EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2019-00927-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Il-perspettiva industrijali settorjali ta rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC-2019-00927-AC

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

CCMI/167

Il-perspettiva industrijali settorjali ta’
rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


Il-perspettiva industrijali settorjali ta’ rikonċiljazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija
[Opinjoni fuq inizjattiva proprja]

Relatur: Aurel Laurenţiu PLOSCEANU

Korelatur: Enrico GIBELLIERI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24/01/2019

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-CCMI

03/06/2019

Adottata fil-plenarja

17/07/2019

Sessjoni plenarja Nru

545

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

148/3/3



1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1L-industriji Ewropej li jużaw ħafna riżorsi u enerġija (REIIs) huma ta’ importanza strateġika għall-ktajjen ta’ valur industrijali tal-UE. Il-politika tal-UE dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima titlobhom iwettqu trasformazzjoni profonda, u investiment enormi, sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika qabel l-2050.

1.2L-għan tas-sistema attwali għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) huwa li tinċentiva dan l-investiment billi tistabbilixxi prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, b’rekwiżiti kontradittorji: (1) il-ksib tal-għanijiet klimatiċi jirrikjedi prezzijiet ogħla, iżda (2) il-kompetizzjoni esterna tal-REIIs tesiġi li huma jkunu allinjati mal-prezzijiet baxxi jew saħansitra ineżistenti ta’ kompetituri esterni.

1.3Fis-sitwazzjoni attwali ta’ prezzijiet diverġenti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-swieq globali, il-KESE jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tal-investiment (il-produzzjoni jew l-investiment isiru fejn ma tapplikax l-ETS) fl-REIIs, kif ukoll dwar it-telf ta’ impjiegi b’riżultat ta’ dan.

1.4F’Opinjoni preċedenti 1 , il-KESE appella għal ETS globali sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni internazzjonali bejn l-REIIs. Madankollu, din it-tama s’issa ġiet injorata.

1.5Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu rrikonċiljati l-politiki industrijali u tal-enerġija mal-politika dwar il-klima sabiex jiġi mmobilizzat l-investiment enormi li sar neċessarju minħabba t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku mingħajr emissjonijiet tal-karbonju għal REIIs, li għandha tkun “tranżizzjoni ġusta”, fejn l-imsieħba soċjali huma involuti b’mod attiv fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha.

1.6L-investiment mill-UE u mill-Istati Membri għandu jkollu impatt fuq ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fuq l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx jew bl-ebda emissjonijiet ta’ karbonju għal REIIs, inkluża l-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika addizzjonali li jeħtieġu, u fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol tagħhom. Taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (2021-2027), il-finanzjament inkluż għal dan l-għan fil-proposta tal-Kummissjoni għall-programm InvestEU, u għall-programmi ta’ investiment oħrajn li se jkunu marbuta miegħu, għandu għalhekk jiżdied.

1.7Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għar-riflessjoni dwar l-istrateġija industrijali fit-tul mitluba mill-Kunsill Ewropew 2 , billi jeżamina l-fattibbiltà teknika u legali ta’ waħda minn fost il-bosta għażliet ta’ politika li bħalissa jinsabu fl-isfera pubblika: l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri (BAMs) għall-prezz intern tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, abbażi tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi integrati fl-oġġetti industrijali. Huwa jinnota li, fl-2014, huwa kien ġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi eżaminat u, potenzjalment, jiġi introdott mekkaniżmu ta’ dan it-tip, fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija tal-UE b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju” 3 , iżda ma ngħatax rispons adegwat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill.

1.8Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni tapprofondixxi r-riflessjoni tagħha dwar din l-għażla u għażliet oħra ta’ politika, bħal ETS riformata, mekkaniżmi ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera 4 , rata tal-VAT aġġustata għall-intensità tal-karbonju 5 , u tqabbilhom f’termini ta’:

·impatt fuq ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u tal-investiment, f’sitwazzjoni futura ta’ prezzijiet ogħla u disponibbiltà aktar baxxa ta’ kwoti tal-ETS fl-UE;

·ċertezza legali dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO

·aċċettabbiltà mill-imsieħba kummerċjali

·fattibbiltà teknika, speċifikament fir-rigward tal-eżistenza ta’ standards ta’ kontabbiltà u ta’ kejl aċċettati globalment u ta’ bażi ta’ data affidabbli u rikonoxxuti.

