZJARJI U RKUPRI
KAPITOLU 1
Ħlasijiet
Artikolu 58
Impenji annwali
1. B'ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni tagħmel l-impenji inizjali wara l-adozzjoni tal-programm mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5.
2. B'ġestjoni indiretta, il-Kummissjoni tagħmel l-impenji inizjali wara l-adozzjoni tal-programm, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim li jiddelega l-kompiti tal-eżekuzzjoni tal-baġit lil organizzazzjoni internazzjonali jew lil pajjiż imsieħeb fis-CBC imsemmija fl-Artikoli 81 u 82.
3. Sussegwentement il-Kummissjoni tagħmel l-impenn korrispondenti kull sena finanzjarja mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju. L-ammont tal-impenji annwali jiġi determinat skont il-pjan finanzjarju b'kunsiderazzjoni tal-progress tal-programm u d-disponibbiltà ta' fondi. Il-Kummissjoni tinforma lill-Awtorità Maniġerjali meta jsir l-impenn annwali.
Artikolu 59
Regoli komuni għall-ħlasijiet
1. Ħlasijiet lill-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jieħdu l-forma ta' prefinanzjament jew ħlas tal-bilanċ finali.
2. Jinfetaħ kont bankarju f'euro, speċifikament iddedikat għall-programm. Meta l-ħlasijiet mill-Kummissjoni jgħaddu minn kont bankarju ieħor li mhuwiex dak tal-programm, l-ammonti relatati u kull imgħax akkumulat jiġi trasferit lill-kont bankarju tal-programm mingħajr dewmien u b'mod sħiħ.
3. L-ebda ammont ma jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda imposta speċifika jew imposta oħra b'effett ekwivalenti ma tiġi imposta fuq dawn l-ammonti jew fuq kull imgħax akkumulat.
Artikolu 60
Regoli komuni għall-kalkolu tal-prefinanzjament
1. Kull sena finanzjarja, ladarba l-Awtorità Maniġerjali tkun ġiet innotifikata bl-impenn annwali, bħala prefinanzjament tista' titlob it-trasferiment sa 80 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għas-sena finanzjarja in kwistjoni. Mit-tieni sena finanzjarja, it-talbiet għal prefinanzjament ikunu akkumpanjati mill-baġit proviżorju li jipprovdi dettalji dwar l-impenji tal-Awtorità Maniġerjali u l-ħlasijiet għas-sentejn ta' kontabbiltà wara l-aħħar opinjoni tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 68. Wara li tirrevedi dak il-baġit proviżorju, tivvaluta l-ħtiġijiet attwali ta' finanzjament tal-programm u tivverifika d-disponibbiltà tal-fondi, il-Kummissjoni tipproċedi bil-ħlas tal-prefinanzjament mitlub kollu jew parti minnu mhux aktar tard minn 60 jum wara d-data li fiha t-talba għall-ħlas tiġi rreġistrata mal-Kummissjoni.
2. Fil-kors tas-sena finanzjarja, l-Awtorità Maniġerjali tista' titlob għat-trasferiment tal-fondi kollha diġà impenjati jew ta' parti minnhom, bħala prefinanzjament addizzjonali. B'sostenn tat-talba tagħha, l-Awtorità Maniġerjali tippreżenta rapport finanzjarju interim li juri li l-ispiża li tkun ġiet imġarrba jew li probabbli se tiġi mġarrba qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja taqbeż l-ammont ta' prefinanzjament li diġà tħallas. Dawn it-trasferimenti sussegwenti jikkostitwixxi prefinanzjament addizzjonali sakemm ma jiġux appoġġati minn opinjoni tal-awditjar msemmija fl-Artikolu 68.
3. Kull sena finanzjarja tal-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni tikklerja l-ħlasijiet preċedenti ta' prefinanzjament fuq il-bażi tan-nefqa eliġibbli li tkun ġiet imġarrba, appoġġata mill-opinjoni tal-awditjar imsemmija fl-Artikolu 68 wara li l-kontijiet ikunu ġew aċċettati kif deskritt fl-Artikolu 69(2). Fuq il-bażi tar-riżultati ta' din l-approvazzjoni, il-Kummissjoni tista' tipproċedi bl-aġġustamenti finanzjarji neċessarji.
Artikolu 61
Interruzzjoni tad-data tal-iskadenza għall-ħlas
1. L-uffiċjal awtorizzanti b'delega skont it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jista' jinterrompi l-iskadenza għall-ħlas għal talba għall-ħlas għal perjodu massimu ta' sitt xhur f'kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
wara li tiġi provduta informazzjoni minn korp tal-awditjar nazzjonali jew tal-Unjoni, ikun hemm evidenza ċara li tissuġġerixxi nuqqas sinifikattiv fil-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll;
l-uffiċjal awtorizzanti b'delega jkollu jwettaq verifiki addizzjonali wara li ċerta informazzjoni tkun waslet għall-attenzjoni tiegħu li tinformah li n-nefqa hija marbuta ma' irregolarità li għandha konsegwenzi finanzjarji serji;
ma jiġix ippreżentat wieħed mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 77;
ma jiġix ippreżentat wieħed mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikoli 60 u 64.
L-Awtorità Maniġerjali tista' taqbel li l-perjodu ta' interruzzjoni jiġi estiż għal tliet xhur oħra.
