EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2013:071:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 71, 14 ta' Marzu 2013


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.071.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 71

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
14 ta' Marzu 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2013/115/UE

 

*

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2013 dwar il-Manwal Sirene u miżuri implimentattivi oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (notifikata bid-dokument numru C(2013) 1043)

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

14.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Frar 2013

dwar il-Manwal Sirene u miżuri implimentattivi oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

(notifikata bid-dokument numru C(2013) 1043)

(It-testi fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan u Ungeriż biss huma awtentiċi)

(2013/115/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif, l-operat u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 20(3), il-punt (a) tal-Artikolu 22, l-Artikolu 36(4) u l-Artikolu 37(7) tiegħu, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar it-twaqqif, l-operat u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 20(4), il-punt (a) tal-Artikolu 22, l-Artikolu 51(4) u l-Artikolu 52(7) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) se tidħol fis-seħħ fl-ewwel nofs tal-2013. Se jkun fiha biss informazzjoni indispensabbli li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna jew oġġett u l-azzjoni meħtieġa li għandha tittieħed. Barra minn hekk, biex is-SIS II tiffunzjona kif suppost, l-Istati Membri se jiskambjaw informazzjoni supplimentari relatata mal-allerti. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari jitwettaq mill-Uffiċċji Sirene.

(2)

Biex jitħaffef ix-xogħol tal-Uffiċċji Sirene u tal-utenti tas-SIS II involuti f’operazzjonijiet Sirene fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, Manwal Sirene għas-SIS II ġie adottat fl-2008 permezz ta’ strument legali li qabel kien taħt l-ewwel pilastru, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/333/KE (3), kif ukoll strument li qabel kien taħt it-tielet pilastru, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/334/ĠAI (4).

(3)

Emendi għall-Manwali Sirene għas-SIS II huma meħtieġa issa sabiex jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet operattivi tal-utenti u l-persunal involuti f’operazzjonijiet Sirene, biex tittejjeb il-konsistenza tal-proċeduri tax-xogħol u biex ikun żgurat li r-regoli tekniċi jikkorrispondu mal-istat l-iktar avvanzat.

(4)

L-Istati Membri żviluppaw regoli diverġenti dwar l-awtoritajiet li għandhom aċċess għas-SIS II li għandhom is-setgħa li joħloqu, jaġġornaw jew iħassru allerti. Barra minn hekk, ħafna Stati Membri għandhom uffiċċji integrati għall-koperazzjoni internazzjonali tal-pulizija inkluż il-Europol, l-Interpol u kwistjonijiet Sirene li fihom il-persunal iwettqu l-operazzjonijiet kollha meħtieġa. Huwa għalhekk xieraq li jkun estiż l-ambitu tal-Manwal Sirene għall-utenti kollha tas-SIS II għall-persunal kollu involut f’operazzjonijiet Sirene.

(5)

Id-dispożizzjonijiet tal-Manwal Sirene jeħtieġ jiġu riveduti sabiex jirriflettu, inter alia, il-kapaċitajiet tekniċi l-ġodda għat-twettiq tat-tfittxijiet fis-SIS II; deskrizzjoni aġġornata tal-mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene; kjarifika dwar il-proċeduri għal allerti għal rifjut tad-dħul; proċeduri kjarifikati dwar il-ġestjoni tal-allerti tas-SIS II inkluż kategoriji ġodda ta’ oġġetti introdotti bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI; proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari meta jkun ċar li allert fis-SIS II jikkonċerna vettura li kienet is-suġġett ta’ replikazzjoni kriminali ta’ dettalji ta’ vettura.

