Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2020-00499-AC

    Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-emendi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

    EESC-2020-00499-AC

    MT

    ECO/504

    Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-emendi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

    OPINJONI

    Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża

    [COM(2020) 22 final – 2020/0006 (COD)]

    Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi
    [COM(2020) 23 final – 2018/0196 (COD)]

    Relatur: Ester VITALE

    Korelatur: Petr ZAHRADNÍK

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23/01/2020

    Parlament Ewropew, 29/01/2020

    Bażi ġuridika

    L-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    13/05/2020

    Adottata fil-plenarja

    10/06/2020

    Sessjoni plenarja Nru

    552

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    210/1/5



    1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1Il-KESE huwa konvint ħafna li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jirrappreżenta l-ewwel strument tanġibbli li jikkontribwixxi għall-mira ambizzjuża ħafna tan-newtralità tal-karbonju sal-2050, u huwa kompatibbli mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

    1.2Il-KESE huwa mħasseb li l-investiment ippjanat għat-tranżizzjoni ġusta ma jikkorrispondix mal-Patt Ekoloġiku ambizzjuż tal-Kummissjoni Ewropea u jemmen li għandhom jitfittxu riżorsi addizzjonali permezz ta’ żieda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali, jew billi jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda jew billi tiżdied il-kontribuzzjoni mill-Istati Membri. Jeħtieġ li l-UE turi livell ta’ ambizzjoni li jirrifletti l-isfida tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jeħtieġ li tiġi allokata medja ta’ 40 % tal-baġit globali tagħha (QFP 2014-2020) għal dan l-għan;

    1.3Il-KESE jirrakkomanda li jiġi speċifikat b’mod aktar preċiż il-qafas finanzjarju tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, peress li EUR 30 biljun biss huma garantiti, skont il-proposta, u l-bqija huwa bbażat fuq deċiżjoni volontarja li tittieħed mill-Istati Membri. Il-KESE mhuwiex konvint li l-qafas finanzjarju huwa bbażat fuq approċċ konservattiv u prekundizzjonijiet.

    1.4Il-KESE huwa konxju li s-suċċess tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (u l-Pjan kollu ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli) jiddependi fuq sħubija ġdida bejn is-settur privat u dak pubbliku f’termini ta’ finanzjament kif ukoll ta’ responsabbiltajiet kondiviżi. Hemm bżonn ta’ patt ġdid bejn is-settur pubbliku u dak privat, inklużi l-atturi kollha fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jiddefinixxi l-finanzjament u r-responsabbiltajiet kondiviżi. Peress li l-ħtieġa finanzjarja tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hija enormi u s-sorsi baġitarji komuni tal-UE huma pjuttost limitati, ir-rwol tas-settur privat ser ikun sostanzjali. L-NGOs għandhom ikunu strumentali biex jiggwidaw l-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta b’mod li jinkludi bis-sħiħ il-gruppi kollha fis-soċjetà, u li jimxi id f’id mat-titjib tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità u l-persuni anzjani.

    1.5Il-KESE jaqbel mal-approċċ olistiku li jqis id-dimensjoni ekonomika, soċjali, industrijali u teknoloġika tal-proċess ta’ trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali, bl-involviment tal-atturi lokali, l-imsieħba soċjali u l-NGOs. L-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki u strateġiji għal tranżizzjoni ġusta. It-trejdjunjins għandhom ikunu preżenti fl-istadji kollha tal-proċess ta’ tranżizzjoni ġusta sabiex jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema f’livelli differenti.

    1.6Il-KESE jittama li d-djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri relatat mas-Semestru Ewropew jinkludi l-involviment attiv u sostanzjali tal-imsieħba soċjali u l-NGOs.

    1.7Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-pjani territorjali u kwalunkwe programm speċifiku għandhom jiġu segwiti minn kumitati ta’ sorveljanza bl-istess regoli bħal dawk stabbiliti fir-Regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

    1.8Il-KESE jirrakkomanda li l-pjani territorjali u kwalunkwe programm speċifiku tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jkollhom l-involviment sħiħ u sostanzjali tal-imsieħba soċjali u l-NGOs.

    1.9Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-flessibbiltà fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-konsegwenzi impliċiti mistennija, li għandhom jirriflettu wkoll l-importanza tal-Patt Ekoloġiku, partikolarment fl-Istati Membri u r-reġjuni intensivi fl-użu tal-faħam u l-karbonju. L-għajnuna mill-Istat, speċjalment l-għajnuna ekoloġika mill-Istat, għandha tassisti lit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika u inklużiva, b’konċessjoni kontinwa u aktar ambizzjuża għall-użu tal-għajnuna mill-Istat biex jiġi promoss l-impjieg fost dawk li spiss jinqatgħu mis-suq tax-xogħol miftuħ, bħall-persuni b’diżabilità.