2. L-uffiċjal awtorizzanti b'delega jillimita l-interruzzjoni għall-parti tan-nefqa koperta mit-talba għall-ħlas affettwata mill-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, sakemm ma jkunx possibbli li tiġi identifikata l-parti tan-nefqa affettwata. L-uffiċjal awtorizzanti b'delega jinforma lill-Istat Membru li jkun qed jospita l-Awtorità Maniġerjali u lill-Awtorità Maniġerjali minnufih bir-raġunijiet għall-interruzzjoni u jitlobhom jirrimedjaw is-sitwazzjoni. L-interruzzjoni titwaqqaf mill-uffiċjal awtorizzanti b'delega hekk kif ikunu ttieħdu l-miżuri neċessarji. Din l-interruzzjoni tista' tiġi estiża għal aktar minn sitt xhur jekk ma jkunux ittieħdu l-miżuri meħtieġa.
Artikolu 62
Sospensjoni ta' ħlasijiet
1. Il-Kummissjoni tista' tissospendi l-ħlasijiet kollha jew parti minnhom f'kullwaħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:
ikun hemm nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-programm li jkun poġġa l-kontribuzzjoni tal-Unjoni f'riskju u li għalih ma jkunux ittieħdu miżuri korrettivi;
ikun hemm ksur gravi minn pajjiżi parteċipanti tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 31;
in-nefqa tkun marbuta ma' irregolarità li ma tkunx ġiet ikkorreġuta u li jkollha konsegwenzi finanzjarji serji;
ikun hemm nuqqas serju fil-kwalità u fl-affidabbiltà tas-sistema ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ;
ikun hemm evidenza li tirriżulta minn monitoraġġ, evalwazzjoni jew eżerċizzju tal-awditjar li l-programm ma jkunx qed jitwettaq skont l-iskadenzi indikati fl-Artikolu 4 u kif irrapportat skont l-Artikolu 77.
2. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tissospendi l-ħlasijiet kollha ta' prefinanzjament jew parti minnhom jew wara li tkun tat lill-Awtorità Maniġerjali l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.
3. Il-Kummissjoni ttemm is-sospensjoni tal-ħlasijiet kollha jew ta' parti minnhom fejn l-Awtorità Maniġerjali tkun ħadet il-miżuri meħtieġa sabiex is-sospensjoni tkun tista' titneħħa.
Artikolu 63
Ħlas lill-benefiċjarji ewlenin
1. Ħlasijiet lill-benefiċjarji ewlenin jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:
prefinanzjament;
ħlas interim;
ħlas tal-bilanċ finali.
2. L-Awtorità Maniġerjali tiżgura li l-ħlasijiet lill-benefiċjarji ewlenin jiġu proċessati malajr kemm jista' jkun skont il-kuntratt iffirmat. L-ebda ammont ma jitnaqqas jew jinżamm, sakemm ma jkunx appoġġat mill-kuntratt iffirmat u l-ebda tariffa speċifika jew tariffa oħra b'effett ekwivalenti ma tiġi imposta li tnaqqas dawn il-ħlasijiet.
Artikolu 64
Il-pagament tal-bilanċ finali
1. L-Awtorità Maniġerjali għandha tippreżenta t-talba għall-pagament tal-bilanċ finali li tkun akkumpanjata mid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 68 u 77(5).
2. Il-bilanċ finali jitħallas mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-ikklerjar tal-kontijiet tas-sena kontabilistika finali jew xahar wara d-data tal-aċċettazzjoni tar-rapport finali tal-implimentazzjoni, skont liema data tiġi l-aħħar.
3. Il-pagament tal-bilanċ finali tal-programm fl-aħħar sena kontabilistika jista’ jaqbeż l-10% tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull objettiv tematiku kif stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm.
Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz tal-pagament tal-bilanċ finali fl-aħħar sena kontabilistika ma għandhiex taqbeż it-total tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal kull programm kif stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm.
Artikolu 65
Eċċezzjoni għad-diżimpenn
1. L-ammont ikkonċernat minn diżimpenn jitnaqqas bl-ammonti li l-Awtorità Maniġerjali ma tkunx setgħet tiddikjara lill-Kummissjoni minħabba:
proġetti li jkunu ġew sospiżi minn proċedura legali jew minn appell amministrattiv li jkollhom effett ta' sospensjoni; jew
raġunijiet ta'forza maġġurili jaffettwaw b'mod serju l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta' parti minnu;
l-applikazzjoni tal-Artikoli 61 jew 62;
2. L-Awtorità Maniġerjali li tiddikjara forza maġġuri skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 turi l-konsegwenzi diretti tal-forza maġġuri fuq l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta' parti minnu. Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 it-tnaqqis jista' jintalab darba jekk is-sospensjoni jew il-forza maġġuri ma tkunx damet aktar minn sena, jew għadd ta' drabi li jikkorrispondu mat-tul tal-forza maġġuri jew l-għadd ta' snin bejn id-data tad-deċiżjoni legali jew amministrattiva li tissospendi l-implimentazzjoni tal-proġett u d-data tad-deċiżjoni legali jew amministrattiva finali.
3. Sal-15 ta' Frar, l-Awtorità Maniġerjali tibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għall-ammont li għandu jiġi ddikjarat sal-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja preċedenti.
Artikolu 66
Proċedura ta' diżimpenn
1. Il-Kummissjoni tinforma fi żmien xieraq lill-Awtorità Maniġerjali kull meta jkun hemm riskju ta' diżimpenn skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.
2. Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun irċeviet mill-15 ta' Frar, il-Kummissjoni tinforma lill-Awtorità Maniġerjali bl-ammont tad-diżimpenn b'riżultat ta' dik l-informazzjoni.
3. L-Awtorità Maniġerjali jkollha xahrejn biex taqbel mal-ammont li għandu jiġi diżimpenjat jew biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.
