Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2122

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2122 tat-17 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 rigward l-aġġornament tal-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2023/6783

    ĠU L, 2023/2122, 18.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2122/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/10/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2122/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2122

    18.10.2023

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2122

    tat-12 ta’ Ottubru 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 rigward l-aġġornament tal-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 30f(5) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Wara l-emenda tad-Direttiva 2003/87/KE bid-Direttivi (UE) 2023/958 (2) u (UE) 2023/959 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (4) jeħtieġ li jiġi rivedut biex jinkorpora regoli li japplikaw għal installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali kif ukoll biex jispeċifika regoli dwar il-bijomassa u l-bijogass, u dwar il-monitoraġġ ta’ emissjonijiet ta’ proċessi minn materjali tal-karbonati u mhux tal-karbonati. Id-dispożizzjonijiet dwar l-avjazzjoni jenħtieġ li jiġu riveduti. L-emenda tintroduċi wkoll sistema separata iżda parallela għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet applikata għall-karburanti użati għall-kombustjoni fis-setturi tal-binjiet u tat-trasport bit-triq kif ukoll f’setturi addizzjonali li jikkorrispondu għal attivitajiet industrijali mhux koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE (“binjiet, trasport bit-triq u setturi addizzjonali”). Jenħtieġ li jiżdiedu dispożizzjonijiet u annessi ġodda dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet f’dawk is-setturi. Ir-regoli u d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet jenħtieġ li jiġu adattati skont dan.

    (2)

    Jenħtieġ li jiżdiedu definizzjonijiet ġodda li jirriflettu l-emendi tad-Direttiva 2003/87/KE, inkluża l-estensjoni tar-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar għal setturi ġodda.

    (3)

    Il-prezz ta’ referenza fiss aġġornat stabbilit fl-Artikolu 18 se jallinja aħjar il-valur stmat tal-benefiċċji mal-prezz prevalenti tal-karbonju. Iż-żamma ta’ prezz fiss jenħtieġ li jkollha l-għan li toħloq ċertezza legali u li tnaqqas il-piż amministrattiv minħabba bidliet frekwenti fil-pjan ta’ monitoraġġ.

    (4)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġodda dwar il-bijomassa u d-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa biex jipprevedu l-aġġustamenti meħtieġa għall-applikazzjoni fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa, inklużi l-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa. Qed jiġi pprovdut adattament ulterjuri biex jittejbu u jiġu allinjati r-regoli eżistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif diġà ġew aġġornati fid-dokumenti ta’ gwida rilevanti.

    (5)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jeħtieġ li jittejjeb aktar, billi jiġu pprovduti dettalji dwar kif għandha tiġi ttrattata l-bijomassa fil-bilanċi tal-massa. Il-frazzjoni tal-bijomassa li tidħol fis-sistema tal-bilanċ tal-massa mhux biss jiġi rilaxxat bħala CO2, iżda frazzjoni tal-karbonju li tikkorrispondi għall-frazzjoni tal-bijomassa tal-karbonju tibqa’ wkoll fil-prodott aħħari. Dan jista’ jwassal għal kalkolu ħażin tal-emissjonijiet fl-output. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni bħal din, jenħtieġ li l-operatur dejjem jipprovdi data dwar il-frazzjoni tal-bijomassa tal-kontenut tal-karbonju tal-flussi minn sorsi.

    (6)

    Il-kalkolu tal-frazzjoni tal-bijomassa tal-gass naturali li fih il-bijogass fornut minn grilji tal-gass naturali li jkun iddikjarat li fih il-bijogass permezz ta’ approċċ ta’ monitoraġġ bl-użu ta’ rekords tax-xiri. Sabiex jiġi evitat għadd doppju potenzjali tal-frazzjoni tal-bijomassa, huwa meħtieġ li jiġu applikati regoli speċifiċi jekk l-impjant juża l-metodoloġija bbażata fuq il-kejl. F’każ bħal dan, il-bijogass “ikkonsenjat fiżikament” irid jiġi ddeterminat flimkien mal-kwantità ta’ bijogass “ibbażat fuq ir-rekords tax-xiri”, u din il-kwantità tal-aħħar biss għandha tintuża għar-rapportar tal-emissjonijiet tal-installazzjoni. Minbarra r-rekords tax-xiri, hija meħtieġa prova tas-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti għall-klassifikazzjoni żero tal-bijogass fis-sistema. Jeħtieġ li jiżdiedu dispożizzjonijiet ġodda biex jiġi evitat għadd doppju.

    (7)

    Ġie identifikat riskju ta’ interpretazzjoni ħażina fir-rigward tad-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa tas-CO2 inerenti mill-metodoloġija ta’ monitoraġġ magħżula f’installazzjonijiet stazzjonarji. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 48(2) jiġi ċċarat biex jiġi eliminat in-nuqqas ta’ ftehim.

    (8)

    Id-Direttiva (UE) 2023/958 tistabbilixxi l-prinċipju ta’ kif għandhom jiġu attribwiti karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli fir-rigward tal-emissjonijiet minn titjiriet li jitilqu mill-ajruporti fejn il-karburant tal-avjazzjoni sostenibbli ma jistax jiġi attribwit fiżikament għal titjira speċifika. Skont dan il-prinċipju, il-kwoti allokati skont l-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom ikunu disponibbli għall-karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli ppumpjati f’dak l-ajruport b’mod proporzjonat għall-emissjonijiet mit-titjiriet, tal-operatur tal-inġenji tal-ajru minn dak l-ajruport, li għalihom iridu jiġu ċeduti xi kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, jixraq li jiġi applikat l-istess prinċipju għar-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar.

    (9)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli xierqa ta’ rapportar għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru għall-użu ta’ tipi differenti ta’ karburanti tal-avjazzjoni sostenibbli eliġibbli skont is-sistema ta’ appoġġ. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dan ir-rapportar jenħtieġ li jkun estensjoni tar-rapportar ta’ karburanti b’fattur ta’ emissjonijiet żero, mingħajr ma jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rapportar separat.

    (10)

    Id-Direttiva (UE) 2023/958 introduċiet regoli riveduti għall-allokazzjoni bla ħlas għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Din tneħħi r-rabta mad-data dwar it-tunnellati-kilometru. Għaldaqstant, ir-regoli li jirregolaw ir-rapportar tad-data dwar it-tunnellati-kilometru ma għadhomx validi. Għalhekk, jixraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jiġi emendat biex dan jitqies.

    (11)

    Id-dispożizzjonijiet ta’ rapportar tal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju (CORSIA) adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) jipprevedu l-inklużjoni ta’ operaturi tal-inġenji tal-ajru li jaqbżu ċertu livell limitu; dak il-livell limitu jiġi kkalkolat billi jiġi injorat l-użu possibbli ta’ karburanti b’fattur ta’ emissjoni żero. Għalhekk, sabiex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tal-emissjonijiet tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru lill-Istati Membri, u sussegwentement lis-Segretarjat tal-ICAO, jixraq li jiġi stabbilit fattur ta’ emissjoni preliminari biss għall-fini ta’ kalkolu għad-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru fil-CORSIA.

    (12)

    Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni biex jiġi żgurat il-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop tagħhom li jillimitaw il-piż amministrattiv.

    (13)

    Sabiex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti filwaqt li jinżamm il-livell għoli ta’ robustezza tar-regoli ta’ monitoraġġ tal-ETS, huwa xieraq li jiġi estiż l-intervall għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ għall-installazzjonijiet stazzjonarji u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

    (14)

    F’konformità mad-Direttiva (UE) 2023/959, iċ-ċediment ta’ kwoti skont is-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet se jibda biss fl-2028 għall-emissjonijiet annwali tal-2027. Madankollu, il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet skont is-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jenħtieġ li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2025. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari dwar il-monitoraġġ u r-rapportar għas-sistema tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali kmieni biżżejjed, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ordnata fl-Istati Membri. Bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv, li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-metodoloġiji ta’ monitoraġġ u li jintużaw bħala bażi l-esperjenzi mis-sistema eżistenti għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-installazzjonijiet stazzjonarji u għall-avjazzjoni, jixraq li jiġu stabbiliti r-regoli rilevanti għas-sistema l-ġdida.

    (15)

    Sabiex jiġu evitati każijiet possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi skont is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali, minħabba l-esklużjoni mhux ġustifikata ta’ persuni responsabbli li jħallsu dazji tas-sisa fuq prodotti tal-enerġija mid-definizzjoni ta’ entitajiet regolati, huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod ċar il-kundizzjonijiet li taħthom persuna titqies bħala konsumatur aħħari tal-karburant.

    (16)

    Id-definizzjoni ta’ karburant fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jenħtieġ li tkun allinjata mill-qrib mad-definizzjoni stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (6). Mingħajr preġudizzju għal bidliet leġiżlattivi futuri, il-provvista ta’ karburanti solidi tal-injam (kodiċijiet NM 4401 u 4402) u pit (kodiċi NM 2703) bħalissa ma humiex koperti mid-definizzjoni ta’ karburant ta’ dik id-Direttiva u għalhekk huma eżentati wkoll mill-obbligi ta’ monitoraġġ u rapportar skont dan ir-Regolament.

    (17)

    Sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza amministrattiva u l-armonizzazzjoni mal-monitoraġġ u r-rapportar fis-sistema eżistenti għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, jenħtieġ li għadd ta’ regoli li japplikaw għall-operaturi u għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiġu estiżi għal entitajiet regolati għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali.

    (18)

    Il-livell ta’ akkuratezza tad-data ta’ monitoraġġ fis-sistema tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali jenħtieġ li jiġi ddeterminat minn ġerarkija ta’ livelli, f’konformità mal-approċċ tal-livelli li huwa stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/2066. Sabiex jiġi evitat livell għoli b’mod sproporzjonat ta’ sforz ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-entitajiet regolati, filwaqt li jiġi żgurat livell aċċettabbli ta’ preċiżjoni, id-derogi eżistenti mir-rekwiżiti tal-livelli jenħtieġ li jsiru applikabbli wkoll fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, b’ċerti adattamenti. B’mod partikolari, id-determinazzjoni ta’ kostijiet mhux raġonevoli fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jenħtieġ li tirrifletti l-fatt li huwa suq awtonomu bil-bidu tan-negozjar mistenni għall-2027. Għalhekk jixraq li jiġu stabbiliti r-regoli rilevanti billi jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE li għandhom l-għan li jiżguraw bidu bla xkiel tas-sistema, inkluż il-mekkaniżmu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet indiċjati għas-snin inizjali.

    (19)

    Sabiex jintlaħaq il-bilanċ bejn il-minimizzazzjoni tal-piż amministrattiv u l-iżgurar tal-integrità ambjentali, l-istrettezza tar-regoli li jiżguraw l-akkuratezza tal-monitoraġġ jenħtieġ li tkun proporzjonata għad-daqs tal-emissjonijiet annwali rrapportati mill-entità regolata. Jixraq li wieħed jibni fuq il-kategorizzazzjoni tal-entitajiet regolati u tal-flussi tal-karburant stabbiliti fl-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet eżistenti, b’ċerti adattamenti minħabba n-natura speċifika tal-attività koperta mis-sistema l-ġdida.

    (20)

    Il-formula tal-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu jenħtieġ li tiġi speċifikata bl-introduzzjoni ta’ parametri li jirriflettu l-karatteristiċi tal-ETS il-ġdida.

    (21)

    Fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-kwantitajiet ta’ karburanti rilaxxati għall-konsum jiġux maħruqa f’setturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema l-ġdida. Il-kwantitajiet rilevanti jenħtieġ li jiġu ddeterminati abbażi tal-fattur tal-ambitu. Sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn l-ammonti ta’ karburant rilaxxati għall-konsum huma espressi f’unitajiet ta’ kejl differenti, jenħtieġ li jintuża l-fattur ta’ konverżjoni tal-unità. Il-fattur ta’ konverżjoni tal-unità jinkludi d-densità, il-valur kalorifiku nett u l-konverżjoni mill-valur kalorifiku gross għall-valur kalorifiku nett.

    (22)

    Jenħtieġ li jkunu applikabbli livelli differenti għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati għall-konsum, għall-fatturi ta’ kalkolu u għall-fattur tal-ambitu skont it-tip ta’ karburant u d-daqs tal-emissjonijiet annwali, bil-possibbiltà li jiġu applikati livelli aktar baxxi abbażi ta’ lista eżawrjenti ta’ raġunijiet għal tali deroga. Fil-każ tal-fattur tal-ambitu, fejn xi wħud mill-metodi ta’ monitoraġġ jistgħu ma jkunux disponibbli għall-entitajiet regolati, huwa xieraq li tiġi stabbilita deroga addizzjonali mill-użu tal-ogħla livell.

    (23)

    Peress li għandha l-għan li tibni fuq il-qafas legali eżistenti għad-dazji tas-sisa stabbilit skont id-Direttiva 2003/96/KE u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (7), is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, it-trasport bit-triq u s-setturi addizzjonali jenħtieġ li tiżgura sinerġiji mal-infrastruttura tat-taxxa u tippermetti simplifikazzjonijiet fejn id-data jew il-metodi rilevanti jiġu aċċettati għal finijiet ta’ taxxa. B’mod partikolari, fejn it-traspożizzjoni tar-regoli fil-liġi nazzjonali twassal biex l-istess entitajiet u prodotti tal-enerġija jkunu soġġetti għat-tassazzjoni fuq l-enerġija u għas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, jenħtieġ li jkun possibbli li l-metodi għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ prodotti tal-enerġija rilaxxati għall-konsum skont ir-regoli tat-taxxa jiġu applikati mingħajr ma jitqiesu r-rekwiżiti tal-livelli. Peress li s-sistemi nazzjonali tat-tassazzjoni tal-enerġija u l-implimentazzjoni tagħhom ivarjaw b’mod sinifikanti madwar l-Istati Membri, kull awtorità kompetenti jenħtieġ li tibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni prattika ta’ metodi relatati mat-taxxa u livelli ta’ inċertezza li jistgħu jkollhom impatt fuq l-akkuratezza tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet.

    (24)

    Sabiex tkun tista’ ssir simplifikazzjoni f’każijiet fejn tkun disponibbli data robusta dwar il-fatturi ta’ emissjoni u l-valur kalorifiku speċifiku ta’ karburant mhux ikkategorizzat bħala karburant standard kummerċjali skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrikjedu l-użu ta’ valuri prestabbiliti għal dak il-karburant, soġġett li jissodisfaw kriterji simili kif meħtieġ għall-karburanti kummerċjali standard, iżda fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-valuri prestabbiliti użati madwar l-Unjoni kif ukoll l-adozzjoni ta’ bidliet fl-oriġini tal-karburant fornut maż-żmien, dawk il-valuri għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

    (25)

    Il-metodi biex jiġi ddeterminat il-fattur tal-ambitu jenħtieġ li jiġu kkategorizzati f’livelli li jqisu mhux biss il-livell ta’ robustezza tal-monitoraġġ, iżda wkoll ir-riskju possibbli ta’ frodi, l-impatti fuq il-kwantità ta’ kwoti madwar l-Unjoni u l-implikazzjonijiet għall-kostijiet trasferiti lill-konsumaturi tal-karburanti rilaxxati. F’konformità mad-Direttiva 2003/87/KE, il-metodi li jippermettu d-determinazzjoni tal-użu aħħari tal-karburanti ex ante, mingħajr il-ħtieġa ta’ kumpens sussegwenti, jenħtieġ li jintużaw sal-limitu massimu possibbli. Il-metodi ex ante jiżguraw inqas impatt fuq il-likwidità finanzjarja tal-entitajiet regolati, jevitaw it-trasferiment tal-kostijiet fuq il-konsumaturi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u ma jeħtieġu l-ebda aġġustament għal-limitu massimu tal-emissjonijiet. L-użu ta’ metodi ex ante jippromwovi sinerġiji ulterjuri u jnaqqas il-piż amministrattiv, peress li l-metodi proposti jirrappreżentaw lista komprensiva tal-metodi li huma applikati wkoll għal finijiet ta’ taxxa.

    (26)

    Jekk l-ebda metodu ieħor ma jkun xieraq, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li jintuża valur prestabbilit biex jiġi ddeterminat l-użu aħħari tal-karburant rilaxxat. Sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati fir-rigward tal-livelli tal-kostijiet ittrasferiti lill-konsumaturi, l-użu ta’ valuri prestabbiliti anqas minn wieħed jenħtieġ li jkun soġġett għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari wara l-bidu tal-iskambjar fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet fl-2027. L-użu ta’ valur prestabbilit ta’ wieħed, fejn huwa preżunt li l-karburant kollu rilaxxat intuża fis-setturi koperti mis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, jenħtieġ li jkun permess flimkien ma’ kumpens finanzjarju għal entitajiet li mhux suppost li jkunu koperti mis-sistema. L-Istati Membri u l-entitajiet regolati jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex itejbu l-metodi użati biex jiddeterminaw l-użu aħħari tal-karburanti matul iż-żmien, biex jiżguraw il-monitoraġġ tal-akkuratezza u jimminimizzaw l-implikazzjonijiet potenzjali għall-kostijiet ittrasferiti lill-konsumaturi, li jistgħu jkunu assoċjati mal-bidu tal-iskambju ta’ kwoti fl-2027.

    (27)

    Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv jew tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-metodi użati biex jiġi ddeterminat il-fattur tal-ambitu, kull Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jippreskrivi l-użu ta’ metodu speċifiku jew valur prestabbilit għal ċertu tip ta’ fluss tal-karburant jew f’ċertu reġjun fit-territorju tiegħu. Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar il-preskrizzjoni tal-użu ta’ valuri prestabbiliti għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, biex jiġi żgurat il-livell xieraq ta’ armonizzazzjoni tal-metodoloġiji bejn l-Istati Membri u l-bilanċ bejn il-monitoraġġ tal-akkuratezza u l-implikazzjonijiet tal-kost.

    (28)

    Sabiex jiġi żgurat rapportar prevedibbli u konsistenti mas-sistema eżistenti ta’ skambju tal-emissjonijiet, ir-regoli applikabbli għall-bijomassa jenħtieġ li jiġu estiżi għall-entitajiet regolati. Madankollu, sabiex jiġu allinjati mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 u sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn fuq il-produtturi żgħar tal-enerġija li jużaw il-bijogass u l-produtturi żgħar tal-bijogass, jenħtieġ li jitqiesu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 29(1) ta’ dik id-Direttiva, u l-Kummissjoni tista’ tipprovdi linji gwida rilevanti.

