This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02010R0356-20230125
Council Regulation (EU) No 356/2010 of 26 April 2010 imposing certain specific restrictive measures directed against certain natural or legal persons, entities or bodies, in view of the situation in Somalia
Consolidated text: Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja
02010R0356 — MT — 25.01.2023 — 016.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 356/2010 tas-26 ta’ April 2010 (ĠU L 105 27.4.2010, p. 1) |
Emendat bi:
Ikkoreġut bi:
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 356/2010
tas-26 ta’ April 2010
li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja
Artikolu 1
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
“fondi” tfisser assi u benefiċċji finanzjarji ta’ kull tip, li jinkludu iżda mhux limitati għal:
flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flejjes, drafts, money-orders u strumenti oħra ta’ ħlas;
depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi f’kontijiet, dejn u obbligazzjonijiet ta’ dejn;
titoli negozjabbli kemm pubbliċi kif ukoll privati u strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu debitu, inklużi titoli u ishma, ċertifikati li jirrapreżentaw sigurtajiet, bonds, noti, digrieti, obbligazzjonijiet u kuntratti derivattivi;
imgħax, dividendi jew dħul ieħor fuq assi, jew valur akkumulat jew iġġenerat minnhom;
kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, bonds ta’ prestazzjoni jew impenji finanzjarji oħra;
ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, dokumenti ta’ bejgħ;
dokumenti li jixhdu xi interess f’fondi jew riżorsi finanzjarji;
“iffriżar ta' fondi” tfisser il-projbizzjoni ta' ċaqliq, trasferiment, bidla, użu jew traffikar ta' fondi li jistgħu b'xi mod iwasslu għal bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lokalizzazzjoni, fid-dritt tal-pussess, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni jew f'bidla oħra li tagħmel possibbli l-użu tal-fondi, inkluż il-ġestjoni tal-portafolli;
“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli jew intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi;
“iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu tagħhom biex jinkisbu fondi, prodotti jew servizzi f’kull mod, li jinkludu, iżda mhux limitati għal, bejgħ, kiri jew ipoteki tagħhom;
“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont l-UNSCR (1992) dwar is-Somalja;
“assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, assemblaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista’ tieħu forom bħalma huma t-tagħlim, il-konsulenza, it-taħriġ, it-trażmissjoni tal-għarfien tax-xogħol jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom ta' għajnuna verbali;
“servizzi ta’ investiment” tfisser
ir-riċeviment u t-trażmissjoni tal-ordnijiet b’rabta ma' strument finanzjarju wieħed jew iktar;
it-twettiq tal-ordnijiet f'isem il-klijenti;
in-negozju li jsir minn xi ħadd għal rasu;
il-ġestjoni tal-portafoll.
il-pariri dwar l-investiment;
is-sottoskrizzjoni ta' istrumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid tal-istrumenti finanzjarji fuq bażi soda ta' impenn;
it-tqegħid tal-istrumenti finanzjarji mingħajr bażi soda ta' impenn; jew
it-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ kummerċ multilaterali,
sakemm l-attività hi marbuta ma’ kwalunkwe mill-istrumenti finanzjarji elenkati fis-Sezzjoni C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji ( 1 );
“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji li għalihom huma applikabbli t-Trattati, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati.
“dikjarazzjoni ta' raġunijiet” tfisser il-parti tad-dikjarazzjoni ta' każ li tista' tinħareġ għall-pubbliku u/jew, fejn applikabbli, is-sintesi tar-raġunijiet għall-elenkar kif ipprovduti mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
Artikolu 2
L-Anness I għandu jikkonsisti f’persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi iddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:
li huma impenjati f’atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, jew li jipprovdu appoġġ għalihom, meta tali atti jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:
l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;
atti li jheddu l-proċess tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fis-Somalja;
atti li jheddu lill-Gvern Federali tas-Somalja jew lill-Missjoni ta' Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS) bil-forza;
li aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi jew tal-projbizzjoni kontra l-għoti ta’ assistenza relatata jew tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mill-ġdid u t-trasferiment tal-armi kif stipulat fil-paragrafu 34 tal-UNSCR 2093 (2013);
li jostakolaw l-għoti ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għall-għajnuna umanitarja fis-Somalja jew id-distribuzzjoni tagħha;
li huma mexxejja politiċi jew militari li jirreklutaw jew jużaw tfal f’kunflitti armati fis-Somalja bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli;
li huma responsabbli għall-ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli fis-Somalja billi attakkaw persuni ċivili, inkluż tfal u nisa, f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitti armati, inklużi qtil u mankamenti, vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru tal-persuna, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spostament furzat;
li huma assoċjati ma’ Al-Shabaab, atti u attivitajiet li jindikaw li individwu jew entità hija assoċjata ma’ Al-Shabaab inkluż billi:
jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet minn Al-Shabaab, flimkien magħhom, bl-isem tagħhom, f’isimhom, jew b’appoġġ għalihom;
ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat ma’ Al-Shabaab; u
jirreklutaw għal Al-Shabaab, jew b’xi mod ieħor jappoġġaw l-atti jew l-attivitajiet ta’ Al-Shabaab jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom.
Artikolu 3
L-Artikolu 2(2) m’għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta’:
imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew
pagamenti dovuti taħt il-kuntratti, ftehimiet jew obbligi li kienu ġew konklużi jew qamu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li għalih hemm referenza fl-Artikolu 2 kien innominat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà,
bil-kundizzjoni li tali interess, qligħ u ħlasijiet oħra jibqgħu jiġu suġġetti għall-Artikolu 2(1).
Artikolu 4
Artikolu 5
B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt il-kundizzjonijiet li huma jikkunsidraw xierqa, ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni ċertu fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk jintlaħqu l-kundizzjonjonijiet li ġejjin:
l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:
meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness I, u l-membri tal-familja dipendenti fuqhom, inklużi ħlasijiet għal ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;
maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-għoti ta’ servizzi legali; jew
maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew ħlasijiet għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma ta’ fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi; kif ukoll
l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'din id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal din l-azzjoni fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol min-notifika.
