Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2019)6749

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz

    C/2019/6749 final

    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (OCR) jistabbilixxi l-qafas għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra biex tiġi vverifikata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. Dan jinkludi l-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi.

    Dan l-abbozz ta’ Regolament Delegat tal-Kummissjoni għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz, u li jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-saħħa pubblika għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali u għall-prodotti komposti li jirritornaw fl-UE.

    Dan l-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti li jwettqu l-verifiki tad-dokumenti, verifiki tal-identità u, jekk ikun hemm bżonn, kontrolli fiżiċi biex jiżguraw li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 dwar il-Kontrolli Uffiċjali għal ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti li jirritornaw fl-Unjoni.

    Dan l-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni huwa marbut mar-Regolament Delegat li se jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasportazzjoni u tal-wasla tal-kunsinni fil-post tad-destinazzjoni (abbażi tal-Artikolu 77(2) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625 dwar il-Kontrolli Uffiċjali (C/2019/4500)).

    2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

    Il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni “kontrolli uffiċjali” (E00911) ġie kkonsultat f’diversi okkażjonijiet, u saru għadd ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

    Id-diskussjonijiet informali kkontribwew għat-tħejjija ta’ abbozz li ma ppreżentax kwistjonijiet kontroversjali.

    Il-possibbiltà li jingħata feedback pubbliku dwar l-abbozz tar-Regolament Delegat permezz tas-sit web tal-Kummissjoni (https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt ) wasslet għal erba’ kummenti. Kumment minnhom ma kienx rilevanti għal dan l-att u kumment minnhom ma kienx marbut mal-ambitu tal-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 77(1)(h) tar-Regolament (UE) 2017/625.

    Żewġ kummenti oħra jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rekwiżiti ddettaljati dwar is-saħħa tal-annimali. Madankollu, l-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 77(1)(h) tar-Regolament 2017/625 ma jippermettix l-adozzjoni ta’ rekwiżiti ddettaljati dwar is-saħħa tal-annimali.

    3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

    L-abbozz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-Regolament (UE) 2017/625 u b’mod partikolari fuq l-Artikolu 77(1) (h) tiegħu.

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

    ta’ 23.9.2019

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ ċerti annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 77(1)(h) tiegħu,

    BILLI:

    (1)Skont ir-Regolament (UE) 2017/625, il-Kummissjoni hija meħtieġa tadotta r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tiegħu, li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu minn pajjiż terz.

    (2)Jenħtieġ li l-annimali u l-oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u li jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz ikunu soġġetti għal verifiki tad-dokumenti,tal-identità u, fejn xieraq, verifiki fiżiċi fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni biex jiġi żgurat li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li dawk il-verifiki jiżguraw li l-annimali jkunu jifilħu li jkomplu l-vjaġġ lejn id-destinazzjoni tagħhom u li jiġu rispettati r-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali.

    (3)L-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE 2 jistipula r-regoli dwar il-verifiki veterinarji li jridu jitwettqu biex tiġi awtorizzata l-importazzjoni mill-ġdid ta’ kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni li jirritornaw lejha wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz. Ir-Regolament (UE) 2017/625 iħassar u jissostitwixxi d-Direttiva 97/78/KE b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

    (4)Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-annimali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 97/78/KE jenħtieġ li jinżammu b’ċerti adattamenti filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Artikolu, u l-qafas legali l-ġdid stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/625.

    (5)B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ mard tal-annimali jew ta’ pesti tal-pjanti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiżguraw li l-kunsinni li joriġinaw mill-Unjoni li jirritornaw lejha jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti għad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni, kif stabbilit fir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali, dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, jew dwar is-saħħa tal-pjanti, kif xieraq.

    (6)Kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha, wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz, jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa pubblika. Sabiex jiġi żgurat li dawk il-kunsinni jikkonformaw mar-regoli dwar l-ikel u dwar is-sikurezza tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 2017/625, huwa xieraq li jkun meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni jawtorizzaw id-dħul mill-ġdid ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati fir-Regolament ta’  Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [C (2019) 5500] 3 u ta’ prodotti komposti soġġetti għall-verifiki veterinarji f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE 4 , dment li dawk il-prodotti jkunu konformi ma’ rekwiżiti speċifiċi addizzjonali.

    (7)Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u ta’ prodotti komposti li joriġinaw mill-Unjoni, u li jirritornaw lejha wara rifjut ta’ dħul minn pajjiż terz, jaslu fil-post tad-destinazzjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti proċedurali stipulati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni [C (2019) 4500] 5 japplikaw għall-monitoraġġ tat-trasportazzjoni u għall-wasla ta’ kunsinni ta’ oġġetti, mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni sal-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni.

    (8)Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-regoli stabbiliti b’dan ir-Regolament japplikaw ukoll minn dik id-data,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1
    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera fuq kunsinni tal-kategoriji ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz.

    Artikolu 2
    Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jingħatawx permess jidħlu f’pajjiż terz

    1.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tivverifika id-dokumenti u l-identità ta’ kunsinni ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz.

    2.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha twettaq il-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni li ġejjin li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz:

    (a)kunsinni ta’ annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625;

    (b)kunsinni ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2017/625 meta jkun issuspettat nuqqas ta’ konformità ta’ dawk l-oġġetti mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, sabiex jiġi kkonfermat jew eliminat dak is-suspett.

    3.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tivverifika l-konformità ta’ kunsinni ta’ annimali u oġġetti mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)għall-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għall-prodotti ġerminali msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, skont dak li jkun jixraq, stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) u (f) tar-Regolament (UE) 2017/625;

    (b)għall-prodotti ta’ oriġini mill-annimali msemmija fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625:

    (i)ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament (UE) 2017/625;

    (ii)ir-regoli addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

    (c)għall-prodotti sekondarji tal-annimali msemmijin fl-Artikolu 47(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/625 u għall-prodotti derivati, ir-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(e) tar-Regolament (UE) 2017/625;

    (d)għall-pjanti, għall-prodotti mill-pjanti, u għal oġġetti oħra msemmija fl-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-pjanti stabbiliti fir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament (UE) 2017/625.

    4.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti fil-post ta’ destinazzjoni permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 (“IMSOC”) bil-fatt li l-kunsinna ġiet aċċettata biex tidħol fl-Unjoni b’post speċifikat ta’ destinazzjoni indikat fid-Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED).

    Artikolu 3
    Regoli addizzjonali dwar kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq kunsinni ta’ prodotti ta’ oriġini mill-annimali u ta’ prodotti komposti

    1.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni għandha tawtorizza d-dħul fl-Unjoni ta’ dawn il-kunsinni ta’ prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-Unjoni u jirritornaw lejha wara li ma jitħallewx jidħlu f’pajjiż terz sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2:

    (a)prodotti li joriġinaw mill-annimali elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’  Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [C (2019) 5500];

    (b)il-prodotti komposti elenkati fil-Kapitoli 16 sa 22 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2007/275/KE li huma soġġetti għall-kontrolli veterinarji f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dik id-Deċiżjoni .

    2.Il-kunsinni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti li ġejjin:

    (a)iċ-ċertifikat uffiċjali oriġinali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru minn fejn joriġinaw l-oġġetti u jkunu ntbagħtu lejn pajjiż terz (“l-Istat Membru ta’ oriġini”), jew l-ekwivalent elettroniku tiegħu sottomess fl-IMSOC, jew kopja awtentikata tiegħu;

    (b)id-dikjarazzjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn tal-pajjiż terz li tindika r-raġuni għar-rifjut tad-dħul, il-post u d-data tal-ħatt u t-tagħbija mill-ġdid fil-pajjiż terz u li tikkonferma li:

    (i)il-kunsinna ma għaddiet minn ebda trattament ieħor għajr il-ħatt, il-ħażna u t-tagħbija mill-ġdid;

    (ii)il-ħatt u t-tagħbija mill-ġdid tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u tal-prodotti komposti ġew ittrattati b’mod iġjeniku biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni kroċjata;

    (iii)il-prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-prodotti komposti nħażnu f’kundizzjonijiet iġjeniċi u fit-temperatura meħtieġa għat-tipi rilevanti ta’ oġġettii;

    (c)id-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni fl-Unjoni li tgħid li taqbel li tirċievi l-kunsinna; madankollu, dik id-dikjarazzjoni ma għandhiex tkun meħtieġa meta l-kunsinna tirritorna lejn l-istabbiliment tal-oriġini tal-kunsinna li jkun jinsab fl-istess Stat Membru bħall-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni.

    3.B’deroga mill-paragrafu 2(a), meta ma jkunx possibbli li jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija f’dik id-dispożizzjoni, l-oriġini tal-kunsinna tista’ tiġi awtentikata b’mod ieħor fuq il-bażi ta’ evidenza dokumentata ppreżentata mill-operatur responsabbli mill-kunsinna.

    4.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla fl-Unjoni tista’ tagħti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2(b) għal kunsinni ssiġillati, b’siġill ta’ oriġini intatt, sakemm l-operatur responsabbli mill-kunsinna jissottometti dikjarazzjoni li tagħti r-raġuni għaliex il-pajjiż terz ma ħallihiex tidħol u tikkonferma li t-trasport ikun sar skont il-kondizzjonijiet xierqa għat-tip ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti rilevanti.

    5.L-awtorità kompetenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla għandha timmonitorja t-trasportazzjoni u l-wasla fil-post tad-destinazzjoni tal-kunsinna f’konformità mar-Regolament Delegat [C (2019) 4500], meta l-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni tkun ħarġet id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(c).

    Artikolu 4
    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 23.9.2019

       Għall-Kummissjoni

       Il-President
       Jean-Claude JUNCKER

    (1)    ĠU L 095, 7.4.2017, p. 1.
    (2)    Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).
    (3)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE).../... ta’ XXX li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-listi ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali u prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati kif ukoll ħuxlief u tiben soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri u li jemenda d-Deċiżjoni 2007/275/KE (ĠU L..., jj/xx/ssss, p...).
    (4)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE  tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9).
    (5)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) ……/….ta’ XXX li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasportazzjoni u l-wasla ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni (ĠU L …, jj/xx/ssss, p…).
    Top