MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar”) tipprevedi li “Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż fir-rigward tal-użu tat-tikketta elettronika bħala suppliment għall-marka tat-tmun jew sostituzzjoni tagħha.”. Din l-analiżi saret permezz ta’ studju li r-rapport dwaru issa jinsab fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni.
Minn dan l-istudju ħareġ li hemm perjodu relattivament qasir taż-żmien biex jintlaħaq qbil dwar standard aċċettat u rrikonoxxut b’mod wiesa’ għat-tikketti elettroniċi li jissupplimentaw il-marka tat-tmun jew li jissostitwuha mnħabba li l-industrija diġà bdiet tapplika din it-teknoloġija. Il-konklużjoni li ħarġet minn dan l-istudju kienet li, filwaqt li l-ambjent li fih taħdem l-industrija marittima huwa wieħed kumpless li jagħmilha diffiċli li wieħed jipprevedi l-użijiet kollha possibbli tat-tikkettar elettroniku fil-ġejjieni, wieħed jista’ jistenna li jkun hemm l-impatti pożittivi li ġejjin jekk jiddaħħal qafas tal-UE (li jkun japplika b’mod volontarju) fil-ħin:
•
il-manifatturi għandhom jibbenefikaw minn titjib fil-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni;
•
is-sidien u l-operaturi tal-bastimenti għandhom ikunu jistgħu jittraċċaw it-tagħmir u jikkontrollaw l-istokkijiet b’mod iktar faċli; u
•
l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jibbenefikaw minn aċċess dirett u faċli għall-bażijiet tad-dejta rilevanti, u dan se jtejjeb il-verifiki tal-validazzjoni taċ-ċertifikati.
Ġew analizzati l-proċessi li jseħħu waqt kull stadju li jgħaddi minnu t-tagħmir tal-baħar (l-approvazzjoni, l-aċċess għas-suq u s-sorveljanza), kif ukoll waqt kull stadju taċ-ċiklu ta’ ħajja tal-bastiment (il-kostruzzjoni, it-tħaddim u r-riċiklaġġ), u ġew identifikati l-isfidi li jista’ jkun hemm f’kull wieħed minn dawn l-istadji. Tqieset is-sitwazzjoni li jista’ jkun hemm għaxar snin minn meta possibbilment jiġu implimentati t-tikketti elettroniċi.
It-taqsima teknoloġika tal-istudju tat ħarsa ġenerali u komprensiva lejn it-trasportaturi tad-dejta eżistenti u lejn l-arkitetturi għall-iskambju tad-dejta eżistenti, u wasslet għar-rakkomandazzjoni biex jintużaw l-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju (l-RFID) u t-tikkettar tal-matriċi tad-dejta bħala t-teknoloġiji favoriti għat-tikkettar elettroniku.
Għall-analiżi kwantitattiva ġew iddefiniti tliet xenarji differenti ta’ implimentazzjoni, minbarra dak ta’ referenza, u dawn ġew evalwati, u l-konklużjoni kienet li l-iktar xenarju li jiswa flus huwa wkoll dak li għandu l-iktar potenzjal għal benefiċċji.
Il-valutazzjoni tax-xenarji ta’ implimentazzjoni saret għal erba’ kategoriji ewlenin tal-ispejjeż, li kienu l-ispejjeż marbutin mal-investiment, mal-implimentazzjoni, mat-tħaddim (inkluż it-taħriġ) u maż-żamma. Mil-lat tal-benefiċċji ġew evalwati l-akkwist iktar malajr tad-dejta, it-tnaqqis tal-ħsara fis-suq, sejħiet iktar iffukati tal-prodotti mis-suq u identifikazzjoni iktar effettiva tal-prodotti ffalsifikati.
Filwaqt li x-xenarju ta’ referenza għandu x’jaqsam mal-kontinwità tal-istatus quo mingħajr tikkettar elettroniku, ix-xenarju numru 1 jissejjes fuq l-użu tan-numru taċ-ċertifikat tat-tagħmir tal-baħar biss għall-identifikazzjoni. Ix-xenarju numru 2 juża kodiċi tal-kumpanija u tal-oġġett fuq il-prodott minbarra n-numru taċ-ċertifikat tat-tagħmir tal-baħar, u x-xenarju numru 3 jkompli jżid fuq dan billi jżid tagħrif li jippermetti li kull prodott ta’ manifattur jiġi identifikat b’mod individwali.
L-ispejjeż ġew evalwati billi saret stima tal-ispiża għal kull parti kkonċernata (jiġifieri kemm għall-manifatturi u kemm għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq) u għal kull unità meħtieġa għall-implimentazzjoni, u tqiesu affarijiet bħall-istampaturi tat-tikketti u l-qarrejja tagħhom, l-interfaċċji tas-softwer u t-taħriġ. L-ispejjeż u l-benefiċċji ġew evalwati fuq perjodu ta’ ħames snin għall-għanijiet tad-deprezzament u minħabba li dan jitqies bħala biżżejjed żmien biex il-miżura tiġi implimentata b’mod volontarju.