    (29)

    L-Artikolu 30f(8) tad-Direttiva 2003/87/KE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jippermettu proċeduri simplifikati ta’ monitoraġġ u rapportar għal entitajiet regolati b’emissjonijiet annwali ta’ anqas minn 1 000 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn f’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li jiġu permessi simplifikazzjonijiet speċifiċi għall-entitajiet ikkunsidrati bħala entitajiet regolati b’emissjonijiet baxxi.

    (30)

    F’xi każijiet, bħal meta r-rapport annwali dwar l-emissjonijiet ma jkunx ġie ppreżentat u vverifikat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-emissjonijiet tal-entitajiet regolati jenħtieġ li jiġu ddeterminati permezz ta’ stima konservattiva. Minħabba n-natura upstream tas-sistema, kwalunkwe użu ta’ stimi konservattivi jenħtieġ li jqis kif xieraq l-implikazzjonijiet għall-kostijiet ittrasferiti lill-konsumaturi tal-karburanti.

    (31)

    Skont l-Artikolu 30f(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu miżuri xierqa biex jillimitaw ir-riskju tal-għadd doppju ta’ emissjonijiet koperti mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali u għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal installazzjonijiet stazzjonarji, operaturi tal-inġenji tal-ajru u operaturi marittimi. Sabiex jiġi żgurat li l-karburant rilaxxat lis-setturi koperti mis-sistema eżistenti għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ma jġarrabx il-kost tal-karbonju addizzjonali, huwa importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu skambji effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermettu lill-entitajiet regolati jiddeterminaw l-użu aħħari tal-karburant tagħhom. Id-data vverifikata dwar l-emissjonijiet tal-operaturi fl-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet eżistenti hija sors affidabbli ta’ informazzjoni li jenħtieġ li tintuża bħala bażi biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tal-entitajiet regolati fir-rapport annwali tagħhom dwar l-emissjonijiet. Sabiex jiġi ffaċilitat u mħeġġeġ l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-opportunità li jirrikjedu li l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli għall-entitajiet regolati anki qabel l-iskadenza tal-monitoraġġ fis-sistema eżistenti għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-entitajiet regolati jridu jirrapportaw informazzjoni vverifikata dwar il-konsumaturi tal-karburanti rilaxxati għall-konsum. Fil-każ ta’ ktajjen tal-provvista ma’ ħafna intermedjarji, l-entitajiet regolati għandhom jirrapportaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fejn disponibbli. Din l-informazzjoni tista’ tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet, jew billi jistabbilixxu ktajjen ta’ kustodja jew billi jiżviluppaw valuri prestabbiliti nazzjonali.

    (32)

    Sabiex tittejjeb l-akkuratezza tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet u sabiex jiġu evitati kwistjonijiet ikkawżati mill-istokkjar u mill-bejgħ mill-ġdid tal-karburanti, l-informazzjoni vverifikata dwar il-karburanti li fil-fatt intużaw għall-kombustjoni fis-sena ta’ monitoraġġ jenħtieġ li tintuża primarjament bħala bażi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn rapporti dwar l-emissjonijiet minn entitajiet regolati. Madankollu, sabiex ikun hemm flessibbiltà għall-Istati Membri f’każijiet speċifiċi, huwa xieraq li jkun permess tnaqqis ibbażat fuq informazzjoni dwar il-karburanti rilaxxati, inklużi l-karburanti maħżuna, bil-kundizzjoni li l-karburanti maħżuna jintużaw fis-sena ta’ wara s-sena ta’ monitoraġġ.

    (33)

    Il-monitoraġġ u r-rapportar akkurati u affidabbli dwar l-emissjonijiet huma kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali, kemm f’termini ta’ integrità ambjentali kif ukoll ta’ aċċettazzjoni pubblika tas-sistema. Peress li l-miżuri biex tiġi indirizzata l-imġiba frawdolenti jaqgħu prinċipalment fl-ambitu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe każ ta’ kategorizzazzjoni ħażina jew każijiet ta’ frodi, li jinvolvu kwalunkwe parteċipant fil-katina tal-provvista tal-karburant, jiġu indirizzati kif xieraq u li l-miżuri nazzjonali kontra l-frodi jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Minħabba s-sinerġiji bejn is-sistema eżistenti u s-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet kif ukoll il-qafas stabbilit għad-dazji tas-sisa fuq l-enerġija, huwa xieraq li tiġi stabbilita kooperazzjoni li tiffunzjona bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, bil-ħsieb li l-ksur jiġi identifikat f’waqtu u li jiġu żgurati miżuri korrettivi komplementari.

    (34)

    Wara l-emenda tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE biex jiġu inklużi installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali mill-1 ta’ Jannar 2024 għall-finijiet ta’ monitoraġġ, rapportar, verifika u akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li jiżdiedu dispożizzjonijiet ġodda mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 biex jiġu speċifikati r-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet minn installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali li jwettqu attivitajiet ta’ kombustjoni u li jkollhom input termiku nominali totali li jaqbeż l-20 MW.

    (35)

    L-iskart muniċipali huwa ddefinit b’referenza għad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dik id-Direttiva ġiet emendata fl-2018 biex tintroduċi definizzjoni ta’ skart muniċipali u biex tiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett. Peress li l-installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS biss għall-finijiet ta’ monitoraġġ, rapportar, verifika u akkreditazzjoni, dawn l-installazzjonijiet jeħtieġu proċeduri speċifiċi għar-rapportar tal-emissjonijiet, li għal installazzjonijiet oħra jseħħ fil-qafas tar-Reġistru tal-Unjoni skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 (9). Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 68 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jiġi emendat biex jipprovdi li l-Istati Membri jippreżentaw ir-rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet ta’ kull installazzjoni għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena. F’konformità ma’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-operaturi għandhom jippreżentaw lill-awtorità kompetenti, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, rapport dwar l-emissjonijiet li jkopri l-emissjonijiet annwali fil-perjodu tar-rapportar u li huwa vverifikat f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 (10). Għalhekk, jixraq li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw xahar biex jirrieżaminaw dan ir-rapport u jippreżentawh lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi aktar linji gwida dwar il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fid-dokumenti ta’ gwida rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli għad-data dwar l-attivitajiet, rekwiżiti minimi tal-livelli u fattur ta’ emissjoni tal-karburant għall-installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali. Jenħtieġ li jsiru wkoll aġġustamenti dwar il-kontenut minimu tar-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet biex jitneħħa r-rekwiżit li l-installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali jipprovdu numru ta’ permess, peress li dawn l-installazzjonijiet jista’ ma jkollhomx wieħed, u biex jiġi introdott rekwiżit li dawn l-installazzjonijiet jipprovdu l-kodiċijiet rilevanti tal-iskart skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE (11), fejn fluss minn sors, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066, huwa tip ta’ skart.

    (36)

    Wara r-riformulazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 ġie rivedut fl-2020. Għad hemm xi diffikultajiet fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli l-ġodda, fir-rigward tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ proċess minn materjali tal-karbonati u mhux tal-karbonati. Hija meħtieġa kjarifika għall-manifattura tal-ħġieġ, tal-fibra tal-ħġieġ jew tal-materjal ta’ iżolament tas-suf minerali. Għalhekk, ir-regoli dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ proċess mill-materja prima, inklużi l-karbonati, stabbiliti fit-Taqsima 11 tal-Anness IV, jenħtieġ li jiġu aġġornati u ċċarati.

    (37)

    Il-monitoraġġ u r-rapportar għas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-binjiet, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali se jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025. Madankollu, skont l-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-entitajiet regolati għandhom jirrapportaw emissjonijiet storiċi għall-2024 u, skont l-Artikolu 30b ta’ dik id-Direttiva, dawk l-entitajiet għandhom jippreżentaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ tagħhom sabiex japplikaw għal permess għall-gassijiet serra li jeħtieġ li jinħareġ sal-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li d-dispożizzjonijiet rilevanti relatati mas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet jenħtieġ li jsiru applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2024,

    (38)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu japplika għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra speċifikati fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Annessi I u III tad-Direttiva 2003/87/KE, għad-data tal-attività minn installazzjonijiet stazzjonarji, għall-attivitajiet tal-avjazzjoni u għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

    Għandu japplika għall-emissjonijiet, għad-data dwar l-attivitajiet u għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021.”;

    (2)

    l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jitħassar il-punt (3);

    (b)

    il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(7)

    ‘fatturi ta’ kalkolu’ tfisser valur kalorifiku nett, fattur ta’ emissjoni, fattur preliminari ta’ emissjoni, fattur ta’ ossidazzjoni, fattur ta’ konverżjoni, kontenut ta’ karbonju, frazzjoni ta’ bijomassa jew fattur ta’ konverżjoni ta’ unità;”;

    (c)

    il-punt (8) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(8)

    ‘livell’ tfisser rekwiżit stabbilit użat għad-determinazzjoni tad-data tal-attivitajiet, il-fatturi ta’ kalkolu, l-emissjonijiet annwali u l-medja fis-siegħa annwali tal-emissjonijiet, l-ammont ta’ karburant rilaxxat u l-fattur tal-ambitu;”;

    (d)

    il-punt (9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(9)

    ‘riskju inerenti’ tfisser is-suxxettibbiltà ta’ parametru fir-rapport dwar l-emissjonijiet annwali għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħrajn, qabel ma jiġi kkunsidrat l-effett ta’ kwalunkwe attività ta’ kontroll relatata;”;

    (e)

    il-punt (10) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(10)

    ‘riskju ta’ kontroll’ tfisser is-suxxettibbiltà ta’ parametru fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet għal dikjarazzjonijiet skorretti li jistgħu jkunu materjali, individwalment jew meta aggregati ma’ dikjarazzjonijiet skorretti oħra, u li ma jiġux evitati jew skoperti u korretti fil-ħin mis-sistema ta’ kontroll;”;

    (f)

    il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(12)

    ‘perjodu ta’ rapportar’ tfisser sena kalendarja li matulha l-emissjonijiet għandhom ikunu mmonitorjati u rrapportati;”;

    (g)

    il-punt (13) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(13)

    ‘fattur ta’ emissjoni’ tfisser ir-rata medja ta’ emissjoni ta’ gass serra relatata mad-data dwar l-attivitajiet ta’ fluss minn sors jew fluss ta’ karburant bis-suppożizzjoni ta’ ossidazzjoni kompluta għall-kombustjoni u l-konverżjoni kompluta għar-reazzjonijiet kimiċi l-oħrajn kollha;”;

    (h)

    il-punt (20) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(20)

    ‘konservattiv’ tfisser li sett ta’ suppożizzjonijiet ikun iddefinit sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet annwali;”;

    (i)

    jiddaħħal il-punt (21ca) li ġej:

    “(21ca)

    ‘skart muniċipali’ tfisser skart muniċipali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (2b), tad-Direttiva 2008/98/KE;”;

    (j)

    jiddaħħal il-punt (23a) li ġej:

    “(23a)

    ‘karburant tal-avjazzjoni eliġibbli’ tfisser tipi ta’ karburant eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;”;

    (k)

    jiddaħħal il-punt (34a) li ġej:

    “(34a)

    ‘karburant tal-avjazzjoni mħallat’ tfisser karburant li fih kemm karburant tal-avjazzjoni eliġibbli kif ukoll karburant fossili;”;

    (l)

    jiddaħħal il-punt (38a) li ġej:

    “(38a)

    ‘frazzjoni eliġibbli’ tfisser il-proporzjon ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mħallat fil-karburant fossili;”;

    (m)

    jitħassar il-punt (48);

    (n)

    il-punt (59) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(59)

    data proxy’ tfisser valuri annwali li jiġu sostanzjati b’mod empiriku jew jiġu dderivati minn sorsi aċċettati u li operatur jew entità regolata kif definita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE jużaw sabiex jissostitwixxu d-data tal-attivitajiet, l-ammonti ta’ karburant rilaxxat jew il-fatturi ta’ kalkolu għall-fini li jiġi żgurat rapportar komplut meta ma jkunx possibbli li tiġi ġġenerata d-data tal-attivitajiet kollha meħtieġa, l-ammonti ta’ karburant rilaxxat jew il-fatturi ta’ kalkolu fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikabbli”;

    (o)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(64)

    ‘fluss tal-karburant’ tfisser karburant kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE, rilaxxat għall-konsum permezz ta’ mezzi fiżiċi speċifiċi, bħal pipelines, trakkijiet, ferroviji, vapuri jew stazzjonijiet tal-karburant, u li jwasslu għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra rilevanti bħala riżultat tal-konsum tiegħu minn kategoriji ta’ konsumaturi f’setturi koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE;

    (65)

    ‘fluss nazzjonali tal-karburant’ tfisser l-aggregazzjoni, għal kull tip ta’ karburant, tal-flussi tal-karburanti tal-entitajiet regolati kollha fit-territorju ta’ Stat Membru;

    (66)

    ‘fattur tal-ambitu’ tfisser il-fattur bejn żero u wieħed li jintuża biex jiġi ddeterminat is-sehem ta’ fluss tal-karburant li jintuża għall-kombustjoni f’setturi koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE;

    (67)

    ‘ammont ta’ karburant rilaxxat’ tfisser data dwar l-ammont ta’ karburant kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE li jiġi rilaxxat għall-konsum u espress bħala enerġija f’terajoules, massa f’tunnellati jew volum f’metri kubiċi normali jew l-ekwivalenti f’litri, fejn xieraq, qabel l-applikazzjoni ta’ fattur tal-ambitu;

    (68)

    ‘fattur ta’ konverżjoni ta’ unità’ tfisser fattur li jikkonverti l-unità li fiha l-ammonti ta’ karburant rilaxxati jiġu espressi f’ammonti espressi bħala enerġija f’terajoules, massa f’tunnellati jew volum f’metri kubiċi normali jew l-ekwivalenti f’litri, fejn xieraq, li jinkludi l-fatturi rilevanti kollha bħad-densità, il-valur kalorifiku nett jew (għall-gassijiet) il-konverżjoni mill-valur kalorifiku gross għall-valur kalorifiku nett, kif applikabbli;

    (69)

    ‘konsumatur aħħari’ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li hija l-utent aħħari tal-karburant kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE, li l-konsum annwali tal-karburant tagħha ma jaqbiżx tunnellata waħda ta’ CO2;

    (70)

    ‘rilaxxat għall-konsum’ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament tfisser il-mument meta d-dazju tas-sisa fuq karburant, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE, isir dovut f’konformità mal-Artikoli 6(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (*1) jew, fejn applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (*2), sakemm l-Istat Membru ma jkunx uża l-flessibbiltà pprovduta skont l-Artikolu 3(ae), il-punt (iv), tad-Direttiva 2003/87/KE, f’liema każ dan ifisser il-mument magħżul mill-Istat Membru bħala dak li joħloq obbligi skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva.

    (*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4)."

    (*2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).”;"

    (3)

    fl-Artikolu 15(4), jitħassar il-punt (b);

    (4)

    l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Fejn operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru jsostni li l-applikazzjoni ta’ metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ timplika kostijiet irraġonevoli, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk il-kostijiet ikunux irraġonevoli, billi tikkunsidra l-ġustifikazzjoni tal-operatur.

    L-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-kostijiet irraġonevoli fejn l-istima tal-kost taqbeż il-benefiċċju. Għal dak il-għan, il-benefiċċju għandu jiġi kkalkulat permezz tal-multiplikazzjoni ta’ fattur ta’ titjib bi prezz ta’ referenza ta’ EUR 80 għal kull kwota u l-kostijiet għandhom jinkludu perjodu ta’ deprezzament xieraq ibbażat fuq it-tul tal-ħajja ekonomika tat-tagħmir.”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Miżuri relatati mat-titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ installazzjoni ma għandhomx jitqiesu li jġarrbu kostijiet irraġonevoli sa ammont akkumulat ta’ EUR 4 000 għal kull perjodu ta’ rapportar. Għall-installazzjonijiet b’emissjonijiet baxxi dak il-livell limitu għandu jkun ta’ EUR 1 000 għal kull perjodu ta’ rapportar.”

    ;

    (5)

    l-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

    “2a.   Fejn l-operatur juża bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 25, u l-bijomassa li tikkonforma mal-kriterji tal-Artikolu 38(5) tintuża bħala materjal tal-input jew karburant, u l-materjali tal-output ikun fihom il-karbonju, l-operatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti d-data dwar il-frazzjoni tal-bijomassa tal-kontenut tal-karbonju tal-flussi tal-output. L-operatur għandu b’hekk jipprovdi evidenza li l-emissjonijiet totali tal-installazzjoni ma humiex sistematikament sottovalutati mill-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikata u li l-massa totali tal-karbonju li tikkorrispondi għall-frazzjonijiet tal-bijomassa tal-karbonju fil-materjali tal-output rilevanti kollha ma taqbiżx il-frazzjonijiet tal-bijomassa tal-karbonju li jinsab fil-materjali tal-input u fil-karburanti.

    Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw fir-rigward il-frazzjoni tal-bijogass tal-gass naturali użat bħala input.”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 30, ħlief għall-finijiet tal-Artikolu 43(4), l-operatur ma għandux juża l-analiżi jew il-metodi ta’ stima f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa ta’ gass naturali riċevuta minn grilja tal-gass li magħha jiżdied il-bijogass.

    L-operatur jista’ jiddetermina li ċerta kwantità ta’ gass naturali mill-grilja tal-gass tkun bijogass billi juża l-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 4.”

    ;

    (6)

    fl-Artikolu 43(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Meta l-metodu propost mill-operatur jinvolvi kampjunar kontinwu mill-fluss tal-gass mit-tromba ta’ ċumnija u l-installazzjoni tikkonsma gass naturali mill-grilja, l-operatur għandu jnaqqas is-CO2 li jirriżulta minn kwalunkwe bijogass li jinsab fil-gass naturali mill-emissjonijiet totali mkejla tas-CO2. Il-frazzjoni tal-bijomassa tal-gass naturali għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikoli 32 sa 35.”;

    (7)

    l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “Għad-determinazzjoni tal-frazzjoni tal-bijomassa tas-CO2 inerenti f’konformità mal-Artikolu 39, l-operatur tal-installazzjoni ta’ trasferiment għandu jiżgura li l-metodoloġija ta’ monitoraġġ magħżula ma tissottovalutax b’mod sistematiku l-emissjonijiet totali tal-installazzjoni ta’ trasferiment.”;

    (b)

    fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-operaturi jistgħu jiddeterminaw kwantitajiet ta’ CO2 inerenti ttrasferiti barra mill-installazzjoni kemm fl-installazzjoni tat-trasferiment kif ukoll f’dik riċevitriċi. F’dak il-każ, il-kwantitajiet ta’ CO2 inerenti ttrasferit u riċevut rispettivament u l-frazzjoni tal-bijomassa korrispondenti għandhom ikunu identiċi.”

    ;

    (8)

    fil-Kapitolu IV, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej: “MONITORAĠĠ TAL-EMISSJONIJIET MILL-AVJAZZJONI”;

    (9)

    fl-Artikolu 51, jitħassar il-paragrafu 2;

    (10)

    fl-Artikolu 52, jitħassar il-paragrafu 2;

    (11)

    l-Artikolu 53 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “Għall-fini tar-rapportar skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (*3), l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiddetermina u jirrapporta bħala entrata ta’ memo l-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-multiplikazzjoni tal-konsum annwali ta’ kull karburant bil-fattur preliminari ta’ emissjoni.

    (*3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-iskop li tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).”;"

    (b)

    fil-paragrafu 6, għandu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

    “L-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandhom jużaw il-fatturi ta’ emissjonijiet prestabbiliti stipulati fit-Tabella 1 fl-Anness III bħala l-fattur preliminari ta’ emissjoni.”;

    (12)

    l-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   Għal karburanti imħallta, l-operatur ta’ inġenji tal-ajru jista’ jew jassumi n-nuqqas ta’ bijokarburant u japplika frazzjoni fossili prestabbilita ta’ 100 %, jew jiddetermina frazzjoni ta’ bijokarburant f’konformità mal-paragrafi 2 jew 3. L-operatur ta’ inġenji tal-ajru jista’ jirrapporta wkoll bijokarburanti mhux imħallta bi frazzjoni tal-bijomassa ta’ 100 %.”

    ;

    (b)

    fil-paragrafu 2 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Barra minn hekk, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-bijokarburant huwa attribwit għat-titjira immedjatament wara l-ippumpjar ta’ dik it-titjira.

    Fejn jitwettqu diversi titjiriet sussegwenti mingħajr l-ippumpjar tal-karburant bejn dawn it-titjiriet, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jaqsam l-ammont ta’ bijokarburant u jassenjah lil dawn it-titjiriet b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet ikkalkolati bl-użu tal-fattur preliminari tal-emissjonijiet.”;

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Fejn il-lottijiet ta’ bijokarburant mixtrija ma jitwasslux fiżikament lil inġenju tal-ajru speċifiku, l-operatur ta’ inġenju tal-ajru ma għandux juża l-analiżijiet biex jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa tal-karburanti użati.

    Meta l-bijokarburant ma jkunx jista’ jiġi attribwit fiżikament f’ajrudrom għal titjira speċifika, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jattribwixxi l-bijokarburanti lit-titjiriet tiegħu li għalihom il-kwoti għandhom jiġu ċeduti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet li jitilqu minn dak l-ajrudrom ikkalkolati bl-użu tal-fattur preliminari tal-emissjonijiet.

    L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa bl-użu ta’ rekords tax-xiri ta’ bijokarburant ta’ kontenut ta’ enerġija ekwivalenti, dment li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-bijokarburant ġie kkonsenjat lis-sistema ta’ riforniment tal-karburant tal-ajrudrom tat-tluq fil-perjodu ta’ rapportar jew 3 xhur qabel il-bidu, jew 3 xhur wara t-tmiem, ta’ dak il-perjodu ta’ rapportar.”

    ;

    (d)

    jiddaħħal il-paragrafu 3a li ġej:

    “3a.   Għall-fini tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li:

    (a)

    l-ammont totali ta’ bijokarburant mitlub ma jaqbiżx l-użu totali tal-karburant ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru għal titjiriet li għalihom il-kwoti għandhom jiġu ċeduti skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, li joriġinaw mill-ajrudrom li fih jiġi pprovdut il-bijokarburant;

    (b)

    l-ammont ta’ bijokarburant għal titjiriet li għalihom il-kwoti għandu jiġu ċeduti skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE ma jaqbiżx il-kwantità totali ta’ bijokarburant mixtri li minnu titnaqqas il-kwantità totali ta’ bijokarburant mibjugħ lil partijiet terzi;

    (c)

    il-frazzjoni tal-bijomassa tal-bijokarburant attribwita għal titjiriet aggregati għal kull par ajrudromi ma taqbiżx il-limitu massimu ta’ taħlit għal dak il-bijokarburant kif iċċertifikat skont standard internazzjonali rikonoxxut;

    (d)

    ma hemm l-ebda għadd doppju tal-istess kwantità ta’ bijokarburant, b’mod partikolari li l-bijokarburant mixtri ma huwiex iddikjarat li intuża f’rapport preċedenti jew minn xi ħadd ieħor, jew f’sistema oħra.

    Għall-fini tal-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu, kwalunkwe karburant li jifdal fit-tankijiet wara titjira u qabel l-ippumpjar huwa preżunt li jkun 100 % karburant fossili.

    Għall-fini li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ juża d-data rrekordjata fil-bażi tad-data tal-Unjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.”

    ;

    (e)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   Il-fattur tal-emissjoni għall-bijokarburant għandu jkun żero.

    Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5) għall-kombustjoni tal-bijokarburant mill-operatur ta’ inġenju tal-ajru.

    Il-fattur ta’ emissjoni ta’ kull karburant imħallat għandu jiġi kkalkolat u rrapportat bħala l-fattur ta’ emissjoni preliminari mmultiplikat bil-frazzjoni fossili tal-karburant.”

    ;

    (13)

    jiddaħħal l-Artikolu 54a li ġej:

    “Artikolu 54a

    Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli

    1.   Għall-fini tas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-operatur tal-inġenji tal-ajru kummerċjali għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm proċedura bil-miktub sabiex jimmonitorja kwalunkwe ammont ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli użat għat-titjiriet subsoniċi, u għandu jirrapporta l-ammonti ta’ karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli mitluba bħala entrata ta’ memo separata fir-rapport annwali tiegħu dwar l-emissjonijiet.

    2.   Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jiżgura li kwalunkwe ammont ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mitlub jiġi ċċertifikat f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ juża d-data rreġistrata fil-bażi tad-data tal-Unjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    3.   Għall-karburanti tal-avjazzjoni mħallta, l-operatur ta’ inġenju tal-ajru jista’ jew jassumi n-nuqqas ta’ bijokarburant tal-avjazzjoni eliġibbli u japplika frazzjoni fossili prestabbilita ta’ 100 %, jew jiddetermina frazzjoni eliġibbli f’konformità mal-paragrafi 4 jew 5. L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jirrapporta wkoll karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mhux imħallat bi frazzjoni eliġibbli ta’ 100 %.

    4.   Meta l-karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli jkunu fiżikament imħallta ma’ karburanti fossili u jiġu kkonsenjati lill-inġenju tal-ajru f’lottijiet li jistgħu jiġu identifikati fiżikament, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jibbaża l-istima tal-kontenut eliġibbli fuq bilanċ tal-massa tal-karburanti fossili u tal-karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli mixtrija.

    Barra minn hekk, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli huwa attribwit għat-titjira immedjatament wara l-ippumpjar ta’ dik it-titjira.

    Meta jitwettqu diversi titjiriet sussegwenti mingħajr l-ippumpjar tal-karburant bejn dawn it-titjiriet, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jaqsam l-ammont ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli u jassenjah għal dawn it-titjiriet b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet ikkalkolati bl-użu tal-fattur ta’ emissjoni preliminari.

    5.   Meta karburant tal-avjazzjoni eliġibbli ma jkunx jista’ jiġi attribwit fiżikament f’ajrudrom għal titjira speċifika, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jattribwixxi karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli lit-titjiriet tiegħu li għalihom il-kwoti għandhom jiġu ċeduti f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE b’mod proporzjonali għall-emissjonijiet minn dawk it-titjiriet li jitilqu minn dak l-ajrudrom ikkalkulati bl-użu tal-fattur ta’ emissjoni preliminari.

    L-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ jiddetermina l-frazzjoni eliġibbli bl-użu ta’ rekords tax-xiri tal-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli ta’ kontenut ta’ enerġija ekwivalenti, dment li l-operatur tal-inġenji tal-ajru jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli jkun ġie kkonsenjat lis-sistema ta’ riforniment tal-karburant tal-ajrudrom tat-tluq fil-perjodu ta’ rapportar jew 3 xhur qabel il-bidu, jew 3 xhur wara t-tmiem, ta’ dak il-perjodu ta’ rapportar.

    6.   Għall-fini tal-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li:

    (a)

    l-ammont totali ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mitlub ma jaqbiżx l-użu totali tal-karburant ta’ dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru għal titjiriet li għalihom għandhom jiġu ċeduti kwoti skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, li joriġinaw mill-ajrudrom li fih jiġi pprovdut il-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli;

    (b)

    l-ammont ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli għal titjiriet li għalihom il-kwoti għandhom jiġu ċeduti skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87/KE ma jaqbiżx il-kwantità totali ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mixtri li minnu titnaqqas il-kwantità totali ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mibjugħ lil partijiet terzi;

    (c)

    il-frazzjoni eliġibbli tal-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli attribwit għal titjiriet aggregati għal kull par ajrudromi ma taqbiżx il-limitu massimu ta’ taħlit għal dak il-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli kif iċċertifikat skont standard internazzjonali rikonoxxut, jekk tapplika tali limitazzjoni;

    (d)

    ma hemm l-ebda għadd doppju tal-istess kwantità ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli, b’mod partikolari li l-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli mixtri ma huwiex iddikjarat li intuża f’rapport preċedenti jew minn xi ħadd ieħor, jew f’sistema oħra.

    Għall-fini tal-punti (a) sa (c) tal-ewwel subparagrafu, kwalunkwe karburant li jifdal fit-tankijiet wara titjira u qabel l-ippumpjar huwa preżunt li jkun 100 % karburant fossili.

    Għall-fini li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u fejn applikabbli, l-operatur tal-inġenji tal-ajru jista’ juża d-data rrekordjata fil-bażi tad-data tal-Unjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    7.   Meta l-fattur ta’ emissjoni ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli jkun żero, il-fattur ta’ emissjoni ta’ kull karburant tal-avjazzjoni mħallat għandu jiġi kkalkolat u rrapportat bħala l-fattur ta’ emissjoni preliminari mmultiplikat bil-frazzjoni fossili tal-karburant.”;

    (14)

    fl-Artikolu 55(2), l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

    “2.   B’deroga mill-Artikolu 53, l-emittenti żgħar jistgħu jikkalkulaw il-konsum tal-karburant abbażi tad-distanza għal kull par ajrudromi bl-użu ta’ għodod implimentati mill-Eurocontrol jew organizzazzjoni rilevanti oħra, li tista’ tipproċessa l-informazzjoni kollha rilevanti dwar it-traffiku tal-ajru u tevita kwalunkwe sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet.”

    ;

    (15)

    l-Artikolu 57 jitħassar;

    (16)

    l-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jitħassar it-tieni subparagrafu;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(c)

    kull pass fil-fluss ta’ data minn data primarja għal emissjonijiet annwali li għandu jirrifletti s-sekwenza u l-interazzjoni bejn l-attivitajiet ta’ fluss ta’ data, inklużi l-formoli rilevanti u l-passi aggregati tad-data applikati;

    (d)

    il-passi tal-ipproċessar rilevanti relatati ma’ kull attività speċifika ta’ fluss ta’ data inkluż il-formoli u d-data użati għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet;”;

    (17)

    l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jistabbilixxi, jiddokumenta, jimplimenta u jżomm sistema effettiva ta’ kontroll sabiex jiġi żgurat li r-rapport annwali dwar l-emissjonijiet li jirriżulta minn attivitajiet ta’ fluss ta’ data ma jkunx jinkludi dikjarazzjonijiet skorretti u jkun konformi mal-pjan ta’ monitoraġġ u ma’ dan ir-Regolament.”

    ;

    (b)

    fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jimmonitorja l-effettività tas-sistema ta’ kontroll, inkluż billi jwettaq rieżamijiet interni u billi jqis is-sejbiet tal-verifikatur waqt il-verifika tar-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet imwettqa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.”

    ;

    (18)

    fl-Artikolu 64(2), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    l-implimentazzjoni ta’ azzjoni korrettiva xierqa, inkluż il-korrezzjoni ta’ kwalunkwe data affettwata fir-rapport dwar l-emissjonijiet, kif xieraq.”;

    (19)

    l-Artikolu 67 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Id-data ta’ monitoraġġ iddokumentata u arkivjata għandha tippermetti l-verifika tar-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067. Id-data rrapportata mill-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru li jkun hemm f’sistema elettronika ta’ rapportar u ġestjoni ta’ data stabbilita mill-awtorità kompetenti tista’ tiġi kkunsidrata li tinżamm mill-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru, jekk huma jkollhom aċċess għal dik id-data.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu, fuq talba, jagħmel dawk id-dokumenti disponibbli lill-awtorità kompetenti u lill-verifikatur li jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.”;

    (20)

    l-Artikolu 68 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jitħassar il-paragrafu 2;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   Ir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet għandhom mill-inqas jinkludu l-informazzjoni mniżżla fl-Anness X.”

    ;

    (c)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “4.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ir-rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet ta’ kull installazzjoni għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali kif imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena.

    Meta l-Awtorità kompetenti tkun ikkoreġiet l-emissjonijiet ivverifikati wara t-30 ta’ April kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw din il-korrezzjoni lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.”

    ;

    (21)

    fl-Artikolu 69(1), il-punti (a) sa (c) huma emendati kif ġej:

    “(a)

    għal installazzjoni tal-kategorija A, sat-30 ta’ Ġunju kull 5 snin;

    (b)

    għal installazzjoni tal-kategorija B, sat-30 ta’ Ġunju kull 3 snin;

    (c)

    għal installazzjoni tal-kategorija C, sat-30 ta’ Ġunju kull sentejn.”;

    (22)

    l-Artikolu 72 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jitħassar it-tieni subparagrafu;

    (b)

    jitħassar il-paragrafu 3;

    (23)

    fl-Artikolu 74(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri jistgħu jirrekjedu li l-operatur jew l-operatur tal-inġenji tal-ajru juża mudelli elettroniċi jew formats speċifiċi ta’ fajls għall-preżentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ u tibdil fil-pjan ta’ monitoraġġ, kif ukoll għall-preżentazzjoni ta’ rapporti annwali dwar l-emissjonijiet, rapporti ta’ verifika u rapporti dwar it-titjib.”

    ;

    (24)

    jiddaħħlu l-Kapitoli VIIa u VIIb li ġejjin:

    “KAPITOLU VIIa

    MONITORAĠĠ TAL-EMISSJONIJIET MINN ENTITAJIET REGOLATI

    TAQSIMA 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 75a

    Prinċipji ġenerali

    L-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-emissjonijiet, għall-entitajiet regolati u għall-kwoti koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE. Għal dak il-fini:

    (a)

    kwalunkwe referenza għal operatur u operatur tal-inġenji tal-ajru għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata;

    (b)

    kwalunkwe referenza għall-emissjonijiet ta’ proċess ma għandhiex tkun applikabbli;

    (c)

    kwalunkwe referenza għall-flussi minn sors għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għal flussi tal-karburant;

    (d)

    kwalunkwe referenza għal sors ta’ emissjonijiet ma għandhiex tkun applikabbli;

    (e)

    kwalunkwe referenza għal attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għal attività msemmija fl-Anness III ta’ dik id-direttiva;

    (f)

    kwalunkwe referenza għall-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-Artikolu 30j ta’ dik id-Direttiva;

    (g)

    kwalunkwe referenza għad-data dwar attività għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati;

    (h)

    kwalunkwe referenza għall-fatturi ta’ kalkolu għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-fatturi ta’ kalkolu u għall-fattur tal-ambitu.

    Artikolu 75b

    Pjanijiet ta’ monitoraġġ

    1.   L-Artikolu 11, l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14, l-Artikolu 15(1) u (2), u l-Artikolu 16 għandhom japplikaw. Għal dak il-fini:

    (a)

    kwalunkwe referenza għal operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata;

    (b)

    kwalunkwe referenza għal attività tal-avjazzjoni għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-attività tal-entità regolata.

    2.   Mhux aktar tard minn 4 xhur qabel ma entità regolata tibda l-attività koperta mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, hija għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti pjan ta’ monitoraġġ għall-approvazzjoni, sakemm l-awtorità kompetenti ma tkunx stabbiliet limitu ta’ żmien alternattiv għal din il-preżentazzjoni.

    Il-pjan ta’ monitoraġġ għandu jikkonsisti minn dokumentazzjoni dettaljata, kompluta u trasparenti tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ entità regolata speċifika u għandu jinkludi tal-inqas l-elementi stabbiliti fl-Anness I.

    Flimkien mal-pjan ta’ monitoraġġ, l-entità regolata għandha tippreżenta r-riżultati ta’ valutazzjoni tar-riskju li tipprovdi evidenza li l-attivitajiet u l-proċeduri ta’ kontroll proposti għall-attivitajiet ta’ kontroll huma proporzjonati mar-riskji inerenti u r-riskji ta’ kontroll identifikati.

    3.   F’konformità mal-Artikolu 15, il-modifiki sinifikanti għall-pjan ta’ monitoraġġ ta’ entità regolata jinkludu:

    (a)

    bidliet fil-kategorija tal-entità regolata fejn dawn il-bidliet jeħtieġu bidla fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ jew iwasslu għal bidla fil-livell ta’ materjalità applikabbli skont l-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067;

    (b)

    minkejja l-Artikolu 75n, bidliet dwar jekk l-entità regolata titqiesx bħala ‘entità regolata b’emissjonijiet baxxi’;

    (c)

    bidla fil-livell applikat;

    (d)

    l-introduzzjoni ta’ flussi ta’ karburant ġodda;

    (e)

    bidla fil-kategorizzazzjoni ta’ flussi ta’ karburant — bejn flussi ta’ karburant kbar jew de-minimis fejn tali bidla teħtieġ bidla fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ;

    (f)

    bidla fil-valur prestabbilit għal fattur ta’ kalkolu, fejn il-valur għandu jiġi stabbilit fil-pjan ta’ monitoraġġ;

    (g)

    bidla fil-valur prestabbilit għall-fattur tal-ambitu;

    (h)

    l-introduzzjoni ta’ metodi ġodda jew bidliet għal metodi eżistenti relatati mat-teħid ta’ kampjuni, analiżi jew kalibrazzjoni, fejn dan għandu impatt dirett fuq l-akkuratezza tad-data dwar l-emissjonijiet.

    Artikolu 75c

    Vijabbiltà teknika

    Fejn entità regolata tiddikjara li l-applikazzjoni ta’ metodoloġija ta’ monitoraġġ speċifika mhix teknikament vijabbli, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-vijabbiltà teknika billi tikkunsidra l-ġustifikazzjoni tal-entità regolata. Dik il-ġustifikazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatt li l-entità regolata jkollha r-riżorsi tekniċi li jkunu kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ sistema jew rekwiżit proposti li jkunu jistgħu jiġu implimentati fil-ħin meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Dawk ir-riżorsi tekniċi għandhom jinkludu d-disponibbiltà tat-tekniki u t-teknoloġija meħtieġa.

    Għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet storiċi għas-sena 2024 f’konformità mal-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-entitajiet regolati milli jiġġustifikaw li metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ ma hijiex teknikament vijabbli.

    Artikolu 75d

    Kostijiet irraġonevoli

    1.   Fejn entità regolata ssostni li l-applikazzjoni ta’ metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ timplika kostijiet irraġonevoli, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk il-kostijiet humiex irraġonevoli, billi tikkunsidra l-ġustifikazzjoni tal-entità regolata.

    L-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-kostijiet irraġonevoli fejn l-istima tal-kost taqbeż il-benefiċċju. Għal dak il-għan, il-benefiċċju għandu jiġi kkalkolat billi fattur ta’ titjib jiġi mmultiplikat bi prezz ta’ referenza ta’ EUR 60 għal kull kwota. Il-kostijiet għandhom jinkludu perjodu ta’ deprezzament xieraq ibbażat fuq il-ħajja ekonomika tat-tagħmir.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-entità regolata għandha tikkunsidra l-kostijiet tal-applikazzjoni ta’ metodoloġija ta’ monitoraġġ speċifika mġarrba mill-konsumaturi tal-flussi tal-karburant rilaxxati, inkluż mill-konsumaturi aħħarin. Għall-finijiet ta’ dan is-subparagrafu, l-entità regolata tista’ tapplika stimi konservattivi tal-kostijiet.

    Għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet storiċi għas-sena 2024 f’konformità mal-Artikolu 30f(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-entitajiet regolati milli jiġġustifikaw li metodoloġija speċifika ta’ monitoraġġ iġġarrab kostijiet irraġonevoli.

    3.   Meta tkun qiegħda tivvaluta n-natura irraġonevoli tal-kostijiet rigward l-għażla tal-livelli għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati tal-entità regolata, l-awtorità kompetenti għandha tuża bħala l-fattur ta’ titjib imsemmi fil-paragrafu 1 id-differenza bejn l-inċertezza li attwalment tkun intlaħqet u l-livell limitu ta’ inċertezza tal-livell li jkun jista’ jintlaħaq bit-titjib immultiplikat bl-emissjonijiet medji annwali kkawżati minn dak il-fluss ta’ karburant matul it-3 snin l-iżjed riċenti.

    Fin-nuqqas ta’ tali data dwar l-emissjonijiet annwali medji maħluqa minn dak il-fluss ta’ karburant matul l-aktar 3 snin riċenti, l-entità regolata għandha tipprovdi stima konservattiva tal-emissjonijiet annwali medji, bl-esklużjoni tas-CO2 li jinħoloq mill-bijomassa. Għall-istrumenti tal-kejl taħt il-kontroll metroloġiku legali nazzjonali, l-inċertezza li tintlaħaq attwalment tista’ tiġi sostitwita bl-iżball massimu permissibbli waqt it-tħaddim li jkun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

    Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5), sakemm l-informazzjoni rilevanti dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti tal-bijomassa użati għall-kombustjoni tkun disponibbli għall-entità regolata.

    4.   Meta tiġi vvalutata n-natura irraġonevoli tal-kostijiet fir-rigward tal-għażla tal-livelli għad-determinazzjoni tal-fattur tal-ambitu tal-entità regolata u fir-rigward ta’ miżuri li jżidu l-kwalità tad-data tal-emissjonijiet irrapportati iżda mingħajr impatt dirett fuq l-akkuratezza tad-data dwar l-ammonti ta’ karburant rilaxxati, l-awtorità kompetenti għandha tuża fattur ta’ titjib ta’ 1 % tal-emissjonijiet annwali medji tal-flussi tal-karburant rispettivi fit-tliet perjodi ta’ rapportar l-aktar riċenti. Il-miżuri li jżidu l-kwalità tal-emissjonijiet irrapportati iżda mingħajr impatt dirett fuq l-akkuratezza tad-data dwar l-ammonti ta’ karburant rilaxxati jistgħu jinkludu:

    (a)

    bidla minn valuri prestabbiliti għal analiżijiet sabiex jiġu ddeterminati l-fatturi tal-kalkolu;

    (b)

    żieda fl-għadd ta’ analiżijiet għal kull fluss ta’ karburant;

    (c)

    fejn il-kompitu speċifiku tal-kejl ma jaqax taħt kontroll metroloġiku legali nazzjonali, is-sostituzzjoni ta’ strumenti tal-kejl bi strumenti li jikkonformaw ma’ rekwiżiti rilevanti ta’ kontroll metroloġiku legali tal-Istat Membru f’applikazzjonijiet simili, jew għal strumenti tal-kejl li jilħqu r-regoli nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) jew id-Direttiva 2014/32/UE;

    (d)

    it-tqassir tal-intervalli ta’ kalibrazzjoni u manutenzjoni tal-istrumenti tal-kejl;

    (e)

    it-titjib ta’ attivitajiet ta’ fluss ta’ data u attivitajiet ta’ kontroll li jnaqqsu r-riskju inerenti jew ta’ kontroll b’mod sinifikanti;

    (f)

    entitajiet regolati li jaqilbu għal identifikazzjoni aktar akkurata tal-fattur tal-ambitu.

    5.   Ma għandux jiġi kkunsidrat li l-miżuri relatati mat-titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ ta’ entità regolata jġarrbu kostijiet irraġonevoli sa ammont akkumulat ta’ EUR 4 000 għal kull perjodu ta’ rapportar. Għall-entitajiet regolati b’emissjonijiet baxxi dak il-livell limitu għandu jkun ta’ EUR 1 000 għal kull perjodu ta’ rapportar.

    Artikolu 75e

    Kategorizzazzjoni tal-entitajiet regolati u tal-flussi ta’ karburant

    1.   Għall-fini tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet u d-determinazzjoni tar-rekwiżiti minimi għal-livelli għall-fatturi ta’ kalkolu relatati, kull entità regolata għandha tiddetermina l-kategorija tagħha skont il-paragrafu 2, u, fejn rilevanti, ta’ kull fluss ta’ karburant skont il-paragrafu 3.

    2.   L-entità regolata għandha tikklassifika lilha nnifisha f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

    (a)

    entità tal-kategorija A, fejn mill-2027 sal-2030 l-emissjonijiet annwali medji vverifikati fis-sentejn ta’ qabel il-perjodu ta’ rapportar, bl-esklużjoni tas-CO2 li jirriżulta mill-bijomassa, ikunu daqs jew inqas minn 50 000 tunnellata ta’ CO2(e);

    (b)

    entità tal-kategorija B, fejn mill-2027 sal-2030 l-emissjonijiet annwali medji vverifikati fis-sentejn ta’ qabel il-perjodu ta’ rapportar, bl-esklużjoni tas-CO2 li jirriżulta mill-bijomassa, ikunu aktar minn 50 000 tunnellata ta’ CO2(e).

    Mill-2031 ’il quddiem, l-entitajiet tal-kategoriji A u B imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-emissjonijiet annwali medji vverifikati fil-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali.

    B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-entità regolata ma timmodifikax il-pjan ta’ monitoraġġ meta, abbażi ta’ emissjonijiet ivverifikati, jinqabeż il-limitu għall-klassifikazzjoni tal-entità regolata msemmi fl-ewwel subparagrafu, iżda l-entità regolata turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li dan il-limitu ma jkunx diġà inqabeż matul l-aħħar ħames perjodi ta’ rapportar u ma jerġax jinqabeż f’perjodi ta’ rapportar sussegwenti.

    3.   L-entità regolata għandha tikklassifika kull fluss ta’ karburant f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

    (a)

    flussi ta’ karburant de minimis, fejn il-flussi ta’ karburant magħżula mill-entità regolata flimkien jammontaw għal inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2 fossili fis-sena;

    (b)

    flussi ta’ karburant maġġuri, fejn il-flussi ta’ karburant ma jaqgħux taħt il-kategoriji msemmija fil-punt (a).

    B’deroga mill-Artikolu 14(2), l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lill-entità regolata ma timmodifikax il-pjan ta’ monitoraġġ fejn, abbażi ta’ emissjonijiet ivverifikati, jinqabeż il-limitu għall-klassifikazzjoni ta’ sors ta’ karburant bħala sors ta’ karburant de minimis imsemmi fl-ewwel subparagrafu, iżda l-entità regolata turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li dan il-limitu ma jkunx diġà inqabeż matul l-aħħar ħames perjodi ta’ rapportar u ma jerġax jinqabeż f’perjodi ta’ rapportar sussegwenti.

    4.   Meta l-emissjonijiet annwali medji vverifikati użati sabiex tiġi ddeterminata l-kategorija tal-entità regolata kif imsemmi fil-paragrafu 2 ma jkunux disponibbli jew ma jibqgħux rappreżentattivi għall-fini tal-paragrafu 2, l-entità regolata għandha tuża stima konservattiva tal-emissjonijiet medji annwali, bl-esklużjoni tas-CO2 li jirriżulta mill-bijomassa, biex tiġi ddeterminata l-kategorija tal-entità regolata.

    5.   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).

    Artikolu 75f

    Metodoloġija ta’ monitoraġġ

    Kull entità regolata għandha tiddetermina l-emissjonijiet annwali tas-CO2 mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE billi timmultiplika għal kull fluss ta’ karburant l-ammont ta’ karburant rilaxxat bil-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità korrispondenti, il-fattur tal-ambitu korrispondenti u l-fattur ta’ emissjoni korrispondenti.

    Il-fattur ta’ emissjoni għandu jiġi espress bħala tunnellati ta’ CO2 għal kull terajoule (t CO2/TJ) konsistenti mal-użu tal-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità.

    L-awtorità kompetenti tista’ tippermetti l-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni għall-karburanti, espressi bħala tCO2/t jew tCO2/Nm3. F’każijiet bħal dawn, l-entità regolata għandha tiddetermina l-emissjonijiet billi timmultiplika l-ammont ta’ karburant rilaxxat, espress bħala tunnellati jew metri kubiċi normali, bil-fattur tal-ambitu korrispondenti u l-fattur ta’ emissjoni korrispondenti.

    Artikolu 75g

    Tibdil temporanju fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ

    1.   Meta, għal raġunijiet tekniċi, ma jkunx temporanjament fattibbli li jiġi applikat il-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti, l-entità regolata kkonċernata għandha tapplika l-ogħla livell li jista’ jintlaħaq, jew, ħlief għall-fattur tal-ambitu, approċċ konservattiv mingħajr livelli jekk ma tkunx tista’ tinkiseb l-applikazzjoni ta’ livell, sakemm jiġu rrestawrati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-livell approvat fil-pjan ta’ monitoraġġ.

    L-entità regolata għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tippermetti t-tkomplija fil-pront tal-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti.

    2.   L-entità regolata kkonċernata għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-bidla temporanja msemmija fil-paragrafu 1 għall-metodoloġija ta’ monitoraġġ mingħajr dewmien żejjed, u tispeċifika:

    (a)

    ir-raġunijiet għad-devjazzjoni mill-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti;

    (b)

    id-dettalji tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ interim li qed tuża l-entità regolata sabiex tiddetermina l-emissjonijiet sakemm il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti jkunu ġew irrestawrati;

    (c)

    il-miżuri li l-entità regolata tkun qed tieħu sabiex tirrestawra l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti;

    (d)

    il-mument mistenni meta l-applikazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ kif approvat mill-awtorità kompetenti tkun se tiġi rrestawrata.

    TAQSIMA 2

    Metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu

    Subtaqsima 1

    Ġ e n e r a l i

    Artikolu 75h

    Livelli applikabbli għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati u għall-fatturi ta’ kalkolu

    1.   Meta tiddefinixxi l-livelli rilevanti għall-flussi ta’ karburant ewlenin, sabiex tiddetermina l-ammonti ta’ karburant rilaxxati u kull fattur ta’ kalkolu, kull entità regolata għandha tapplika dan li ġej:

    (a)

    mill-inqas il-livelli elenkati fl-Anness V, f’każ ta’ entità tal-kategorija A, jew fejn ikun meħtieġ fattur ta’ kalkolu għal fluss ta’ karburant li jkun karburant standard kummerċjali;

    (b)

    f’każijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punt (a), l-ogħla livell kif iddefinit fl-Anness IIa.

    Madankollu, għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati u għall-fatturi ta’ kalkolu ta’ flussi ta’ karburant ewlenin, l-entità regolata tista’ tapplika livell sa żewġ livelli aktar baxx milli meħtieġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu, b’minimu tal-livell 1, meta turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu, jew fejn applikabbli l-ogħla livell li jmiss, ma huwiex teknikament fattibbli jew iwassal għal kostijiet irraġonevoli.

    2.   Għall-flussi ta’ karburant de minimis, l-entità regolata tista’ tiddetermina l-ammonti ta’ karburant rilaxxati u kull fattur ta’ kalkolu billi juża stimi konservattivi minflok ma tuża livelli, sakemm livell definit ikun jista’ jintlaħaq mingħajr sforz addizzjonali.

    Għall-flussi ta’ karburant imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-entità regolata tista’ tiddetermina l-ammonti ta’ karburant rilaxxati abbażi ta’ fatturi jew rekords tax-xiri, sakemm livell definit ma jkunx jista’ jintlaħaq mingħajr sforz addizzjonali.

    3.   Meta l-awtorità kompetenti tkun ippermettiet l-użu ta’ fatturi ta’ emissjoni espressi bħala t CO2/t jew t CO2/Nm3 għall-karburanti, il-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità jista’ jiġi mmonitorjat bl-użu ta’ stima konservattiva minflok bl-użu ta’ livelli, sakemm livell definit ma jkunx jista’ jintlaħaq mingħajr sforz addizzjonali.

    Artikolu 75i

    Livelli applikabbli għall-fattur tal-ambitu

    1.   Meta tiddefinixxi l-livelli rilevanti għall-flussi ta’ karburant, sabiex tiddetermina l-fattur tal-ambitu, kull entità regolata għandha tapplika l-ogħla livell kif iddefinit fl-Anness IIa.

    Madankollu, l-entità regolata tista’ tapplika livell wieħed aktar baxx minn dak meħtieġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu meta turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu ma huwiex teknikament fattibbli, iwassal għal kostijiet irraġonevoli, jew li l-metodi elenkati fl-Artikolu 75l(2), il-punti (a) sa (d), ma humiex disponibbli.

    Jekk it-tieni subparagrafu ma jkunx applikabbli, l-entità regolata tista’ tapplika livell li jkun żewġ livelli aktar baxx minn dak meħtieġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu, b’minimu tal-livell 1, meta turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-livell meħtieġ f’konformità mal-ewwel subparagrafu ma huwiex teknikament fattibbli, iwassal għal kostijiet irraġonevoli, jew li, abbażi ta’ valutazzjoni simplifikata tal-inċertezza, il-metodi stabbiliti f’livelli aktar baxxi jwasslu għal determinazzjoni aktar akkurata dwar jekk il-karburant jintużax għall-kombustjoni f’setturi koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

    Fejn, għal fluss ta’ karburant, l-entità regolata tuża aktar minn metodu wieħed elenkat fl-Artikolu 75l(2), (3) u (4), għandha tkun meħtieġa li turi li l-kundizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu huma ssodisfati biss fir-rigward tas-sehem tal-ammont ta’ karburant rilaxxat li għalih jintalab il-metodu tal-livell inferjuri.

    2.   Għall-flussi ta’ karburant de minimis, l-entità regolata ma għandhiex tkun meħtieġa turi li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1 huma ssodisfati, sakemm ma jkunx jista’ jinkiseb livell definit mingħajr sforz addizzjonali.

    Subtaqsima 2

    Ammonti ta’ karburant rilaxxati

    Artikolu 75j

    Determinazzjoni tal-ammonti ta’ karburant rilaxxati

    1.   L-entità regolata għandha tiddetermina l-ammonti ta’ karburant rilaxxati ta’ fluss ta’ karburant b’wieħed mill-modi li ġejjin:

    (a)

    meta l-entitajiet regolati u l-flussi ta’ karburant koperti jikkorrispondu għal entitajiet b’obbligi ta’ rapportar skont, u prodotti tal-enerġija soġġetti għal, leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2003/96/KE u (UE) 2020/262, abbażi tal-metodi ta’ kejl użati għall-finijiet ta’ dawk l-atti meta dawk il-metodi jkunu bbażati fuq il-kontroll metroloġiku nazzjonali;

    (b)

    abbażi tal-aggregazzjoni tal-kejl tal-kwantitajiet fil-punt fejn il-flussi ta’ karburant jiġu rilaxxat għall-konsum;

    (c)

    abbażi ta’ kejl kontinwu fil-punt fejn il-flussi ta’ karburant jiġu rilaxxati għall-konsum.

    Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-entitajiet regolati jużaw biss, fejn applikabbli, il-metodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

    2.   Fejn id-determinazzjoni tal-ammonti ta’ karburant rilaxxati għas-sena kalendarja sħiħa ma tkunx teknikament fattibbli jew tista’ timplika kostijiet irraġonevoli, l-entità regolata tista’ tagħżel il-jum l-iżjed xieraq li jkun imiss sabiex tissepara sena ta’ rapportar mis-sena ta’ wara, u tirrikonċilja skont kif ikun xieraq mas-sena kalendarja meħtieġa. Id-devjazzjonijiet involuti għal fluss ta’ karburant wieħed jew aktar għandhom jiġu ddokumentati fil-pjan ta’ monitoraġġ, irreġistrati b’mod ċar, jifformaw il-bażi ta’ valur rappreżentattiv għas-sena kalendarja, u jiġu kkunsidrati b’mod konsistenti b’rabta mas-sena li jkun imiss. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi l-linji gwida rilevanti.

    Meta jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ karburant rilaxxati f’konformità mal-paragrafu 1, il-punti (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw l-Artikoli 28 u 29, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 28(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza u t-tielet subparafu. Għal dak il-fini, kwalunkwe referenza għall-operatur jew għall-installazzjoni għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata.

    L-entità regolata tista’ tissimplifika l-valutazzjoni tal-inċertezza billi tassumi li l-iżbalji massimi permissibbli speċifikati għall-istrument tal-kejl fis-servizz għandhom jitqiesu bħala l-inċertezza matul il-perjodu kollu ta’ rapportar kif meħtieġ mid-definizzjonijiet tal-livelli fl-Anness IIa.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 75h, meta jintuża l-metodu msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-entità regolata tista’ tiddetermina l-ammonti ta’ karburant rilaxxati mingħajr ma tuża l-livelli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2026 dwar l-applikazzjoni prattika u l-livelli ta’ inċertezza tal-metodu msemmi f’dak il-punt.

