EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2022)6763

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-ammont massimu ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn ta’ frott u ħxejjex

C/2022/6763 final

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli jistipula r-regoli rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix. Dan ir-Regolament jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

Abbażi ta’ din is-setgħa, il-Kummissjoni adottat, fost l-oħrajn, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 2 . Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta’ programmi operazzjonali minn organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti, huwa meħtieġ aġġornament ta’ ċerti aspetti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata t-tmexxija ta’ dawk il-programmi operazzjonali.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-konsultazzjonijiet, li fihom ħadu sehem esperti mis-27 Stat Membru, saru fil-Grupp ta’ Esperti għas-Swieq Agrikoli stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, b’mod partikolari, waqt il-laqgħat tal-25 ta’ Marzu u tal-31 ta’ Mejju 2022. Dawn il-laqgħat taw l-opportunità biex jiġu ppreżentati l-ideat tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att delegat u dwar il-modifiki meħtieġa għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891, u taw l-opportunità wkoll li jkun hemm skambju ta’ opinjonijiet mal-esperti. Wara l-konsultazzjoni pubblika ta’ 4 ġimgħat (il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar) li ntemmet fit-2 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet żewġ kummenti.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Dan l-att delegat jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 fir-rigward tal-ammont massimu ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq ta’ frott u ħxejjex għad-distribuzzjoni b’xejn sabiex jiġi limitat l-ammont akkumulat ta’ spejjeż u kumpensi differenti meqjusa b’rabta mal-livell tal-prezz tas-suq.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 26.9.2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-ammont massimu ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn ta’ frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 37(d)(iv) tiegħu,

Billi:

(1)It-Titolu II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/891 4 jistabbilixxi r-regoli dwar l-attivitajiet u l-programmi operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. Il-Kapitolu III ta’ dak it-Titolu fih regoli dwar il-miżuri għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet, inkluż fost l-oħrajn l-irtirar mis-suq.

(2)Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/652 5 emenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-appoġġ għall-irtirar mis-suq ta’ frott u ħxejjex ipproċessati għad-distribuzzjoni b’xejn, biex jiġi evitat kumpens żejjed ta’ tali rtirar mis-suq.

(3)Madankollu, l-esperjenza tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar tali rtirar mis-suq stabbiliti mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891, kif emendat bir-Regolament Delegat (UE) 2021/652, uriet li l-konformità ma’ xi wħud minn dawk ir-rekwiżiti kienet diffiċli ħafna jew saħansitra impossibbli fir-rigward ta’ ċerti prodotti. B’mod partikolari, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li s-somma tal-kumpens għall-irtirar, l-ispejjeż tal-għażla u tal-imballaġġ u l-ispejjeż tat-trasport ma għandhomx jaqbżu l-prezz medju tal-prodott ipproċessat rilevanti wara li joħorġu mingħand l-organizzazzjoni tal-produtturi jew mingħand il-proċessur matul it-tliet snin preċedenti jekk id-distribuzzjoni b’xejn issir wara l-ipproċessar. Madankollu, il-kumpens għall-irtirar fil-kuntest tad-distribuzzjoni b’xejn tal-frott u l-ħxejjex jirreferi għall-prodott fl-istadju frisk, magħżul, ippakkjat u mqiegħed fid-destinazzjoni tal-istituzzjoni karitatevoli li tibbenefika minnu, filwaqt li l-prezz medju tas-suq li ma għandux jinqabeż jirreferi għal prodott ipproċessat fil-post ta’ spedizzjoni (“ex-organizzazzjoni tal-produtturi” jew “ex-proċessur”). Mill-analiżi pprovduta mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, jirriżulta li tali kundizzjonijiet ma setgħux jiġu ssodisfati affattu għal ċerti prodotti, b’mod partikolari għall-frott tas-sajf, minħabba n-natura diversa tal-elementi mqabbla (eż. prodotti friski mqiegħda fil-post tad-destinazzjoni filwaqt li l-prodotti pproċessati jitqiegħdu fil-post tal-ispedizzjoni). Huwa għaldaqstant xieraq li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, filwaqt li jinżammu biżżejjed elementi biex jiġi evitat kull tip ta’ kumpens żejjed għall-irtirar mis-suq.

(4)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jiġi emendat kif xieraq.

(5)Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jirtiraw il-frott u l-ħxejjex mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn matul is-sena ta’ produzzjoni 2022, il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu għandu jintuża tul il-perjodu kollu tal-ħsad. Peress li l-ħsad tal-ħawħ u tan-nuċiprisk jibda minn April ta’ kull sena, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/891

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 45(1), ir-raba’ subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Is-somma tal-ispejjeż tal-issortjar u l-imballaġġ tal-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq għad-distribuzzjoni b’xejn imsemmija fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 u elenkati fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament, miżjuda mal-ammont ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ma għandhiex taqbeż 80 % tal-prezz tas-suq medju tal-prodott ikkonċernat fl-istadju “ex-organizzazzjoni tal-produtturi” jiġifieri meta jkun għadu frisk, fl-aħħar tliet snin preċedenti.”;

(2)fl-Artikolu 46(2), ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw pagament in natura mill-benefiċjarji tad-distribuzzjoni b’xejn ta’ frott u ħxejjex irtirati mis-suq u li jkunu qed jiġu pproċessati, meta tali pagament jikkumpensa biss l-ispejjeż tal-ipproċessar, tal-issortjar u tal-imballaġġ u meta l-Istat Membru li fih isir il-pagament ikun adotta regoli li jiżguraw li l-prodotti pproċessati jkunu maħsuba għall-konsum mill-benefiċjarji finali msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Għandu japplika l-limitu stabbilit fl-Artikolu 45(1), ir-raba’ subparagrafu.”.

Artikolu 2
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26.9.2022

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).
(3)    ĠU L347, 20.12.2013, p. 671.
(4)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).
(5)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/652 tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-attivitajiet u tal-programmi operazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex (ĠU L 135, 21.4.2021, p. 4).
Top