Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2018)52

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 fir-rigward tal-forma u l-kondizzjonijiet ta’ komunikazzjoni għall-valutazzjoni annwali tal-effettività tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni kif ukoll il-lista tad-data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE

    C/2018/0052 final

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

    ta’ 22.1.2018

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 fir-rigward tal-forma u l-kondizzjonijiet ta’ komunikazzjoni għall-valutazzjoni annwali tal-effettività tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni kif ukoll il-lista tad-data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 23(3) u (4) tagħha,

    Billi:

    (1)L-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2011/16/UE jipprevedi l-valutazzjoni annwali tal-effettività tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

    (2)L-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2011/16/UE jipprevedi lista tad-data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

    (3)Il-lista ma tinkludix id-data statistika relatata mal-iskambju obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8a tad-Direttiva 2011/16/UE billi din id-data tiġi miġbura mill-Kummissjoni mid-direttorju ċentrali stabbilit skont l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2011/16/UE.

    (4)Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2378 2 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 qed jiġi emendat kif ġej:

    (1) jiddaħħlu l-Artikoli 2c u 2d li ġejjin:

    “Artikolu 2c

    Il-forma u l-kondizzjonijiet għall-komunikazzjoni tal-valutazzjoni annwali

    1. Il-formola għall-komunikazzjoni tal-valutazzjoni annwali tal-effettività tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni u tar-riżultati prattiċi miksuba skont l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2011/16/UE hija stabbilita fl-Anness VIII ta’ dan ir-Regolament.

    2. Qabel l-1 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-valutazzjoni annwali billi jużaw il-formola msemmija fil-paragrafu 1. Il-valutazzjoni għandha tkopri l-perjodu tas-sena kalendarja ta’ qabel.

    Artikolu 2d

    Lista tad-data statistika

    1. Il-lista tad-data statistika meħtieġa għall-forom kollha ta’ kooperazzjoni amministrattiva, għajr għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2011/16/UE, hija stabbilita fl-Anness IX ta’ dan ir-Regolament.

    Il-lista tad-data statistika meħtieġa għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE, hija stabbilita fl-Anness X ta’ dan ir-Regolament.

    Il-lista tad-data statistika meħtieġa għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2011/16/UE hija stabbilita fl-Anness XI ta’ dan ir-Regolament.

    Il-lista tad-data statistika meħtieġa għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8aa tad-Direttiva 2011/16/UE hija stabbilita fl-Anness XII ta’ dan ir-Regolament.

    2. Qabel l-1 ta’ April ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ mezzi elettroniċi, id-data statistika relatata mal-forom kollha ta’ kooperazzjoni amministrattiva, għajr għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni, f’konformità mal-lista stabbilita fl-Anness IX, fir-rigward tas-sena kalendarja ta’ qabel.

    3. Qabel l-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, permezz ta’ mezzi elettroniċi, id-data statistika relatata mal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni f’konformità mal-lista stabbilita fl-Anness X, fl-Anness XI u fl-Anness XII.

    (2) L-Annessi VIII, IX, X, XI u XII jiddaħħlu kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 22.1.2018

       Għall-Kummissjoni

       Il-President
       Jean-Claude JUNCKER

    (1)    ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.
    (2)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2378 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1156/2012 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 19).
    Top

    ANNESS

    tar-

    REGOLAMENT TAʼ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) …/...

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2378 fir-rigward tal-forma u l-kondizzjonijiet ta’ komunikazzjoni għall-valutazzjoni annwali tal-effettività tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni kif ukoll il-lista tad-data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE

    L-Annessi li ġejjin jiżdiedu mar-Regolament (UE) Nru 2015/2378:

    ANNESS VIII

    Il-formola msemmija fl-Artikolu 2c

    Il-formola għall-komunikazzjoni skont l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2011/16/UE tkopri l-informazzjoni li ġejja:

    - L-identifikazzjoni tal-Istat Membru li jwieġeb għall-kwestjonarju

    - Id-disponibbiltà tal-informazzjoni fl-Istat Membru

    - Il-monitoraġġ ta’ jekk intbagħatx il-feedback bilaterali annwali skont l-Artikolu 14(2)

    - L-effettività tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni

    - L-ipproċessar tal-informazzjoni riċevuta u l-kwistjonijiet tekniċi (IT) ġenerali ewlenin li nqalgħu

    - Il-kwalità tal-informazzjoni riċevuta, li jkun fiha l-identifikazzjoni tar-riċevitur/tal-partijiet; il-kwistjonijiet marbuta mal-kontenut tal-informazzjoni riċevuta u s-suġġerimenti relatati

    - Il-konformità fl-użu u fl-effettività, li fil-prinċipju tinkludi l-utilità tal-informazzjoni; l-użu attwali u futur tal-informazzjoni; l-użu tal-informazzjoni skont il-qasam tat-taxxa; il-kooperazzjoni amministrattiva mħeġġa mill-użu tal-informazzjoni riċevuta

    - Ir-riżultati prattiċi miksuba, li jkun fihom l-eżitu totali (inklużi proġetti speċjali); l-eżitu speċifiku minn proġetti speċjali; l-ispejjeż amministrattivi u oħrajn rilevanti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (AEOI); l-ispejjeż amministrattivi għall-operazzjonijiet AEOI rikorrenti; l-ispejjeż rilevanti oħra għall-operazzjonijiet ta’ konformità mar-regoli tat-taxxa; l-esperjenzi pożittivi u negattivi; l-aspetti ewlenin li jiġġeneraw litigazzjoni u proċedimenti tal-qorti

    - Ir-rata ta’ suċċess fir-rigward tal-obbligu li jiġu kkomunikati r-rapporti għal kull pajjiż lill-Istati Membri kkonċernati (Għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż riċevuti mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri oħra/ Għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż li għandhom jiġu riċevuti mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Stati Membri oħra

    - Ir-rata ta’ konformità tal-Entitajiet tar-Rapportar fir-rigward tal-obbligu li jiġu pprovduti rapporti għal kull pajjiż (Għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż riċevuti/ Għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż li għandu jiġi rrappurtat)

    - Il-lista ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni fejn ikunu residenti Entitajiet Omm Apikali ta’ Entitajiet tar-Rapportar ibbażati fl-Unjoni, iżda fejn ma ġewx ippreżentati jew skambjati rapporti għal kull pajjiż.

    ANNESS IX

    Lista msemmija fl-Artikolu 2d

    Id-data statistika meħtieġa għall-forom ta’ kooperazzjoni amministrattiva għajr għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2011/16/UE tkopri l-informazzjoni li ġejja:

    - L-identifikazzjoni ta’ Stat Membru

    - Is-sena

    - Il-Parti A: L-istatistika għal kull Stat Membru dwar l-iskambju ta’ informazzjoni

    - dwar l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba (l-Artikoli 5, 6 u 7 tad-Direttiva 2011/16/UE)

    - L-għadd ta’ talbiet mibgħuta

    - L-għadd ta’ tweġibiet riċevuti

    - L-għadd ta’ tweġibiet sħaħ riċevuti fi żmien sitt xhur

    - L-għadd ta’ tweġibiet li għalihom (parti minnhom jew kollha) l-informazzjoni waslet fi żmien xahrejn

    - L-għadd ta’ talbiet riċevuti

    - L-għadd ta’ tweġibiet mibgħuta

    - L-għadd ta’ rifjuti abbażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/16/UE

    - dwar l-iskambju spontanju ta’ informazzjoni (l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2011/16/UE)

    - L-għadd ta’ skambji spontanji mibgħuta

    - L-għadd ta’ skambji spontanji riċevuti

    - L-għadd ta’ deċiżjonijiet transfruntiera mibgħuta

    - L-għadd ta’ deċiżjonijiet transfruntiera riċevuti

    - L-għadd ta’ arranġamenti unilaterali preliminari ta’ prezzijiet mibgħuta

    - L-għadd ta’ arranġamenti unilaterali preliminari ta’ prezzijiet riċevuti

    - Il-Parti B: L-istatistika dwar forom oħra ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    - dwar il-preżenza fl-uffiċċji amministrattivi u l-parteċipazzjoni f’indaġnijiet amministrattivi (l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/16/UE)

    - L-għadd ta’ preżenzi li jidħlu fl-uffiċċji amministrattivi u ta’ parteċipazzjoni f’indaġnijiet amministrattivi

    - dwar il-kontrolli simultanji (l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/16/UE)

    - L-għadd ta’ kontrolli simultanji mibdijin mill-Istat Membru

    - L-għadd ta’ kontrolli simultanji li l-Istat Membru ħa sehem fihom

    - dwar it-talbiet għal notifika (l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/16/UE)

    - L-għadd ta’ talbiet għal notifika mibgħuta

    - L-għadd ta’ talbiet għal notifika riċevuti

    - dwar il-feedback (l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/16/UE)

    - L-għadd ta’ talbiet għal feedback mibgħuta

    - L-għadd ta’ feedback riċevut

    - L-għadd ta’ talbiet għal feedback riċevuti

    - L-għadd ta’ feedback mibgħut

    - Il-Parti C: L-istatistika dwar id-dħul addizzjonali stmat jew iż-żieda fit-taxxa vvalutata dovuti għall-kooperazzjoni amministrattiva. L-informazzjoni f’din il-parti mhix obbligatorja.