    Subtaqsima 3

    Fatturi ta’ kalkolu

    Artikolu 75k

    Determinazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu

    1.   Għandhom japplikaw l-Artikolu 30, l-Artikolu 31(1), (2) u (3) u l-Artikoli 32, 33, 34, u 35. Għal dak il-fini:

    (a)

    kwalunkwe referenza għal operatur għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata;

    (b)

    kwalunkwe referenza għal data dwar attività għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati;

    (c)

    kwalunkwe referenza għal karburanti jew materjali għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-karburanti kif definit fl-Artikolu 3(af) tad-Direttiva 2003/87/KE;

    (d)

    kwalunkwe referenza għall-Anness II għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-Anness IIa.

    2.   L-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-entità regolata tiddetermina l-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità u l-fattur ta’ emissjoni tal-karburanti kif definit fl-Artikolu 3(af) tad-Direttiva 2003/87/KE bl-użu tal-istess livelli kif meħtieġ għall-karburanti kummerċjali standard dment li, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, xi wieħed mill-parametri li ġejjin juri intervall ta’ kunfidenza ta’ 95 % ta’:

    (a)

    inqas minn 2 % għall-valur kalorifiku nett;

    (b)

    inqas minn 2 % għall-fattur ta’ emissjoni, fejn l-ammonti ta’ karburant rilaxxat jiġu espressi bħala kontenut ta’ enerġija.

    Qabel l-applikazzjoni ta’ din id-deroga, l-awtorità kompetenti għandha tippreżenta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni sommarju tal-metodu u tas-sorsi tad-data użati biex jiġi ddeterminat jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ġietx issodisfata fl-aħħar 3 snin u biex jiġi żgurat li l-valuri użati jkunu konsistenti mal-valuri medji użati mill-operaturi fil-livell nazzjonali jew reġjonali korrispondenti. L-awtorità kompetenti tista’ tiġbor jew titlob tali evidenza. Mill-inqas kull 3 snin hija għandha tirrieżamina l-valuri użati u tinnotifika lill-Kummissjoni jekk ikun hemm xi tibdil sinifikanti, filwaqt li tqis il-medja tal-valuri użati mill-operaturi fil-livell nazzjonali jew reġjonali korrispondenti.

    Il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina regolarment ir-rilevanza ta’ din id-dispożizzjoni u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu fid-dawl tal-iżviluppi fis-suq tal-karburanti u l-proċessi Ewropej ta’ standardizzazzjoni.

    Artikolu 75l

    Determinazzjoni tal-fattur tal-ambitu

    1.   Fejn l-ammonti ta’ karburant rilaxxati ta’ fluss ta’ karburant jintużaw biss għall-kombustjoni f’setturi koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, il-fattur tal-ambitu għandu jiġi stabbilit għal 1.

    Fejn l-ammonti ta’ karburant rilaxxati ta’ fluss ta’ karburant jintużaw biss għall-kombustjoni f’setturi koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE, bl-eċċezzjoni ta’ installazzjonijiet esklużi skont l-Artikolu 27a ta’ dik id-Direttiva, il-fattur tal-ambitu għandu jiġi stabbilit għal żero, dment li l-entità regolata turi li l-għadd doppju msemmi fl-Artikolu 30f(5) tad-Direttiva 2003/87/KE ġie evitat.

    L-entità regolata għandha tiddetermina fattur tal-ambitu għal kull fluss ta’ karburant jew billi tapplika l-metodi msemmija fil-paragrafu 2, jew valur prestabbilit f’konformità mal-paragrafu 3, skont il-livell applikabbli.

    2.   L-entità regolata għandha tiddetermina l-fattur tal-ambitu abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-metodi li ġejjin, f’konformità mar-rekwiżiti tal-livell applikabbli kif stabbilit fl-Anness IIa ta’ dan ir-Regolament:

    (a)

    metodi bbażati fuq id-distinzjoni fiżika tal-flussi ta’ karburant, inklużi metodi bbażati fuq id-distinzjoni tar-reġjun ġeografiku jew ibbażati fuq l-użu ta’ strumenti tal-kejl separati;

    (b)

    metodi bbażati fuq il-proprjetajiet kimiċi tal-karburanti, li jippermettu lill-entitajiet regolati juru li l-karburant rilevanti jista’ jintuża biss għall-kombustjoni f’setturi speċifiċi, minħabba raġunijiet legali, tekniċi jew ekonomiċi;

    (c)

    l-użu ta’ markatur fiskali f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE (*5);

    (d)

    l-użu tar-rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet imsemmi fl-Artikolu 68(1);

    (e)

    katina ta’ arranġamenti kuntrattwali u fatturi traċċabbli (“katina ta’ kustodja”), li tirrappreżenta l-katina kollha tal-provvista mill-entità regolata sal-konsumaturi, inklużi l-konsumaturi aħħarin;

    (f)

    l-użu ta’ markaturi jew kuluri nazzjonali (kuluranti) għall-karburanti, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

    (g)

    metodi indiretti li jippermettu differenzjazzjoni akkurata tal-użi aħħarin tal-karburanti fiż-żmien meta jiġu rilaxxati għall-konsum, bħal profili ta’ konsum speċifiċi għas-settur, firxiet tipiċi ta’ kapaċità tal-livelli ta’ konsum tal-karburant tal-konsumaturi, u livelli ta’ pressjoni bħal dawk tal-karburanti gassużi, dment li l-użu ta’ dak il-metodu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi linji gwida dwar metodi indiretti applikabbli.

    3.   Fejn soġġett għal-livelli meħtieġa, l-applikazzjoni tal-metodi elenkati fil-paragrafu 2 ma tkunx teknikament fattibbli jew timplika kostijiet mhux raġonevoli, l-entità regolata tista’ tuża valur prestabbilit ta’ 1.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 3, l-entità regolata tista’ tapplika valur prestabbilit inqas minn 1, dment li:

    (a)

    għall-finijiet tar-rapportar tal-emissjonijiet fis-snin ta’ rapportar 2024 sa 2026, l-entità regolata turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-użu ta’ valuri prestabbiliti inqas minn 1 iwassal għal determinazzjoni aktar akkurata tal-emissjonijiet, jew

    (b)

    għall-finijiet tar-rapportar tal-emissjonijiet fis-snin ta’ rapportar mill-1 ta’ Jannar 2027, l-entità regolata turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-użu ta’ valuri prestabbiliti inqas minn 1 iwassal għal determinazzjoni aktar akkurata tal-emissjonijiet u li mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tiġi ssodisfata:

    (i)

    il-fluss tal-karburant huwa fluss ta’ karburant de minimis;

    (ii)

    il-valur prestabbilit għall-fluss ta’ karburant ma huwiex inqas minn 0,95 għall-użi tal-karburant f’setturi koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE jew mhux ogħla minn 0,05 għall-użi tal-karburant f’setturi mhux koperti minn dak l-Anness.

    5.   Fejn, għal fluss ta’ karburant, l-entità regolata tuża aktar minn metodu wieħed elenkat fil-paragrafi 2, 3 u 4, hija għandha tiddetermina l-fattur tal-ambitu bħala l-medja ponderata tal-fatturi differenti tal-kamp ta’ applikazzjoni li jirriżultaw mill-użu ta’ kull metodu. Għal kull metodu użat, l-entità regolata għandha tippreżenta informazzjoni dwar it-tip ta’ metodu, il-fattur tal-ambitu assoċjat, l-ammont ta’ karburant rilaxxat u l-kodiċi mill-format komuni ta’ rapportar għas-sistemi nazzjonali ta’ inventarju tal-gassijiet serra, kif approvat mill-korpi rispettivi tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima dwar it-tibdil fil-Klima (il-kodiċi tal-Format ta’ Rapportar Komuni (CDF)), fil-livell ta’ dettall disponibbli.

    6.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mill-Artikolu 75i, Stat Membru jista’ jirrikjedi li l-entitajiet regolati jużaw metodu speċifiku msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew valur prestabbilit għal ċertu tip ta’ karburant jew f’ċertu reġjun fit-territorju tagħhom. L-użu ta’ valuri prestabbiliti fil-livell nazzjonali għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

    Meta tapprova l-valur prestabbilit f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-livell xieraq ta’ armonizzazzjoni tal-metodoloġiji bejn l-Istati Membri, il-bilanċ bejn l-akkuratezza, l-effiċjenza amministrattiva u l-implikazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kost għall-konsumaturi, kif ukoll ir-riskju possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.

    Kwalunkwe valur prestabbilit għall-fluss nazzjonali ta’ karburant użat skont dan il-paragrafu ma għandux ikun anqas minn 0,95 għall-użi tal-karburant fis-setturi koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE jew mhux ogħla minn 0,05 għall-użi tal-karburant f’setturi mhux koperti minn dak l-Anness.

    7.   L-entità regolata għandha tispeċifika l-metodi applikati jew il-valuri prestabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ.

    Subtaqsima 4

    Trattament tal-bijomassa

    Artikolu 75m

    Rilaxx ta’ flussi ta’ karburanti tal-bijomassa

    1.   Għandhom japplikaw l-Artikolu 38 u l-Artikolu 39, bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 2 u 2a. Għal dak il-fini:

    (a)

    kwalunkwe referenza għal operatur għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata;

    (b)

    kwalunkwe referenza għal data dwar attività għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati;

    (c)

    kwalunkwe referenza għall-flussi minn sorsi għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-flussi ta’ karburant;

    (d)

    kwalunkwe referenza għall-Anness II għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-Anness IIa;

    (e)

    kwalunkwe referenza għall-paragrafu 39(2) għandha tiġi interpretata bħala referenza għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Fejn ikun applikabbli l-Artikolu 38(5), għandhom jitqiesu d-derogi ta’ limitu f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, dment li l-entità regolata tista’ turi l-evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi linji gwida dwar kif għandhom jiġu applikati aktar dawn id-derogi tal-limiti.

    3.   Fejn, suġġett għal-livell meħtieġ, l-entità regolata għandha twettaq analiżijiet sabiex tiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa, hija għandha tagħmel dan abbażi ta’ metodu standard rilevanti u l-metodi analitiċi fih, dment li l-użu ta’ dak il-metodu standard u analitiku jiġi approvat mill-awtorità kompetenti.

    Fejn, suġġett għal-livell meħtieġ, l-entità regolata għandha twettaq analiżijiet sabiex tiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa, iżda l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu ma tkunx teknikament fattibbli jew timplika kostijiet irraġonevoli, l-entità regolata għandha tippreżenta metodu ta’ stima alternattiv sabiex tiddetermina l-frazzjoni tal-bijomassa lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

    TAQSIMA 3

    Dispożizzjonijiet oħra

    Artikolu 75n

    Entitajiet regolati b’emissjonijiet baxxi

    1.   L-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra entità regolata bħala entità regolata b’emissjonijiet baxxi meta tiġi ssodisfata tal-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    mill-2027 sal-2030, l-emissjonijiet annwali medji vverifikati fis-sentejn ta’ qabel il-perjodu ta’ rapportar, bl-esklużjoni tas-CO2 li jirriżulta mill-bijomassa, kienu inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena;

    (b)

    mill-2031, l-emissjonijiet annwali medji ta’ dik l-entità regolata rrapportati fir-rapporti verifikati dwar l-emissjonijiet matul il-perjodu ta’ negozjar immedjatament qabel il-perjodu ta’ negozjar attwali, bl-esklużjoni tas-CO2 li jirriżulta mill-bijomassa, kienu inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2 fis-sena;

    (c)

    meta l-emissjonijiet annwali medji msemmija fil-punt (a) ma jkunux disponibbli jew ma jibqgħux rappreżentattivi għall-fini tal-punt (a), iżda l-emissjonijiet annwali ta’ dik l-entità regolata għall-5 snin li ġejjin, bl-esklużjoni tas-CO2 li jirriżulta mill-bijomassa, se jkunu, abbażi ta’ metodu ta’ stima konservattiv, inqas minn 1 000 tunnellata ta’ CO2(e) fis-sena.

    Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 38(5).

    2.   L-entità regolata b’emissjonijiet baxxi ma għandhiex tkun meħtieġa tippreżenta d-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1).

    3.   B’deroga mill-Artikolu 75j, l-entità regolata b’emissjonijiet baxxi tista’ tiddetermina l-ammont ta’ karburant rilaxxat bl-użu ta’ rekords ta’ xiri disponibbli u ddokumentati u stimi ta’ tibdil fl-istokk.

    4.   B’deroga mill-Artikoli 75h, l-entità regolata b’emissjonijiet baxxi tista’ tapplika bħala minimu l-livell wieħed għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammonti ta’ karburant rilaxxati u l-fatturi ta’ kalkolu għall-flussi kollha ta’ karburant, sakemm ma tkunx tista’ tinkiseb akkuratezza ogħla mingħajr sforz addizzjonali għall-entità regolata.

    5.   Għall-fini tad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu abbażi ta’ analiżijiet f’konformità mal-Artikolu 32, l-entità regolata b’emissjonijiet baxxi tista’ tuża kwalunkwe laboratorju li jkun teknikament kompetenti u kapaċi jiġġenera riżultati teknikament validi bl-użu tal-proċeduri analitiċi rilevanti u jipprovdi evidenza għal miżuri ta’ garanzija tal-kwalità kif imsemmi fl-Artikolu 34(3).

    6.   Fejn entità regolata b’emissjonijiet baxxi soġġetta għal monitoraġġ simplifikat taqbeż il-livell limitu msemmi fil-paragrafu 2 fi kwalunkwe sena kalendarja, din l-entità regolata għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar dan mingħajr dewmien żejjed.

    L-entità regolata għandha, mingħajr dewmien żejjed, tippreżenta modifika sinifikanti tal-pjan ta’ monitoraġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 15(3), il-punt (b), lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

    Madankollu, l-awtorità kompetenti għandha tippermetti li l-entità regolata tkompli l-monitoraġġ issimplifikat dment li dik l-entità regolata turi b’sodisfazzjon għall-awtorità kompetenti li l-livell limitu msemmi fil-paragrafu 2 ma jkunx inqabeż fil-ħames perjodi ta’ rapportar li jkunu għaddew u ma jkunx se jinqabeż għal darb’oħra mill-perjodu ta’ rapportar ta’ wara ’l quddiem.

    Artikolu 75o

    Ġestjoni u kontroll tad-data

    Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V. F’dan ir-rigward, kwalunkwe referenza għall-operatur/għal operatur għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata.

    Artikolu 75p

    Rapporti annwali dwar l-emissjonijiet

    1.   Mill-2026, l-entità regolata għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti sat-30 ta’ April ta’ kull sena rapport dwar l-emissjonijiet li jkopri l-emissjonijiet annwali fil-perjodu tar-rapportar u li huwa vverifikat f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.

    Fl-2025, l-entità regolata għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti sat-30 ta’ April rapport dwar l-emissjonijiet li jkopri l-emissjonijiet annwali fl-2024. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta f’dak ir-rapport f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

    Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-entitajiet regolati jippreżentaw ir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu qabel it-30 ta’ April, dment li r-rapport jiġi ppreżentat mhux aktar kmieni minn xahar wieħed wara l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 68(1).

    2.   Ir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom mill-inqas jinkludu l-informazzjoni mniżżla fl-Anness X.

    Artikolu 75q

    Rapportar dwar titjib fil-metodoloġija ta’ monitoraġġ

    1.   Kull entità regolata għandha tivverifika regolarment jekk il-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikata tistax tittejjeb.

    L-entitajiet regolati għandhom jippreżentaw lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni rapport li jkun jinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 jew 3, fejn xieraq, sal-iskadenzi li ġejjin:

    (a)

    għal entità tal-kategorija A, sal-31 ta’ Lulju kull 5 snin;

    (b)

    għal entità tal-kategorija B, sal-31 ta’ Lulju kull 3 snin;

    (c)

    għal kwalunkwe entità regolata li qed tuża l-fattur tal-ambitu prestabbilit kif imsemmi fl-Artikolu 75l(3) u (4), sal-31 ta’ Lulju 2026.

    Madankollu, l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi data alternattiva għall-preżentazzjoni tar-rapport, iżda mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tal-istess sena u tista’ tapprova, flimkien mal-pjan ta’ monitoraġġ jew ir-rapport tat-titjib, estensjoni tal-iskadenza applikabbli skont it-tieni subparagrafu, jekk l-entità regolata tipprovdi evidenza għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti meta tippreżenta pjan ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 75b jew man-notifika tal-aġġornamenti f’konformità ma’ dak l-Artikolu, jew meta tippreżenta rapport ta’ titjib f’konformità ma’ dan l-Artikolu, li r-raġunijiet għal kostijiet irraġonevoli jew għal miżuri ta’ titjib li ma humiex teknikament fattibbli se jibqgħu validi għal perjodu ta’ żmien itwal. L-estensjoni għandha tqis in-numru ta’ snin li għalihom l-entità regolata tipprovdi evidenza. Il-perjodu ta’ żmien totali bejn ir-rapporti dwar it-titjib ma għandux jaqbeż 4 snin għal entità regolata tal-kategorija B jew 5 snin għal entità regolata tal-kategorija A.

    2.   Fejn entità regolata ma tapplikax għall-flussi ta’ karburant ewlenin mill-inqas il-livelli meħtieġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 75h(1) u skont l-Artikolu 75i(1), l-entità regolata għandha tipprovdi ġustifikazzjoni għaliex l-applikazzjoni tal-livelli meħtieġa ma hijiex teknikament fattibbli jew tista’ timplika kostijiet irraġonevoli.

    Madankollu, fejn tinstab evidenza li l-miżuri meħtieġa għall-ilħiq ta’ dawk il-livelli jkunu saru teknikament vijabbli u ma jkunux għadhom jimplikaw kostijiet irraġonevoli, l-entità regolata għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar modifiki xierqa tal-pjan ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 75b, u tippreżenta proposti għall-implimentazzjoni tal-miżuri relatati u l-iskeda taż-żmien tagħha.

    3.   Meta l-entità regolata tapplika l-fattur tal-ambitu prestabbilit kif imsemmi fl-Artikolu 75l(3) u (4), l-entità regolata għandha tipprovdi ġustifikazzjoni dwar għaliex ma huwiex teknikament fattibbli jew jista’ jimplika kostijiet irraġonevoli biex jiġi applikat kwalunkwe metodu ieħor imsemmi fl-Artikolu 75l(2) għal fluss wieħed jew aktar ta’ karburant ewlieni jew de minimis.

