EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2020-02808-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u Strument ta Appoġġ Tekniku - AC

EESC-2020-02808-AC

MT

ECO/527

Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza u Strument ta’ Appoġġ Tekniku

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza
[COM(2020) 408 final – 2020/0104 (COD)]


Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku
[COM(2020) 409 final – 2020/0103 (COD)]

Relatur ġenerali: Dimitris DIMITRIADIS

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10/06/2020

Parlament Ewropew, 17/06/2020

Bażi legali

L-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fil-plenarja

16/07/2020

Sessjoni plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

208/4/4



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jilqa’ l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza proposta (il-“Faċilità”) 1 .

1.2Lil hinn mid-dimensjoni ekonomika tagħha, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea essenzjalment qed tippromovi wkoll l-approfondiment u l-unifikazzjoni tal-familja Ewropea, peress li ssaħħaħ is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

1.3Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea turi, fost affarijiet oħra, li l-Unjoni Ewropea, sakemm ikun hemm ir-rieda politika xierqa, tista’ tindirizza b’mod effettiv kriżijiet kbar, tipprovdi soluzzjonijiet serji u kredibbli, u tagħmel il-kompromessi meħtieġa u realistiċi, u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għall-promozzjoni sostanzjali tal-ideal Ewropew.

1.4Il-KESE jemmen li l-Faċilità għandha tappoġġja t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u l-ekonomija diġitali billi tuża fondi minn Next Generation EU 2 biex tgħin biex jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fl-iżjed reġjuni milquta.

1.5Fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, il-ħtieġa ta’ rkupru sostenibbli, ekoloġiku u diġitali saret dejjem aktar urġenti, kif saret ukoll il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-iżjed reġjuni vulnerabbli.

1.6Il-KESE diġà għamilha ċara li huwa “favur rabta b’saħħitha bejn il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi 3 u s-Semestru Ewropew” 4 . Għalhekk, il-pjani mressqa mill-Istati Membri jenħtieġ li jindirizzaw l-isfidi ewlenin identifikati fis-Semestru Ewropew u jenħtieġ li jiġu armonizzati mal-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Aġenda Diġitali.

1.7Hija meħtieġa koordinazzjoni rapida u effettiva tal-azzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew sabiex jiġi evitat dewmien li jipperikola t-tilħiq tal-miri tal-Faċilità.

1.8Jinħtieġ rispons immedjat u sħiħ mill-Istati Membri minħabba ż-żmien qasir li fih għandhom jitħejjew u jitlestew id-diversi pjani ta’ proġetti.

1.9Il-KESE jqis importanti li l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea biex japprovaw, jimmonitorjaw u jiżguraw it-tlestija b’suċċess tal-pjani ta’ proġetti ppreżentati taħt il-Faċilità.

1.10Il-pjani għandhom jipprovdu appoġġ finanzjarju dirett lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju.

1.11Il-KESE jqis li huwa importanti ħafna li l-miżuri kollha mħabbrin, speċjalment dawk li jipprovdu appoġġ finanzjarju, għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni ċara u favorevoli għan-negozju dwar it-tip ta’ appoġġ offrut, kif SME tista’ effettivament ikollha aċċess għall-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE li jeżistu, min jista’ jiġi kuntattjat fil-livell tal-UE f’każ ta’ mistoqsijiet, min huma l-korpi nazzjonali involuti fil-kanalizzazzjoni tal-fondi, min huma l-atturi nazzjonali li jistgħu jirrikorru għalihom l-SMEs, x’inhu r-rwol tal-banek nazzjonali u x’inhuma l-obbligi tagħhom.

1.12Is-sottomissjoni, l-approvazzjoni, il-monitoraġġ u t-tlestija tal-proġetti jistgħu jitħaffu billi jiġi involut b’mod attiv is-settur privat, billi jiġu kkonsultati kumpaniji b’esperjenza globali fl-oqsma rilevanti.

1.13Il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fi ħdan l-UE, u li jitħaffu l-proċessi burokratiċi fir-rigward tal-allokazzjoni u l-iżborż tal-fondi disponibbli, u l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku meħtieġ 5 .