1.9Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha minn kmieni f’konsultazzjonijiet mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE sabiex tittestja l-fehmiet tagħhom dwar l-għażliet ikkunsidrati.

2.Kummenti Ġenerali

2.1Id-dilemma tal-politika dwar il-klima applikata għall-industriji li jużaw ħafna riżorsi u enerġija

Il-politika dwar il-klima hija kkonfrontata b’diffikultà inerenti.

2.1.1Minn naħa waħda, l-għan ta’ din il-politika huwa li b’mod ambizzjuż jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (kemm mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili kif ukoll mill-proċessi industrijali). Il-mira għall-UE hija li tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050, kif imħeġġeġ mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd”. Permezz ta’ dan it-tnaqqis, it-tisħin globali għandu jibqa’ ferm inqas minn 2°C, u jekk jista’ jkun inqas minn 1,5°C, b’mod li jkun kompatibbli ma’ agrikoltura li tkun tissodisfa l-ħtiġijiet alimentari tal-bniedem. F’ekonomija tas-suq, għodda effiċjenti ħafna hija li jiġi stabbilit prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. B’dan il-mod, l-atturi ekonomiċi jistgħu jagħżlu li jew jinvestu b’mod profittabbli f’tagħmir jew proċessi li jiffrankaw l-emissjonijiet (inklużi l-Ġbir u l-Ħżin/Użu tal-Karbonju) jew jiffrankaw il-flus billi jnaqqsu l-konsum tagħhom ta’ materjali (eż. billi jużaw prodotti li jdumu aktar) jew jibdlu x-xiri tagħhom ta’ materjali għal dawk li jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra (bħall-materjali riċiklati). Sabiex dan il-metodu jkun effettiv, il-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jrid ikun għoli u prevedibbli biżżejjed biex jistimola l-investiment jew il-bidla fl-imġiba.

2.1.2Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-enerġija jirrappreżentaw proporzjon għoli tal-ispejjeż totali għal REIIs: 25 % għall-azzar, 22-29 % għall-aluminju 6 , 25-32 % għall-ħġieġ 7 .

2.1.3Jekk l-ispiża tal-enerġija tiżdied minħabba prezz għoli allokat għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE meta mqabbel ma’ prezzijiet f’postijiet oħra, u minħabba investiment bikri u fuq skala kbira f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet fl-REIIs u fil-kapaċitajiet relatati ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku, tat-trasport u ta’ ħżin li huma meħtieġa biex isostnuhom 8 , li joħolqu spejjeż ta’ amortizzament għoljin, tiġi pperikolata l-kompetittività esterna ta’ REIIs ibbażati fl-UE. Minkejja l-isforzi tagħhom għal effiċjenza fl-enerġija, dawn jispiċċaw jipproduċu bi prezzijiet ogħla mill-kompetituri esterni tagħhom. F’dawn is-swieq, bi prodotti standardizzati ħafna, prezz ogħla jwassal għal telf fis-sehem mis-suq u telf ta’ impjiegi relatati. Jekk dan iseħħ, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiġu sempliċiment trasferiti mill-produtturi tal-UE għall-produtturi f’postijiet oħra (li ħafna drabi jkunu inqas effiċjenti fl-enerġija), trasferiment, li fl-aqwa xenarju, ma jħalli l-ebda effett fuq l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. Dan il-fenomenu huwa magħruf bħala “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju”. F’xenarju kompetittiv globali fejn il-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun żero, dan jissarraf fil-ħtieġa li l-prezz tal-karbonju jiġi stabbilit fl-iktar livell baxx possibbli – u saħansitra jkun żero.

Dan il-fenomenu huwa akkumpanjat minn dak tar-“rilokazzjoni tal-investiment”. Anke bi prezz baxx għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE, l-inċertezza dwar l-iżvilupp tiegħu diġà qed tfixkel l-investiment fil-manutenzjoni u l-aġġornament ta’ siti industrijali REII, li jwassal għal telf ieħor ta’ kompetittività li huwa tħassib kbir ħafna għall-produtturi tal-UE. Ir-rilokazzjoni tal-investiment għal REIIs ibbażati fl-UE jiżdied b’mod drammatiku jekk il-prezzijiet għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkunu għoljin minbarra li jkunu volatili.

2.1.4Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) hija t-tentattiv attwali min-naħa tal-UE biex tistabbilixxi prezz għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Fil-biċċa l-kbira tagħha hija ma kinitx effettiva: il-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ilu baxx għal diversi snin (minkejja li dan żdied reċentement) iżda volatili biżżejjed biex jiġġenera rilokazzjoni tal-investiment. Barra minn hekk, hija kumplessa u mimlija eżenzjonijiet. Raġuni waħda strutturali għal din il-kumplessità u n-nuqqas ta’ effettività tista’ tkun li s-sistema ETS ma kinitx kapaċi ssolvi d-diffikultà inerenti, deskritta hawn fuq, abbażi ta’ rekwiżiti konfliġġenti għal prezzijiet għoljin u baxxi għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

Għalhekk jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni għal din id-dilemma u jiġu rrikonċiljati l-għanijiet ta’ politika konfliġġenti (1) tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u (2) tal-kompetittività esterna ta’ REIIs Ewropej, filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta’ politika l-oħra kollha, bħall-kummerċ ħieles u ġust, fil-qafas tal-istrateġija industrijali fit-tul mitluba mill-Kunsill Ewropew.

2.2Miżuri korrettivi fil-fruntieri bħala soluzzjoni possibbli

2.2.1L-għażla ppreferuta mill-istituzzjonijiet tal-UE biex tissolva din id-dilemma hija ETS unika u globali li tistabbilixxi prezz dinji għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Madankollu, din it-tama ġiet injorata. L-iżviluppi ġeopolitiċi riċenti fid-direzzjoni lejn l-unilateraliżmu ftit jipprovdu tama li tali ftehim dinji jintlaħaq maż-żmien.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea (ir-riċiklaġġ tar-rikavat tal-ETS għall-industrija, l-appoġġ għall-innovazzjoni, il-kwoti bla ħlas, l-awtorizzazzjoni għall-Istati Membri biex jikkumpensaw għal spejjeż indiretti …) jistgħu ma jagħtux biżżejjed salvagwardji kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jew tal-investiment f’sitwazzjoni ta’ politiki klimatiċi asimmetriċi u żieda fl-ambizzjonijiet tal-UE dwar il-klima. Din hija r-raġuni għaliex diversi kienu dawk li appellaw għal approċċi alternattivi għar-rikonċiljazzjoni tal-għanijiet tal-politika dwar il-klima mal-kompetittività esterna ta’ REIIs, bħala soluzzjoni possibbli. Dawn l-approċċi huma relatati mal-kunċett ta’ miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-għan ta’ din l-Opinjoni hija li tiġi esplorata l-fattibbiltà teknika u legali ta’ din l-għażla , permezz ta’ proposta konkreta.

2.3Il-prinċipji legali tad-WTO: miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri għat-taxxi interni fuq il-konsum ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-atturi ekonomiċi esterni.

2.3.1Il-prinċipju tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri huwa kif ġej: meta taxxa interna fuq il-konsum hija stabbilita f’ġurisdizzjoni, hemm ir-riskju li l-produtturi lokali (li huma soġġetti għal din it-taxxa) jitqiegħdu fi żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-kompetituri esterni tagħhom (li mhumiex soġġetti għaliha), kemm fis-suq intern (fejn il-kompetizzjoni hija bejn il-produtturi u l-importaturi lokali), kif ukoll fis-swieq tal-esportazzjoni. L-awtoritajiet ta’ din il-ġurisdizzjoni jistgħu jerġgħu jistabbilixxu l-kompetizzjoni ġusta billi: (1) jimponu taxxa fuq il-prodotti importati u (2) jirrifondu t-taxxa fuq l-oġġetti esportati.