Artikolu 6
B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti.
dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li kienet stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġudizzjarja, entità jew korp li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 kien innominat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jew il-Kunsill tas-Sigurtà jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew aribitrali li ngħatat qabel dik id-data;
il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jiġu użati b'mod esklussiv sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet żgurati b'tali garanzija jew rikkonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;
il-garanzija jew sentenza mhijiex għal benefiċċju ta' persuna naturali jew ġuridika, entità jew korp imniżżla fl-Anness I;
il-garanzija jew sentenza ma jmorrux kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; kif ukoll
il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew is-sentenza.
Artikolu 7
L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fondi jew riżorsi ekonomiċi, imwettaq bona fide fuq il-bażi li din l-azzjoni hija skont dan ir-Regolament, m’għandha twassal għal ebda forma ta’ responsabbiltà fuq in-naħa ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew entità li qed timplimentaha, jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha, sakemm ma jkunx ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kienu ffriżati b’riżultat ta’ negliġenza.
Artikolu 8
Għandu jiġi pprojbit li wieħed jipprovdi direttament jew indirettament, xi wieħed minn dawn li ġejjin lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I:
assistenza teknika relatata ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-bejgħ, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea ( 2 );
l-iffinanzjar jew assistenza finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-bejgħ, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea;
servizzi ta’ investiment relatati ma' attivitajiet militari u mal-provvista, il-bejgħ, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' oġġetti u teknoloġija inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi għandhom:
jgħaddu immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II għall-pajjiż fejn huma residenti jew fejn jinsabu, kull informazzjoni li tista’ tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħal kontabbiltà u ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2, u għandhom jgħaddu din l-informazzjoni direttament jew permezz ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni; kif ukoll
jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II għall-verifika ta' din l-informazzjoni.
Artikolu 10
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinformaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti konnessa ma’ dan ir-Regolament li hija għad-dispożizzjoni tagħhom, partikolarment informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mgħotija mill-qrati nazzjonali.
Artikolu 11
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.
Artikolu 12
Artikolu 13
Fejn in-NU tiddeċiedi li tneħħi mil-lista persuna, entità, jew korp, jew li temenda d-data li tidentifika persuna, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont il-każ.
Artikolu 14
L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni naturali jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni naturali, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet inkluż laqmijiet, data u post tat-twelid, ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, post u data tar-reġistrazzjoni, numru tar-reġistrazjoni u post tan-negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data tal-ħatra mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.
Artikolu 15
Artikolu 16
Artikolu 17
Dan ir-Regolament għandu japplika:
fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;
abbord kull inġenju tal-ajru jew bastiment li jaqa' taħt il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru;
għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li hija ċittadina ta' Stat Membru;
għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta' Stat Membru;
għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kwalunkwe negozju li jsir b'mod sħiħ jew parzjali fl-Unjoni.
Artikolu 18
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
LISTA’ TA’ PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 8
I. Persuni
1. Yasin Ali Baynah (magħruf ukoll bħala a) Ali, Yasin Baynah, b) Ali, Yassin Mohamed, c) Baynah, Yasin, d) Baynah, Yassin, e) Baynax, Yasiin Cali, f) Beenah, Yasin, g) Beenah, Yassin, h) Beenax, Yasin, i) Beenax, Yassin, j) Benah, Yasin, k) Benah, Yassin, l) Benax, Yassin, m) Beynah, Yasin, n) Binah, Yassin, o) Cali, Yasiin Baynax)
Data tat-twelid: 24 ta' Diċembru 1965. Nazzjonalità: Somalja. Nazzjonalità alternattiva: Żvezja. Post: Rinkeby, Stokkolma, Żvezja; Mogadishu, Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774673
Yasin Ali Baynah inċita l-attakki kontra l-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Barra minn hekk, huwa mmobilizza appoġġ u ġabar fondi f'isem l-Alleanza għar-Riabilitazzjoni tas-Somalja u l-Hisbul Islam, li t-tnejn li huma kienu involuti b'mod attiv f'atti li jheddu l-paċi u s-sigurtà fis-Somalja, inkluż iċ-ċaħda tal-Ftehim ta' Djibouti, u attakki fuq il-forzi tat-TFG u l-AMISOM f'Mogadishu.
2. Hassan Dahir Aweys (magħruf ukoll bħala a) Ali, Sheikh Hassan Dahir Aweys, b) Awes, Hassan Dahir, c) Awes, Shaykh Hassan Dahir, d) Aweyes, Hassen Dahir, e) Aweys, Ahmed Dahir, f) Aweys, Sheikh, g) Aweys, Sheikh Hassan Dahir, h) Dahir, Aweys Hassan, i) Ibrahim, Mohammed Hassan, j) OAIS, Hassan Tahir, k) Uways, Hassan Tahir, l) “Hassan, Sheikh”)
Data tat-twelid: 1935. Ċittadinanza: Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774682
Hassan Dahir Aweys aġixxa u jkompli jaġixxi bħala mexxej politiku u ideoloġiku għoli għal diversi gruppi ta' oppożizzjoni armati responsabbli għal ksur ripetut tal-embargo fuq l-armi ġenerali u komplet u/jew atti li jheddu l-ftehim ta' paċi ta' Djibouti, u l-forzi tal-Gvern Federali Transitorju (TFG) u tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM). Bejn Ġunju 2006 u Settembru 2007, AWEYSs serva bħala president tal-kumitat ċentrali tal-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi; f'Lulju 2008 huwa ddikjara lilu nnifsu president tal-Alleanza għar-Riliberalizzazzjoni tas-Somalja — il-fergħa ta' Asmara; u f'Mejju 2009 huwa kien innominat president tal-Hisbul Islam, alleanza ta' gruppi li jopponu t-TFG. F'kull waħda minn dawn il-pożizzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' AWEYS urew intenzjoni inekwivokabbli u sostnuta li jżarma t-TFG u li jkeċċi l-AMISOM mis-Somalja bl-użu tal-forza.
3. Hassan Abdullah Hersi Al-Turki (magħruf ukoll bħala a) Al-Turki, Hassan, b) Turki, Hassan, c) Turki, Hassan Abdillahi Hersi, d) Turki, Sheikh Hassan, e) Xirsi, Xasan Cabdilaahi, f) Xirsi, Xasan Cabdulle)
Data tat twelid: circa 1944. Post tat-twelid: Reġjun Ogaden, Etjopja. Nazzjonalità: Somalja. Post: Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774683
Hassan Abdullah Hersi Al-Turki kien mexxej għoli ta' grupp ta' milizzja armat minn nofs is-snin 1990 u kien involut f'bosta ksur tal-embargo fuq l-armi. Fl-2006, al-Turki kkontribwixxa forzi għat-teħid ta' Mogadishu mill-Unjoni tal-Qrati Iżlamiċi u ħareġ bħala mexxej militari fil-grupp, allinjat ma' al-Shabaab. Mill-2006, al-Turki għamel it-territorju taħt il-kontroll tiegħu disponibbli għat-taħriġ ta' diversi gruppi ta' oppożizzjoni armati inkluża al-Shabaab. F'Settembru 2007, al-Turki deher f'filmat tal-aħbarijiet ta' al-Jazeera li wera t-taħriġ ta' milizzja taħt it-tmexxija tiegħu.
4. Ahmed Abdi aw-Mohamed (magħruf ukoll bħala a) Abu Zubeyr, Muktar Abdirahman, b) Abuzubair, Muktar Abdulrahim, c) Aw Mohammed, Ahmed Abdi, d) Aw-Mohamud, Ahmed Abdi, e) “Godane”, f) “Godani”, g) “Mukhtar, Shaykh”, h) “Zubeyr, Abu”)
Data tat-twelid: 10 ta' Lulju 1977. Post tat-twelid: Hargeysa, Somalja. Nazzjonalità: Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774684
Ahmed Abdi Aw-Mohamed huwa mexxej għoli ta' al-Shabaab u kien pubblikament innominat emir tal-organizzazzjoni f'Diċembru 2007. Huwa jeżerċita r-responsabbiltà ta' kmand għall-operazzjonijiet ta' al-Shabaab fis-Somalja kollha. Aw-Mohamed iddenunzja l-proċess tal-paċi ta' Djibouti bħala kospirazzjoni barranija, u f'reġistrazzjoni awdjo mogħtija f'Mejju 2009 lill-media Somala, huwa rrikonoxxa li l-forzi tiegħu kienu involuti fi ġlied reċenti f'Mogadishu.
5. Fuad Mohamed Khalaf (magħruf ukoll bħala a) Fuad Mohamed Khalif, b) Fuad Mohamed Qalaf, c) Fuad Mohammed Kalaf, d) Fuad Mohamed Kalaf, e) Fuad Mohammed Khalif, f) Fuad Khalaf, g) Fuad Shongale, h) Fuad Shongole, i) Fuad Shangole, j) Fuad Songale, k) Fouad Shongale, l) Fuad Muhammad Khalaf Shongole)
Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadixu, Somalja. Post alternattiv: Somalja. Data tan-nomina tan-NU: 12 ta’ April 2010.
Fuad Mohamed Khalaf iffaċilita l-appoġġ finanzjarju lil al-Shabaab; F’Mejju 2008, huwa organizza żewġ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi għal al-Shabaab f’moskej f’Kismaayo, Somalja. F’April 2008, Khalaf u bosta individwi oħra ddiriġew attakki b’ tagħmir splussiv li nġarr f’vetturi fuq bażijiet Etijopjani u elementi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu f’Mogadixu, Somalja. F’Mejju 2008, Khalaf u grupp ta’ ġellieda attakkaw u ħatfu għassa tal-pulizija f’Mogadixu, waqt li qatlu u ferew diversi suldati.
6. Bashir Mohamed Mahamoud (magħruf ukoll bħala a) Bashir Mohamed Mahmoud, b) Bashir Mahmud Mohammed, c) Bashir Mohamed Mohamud, d) Bashir Mohamed Mohamoud, e) Bashir Yare, f) Bashir Qorgab, g) Gure Gap, h) “Abu Muscab”, i) “Qorgab”)
Data tat-twelid: a) 1979 b) 1980 c) 1981 d) 1982 Nazzjonalità: Somalja. Post: Mogadishu, Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774965
Bashir Mohamed Mahamoud huwa kmandant militari ta' al-Shabaab. Mahamoud kienu ukoll wieħed minn xi għaxar membri fil-kunsill ta' tmexxija ta' al-Shabaab minn tard fl-2008. Mahamoud u assoċjat tiegħu kienu responsabbli mill-attakk bil-murtali kontra l-Gvern Federali Transitorju Somalu f'Mogadishu fl-10 ta' Ġunju 2009.
▼M7 —————
8. Fares Mohammed Mana'a (magħruf ukoll bħala: a) Faris Mana'a, b) Fares Mohammed Manaa)
Data tat-twelid: 8 ta' Frar 1965. Post tat-twelid: Sadah, il-Jemen. Nru tal-Passaport: 00514146; Post tal-ħruġ: Sanaa, il-Jemen. Nru tal-Karta tal-Identità: 1417576; post tal-ħruġ: Al-Amana, il-Jemen; data tal-ħruġ: 7 ta' Jannar 1996.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774972
Fares Mohammed Mana'a forna, biegħ jew ittrasferixxa direttament u indirettament lejn is-Somalja armi jew materjal relatat bi ksur tal-embargo fuq l-armi. Mana'a huwa traffikant tal-armi magħruf. F'Ottubru 2009, il-gvern Jemenit ħareġ lista ta' nies suspettużi tat-traffikanti tal-armi li fiha Mana'a jinsab “fuq nett”, bħala parti minn sforz biex jitwaqqaf il-fluss ta' armi fil-pajjiż, fejn huwa rappurtat li hemm aktar armi minn persuni. “Faris Manaa huwa traffikant ewlieni tal-armi, u dan huwa magħruf sew”, skont rapport ta' Ġunju 2009 minn ġurnalist tal-Istati Uniti li huwa kummentatur dwar l-affarijiet Jemeniti, awtur ta' rapport ta' kull sitt xhur dwar il-pajjiż, u kkontribwixxa għall-Grupp tal-Intelligence ta' Jane. F'artiklu tal-Jemen Times ta' Diċembru 2007, issir referenza għalih bħala “Sheikh Fares Mohammed Mana'a, traffikant tal-armi”. F'artiklu tal-Jemen Times ta' Jannar 2008, issir referenza għalih bħala “Sheikh Faris Mana'a, negozjant tal-armi”.
Minn nofs l-2008, il-Jemen kompla jservi bħala ċentru għat-trasport ta' armi illegali lejn il-Qarn tal-Afrika, b'mod partikolari t-trasport ta' armi bid-dgħajjes lejn is-Somalja. Hemm rapporti mhux konfermati li Faris Mana'a pparteċipa f'konsenji lejn is-Somalja f'għadd ta' okkażjonijiet. Fl-2004, Mana kien involut f'kuntratti ta' armi mill-Ewropa tal-Lvant għal armi li allegatament inbiegħu lill-ġellieda Somali. Minkejja l-embargo fuq l-armi tas-Somalja tan-NU mill-1992, l-interess ta' Mana'a fit-traffikar ta' armi fis-Somalja jista' jiġi traċċat tal-inqas mill-2003. Mana'a offra li jixtri eluf ta' armi fl-2003 mill-Ewropa tal-Lvant, u indika li ppjana li jbiegħ xi wħud mill-armi fis-Somalja.
9. Hassan Mahat Omar (magħruf ukoll bħala: a) Hassaan Hussein Adam, b) Hassane Mahad Omar, c) Xassaan Xuseen Adan, d) Asan Mahad Cumar, e) Abu Salman, f) Abu Salmaan, g) Sheikh Hassaan Hussein).
Data tat-twelid: 10 ta' April 1979. Post tat-twelid: Garissa, il-Kenja. Nazzjonalità: Possibbilment Etjopjana. Nru tal-Passaport: A 1180173 Kenja, skadenza fl-20 ta' Awwissu 2017. Nru tal-Karta tal-Identità: 23446085. Post: Nairobi, Kenja. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta' Lulju 2011.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774975
Hassan Mahat Omar huwa involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa Imam u wieħed mill-mexxejja ta' Masjid-ul-Axmar, ċentru informali affiljat ma' Al-Shabaab f'Nairobi. Huwa involut ukoll fir-reklutaġġ ta' membri ġodda u fil-ġbir ta' fondi għal Al-Shabaab, inkluż online fis-sit web affiljat ma' Al-Shabaab alqimmah.net.
Barra minn hekk, huwa ħareġ fatwi għal attakki kontra t-TFG fuq chat room ta' sit web ta' Al-Shabaab.
10. Omar Hammami (magħruf ukoll bħala: a) Abu Maansuur Al-Amriki, b) Abu Mansour Al-Amriki, c) Abu Mansuur Al-Amriki, d) Umar Hammami, e) Abu Mansur Al-Amriki)
Data tat-twelid: 6 ta' Mejju 1984. Post tat-twelid: Alabama, Stati Uniti. Nazzjonalità: Stati Uniti. Maħsub ukoll li għandu nazzjonalità Sirjana. Nru tal-Passaport: 403062567 (US). Nru tas-Sigurtà Soċjali: 423-31-3021 (US). Post: Somalja.
Informazzjoni oħra: Miżżewweġ mara Somala. Għex l-Eġittu fl-2005 u mar is-Somalja fl-2009. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5774980
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 28 ta' Lulju 2011.
Omar Hammami huwa involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja. Huwa membru għoli ta' Al-Shabaab. Huwa involut fir-reklutaġġ, il-finanzjament u l-paga tal-ġellieda barranin fis-Somalja. Huwa deskritt bħala espert fl-isplussivi u l-gwerra inġenerali. Minn Ottubru 2007 huwa deher f'rapporti tat-televixin u f'filmati ta' propaganda ta' Al-Shabaab. Huwa deher f'filmat iħarreġ ġellieda ta' Al-Shabaab. Huwa deher ukoll f'filmati u fuq siti web li jappellaw biex aktar ġellieda jingħaqdu ma' Al-Shabaab.
▼M8 —————
12. Aboud Rogo Mohammed (magħruf ukoll bħala a) Aboud Mohammad Rogo, b) Aboud Seif Rogo, c) Aboud Mohammed Rogo, d) Sheikh Aboud Rogo, e) Aboud Rogo Muhammad, f) Aboud Rogo Mohamed)
Data tat-twelid: 11 ta' Novembru 1960. Dati tat-twelid alternattivi: a) 11 ta' Novembru 1967, b) 11 ta' Novembru 1969, c) 1 ta' Jannar 1969. Post tat-twelid: il-gżira ta' Lamu, il-Kenja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 25 ta' Lulju 2012.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5775562
L-estremist ibbażat fil-Kenja Aboud Rogo Mohammed hedded il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja, billi pprovda appoġġ finanzjarju, materjali, loġistiku, jew tekniku lil Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea għall-parteċipazzjoni tagħha f'atti li jheddu b'mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja.
Aboud Rogo Mohammed huwa kleriku Iżlamiku estremist ibbażat fil-Kenja. Huwa għadu jeżerċita influwenza fuq gruppi estremisti fil-Lvant tal-Afrika bħala parti mill-kampanja għall-promozzjoni tal-vjolenza fil-Lvant tal-Afrika. L-attivitajiet ta' Aboud Rogo jinkludu ġbir ta' fondi għal Al-Shabaab.
Bħala l-mexxej ideoloġiku ewlieni ta' Al Hijra, li qabel kien magħruf bħala ċ-Ċentru Musulman taż-Żgħażagħ, Aboud Rogo Mohammed uża l-grupp estremist bħala passaġġ għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta' Afrikani li prinċipalment jitkellmu bis-Swahili biex iwettqu attività militanti fis-Somalja. F'serje ta' lectures ta' ispirazzjoni bejn Frar 2009 u Frar 2012, Aboud appella ripetutament għaċ-ċaħda vjolenti tal-proċess ta' paċi Somalu. Matul dawn il-lectures, Rogo appella ripetutament għall-użu tal-vjolenza kemm kontra l-forzi tan-Nazzjonijiet Uniti u l-forzi tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) fis-Somalja, u ħeġġeġ lill-udjenzi tiegħu biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja biex jissieħbu ma' Al-Shabaab fil-ġlieda tiegħu kontra l-Gvern Kenjan.
Aboud Rogo Mohammed joffri wkoll gwida dwar kif ir-rekluti Kenjani li jissieħbu ma' Al-Shabaab jistgħu jevitaw li jiġu identifikati mill-awtoritajiet Kenjani, u liema rotot għandhom isegwu meta jivvjaġġaw minn Mombasa u/jew Lamu għal fortizzi ta' Al-Shabaab fis-Somalja, l-aktar Kismayo. Huwa ffaċilita l-ivvjaġġar lejn is-Somalja ta' għadd kbir ta' rekluti Kenjani għal Al-Shabaab.