    Madankollu, fejn tinstab evidenza, għal dawk il-flussi ta’ karburant, li l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe metodu ieħor imsemmi fl-Artikolu 75l(2) saret teknikament fattibbli u ma għadhiex timplika kostijiet irraġonevoli, l-entità regolata għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-modifiki xierqa tal-pjan ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 75b u tippreżenta proposti għall-implimentazzjoni tal-miżuri relatati u l-iskeda ta’ żmien tiegħu.

    4.   Fejn ir-rapport ta’ verifika stabbilit f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067 jiddikjara nuqqasijiet ta’ konformità jew rakkomandazzjonijiet għal titjib pendenti, f’konformità mal-Artikoli 27, 29 u 30 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-entità regolata għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti rapport għall-approvazzjoni sal-31 ta’ Lulju tas-sena li fiha dak ir-rapport ta’ verifika jinħareġ mill-verifikatur. Dak ir-rapport għandu jiddeskrivi kif u meta l-entità regolata tkun irrettifikat jew tippjana li tirrettifika n-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati mill-verifikatur u li timplimenta t-titjib irrakkomandat.

    L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi data alternattiva għall-preżentazzjoni tar-rapport kif imsemmi f’dan il-paragrafu, iżda mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru tal-istess sena. Fejn applikabbli, rapport bħal dan jista’ jiġi kkombinat mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Fejn titjib irrakkomandat ma jkunx se jwassal għal titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ, l-entità regolata għandha tipprovdi ġustifikazzjoni sabiex tispjega għaliex dak huwa l-każ. Fejn it-titjib irrakkomandat ikun se jwassal għal kostijiet irraġonevoli, l-entità regolata għandha tipprovdi evidenza tan-natura irraġonevoli tal-kostijiet.

    5.   Il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fejn l-entità regolata tkun diġà solviet in-nuqqasijiet ta’ konformità u r-rakkomandazzjonijiet kollha għat-titjib u ppreżentat modifiki relatati tal-pjan ta’ monitoraġġ lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 75b ta’ dan ir-Regolament qabel id-data stabbilita skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 75r

    Determinazzjoni tal-emissjonijiet mill-awtorità kompetenti

    1.   L-awtorità kompetenti għandha tagħmel stima konservattiva tal-emissjonijiet ta’ entità regolata, filwaqt li tqis l-implikazzjonijiet tat-trasferiment tal-kost għall-konsumaturi, fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ma jkun ġie ppreżentat l-ebda rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet mill-entità regolata sal-iskadenza meħtieġa skont l-Artikolu 75p;

    (b)

    ir-rapport annwali vverifikat dwar l-emissjonijiet imsemmi fl-Artikolu 75p ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament;

    (c)

    ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet ta’ entità regolata ma jkunx ġie vverifikat f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067.

    2.   Fejn verifikatur ikun iddikjara, fir-rapport ta’ verifika skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2067, l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet skorretti mhux materjali li ma jkunux ġew ikkoreġuti mill-entità regolata qabel il-ħruġ tar-rapport ta’ verifika, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta dawk id-dikjarazzjonijiet skorretti, u, fejn xieraq, tagħmel stima konservattiva tal-emissjonijiet tal-entità regolata, filwaqt li tqis l-implikazzjonijiet tat-trasferiment tal-kost għall-konsumaturi. L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-entità regolata jekk ikunux meħtieġa korrezzjonijiet, u liema huma dawn il-korrezzjonijiet, fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet. L-entità regolata għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-verifikatur.

    3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-approvazzjoni ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-aċċettazzjoni ta’ rapporti annwali dwar l-emissjonijiet.

    Artikolu 75s

    Aċċess għall-informazzjoni u l-arrotondament tad-data

    Għandhom japplikaw l-Artikolu 71 u l-Artikolu 72(1) u (2). F’dan ir-rigward, kwalunkwe referenza għall-operaturi jew għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru għandha tiġi interpretata bħala referenza għall-entitajiet regolati.

    Artikolu 75t

    Żgurar ta’ konsistenza ma’ rapportar ieħor

    Għall-finijiet tar-rapportar tal-emissjonijiet ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE:

    (a)

    is-setturi li fihom il-karburanti kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE jiġu rilaxxati għall-konsum u jinħarqu għandhom jiġu ttikkettati bl-użu tal-kodiċijiet tas-CRF;

    (b)

    il-karburanti kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu ttikkettati bl-użu tal-kodiċijiet NM f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2003/96/KE u 2009/30/KE, fejn rilevanti;

    (c)

    sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-rapportar għall-finijiet tat-taxxa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2003/96/KE u (UE) 2020/262, l-entità regolata għandha tuża, fejn rilevanti, in-numru tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-operatur ekonomiku skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 (*6), in-numru tas-sisa skont ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 (*7) jew in-numru nazzjonali tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tas-sisa maħruġ mill-awtorità rilevanti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2003/96/KE, meta jirrapportaw id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom fil-pjan ta’ monitoraġġ u fir-rapport dwar l-emissjonijiet.

    Artikolu 75u

    Rekwiżiti tat-teknoloġija tal-informazzjoni

    Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII. F’dan ir-rigward, kwalunkwe referenza għall-operatur u għall-operatur tal-inġenji tal-ajru għandha tiġi interpretata daqslikieku kienet referenza għall-entità regolata.

    KAPITOLU VIIb

    DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI RELATATI MAL-MONITORAĠĠ TAL-EMISSJONIJIET MINN ENTITAJIET REGOLATI

    Artikolu 75v

    Evitar tal-għadd doppju permezz ta’ monitoraġġ u rapportar

    1.   L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-iskambji effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermettu lill-entitajiet regolati jiddeterminaw l-użu aħħari tal-karburant rilaxxat għall-konsum.

    2.   Kull operatur għandu, flimkien mar-rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet tiegħu f’konformità mal-Artikolu 68(1), jippreżenta informazzjoni f’konformità mal-Anness Xa. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-operaturi jagħmlu l-informazzjoni rilevanti elenkata fl-Anness Xa disponibbli għall-entità regolata kkonċernata qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rapportar.

    3.   Kull entità regolata għandha, flimkien mar-rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet tagħha f’konformità mal-Artikolu 75p(1), tippreżenta informazzjoni dwar il-konsumaturi tal-karburanti li tkun irrilaxxat għall-konsum kif elenkat fl-Anness Xb.

    4.   Kull entità regolata li tirrilaxxa l-karburant għall-kombustjoni, f’setturi koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, għandha tiddetermina l-emissjonijiet tagħha fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 75p(1) ta’ dan ir-Regolament billi tuża l-informazzjoni mir-rapporti tal-operatur ippreżentati f’konformità mal-Anness Xa ta’ dan ir-Regolament u billi tnaqqas l-ammonti rilevanti ta’ karburanti imsemmija f’dawk ir-rapporti. L-ammonti ta’ karburanti miksuba iżda mhux użati fl-istess sena jistgħu jitnaqqsu biss jekk ir-rapport ivverifikat dwar l-emissjonijiet tal-operatur tas-sena ta’ wara s-sena ta’ rapportar jikkonferma li dawn intużaw għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE. Inkella, id-differenza għandha tiġi riflessa fir-rapporti vverifikati dwar l-emissjonijiet tal-entità regolata ta’ dik is-sena.

    5.   Meta l-ammonti ta’ karburanti użati jitnaqqsu fis-sena ta’ wara s-sena ta’ rapportar, it-tnaqqis għandu jiġi stabbilit fil-forma ta’ tnaqqis assolut tal-emissjonijiet, derivat mill-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ karburanti użati mill-operatur bil-fattur ta’ emissjoni korrispondenti fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-entità regolata.

    6.   Meta l-entità regolata ma tkunx tista’ tistabbilixxi li l-karburanti rilaxxati għall-konsum jintużaw għall-kombustjoni f’setturi soġġetti għall-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, il-paragrafi 4 u 5 ma għandhomx japplikaw.

    7.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu li jikkonċernaw lill-operaturi jiġu applikati wkoll mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

    Artikolu 75w

    Prevenzjoni tal-frodi u l-obbligu ta’ kooperazzjoni

    1.   Sabiex jiġu żgurati l-monitoraġġ u r-rapportar akkurati tal-emissjonijiet koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri kontra l-frodi u jiddeterminaw il-penali li għandhom jiġu imposti f’każ ta’ frodi li jkunu proporzjonati għall-fini tagħhom u li jkollhom effett ta’ deterrent adegwat.

    2.   Minbarra l-obbligi stabbiliti skont l-Artikolu 10, l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/87/KE, għandhom jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti inkarigati mis-superviżjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2003/96/KE u (UE) 2020/262, fejn rilevanti, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-identifikazzjoni ta’ ksur u l-impożizzjoni ta’ penali msemmija fil-paragrafu 1 jew ta’ miżuri korrettivi oħra f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE.

    (*4)  Id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 107)."

    (*5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 95/60/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar l-immarkar fiskali tan-nafta u tal-pitrolju (ĠU L 291, 6.12.1995, p. 46)."

    (*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1)."

    (*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1)”;"

    (25)

    l-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-Taqsima 1 hija emendata kif ġej:

    (i)

    fil-paragrafu (1), il-punt (f), ir-referenza għall-istandard armonizzat “ISO 14001:2004” hija sostitwita b’referenza għall-istandard armonizzat “ISO 14001:2015”;

    (ii)

    fil-paragrafu (7), il-punt (d), ir-referenza għar-“Regolament (UE) Nru 1193/2011” hija sostitwita bi

    “ir-Regolament (UE) 2019/1122 (*8) li ġej

    (*8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 3).”;"

    (iii)

    jiżdied il-paragrafu (10) li ġej:

    “(10)

    Fejn applikabbli, sal-31 ta’ Diċembru 2026, deskrizzjoni tal-proċedura użata għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 75v(2).”;

    (b)

    it-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

    (i)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “KONTENUT MINIMU TAL-PJANIJIET TA’ MONITORAĠĠ GĦALL-AVJAZZJONI”;

    (ii)

    fil-paragrafu (1), il-punt (i), ir-referenza għall-istandard armonizzat “ISO 14001:2004” hija sostitwita b’referenza għall-istandard armonizzat “ISO 14001:2015”;

    (iii)

    fil-paragrafu (1) jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(l)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġi vvalutat jekk bijokarburant jikkonformax mal-Artikolu 38(5);

    (m)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet ta’ bijokarburant u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm għadd doppju f’konformità mal-Artikolu 54;

    (n)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġi vvalutat jekk il-karburant tal-avjazzjoni eliġibbli jikkonformax mal-Artikolu 54a(2);

    (o)

    fejn applikabbli deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli u biex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda għadd doppju f’konformità mal-Artikolu 54a.”;

    (iv)

    fil-paragrafu (2), jitħassru l-punti (f) u (g);

    (c)

    it-Taqsima 3 titħassar;

    (d)

    tiżdied it-Taqsima li ġejja:

    “4.   KONTENUT MINIMU TAL-PJANIJIET TA’ MONITORAĠĠ GĦALL-ENTITAJIET REGOLATI

    Il-pjan ta’ monitoraġġ għall-entitajiet regolati għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (1)

    informazzjoni ġenerali dwar l-entità regolata:

    (a)

    l-identifikazzjoni tal-entità regolata, id-dettalji ta’ kuntatt inkluż l-indirizz, u fejn rilevanti n-numru tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-operatur ekonomiku skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013, in-numru tas-sisa skont ir-Regolament (UE) Nru 389/2012 jew in-numru nazzjonali tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tas-sisa maħruġ mill-awtorità rilevanti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2003/96/KE, użat għar-rapportar għal finijiet ta’ taxxa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2003/96/KE u (UE) 2020/262;

    (b)

    deskrizzjoni tal-entità regolata, li jkun fiha lista tal-flussi ta’ karburant li għandhom jiġu mmonitorjati, il-mezzi li permezz tagħhom il-flussi ta’ karburant jiġu rilaxxati għall-konsum, l-użu/i aħħari(n) tal-fluss ta’ karburant rilaxxat għall-konsum inkluż il-kodiċi CRF, fil-livell ta’ aggregazzjoni disponibbli, u li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

    (i)

    din id-deskrizzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex jintwera li la jkunu qegħdin iseħħu nuqqasijiet fid-data u lanqas għadd doppju tal-emissjonijiet;

    (ii)

    dijagramma sempliċi tal-informazzjoni msemmija fil-punt (b), l-ewwel subparagrafu, li tiddeskrivi l-entità regolata, il-flussi tal-karburant, il-mezzi li bihom il-karburanti kif iddefiniti fl-Artikolu 3(af) tad-Direttiva 2003/87/KE jiġu rilaxxati għall-konsum, l-istrumenti tal-kejl u kwalunkwe parti oħra tal-entità regolata rilevanti għall-metodoloġija ta’ monitoraġġ inklużi l-attivitajiet tal-fluss tad-data u l-attivitajiet ta’ kontroll;

    (iii)

    fejn l-entitajiet regolati u l-flussi ta’ karburant koperti jikkorrispondu għal entitajiet b’obbligi ta’ rapportar skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2003/96/KE jew 2009/30/KE, u għall-karburanti soġġetti għaliha, dijagramma sempliċi tal-metodi ta’ kejl użati għall-finijiet ta’ dawk l-atti;

    (iv)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe devjazzjoni mill-bidu u t-tmiem tas-sena ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 75j(2);

    (c)

    deskrizzjoni tal-proċedura għall-ġestjoni tal-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-monitoraġġ u r-rappurtar fi ħdan l-entità regolata, u għall-ġestjoni tal-kompetenzi tal-persunal responsabbli;

    (d)

    deskrizzjoni tal-proċedura għal evalwazzjoni regolari tal-adegwatezza tal-pjan ta’ monitoraġġ, li tkopri mill-inqas dan li ġej:

    (i)

    il-verifika tal-lista tal-flussi ta’ karburant, l-iżgurar tal-kompletezza u l-iżgurar li l-bidliet rilevanti kollha fin-natura u fil-funzjonament tal-entità regolata se jiġu inklużi fil-pjan ta’ monitoraġġ;

    (ii)

    il-valutazzjoni tal-konformità mal-limiti ta’ inċertezza għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati u parametri oħra, fejn applikabbli, għal-livelli applikati għal kull fluss ta’ karburant;

    (iii)

    il-valutazzjoni tal-miżuri potenzjali għat-titjib tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ applikata, b’mod partikolari l-metodu għad-determinazzjoni tal-fattur tal-ambitu;

    (e)

    deskrizzjoni tal-proċeduri bil-miktub tal-attivitajjiet tal-fluss tad-data skont l-Artikolu 58, inkluż dijagramma fejn xieraq għall-kjarifika;

    (f)

    deskrizzjoni tal-proċeduri bil-miktub għall-attivitajiet ta’ kontroll stabbiliti skont l-Artikolu 59;

    (g)

    fejn applikabbli, informazzjoni dwar ir-rabtiet rilevanti bejn l-attività tal-entità regolata elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE u r-rapportar għal finijiet ta’ taxxa skont ir-rapportar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2003/96/KE u (UE) 2020/262;

    (h)

    in-numru tal-verżjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ u d-data minn meta dik il-verżjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ hija applikabbli;

    (i)

    il-kategorija tal-entità regolata;

    (2)

    deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġiji bbażati fuq il-kalkolu, li tikkonsisti minn dan li ġej:

    (a)

    għal kull fluss ta’ karburant li għandu jiġi mmonitorjat, deskrizzjoni dettaljata tal-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu applikata, inkluża lista ta’ data tal-input u formuli tal-kalkolu użati, il-metodi biex jiġi ddeterminat il-fattur tal-ambitu, lista tal-livelli applikati għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati, il-fatturi ta’ kalkolu rilevanti kollha, il-fattur tal-ambitu u, fil-livell ta’ aggregazzjoni magħruf, il-kodiċijiet CRF tal-użu/i aħħari(n) tal-fluss ta’ karburant rilaxxat għall-konsum;

    (b)

    fejn l-entità regolata jkollha l-ħsieb li tagħmel użu mis-simplifikazzjoni għall-flussi ta’ karburant de minimis, kategorizzazzjoni tal-flussi ta’ karburant fi flussi ta’ karburant maġġuri u de minimis;

    (c)

    deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kejl użati, u l-firxa ta’ kejl tagħhom, l-inċertezza u l-pożizzjoni tal-istrumenti tal-kejl li jkunu se jintużaw għal kull wieħed mill-flussi ta’ karburant li jkunu se jiġu mmonitorjati;

    (d)

    fejn applikabbli, il-valuri prestabbiliti użati għal fatturi ta’ kalkolu li jindikaw is-sors tal-fattur, jew is-sors rilevanti, li minnu l-fattur prestabbilit jiġi rkuprat perjodikament, għal kull wieħed mill-flussi ta’ karburant;

    (e)

    fejn applikabbli, lista tal-metodi ta’ analiżi li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu rilevanti kollha għal kull wieħed mill-flussi ta’ karburant, u deskrizzjoni tal-proċeduri bil-miktub għal dawk l-analiżijiet;

    (f)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura li tispjega l-pjan ta’ kampjunar għall-kampjunar tal-karburant li jkun se jiġi analizzat, u l-proċedura użata għar-reviżjoni tal-adegwatezza tal-pjan ta’ kampjunar;

    (g)

    fejn applikabbli, lista ta’ laboratorji impenjati fit-twettiq tal-proċeduri analitiċi rilevanti u, fejn il-laboratorju ma jkunx akkreditat kif imsemmi fl-Artikolu 34(1) deskrizzjoni tal-proċedura użata sabiex tintwera l-konformità ma’ rekwiżiti ekwivalenti f’konformità mal-Artikolu 34(2) u (3);

    (3)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata għall-valutazzjoni tal-konformità tal-flussi ta’ karburant tal-bijomassa mal-Artikolu 38(5) u, fejn rilevanti, mal-Artikolu 75m(2);

    (4)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata biex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet tal-bijogass abbażi tar-rekords tax-xiri f’konformità mal-Artikolu 39(4).;

    (5)

    fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-proċedura użata għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni kif deskritt fl-Artikolu 75v(3) u għar-riċevuta ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 75v(2).”;

    (26)

    fl-Anness II, it-Taqsima I, it-Tabella 1 hija emendata kif ġej:

    (i)

    it-tielet ringiela (dwar “karburanti solidi”) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Karburanti solidi, eskluż l-iskart

    Ammont ta’ karburant [t]

    ± 7,5 %

    ± 5 %

    ± 2,5 %

    ± 1,5 %”;

    (ii)

    wara t-tielet ringiela (li tikkonċerna l-“karburanti solidi”), tiddaħħal ir-ringiela li ġejja:

    “Skart

    Ammont ta’ karburant [t]

    ± 7,5 %

    ± 5 %

    ± 2,5 %

    ± 1,5 %“:

    (27)

    jiddaħħal l-Anness IIa li ġej:

    “ANNESS IIa

    Definizzjonijiet tal-livelli għall-metodoloġiji bbażati fuq il-kalkolu relatati ma’ entitajiet regolati

    1.   DEFINIZZJONI TAL-LIVELLI GĦALL-AMMONTI TA’ KARBURANT RILAXXATI

    Il-limiti ta’ inċertezza fit-Tabella 1 għandhom japplikaw għal-livelli rilevanti għar-rekwiżiti tal-ammonti ta’ karburant rilaxxati f’konformità mal-Artikolu 28(1), il-punt (a), u l-Artikolu 29(2), l-ewwel subparagrafu. Il-livelli limitu ta’ inċertezza għandhom jiġu interpretati bħala l-inċertezzi massimi permissibbli għad-determinazzjoni ta’ flussi ta’ karburant tul perjodu ta’ rapportar.