1.14Ir-rwol u l-fehmiet tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu integrati fil-pjani mressqa mill-Istati Membri. B’mod partikolari, il-KESE diġà appella għal rwol aktar attiv għas-soċjetà ċivili organizzata “... fir-rigward tal-ilħuq ta’ ftehim dwar il-kontenut tal-programmi ta’ riforma bejn il-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u dik tal-Istati Membri” 6 .

1.15L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jaġixxi bħala komplement effettiv għall-pakketti ta’ miżuri li huma proposti mill-Kummissjoni biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.

2.Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1L-objettiv tal-Faċilità proposta huwa li tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali billi ttejjeb il-kapaċità ta’ reżiljenza u ta’ aġġustament tal-Istati Membri, ittaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi, u tappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali bil-għan li tinkiseb Ewropa newtrali għall-klima sal-2050, u b’hekk tikkontribwixxi għall-irkupru tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri wara l-kriżi tal-COVID-19, trawwem il-ħolqien tal-impjieg u tippromovi tkabbir sostenibbli.

2.2Il-Faċilità se tissejjes fuq il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u self li jgħin lill-pajjiżi – speċjalment dawk b’introjtu per capita aktar baxx u b’rati għoljin ta’ qgħad – biex jittrattaw b’mod adegwat l-effetti ekonomiċi severi tal-pandemija.

2.3Is-self se jaqdi rwol komplementari għall-appoġġ mhux ripagabbli u se jibbenefika mill-maturitajiet twal u mir-rati tal-imgħax favorevoli li l-Unjoni tgawdi minnhom.

2.4Il-pandemija tal-COVID-19 hija l-kriżi globali tas-saħħa ewlenija ta’ żmienna, u kkaġunat il-mewt ta’ aktar minn 420 000 persuna sat-12 ta’ Ġunju 2020 7 . COVID-19 hija ħafna aktar minn kriżi tas-saħħa: kellha impatt soċjoekonomiku enormi fid-dinja, li d-daqs tiegħu għadu diffiċli biex jiġi evalwat. Skont l-aħħar rapport dwar l-Ekonomija Globali mill-Prospetti Ekonomiċi Globali tal-Bank Dinji (Ġunju 2020), ix-xokk tal-coronavirus se jikkawża l-iktar reċessjoni globali profonda mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.

2.5L-ekonomija globali hija mistennija li tiċkien b’5,2 % fl-2020, li hija bejn wieħed u ieħor tliet darbiet l-iskala tal-kriżi finanzjarja globali tal-2008-09. Fost l-ekonomiji avvanzati, ir-rati ta’ tkabbir tal-PDG reali għall-2020 huma mistennija li jkunu -6,1 % fl-Istati Uniti u -9,1 % fiż-żona tal-euro, rispettivament. Kif intqal espliċitament fir-rapport tal-Bank Dinji ta’ Ġunju 2020 8 , peress li aktar minn 90 % tas-swieq emerġenti u ekonomiji li qed jiżviluppaw huma mistennija jesperjenzaw tnaqqis fl-introjtu per capita din is-sena, miljuni kbar x’aktarx se jerġgħu jsibu ruħhom fqar. 

9 Il-konsegwenzi ekonomiċi tax-xokk tal-COVID-19 huma:

1)żieda fl-inċertezza, li żżid it-tfaddil prekawzjonarju;

2)tnaqqis tal-konsum;

3)tnaqqis tal-interess fl-investimenti produttivi;

4)żieda fil-qgħad, li parti minnu x’aktarx se jkun permanenti;

5)tnaqqis fil-volum tal-kummerċ globali kif ukoll tfixkil sinifikanti fil-ktajjen ta’ provvista globali;

6)tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi (speċjalment il-prezz taż-żejt), li jwassal biex il-finanzjament tal-kontijiet kurrenti ta’ esportaturi ta’ prodotti bażiċi tradizzjonali jkun partikolarment diffiċli;

7)żieda qawwija fil-primjums tar-riskju meħtieġa biex jinżammu assi riskjużi.

2.6Kif issa sar għarfien komuni, il-miżuri li jistgħu jgħinu biex tissolva l-kriżi tas-saħħa jistgħu jaggravaw il-kriżi ekonomika u viċi versa. L-iċċattjar tal-kurva tal-pandemija inevitabilment se jaċċellera l-kurva tar-reċessjoni makroekonomika u jqiegħed f’periklu l-ktajjen ta’ provvista kollha, inklużi dawk li huma kruċjali għas-sopravivenza tal-bniedem (ikel u mediċina). Jekk l-impatt tal-pandemija jkompli jikber, jistgħu jsegwu kriżijiet finanzjarj, li jirriżultaw f’kollass fis-self, reċessjoni globali itwal, u rkupru aktar bil-mod. Kif jiddikjara r-rapport tal-Bank Dinji ta’ Ġunju 2020 dwar il-Prospetti Ekonomiċi Globali, il-livelli ta’ dejn qed jiżdiedu u għamlu s-sistema finanzjarja globali aktar vulnerabbli għall-istress tas-suq finanzjarju.

2.7Għalhekk, hemm bżonn ta’ intervent finanzjarju urġenti u fuq skala kbira sabiex jitrażżnu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi reċenti u biex l-ekonomiji tal-Istati Membri jkunu aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-futur.

2.8Il-prijoritajiet ekonomiċi għandhom ikunu dawn li ġejjin:

1)huwa importanti li jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tibqa’ impjegata anke jekk tkun fi kwarantina jew imġiegħla tibqa’ d-dar;

2)il-gvernijiet għandhom jagħtu appoġġ finanzjarju lil istituzzjonijiet pubbliċi u privati li jappoġġjaw gruppi vulnerabbli fost iċ-ċittadini;

3)l-SMEs għandhom jiġu salvagwardjati kontra l-falliment (il-ħtieġa ta’ flus il-kontribwenti tat-taxxa biex jiġu appoġġjati korporazzjonijiet kbar mhux finanzjarji hija ferm inqas ovvja);

4)se jkunu meħtieġa politiki li jappoġġjaw is-sistema finanzjarja hekk kif jikber l-ammont ta’ self improduttiv;

5)għandhom jiġu adottati pakketti fiskali komparabbli mat-telf tal-PDG relatat mal-kriżi.

2.9Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tuża baġit tal-UE msaħħaħ biex tgħin biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, biex tingħata spinta qawwija lill-irkupru u tħejji għal futur aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss. Biex jiġi żgurat li l-irkupru jkun sostenibbli, uniformi, inklużiv u ġust għall-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li jinħoloq strument ta’ rkupru ġdid, Next Generation EU, inkorporat fi ħdan baġit fit-tul tal-UE b’saħħtu, modern u aġġornat. L-inizjattiva ewlenija ta’ Next Generation EU hija l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 10 .

3.Prinċipji ġenerali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku

3.1Il-KESE jilqa’ bi pjaċir kbir u jappoġġja l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (il-Faċilità) u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (l-Istrument), li l-għan tagħhom huwa li joffru appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investimenti pubbliċi u r-riformi, b’mod partikolari fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li huma mistennija li mhux biss jagħmlu l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-futur, iżda wkoll li jgħinuhom jegħlbu b’mod aktar mgħaġġel u effettiv il-konsegwenzi tal-pandemija.

3.2Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija fl-Istati Membri, speċjalment fir-rigward ta’ żieda fil-qgħad li f’xi pajjiżi tan-nofsinhar tal-UE saħansitra laħqet it-33 % fost iż-żgħażagħ kif ukoll żieda fir-rati tal-faqar.

3.3Il-KESE jaqbel li l-pandemija tidher li qed twassal għall-agħar xokk ekonomiku mid-Depressjoni l-Kbira ’l hawn, b’konsegwenzi devastanti għal miljuni ta’ ċittadini u negozji tagħna u, naturalment, bil-potenzjal li tiġi approfondita d-diverġenza ekonomika u soċjali – ir-riskju ta’ Frammentazzjoni Kbira 11 .