    - Minn skambju ta’ informazzjoni fuq talba

    - Minn skambju spontanju ta’ informazzjoni

    - B’riżultat ta’ kontroll simultanju

    - Iċ-ċifra globali u l-għadd ta’ każijiet.



    ANNESS X

    Lista msemmija fl-Artikolu 2d

    Id-data statistika meħtieġa għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kategoriji ta’ dħul u ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dik id-Direttiva tkopri l-informazzjoni li ġejja:

    - Għall-kategoriji kollha ta’ dħul u ta’ kapital imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/16/UE: l-istatistika dwar il-messaġġi u l-kontribwent

    - Fil-każ ta’ dħul minn impjieg u l-miżati tad-diretturi: l-istatistika dwar il-messaġġi u r-riċevitur, il-messaġġi u l-pagatur, ir-riċevitur u r-relazzjoni, il-pagatur u r-relazzjoni, ir-riċevitur u d-dħul

    - Fil-każ ta’ pensjonijiet: l-istatistika dwar il-messaġġi u r-riċevitur, il-messaġġi u l-pagatur, ir-riċevitur, il-pagatur, l-iskema, id-dħul

    - Fil-każ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja: l-istatistika dwar il-messaġġi u l-politika, il-politika ġenerali, l-avveniment

    - Fil-każ ta’ sjieda ta’ proprjetà immobbli u d-dħul minnha: l-istatistika dwar il-messaġġi u l-parti, il-parti ġenerali, il-kwantità u l-valur tal-proprjetà, il-kwantità u l-valur tat-tranżazzjoni, il-kwantità u l-valur tas-self, il-kwantità u l-valur tad-dritt tad-dħul

    - Fil-każ ta’ messaġġi dwar l-istatus: l-istatistika dwar il-messaġġi marbuta mal-istatus u dwar l-iżbalji tal-messaġġi marbuta mal-istatus

    - Fil-każ ta’ messaġġi bla data: l-istatistika dwar messaġġi bla data.

    ANNESS XI

    Lista msemmija fl-Artikolu 2d

    Id-data statistika meħtieġa għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8(3a) tad-Direttiva 2011/16/UE, skont l-Artikolu 23(4) ta’ dik id-Direttiva tkopri l-informazzjoni li ġejja:

    - Għal kull messaġġ, l-istatistika dwar il-pajjiż ta’ oriġini u l-pajjiż ta’ destinazzjoni, l-għadd totali ta’ rekords, l-ammonti totali tal-pagament

    - Għal kull pajjiż ta’ oriġini, l-istatistika dwar l-għadd totali ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rapportanti, l-ammonti totali tal-pagament

    - Għal kull kont uniku, l-istatistika dwar il-kwantità tad-detentur tal-kont, il-kategorija tal-pagament, l-ammont għal kull kategorija ta’ pagament

    - Għal kull kont, l-istatistika dwar it-tip ta’ detentur tal-kont, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-kontribwent tad-detentur tal-kont jew l-ekwivalenti funzjonali, il-pajjiż ta’ residenza tad-detentur tal-kont, il-persuna fiżika bħala d-detentur tal-kont, il-kont magħluq, il-kont inattiv

    - Għal kull detentur ta’ kont, l-istatistika dwar it-tip ta’ persuna kkontrollata, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-kontribwent tal-persuna kkontrollata jew l-ekwivalenti funzjonali, il-pajjiż ta’ residenza tal-persuna kkontrollata, il-persuna fiżika bħala l-persuna kkontrollata.

    ANNESS XII

    Lista msemmija fl-Artikolu 2d

    Id-data statistika meħtieġa għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 8aa tad-Direttiva 2011/16/UE, skont l-Artikolu 23(4) ta’ dik id-Direttiva tkopri l-informazzjoni li ġejja:

    - L-għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż riċevuti minn Entitajiet tar-Rapportar

    - L-għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż li għandhom jiġu rapportati minn Entitajiet tar-Rapportar iżda li ma waslux jew ġie pprovdut biss rapport mhux komplut, it-tqassim skont il-ġurisdizzjonijiet tal-Entitajiet Omm Apikali

    - L-għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż riċevuti mingħand kull Stat Membru.

    - L-għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż li kellhom jiġu pprovduti iżda ma waslux mingħand mingħand kull Stat Membru.

    - L-għadd ta’ rapporti għal kull pajjiż mibgħuta lil kull Stat Membru.

    Top