(6)

Biex tkun żgurata l-konformità tar-regoli ta’ traskrizzjoni u translitterazzjoni bejn is-SIS II u Sirene ir-regoli tat-traskrizzjoni u t-translitterazzjoni għandhom ikunu allinjati għal kollox mal-ICD 3.0 għas-SIS II, l-aħħar verżjoni tad-Dokument tal-Kontroll tal-Interface imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 tat-18 ta’ Frar 2008 dwar it-testijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (5). Aktar minn hekk, il-formoli li għandhom jintużaw mill-Uffiċċji Sirene għall-iskambji tagħhom tal-informazzjoni supplimentari għandhom ikunu allinjati mal-arkitettura teknika stabbilita fid-dokument: “Skambju ta’ Dejta bejn l-Uffiċċji Sirene (DEBS — Data exchange between Sirene Bureaux)”, Dawn il-formoli għandhom jużaw ukoll format aktar faċli għall-utent u li jinftiehem faċilment. Barra minn hekk huwa xieraq li jkun hemm spjegazzjoni tal-proċeduri biex tinġabar l-istatistika dwar il-hits tas-SIS II u dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplementari, u biex dawn l-ispjegazzjonijiet jiġu mehmuża mal-Manwal bħala appendiċi ġdid.

(7)

Minħabba l-għadd ta’ bidliet sostanzjali magħmula lill-Manwal Sirene għas-SIS II adottat fl-2008 huwa xieraq li tiġi adottata verżjoni ġdida tal-Manwal Sirene. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/333/KE u 2008/334/ĠAI għandha tiġi revokata.

(8)

Id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta personali u s-sigurtà tad-dejta fis-SIS II huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta għandha tapplika għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari fir-rigward (6) ta’ allerti bbażati fuq l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (7) għandha tapplika għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari relatata mal-allerti l-oħra kollha.

(9)

Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, innotifikat permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2007 it-traspożizzjoni ta’ dan l-acquis fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka tipparteċipa fid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Għalhekk hija marbuta li timplimenta din id-Deċiżjoni.

(10)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari b’relazzjoni mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (8).

(11)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari b’relazzjoni mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (9).

(12)

Rigward Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(13)

F’dak li jirrigwardja l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jagħmlu parti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (11) fuq ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(14)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE (13).

(15)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqa’ taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (14) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (15).

(16)

Il-miżuri li hu provdut għalihom f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bl-Artikolu 67 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Manwal Sirene u miżuri oħra ta’ implimentazzjoni għas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), għandhom ikunu stipulati fl-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu. Dawn għandhom ikunu applikabbli għall-persunal involut f’operazzjonijiet Sirene kif ukoll għall-utenti kollha tas-SIS II.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2008/333/KE u 2008/334/ĠAI huma revokati.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-gvernijiet tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1 + skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Cecilia MALMSTRÖM

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(2)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(3)  ĠU L 123, 8.5.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 123, 8.5.2008, p. 39.

(5)  ĠU L 57, 1.3.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(7)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(8)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(9)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(10)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(11)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(12)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(13)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

(14)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(15)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.


ANNESS

Il-Manwal Sirene u miżuri ta’ implimentazzjoni oħra għas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

WERREJ

DAĦLA 8

1.

L-UFFIĊĊJI Sirene U INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI 10

1.1.

L-Uffiċċju Sirene 10

1.2.

Il-Manwal Sirene 10

1.3.

L-Appendiċi għal dan il-Manwal Sirene 10

1.4.

Katalogu ta’ rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u l-aħjar prattiki (Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen) 10

1.5.

Rwol tal-Uffiċċji Sirene fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija fl-Unjoni Ewropea 11

1.5.1.

Trasferiment ta’ dejta lil pajjiżi terzi 11

1.6.

Relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Europol 11

1.7.

Relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Eurojust 11

1.8.

Relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Interpol 11

1.8.1.

Prijorità ta’ twissijiet tas-SIS II fuq twissijiet tal-Interpol 11

1.8.2.

L-għażla ta’ mezz ta’ komunikazzjoni 12

1.8.3.

L-użu u t-tixrid ta’ diffużjonijiet tal-Interpol fl-Istati ta’ Schengen 12

1.8.4.

Hit u tħassir ta’ twissija 12

1.8.5.

Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene u l-NCBs tal-Interpol 12

1.9.

Standards 12

1.9.1.

Disponibbiltà 12

1.9.2.

Kontinwità 12

1.9.3.

Kunfidenzjalità 12

1.9.4.

Aċċessibilità 12

1.10.