    1.10Billi l-iżvilupp sostenibbli u l-azzjoni klimatika għandhom impatt pożittiv fuq l-infiq pubbliku u jeliminaw għadd ta’ esternalitajiet negattivi (is-saħħa, riabilitazzjoni, ir-rikostruzzjoni, eċċ.), l-investiment pubbliku għall-protezzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima għandhom jiġu esklużi mir-restrizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà. Issa huwa aktar importanti minn qatt qabel fid-dawl ta’ din il-kriżi mingħajr preċedent. Il-COVID-19 jista’ jkollha impatt kbir fuq iċ-ċittadini tal-UE, is-saħħa tagħhom u l-ekonomija b’mod ġenerali.

    1.11Attwalment, il-pandemija tal-COVID-19 tirrappreżenta l-ewwel prijorità; qed tnaqqar il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna, u qed tinfluwenza wkoll il-politika fiskali attwali u futura tal-UE. B’mod parallel, qed toħloq inċertezza bla preċedent li tista’ konsegwentement twassal għal bidla b’saħħitha fl-orjentazzjoni u l-allokazzjoni tal-baġit tal-UE. L-aktar dokumenti reċenti tal-Kummissjoni jipproponu u jirrakkomandaw l-allokazzjoni tal-parti li jifdal tar-riżorsi baġitarji disponibbli tal-UE għall-2014-2020 b’mod predominanti biex jittaffew il-konsegwenzi tal-pandemija. Il-KESE ser jirrispetta kwalunkwe bidla raġonevoli meħtieġa fin-negozjati tal-QFP li jmiss li tista’ tgħin issolvi s-sitwazzjoni fatali.

    1.12“Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-KE “Next Generation EU” biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni b’reazzjoni għall-kriżi u l-proposta l-ġdida tagħha għall-baġit li jmiss fit-tul tal-UE.

    1.13Il-KESE jilqa’ l-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu programm speċifiku għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Il-KESE jirrispetta u jappoġġja r-rwol importanti tar-reġjuni fil-proċess ta’ programmar, governanza u implimentazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li jitqiesu l-livelli differenti ta’ tħejjija fl-Istati Membri u r-reġjuni għat-tranżizzjoni għan-newtralità karbonika, kif ukoll il-potenzjal differenti għall-produzzjoni ta’ enerġija nadifa fl-UE. Għandhom jitqiesu wkoll l-attitudnijiet differenti taċ-ċittadini fl-Istati Membri u r-reġjuni biex jikkontribwixxu b’mod attiv għall-protezzjoni tal-klima.

    1.14Il-KESE japprezza ħafna l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ proġetti sostenibbli, bil-ħsieb li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki. L-appoġġ ipprovdut minn awtoritajiet maniġerjali partikolari għandu wkoll jiġi ppubblikat, sabiex jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-investiment. Dan ser iżid it-trasparenza u jevita r-riskju ta’ informazzjoni mhux uniformi.

    1.15Il-KESE jindika l-ħtieġa li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn il-miżuri ffinanzjati mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u dawk kofinanzjati mill-InvestEU taħt il-Pilastru 2 u mill-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku taħt il-Pilastru 3 tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

    1.16Il-KESE jwissi li jeħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn il-miżuri ta’ ristrutturar ekonomiku u l-miżuri li jiżguraw il-protezzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema affettwati mill-proċessi ta’ tranżizzjoni.

    1.17Is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija essenzjali biex jiġu appoġġjati l-proċessi ta’ tranżizzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu r-riżorsi għall-politika ta’ koeżjoni biex tissaħħaħ u terġa’ titnieda s-sistema tal-edukazzjoni sekondarja u universitarja permezz ta’ linji gwida xjentifiċi u teknoloġiċi mmirati u orjentati lejn il-bżonnijiet attwali.

    1.18Il-KESE jittama li parti sostanzjali tar-riżorsi tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tkun iddedikata sabiex jiġu ġġenerati investimenti li jeħtieġu l-ħaddiema biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni bejn impjieg u ieħor. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll bilanċ bejn l-investiment fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li jiċċaqilqu għal forom ġodda ta’ impjieg aktar ekoloġiku, u t-tħejjija ta’ dawk fil-komunitajiet affettwati li għadhom kif daħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa għall-forom ta’ xogħol emerġenti. Għandha ssir enfasi partikolari fuq li jiġi appoġġjat l-impjieg ta’ dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol bħaż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabbiltà.