2.3.2Sakemm dawn issodisfaw ċerti kundizzjonijiet, il-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri relatati mal-prodotti kienu aċċettati bħala legali skont id-WTO, mingħajr ma tqajjem l-ebda tħassib dwar il-protezzjoniżmu, wara li saret reviżjoni ta’ tali aġġustamenti fl-1970 9 (Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Aġġustamenti Kummerċjali fil-Fruntieri). Dawn il-kundizzjonijiet jiddisponu li l-atturi ekonomiċi esterni ma għandhomx jiġu ddiskriminati (l-Artikoli II-2a, III-2 u VI-4 tal-Ftehim tal-GATT 10 ), li f’dan il-każ ifisser li: l-oġġetti importati għandhom iħallsu taxxa li ma tkunx ogħla minn dik li jħallsu l-produtturi lokali u li r-rifużjoni fuq l-oġġetti esportati ma għandhiex tkun ogħla mit-taxxa li diġà tħallset fis-suq lokali.

2.4Il-mekkaniżmi previsti: sistema ta’ kontabbiltà trasparenti għall-esportaturi; l-importaturi jħallsu biss għall-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-materjali bażiċi

2.4.1Il-mekkaniżmi previsti sabiex tiġi adattata l-idea ġenerali tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri fil-kuntest tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra huma dawn li ġejjin:

·sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li għandu jiġi rimborżat lill-esportaturi, sistema ta’ kontabbiltà trasparenti żżomm rekord tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati f’kull oġġett industrijali, u tgħaddi tali ammont tul il-katina tal-valur, bħala linja addizzjonali fil-fatturi;

·l-importaturi jħallsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati fil-materjal bażiku użat biex jiġu mmanifatturati l-oġġetti industrijali, iżda mhux l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra użati biex dawn jiġu ttrasformati jew jingħataw il-forma tagħhom, jew fir-rigward tal-ispostamenti loġistiċi tagħhom. Din hija approssimazzjoni tajba ħafna, peress li aktar minn 90 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali huma inkorporati fil-materjali bażiċi. Dan jipprovdi evidenza indisputabbli għall-awtorità doganali biex tiddetermina l-bażi għat-taxxa (in-natura u l-piż ta’ kull materjal). Dan joffri vantaġġ żgħir lill-importaturi, għalhekk huma ma jistgħux isostnu li qegħdin jiġu ddiskriminati.

Dawn il-mekkaniżmi huma ppreżentati u diskussi f’aktar dettall hawn taħt.

2.5Ir-rifużjoni tal-prezz tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra inkorporati fi prodotti esportati hija kwistjoni ta’ kontabbiltà

2.5.1Is-sistema tkun kif ġej. Meta REII jkollha tħallas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħha (fil-forma ta’ kwoti tal-ETS mixtrija bi prezz varjabbli għal kull kilogramma ta’ CO2eq fis-suq jew fil-forma ta’ taxxa fuq il-karbonju bi prezz fiss), din jeħtiġilha żżomm rekord ta’ dan il-pagament (u tal-volum sottostanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra) fis-sistema tal-kontabbiltà tagħha, u tgħaddih lill-klijenti tagħha fil-fatturazzjoni tagħha (inkluż amortizzament tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-tagħmir tagħha). B’hekk terġa' tintuża s-sistema eżistenti u elaborata tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ġiet żviluppata fl-UE sabiex jiġu kkalkulati l-kwoti mingħajr ħlas għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u li tikkostitwixxi vantaġġ ċar. L-esperjenza miksuba matul dawn l-aħħar ħamsin sena u aktar fir-rigward tal-VAT għandha turi l-fattibbiltà teknika ta’ din l-iskema ta' trasferiment tal-ispejjeż.

2.5.2Il-pożizzjoni fil-katina tal-provvista, li fiha dan il-pagament għandu jkun inkluż fil-fatturi, għad trid tiġi definita. Jekk il-pagament jitgħadda lill-konsumatur finali, dan ikollu l-konsegwenzi li ġejjin:

·dan iqarreb l-iskema proposta lejn il-mudell ta’ taxxa interna fuq il-konsum, bħal VAT jew sisa, li fir-rigward tagħha, id-WTO aċċettat b’mod espliċitu l-leġittimità tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri, u b’hekk tiżdied iċ-ċertezza legali;

·jiġi evitat li l-kumpaniji intermedji jkunu penalizzati;

·dan jinċentiva l-imġiba tal-konsumatur lejn għażliet li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

2.5.3Meta kumpanija tesporta oġġett li jinkorpora l-ispejjeż għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din imbagħad jeħtiġilha tislet mis-sistema ta’ kontabbiltà tagħha l-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-prodott esportat, u tara li dan il-kontenut jiġi rimborżat mill-Istat (billi terġa’ tbigħ il-kwoti ETS korrispondenti fis-suq, jew billi tingħata rifużjoni tat-taxxa fuq il-karbonju) għall-volum tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fil-prodott.