    Tabella 1

    Livelli għall-ammonti ta’ karburant rilaxxati (inċertezza massima permissibbli għal kull livell)

    Tip ta’ fluss ta’ karburant

    Parametru li għalih tiġi applikata l-inċertezza

    Livell 1

    Livell 2

    Livell 3

    Livell 4

    Kombustjoni ta’ karburanti

    Karburanti standard kummerċjali

    Ammont ta’ karburant [t] jew [Nm3] jew [TJ]

    ±7,5  %

    ±5  %

    ±2,5  %

    ±1,5  %

    Karburanti gassużi u likwidi oħra

    Ammont ta’ karburant [t] jew [Nm3] jew [TJ]

    ±7,5  %

    ±5  %

    ±2,5  %

    ±1,5  %

    Karburanti solidi

    Ammont ta’ karburant [t] jew [TJ]

    ±7,5  %

    ±5  %

    ±2,5  %

    ±1,5  %

    2.   DEFINIZZJONI TAL-LIVELLI GĦALL-FATTURI TA’ KALKOLU U L-FATTUR TAL-AMBITU

    L-entitajiet regolati għandhom jimmonitorjaw l-emissjonijiet tas-CO2 mit-tipi kollha ta’ karburanti rilaxxati għall-konsum fis-setturi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE jew inklużi fis-sistema tal-Unjoni skont l-Artikolu 30j ta’ dik id-Direttiva bl-użu tad-definizzjonijiet tal-livelli stabbiliti f’din it-taqsima.

    2.1.   Livelli għall-fatturi ta’ emissjoni

    Fejn frazzjoni ta’ bijomassa tiġi ddeterminata għal karburant imħallat, il-livelli ddefiniti għandhom jirrigwardaw il-fattur ta’ emissjoni preliminari. Għall-karburanti fossili, il-livelli għandhom jirrigwardaw il-fattur ta’ emissjoni.

    Livell 1: L-entità regolata għandha tapplika wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-fatturi standard elenkati fit-taqsima 1 tal-Anness VI;

    (b)

    valuri kostanti oħrajn f’konformità mal-Artikolu 31(1), il-punt (e), fejn ma jkun hemm l-ebda valur applikabbli fit-taqsima 1 tal-Anness VI.

    Livell 2a: L-entità regolata għandha tapplika fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għall-pajjiż għall-karburant rispettiv f’konformità mal-Artikolu 31(1), il-punti (b) u (c).

    Livell 2b: L-entità regolata għandha tikseb fatturi ta’ emissjoni għall-karburant abbażi tal-valur kalorifiku nett għal tipi speċifiċi ta’ faħam, flimkien ma’ korrelazzjoni empirika kif iddeterminat mill-inqas darba fis-sena f’konformità mal-Artikoli 32 sa 35 u 75m.

    L-entità regolata għandha tiżgura li l-korrelazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-prattiki tajba tal-inġinerija u li tiġi applikata biss għal valuri tal-proxy li jaqgħu fil-firxa li għaliha tkun ġiet stabbilita.

    Livell 3: L-entità regolata għandha tapplika wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    determinazzjoni tal-fattur ta’ emissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 32 sa 35;

    (b)

    il-korrelazzjoni empirika kif speċifikata għal-Livell 2b, fejn l-entità regolata turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li l-inċertezza tal-korrelazzjoni empirika ma taqbiżx 1/3 tal-valur tal-inċertezza li l-entità regolata għandha taderixxi miegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammonti ta’ karburant rilaxxati tal-karburant rilevanti.

    2.2.   Livelli għall-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità

    Livell 1: L-entità regolata għandha tapplika wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-fatturi standard elenkati fit-taqsima 1 tal-Anness VI;

    (b)

    valuri kostanti oħrajn f’konformità mal-Artikolu 31(1), il-punt (e), fejn ma jkun hemm l-ebda valur applikabbli fit-taqsima 1 tal-Anness VI.

    Livell 2a: L-entità regolata għandha tapplika fatturi speċifiċi għall-pajjiż għall-karburant rispettiv f’konformità mal-Artikolu 31(1), il-punt (b) jew (c).

    Livell 2b: Għall-karburanti li jinbiegħu b’mod kummerċjali għandu jintuża l-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità kif derivat mir-reġistri tax-xiri għall-karburant rispettiv, dment li jkun ġie dderivat abbażi ta’ standards nazzjonali jew internazzjonali aċċettati.

    Livell 3: L-entità regolata għandha tiddetermina l-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità f’konformità mal-Artikoli 32 sa 35.

    2.3.   Livelli għall-frazzjoni tal-bijomassa

    Livell 1: L-entità regolata għandha tapplika valur applikabbli ppubblikat mill-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni, jew valuri f’konformità mal-Artikolu 31(1).

    Livell 2: L-entità regolata għandha tapplika metodu ta’ stima approvat f’konformità mal-Artikolu 75m(3), it-tieni subparagrafu.

    Livell 3a: L-entità regolata għandha tapplika analiżijiet f’konformità mal-Artikolu 75m(3), l-ewwel subparagrafu, u f’konformità mal-Artikoli 32 sa 35.

    Fejn entità regolata tassumi frazzjoni ta’ fossili ta’ 100 % f’konformità mal-Artikolu 39(1), l-ebda livell ma għandu jiġi assenjat għall-frazzjoni tal-bijomassa.

    Livell 3b: Għall-karburanti li joriġinaw minn proċess ta’ produzzjoni bi flussi ta’ input definiti u traċċabbli, l-entità regolata tista’ tibbaża l-istima fuq bilanċ tal-massa tal-karbonju fossili u tal-bijomassa li jidħol u joħroġ mill-proċess, bħas-sistema ta’ bilanċ tal-massa f’konformità mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    2.4.   Livelli għall-fattur tal-ambitu

    Livell 1: L-entità regolata għandha tapplika valur prestabbilit f’konformità mal-Artikolu 75l(3) jew (4).

    Livell 2: L-entità regolata għandha tapplika metodi f’konformità mal-Artikolu 75l(2), il-punti (e) sa (g).

    Livell 3: L-entità regolata għandha tapplika metodi f’konformità mal-Artikolu 75l(2), il-punti (a) sa (d).

    ;

    (28)

    l-Anness III huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Metodoloġiji ta’ monitoraġġ għall-avjazzjoni (l-Artikolu 53) ”;

    (b)

    fit-Taqsima 2, it-Tabella 1 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Tabella 1

    Fatturi tas-CO2 tal-avjazzjoni fossili (fatturi preliminari ta’ emissjoni)

    Karburant

    Fattur ta’ emissjoni (t CO2/tta’ karburant)

    Gażolina tal-avjazzjoni (AvGas)

    3,10

    Gażolina tal-ġettijiet (Ġett B)

    3,10

    Pitrolju tal-ġettijiet (Ġett A1 jew Ġett A)

    3,16 ”

    (29)

    l-Anness IV huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-Taqsima 10 hija emendata kif ġej:

    (i)

    il-paragrafu A huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “A.   Kamp ta’ applikazzjoni

    L-operatur għandu jinkludi mill-inqas is-sorsi potenzjali ta’ emissjonijiet ta’ CO2 li ġejjin: kalċinazzjoni tal-ġebla tal-ġir, dolomit jew manjeżit fil-materja prima, karbonju mhux karbonat fil-materja prima, karburanti fossili konvenzjonali tal-kalkara, karburanti alternattivi u materja prima tal-kalkara bbażati fuq il-fossili, karburanti tal-kalkara tal-bijomassa (skart tal-bijomassa) u karburanti oħrajn.

    Fejn il-ġir maħruq u s-CO2 li joriġina mill-ġebla tal-ġir jintużaw għall-proċessi ta’ purifikazzjoni, b’mod li bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ CO2 jingħaqad mill-ġdid, ma għandux ikun meħtieġ li d-dekompożizzjoni tal-karbonati kif ukoll il-proċess ta’ purifikazzjoni jiġu inklużi b’mod separat fil-pjan ta’ monitoraġġ tal-installazzjoni.”;

    (ii)

    il-paragrafu B huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “B.   Regoli speċifiċi ta’ monitoraġġ

    L-emissjonijiet mill-kombustjoni għandhom jiġu mmonitorjati f’konformità mat-taqsima 1 ta’ dan l-Anness. L-emissjonijiet tal-proċess mill-karbonati fil-materja prima għandhom jiġu mmonitorjati f’konformità mat-taqsima 4 tal-Anness II. Il-karbonati tal-kalċju u tal-manjeżju għandhom dejjem jiġu kkunsidrati. Għandhom jiġu kkunsidrati karbonati oħrajn u karbonju mhux karbonat fil-materja prima, fejn dawn ikunu rilevanti għall-kalkolu tal-emissjonijiet.

    Għall-metodoloġija bbażata fuq l-input, il-valuri tal-kontenut tal-karbonat għandhom jiġu aġġustati għall-kontenut rispettiv ta’ umdità u gangue tal-materjal. Fil-każ ta’ produzzjoni tal-manjeżja, għandhom jitqiesu minerali oħra li fihom il-manjeżju għajr il-karbonati, kif xieraq.

    L-għadd doppju jew l-omissjonijiet li jirriżultaw minn materjal irritornat jew tal-by-pass għandhom jiġu evitati. Waqt l-applikazzjoni tal-Metodu B, it-trab tal-kalkara tal-ġir għandu jigi kkunsidrat bħala fluss minn sors separat fejn rilevanti.”;

    (b)

    fit-Taqsima 11, il-paragrafu B huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “B.   Regoli speċifiċi ta’ monitoraġġ

    L-emissjonijiet mill-kombustjoni, inkluż it-tisfija mill-impuritajiet tal-gassijiet mit-tromba taċ-ċumnija, għandhom jiġu mmonitorjati f’konformità mat-taqsima 1 ta’ dan l-Anness. L-emissjonijiet tal-proċess minn materja prima mhux karbonat, inklużi l-kokk, il-grafit u t-trab tal-faħam, għandhom jiġu mmonitorjati f’konformità mat-taqsima 4 tal-Anness II. Il-karbonati li għandhom jitqiesu jinkludu tal-inqas CaCO3, MgCO3, Na2CO3, NaHCO3, BaCO3, Li2CO3, K2CO3, u SrCO3. Għandu jintuża biss il-Metodu A.

    B’deroga mit-taqsima 4 tal-Anness II, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tal-livelli li ġejjin għall-fattur ta’ emissjoni tal-materja prima li fiha l-karbonat.

    Livell 1: Għandhom jintużaw il-proporzjonijiet stojkjometriċi kif elenkat fit-taqsima 2 tal-Anness VI. Il-purezza tal-materjali ta’ input rilevanti għandha tiġi ddeterminata permezz tal-aqwa prattiki tal-industrija.

    Livell 2: Id-determinazzjoni tal-ammont ta’ karbonati rilevanti f’kull materjal ta’ input rilevanti għandha titwettaq f’konformità mal-Artikoli 32 sa 35.

    B’deroga mit-taqsima 4 tal-Anness II għall-fattur ta’ konverżjoni, għandu jkun applikabbli biss il-livell 1 għall-emissjonijiet kollha tal-proċess minn materja prima li fiha l-karbonat u mhux karbonata.”;

    (30)

    l-Anness V huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    Rekwiżiti minimi tal-livelli għal metodoloġiji bbażati fuq il-kalkolu li jinvolvu installazzjonijiet tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 19(2), il-punt (a), u l-entitajiet tal-kategorija A msemmija fl-Artikolu 75e(2), il-punt (a), u l-fatturi ta’ kalkolu għall-karburanti standard kummerċjali użati mill-installazzjonijiet tal-kategorija B u C imsemmija fl-Artikolu 19(2), il-punti (b) u (c), u l-entitajiet tal-kategorija B imsemmija fl-Artikolu 75e(2), il-punt (b) ”;

    (b)

    it-Tabella 1 hija emendata kif ġej:

    (i)

    it-tielet ringiela (li tikkonċerna l-“karburanti solidi”) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “Karburanti solidi, eskluż l-iskart

    1

    2a/2b

    2a/2b

    mhux applikabbli

    1

    mhux applikabbli“;

    (ii)

    wara t-tielet ringiela (li tikkonċerna l-“karburanti solidi”), tiżdied ir-ringiela li ġejja:

    “Skart

    1

    2a/2b

    2a/2b

    mhux applikabbli

    1

    mhux applikabbli”;

    (31)

    fl-Anness V, tiżdied it-Tabella 2 li ġejja:

    “Tabella 2

    Livelli minimi li għandhom jiġu applikati għal metodoloġiji bbażati fuq il-kalkolu fil-każ ta’ entitajiet tal-kategorija A u fil-każ ta’ fatturi ta’ kalkolu għal karburanti standard kummerċjali għall-entitajiet regolati f’konformità mal-Artikolu 75e(2), il-punt (a)

    Tip ta’ fluss ta’ karburant

    Ammont ta’ karburant rilaxxat

    Fattur ta’ konverżjoni ta’ unità

    Fattur ta’ emissjoni (*9)

    Karburanti standard kummerċjali

    2

    2a/2b

    2a/2b

    Karburanti gassużi u likwidi oħra

    2

    2a/2b

    2a/2b

    Karburanti solidi

    1

    2a/2b

    2a/2b

    (32)

    fl-Anness VI, it-Taqsima 1, it-Tabella 1, tiddaħħal ir-ringiela li ġejja wara s-47 ringiela (li tikkonċerna t-“Tajers użati”):

    “Skart muniċipali (frazzjoni mhux tal-bijomassa)

    91,7

    mhux applikabbli

    IPCC 2006 GL”;

    (33)

    l-Anness IX huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ANNESS IX

    Data u informazzjoni minimi li għandhom jinżammu f’konformità mal-Artikolu 67(1)

    L-operaturi, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-entitajiet regolati għandhom iżommu tal-inqas dan li ġej:

    1.   ELEMENTI KOMUNI GĦALL-INSTALLAZZJONIJIET, GĦALL-OPERATURI TAL-INĠENJI TAL-AJRU U GĦALL-ENTITAJIET REGOLATI

    (1)

    Il-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti;

    (2)

    Dokumenti li jiġġustifikaw l-għażla tal-metodoloġija ta’ monitoraġġ u d-dokumenti li jiġġustifikaw bidliet temporali jew mhux temporali ta’ metodoloġiji ta’ monitoraġġ u, fejn applikabbli, ta’ livelli li ġew approvati mill-awtorità kompetenti;

    (3)

    L-aġġornamenti rilevanti kollha tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ innotifikati lill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 15, u t-tweġibiet tal-awtorità kompetenti;

    (4)

    Il-proċeduri kollha bil-miktub imsemmija fil-pjan ta’ monitoraġġ, inkluż il-pjan ta’ kampjunar fejn rilevanti, il-proċeduri għall-attivitajiet ta’ fluss ta’ data u l-proċeduri għall-attivitajiet ta’ kontroll;

    (5)

    Lista tal-verżjonijiet tal-pjan ta’ monitoraġġ kollha użati u l-proċeduri kollha relatati;

    (6)

    Dokumentazzjoni tar-responsabbiltajiet b’rabta mal-monitoraġġ u r-rapportar;

    (7)

    Il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-operatur, mill-operatur tal-inġenji tal-ajru jew mill-entità regolata, fejn applikabbli;

    (8)

    Ir-rapporti ta’ titjib f’konformità mal-Artikolu 69;

    (9)

    Ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet ivverifikat;

    (10)

    Ir-rapport ta’ verifika;

    (11)

    Kwalunkwe informazzjoni oħra li tiġi identifikata li hija meħtieġa għall-verifika tar-rapport annwali dwar l-emissjonijiet.

    2.   ELEMENTI SPEĊIFIĊI GĦAL INSTALLAZZJONIJIET TA’ SORSI STAZZJONARJI

    (1)

    Il-permess għal emissjonijiet tal-gassijiet serra, u kwalunkwe aġġornamenti tiegħu;

    (2)

    Kwalunkwe valutazzjoni tal-inċertezzi, fejn applikabbli;

    (3)

    Għall-metodoloġiji bbażati fuq kalkolu applikati fl-installazzjonijiet:

    (a)

    id-data tal-attivitajiet użata għal kwalunkwe kalkolu tal-emissjonijiet għal kull fluss minn sors, ikkategorizzata skont il-proċess u t-tip ta’ karburant jew materjal;

    (b)

    lista tal-valuri prestabbiliti kollha użati bħala fatturi ta’ kalkolu, fejn applikabbli;

    (c)

    is-sett sħiħ ta’ riżultati ta’ kampjunar u analiżi għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu;

    (d)

    dokumentazzjoni dwar il-proċeduri ineffettivi kollha kkoreġuti u l-azzjoni korrettiva meħuda f’konformità mal-Artikolu 64;

    (e)

    kwalunkwe riżultat tal-kalibrazzjoni u l-manutenzjoni ta’ strumenti tal-kejl.

