Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
NAT/726
L-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet – żrieragħ tal-Brażil u l-Moldova
OPINJONI
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Brażil għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, u għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, u fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf u ż-żerriegħa taċ-ċereali prodotti fil-Brażil, kif ukoll fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-Moldova għal uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa taċ-ċereali, uċuħ tar-raba’ li jipproduċu żerriegħa tal-ħxejjex, u fir-rigward tal-ewkivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali, taż-żerriegħa tal-ħxejjex u taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra prodotti fil-Moldova
[COM(2017) 643 final - 2017/0297 (COD)]
Relatur: Emilio FATOVIC
Amministratur
|
Arturo IÑIGUEZ
|
Data tad-dokument
|
08/02/2018
|
Konsultazzjoni
|
Parlament Ewropew, 16/11/2017
|
Bażi legali
|
Artikoli 43(2), 114(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
Deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat
|
05/12/2018
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
|
Adottata fis-sezzjoni
|
06/02/2018
|
Adottata fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Sfond u proposta tal-Kummissjoni
1.1Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tagħti ekwivalenza lil ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-produzzjoni ta’ żrieragħ ta’ ċerti speċijiet.
1.2Dawn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iż-żrieragħ miġbura u kkontrollati f'dawn il-pajjiżi, joffru, fir-rigward tal-karatteristiċi, l-arranġamenti għall-analiżi, l-identifikazzjoni, it-tikkettar u l-kontroll, l-istess garanziji bħall-kondizzjonijiet applikabbli għaż-żrieragħ miġbura u kkontrollati fl-Unjoni Ewropea.
1.3Il-Brażil u l-Moldova mhumiex fost dawk il-pajjiżi terzi kkunsidrati mid-Deċiżjoni 2003/17/KE, għaldaqstant iż-żrieragħ miġbura f’dawn il-pajjiżi ma jistgħux ikunu importati lejn l-UE. Għaldaqstant, iż-żewġ pajjiżi bdew jitolbu mill-ġdid lill-Kummissjoni biex tirregola lil xi produzzjonijiet ta’ żrieragħ tagħhom (Brażil: pjanti tal-għalf u ċereali; Moldova: ċereali, pjanti żejtnin u tal-fibra u l-ħxejjex) kif previst fid-Deċiżjoni msemmija, għall-fini li jiksbu l-ekwivalenza u l-possibbiltà li jesportaw lejn l-Ewropa.
1.4Bi tweġiba għal dawn it-talbiet, il-Kummissjoni eżaminat il-leġislazzjonijiet tal-Brażil u tal-Moldova dwar is-suġġett. Wara dan, il-Kummissjoni vverifikat l-ispezzjonijiet fuq il-post u s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni taż-żrieragħ fil-Brażil u fil-Moldova. Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżiti u s-sistemi ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi huma ekwivalenti għal dawk tal-UE, u jagħtu l-istess garanziji.
1.5Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq li xi żrieragħ tal-Brażil u l-Moldova jitqiesu ekwivalenti għall-istess tip ta’ żrieragħ miġbura, prodotti u kkontrollati fl-UE. Ir-rikonoxximent jista’ jsir permezz ta’ Deċiżjoni li tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.
2.Kummenti u rakkomandazzjonijiet
2.1Il-KESE jieħu nota tal-eżitu pożittiv tal-awditi mwettqa mill-Kummissjoni fil-Brażil u l-Moldova skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE, sabiex tkun rikonoxxuta l-ekwivalenza tar-rekwiżiti legali u tal-kontrolli uffiċjali għaċ-ċertifikazzjoni taż-żrieragħ.
2.2Il-KESE, li kompla fuq l-Opinjonijiet preċedenti tiegħu fil-qasam u f’konformità ma’ dak li diġà ħareġ mill-paragun ta’ bejn il-Kummissjoni, il-partijiet interessati u l-Istati Membri, jappoġġja l-azzjoni leġislattiva li qed tiġi kkunsidrata. Barra minn hekk, il-Kumitat jaqbel dwar il-fatt li r-rikonoxximent tal-ekwivalenza jista’ joħloq vantaġġi għall-kumpaniji taż-żrieragħ tal-UE li joperaw fil-Brażil u fil-Moldova, għall-importaturi potenzjali tal-UE taż-żerriegħa minn dawn il-pajjiżi, u għall-bdiewa tal-UE, li se jkollhom aċċess għal varjetà usa’ ta’ żrieragħ.