2.5.4Jekk tinżamm l-allokazzjoni attwali bla ħlas tal-kwoti tal-ETS għall-produtturi tal-UE bl-aħjar prestazzjoni, din ir-rifużjoni ssir bi spiża medja ta’ kwota tal-ETS fil-livell tal-ekonomija tal-UE, ibbażata fuq il-prezz tas-suq immedjat u l-proporzjon ta’ kwoti bla ħlas mogħtija lill-produtturi tal-UE.

2.5.5Din is-sistema ta’ kontabbiltà turi li l-esportatur qed jingħata lura l-ispiża eżatta għall-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra li kienu ġew inkorporati fil-prodott tul il-katina tal-provvista. L-esportatur mhux qed jingħata vantaġġ mhux mistħoqq, u s-sistema hija għalhekk konformi mar-rekwiżiti tad-WTO. Din il-korrettezza hija aktar faċli li tiġi pprovata fuq bażi ta’ każ b’każ meta jiġi ffissat il-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (bħal taxxa fuq il-karbonju). Madankollu, din hija valida biss, bħala medja, bejn l-ispekulaturi ixxurtjati u dawk mhux ixxurtjati fis-swieq tal-ETS, u bejn il-produtturi tal-UE bi prestazzjoni għolja u dawk bi prestazzjoni baxxa li jirċievu allokazzjonijiet differenti ta’ kwoti tal-emissjonijiet bla ħlas, meta l-prezz għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jkun varjabbli (bħal f’suq tal-ETS).

2.6Il-miżura korrettiva tal-oġġetti importati tista’ tkun ibbażata fuq il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi jew materjali bażiċi inkorporati

2.6.1Il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali jista’ jinstab essenzjalment fil-materjali tiegħu.

Il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ oġġett industrijali jista’ jinqasam fi tliet komponenti ewlenin, li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal kategoriji differenti ta’ operazzjonijiet li jżidu l-valur:

·il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi li jiffurmaw il-prodott, direttament jew indirettament (eż. azzar, etilen, benżen, ammonijaka, aċidu idrokloriku, ħġieġ, injam, …);

·il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-operazzjonijiet industrijali li jittrasformaw u jiffurmaw il-metalli, is-sustanzi kimiċi jew il-materjali bażiċi (eż. il-polimerizzazzjoni, ix-xogħol bil-forma, l-immaxinjar, il-qtugħ, …);

·il-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet fl-operazzjonijiet loġistiċi fis-sit u bejn siti differenti fl-istadji varji li jżidu l-valur.

Il-maġġoranza vasta tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali huwa dak tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi inkorporati (speċifikament meta ma jkunux riċiklati). L-eżempju ta’ biċċa azzar pproċessata minn makkinarju, fejn l-enerġija użata fil-proċess tammonta għal 2,8 kWh 11 , filwaqt li l-enerġija inkorporata fil-materjal tammonta 12 għal 117 kWh, jiġifieri 40 darba aktar, juri l-ordni ta’ kobor tal-piż relattiv bejn dawn il-komponenti. Fil-każ ta’ fertilizzanti, plastiks, elastomeri, solventi, lubrikanti u fibri tessili, proporzjon dominanti ħafna tal-kontenut tal-gassijiet serra tal-prodott finali jinsab fis-sustanzi kimiċi bażiċi li minnhom ġew manifatturati, li jistgħu jitnaqqsu mill-formula tagħhom. Dan ifisser li l-kontenut sħiħ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali jista’ jiġi approssimat abbażi tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi inkorporati 13 .

2.6.2Komputazzjoni tal-miżura korrettiva applikabbli għal oġġetti importati

2.6.2.1Sabiex l-awtoritajiet doganali responsabbli mill-ġestjoni tal-miżuri ta’ aġġustament fil-fruntieri jaħdmu b’mod effiċjenti u b’ċertezza legali, kemm għalihom infushom kif ukoll għal kumpanija li timporta li taġixxi in bona fede, kemm il-bażi tat-taxxa kif ukoll ir-rata tat-taxxa jridu jiġu stabbiliti li jħallu marġni minimu għall-interpretazzjoni jew għat-tilwim legali.

Ir-rata tat-taxxa fir-rigward tal-ipprezzar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra hija jew rekwiżit biex jinxtraw kwoti tal-ETS għall-volum tal-emissjonijiet inkorporati fil-prodott importat, bl-istess prezz għal kull kwota tal-ETS bħal fil-każ ta’ rifużjoni lill-esportaturi (fil-każ ta’ sistema bbażata fuq is-suq), jew ir-rata tat-taxxa fuq il-karbonju (fil-każ ta’ sistema ta’ rata fissa).

2.6.2.2Il-bażi tat-taxxa trid tkun verifikabbli billi jiġi analizzat il-prodott innifsu, li huwa l-inqas prova disputabbli. Fil-każ inkwistjoni, il-bażi ta’ taxxa ideali tkun il-kontenut sħiħ tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-oġġett importat.

Id-determinazzjoni tal-kontenut kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ prodott industrijali hija diffiċli minħabba l-kumplessità tal-operazzjonijiet kollha li jżidu l-valur li jkunu sarulu tul il-katina tal-valur, li ħafna minnhom ma jħallu l-ebda traċċa fil-prodott innifsu.

L-għażla proposta hija li tintuża l-approssimazzjoni sempliċi iżda fattibbli deskritta hawn fuq: il-kontenut kollu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-oġġett importat jiġi approssimat permezz tal-kontenut tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-metalli, sustanzi kimiċi jew materjali bażiċi li huma inkorporati, li jkun limitat għal dawk li jirrappreżentaw aktar minn eż. 1 % tal-massa totali. Il-mikroelettronika, li tiġġenera emissjonijiet kbar ta’ gassijiet serra minkejja l-massa żgħira tagħha, xorta waħda tiġi inkluża fil-kalkolu.

Il-kontenut totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-materjali preżenti fl-oġġett jiġi kkomputat kif ġej: il-massa ta’ kull tip ta’ metall, sustanza kimika jew materjal bażiku preżenti fl-oġġett ta’ proporzjon sinifikanti tiġi mmultiplikata bl-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dan il-metall, sustanza kimika jew materjal bażiku (jiġifieri l-emissjonijiet tal-gassijiet serra preżenti f’kull kilogramma ta’ dan il-metall, sustanza kimika jew materjal bażiku). 

14 L-intensità medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-livell ta’ kull pajjiż diġà ġiet determinata għall-biċċa l-kbira tal-metalli, sustanzi kimiċi u materjali bażiċi. Iċ-ċifri huma disponibbli f’firxa ta’ bażijiet tad-data pubblikament disponibbli (elenkati eż. fil-Protokoll dwar il-gassijiet serra), ibbażati fuq metodoloġiji tal-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja żviluppati sew, inkluż fir-rigward taċ-Ċina.

2.6.2.3Sabiex tiġi mħeġġa u kkumpensata l-intensità aktar baxxa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-faċilitajiet individwali u d-divulgazzjoni ta’ data, qed jiġi propost il-mekkaniżmu ta' ċirku virtuż li ġej.

·Jekk produttur jista’ juri b’mod affidabbli l-intensità reali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, dan il-valur japplika għall-prodotti tiegħu li jiġu importati fl-UE. Jekk, min-naħa l-oħra, ma tiġi pprovduta l-ebda data affidabbli, tiġi użata l-intensità medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-pajjiż tal-oriġini, u din il-medja tiġi kkalkulata fuq il-bqija tal-produzzjoni u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra residwi, wara li jitnaqqsu dawk iġġenerati minn produtturi li pprovdew data affidabbli.

·B’hekk, il-produtturi li l-aktar li jirrispettaw il-klima f’pajjiż se jkunu involuti mill-ewwel fl-eżerċizzju tal-kontabbiltà (sabiex ma jiġux penalizzati bl-applikazzjoni tal-medja nazzjonali tagħhom). B’riżultat ta’ dan, il-medja nazzjonali, wara li l-produtturi “virtużi” jitneħħew mill-komputazzjoni, maż-żmien tibda tiddeterjora, u b’hekk tinċentiva lill-produtturi oħra biex jipprovdu data affidabbli.

2.6.2.4L-UE tista’, barra minn hekk, tipprovdi appoġġ tekniku għal kumpaniji minn pajjiżi terzi fl-istabbiliment ta’ sistemi affidabbli ta’ kontabbiltà tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u b’hekk iżomm il-pożizzjoni favorevoli tagħha fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali.

2.6.2.5Sabiex jiġi evitat li atturi bla skrupli jattribwixxu l-intensità baxxa tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn faċilità waħda għall-produzzjoni ta’ oħra, tista’ tiġi żviluppata u użata sistema ta’ traċċabbiltà, eż. ibbażata fuq il-blockchain.

Brussell, 17 ta’ Lulju 2019

Luca JAHIER
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)       ĠU C 71, 24.2.2016, p. 57 , §1.9.
(2)      Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Marzu 2019, EUCO 1/19.
(3)     ĠU C 226, 16.7.2014, p. 1
(4)      Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2015 dwar l-iżvilupp ta' Industrija Ewropea sostenibbli tal-metalli komuni (2014/2211(INI))
(5)       A. Gerbeti, CO2 in goods and European industrial competitiveness, Editoriale Delfino (2014) (mhux disponibbli bil-Malti) u A. Gerbeti, A Symphony for energy: CO2 in goods, Editoriale Delfino (2015) (mhux disponibbli bil-Malti).
(6)      A. Marcu, W. Stoefs: “Study on composition and drivers of energy prices and costs in selected energy-intensive industries”.CEPS, 2016, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/20355 (mhux disponibbli bil-Malti).
(7)      C. Egenhofer, L. Schrefler: “Study on composition and drivers of energy prices and costs in selected energy-intensive industries. The case of the flat glass industry”, CEPS, 2014, disponibbli fuq: https://www.ceps.eu/system/files/Glass.pdf (mhux disponibbli bil-Malti)
(8)      Skont studju ta’ T. Wyns (“Industrial Value Chain: A Bridge towards a Carbon Neutral Europe”, VUB-IES, 2018, disponibbli fuq: https://www.ies.be/node/4758 (mhux disponibbli bil-Malti), fl-immappjar ta' 11-il REII Ewropea, l-użu fuq skala wiesgħa ta’ metodi teknoloġiċi b’livell baxx ta’ CO2 ikun jeħtieġ bejn 2 980 TWh u 4 430 TWh ta’ enerġija elettrika addizzjonali kull sena.
(9)

     GATT, “Report by the Working Party on Border Trade Adjustments”, 1970, disponibbli fuq: https://www.wto.org/gatt_docs/English/SULPDF/90840088.pdf , speċifikament § 4, 11 u 14 (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)      Disponibbli fuq: https://www.wto.org/english/res_e/booksp_e/analytic_index_e/gatt1994_e.htm .
(11)      Yohei Odaa, et al.: “Energy Consumption Reduction by Machining Process Improvement”, 3rd CIRP Conference on Process Machine Interactions (3rd PMI), 2012, disponibbli fuq: http://isiarticles.com/bundles/Article/pre/pdf/17172.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(12)      Inventory of Carbon and Energy (IEC), disponibbli fuq: http://www.circularecology.com/embodied-energy-and-carbon-footprint-database.html (mhux disponibbli bil-Malti).
(13)      Dawn l-emissjonijiet huma ġeneralment pożittivi. Dawn jistgħu jkunu negattivi fil-każ ta’ materjali li jkunu tkabbru b’mod sostenibbli, b’bażi bijoloġika (eż. l-injam).
(14)      Il-lista sħiħa tal-bażijiet ta’ data li jipprovdu data dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal diversi materjali u proċessi hija disponibbli fuq: http://www.ghgprotocol.org/life-cycle-databases (mhux disponibbli bil-Malti).
Top