    2.Sfond

    2.1Il-Kummissjoni Ekonomika ppreżentat il-viżjoni strateġika fit-tul tagħha għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050. Kif ġie stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni tipproponi Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta li jiżdied mal-proposti leġislattivi u baġitarji li diġà ġew ippreżentati għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027. Bejn l-2021 u l-2027 ser jitqassam pakkett ta’ EUR 100 biljun għall-Mekkaniżmu kollu ta’ Tranżizzjoni Ġusta biex jappoġġja u jiffaċilita l-konverżjoni ta’ attivitajiet li jikkawżaw emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara, it-tnaqqis fil-konsum tal-faħam fossili, il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u t-tranżizzjoni lejn teknoloġiji aktar nodfa fis-setturi kollha tal-produzzjoni. Il-Fond ser ikollu baġit inizjali ta’ EUR 7,5 biljun, li għandu jiżdied sa massimu ta’ EUR 100 biljun permezz tal-kofinanzjament nazzjonali, tal-fergħa finanzjarja tal-InvestEU u tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

    2.2Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fih tliet pilastri:

    ·Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, implimentat fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni. Il-Fond inħoloq permezz ta’ regolament apposta li jistipula l-għanijiet speċifiċi tiegħu, l-estensjoni ġeografika tiegħu, il-metodu li għandu jiġi segwit biex jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji u l-kontenut tal-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta, li huma meħtieġa biex jiġi sostnut l-ipprogrammar. Prinċipalment, il-Fond ser jagħti sussidji lir-reġjuni biex jiġu appoġġjati l-ħaddiema, billi jgħinhom, pereżempju, jiksbu ħiliet u kompetenzi li jistgħu jintużaw fis-suq tax-xogħol tal-futur, l-SMEs, l-istart-ups u l-inkubaturi ta’ intrapriżi li joperaw biex joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda f’dawn ir-reġjuni. Ser jappoġġja wkoll l-investimenti fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, inklużi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika.

    ·Skema ddedikata taħt l-InvestEU, li tkopri proġetti relatati mal-infrastruttura tal-enerġija u t-trasport, inkluża l-infrastruttura tal-gass u t-tisħin distrettwali, kif ukoll il-proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni.

    ·Strument ta’ self lis-settur pubbliku, implimentat mill-BEI biex jipprovdi riżorsi finanzjarji lill-awtoritajiet lokali għar-reġjuni kkonċernati. Il-baġit tal-UE jista’ jiġi kkomplementat minn sussidju tar-rata tal-imgħax jew sussidju għall-investiment flimkien ma’ self mogħti mill-BEI.

    2.3Ser jiġu lliberati riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali u hemm previsti standards settorjali dwar l-għajnuna mill-Istat, sabiex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ fondi nazzjonali għal proġetti konsistenti mal-għanijiet tat-tranżizzjoni ġusta.

    2.4Il-pariri u l-assistenza teknika għar-reġjuni ser ikunu parti integrali mill-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta.

    2.5Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ser ikun soġġett għal skema ta’ ġestjoni kondiviża u ser ikun disponibbli għall-Istati Membri kollha. L-allokazzjonijiet ser iqisu l-isfidi minħabba t-tranżizzjoni li għandhom iħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni bl-ogħla emissjonijiet tal-karbonju, u l-isfidi soċjali li jirriżultaw mit-telf potenzjali tal-impjiegi.

    2.6L-Istati Membri ser jintegraw l-finanzjament tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta allokata lilhom mar-riżorsi tagħhom li jiġu mill-FEŻR u mill-FSE+. Dawn it-trasferimenti ser ikunu mill-inqas darba u nofs u massimu ta’ tliet darbiet l-allokazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Madankollu, kull Stat Membru ma għandux juża aktar minn 20 % tal-allokazzjonijiet inizjali tiegħu tal-FEŻR u l-FSE, u għandu jiġġustifika dawn ir-riżorsi addizzjonali. L-Istati Membri ser jikkontribwixxu wkoll bir-riżorsi tagħhom.

    2.7Il-proċess ta’ programmar, inkluża l-identifikazzjoni tat-territorji, ser jiġi miftiehem bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru u ser ikun iggwidat mill-proċess tas-Semestru Ewropew. L-Istati Membri huma mistiedna jippreżentaw il-pjani territorjali tagħhom, u jiddefinixxu l-proċess ta’ tranżizzjoni sal-2030. F’dan il-kuntest, għal kull territorju, huma ser jiddefinixxu l-isfidi ekonomiċi soċjali u ambjentali kif ukoll il-ħtiġijiet għat-taħriġ mill-ġdid professjonali u r-riabilitazzjoni ambjentali. Il-Fond ser jiffoka l-appoġġ fuq it-territorji li jikkorrispondu għar-reġjuni tal-livell NUTS 3.

    2.8L-approvazzjoni tal-pjani territorjali ser tippermetti l-appoġġ taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u ser tagħti bidu għall-mekkaniżmi għall-użu tal-InvestEU u tal-BEI. Il-programmi appoġġjati ser ikunu soġġetti għal rieżami ta’ nofs it-terminu bl-istess mod bħall-programmi kollha tal-politika ta’ koeżjoni.

    2.9Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ser jinkludi l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk hemm bżonn li tiġi modifikata l-Proposta għal Regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi biex jiżdied il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta bħala fond ġdid għall-politika ta’ koeżjoni.

    3.Kummenti ġenerali

    3.1Il-KESE jappoġġja l-istrateġija tal-UE sabiex jitnaqqsu fit-tul l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u l-objettiv tagħha li l-Unjoni Ewropea ssir ekonomija newtrali għall-klima sal-2050. Il-KESE jaqbel li l-mira ekoloġika tirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika ta’ koeżjoni futura, b’allokazzjoni għal dan il-għan ta’ mill-inqas 30 % tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u 37 % tal-Fond ta’ Koeżjoni. Madankollu, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li l-investiment ippjanat għat-tranżizzjoni ġusta ma jikkorrispondix mal-Patt Ekoloġiku ambizzjuż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-finanzjament propost għal għaxar snin huwa dak li jkun meħtieġ kull sena biex tinkiseb in-newtralità klimatika b’mod ġust sal-2050. Il-KESE jemmen li l-previżjonijiet tan-nefqa tal-QFP għandhom jiżdiedu. Jekk tabilħaqq iridu jintlaħqu l-miri ambizzjużi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku, il-baġit tal-UE jeħtieġ li jiżdied, jew billi jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda jew billi tiżdied il-kontribuzzjoni mill-Istati Membri.

    3.2Il-KESE japprezza l-isforz li jiġi aġġustat il-QFP 2021-2027 tal-UE għall-ħtiġijiet u l-isfidi klimatiċi permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u, b’mod aktar wiesa’, permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Sostenibbli kollu, li tiegħu l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa l-aktar parti sostanzjali. Filwaqt li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta huwa l-ewwel pass tanġibbli biex tiġi indirizzata l-kwistjoni finanzjarja u tal-investiment, il-KESE jinnota u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati fil-prattika anke l-kompiti l-oħra previsti fil-ftehim dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Jekk dan ma jsirx, l-effettività tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tkun limitata.

    3.3Kif diġà ġie indikat f’Opinjonijiet preċedenti 1 , il-KESE jaqbel li fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni għandu jiġi pprovdut finanzjament immirat, permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta. Madankollu, il-finanzjament għandu jiġi minn allokazzjonijiet ad hoc adegwati biex jiġi evitat aktar tnaqqis fid-disponibbiltà tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

    3.4Barra minn hekk, fil-każ tal-FSE+, trasferiment obbligatorju jista’ jikkawża kunflitti ta’ interess mhux intenzjonati. Pereżempju, jistgħu jqumu kwistjonijiet bħall-appoġġ tal-persuni f’riskju ta’ faqar jew il-ħaddiema industrijali, li huma mhedda li jitilfu l-impjieg tagħhom. Kunflitti ta’ interess bħal dawn jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-aċċettazzjoni tal-politika dwar il-klima kollha inġenerali. Fi kwalunkwe każ, it-twessigħ tal-ambitu tal-FSE+ għandu jimxi id f’id ma’ żieda fir-riżorsi.

    3.5Billi l-iżvilupp sostenibbli u l-azzjoni klimatika għandhom impatt pożittiv fuq l-infiq pubbliku u jeliminaw għadd ta’ esternalitajiet negattivi (is-saħħa, riabilitazzjoni, ir-rikostruzzjoni, eċċ.), l-investiment pubbliku għall-protezzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima għandhom jiġu esklużi mir-restrizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà. Issa huwa aktar importanti minn qatt qabel fid-dawl ta’ din il-kriżi mingħajr preċedent. Il-COVID-19 jista’ jkollha impatt kbir fuq iċ-ċittadini tal-UE, is-saħħa tagħhom u l-ekonomija b’mod ġenerali.

    3.6Il-KESE huwa konvint li hemm ħafna interessi u miri komuni bejn is-sett ta’ soluzzjonijiet għall-kriżi pandemika u l-isfidi tal-Patt Ekoloġiku. Madankollu, jidher xieraq li jiġi ddefinit mill-ġdid it-twassil ta’ xi miri mill-Patt Ekoloġiku speċjalment fir-rigward tal-iskeda tagħhom. Huwa ferm irrakkomandat xi tip ta’ flessibbiltà (komparabbli ma’ dik għar-regoli fiskali u dwar l-għajnuna mill-Istat).

    3.7Ma jistgħux jiġu maħsuba investimenti kbar għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tranżizzjoni ekoloġika jekk jibqgħu jippersistu restrizzjonijiet tad-defiċit. Ovvjament, dan ma jfissirx li jiġu abbandunati r-rekwiżit tas-soltu li jiġu stabbilizzati l-finanzi pubbliċi, iżda dan ifisser li ssir l-għażla bejn żewġ alternattivi: jew li verament irridu nreġġgħu lura l-proċess tat-tisħin globali u allura rridu nsibu somom kbar għall-investiment, jew irridu sempliċiment nintroduċu miżuri korrettivi biex l-kuxjenza tibqa’ nadifa u l-finanzi pubbliċi jibqgħu sodi.

    3.8Il-KESE jemmen li sabiex it-tranżizzjoni ssir ekonomikament aktar robusta u politikament aktar kredibbli, għandha tittieħed azzjoni kemm jista’ jkun malajr sabiex tiġi eliminata l-iskema ta’ sussidji diretti u indiretti għas-settur tal-karburanti fossili li huwa responsabbli għall spejjeż ambjentali, soċjali u ekonomiċi enormi, li jistgħu jġibu fix-xejn il-progress li sar fl-azzjoni klimatika.

    3.9Billi b’mod gradwali jitneħħa s-sussidju tal-enerġija fossili u tingħata spinta lis-settur emerġenti bħall-enerġiji rinnovabbli u billi jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, l-enerġija rinnovabbli tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi f’termini ta’ affordabbiltà, il-prosperità ekonomika, u s-sostenibbiltà tal-klima.

    3.10Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jirrappreżenta simbjożi bbilanċjata bejn is-sussidji u l-istrumenti finanzjarji, bejn approċċ koordinat u approċċ ġestit ċentralment. Hemm bżonn ta’ patt ġdid bejn is-settur pubbliku u dak privat, inklużi l-atturi kollha fl-oqsma ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jiddefinixxi l-finanzjament u r-responsabbiltajiet kondiviżi. Madankollu, dan ser ikollu bżonn kapaċitajiet ġodda ta’ ġestjoni u governanza għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ser tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-promoturi ta’ proġetti sostenibbli matul l-istadji kollha ta’ dawn il-proġetti, mill-ippjanar sal-implimentazzjoni.

    3.11Hemm bżonn li jitħeġġeġ li l-kapital privat jidħol fis-sistema biex dan il-kunċett jirnexxi. Ser ikun hemm bżonn li tinbena sħubija ġdida bejn is-settur pubbliku u dak privat, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ riżultati li jgawdi minnhom kulħadd.

    3.12Il-KESE jaqbel mal-approċċ olistiku li jqis id-dimensjoni ekonomika, soċjali, industrijali u teknoloġika tal-proċess ta’ trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali, bl-involviment tal-atturi lokali, l-imsieħba soċjali u l-NGOs. Jeħtieġ li l-iżvilupp sostenibbli jiġi indirizzat f’kull qasam ta’ politika b’mod koerenti u għandu jimmira lejn mudell ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi żgurata b’mod effettiv il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-livelli kollha u li r-riperkussjonijiet fuq l-impjieg minħabba l-bidla fil-mudell ekonomiku jiġu indirizzati u ġestiti permezz ta’ djalogu soċjali li jorbot flimkien il-livell nazzjonali u dak Ewropew.

    3.13Il-KESE jemmen li l-proċess ta’ trasformazzjoni lejn ekonomija newtrali fil-karbonju jiddependi wkoll mill-investiment f’sistemi tat-trasport pubbliku aċċessibbli u sostenibbli u fl-ambjenti mibnija. Flimkien mal-FEŻR, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għandu jintuża biex jippromovi n-newtralità karbonika permezz ta’ investiment f’dawn l-oqsma b’mod li jiżgura li jkunu jistgħu jintużaw mill-membri kollha tas-soċjetà, u li jkunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u għall-persuni anzjani.

    3.14Il-KESE jemmen li tranżizzjoni ġusta mill-perspettiva soċjali hija essenzjali biex jinkisbu l-appoġġ u l-fiduċja tal-ħaddiema, tan-negozji u tas-soċjetà ċivili u biex jiġu ffaċilitati l-bidliet ekonomiċi ewlenin meħtieġa biex tiġi salvata d-dinja mit-tibdil fil-klima. It-tmiem tal-era tal-karburanti fossili fl-Ewropa jrid ikun akkumpanjat b’investimenti neċessarji sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-ħaddiema tagħha, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u l-appoġġ għall-iżvilupp lokali. Il-proċessi ta' tranżizzjoni għandhom jiġu nnegozjati mal-imsieħba soċjali u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jkunu relatati ma' politiki ta' trasparenza u ta' komunikazzjoni effettiva.

    3.15Il-KESE jwissi li jeħtieġ li jinstab bilanċ tajjeb bejn il-miżuri ta’ ristrutturar ekonomiku u l-miżuri li jiżguraw il-protezzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema affettwati mill-proċessi ta’ tranżizzjoni. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll bilanċ bejn l-investiment fit-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema li jiċċaqilqu għal forom ġodda ta’ impjieg aktar ekoloġiku, u t-tħejjija ta’ dawk fil-komunitajiet affettwati li għadhom kif daħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħiliet meħtieġa għall-forom ta’ xogħol emerġenti. Għandha ssir enfasi partikolari fuq li jiġi appoġġjat l-impjieg ta’ dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol bħaż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabbiltà.

    3.16Il-KESE japprezza l-fatt li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta qed jimmira lejn soluzzjonijiet għall-konsegwenzi marbuta mat-tnaqqis fl-industrija tal-minjieri tal-faħam u mal-ħtieġa li jiġu appoġġjati s-setturi tal-manifattura goffa sabiex ikunu jistgħu jżommu l-attivitajiet tagħhom b’mod sostenibbli, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-impatti soċjali rilevanti, iżda jinnota li l-Fond ma għandux jillimita ruħu li jiffinanzja l-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni. Il-KESE jittama li parti mir-riżorsi tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta tkun iddedikata sabiex jiġi ġġenerat l-investiment li jeħtieġu l-ħaddiema u l-komunitajiet affettwati mill-katina tal-valur tal-proċessi ta’ dekarbonizzazzjoni, biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni bejn impjieg u ieħor.

    3.17Is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija essenzjali biex jiġu appoġġjati l-proċessi ta’ tranżizzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu r-riżorsi biex tissaħħaħ u terġa’ titnieda s-sistema tal-edukazzjoni sekondarja u universitarja permezz ta’ linji gwida xjentifiċi u teknoloġiċi mmirati u orjentati lejn il-bżonnijiet attwali, waqt li jintużaw ir-riżorsi kollha disponibbli tal-politika ta’ koeżjoni.

    3.18Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li jiġu promossi u appoġġjati privattivi u start-ups innovattivi u sostenibbli. L-appoġġ għall-intrapriżi impenjati f’attivitajiet responsabbli u sostenibbli u li jiżviluppaw soluzzjonijiet ekoloġiċi għall-benesseri tal-komunità għandu jiġi ppremjat.

    3.19L-ipprogrammar tar-riżorsi tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta ser ikun marbut mill-qrib mal-qafas tas-Semestru Ewropew, kif diġà previst fir-Regolamenti għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027. Il-KESE huwa ċert li, apparti l-monitoraġġ previst taħt ir-regoli tal-politika ta’ koeżjoni, il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE ser jintuża biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta fl-Istati Membri permezz tad-djalogu strutturat annwali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-KESE jittama li dan id-djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jinkludi l-involviment attiv u sostanzjali tal-imsieħba soċjali u l-NGOs.

    3.20Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jkun ipprogrammat permezz ta’ pjan territorjali wieħed jew aktar għal tranżizzjoni ġusta, waqt li jiġi definit il-proċess ta’ tranżizzjoni sal-2030, f’konformità mal-pjani nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima u mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu programm speċifiku għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

    3.21Il-KESE jirrakkomanda li l-pjani territorjali u kwalunkwe programm speċifiku tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jkollhom l-involviment sħiħ u sostanzjali tal-imsieħba soċjali u l-NGOs.

    3.22Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-pjani territorjali u kwalunkwe programm speċifiku għandhom jiġu segwiti minn kumitati ta’ sorveljanza bl-istess regoli bħal dawk stabbiliti fir-Regolament li jistipula dispożizzjonijiet komuni għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

    4.Kummenti speċifiċi

    4.1Il-KESE huwa konvint li l-qafas finanzjarju għandu jitfassal b’mod aktar preċiż mhux biss għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, iżda wkoll għall-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli kollha kemm huma. Il-KESE jżid li l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi li huma aktar mit-EUR 30 biljun mhijiex garantita (jiġifieri trasferimenti li jaqbżu d-darba u nofs l-allokazzjoni tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta mhumiex obbligatorji). Hemm ukoll ħafna kwistjonijiet pendenti rigward ir-reġim speċjali fil-programm InvestEU u l-istrument ta’ self tal-BEI għas-settur pubbliku.

    4.2Il-KESE huwa mħasseb li l-għażla li f’għaxar snin jiġu ddedikati madwar EUR 1 000 biljun għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni tal-investiment pubbliku u privat permezz tal-użu tal-InvestEU, tista’ tneħħi riżorsi minn setturi oħra li kienu qegħdin jibbenefikaw minn dan il-Fond. Il-KESE jindika l-ħtieġa li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn il-miżuri ffinanzjati mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u dawk kofinanzjati mill-InvestEU taħt il-Pilastru 2 u mill-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku taħt il-Pilastru 3 tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta.

    4.3L-għanijiet tal-Pakkett Ekoloġiku ser ikunu appoġġjati wkoll minn riżorsi tal-Politika Agrikola Komuni, li ser talloka 40 % tal-allokazzjoni totali tagħha biex jiġu appoġġjati l-għanijiet tal-klima. F’dan ir-rigward, ser ikun importanti li jinżamm l-impenn tal-gvernijiet nazzjonali u tal-istituzzjonijiet tal-UE li jinvestu fil-koeżjoni kif ġara fil-passat.

    4.4Il-KESE japprezza ħafna l-proċeduri proposti marbuta mal-fehim aktar flessibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u s-semplifikazzjoni kontinwa proposta mill-Kummissjoni bħala parti mill-qafas ta’ politika usa’ stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Sostenibbli. Hemm bżonn ta’ regoli differenti biex ikun hemm lok għal investimenti li għandhom iwasslu għal tkabbir ġdid.

    4.5Il-KESE jifhem is-sett ta’ kriterji kkwantifikati tajjeb dwar l-eliġibbiltà għall-finanzjament taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u jaqbel magħhom.

    4.6Għajnuna ekoloġika mill-Istat:

    ·jiġu applikati kundizzjonijiet ekoloġiċi għall-għajnuna mill-Istat għal kumpaniji f’setturi b’marka għolja tal-karbonju u/jew materjali;

    ·jiġu applikati kundizzjonijiet ekoloġiċi simili għal self minn banek ġdid u estiż (b’garanziji pubbliċi jew mingħajrhom) għal dawn is-setturi;

    ·tiġi rifjutata għajnuna mill-Istat lil kumpaniji u setturi li ma jistgħux jew li ma jridux jadottaw teknoloġiji ċirkolari b’livell baxx ta’ karbonju, u li jħarrġu mill-ġdid lill-ħaddiema tagħhom għal impjieg ġdid;

    ·jitħaffu l-proċeduri tal-ippjanar għall-enerġija rinnovabbli, it-tranżitu pubbliku u l-proġetti u l-infrastrutturi tal-bini ċirkolari. Il-kumpaniji qed isibuha bi tqila biex jibqgħu ħajjin u jeħtieġ li jirċievu l-għajnuna mill-Istat malajr.

       Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv bil-quddiem, il-gvernijiet jistgħu jagħżlu li japplikaw test ekoloġiku ħafif meta jagħtu l-għajnuna mill-Istat, flimkien ma’ test ekoloġiku aktar iebes ex post. Jekk kumpanija tikser il-kundizzjonijiet ekoloġiċi miftiehma, l-għajnuna mill-Istat trid titħallas lura parzjalment jew komletament, skont il-gravità tal-ksur. Huwa propost ukoll li jiġu mmirati setturi kruċjali li huma intensivi fil-karbonju u l-materjali biex il-burokrazija tinżamm kemm jista’ jkun possibbli f’livell minimu 2 .

    4.7Il-KESE jilqa’ wkoll l-indikazzjoni tas-setturi li fihom ir-riżorsi tal-Fond jistgħu jiġu allokati għal tranżizzjoni ġusta u ta’ dawk fejn il-finanzjament ma jistax jiġi pprovdut. Il-metodu ta’ allokazzjoni ser jgħin jiżgura li l-fondi jkunu kkonċentrati biżżejjed fuq l-Istati Membri li qegħdin jindirizzaw l-aktar sfidi impenjattivi, filwaqt li jipprovdi wkoll appoġġ sinifikanti lill-Istati Membri kollha. B’mod speċifiku, l-Istati Membri li d-DNG per capita tagħhom huwa inqas minn 90 % tal-medja tal-UE jirċievu madwar żewġ terzi tal-fondi tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

    4.8F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-KESE jirrakkomanda li jingħata aktar spazju lil entitajiet li mhumiex SMEs, peress li hemm tendenza li l-kumpaniji ewlenin tal-minjieri u tal-industrija goffa milquta mill-azzjoni klimatika jkunu kbar. Barra minn hekk, dawn l-intrapriżi, b’mod partikolari, spiss jipprovdu ammont kbir ta’ impjiegi deċenti u huma kruċjali għall-benesseri ekonomiku tar-reġjuni. Il-prevenzjoni tal-qgħad għandha ssir objettiv ewlieni tal-pjani territorjali. Dan għandu jinkludi mhux biss l-assistenza lill-ħaddiema attwali fit-tranżizzjoni lejn forom ġodda ta’ impjieg, iżda wkoll l-appoġġ għaż-żgħażagħ u l-persuni maqtugħa mis-suq tax-xogħol miftuħ, bħall-persuni b’diżabilità, biex isibu xogħol f’dawn is-setturi li qed jiżviluppaw.

    4.9Il-KESE japprezza l-possibbiltajiet ġodda miftuħa għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jassumu direttament ir-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-proġetti u biex jimplimentaw b’mod konkret approċċ ibbażat fuq il-post, peress li l-unitajiet bażiċi għall-pjani territorjali għat-tranżizzjoni ġusta huma r-reġjuni NUTS 3.

    4.10L-imsieħba soċjali u l-NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam jenħtieġ li jkunu involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ politiki u strateġiji għat-tnaqqis ambizzjuż tal-emissjonijiet biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta li tiggarantixxi impjiegi deċenti u li tilħaq bilanċ bejn is-sistemi ta’ enerġija nadifa u l-kwalità sostenibbli tal-impjiegi. It-trejdjunjins għandhom ikunu preżenti fl-istadji kollha tal-proċess ta’ tranżizzjoni ġusta sabiex jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema f’livelli differenti.

    4.11Sabiex jinkisbu r-riżultati previsti, l-approċċ tal-Kummissjoni għall-eliġibbiltà tat-territorji huwa restrittiv peress li l-finanzjament jista’ jiġi allokat biss lill-pajjiżi li japplikaw u jippreżentaw pjani territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Istati Membri kollha jħejju l-pjani tagħhom malajr kemm jista’ jkun sabiex ikunu jistgħu jiġu appoġġjati ħafna ħaddiema fl-Ewropa kollha fir-reġjuni identifikati fil-pjani.

    4.12Il-KESE jilqa’ l-adattament tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni biex tinħoloq bażi legali ċara u trasparenti għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE u l-linji gwida tagħha dwar il-klima.

    4.13Minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza dwar l-impatt tat-tranżizzjoni fuq l-impjieg u d-distribuzzjoni ġeografika possibbli tagħha, il-KESE jinnota li kien ikun preferibbli li kieku ma kien hemm l-ebda preallokazzjoni ġeografika tal-fondi mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Tħassib ieħor huwa l-governanza tal-Fond. L-għażla taż-żoni eliġibbli u l-firxa tal-allokazzjonijiet bejniethom għandhom ikunu fdati kompletament lill-gvernijiet nazzjonali. Minħabba li mhux ser ikun hemm allokazzjonijiet reġjonali, hemm riskju li dan jista’ jwassal għal żbilanċi fid-distribuzzjoni tal-finanzjament fil-livell sottonazzjonali u li ż-żoni li huma inqas vulnerabbli għall-impatti negattivi tal-għanijiet tat-tibdil fil-klima mhux ser jirċievu riżorsi.

    4.14Il-KESE jinnota li l-intenzjoni li jintużaw l-InvestEU u l-BEI biex jiġu mmobilizzati EUR 45 biljun u EUR 25-30 biljun rispettivament għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib sabiex ma jerġgħux jiġu ripetuti l-problemi tal-investimenti tal-FEIS 3 . Jeħtieġ li jiġi żgurat li dawn l-investimenti jkunu allinjati bis-sħiħ mal-Ftehim ta’ Pariġi u li l-għanijiet tal-UE jagħmlu l-Ewropa l-ewwel kontinent b’impatt żero.

    4.15Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-KE “Next Generation EU” biex jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni b’reazzjoni għall-kriżi u l-proposta l-ġdida tagħha għall-baġit li jmiss fit-tul tal-UE. Il-KESE jittama li l-baġit totali tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta żdied għal EUR 40 biljun u li tissaħħaħ l-iskema t-tajba ta’ tranżizzjoni fi ħdan InvestEU. Il-KESE japprova wkoll il-proposta tal-Kummissjoni għal self għas-settur pubbliku, li ser jimmobilizza bejn EUR 25 biljun u EUR 30 biljun. B’dan il-mod, il-mekkaniżmu t-tajjeb ta’ tranżizzjoni ser ikun jista’ jimmobilizza mill-inqas EUR 150 biljun ta’ investiment pubbliku u privat.

    4.16Iż-żamma ta’ baġit ambizzjuż għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2020 għandha tibqa’ l-prijorità ewlenija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-livell territorjali. Fi kliem ieħor, l-istabbiliment ta’ fond addizzjonali m’għandux jintuża bħala skuża biex jiġi ġġustifikat aktar tnaqqis fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni fil-kuntest tan-negozjati tal-QFP.

    4.17Il-KESE għandu xi tħassib dwar il-proċess ta’ programmar, peress li t-test legali għad irid jiġi adottat u r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għad irid jiġi emendat. Il-Kummissjoni tistenna li l-pjani territorjali ser jiġu approvati fit-tieni nofs tal-2020 u li l-programmi relatati mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jiġu adottati matul l-2021. Dan jista’ jwassal għal dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi programmi tal-politika ta’ koeżjoni.

    Brussell, 10 ta’ Ġunju 2020

    Luca JAHIER
    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    ___________

    (1) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar ir-Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni 2021-2027 ĠU C 62, 15.2.2019, p. 83 .
    (2)      Is-setturi li ġejjin għandhom marki relattivament għoljin ta’ karbonju u materjal: (1) Trasport: it-trasport bit-triq, bl-ajru u bl-ilma huwa prinċipalment immexxi mill-fjuwils fossili; (2) Manifattura: ħafna manifatturi għadhom jużaw teknoloġiji li huma intensivi fl-enerġija u l-materjal; (3) Kostruzzjoni: ħafna bennejja għadhom jużaw materjali mhux riċiklabbli u li jużaw ħafna enerġija, bħas-siment; (4) Enerġija: il-bidla mill-fjuwils fossili għal enerġija rinnovabbli hija gradwali ħafna.
    (3)      Rapport Speċjali Nru 03/2019 tal-Qorti tal-Awdituri. Xi għajnuna tal-FEIS ħadet post biss finanzjament ieħor tal-BEI u tal-UE; xi finanzjament ingħata lil proġetti li setgħu użaw sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku jew privat. Fl-aħħar mill-aħħar, l-istimi ta’ investimenti addizzjonali attirati mill-FEIS xi drabi kienu sopravvalutati u l-biċċa l-kbira tal-investimenti marret għand xi wħud mill-Istati Membri l-kbar tal-UE-15, li għandhom banek nazzjonali konsolidati.
    Top