    (4)

    Għall-metodoloġiji bbażati fuq il-kejl fl-installazzjonijiet, l-elementi addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    dokumentazzjoni li tiġġustifika l-għażla ta’ metodoloġija bbażata fuq il-kejl;

    (b)

    id-data użata għall-analiżi ta’ inċertezza ta’ emissjonijiet minn kull sors ta’ emissjoni, ikkategorizzata skont il-proċess;

    (c)

    id-data użata għall-kalkoli ta’ korroborazzjoni u r-riżultati tal-kalkoli;

    (d)

    deskrizzjoni teknika dettaljata tas-sistema ta’ kejl kontinwu inkluża d-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti;

    (e)

    data mhux ipproċessata u aggregata mis-sistema ta’ kejl kontinwu, inkluża dokumentazzjoni dwar it-tibdil matul iż-żmien, ir-reġistru dwar it-testijiet, il-ħinijiet ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistema (down-times), il-kalibrazzjonijiet, l-għoti ta’ service u l-manutenzjoni;

    (f)

    dokumentazzjoni ta’ kwalunkwe tibdil tas-sistema ta’ kejl kontinwu;

    (g)

    kwalunkwe riżultat tal-kalibrazzjoni u l-manutenzjoni ta’ strumenti tal-kejl;

    (h)

    fejn applikabbli, il-mudell tal-bilanċ tal-massa jew l-enerġija użat għall-fini li tiġi ddeterminata data ta’ sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 45(4) u s-suppożizzjonijiet sottostanti;

    (5)

    Fejn tiġi applikata metodoloġija alternattiva kif imsemmi fl-Artikolu 22, id-data kollha meħtieġa għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet għas-sorsi ta’ emissjoni u l-flussi minn sorsi li għalihom dik il-metodoloġija tiġi applikata, kif ukoll id-data proxy għad-data tal-attività, il-fatturi ta’ kalkolu u parametri oħra li jkollhom jiġu rrapportati taħt approċċ ta’ livelli;

    (6)

    Għall-produzzjoni tal-aluminju primarju, l-elementi addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    dokumentazzjoni tar-riżultati minn kampanji ta’ kejl għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ emissjoni speċifiċi għall-installazzjoni għal CF4 u C2F6;

    (b)

    dokumentazzjoni tar-riżultati tad-determinazzjoni tal-effiċjenza tal-ġbir għall-emissjonijiet li jaħarbu;

    (c)

    id-data rilevanti kollha dwar il-produzzjoni tal-aluminju primarju, il-frekwenza tal-effett tal-anodu u d-data dwar id-dewmien jew il-vultaġġ żejjed;

    (7)

    Għall-qbid tas-CO2, attivitajiet ta’ trasport u ħżin ġeoloġiku, fejn applikabbli, l-elementi addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    dokumentazzjoni tal-ammont ta’ CO2 injettat fil-kumpless ta’ ħżin minn installazzjonijiet li jkunu qegħdin iwettqu ħżin ġeoloġiku ta’ CO2;

    (b)

    data dwar pressjonijiet u temperaturi aggregata b’mod rappreżentattiv minn network tat-trasport;

    (c)

    kopja tal-permess għall-ħżin, inkluż il-pjan ta’ monitoraġġ approvat, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/31/KE;

    (d)

    ir-rapporti ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/31/KE;

    (e)

    rapporti dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2009/31/KE;

    (f)

    dokumentazzjoni dwar miżuri korrettivi meħuda f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/31/KE.

    3.   ELEMENTI SPEĊIFIĊI GĦALL-ATTIVITAJIET TAL-AVJAZZJONI

    (1)

    Lista ta’ inġenji tal-ajru li jkunu proprjetà tal-operatur, li jinkrew mingħand jew lil parti oħra, u l-evidenza meħtieġa għall-kompletezza ta’ dik il-lista; għal kull inġenju tal-ajru d-data meta dan jiżdied mal-flotta jew jitneħħa mill-flotta tal-operatur tal-inġenji tal-ajru;

    (2)

    Lista ta’ titjiriet koperti f’kull perjodu ta’ rapportar li tinkludi, għal kull titjira, id-deżinjatur tal-ICAO taż-żewġ ajrudromi, u l-evidenza meħtieġa għall-kompletezza ta’ dik il-lista;

    (3)

    Data rilevanti użata għad-determinazzjoni tal-konsum u l-emissjonijiet ta’ karburant;

    (4)

    Dokumentazzjoni dwar il-metodoloġija għal nuqqasijiet fid-data fejn applikabbli, in-numru ta’ titjiriet fejn seħħew in-nuqqasijiet fid-data, id-data użata biex jingħalqu n-nuqqasijiet fid-data, fejn seħħew, u, fejn in-numru ta’ titjireit bin-nuqqasijiet fid-data qabżu l-5 % tat-titjiriet li ġew irrappurtati, ir-raġunijiet għan-nuqqasijiet fid-data kif ukoll id-dokumentazzjoni tal-azzjonijiet rimedjali meħuda.

    4.   ELEMENTI SPEĊIFIĊI GĦAL ENTITAJIET REGOLATI

    (1)

    Lista tal-flussi ta’ karburant f’kull perjodu ta’ rapportar u l-evidenza meħtieġa għall-kompletezza ta’ dik il-lista, inkluża l-kategorizzazzjoni tal-flussi ta’ karburant;

    (2)

    il-mezzi li permezz tagħhom il-karburanti kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE jiġu rilaxxati għall-konsum u fejn disponibbli, it-tipi ta’ konsumaturi intermedji, fejn dan ma jikkawżax piż amministrattiv sproporzjonat;

    (3)

    it-tip ta’ użu aħħari, inkluż il-kodiċi CRF rilevanti tas-setturi aħħarin li fihom jiġi kkonsmat il-karburant kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (af), tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-livell ta’ aggregazzjoni disponibbli;

    (4)

    id-data rilevanti użata għad-determinazzjoni tal-ammonti ta’ karburant rilaxxati għal kull fluss ta’ karburant;

    (5)

    lista tal-valuri prestabbiliti użati u l-fatturi ta’ kalkolu, fejn applikabbli;

    (6)

    il-fattur tal-ambitu għal kull fluss ta’ karburant, inkluża identifikazzjoni ta’ kull settur tal-konsum aħħari u d-data sottostanti rilevanti kollha għal din l-identifikazzjoni;

    (7)

    il-livelli applikabbli inklużi l-ġustifikazzjonijiet għad-devjazzjoni mil-livelli meħtieġa;

    (8)

    is-sett sħiħ ta’ riżultati ta’ kampjunar u analiżi għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ kalkolu;

    (9)

    dokumentazzjoni dwar il-proċeduri ineffettivi kollha kkoreġuti u l-azzjoni korrettiva meħuda f’konformità mal-Artikolu 64;

    (10)

    kwalunkwe riżultat tal-kalibrazzjoni u l-manutenzjoni ta’ strumenti tal-kejl;

    (11)

    lista ta’ installazzjonijiet li għalihom jiġi rilaxxat il-karburant kif definit fl-Artikolu 3(af) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-konsum, inklużi l-ismijiet, l-indirizz u n-numru tal-permess u l-ammonti ta’ karburant rilaxxati pprovduti lil dawk l-installazzjonijiet għall-perjodi ta’ rapportar.

    ;

    (34)

    l-Anness X huwa emendat kif ġej:

    (a)

    it-Taqsima 1 hija emendata kif ġej:

    (i)

    il-paragrafu (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(1)

    Data li tidentifika l-installazzjoni, kif speċifikat fl-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE, u n-numru tal-permess uniku tagħha ħlief għal installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni ta’ skart muniċipali;”;

    (ii)

    fil-paragrafu (6), jiżdied il-punt (h) li ġej:

    “(h)

    fejn fluss minn sors ikun tip ta’ skart, il-kodiċijiet rilevanti tal-iskart skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE (*10).

    (*10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat-18 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta’ skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 44).”;"

    (iii)

    fil-paragrafu (9), jiżdied il-punt (c) li ġej:

    “(c)

    fejn applikabbli, proxy għall-kontenut tal-enerġija mill-karburanti u l-materjali fossili u mill-karburanti u l-materjali tal-bijomassa.”;

    (b)

    it-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

    (i)

    il-paragrafu (8) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(8)

    Il-massa ta’ karburant (f’tunnellati) għal kull tip ta’ karburant għal kull par ta’ Stati, inkluża informazzjoni dwar dan kollu li ġej:

    (a)

    Jekk il-bijokarburanti jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);

    (b)

    Jekk il-karburant huwiex karburant tal-avjazzjoni eliġibbli;

    (c)

    Għall-karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli, it-tip ta’ karburant kif definit fl-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;”;

    (ii)

    il-paragrafu (9) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(9)

    L-emissjonijiet totali tas-CO2 f’tunnellati ta’ CO2 bl-użu tal-fattur ta’ emissjoni preliminari kif ukoll il-fattur ta’ emissjoni diżaggregat mill-Istat Membru tat-tluq u tal-wasla, inkluż is-CO2 minn bijokarburanti li ma jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);”;

    (iii)

    fil-paragrafu (12), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    l-ammont ta’ bijokarburanti użati matul is-sena ta’ rapportar (f’tunnellati) elenkati skont it-tip ta’ karburant, u jekk il-bijokarburanti jikkonformawx mal-Artikolu 38(5)”;

    (iv)

    jiżdied il-paragrafu (12a) li ġej:

    “(12a)

    L-ammont totali ta’ karburanti tal-avjazzjoni eliġibbli użati matul is-sena ta’ rapportar (f’tunnellati) elenkati għal kull tip ta’ karburant skont l-Artikolu 3c(6) tad-Direttiva 2003/87/KE;”;

    (v)

    il-paragrafu (13) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(13)

    Bħala anness tar-rapport annwali dwar l-emissjonijiet, l-operatur tal-inġenji tal-ajru għandu jinkludi l-emissjonijiet annwali u l-għadd annwali tat-titjiriet għal kull par ajrudromi. Jekk applikabbli, l-ammont ta’ karburant tal-avjazzjoni eliġibbli (f’tunnellati) għandu jiġi indikat għal kull par ajrudromi. Fuq talba tal-operatur l-awtorità kompetenti għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.”;

    (c)

    it-Taqsima 3 titħassar;

    (d)

    tiżdied it-Taqsima 4 li ġejja:

    “4.   RAPPORTI ANNWALI DWAR L-EMISSJONIJIET TA’ ENTITAJIET REGOLATI

    Ir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet ta’ entità regolata għandu tal-inqas jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (1)

    Id-data li tidentifika l-entità regolata, kif speċifikat fl-Anness IV tad-Direttiva 2003/87/KE, u n-numru uniku tal-permess tal-gassijiet serra tagħha;

    (2)

    Isem u indirizz tal-verifikatur tar-rapport;

    (3)

    Is-sena tar-rapportar;

    (4)

    Ir-referenza u n-numru tal-verżjoni tal-aħħar pjan ta’ monitoraġġ approvat u d-data li minnha huwa applikabbli, kif ukoll ir-referenza u n-numru tal-verżjoni ta’ kwalunkwe pjanijiet ta’ monitoraġġ oħrajn rilevanti għas-sena tar-rappurtar;

    (5)

    It-tibdil rilevanti fl-operat tal-entità regolata u t-tibdil kif ukoll id-devjazzjonijiet temporanji li jkunu seħħew waqt il-perjodu tar-rapportar fil-pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti; inkluż it-tibdil temporali jew permanenti ta’ livelli, ir-raġunijiet għal dak it-tibdil, id-data tal-bidu għat-tibdil, u d-dati tal-bidu u t-tmiem tat-tibdil temporali;

    (6)

    Informazzjoni għall-flussi kollha ta’ karburant li tikkonsisti tal-inqas minn:

    (a)

    l-emissjonijiet totali espressi bħala t CO2, inkluż is-CO2 mill-flussi ta’ karburant tal-bijomassa li ma jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);

    (b)

    il-livelli applikati;

    (c)

    l-ammonti ta’ karburant rilaxxati, (espressi bħala tunnellati, Nm3 jew TJ,) u l-fattur ta’ konverżjoni ta’ unità, espressi f’unitajiet xierqa, irrapportati separatament, fejn applikabbli;

    (d)

    il-fatturi ta’ emissjoni, espressi f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 75f; il-frazzjoni tal-bijomassa, espressa bħala frazzjonijiet mingħajr dimensjoni;

    (e)

    fejn il-fatturi ta’ emissjoni għall-karburanti jkunu relatati mal-massa jew mal-volum minflok mal-enerġija, il-valuri ddeterminati skont l-Artikolu 75h(3) għall-fattur tal-konverżjoni ta’ unità tal-fluss ta’ karburant rispettiv;

    (f)

    il-mezzi li bihom jiġi rilaxxat il-karburant għall-konsum;

    (g)

    l-użu/i aħħari(n) tal-fluss ta’ karburant rilaxxat għall-konsum inkluż il-kodiċi CRF, fil-livell ta’ dettall disponibbli;

    (h)

    il-fattur tal-ambitu, espress bħala frazzjoni mingħajr dimensjoni, sa tliet punti deċimali. Fejn, għal fluss ta’ karburant, jintuża aktar minn metodu wieħed biex jiġi ddeterminat il-fattur tal-ambitu, l-informazzjoni dwar it-tip ta’ metodu, il-fattur tal-ambitu assoċjat, l-ammont ta’ karburant rilaxxat u l-kodiċi CRF fil-livell ta’ dettall disponibbli;

    (i)

    fejn il-fattur tal-ambitu jkun żero skont l-Artikolu 75l(1):

    (i)

    Lista tal-entitajiet kollha koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE identifikati b’isimhom, l-indirizz u, fejn applikabbli, in-numru uniku tal-permess;

    (ii)

    L-ammonti ta’ karburant rilaxxati fornuti lil kull entità koperta mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE għall-perjodu ta’ rapportar rilevanti, espressi bħala t, Nm3, jew TJ, kif ukoll l-emissjonijiet korrispondenti.

    (7)

    Informazzjoni li għandha tiġi rrapportata bħala entrata ta’ memo, li tal-inqas tkun tinkludi:

    (a)

    proxy għall-valur kalorifiku nett tal-flussi ta’ karburant tal-bijomassa, fejn rilevanti;

    (b)

    l-emissjonijiet, l-ammonti u l-kontenut tal-enerġija tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi rilaxxati għall-konsum, espressi f’t u f’TJ, u informazzjoni dwar jekk tali bijokarburanti u bijolikwidi jikkonformawx mal-Artikolu 38(5);

    (8)

    Fejn seħħew nuqqasijiet fid-data u jkunu ngħalqu b’data surrogata f’konformità mal-Artikolu 66(1):

    (a)

    il-fluss ta’ karburant li għalih tapplika kull nuqqas fid-data;

    (b)

    ir-raġunijiet għal kull nuqqas fid-data;

    (c)

    id-data tal-bidu u tat-tmiem u l-ħin ta’ kull nuqqas fid-data;

    (d)

    l-emissjonijiet ikkalkulati abbażi ta’ data ta’ sostituzzjoni;

    (e)

    fejn il-metodu ta’ stima għad-data ta’ sostituzzjoni jkun għadu ma ġiex inkluż fil-pjan ta’ monitoraġġ, deskrizzjoni dettaljata tal-metodu ta’ stima inkluża evidenza li l-metodoloġija użata ma twassalx għal sottostima tal-emissjonijiet għall-perjodu ta’ żmien rispettiv;

    (9)

    Kwalunkwe tibdil ieħor fl-entità regolata waqt il-perjodu ta’ rapportar b’rilevanza għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dik l-entità regolata waqt is-sena ta’ rapportar.”;

    (35)

    jiżdiedu l-Annessi li ġejjin:

    “ANNESS Xa

    Rapporti dwar il-fornituri tal-karburant u l-użu tal-karburant ta’ installazzjonijiet stazzjonarji u, fejn rilevanti, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru u l-kumpaniji tat-tbaħħir

    Flimkien mal-informazzjoni li tinsab fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet skont l-Anness X ta’ dan ir-Regolament, l-operatur għandu jippreżenta rapport bl-informazzjoni li ġejja għal kull karburant mixtri kif definit fl-Artikolu 3(af) tad-Direttiva 2003/87/KE:

    (a)

    l-isem, l-indirizz u n-numru uniku tal-permess tal-fornitur tal-karburant li huwa rreġistrat bħala entità regolata. F’każijiet fejn il-fornitur tal-karburant ma jkunx entità regolata, l-operaturi għandhom jippreżentaw, fejn disponibbli, lista tal-fornituri kollha tal-karburanti, mill-fornituri diretti tal-karburanti sal-entità regolata, inkluż l-isem, l-indirizz u n-numru uniku tal-permess tagħhom;

    (b)

    it-tipi u l-ammonti ta’ karburanti miksuba minn kull fornitur imsemmi fil-punt (a) matul il-perjodu tar-rapportar rilevanti;

    (c)

    l-ammont ta’ karburant użat għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE minn kull fornitur tal-karburant matul il-perjodu tar-rapportar rilevanti.

    ANNESS Xb

    Rapporti dwar il-karburanti rilaxxati minn entitajiet regolati

    Flimkien mal-informazzjoni li tinsab fir-rapport annwali dwar l-emissjonijiet skont l-Anness X ta’ dan ir-Regolament, l-entità regolata għandha tippreżenta rapport bl-informazzjoni li ġejja għal kull karburant mixtri kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (af) tad-Direttiva 2003/87/KE:

    (a)

    l-isem, l-indirizz u n-numru uniku tal-permess tal-operatur u, fejn rilevanti, tal-operatur tal-inġenji tal-ajru u tal-kumpanija tat-tbaħħir, li għalihom jiġi rilaxxat il-karburant. F’każijiet oħra fejn il-karburant ikun maħsub għall-użu aħħari f’setturi koperti mill-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, l-entità regolata għandha tippreżenta, fejn disponibbli, lista tal-konsumaturi kollha tal-karburanti, mix-xerrej dirett sal-operatur, inkluż l-isem, l-indirizz u n-numru uniku tal-permess tagħhom, fejn dan ma jikkawżax piż amministrattiv sproporzjonat;

    (b)

    it-tipi u l-ammonti ta’ karburanti mibjugħa lil kull xerrej imsemmija fil-punt (a) matul il-perjodu tar-rapportar rilevanti.

    (c)

    l-ammont ta’ karburant użat għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE għal kull xerrej imsemmi fil-punt (a) matul il-perjodu tar-rapportar rilevanti.

    .

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

    Madankollu, l-Artikolu 1, il-punti (24), (25)(a)(iii), (25)(d), (27), (30)(a), (31), (33), (34)(d) u (35) għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

    (2)  Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115).

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).

    (8)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1122 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-funzjonament tar-Reġistru tal-Unjoni (ĠU L 177, 2.7.2019, p. 3).

    (10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94).

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat-18 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta’ skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 44).

    (*9)  Il-livelli għall-fattur ta’ emissjoni huma relatati mal-fattur preliminari ta’ emissjoni. Għal materjali mħallta, il-frazzjoni tal-bijomassa għandha tkun iddeterminata separatament. Il-Livell 1 għandu jkun il-livell minimu li għandu jiġi applikat għall-frazzjoni tal-bijomassa fil-każ ta’ entitajiet tal-kategorija A u fil-każ ta’ karburanti standard kummerċjali għall-entitajiet regolati kollha f’konformità mal-Artikolu 75e(2), il-punt (a)”;


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2122/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top