4. Sat-30 ta' Ġunju, l-Awtorità Maniġerjali tippreżenta pjan finanzjarju rivedut lill-Kummissjoni li jirrifletti l-impatt tal-ammont imnaqqas ta' appoġġ fuq l-objettivi tematiċi jew l-assistenza teknika tal-programm għas-sena finanzjarja kkonċernata. Fin-nuqqas li ssir tali preżentazzjoni, il-Kummissjoni tirrevedi l-pjan finanzjarju billi tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għas-sena finanzjarja kkonċernata. It-tnaqqis jaffettwa l-objettivi tematiċi u l-assistenza teknika b'mod proporzjonali.
5. Il-Kummissjoni temenda d-deċiżjoni li tadotta l-programm.
Artikolu 67
Użu tal-euro
1. L-Awtorità Maniġerjali u l-benefiċjarju jikkonvertu f'euro n-nefqa li tiġi sostnuta f'munita oħra minbarra l-euro permezz tar-rata tal-kambju tal-kontabbiltà mensili tal-Kummissjoni ta' waħda minn dawn li ġejjin:
ix-xahar li matulu ġiet sostnuta n-nefqa;
ix-xahar li matulu n-nefqa ġiet ippreżentata għall-eżami skont l-Artikolu 32(1);
ix-xahar li matulu n-nefqa ġiet irrapportata lill-benefiċjarju ewlieni.
2. Il-metodu magħżul jiġi stabbilit fil-programm u japplika għat-tul kollu tal-programm. Jistgħu jiġu applikati metodi differenti għall-assistenza teknika u għall-proġetti.
KAPITOLU 2
Preżentazzjoni u aċċettazzjoni tal-kontijiet
Artikolu 68
Preżentazzjoni tal-kontijiet
1. Il-kontijiet tal-programm jitħejjew mill-Awtorità Maniġerjali. Dawn il-kontijiet ikunu indipendenti u separati u jinkludu biss it-tranżazzjonijiet relatati mal-programm. Huma jinżammu b'tali mod li jiġi permess li jsir monitoraġġ analitiku tal-programm skont il-prijorità u l-assistenza teknika.
2. Fir-rapport annwali tagħha, l-Awtorità Maniġerjali tipprovdi lill-Kummissjoni sal-15 ta' Frar, l-informazzjoni finanzjarja li ġejja:
il-kontijiet għas-sena ta' kontabbiltà preċedenti;
dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni ffirmata mir-rappreżentant tal-Awtorità Maniġerjali li tikkonferma li:
l-informazzjoni ġiet ippreżentata kif suppost, hija kompluta u preċiża;
in-nefqa ntużat għall-iskop maħsub tagħha;
is-sistemi ta' kontroll stabbiliti jagħtu l-garanziji neċessarji dwar il-legalità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.
sommarju annwali tal-kontrolli li twettqu mill-Awtorità Maniġerjali, inkluża analiżi tan-natura u l-firxa ta' żbalji u nuqqasijiet identifikati fis-sistemi, kif ukoll l-azzjoni korrettiva li ttieħdet jew li hija ppjanata;
opinjoni tal-awditjar dwar il-kontijiet annwali;
rapport annwali tal-awditjar imħejji mill-Awtorità tal-Awditjar li jipprovdi sommarju tal-eżerċizzji tal-awditjar li twettqu, inkluża analiżi tan-natura u l-firxa tal-iżbalji u n-nuqqasijiet identifikati, kemm fil-livell tas-sistema u għall-proġetti, kif ukoll l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu jew li huma ppjanati;
stima tal-ispejjeż imġarrba mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti;
il-lista tal-proġetti li ngħalqu matul is-sena ta' kontabbiltà.
3. Il-kontijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 jiġu ppreżentati għal kull programm u jinkludu fil-livell ta' kull prijorità u assistenza teknika:
in-nefqa mġarrba u mħallsa u d-dħul miksub u riċevut mill-Awtorità Maniġerjali;
l-ammonti rinunzjati u rkuprati matul is-sena ta' kontabbiltà, l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati sal-aħħar tas-sena tal-kontabbiltà u l-ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati.
4. L-opinjoni tal-awditjar imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 tistabbilixxi jekk il-kontijiet jagħtux stampa vera u ġusta, it-tranżazzjonijiet relatati humiex legali u regolari u li s-sistemi ta' kontroll ġewx implimentati sew u jiffunzjonawx. L-opinjoni tiddikjara wkoll jekk ix-xogħol ta' awditjar jitfax dubji fuq l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.
Artikolu 69
Aċċettazzjoni tal-kontijiet
1. Il-Kummissjoni teżamina l-kontijiet u tgħarraf lill-Awtorità Maniġerjali sal-31 ta' Mejju tas-sena wara t-tmiem tas-sena tal-kontabbiltà jekk taċċettax li l-kontijiet humiex kompluti, preċiżi u veri.
2. Fuq il-bażi tan-nefqa eliġibbli sostnuta, kif ċertifikat mill-opinjoni tal-awditjar imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 68(2), il-Kummissjoni tikklerja l-prefinanzjament.
3. L-aċċettazzjoni tal-kontijiet tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe korrezzjonijiet finanzjarji sussegwenti skont l-Artikolu 72.
Artikolu 70
Perjodu għaż-żamma tar-rekords
1. L-Awtorità Maniġerjali u l-benefiċjarji jżommu d-dokumenti kollha relatati mal-programm jew ma' proġett għal ħames snin mid-data tal-ħlas tal-bilanċ għall-programm. B'mod partikolari huma jżommu r-rapporti, id-dokumenti ta' sostenn, kif ukoll il-kontijiet, id-dokumenti tal-kontabbiltà u kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-finanzjament tal-programm (inklużi d-dokumenti kollha relatati mal-għoti tal-kuntratt) u tal-proġetti.
2. Minkejja l-paragrafu 1, ir-rekords li jappartjenu għall-eżerċizzji tal-awditjar, l-appelli, il-litigazzjoni jew l-insegwiment ta' pretensjonijiet b'riżultat tal-programm jew tal-prestazzjoni tal-proġett jinżammu sakemm dawn l-eżerċizzji tal-awditjar, appelli, litigazzjoni jew talbiet ikunu tlestew.
KAPITOLU 3
Korrezzjonijiet finanzjarji u Rkupri
Artikolu 71
Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Awtorità Maniġerjali
1. L-Awtorità Maniġerjali l-ewwel nett tkun responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet u biex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u biex issegwi l-irkupri. Fil-każ ta' irregolarità sistematika, l-Awtorità Maniġerjali testendi l-investigazzjoni tagħha biex tkopri l-operazzjonijiet kollha potenzjalment affettwati.
L-Awtorità Maniġerjali tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b'rabta ma' irregolaritajiet individwali jew sistematiċi li jkunu nstabu fil-proġetti, fl-assistenza teknika jew fil-programm. Il-korrezzjonijiet finanzjarji jikkonsistu f'kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew ta' parti minnha għal proġett jew għal assistenza teknika. L-Awtorità Maniġerjali tqis in-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju u tapplika korrezzjoni finanzjarja proporzjonata. Il-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu rreġistrati fil-kontijiet annwali mill-Awtorità Maniġerjali għas-sena ta' kontabbiltà li fiha tiġi deċiża l-kanċellazzjoni.
2. Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni li tkun ġiet ikkanċellata skont il-paragrafu 1 tista' terġa' tintuża fil-programm ikkonċernat, soġġett għall-paragrafu 3.
3. Il-kontribuzzjoni li tiġi kkanċellata skont il-paragrafu 1 ma tistax terġa' tintuża għall-proġett li kien soġġett ta' korrezzjoni finanzjarja jew, fejn tkun saret korrezzjoni finanzjarja għal irregolarità sistemika u għal xi proġett affettwat mill-irregolarità sistemika.
Artikolu 72
Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni
1. Il-Kummissjoni tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji billi tikkanċella kontribuzzjoni kollha tal-Unjoni jew parti minnha għal programm u twettaq l-irkupru mill-Awtorità Maniġerjali biex teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni n-nefqa li tkun bi ksur tal-liġi applikabbli jew li tkun relatata ma' nuqqasijiet fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-programm li jkunu ġew skoperti mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
2. Ksur tal-liġi nazzjonali applikabbli jwassal għal korrezzjoni finanzjarja biss fir-rigward ta' nefqa li tkun ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni u meta tkun sodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
il-ksur ikun affettwa l-għażla ta' proġett jew ta' kuntratt ta' assistenza teknika jew f'każijiet fejn, minħabba n-natura tal-ksur, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit dak l-impatt iżda jkun hemm riskju sostanzjat li l-ksur kellu effett bħal dan;
il-ksur ikun affettwa l-ammont tan-nefqa ddikjarata mill-programm jew f'każijiet fejn, minħabba n-natura tal-ksur, ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat l-impatt finanzjarju tiegħu, iżda jkun hemm riskju sostanzjat li l-ksur kellu effett bħal dan.
3. B'mod partikolari l-Kummissjoni tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji fejn, wara li twettaq l-eżami meħtieġ, tasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin:
ikun hemm nuqqas serju fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-programm li jkun poġġa f'riskju l-kontribuzzjoni tal-Unjoni li diġà tħallset;
l-Awtorità Maniġerjali ma tkunx ikkonformat mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 71 qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni finanzjarja skont dan il-paragrafu;
in-nefqa ddikjarata fir-rapport annwali jew finali tkun irregolari u ma tkunx ġiet ikkorreġuta mill-Awtorità Maniġerjali qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni finanzjarja skont dan il-paragrafu.
Il-Kummissjoni tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq każijiet individwali ta' irregolaritajiet identifikati u tqis jekk irregolarità hijiex sistemika. Meta ma jkunx possibbli li l-ammont ta' nefqa irregolari jiġi preċiżament kkwantifikat, il-Kummissjoni tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata.
4. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-ammont ta' korrezzjoni finanzjarja skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tal-irregolarità u l-firxa u l-implikazzjonijiet finanzjarji tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li jkunu nstabu fil-programm.
5. Meta l-Kummissjoni tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq rapporti tal-awdituri li ma jkunux dawk tas-servizzi tagħha stess, hija tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi finanzjarji wara li tkun semgħet l-Awtorità Maniġerjali u lill-awdituri.
6. L-għeluq tal-programm ma jippreġudikax id-dritt tal-Kummissjoni li, fi stadju aktar tard, twettaq korrezzjonijiet finanzjarji fil-konfront tal-Awtorità Maniġerjali.
7. Il-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata u l-kriterji biex jiġu applikati rati fissi jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata huma dawk adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ( 5 ), b'mod partikulari l-Artikolu 144, kif ukoll dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2013 ( 6 ).
Artikolu 73
Proċedura
1. Qabel ma tieħu deċiżjoni dwar korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni tinforma lill-Awtorità Maniġerjali bil-konklużjonijiet proviżorji tal-eżami tagħha u titlob lill-Awtorità Maniġerjali tippreżenta l-kummenti tagħha fi żmien xahrejn.
2. Meta l-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta' estrapolazzjoni jew rata fissa, l-Awtorità Maniġerjali tingħata l-opportunità li turi permezz ta' eżami tad-dokumentazzjoni kkonċernata li l-limitu attwali ta' irregolarità huwa inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Awtorità Maniġerjali tista' tillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak l-eżami għal proporzjon jew għal kampjun xieraq tad-dokumentazzjoni kkonċernata. Ħlief f'każijiet debitament ġustifikati, iż-żmien permess għal dak l-eżami ma jaqbiżx perjodu ieħor ta' xahrejn wara l-perjodu ta' xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1.
3. Il-Kummissjoni tqis kull evidenza pprovduta mill-Awtorità Maniġerjali fil-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.
4. Meta l-Awtorità Maniġerjali ma taċċettax il-konklużjonijiet proviżorji tal-Kummissjoni, l-Awtorità Maniġerjali tiġi mistiedna għal smigħ mill-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li informazzjoni u l-osservazzjonijiet rilevanti kollha jkunu disponibbli għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja.
5. Fil-każ ta' ftehim u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Awtorità Maniġerjali tista' terġa' tuża l-kontribuzzjoni li tkun ġiet ikkanċellata għall-programm ikkonċernat skont l-Artikolu 71(2).
6. Biex tapplika l-korrezzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fi żmien sitt xhur mid-data tas-smigħ jew mid-data tal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali meta l-Awtorità Maniġerjali taqbel li tippreżenta din l-informazzjoni addizzjonali wara s-smigħ. Il-Kummissjoni tqis l-informazzjoni u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati matul il-proċedura. Jekk ma jsir l-ebda smigħ, il-perjodu ta' sitt xhur jibda jiddekorri xahrejn wara d-data tal-ittra ta' stedina għas-smigħ mibgħuta mill-Kummissjoni.
7. Meta l-Kummissjoni jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri jiskopru irregolaritajiet li juru nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, il-korrezzjoni finanzjarja li tirriżulta tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Unjoni.
L-ewwel subparagrafu ma japplikax fil-każ ta' nuqqas serju fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li, qabel id-data tal-iskoperta mill-Kummissjoni jew mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri:
kien ġie identifikat fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni, fir-rapport annwali ta' kontroll jew fl-opinjoni tal-awditjar ippreżentata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 68, jew f'rapporti oħra ta' awditjar tal-Awtorità tal-Awditjar ippreżentati lill-Kummissjoni u jkunu ttieħdu l-miżuri xierqa; jew
kien is-suġġett ta' miżuri xierqa ta' rimedju mill-Awtorità Maniġerjali.
Il-valutazzjoni ta' nuqqasijiet serji fil-funzjonament effettiv tas-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tkun ibbażata fuq il-liġi applikabbli meta ġew ippreżentati d-dikjarazzjonijiet tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni rilevanti, ir-rapporti annwali u l-opinjonijiet tal-awditjar.
Meta tkun qed tiddeċiedi dwar korrezzjoni finanzjarja l-Kummissjoni:
tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità billi tqis in-natura u l-gravità tan-nuqqas serju fil-funzjonament effettiv ta' sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll u l-implikazzjonijiet finanzjarji tiegħu għall-baġit tal-Unjoni;
għall-iskop tal-applikazzjoni ta' rata fissa jew korrezzjoni estrapolata, teskludi infiq irregolari li preċedentement ikun ġie skopert mill-Awtorità Maniġerjali li kien is-suġġett ta' aġġustament fil-kontijiet u l-infiq kien soġġett għal valutazzjoni kontinwa tal-legalità u r-regolarità tiegħu;
meta tkun qed tiddetermina r-riskju residwu għall-baġit tal-Unjoni għandha tqis il-korrezzjonijiet b'rata fissa jew estrapolati li ġew applikati għan-nefqa mill-Awtorità Maniġerjali għal nuqqasijiet serji oħra li jkunu ġew skoperti mill-Awtorità Maniġerjali.
Artikolu 74
Responsabbiltajiet finanzjarji u Rkupri
1. L-Awtorità Maniġerjali tkun responsabbli biex issegwi l-irkupru ta' ammonti li ma kellhomx jitħallsu.
2. Meta l-irkupru jkun relatat ma' ksur ta' obbligi legali min-naħa tal-Awtorità Maniġerjali li jirriżultaw minn dan ir-Regolament u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 l-Awtorità Maniġerjali tkun responsabbli li tirrimborża l-ammonti kkonċernati lill-Kummissjoni.
3. Meta l-irkupru jkun relatat ma' nuqqasijiet sistemiċi fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-programm, l-Awtorità Maniġerjali tkun responsabbli li tirrimborża l-ammonti kkonċernati lill-Kummissjoni skont it-tqassim tal-obbligazzjonijiet fost il-pajjiżi parteċipanti kif stabbilit fil-programm.
4. Meta l-irkupru jkun relatat ma' talba kontra benefiċjarju stabbilit fi Stat Membru u l-Awtorità Maniġerjali ma tkunx tista' tirkupra d-dejn, l-Istat Membru li fih il-benefiċjarju jkun stabbilit iħallas l-ammont dovut lill-Awtorità Maniġerjali u jitolbu lura mill-benefiċjarju.
5. Meta l-irkupru jkun relatat ma' talba kontra benefiċjarju stabbilit f'pajjiż imsieħeb fis-CBC u l-Awtorità Maniġerjali ma tkunx tista' tirkupra d-dejn, il-livell ta' responsabbiltà tal-pajjiż imsieħeb fis-CBC li fih il-benefiċjarju jkun stabbilit ikun tali kif stabbilit fil-ftehimiet finanzjarji relevanti msemmija fl-Artikoli 8 u 9.
Artikolu 75
Ħlas lura lill-Awtorità Maniġerjali
1. L-Awtorità Maniġerjali tirkupra l-ammonti li ma kellhomx jitħallsu flimkien ma' kull imgħax fuq ħlasijiet tard mill-benefiċjarju ewlieni. Il-benefiċjarji konċernati jħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni l-ammonti li ma kellhomx jitħallsu skont il-ftehim ta' sħubija ffirmat bejniethom. Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxilux jikseb lura l-ħlas mill-benefiċjarju kkonċernat, l-Awtorità Maniġerjali tinnotifika formalment lil dan tal-aħħar biex iħallas lura lill-benefiċjarju ewlieni. Jekk il-benefiċjarju kkonċernat ma jħallasx lura, l-Awtorità Maniġerjali titlob lill-pajjiż parteċipanti li fih il-benefiċjarju kkonċernat jkun stabbilit iħallas lura l-ammonti skont l-Artikolu 74 minn (2) sa (5).
2. L-Awtorità Maniġerjali teżerċita diliġenza xierqa sabiex tiżgura r-rimborż tal-ordnijiet ta' rkupru bl-appoġġ mill-pajjiżi parteċipanti. B'mod partikolari l-Awtorità Maniġerjali tiżgura li t-talba hija ċerta, ta' ammont fiss u hija dovuta. Meta l-Awtorità Maniġerjali tkun qed tippjana li tirrinunzja l-irkupru ta' dejn stabbilit, hija tiżgura li r-rinunzja tkun kif suppost u tkun konformi mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u ta' proporzjonalità. Id-deċiżjoni ta' rinunzja għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ għall-approvazzjoni minn qabel.
3. L-Awtorità Maniġerjali żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-passi kollha li jkunu ttieħdu biex jiġu rkuprati l-ammonti dovuti. Il-Kummissjoni tista' f'kull ħin tieħu f'idejha l-kompitu li tirkupra l-ammonti b'mod dirett jew mill-benefiċjarju jew mill-pajjiż parteċipanti kkonċernat.
4. Fajls li jiġu trasferiti lil pajjiż parteċipanti jew lill-Kummissjoni jinkludu d-dokumenti kollha meħtieġa għall-irkupru kif ukoll prova tal-passi li jkunu ttieħdu mill-Awtorità Maniġerjali biex jiġu rkuprati l-ammonti dovuti.
5. Kuntratti konklużi mill-Awtorità Maniġerjali jkun fihom klawżola li tippermetti lill-Kummissjoni jew il-pajjiż parteċipanti li fih il-benefiċjarju jkun stabbilit li jirkupraw kwalunkwe ammonti dovuti lill-Awtorità Maniġerjali li din tal-aħħar ma setgħatx tirkupra.
Artikolu 76
Ħlas lura lill-Kummissjoni
1. Kull ħlas lura dovut lill-Kummissjoni jsir qabel id-data ta' skadenza indikata fl-ordni ta' rkupru. Id-data ta' skadenza tkun 45 jum mid-data tal-ħruġ tan-nota ta' debitu.
2. Kull dewmien tar-rimborż jagħti lok għal imgħax minħabba ħlas tard, li jibda fid-data ta' skadenza u jintemm fid-data tal-ħlas attwali. Ir-rata ta' dan l-imgħax tkun ta' tliet punti perċentwali u nofs aktar mir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fl-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tiegħu fl-ewwel jum tax-xogħol tax-xahar li fih taqa' d-data ta' skadenza. L-ammonti li għandhom jitħallsu lura jistgħu jiġu paċuti kontra ammonti ta' kull tip dovuti lill-benefiċjarju jew lill-pajjiż parteċipanti. Dan ma jaffettwax id-dritt tal-partijiet li jiftiehmu dwar ħlas bin-nifs.
TITOLU IX
RAPPURTAR, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI
Artikolu 77
Rapporti annwali tal-Awtorità Maniġerjali
1. Sal-15 ta' Frar l-Awtorità Maniġerjali tippreżenta rapport annwali approvat mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport annwali jinkludi parti teknika u parti finanzjarja li jkopri s-sena ta' kontabbiltà preċedenti.
2. Il-parti teknika tiddeskrivi:
il-progress li nkiseb fl-implimentazzjoni tal-programm u l-prijoritajiet tiegħu;
il-lista dettaljata ta' kuntratti li ġew iffirmati kif ukoll il-lista ta' proġetti magħżula li għadhom ma ġewx ikkuntrattati, inklużi l-listi ta' riżerva;
l-attivitajiet ta' assistenza teknika mwettqa;
il-miżuri li ttieħdu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti, ir-riżultati tagħhom u l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu rimedjati l-problemi identifikati;
l-attivitajiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni li ġew implimentati.
3. Il-parti finanzjarja titħejja skont l-Artikolu 68(2).
4. Barra minn hekk, ir-rapport annwali jkun fih il-previżjoni tal-attivitajiet li għandhom jiġi implimentati fis-sena ta' kontabbiltà segwenti. Huwa jinkludi:
strateġija aġġornata tal-awditjar;
il-programm ta' ħidma, il-pjan finanzjarju u l-użu ppjanat tal-assistenza teknika;
il-pjan annwali ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni skont l-Artikolu 78(2);
il-pjan annwali ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni skont l-Artikolu 79(4).
5. Sat- ►M1 15 ta’ Frar 2025 ◄ l-Awtorità Maniġerjali tippreżenta rapport finali approvat mill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport finali jinkludi mutatis mutandis l-informazzjoni mitluba skont il-paragrafi 2 u 3 hawn fuq għall-aħħar sena ta' kontabbiltà u għat-tul kollu tal-programm.
6. L-iskadenzi stipulati fil-paragrafi 1 u 5 tista’ tiġi estiża b’eċċezzjoni mill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu, abbażi ta’ komunikazzjoni mill-awtorità maniġerjali kkonċernata.
Artikolu 78
Monitoraġġ u Evalwazzjoni
1. Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ikollhom il-għan li jtejbu l-kwalità tad-disinn u tal-implimentazzjoni, kif ukoll biex jevalwaw u jtejbu l-konsistenza, l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt tiegħu. Is-sejbiet tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjonijiet jitqiesu fiċ-ċiklu ta' programmar u ta' implimentazzjoni.
2. Fil-programm jiġi inkluż pjan indikattiv ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni għat-tul kollu tiegħu. Sussegwentement kull programm iħejji pjan annwali ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni li jrid jitwettaq mill-Awtorità Maniġerjali skont il-gwida u l-metodoloġija ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Il-pjan annwali jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar.
3. Minbarra l-monitoraġġ ta' kuljum, l-Awtorità Maniġerjali twettaq monitoraġġ tal-programm u tal-proġetti li jkunu orjentati lejn ir-riżultati.
4. Il-Kummissjoni jkollha aċċess għar-rapporti kollha ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ.
5. Il-Kummissjoni tista' f'kull ħin, tniedi evalwazzjoni jew monitoraġġ tal-programm jew ta' parti minnu. Ir-riżultati ta' dawn l-eżerċizzji, li jiġu komunikati lill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ u lill-Awtorità Maniġerjali tal-programm, jistgħu jwasslu għal aġġustamenti fil-programm.
TITOLU X
VIŻIBBILTÀ
Artikolu 79
Viżibbiltà
1. Ir-responsabbiltà li tiġi żgurata l-komunikazzjoni tal-informazzjoni xierqa lill-pubbliku tkun kemm tal-Awtorità Maniġerjali kif ukoll tal-benefiċjarji
2. L-Awtorità Maniġerjali u l-benefiċjarji jiżguraw viżibbiltà adegwata tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi u l-proġetti sabiex jissaħħaħ l-għarfien pubbliku tal-azzjoni tal-Unjoni u tinħoloq dehra konsistenti tal-appoġġ tal-Unjoni fil-pajjiżi parteċipanti kollha.
3. L-Awtorità Maniġerjali tiżgura li l-istrateġija tagħha ta' viżibbiltà u l-miżuri ta' viżibbiltà li jitwettqu mill-benefiċjarji jikkonformaw mal-gwida tal-Kummissjoni.
4. Il-programm jinkludi l-istrateġija ta' komunikazzjoni għat-tul kollu tiegħu u pjan indikattiv ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni għall-ewwel sena, inklużi l-miżuri ta' viżibbiltà. Sussegwentement kull programm jfassal pjan annwali ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni li għandu jitwettaq mill-Awtorità Maniġerjali. Dan il-pjan jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar.
IT-TIELET PARTI
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI
TITOLU I
ĠESTJONI INDIRETTA MA' ORGANIZZAZZJONIJIET INTERNAZZJONALI
Artikolu 80
Organizzazzjonijiet internazzjonali bħala Awtorità Maniġerjali
1. Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu jipproponu li l-programm jiġi ġestit minn organizzazzjoni internazzjonali.
2. Bħala Awtorità Maniġerjali jistgħu jiġu proposti biss organizzazzjonijiet internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 43 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.
3. Organizzazzjoni internazzjonali tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 966/2012.
4. Qabel ma l-Kummissjoni tadotta programm hija tikseb evidenza li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 jkunu sodisfati.
Artikolu 81
Regoli applikabbli għal programmi ġestiti minn organizzazzjoni internazzjonali
1. Il-Kummissjoni u l-organizzazzjoni internazzjonali jikkonkludu ftehim li jispjega l-arranġamenti applikabbli għall-programm. F'każ li l-programm jagħmel kontribuzzjoni lil strument finanzjarju skont l-Artikolu 42, jiġu rispettati l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta' rappurtar stabbiliti fl-Artikolu 140 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
2. Id-dispożizzjonijiet fit-Tieni Parti japplikaw għall-programmi ġestiti minn organizzazzjoni internazzjonali sakemm il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ma jipprovdix mod ieħor.
TITOLU II
ĠESTJONI INDIRETTA MA' PAJJIŻ IMSIEĦEB TAS-CBC
Artikolu 82
Pajjiżi msieħba fis-CBC bħala Awtorità Maniġerjali
1. Il-pajjiżi parteċipanti jistgħu jipproponu li l-programm jiġi ġestit minn pajjiż imsieħeb fis-CBC.
2. In-natura tal-kompiti fdati lill-pajjiż maħtur imsieħeb fis-CBC tiġi stabbilita fil-ftehim iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż imsieħeb fis-CBC skont id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni indiretta li jinsabu fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012.
3. Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2 jispjega l-arranġamenti applikabbli għall-programm. B'mod partikolari, fid-dawl tan-natura tal-kompiti fdati lill-Awtorità Maniġerjali u l-ammonti involuti, huwa jistabbilixxi liema dispożizzjonijiet tat-Tieni Parti japplikaw.
IR-RABA' PARTI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 83
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2007 ( 7 ) jkompli japplika għal atti legali u impenji li jimplimentaw is-snin baġitarji ta' qabel l-2014.
Artikolu 84
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament gjidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Il-Kriterji għall-Ħatra ta' Awtorità ta' Ġestjoni
Il-proċedura tal-ħatra hija bbażata fuq il-komponenti ta' kontroll intern li ġejjin:
1. L-ambjent ta' kontroll intern
Struttura organizzattiva li tkopri l-funzjonijiet ta' awtorità ta' ġestjoni u l-allokazzjoni tal-funzjonijiet bejn u f'kull korp kif deskritt fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tal-Parti Tnejn, filwaqt li jiġi żgurat li l-prinċipju tas-separazzjoni tal-funzjonijiet, fejn xieraq, ikun rispettat.