3.4Il-KESE diġà enfasizza li l-iżvilupp ekonomiku reċenti għadu “ma seħħx b’mod uniformi fit-territorju kollu tal-Unjoni u taż-żona tal-euro u li l-progress li sar fil-konverġenza għadu mhux sodisfaċenti. Il-kwistjoni tas-sostenibbiltà hija wkoll sfida dejjem aktar kumplessa għall-UE” 12 .

3.5Il-KESE jemmen li “l-integrazzjoni Ewropea tinsab f’salib it-toroq. Waħda mit-tagħlimiet li nkisbet mill-kriżi ekonomika dejjiema reċenti u l-effetti soċjali profondi li din ħalliet f’diversi Stati Membri hija li n-nuqqas ta’ konverġenza ekonomika u soċjali fost l-Istati Membri u r-reġjuni huwa ta’ theddida għas-sostenibbiltà politika tal-proġett Ewropew u l-benefiċċji kollha li dan ġab għaċ-ċittadini Ewropej” 13 .

3.6Il-KESE jħoss li: “it-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, jiġifieri l-kapaċità tagħha li żżid il-produttività u l-livell ta’ għajxien tagħha b’mod sostenibbli filwaqt li fl-istess ħin issir newtrali għall-klima, mhux l-inqas permezz tar-riċerka, l-iżvilupp kif ukoll aktar ħiliet u ħiliet aħjar għall-forza tax-xogħol, għandu jimxi id f’id ma’ dawn l-inizjattivi” 14 .

3.7Il-KESE jemmen li “l-iżvilupp ta’ reżiljenza ekonomika u dik tas-suq tax-xogħol flimkien mas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali, ambjentali u istituzzjonali għandhom ikunu l-politiki prinċipali ta’ gwida li se jrawmu konverġenza ’l fuq u ġustizzja fit-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima – jiġifieri ekonomija li fiha jkun hemm bilanċ bejn l-emissjonijiet u l-assorbiment tal-gassijiet serra – filwaqt li jiġu mmaniġġjati l-isfidi li jġibu magħhom id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku” 15 . Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja s-sejħa biex l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha li tikseb in-newtralità karbonika sal-2050 u, għaldaqstant, iżżid il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-gassijiet serra għall-2030. Ir-Rapport dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet 2019 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), jindika li l-emissjonijiet globali jeħtieġ li jitnaqqsu b’7,6 % fis-sena, li mil-lum, sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 °C. Dan jirriżulta fi tnaqqis globali ta’ mill-inqas 68 % sal-2030.

3.8Għalhekk, il-KESE jaqbel li l-objettiv ewlieni tal-Faċilità għandu jkun:

1)li tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni;

2)li ttaffi l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi; u

3)li tappoġġja t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali mmirati lejn il-kisba ta’ Ewropa newtrali għall-klima sal-2050, u b’hekk tikkontribwixxi biex jintradd lura l-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomiji tal-Istati Membri wara l-kriżi tal-COVID-19, u jitrawwem il-ħolqien tal-impjieg u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli.

3.9Il-KESE jixtieq jenfasizza li dawn l-investimenti u riformi għandhom jiffukaw fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex b’hekk jiġi żgurat irkupru sostenibbli.

3.10Issa huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li l-politiki ta’ stimolu ekoloġiku għandhom vantaġġi fuq l-istimoli fiskali tradizzjonali u li l-politiki pożittivi għall-klima joffru wkoll karatteristiċi ekonomiċi superjuri. Proġetti ta’ kostruzzjoni ekoloġika, bħal modifiki retroattivi ta’ iżolament jew infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, jistgħu jwasslu għal effetti multiplikaturi ogħla minħabba t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija fit-tul u l-effetti kollaterali pożittivi fuq l-ekonomija usa’.