2.3Il-Kumitat jesprimi biss riżerva dwar il-proposta ta’ rikonoxximent għall-Moldova fir-rigward tal-ekwivalenza taż-żrieragħ tal-ħxejjex. Dawn iż-żrieragħ li huma regolati mid-Direttiva 2002/55/KE, huma kkummerċjalizzati esklussivament bħala “standard”, li ma jeħtiġux ċertifikazzjoni uffiċjali biex jitqiegħdu fis-suq, iżda l-awtoċertifikazzjoni mill-manifattur u, biss wara l-istadju ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-kontroll sussegwenti tal-karatteristiċi u tal-kwalità tal-prodott. Din is-sistema hija bbażata fuq ir-responsabbiltà tal-produttur, li huwa identifikat u traċċabbli sew peress li jinsab fit-territorju tal-UE. It-traċċabbiltà u l-kontroll żgur li ma jkunux faċli fil-każ ta’ produzzjonijiet ta’ oriġini barra mill-UE. Sal-lum, id-deċiżjoni tal-UE li ma tirrikonoxxix l-ekwivalenza taż-żrieragħ tal-ħxejjex lill-ebda pajjiż terz hija minħabba din il-problema oġġettiva. Għaldaqstant, il-Kumitat jenfasizza l-kwistjonijiet kritiċi, bit-tama għal reviżjoni aktar preċiża mill-Kummissjoni.
2.4Il-KESE jagħraf, kif issostni l-Kummissjoni, li r-rikonoxximent tat-tekniki ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni huwa miżura ta’ natura teknika. Madankollu, peress li l-ftuħ tas-suq Ewropew għall-prodotti minn pajjiżi terzi se jiġġenera impatt ekonomiku u soċjali, il-Kumitat jirrakkomanda li ssir valutazzjoni tal-impatt biex ikun verifikat li l-produtturi Ewropej, u b’mod speċifiku l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar, ma jintlaqtux b’mod negattiv minn din il-miżura.
2.5Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li sal-lum, aktar minn 60 % tas-suq taż-żrieragħ jinsab iddominat minn ftit intrapriżi multinazzjonali kbar. Il-ftuħ għal pajjiżi terzi, fejn il-produzzjonijiet jinsabu taħt il-kontroll tal-istess intrapriżi, jista’ jkompli jaggrava l-kondizzjonijiet għall-konsorzji u l-produtturi ż-żgħar, b’impatt sinifikanti wkoll fuq ir-reżiljenza ekonomika u soċjali ta’ bosta komunitajiet lokali bi produzzjoni speċifika. Fl-agħar każijiet, dan kollu jista’ jiffavorixxi każijiet ta’ depopolazzjoni tal-komunitajiet rurali, b’konsegwenzi wkoll fuq il-bijodiversità tal-koltivazzjonijiet u l-produzzjonijiet agroalimentari Ewropej, għaliex ħafna drabi jkunu dawn l-intrapriżi ż-żgħar li jippreservaw xi wħud miż-żrieragħ antiki u tradizzjonali.
2.6Il-KESE jtenni wkoll l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tivvaluta b’mod sħiħ il-proċessi implimentati f’pajjiżi terzi, filwaqt li jfakkar li wara prodotti bi prezzijiet aktar kompetittivi hemm każijiet ta’ sfruttament fuq il-post tax-xogħol u anki tħaddim tat-tfal. Dan l-approċċ jidher li huwa essenzjali u indispensabbli fi żmien meta l-UE hija involuta b’mod attiv fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. L-UE fil-fatt hija l-ewwel importatur u esportatur ta’ prodotti agroalimentari fuq skala globali u taqdi r-rwol fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini u tal-ħaddiema fil-pajjiżi terzi anki biex ixxejjen forom ta’ kompetizzjoni żleali.
2.7Fl-aħħar nett, il-KESE jittama li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss jekk ikun hemm reċiproċità ta’ ekwivalenza u rikonoxximent tal-istess prodotti Ewropej, b’mod li l-intrapriżi tas-settur jkollhom aktar opportunitajiet ta’ tkabbir u żvilupp. Dan ikun konformi mat-talbiet speċifiċi li diġà tressqu mill-partijiet interessati fil-fażi ta’ konsultazzjoni.
Brussell, 6 ta' Frar 2018
Brendan BURNS
Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent
_____________