Jekk jiġu delegati kompiti lil korpi intermedji, qafas għall-iżgurar tad-definizzjoni tar-responsabbiltajiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, il-verifika tal-kapaċitajiet tagħhom li jwettqu l-kompiti delegati u l-eżistenza ta' proċeduri ta' rappurtar.
Proċeduri ta' rappurtar u monitoraġġ biex jipprevjenu, jindividwaw u jikkoreġu l-irregolaritajiet u jirkupraw ammonti li mhux suppost tħallsu.
Pjan għall-allokazzjoni tar-riżorsi umani xierqa bil-ħiliet meħtieġa, f'livelli differenti u għal funzjonijiet differenti fl-organizzazzjoni.
2. Il-ġestjoni tar-riskju
Filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' proporzjonalità, sistema biex jiġi żgurat li jitwettaq eżerċizzju xieraq ta' ġestjoni tar-riskju tal-anqas darba f'sena, u b'mod partikolari, jekk isiru modifiki kbar tal-attivitajiet.
3. L-attivitajiet ta' Ġestjoni u ta' Kontroll
Proċeduri tal-għażla ta' proġetti, l-iżgurar tal-prinċipji tat-trasparenza, it-trattament indaqs, tal-ebda diskriminazzjoni, l-oġġettività u l-kompetizzjoni ġusta. Bil-għan li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati:
il-proġetti jintgħażlu u jingħataw fuq il-bażi ta' kriterji ta' għażla u ta' għoti mħabbra minn qabel li huma definiti fit-tabella ta' evalwazzjoni. Il-kriterji tal-għażla jservu biex tiġi valutata l-kapaċità tal-applikant li jlesti l-azzjoni jew il-programm ta' ħidma proposti. Il-kriterji tal-għoti jintużaw għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta' proposta għall-proġett meta mqabbel mal-għanijiet u l-prijoritajiet stabbiliti;
l-għotjiet ikunu soġġetti għal regoli ta' pubbliċità ex ante u ex post;
l-applikanti jiġu infurmati bil-miktub dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni. Jekk l-għotja mitluba ma tingħatax, l-Awtorità ta' Ġestjoni tipprovdi r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni b'referenza għall-kriterji tal-għażla u tal-għoti li ma jintlaħqux mill-applikazzjoni;
kull kunflitt ta' interess jiġi evitat;
l-istess regoli u kundizzjonijiet japplikaw għall-applikanti kollha.
Proċeduri ta' ġestjoni tal-kuntratti.
Proċeduri għall-verifiki inklużi verifiki amministrattivi fir-rigward ta' kull talba għal pagament mill-benefiċjarji u verifiki fuq il-post tal-proġetti;
Proċeduri għall-ipproċessar u l-awtorizzazzjoni tal-pagamenti.
Proċeduri li jistabbilixxu sistema li tiġbor, tirreġistra u taħżen elettronikament id-dejta dwar kull proġett u li jiżguraw li s-sistemi tal-IT ikunu sikuri b'konformità ma' standards aċċettati internazzjonalment.
Proċeduri stabbiliti mill-awtorità ta' ġestjoni biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jżommu sistema ta' kontabilità separata jew kodiċi adegwat ta' kontabilità għat-transazzjonijiet kollha marbuta ma' proġett.
Proċeduri biex jiġu stabbiliti miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi.
Proċeduri għat-tfassil tal-kontijiet u l-iżgurar li huma veri, kompleti u preċiżi u li n-nefqa tikkonforma mar-regoli;
Proċeduri biex jiġu żgurati sekwenza ta' awditjar u sistema ta' arkivjar adegwati.
Proċeduri biex jitfasslu d-dikjarazzjoni tal-ġestjoni dwar l-assigurazzjoni, ir-rapport dwar il-kontrolli mwettqa u d-dgħufijiet identifikati, u s-sommarju annwali tal-awditjar u l-kontrolli finali.
Fejn jiġu delegati kompiti lil korpi intermedji, il-kriterji għall-ħatra għandhom jinkludu valutazzjoni tal-proċeduri fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-Awtorità ta' Ġestjoni tivverifika l-kapaċità tal-korpi intermedji li jwettqu l-kompiti u jissorveljaw li dawn il-kompiti qed jiġu implimentati sewwa.
4. L-informazzjoni u l-komunikazzjoni
L-Awtorità ta' Ġestjoni tikseb jew tiġġenera u tuża informazzjoni rilevanti biex tappoġġa l-funzjonament ta' komponenti oħra tal-kontroll intern.
L-Awtorità ta' Ġestjoni xxerred l-informazzjoni internament, inklużi l-objettivi u r-responsabbiltajiet għall-kontroll intern, meħtieġa biex jappoġġaw il-funzjonament ta' komponenti oħra tal-kontroll intern.
L-Awtorità ta' Ġestjoni tikkomunika mal-partijiet esterni dwar kwistjonijiet li jaffettwaw il-funzjonament ta' komponenti oħra tal-kontroll intern.
5. Il-monitoraġġ
Proċeduri, verifiki u evalwazzjonijiet dokumentati mwettqa biex jiżguraw li l-komponenti tal-kontroll intern jeżistu u qed jaħdmu sew.
( 1 ) Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).
( 3 ) Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).
( 4 ) Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26 of 28.1.2012, p. 1).
( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2013 dwar l-istabbiliment u l-approvazzjoni tal-linji gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom isiru mill-Kummissjoni lill nefqa ffinanzjata mill-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża għal nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku (C(2013) 9527).
( 7 ) Ir-Regolament ta-Kummissjoni (KE) Nru 951/2007 tad-9 ta' Awwissu 2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjoni ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sbuħija (ĠU L 210, 10.8.2007, p. 10).