3.11Il-KESE jaqbel li, minbarra li l-fondi jiġu orjentati lejn il-kontroll tal-epidemija u fir-riċerka bijomedika rilevanti, u l-investiment fis-sigurtà tal-fruntieri, l-ivvjaġġar sikur u l-kummerċ sikur, issa huwa ż-żmien li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-gvernijiet iħaddnu t-tassonomija tal-UE għal investimenti sostenibbli (2019), ineħħu gradwalment il-fjuwils fossili billi jimmobilizzaw teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli eżistenti, jidderieġu s-sussidji mill-fjuwils fossili għal proġetti ekoloġiċi u intelliġenti ta’ infrastruttura għall-mitigazzjoni u l-adattament għall-klima, jinvestu f’ekonomiji ċirkolari u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, jaqilbu minn agrikoltura industrijali għal agrikoltura riġenerattiva u jinvestu fis-sigurtà tal-ikel, jippromovu ktajjen ta’ provvista Ewropej, inaqqsu l-ħtiġijiet tat-trasport u jisfruttaw il-limiti tar-rivoluzzjoni diġitali, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tan-networks tal-ICT 16 .

3.12Il-KESE jaqbel mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija li t-tranżizzjonijiet għal enerġija nadifa jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea, b’aġenda ambizzjuża għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-miri tat-tibdil fil-klima permezz tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija. Minħabba li l-gvernijiet, direttament jew indirettament, jixprunaw aktar minn 70 % tal-investiment fl-enerġija globali, f’dan iż-żmien ta’ kriżi, l-azzjonijiet tagħhom huma importanti aktar minn qatt qabel. L-orjentazzjonijiet ta’ politika jistgħu jidderieġu b’mod attiv l-investimenti relatati mal-enerġija fuq perkors aktar sostenibbli, filwaqt li jagħmlu l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-ħażna tal-batteriji punti ċentrali tal-irkupru ekonomiku. Il-programmi ta’ stimolu fl-industriji tal-enerġija għandhom jingħataw prijorità biex jappoġġjaw il-forzi tax-xogħol eżistenti, joħolqu impjiegi ġodda u jixprunaw it-tnaqqis fl-emissjonijiet. L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija 17 tagħti l-parir li għandna nibnu fuq dak li diġà għandna, u naħsbu kbir (“Build on what you already have – and think big”). Il-politiki bi strutturi legali u istituzzjonali eżistenti huma l-aktar faċli li jiġu estiżi.

3.13Il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-Faċilità stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u tas-sostenibbiltà ambjentali u għall-kisba ta’ mira ġenerali ta’ 25 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE li tappoġġja l-objettivi tal-klima.

3.14Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-Faċilità għandha tissejjes prinċipalment fuq il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli biex tgħin lill-pajjiżi – speċjalment dawk bi dħul per capita baxx u b’rati għoljin ta’ qgħad – biex jindirizzaw b’mod adegwat l-effetti ekonomiċi severi tal-pandemija, filwaqt li s-self għandu jaqdi biss rwol komplementari għal appoġġ mhux ripagabbli u għandu jibbenefika mill-maturitajiet fit-tul u rati tal-imgħax favorevoli li l-Unjoni tgawdi minnhom.

3.15Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tisfrutta s-setgħa sħiħa tal-baġit tal-UE sabiex timmobilizza l-investiment u tappoġġja b’mod antiċipat l-appoġġ finanzjarju fl-ewwel snin kruċjali tal-irkupru permezz tal-adozzjoni kkombinata ta’ Strument Ewropew għall-Irkupru ta’ emerġenza li jammonta għal EUR 808 984,090 miljun (fi prezzijiet attwali) u qafas finanzjarju pluriennali (QFP) imsaħħaħ għall-2021-2027.

3.16Il-KESE jappella biex “jitwettqu riformi strutturali effikaċi bi strateġiji ta’ investiment immirati sew” 18 .

3.17Il-KESE jaqbel mal-istabbiliment ta’ Strument ta’ Appoġġ Tekniku indipendenti disponibbli għall-Istati Membri, bħala suċċessur għall-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali 19 .

4.It-tħejjija ta’ pjani nazzjonali ta’ rkupru u ta’ reżiljenza, is-sottomissjoni, il-valutazzjoni u l-iskadenzi

4.1Il-KESE jemmen li l-fondi tal-Faċilità għandhom jingħataw malajr kemm jista’ jkun lill-Istati Membri, li min-naħa tagħhom għandhom jużawhom b’mod effiċjenti sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji tal-Faċilità.

4.2L-Istati Membri jenħtieġ li jħejju pjani nazzjonali ta’ rkupru u ta’ reżiljenza li jistabbilixxu l-aġenda ta’ riforma u ta’ investiment għall-erba’ snin li ġejjin.

4.3Il-KESE jemmen li dawn il-pjani għandhom jindirizzaw l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri kif identifikati fis-Semestru Ewropew, f’oqsma bħall-kompetittività, il-produttività, l-edukazzjoni u l-ħiliet, is-saħħa, l-impjieg u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Għandhom jiżguraw ukoll li dawn l-investimenti u riformi jiffokaw b’mod adatt fuq l-isfidi relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, biex jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli u biex jagħmlu lill-Unjoni aktar reżiljenti.

4.4Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jissaħħaħ il-qafas attwali għall-għoti ta’ appoġġ lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u biex jiġu pprovduti b’appoġġ finanzjarju dirett permezz ta’ għodda innovattiva sabiex jiġu ssalvagwardjati mill-falliment.

4.5Il-miżuri kollha mħabbrin, speċjalment dawk li jipprovdu appoġġ finanzjarju, għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni ċara u favorevoli għan-negozju dwar it-tip ta’ appoġġ offrut, kif SME tista’ effettivament ikollha aċċess għall-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE li jeżistu, min jista’ jiġi kuntattjat fil-livell tal-UE f’każ ta’ mistoqsijiet, min huma l-korpi nazzjonali involuti fil-kanalizzazzjoni tal-fondi, min huma l-atturi nazzjonali li jistgħu jirrikorru għalihom l-SMEs, x’inhu r-rwol tal-banek nazzjonali u x’inhuma l-obbligi tagħhom, eċċ.

4.6Il-KESE jemmen li, matul dan il-proċess, għandhom jitqiesu bis-serjetà r-rwol u l-fehmiet tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.7Il-KESE diġà ssuġġerixxa “l-introduzzjoni ta’ regola li permezz tagħha ma jingħata l-ebda finanzjament lil Stat Membru sakemm ma jkunx adotta bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija b’involviment ġenwin tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili meta jiġu deċiżi l-pakketti pluriennali ta’ impenji ta’ riforma 20 . L-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ riformi bbażati fuq l-evidenza, marbuta mas-sitwazzjoni reali fl-ekonomiji ta’ kull Stat Membru” 21 .

4.8Il-KESE jaqbel li l-pjani għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni abbażi ta’ kriterji trasparenti, fost l-oħrajn: jekk il-pjan huwiex mistenni jindirizza b’mod effettiv l-isfidi identifikati fil-Proċess tas-Semestru Ewropew, jekk jikkontribwixxix għat-tisħiħ tal-potenzjal ta’ tkabbir u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-Istat Membru, u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jekk il-pjan jinkludix miżuri li huma rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; u jekk l-istima tal-ispejjeż ipprovduta mill-Istat Membru hijiex raġonevoli u plawsibbli u proporzjonata mal-impatt mistenni fuq l-ekonomija.

4.9Il-KESE jemmen li l-allokazzjoni tal-fondi għandha tqis ukoll il-kriterji ta’ konverġenza 22 .

4.10Il-KESE jqis li huwa raġonevoli li:

1)L-appoġġ finanzjarju u l-azzjonijiet rilevanti meħuda mill-Istati Membri taħt il-Faċilità għandhom jiġu forniti minn qabel (frontloading) sa tmiem l-2024 u, fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, mill-inqas 60 % tat-total għandu jkun impenjat sa tmiem l-2022;

2)L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjani ta’ rkupru u ta’ reżiljenza sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April, fil-forma ta’ anness separat għall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom;

3)L-Istati Membru għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-abbozz ta’ pjan flimkien mal-abbozz ta’ baġit għas-sena ta’ wara, fil-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel;

4)mill-2024 sa tmiem il-QFP (2027), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jużaw is-snin li jifdal biex irawmu l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti fuq il-post, biex jinkiseb l-irkupru mistenni fis-setturi ekonomiċi u soċjali rilevanti, u biex jiġu promossi r-reżiljenza u l-konverġenza.

4.11Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex jiġu implimentati u jinkisbu b'mod effettiv l-objettivi tal-proġett “Faċilità”. Barra minn hekk, il-KESE jirrimarka li f'każ li l-maġġoranza tkun favur perjodu ta' żmien iqsar għall-implimentazzjoni tal-pjan, dan jista' fl-aħħar mill-aħħar jippreġudika l-objettivi tal-pjan.

4.12Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni rapida u effettiva tal-azzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew sabiex jiġi evitat dewmien li jipperikola t-tilħiq tal-miri tal-Faċilità. Huwa meħtieġ rispons immedjat u sħiħ mill-Istati Membri minħabba ż-żmien qasir li fih għandhom jitħejjew u jitlestew id-diversi pjani ta’ proġetti. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea biex japprovaw, jimmonitorjaw u jiżguraw it-tlestija b’suċċess tal-pjani ta’ proġetti ppreżentati taħt il-Faċilità. Is-sottomissjoni, l-approvazzjoni, il-monitoraġġ u t-tlestija tal-proġetti jistgħu jitħaffu billi jiġi involut b’mod attiv is-settur privat, billi jiġu kkonsultati kumpaniji b’esperjenza globali fl-oqsma rilevanti.

4.13Il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fi ħdan l-UE, u li jitħaffu l-proċessi burokratiċi fir-rigward tal-allokazzjoni u l-iżborż tal-fondi disponibbli, u l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi l-appoġġ tekniku meħtieġ 23 .

5.Strument ta’ Appoġġ Tekniku

5.1Il-KESE jirrakkomanda riformi strutturali sodi u stabbli mmirati lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, inkluż il-bini tal-kapaċità istituzzjonali biex titjieb il-kwalità amministrattiva. Dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għal kull pajjiż u sostnuti minn appoġġ demokratiku, filwaqt li jiġi evitat approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-Istati Membri kollha 24 .

5.2Il-KESE jaqbel li l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku għandu jkollu l-għan li jakkumpanja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu qed jagħmlu t-talba matul l-istadji kollha jew f’fażijiet speċifiċi tal-proċess ta’ riforma.

5.3Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jappoġġja lill-awtoritajiet tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ifasslu r-riformi skont il-prijoritajiet tagħhom u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u strateġiji ta’ riforma, kif ukoll jibbenefikaw minn prattiki tajba u eżempji tal-pari.

5.4Il-KESE jaqbel li l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jaġixxi bħala komplement effettiv għall-pakketti ta’ miżuri li huma proposti mill-Kummissjoni biex tindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.

Brussell, 16 ta’ Lulju 2020

Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza,     COM(2020) 408 final , 28.5.2020.
(2)      Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa, COM(2020) 442 final .
(3)      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti, COM(2018) 387 final .
(4)       ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121 .
(5)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 53 .
(6)       ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121 .
(7)       https://ourworldindata.org/grapher/total-deaths-covid-19  
(8)      Bank Dinji, Prospetti Ekonomiċi Globali, Ġunju 2020.
(9)      Koundouri, P., Athens University of Economics and Business Working Paper, 2020.
(10)      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza, COM(2020) 408 final , 28.5.2020.
(11)       Kummenti mill-Kummissarju Gentiloni fil-konferenza stampa dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza , Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Ewropea, 28 ta’ Mejju 2020 (mhux disponibbli bil-Malti).
(12)       ĠU C 47, 11.2.2020, p. 106 .
(13)       ĠU C 353, 18.10.2019, p. 23 .
(14)      Idem.
(15)      Idem.
(16)      Koundouri, P., Never Waste a Good Crisis: For a Sustainable Recovery from COVID-19 , April 2020.
(17)      L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija: https://www.iea.org/  
(18)       ĠU C 47, 11.2.2020, p. 106 .
(19)      Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perijodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013.     ĠU L 129, 19.5.2017, p. 1 .
(20)       Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
(21)       ĠU C 237, 6.7.2018, p. 53 .
(22)      Idem.
(23)      Idem.
(24)      Idem.
Top