Għalkemm ma hemm l-ebda spiża addizjonali marbuta max-xenarju ta’ referenza, ma hemm l-ebda benefiċċju addizzjonali marbut miegħu lanqas. Huwa stmat li, fuq perjodu ta’ ħames snin, ikun hemm spejjeż addizzjonali ġenerali ta’ EUR 710 000 marbutin max-xenarju numru 1 u benefiċċji ta’ EUR 28.7 miljun marbutin miegħu, filwaqt li fil-każ tax-xenarju numru 3, spejjeż addizzjonali ta’ EUR 89 miljun, fuq perjodu ta’ ħames snin, mistennija jwasslu għal żieda ta’ kważi EUR 150 miljun fil-benefiċċji. Fil-każ tax-xenarju intermedju numru 2, huma previsti spejjeż ta’ EUR 5.5 miljun u benefiċċji ta’ EUR 32.7 miljun.
Ta’ min jinnota wkoll li l-leġiżlatur ma pprevediex li jdaħħal it-tikkettar elettroniku bħala xi ħaġa obbligatorja, u ħalla f’idejn l-operaturi ekonomiċi biex jiddeċiedu jekk iridux jibbenefikaw mill-vantaġġi li dan it-tikkettar iġib miegħu jew le.
Minħabba li se jkun f’idejn l-operaturi ekonomiċi li jimplimentaw it-tikkettar elettroniku b’mod volontarju, huma se jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk iridux jinvestu iktar f’din it-teknoloġija sabiex jiksbu l-benefiċċji ikbar marbutin magħha jew le.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati kemm fil-kuntest ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar li saret fl-2012, u kemm fil-kuntest tal-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji li saret fl-2017 b’rabta mal-għażliet għat-tikkettar elettroniku.
Il-valutazzjoni tal-impatt marbuta mad-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar li saret fl-2012 qieset l-introduzzjoni tat-tikketti elettroniċi b’mod volontarju fil-pakketti tal-politika vvalutati. Għalhekk din l-inizjattiva tifforma parti mill-għażla tal-politika li kienet diġà saret meta ġiet adottata d-Direttiva.
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar jitlob lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż. L-analiżi eżaminat id-diversi għażliet biex jiġu implimentati t-tikketti elettroniċi.L-analiżi tinsab fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni.
Fil-konsultazzjonijiet marbutin mal-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji ġew involuti l-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom x’jaqsmu mad-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar, jiġifieri l-Istati Membri (jiġifieri l-Grupp ta’ esperti dwar it-tagħmir tal-baħar [E02653], is-sottogrupp tiegħu dwar is-sorveljanza tas-suq imsejjaħ “ADCO MED”, partijiet ikkonċernati oħrajn, kif ukoll il-Kumitat dwar Ibħra Sikuri [COSS, C09400]), il-korpi nnotifikati, il-manifatturi tat-tagħmir tal-baħar, l-uffiċjali ta’ kontroll tal-Istati tal-bandiera u tal-Istati tal-port, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-operaturi tal-bastimenti. Il-partijiet ikkonċernati ġew mgħarrfa bil-konsultazzjoni permezz tas-sit tal-internet tal-“MarED”, li fih huma rreġistrati iktar minn 10 000 persuna interessata. Tliet sessjonijiet ta’ ħidma mal-partijiet ikkonċernati u żewġ wirjiet prattiċi, waħda waqt fiera ewlenija tas-settur u waħda fuq vapur fil-Baħar Baltiku, ikkompletaw il-konsultazzjoni. Il-pubbliku inġenerali se jiġi kkonsultat permezz tal-konsultazzjoni pubblika standard ta’ erba’ ġimgħat dwar l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni li se ssir fil-ġimgħat li ġejjin.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
L-att delegat jelenka t-tagħmir tal-baħar li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE u li se jkun jista’ jibbenefika mit-tikkettar elettroniku.
Minħabba li l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati urew li l-użu ta’ modi differenti tat-tikkettar iwassal biex teknikament ikun jista’ jiġi ttikkettat kull xorta ta’ tagħmir tal-baħar, it-tip ta’ tagħmir kollu mqiegħed abbord bastiment tal-UE, jew li għandu jitqiegħed abbord bastiment tal-UE, u li għalih l-istrumenti internazzjonali ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/90/UE jeżiġu li tingħata l-approvazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, teknikament jista’ jiġi ttikkettat b’mod elettroniku.
Pereżempju, minbarra li l-pakkett jiġi ttikkettat, jenħtieġ li wieħed ikun jista’ jwaħħal tikketta wkoll fuq il-ġenb tal-bastiment li jkun inżebagħ b’żebgħa approvata skont id-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar li tkun turi li ż-żebgħa hija konformi mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk jenħtieġ li dan l-att ma jkun jeskludi lill-ebda oġġett speċifiku tat-tagħmir tal-baħar mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.
Bl-adozzjoni ta’ Regolament, l-għanijiet tad-Direttiva dwar it-tagħmir tal-baħar, li jiddependu fuq il-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni u sorveljanza effiċjenti tas-suq, se jinkisbu b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha, u b’hekk il-partijiet ikkonċernati kollha, fosthom il-manifatturi tat-tagħmir tal-baħar, l-awtoritajiet kompetenti u l-kostrutturi tal-bastimenti u l-operaturi tal-bastimenti, se jingħataw ċertezza legali. Regolament jiżgura qafas koerenti għall-operaturi kollha tas-suq u joffri l-aqwa garanzija ta’ kundizzjonijiet ekwi u uniformi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan jiżgura li l-lista ta’ tagħmir speċifiku tal-baħar li jista’ jibbenefika mit-tikkettar elettroniku tkun tapplika direttament. L-użu ta’ Regolament jippermetti wkoll li jiġi evitat il-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri minħabba li Regolament ma jkollux bżonn jiġi traspost fil-livell nazzjonali.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 9.1.2018
li jissupplimenta d-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-identifikazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar li jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettar elettroniku
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE, u b’mod partikulari l-Artikolu 11(3) tagħha,
Billi:
(1)Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jużaw it-tikketti elettroniċi b’mod volontarju, sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tas-suq u sabiex tiġi evitata l-falsifikazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar, id-Direttiva 2014/90/UE tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati sabiex tidentifika l-oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar li jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettar elettroniku.
(2)Huwa importanti li jiġi żgurat li l-għanijiet tad-Direttiva 2014/90/UE jinkisbu b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Dan jinkiseb billi jiġi adottat Regolament li joffri ċertezza legali lill-partijiet ikkonċernati kollha, fosthom lill-manifatturi tat-tagħmir tal-baħar, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-kostrutturi tal-bastimenti u lill-operaturi tal-bastimenti. Regolament jiżgura qafas koerenti għall-operaturi kollha tas-suq u joffri l-aqwa garanzija ta’ kundizzjonijiet ekwi u uniformi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan jiżgura li l-lista ta’ tagħmir speċifiku tal-baħar li jista’ jibbenefika mit-tikkettar elettroniku tkun tapplika direttament. L-użu ta’ Regolament jippermetti wkoll li jiġi evitat il-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri minħabba li Regolament ma jkollux bżonn jiġi traspost fil-livell nazzjonali.
(3)Skont id-Direttiva 2014/90/UE, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż fir-rigward tal-użu tat-tikketta elettronika bħala suppliment għall-marka tat-tmun jew bħala sostituzzjoni tagħha.
(4)Mill-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji ħareġ li, permezz tat-tikkettar elettroniku tat-tagħmir tal-baħar, il-manifatturi għandhom jibbenefikaw minn titjib fil-prevenzjoni tal-falsifikazzjoni, is-sidien u l-operaturi tal-bastimenti għandhom ikunu jistgħu jittraċċaw it-tagħmir u jikkontrollaw l-istokkijiet b’mod iktar faċli, u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jibbenefikaw minn aċċess dirett u faċli għall-bażijiet tad-dejta rilevanti, u dan se jtejjeb il-verifiki tal-validazzjoni taċ-ċertifikati.
(5)Mill-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji ħareġ li mhux se jkun hemm wisq investiment ġenerali meta mqabbel mal-benefiċċji mistennija u li l-awtoritajiet u l-industrija se jkunu jifilħu għall-ispejjeż minħabba li se jkunu jistgħu jimplimentaw dan it-tikkettar b’mod volontarju u b’mod gradwali. Jekk is-settur pubbliku u dak privat jagħmlu iktar investimenti, jkunu jistgħu jinkisbu saħansitra iktar benefiċċji.
(6)Fil-kuntest tal-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, il-Kummissjoni wettqet diversi konsultazzjonijiet, sessjonijiet ta’ ħidma u proġetti tal-wiri mal-esperti tal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.
(7)Matul dawn il-konsultazzjonijiet, il-partijiet ikkonċernati qablu li, bl-użu ta’ differenti tat-tikkettar, teknikament jista’ jkun possibbli li jiġi ttikkettat it-tagħmir imqiegħed abbord bastiment tal-UE, jew li għandu jitqiegħed abbord bastiment tal-UE, u li għalih l-istrumenti internazzjonali ddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/90/UE jeżiġu li tingħata l-approvazzjoni min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera. Għalhekk jenħtieġ li t-tali tagħmir ikun jista’ jibbenefika mit-tikkettar elettroniku,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettar elettroniku.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 9.1.2018
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER