DIRETTIVA TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../…
ta’ 16.1.2019
li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(3) tagħha,
Billi:
(1)L-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE jipprevedi li l-oġġetti li jikkorrispondu mad-definizzjoni ta’ arma tan-nar stabbiliti f’dik id-Direttiva mhumiex inklużi f’dik id-definizzjoni jekk ikunu ddisinjati biex jingħata l-allarm, biex isir is-sinjalar jew biex jiġu salvati l-ħajjiet u jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarat.
(2)Uħud mill-apparati ddisinjati biex jingħata l-allarm, biex isir is-sinjalar jew biex jiġu salvati l-ħajjiet, li huma attwalment disponibbli fis-suq, jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f’armi tan-nar permezz ta’ għodod ordinarji. Għalhekk, sabiex jitqiesu bħala armi tal-allarm u tas-sinjal għall-finijiet tad-Direttiva 91/477/KEE u sabiex jiġu evitati l-kontrolli li japplikaw għall-armi tan-nar skont dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-apparati jkunu ddisinjati b’tali mod li ma jistgħux jiġu mmodifikati permezz ta’ għodod ordinarji biex jisparaw, jew li jkunu jistgħu jiġu kkonvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli.
(3)Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjoni deskritta fil-premessa (2) tifforma parti minn pakkett ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi mmirati b’mod kumulattiv biex jiżguraw li apparat ma jkunx jista’ jiġi kkonvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli. B’mod partikolari, peress li l-kanna ta’ apparat hija kritika għall-konverżjoni ta’ tali apparati f’armi tan-nar, jenħtieġ li l-kanna tkun iddisinjata b’tali mod li ma tkunx tista’ titneħħa jew tiġi mmodifikata mingħajr ma l-apparat kollu jsir inoperabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li fil-kanna jiddaħħlu ostakli li ma jistgħux jinqalgħu, u jenħtieġ li ċ-chamber u l-kanna jiġu spostati, inklinati jew mqassma b’tali mod li jipprevjenu li l-munizzjon jiġi kkargat fl-apparat u sparat minnu.
(4)Sabiex jiġi żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal ikunu adattati għall-varjetà wiesgħa ta’ armi tal-allarm u tas-sinjal li jeżistu attwalment, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet stipulati b’din id-Direttiva jqisu l-istandards u ċ-ċifri internazzjonali aċċettati b’mod komuni għall-iskrataċ u għaċ-chambers għall-armi tal-allarm u tas-sinjal, b’mod partikolari t-Tabella VIII tat-Tabelli tad-Dimensjonijiet tal-Iskrataċ u taċ-Chambers (TDCC) stabbilita permezz tal-Kummissjoni Internazzjonali Permanenti għall-Immarkar tal-Armi ż-Żgħar (CIP).
(5)Bħala deterrent biex l-armi tal-allarm u tas-sinjal ma jiġux ikkonvertiti faċilment f’armi tan-nar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-armi mmanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha jkunu soġġetti għal kontrolli sabiex tiġi stabbilita l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati b’din id-Direttiva. Il-kontrolli jistgħu, pereżempju, jinvolvu li jiġu kkontrollati mudelli jew tipi differenti ta’ apparati, jew apparati individwali, jew it-tnejn li huma.
(6)Jenħtieġ li fuq talba, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni lil xulxin dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa minnhom fuq l-armi tal-allarm u tas-sinjal. Sabiex jiġi ffaċilitat dak l-iskambju ta’ informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu minn tal-inqas punt fokali nazzjonali wieħed li jkun jista’ jipprovdi l-informazzjoni lil Stati Membri oħra.
(7)Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kontrolli fuq l-armi tal-allarm u tas-sinjal, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jikkooperaw ma’ xulxin fit-twettiq ta’ tali kontrolli.
(8)Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477/KEE.
(9)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 2 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.
(10)Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 13b(1) tad-Direttiva 91/477/KE,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: