Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2022)3372

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar miżura meħuda minn Franza rigward l-irtirar mis-suq ta’ ċerti ċilindri tal-gass manifatturati minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd qabel il-31 ta’ Ottubru 2019

    C/2022/3372 final

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ 25.5.2022

    skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar miżura meħuda minn Franza rigward l-irtirar mis-suq ta’ ċerti ċilindri tal-gass manifatturati minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd qabel il-31 ta’ Ottubru 2019

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)F’Awwissu 2019, l-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq investigat il-każ ta’ ċilindru tal-pressjoni manifatturat minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd (iċ-Ċina) bħala parti mis-sorveljanza tas-suq ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr imwettaq f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16 – 26 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 . Iċ-ċilindru ġie importat u mqassam minn VZ Trend Goods GmbH (il-Ġermanja) u minn Alsino GmbH (il-Ġermanja) u mibjugħ online minn www.amazon.fr (Franza) bit-trademark “PARTY FACTORY”.

    (2)L-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq eżaminat il-każ f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-manifattura u t-tqegħid fis-suq, kif stabbilit fit-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE 4 , fl-istandard EN ISO 11118: 2015 u fl-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 2010/35/UE. L-eżami ħareġ fid-dieher li l-prodott ma saritlu l-ebda valutazzjoni tal-konformità u li wera markatura Pi irregolari. Barra minn hekk, il-manifattur la kellu ċ-ċertifikati għall-ispezzjonijiet u għat-testijiet inizjali u lanqas ma kellu ċ-ċertifikati għas-superviżjoni tal-manifattura meħtieġa skont is-subtaqsimiet 1.8.7.3 u 1.8.7.4 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE.

    (3)Ċilindru mixtri b’mod anonimu ġie ttestjat mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq. Ir-rapport tat-test numru 2019-6-RSPT-XBN-V2 ħareġ fid-dieher għadd ta’ nuqqasijiet ta’ konformità, kif ukoll difett fiżiku li seta’ ipperikola saħħet l-utenti u s-sikurezza tagħhom.

    (4)Nuqqas ta’ konformità identifikat mir-rapport tat-test kien marbut mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2010/35/UE, b’mod partikolari, li ċ-ċertifikat tal-konformità tal-prodott ma kienx indika l-isem u l-indirizz fejn l-importatur seta’ jiġi kkuntattjat, u dan b’hekk tellef lid-distributuri milli jikkonformaw mal-obbligu li jqiegħdu fis-suq biss apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr akkumpanjat miċ-ċertifikat ta’ konformità u l-indirizz fejn l-importatur seta’ jiġi kkuntattjat, previst mill-Artikolu 7(1) ta’ dik id-Direttiva.

    (5)Nuqqas ta’ konformità ieħor identifikat mir-rapport tat-test kien li ċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip taċ-ċilindru, maħruġ mill-korp notifikat Technická inšpekcia (is-Slovakkja) fid-9 ta’ Novembru 2018 bin-numru 602/5/2018, ma inkludiex lista sħiħa tal-partijiet rilevanti tad-dokumentazzjoni teknika, kif stabbilit fil-paragrafu 1.8.7.2.3 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE.

    (6)Iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip numru 602/5/2018 ma indikax l-elju fost il-gassijiet li għalihom kien ġie approvat il-valv taċ-ċilindru. Għalhekk, iċ-ċilindru ma kellux jimtela bl-elju.

    (7)Il-markatura mwaħħla fuq iċ-ċilindru mill-manifattur ma kinitx tikkonforma mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/35/UE fir-rigward tal-forma fiżika tas-simbolu tal-ittra Griega Pi. Lanqas ma kienet konformi mar-rekwiżiti fis-subtaqsima 6.2.2.8 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE jew mal-paragrafu 12.2.2 tal-istandard EN ISO 11118: 2015 dwar l-għoli tas-simbolu Pi u tal-kliem “TERĠAX TIMLA”. Barra minn hekk, il-markatura ma kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti fil-paragrafi 6.2.2.7.2 sa 6.2.2.7.4 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE, jew mal-istandard EN ISO 11118: 2015 dwar l-informazzjoni li trid tintwera. B’mod partikolari, l-indikazzjoni tal-pressjoni tat-tħaddim kienet nieqsa, u l-istandard tar-referenza u n-numru tal-korp notifikat ġie indikat ħażin. Id-daqs tat-tikketta għal “gassijiet mhux fjammabbli u mhux tossiċi” kien ukoll iżgħar minn dak stabbilit fil-paragrafu 5.2.2.2.1.1.2 tat-Taqsima I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2008/68/KE.

    (8)Ġew identifikati wkoll nuqqasijiet ta’ konformità b’rabta mal-markatura fuq il-pakkett, b’mod partikolari markatura CE, li mhix awtorizzata mid-Direttiva 2010/35/UE, u ppreżentat ukoll numru ħażin tal-korp notifikat.

    (9)Iċ-ċilindru ttestjat kellu xaqq fil-qiegħ tal-għonq, fl-issaldjar. Depożitu ta’ kristalli indika li kien hemm tnixxija.

    (10)L-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq għarrfet lill-importatur u lid-distributur rigward in-nuqqasijiet ta’ konformità osservati matul l-investigazzjoni. Madankollu, ma ngħatat l-ebda tweġiba xierqa minn dawk l-operaturi ekonomiċi.

    (11)Fil-31 ta’ Ottubru 2019, inħareġ ċertifikat ta’ approvazzjoni ġdid mill-korp notifikat Technická inšpekcia (is-Slovakkja).

    (12)F’konformità mal-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2010/35/UE, l-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq irtirat b’mod provviżorju mis-suq iċ-ċilindri manifatturati qabel il-31 ta’ Ottubru 2019 u notifikat il-miżura lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fit-3 ta’ Jannar 2020.

    (13)Fit-23 ta’ Jannar 2020, l-Aġenzija Żvediża għall-Kontinġenzi Ċivili oġġezzjonat kontra waħda mis-sejbiet tar-rapport tat-test imfassal mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq. L-oġġezzjoni skattat l-applikazzjoni tal-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2010/35/UE, skont liema l-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri u lill-operaturi ekonomiċi rilevanti.

    (14)Fil-15 ta’ April 2021, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri, lill-manifattur u lill-importaturi biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar il-każ, b’mod partikolari rigward l-adegwatezza tal-miżura adottata mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq u r-riskju kkawżat mill-prodott.

    (15)Fl-10 ta’ Ġunju 2021, il-każ ġie ppreżentat mill-Kummissjoni lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva tal-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 28(b) tad-Direttiva 2010/35/UE. Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ppreżentat il-każ lill-Grupp ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 8a(4) tad-Direttiva 2008/68/KE.

    (16)Sitt Stati Membri però l-ebda operatur ekonomiku ressqu kontribuzzjonijiet fil-proċess ta’ konsultazzjoni. L-opinjonijiet imressqa lill-Kummissjoni kkonfermaw li l-prodott jippreżenta nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward tal-imballaġġ, tad-dokumentazzjoni, tal-immarkar u tat-tikkettar, tal-ispezzjoni u tat-test inizjali, u tas-superviżjoni tal-manifattura. Barra minn hekk, iċ-ċilindru ħoloq riskju ċar għas-sikurezza tal-utenti. L-ebda Stat Membru qies li l-miżura adottata mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq ma kinitx iġġustifikata.

    (17)L-eżami tal-evidenza pprovduta mill-Awtorità Franċiża tas-Sorveljanza tas-Suq jikkonferma li ċ-ċilindri tal-elju msemmija hawn fuq jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2008/68/KE u fid-Direttiva 2010/35/UE. Għalhekk, dawn iċ-ċilindri tal-elju jippreżentaw riskju ċar għas-sikurezza tal-utenti u jenħtieġ li jiġu rtirati mis-suq.

    (18)Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura meħuda minn Franza, li tikkonsisti fl-irtirar mis-suq taċ-ċilindru tal-gass tat-tip BR1C, manifatturat minn Xinchang Burong Machinery Co. Ltd qabel il-31 ta’ Ottubru 2019 u li għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

    - tip ta’ ċilindru: ma jistax jerġa’ jimtela,

    - mimli bil-gass: UN 1046 – ELJU, KUMPRESSAT,

    - pressjoni tat-tħaddim: PW=12 bar,

    - test tal-pressjoni idrawlika: PW=28 bar,

    - medda tat-temperatura: TS= -20 / +60 °C,

    - volum: V= 0.75 l

    hija ġustifikata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 25.5.2022

       Għall-Kummissjoni

       Adina-Ioana VĂLEAN
       Membru tal-Kummissjoni

    (1)    ĠU L 165, 30.6.2010, p. 1.
    (2)    Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u t-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).
    (3)    Id-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE (ĠU L 165, 30.6.2010, p. 1).
    (4)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).
    Top