F'Settembru 2011, Rogo kien qed jirrekluta individwi f'Mombasa fil-Kenja biex jivvjaġġaw lejn is-Somalja x'aktarx biex iwettqu operazzjonijiet terroristiċi. F'Settembru 2008, Rogo għamel laqgħa ta' ġbir ta' fondi f'Mombasa biex jgħin fil-finanzjament tal-attivitajiet ta' Al-Shabaab fis-Somalja.
13. Abubaker Shariff Ahmed (magħruf ukoll bħala a) Makaburi, b) Sheikh Abubakar Ahmed, c) Abubaker Shariff Ahmed, d) Abu Makaburi Shariff, e) Abubaker Shariff, f) Abubakar Ahmed
Data tat-twelid: 1962. Data tat-twelid alternattiva: 1967. Post tat-twelid: Kenja. Post: iż-żona ta' Majengo, Mombasa, il-Kenja. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 23 ta' Awwissu 2012.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5775564
Abubaker Shariff Ahmed għandu rwol ewlieni bħala faċilitatur u persuna li tirrekluta Musulmani Kenjani żgħażagħ għal attività militanti vjolenti fis-Somalja, u soċju qrib ta' Aboud Rogo. Huwa jipprovdi appoġġ materjali lil gruppi estremisti fil-Kenja (u x'imkien ieħor fil-Lvant tal-Afrika). Permezz taż-żjarat frekwenti tiegħu lil fortizza ta' Al-Shabaab fis-Somalja, inkluża Kismayo, huwa seta' jżomm rabtiet b'saħħithom ma' membri għoljin ta' Al-Shabaab.
Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll involut fil-mobilizzazzjoni u l-ġestjoni tal-finanzjament għal Al-Shabaab, entità elenkata mill-Kumitat KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja u r-Riżoluzzjoni 1907 (2009) dwar l-Eritrea tal-involviment tiegħu f'atti li jheddu b'mod dirett jew indirett il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja.
Abubaker Shariff Ahmed ippriedka fil-moskei f'Mombasa li l-ġuvintur għandhom jivvjaġġaw lejn is-Somalja, iwettqu atti estremisti, jiġġieldu għal Al-Qaida, u joqtlu liċ-ċittadini Amerikani.
Abubaker Shariff Ahmed kien arrestat fi tmiem Diċembru 2010 mill-awtoritajiet Kenjani fuq suspett ta' involviment fil-bumbardament ta' venda f'Nairobi. Abubaker Shariff Ahmed huwa wkoll mexxej ta' organizzazzjoni taż-żgħażagħ ibbażata fil-Kenja f'Mombasa li għandha rabtiet ma' Al-Shabaab.
Mill-2010, Abubaker Shariff Ahmed aġixxa ta' persuna li tirrekluta u faċilitatur għal Al-Shabaab fiż-żona Majengo ta' Mombasa, fil-Kenja.
14. Maalim Salman (magħruf ukoll bħala (a) Mu'alim Salman, (b) Mualem Suleiman, (c) Ameer Salman, (d) Ma'alim Suleiman, (e) Maalim Salman Ali, (f) Maalim Selman Ali, (g) Ma'alim Selman, (h) Ma'alin Sulayman)
Data tat-twelid: circa 1979. Post tat-twelid: Nairobi, Kenja. Post: Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 23 ta' Settembru 2014.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5818613
Maalim Salman intgħażel mill-mexxej ta' al-Shabaab Ahmed Abdi aw-Mohamed magħruf ukoll bħala Godane sabiex ikun il-kap tal-ġellieda barranin Afrikani għal al-Shabaab. Hu ħarreġ ċittadini barranin li kienu qed jippruvaw jissieħbu ma' al-Shabaab bħala ġellieda barranin Afrikani, u kien involut f'operazzjonijiet immirati lejn turisti, stabbilimenti ta' divertiment, u knejjes fl-Afrika.
Minkejja li hu ffukat prinċipalment fuq operazzjonijiet barra s-Somalja, Salman hu magħruf li jirrisjedi fis-Somalja u jħarreġ ġellieda barranin fis-Somalja qabel jassenjahom f'post ieħor. Xi ġellieda barranin ta' al-Shabaab għandhom preżenza fis-Somalja wkoll. Pereżempju, Salman ta l-ordni sabiex ġellieda barranin ta' al-Shabaab imorru fin-nofsinhar tas-Somalja bħala rispons għal offensiva tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM).
Fost attakki terroristiċi oħra, al-Shabaab kienu responsabbli mill-attakk fiċ-ċentru kummerċjali ta' Westgate f'Nairobi, il-Kenja f'Settembru 2013, li wassal għall-mewt ta' mill-anqas 67 persuna. Aktar reċenti, al-Shabaab ħadu r-responsabbiltà tal-attakk tal-31 ta' Awwissu 2014 fuq il-ħabs tal-Aġenzija Nazzjonali ta' Intelligence u Sigurtà f'Mogadishu, bil-qtil ta' tliet gwardji tas-sigurtà u żewġ persuni ċivili, u l-feriment ta' 15 oħra.
15. Ahmed Diriye (magħruf ukoll bħala (a) Sheikh Ahmed Umar Abu Ubaidah, (b) Sheikh Omar Abu Ubaidaha, (c) Sheikh Ahmed Umar, (d) Sheikh Mahad Omar Abdikarim, (e) Abu Ubaidah, (f) Abu Diriye)
Data tat twelid: circa 1972. Post tat-twelid: Somalja. Post: Somalja.
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 24 ta' Settembru 2014.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5818614
Ahmed Diriye ġie maħtur bħala l-emir il-ġdid ta' Al-Shabaab wara l-mewt tal-mexxej preċedenti Ahmed Abdi aw-Mohamed, individwu elenkat mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà skont ir-Riżoluzzjonijiet 751 (1992) u 1907 (2009). Dan tħabbar pubblikament f'dikjarazzjoni mill-kelliem għal Al-Shabaab, Sheikh Ali Dheere, li ħarġet fis-6 ta' Settembru 2014. Diriye kien membru anzjan ta' Al-Shabaab u bħala l-emir għandu r-responsabbiltà ta' kmand għall-operazzjonijiet ta' Al-Shabaab. Hu ser ikun direttament responsabbli għall-attivitajiet ta' Al-Shabaab li jkomplu jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tas-Somalja. Minn dakinhar Diriye adotta l-isem Għarbi ta' Sheikh Ahmed Umar Abu Ubaidah.
16. Ahmad Iman Ali (aka: a) Sheikh Ahmed Iman Ali; b) Shaykh Ahmad Iman Ali; c) Ahmed Iman Ali; d) Abu Zinira)
Data tat-twelid: a) Bejn wieħed u ieħor fl-1973; b) Bejn wieħed u ieħor fl-1974
Post tat-twelid: il-Kenja
Nazzjonalità: il-Kenja
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 8 ta' Marzu 2018
Informazzjoni oħra: Link tal-Internet tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/
Ahmad Iman Ali kien elenkat fit-8 ta' Marzu 2018 skont ir-Riżoluzzjoni 1844 (2008). Ahmad Iman Ali huwa kmandant prominenti Kenjan ta' Al-Shabaab li serva bħala l-mexxej tal-grupp fil-Kenja mill-2012. Huwa d-direttur tal-operazzjonijiet tal-fergħa Kenjana tal-grupp u regolarment ikollu taħt il-mira tiegħu t-truppi Kenjani ta' AMISOM fis-Somalja, bħal f'attakk f'Jannar 2016 fuq it-truppi Kenjani ta' AMISOM f'El Adde, is-Somalja. Ali huwa responsabbli wkoll mill-propoganda ta' Al-Shabab li għandha taħt il-mira tagħha l-gvern u l-popolazzjoni ċivili, bħal f'vidjo f'Lulju 2017 fejn għadda theddid lill-Musulmani li qed iservu fil-forzi tas-sigurtà tal-Kenja. Barra dawn l-attivitajiet, xi drabi Ali aġixxa wkoll ta' persuna li tirrekluta għal Al-Shabaab, fejn kien jiffoka fuq iż-żgħażagħ foqra li jgħixu fil-bassifondi ta' Nairobi u kien jieħu ħsieb ukoll jiġbor fondi għal Shabaab billi juża l-moskej fi sforz biex jikseb ir-riżorsi. L-għan ġenerali tiegħu huwa li jiddestabbilizza lill-Kenja permezz ta' theddid, ippjanar u eżekuzzjoni ta' attakki, u li jħeġġeġ lill-Musulmani żgħażagħ jieħdu sehem fil-ġlieda kontra l-forzi tas-sigurtà Kenjani.
17. Abdifatah Abubakar Abdi (aka: Musa Muhajir)
Data tat-twelid: 15 ta' April 1982
Post tat-twelid: is-Somalja
Nazzjonalità: is-Somalja
Indirizz: a) is-Somalja; b) Mombaża, il-Kenja
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 08 ta' Marzu 2018
Informazzjoni oħra: Link tal-Internet tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/
Abdifatah Abubakar Abdi kien elenkat fit-8 ta' Marzu 2018 skont ir-Riżoluzzjoni 1844 (2008). Fl-2015, Abdifatah Abubakar Abdi tpoġġa fuq il-lista tal-Gvern Kenjan ta' terroristi mfittxija li huma magħrufa jew suspettati li huma membri ta' Al-Shabaab. Il-pulizija Kenjana tirrapporta li Abdi jirrekluta membri għal Al-Shabaab li jipprovdu appoġġ lil Al-Shabaab, entità elenkata fuq il-lista ta' sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja u l-Eritrea, ġewwa s-Somalja u huwa involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tas-Somalja. Fost dawn ir-rekluti kien hemm tlitt nisa arrestati mill-pulizija Kenjana waqt li kienu qed jippruvaw jidħlu fis-Somalja. Abdi huwa mfittex b'konnessjoni mal-attakk ta' Ġunju 2014 f'Mpeketoni, il-Kenja, fejn inqatlu diversi persuni, u huwa mifhum li kien qed jippjana attakki oħra. Għalkemm l-attività tiegħu tista' tiffoka fuq operazzjonijiet barra s-Somalja, huwa magħruf li jgħix fis-Somalja u jirrekluta individwi għal Al-Shabaab li bi ħsiebhom jaqsmu l-fruntiera bejn il-Kenja u s-Somalja.
18. Abukar Ali Adan (psewdonimu: a) Abukar Ali Aden; b) Ibrahim Afghan; c) Sheikh Abukar)
Deżinjazzjoni: Viċi Mexxej ta' Al-Shabaab
Data tat-twelid: a) 1972; b) 1971; c) 1973
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 26 ta' Frar 2021
Informazzjoni oħra:
Miżjud mal-lista f'konformità mal-paragrafu 8(a) tar-riżoluzzjoni 1844 (2008) billi "Involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja jew jipprovdi appoġġ għalihom, inkluż atti li jheddu l-Ftehim ta' Djibouti tat-18 ta' Awwissu 2008 jew il-proċess politiku, jew jheddu t-TFIs jew AMISOM bil-forza (Traduzzjoni mhux uffiċjali)." Abukar Ali Adan huwa assoċjat ukoll ma' affiljati ta' Al-Qaida, Al-Qaida fil-Peniżola Għarbija (AQAP – Qde.129) u Al-Qaida fil-Magreb Iżlamiku (AQIM – Qde.014).
19. Maalim Ayman (psewdonimu: a) Ma'alim Ayman; b) Mo'alim Ayman; c) Nuh Ibrahim Abdi; d) Ayman Kabo; e) Abdiaziz Dubow Ali)
Deżinjazzjoni: Fundatur u mexxej ta' Jaysh Ayman, unità ta' al-Shabaab li twettaq attakki u operazzjonijiet fil-Kenja u s-Somalja
Data tat-twelid: a) 1973; b) 1983
Post tat-Twelid: Kenja
Indirizz: a) Fruntiera Kenja/Somalja; b) Badamadow, Reġjun ta' Juba t'Isfel, is-Somalja
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 26 ta' Frar 2021
Informazzjoni oħra:
Miżjud mal-lista f'konformità mal-paragrafu 8(a) tar-riżoluzzjoni 1844 (2008) billi "Involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja jew jipprovdi appoġġ għalihom, inkluż atti li jheddu l-Ftehim ta' Djibouti tat-18 ta' Awwissu 2008 jew il-proċess politiku, jew jheddu t-TFIs jew AMISOM bil-forza (Traduzzjoni mhux uffiċjali)."Maalim Ayman għen bit-tħejjijiet għall-attakk tal-5 ta' Jannar 2020 fuq Camp Simba fil-Kontea ta' Lamu, il-Kenja.
20. Mahad Karate (psewdonimu: a) Mahad Mohamed Ali Karate; b) Mahad Warsame Qalley Karate; c) Abdirahim Mohamed Warsame)
Data tat-Twelid: Bejn l-1957 u l-1962
Post tat-Twelid: Xararadheere, is-Somalja
Indirizz: is-Somalja
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 26 ta' Frar 2021
Informazzjoni oħra:
Miżjud mal-lista f'konformità mal-paragrafu 8(a) tar-riżoluzzjoni 1844 (2008) billi "Involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja jew jipprovdi appoġġ għalihom, inkluż atti li jheddu l-Ftehim ta' Djibouti tat-18 ta' Awwissu 2008 jew il-proċess politiku, jew jheddu t-TFIs jew AMISOM bil-forza (Traduzzjoni mhux uffiċjali)."Mahad Karate kellu rwol ewlieni fl-Amniyat, il-fergħa ta' al-Shabaab responsabbli għall-attakk reċenti fuq Garissa University College fil-Kenja li wassal għal kważi 150 persuna mejta. L-Amniyat hija l-fergħa tal-intelligence ta' al-Shabaab, li għandha rwol ewlieni fl-eżekuzzjoni ta' attakki suwiċidi u qtil fis-Somalja, fil-Kenja, u f'pajjiżi oħra fir-reġjun, u tipprovdi loġistika u appoġġ għall-attivitajiet terroristiċi ta' al-Shabaab.
21. Ali Mohamed RAGE (magħruf ukoll bħala: a) Ali Mohammed Rage b) Ali Dheere c) Ali Dhere d) Ali Mohamed Rage Cali Dheer e) Ali Mohamud Rage).
Deżinjazzjoni: Kelliem ta’ Al-Shabaab
Data tat-twelid: 1966
Post tat-twelid: Somalja
Nazzjonalità: Somalja
Indirizz: Somalja
Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 18 ta’ Frar 2022
Informazzjoni oħra:
Elenkat f'konformità mal-paragrafu 43(a) tar-riżoluzzjoni 2093 (2013) billi kien “Involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja jew jipprovdi appoġġ għalihom, inkluż atti li jheddu l-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni fis-Somalja, jew jheddu lill-Gvern Federali tas-Somalja jew lill-AMISOM bil-forza.” Bħala kelliem ta’ Al-Shabaab, Rage huwa involut fil-promulgazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet terroristiċi tal-grupp.
II. Entitajiet
AL-SHABAAB (magħrufa wkoll bħala a) Al-Shabab, b) Shabaab, c) The Youth, d) Mujahidin Al-Shabaab Movement, e) Mujahideen Youth Movement, f) Mujahidin Youth Movement, g) MYM, h) Harakat Shabab Al-Mujahidin, i) Hizbul Shabaab, j) Hisb'ul Shabaab, k) Al-Shabaab Al-Islamiya, l) Youth Wing, m) Al-Shabaab Al-Islaam, n) Al-Shabaab Al-Jihaad, o) The Unity Of Islamic Youth, p) Harakat Al-Shabaab Al-Mujaahidiin, q) Harakatul Shabaab Al Mujaahidiin, r) Mujaahidiin Youth Movement)
Post: Somalja. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 12 ta' April 2010.
Informazzjoni oħra: Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/une/5775567
Al-Shabaab kienet involuta f'atti li jheddu direttament jew indirettament il-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà fis-Somalja, inkluż iżda mhux limitat għal: atti li jheddu l-Ftehim ta' Djibouti tat-18 ta' Awwissu 2008, jew il-proċess politiku; u, atti li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Transitorji (TFIs), il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), jew operazzjonijiet internazzjonali għaż-żamma ta' paċi relatati mas-Somalja.
Al-Shabaab ostakolat ukoll l-għoti ta' għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta', għajnuna umanitarja fis-Somalja.
Skont id-dikjarazzjoni mill-President tal-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja lill-Kumitat tas-Sigurtà mogħtija fid-29 ta' Lulju 2009, kemm Al-Shabaab u Hisb'ul Islam pubblikament u b'mod ripetittiv ħadu r-responsabbiltà għall-attakki permezz ta' forzi fuq il-Gvern Federali Transitorju (TFG) u l-AMISOM. Al-Shabaab ħadet ukoll ir-responsabbiltà għall-qtil ta' uffiċjali tat-TFG, u fid-19 ta' Lulju 2009 attakkat u għalqet l-uffiċċji fuq il-post tal-UNOPS, l-UNDSS u l-UNDP fir-reġjuni ta' Bay u Bakool, bi ksur tal-paragrafu (c) tar-Riżoluzzjoni 1844 (2008). Al-Shabaab ostakolat b'mod ripetittiv l-aċċess għall-għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha, fis-Somalja.
Ir-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Lulju 2009 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja, kien fih il-paragrafi li ġejjin li jinvolvu l-attivitajiet ta' al-Shabaab fis-Somalja:
Huwa allegat li gruppi ribelli, bħal al-Shabaab, qegħdin jiksbu flus b'theddid jew vjolenza minn kumpanniji privati u jirreklutaw żgħażagħ sabiex jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-Gvern f'Mogadishu, inklużi suldati tfal. Al-Shabaab ikkonfermat il-preżenza ta' ġellieda barranin fi ħdanha u ddikjarat bil-miftuħ li qiegħda taħdem ma' al-Qaida f'Mogadishu sabiex tneħħi l-Gvern tas-Somalja. Huwa rappurtat li ħafna mill-ġellieda barranin joriġinaw mill-Pakistan u l-Afganistan, u jidhru mħarrġa sew u lesti għall-battalja. Ġew osservati jilbsu l-barnużi u jmexxu operazzjonijiet offensivi kontra l-forzi tal-Gvern f'Mogadishu u r-reġjuni ġirien.
Al-Shabaab intensifikat l-istrateġija tagħha li tisforza u tintimida lill-popolazzjoni Somala, kif rifless fil-qtil u l-arresti, magħżulin bir-reqqa u ta' benefiċċju kbir, ta' anzjani tal-klan, li diversi minnhom inqatlu. Fid-19 ta' Ġunju 2009, Omar Hashi Aden, il-Ministru tas-Sigurtà Nazzjonali, inqatel permezz ta' bomba suwiċida fuq skala kbira f'karozza f'Beletwyne. Aktar minn 30 persuna oħra nqatlu fl-attakk, li ġie kkundannat bis-saħħa mill-komunità internazzjonali u minn parti kbira tas-soċjetà Somala.
Skont ir-rapport ta' Diċembru 2008 mill-Grupp ta' Monitoraġġ tas-Somalja tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2008/769), al-Shabaab hija responsabbli għal diversi attakki fis-Somalja matul dawn l-aħħar snin, inkluż:
Skont rapport, al-Shabaab attakkat komposti tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja fl-20 ta' Lulju 2009, u ħarġet digriet li jipprojbixxi tliet aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti miż-żoni kkontrollati minn al-Shabaab fis-Somalja. Barra minn hekk, il-forzi tal-Gvern Federali Transitorju Somalu ġġieldu kontra ribelli ta' al-Shabaab u Hizbul Islam mill-11 sat-12 ta' Lulju 2009 li rriżulta fil-mewt ta' aktar minn 60 persuna. Fil-ġlieda tal-11 ta' Lulju 2009, al-Shabaab tefgħet erba' murtali ġewwa Villa Somalia li rriżultat fil-mewt ta' tliet suldati tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) u t-tidrib ta' tmienja oħrajn.
Skont artiklu ppubblikat mill-British Broadcasting Corporation fit-22 ta' Frar 2009, al-Shabaab ħadet ir-responsabbiltà għal attakk suwiċida permezz ta' bomba f'karozza fuq bażi militari tal-Unjoni Afrikana f'Mogadishu. Skont l-artiklu, l-Unjoni Afrikana kkonfermat li nqatlu 11-il gwardjan tal-paċi tal-Unjoni Afrikana u li weġġgħu 15 oħra.
Skont artiklu ppubblikat minn Reuters fl-14 ta' Lulju 2009, militanti ta' al-Shabaab għamlu qligħ fl-2009 minn attakki fuq stil guerilla fuq forzi Somali u tal-Unjoni Afrikana.
Skont artiklu ppubblikat minn Voice of America fl-10 ta' Lulju 2009, al-Shabaab kienet involuta f'attakk fuq forzi tal-gvern Somalu f'Mejju 2009.
Skont artiklu li ttella' fuq sit web tal-Kunsill dwar ir-Relazzjonijiet Barranin li nkiteb fis-27 ta' Frar 2009, al-Shabaab ħallset għal ribelljoni kontra l-gvern transitorju tas-Somalja u s-sostenituri Etjopjani tiegħu mill-2006. Al-Shabaab qatlet ħdax-il suldat Burundjan fl-aktar attakk qattiel fuq gwardjani tal-paċi tal-UA mindu ġew stazzjonati u jiddikjara li al-Shabaab kienet involuta fi ġlied serju li qatel mill-inqas ħmistax-il persuna f'Mogadishu.
ANNESS II
Websajts li jipprovdu tagħrif dwar l-awtoritajiet kompetenti u indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea
IL-BELĠJU
https://diplomatie.belgium.be/en/policy/policy_areas/peace_and_security/sanctions
IL-BULGARIJA
https://www.mfa.bg/en/EU-sanctions
IĊ-ĊEKJA
www.financnianalytickyurad.cz/mezinarodni-sankce.html
ID-DANIMARKA
http://um.dk/da/Udenrigspolitik/folkeretten/sanktioner/
IL-ĠERMANJA
https://www.bmwi.de/Redaktion/DE/Artikel/Aussenwirtschaft/embargos-aussenwirtschaftsrecht.html
L-ESTONJA
https://vm.ee/et/rahvusvahelised-sanktsioonid
L-IRLANDA
https://www.dfa.ie/our-role-policies/ireland-in-the-eu/eu-restrictive-measures/
IL-GREĊJA
http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html
SPANJA
https://www.exteriores.gob.es/es/PoliticaExterior/Paginas/SancionesInternacionales.aspx
FRANZA
http://www.diplomatie.gouv.fr/fr/autorites-sanctions/
IL-KROAZJA
https://mvep.gov.hr/vanjska-politika/medjunarodne-mjere-ogranicavanja/22955
L-ITALJA
https://www.esteri.it/it/politica-estera-e-cooperazione-allo-sviluppo/politica_europea/misure_deroghe/
ĊIPRU
https://mfa.gov.cy/themes/
IL-LATVJA
http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539
IL-LITWANJA
http://www.urm.lt/sanctions
IL-LUSSEMBURGU
https://maee.gouvernement.lu/fr/directions-du-ministere/affaires-europeennes/organisations-economiques-int/mesures-restrictives.html
L-UNGERIJA
https://kormany.hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/ensz-eu-szankcios-tajekoztato
MALTA
https://foreignandeu.gov.mt/en/Government/SMB/Pages/SMB-Home.aspx
IN-NETHERLANDS
https://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties
L-AWSTRIJA
https://www.bmeia.gv.at/themen/aussenpolitik/europa/eu-sanktionen-nationale-behoerden/
IL-POLONJA
https://www.gov.pl/web/dyplomacja/sankcje-miedzynarodowe
https://www.gov.pl/web/diplomacy/international-sanctions
IL-PORTUGALL
https://www.portaldiplomatico.mne.gov.pt/politica-externa/medidas-restritivas
IR-RUMANIJA
http://www.mae.ro/node/1548
IS-SLOVENJA
http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi
IS-SLOVAKKJA
https://www.mzv.sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu
IL-FINLANDJA
https://um.fi/pakotteet
L-IŻVEZJA
https://www.regeringen.se/sanktioner
Indirizz għal notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (DĠ FISMA)
Rue de Spa 2
B-1049 Brussell, il-Belġju
Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu
( 1 ) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
( 2 ) ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.