Komunikazzjonijiet 12

1.10.1.

Il-lingwa tal-komunikazzjoni 12

1.10.2.

Skambju ta’ Dejta bejn l-Uffiċċji Sirene 12

1.10.3.

In-netwerk, messaġġi u kaxxi postali 12

1.10.4.

Komunikazzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali 13

1.11.

Il-ktieb tal-indirizzi Sirene (Sirene Address Book) 13

1.12.

Is-sistema tal-fluss tax-xogħol Sirene 13

1.13.

Il-limitu taż-żmien għar-risposta 14

1.13.1.

Indikazzjoni ta’ urġenza fil-formoli Sirene inkluż rappurtar urġenti ta’ hit 14

1.14.

Regoli ta’ traslitterazzjoni/traskrizzjoni 14

1.15.

Kwalità tad-dejta 14

1.16.

Arkivjar 14

1.17.

Persunal 14

1.17.1.

Kapijiet tal-Uffiċċji Sirene 15

1.17.2.

Persuna ta’ Kuntatt tas-Sirene (SIRCoP) 15

1.17.3.

Għarfien 15

1.17.4.

Taħriġ 15

1.17.5.

Skambju ta’ persunal 15

2.

PROĊEDURI ĠENERALI 16

2.1.

Definizzjonijiet 16

2.2.

Twissijiet multipli (Artikolu 34(6) tar-Regolament SIS II u 49(6) tad-Deċiżjoni SIS II) 16

2.2.1.

Kompatibbiltà tat-twissijiet 16

2.2.2.

Ordni ta’ prijorità ta’ twissijiet 17

2.2.3.

Kontrolli għal inkompatibbiltà u dħul ta’ twissijiet multipli 17

2.3.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 19

2.4.

Meta ma jkunux jistgħu jiġu segwiti l-proċeduri wara hit (Artikolu 48 tad-Deċiżjoni SIS II u Artikolu 33 tar-Regolament SIS II) 19

2.5.

L-ipproċessar ta’ dejta ħlief għall-fini li għalih tkun iddaħħlet fis-SIS II (Artikolu 46(5) tad-Deċiżjoni SIS II) 20

2.6.

L-immarkar 20

2.6.1.

Konsultazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li tiżdied marka 20

2.6.2.

Talba biex titħassar marka 21

2.7.

Dejta misjuba li tkun legalment jew fattwalment skorretta (Artikolu 34 tar-Regolament SIS II u Artikolu 49 tad-Deċiżjoni SIS II) 21

2.8.

Id-dritt ta’ aċċess u rettifika ta’ dejta (Artikolu 41 tar-Regolament SIS II u Artikolu 58 tad-Deċiżjoni SIS II) 21

2.8.1.

Talbiet għal aċċess għal jew rettifika ta’ dejta’ 21

2.8.2.

Skambju ta’ informazzjoni fuq talbiet għal aċċess għal twissijiet maħruġin minn Stati Membri oħra 21

2.8.3.

Skambju ta’ informazzjoni għal rettifika jew tħassir ta’ dejta mdaħħla minn Stati Membri oħra 22

2.9.

Tħassir meta ma jibqgħux jitħarsu l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ twissija 22

2.10.

Id-dħul ta’ ismijiet proprji 22

2.11.

Kategoriji differenti ta’ identità 22

2.11.1.

Identità użata ħażin (Artikolu 36 tar-Regolament SIS II u Artikolu 51 tad-Deċiżjoni SIS II) 22

2.11.2.

Id-dħul ta’ isem fittizju 23

2.11.3.

Informazzjoni ulterjuri biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna 23

2.12.

Skambju ta’ informazzjoni f’każ ta’ twissijiet konnessi 23

2.12.1.

Regoli ta’ tħaddim 24

2.13.

Sirpit (Sirene PIcture Transfer) u format u kwalità ta’ dejta bijometrika fis-SIS II 24

2.13.1.

Użu ulterjuri tad-dejta skambjata, inkluż l-arkivjar 24

2.13.2.

Il-proċedura Sirpit 24

2.13.3.

Rekwiżiti tekniċi 24

2.13.4.

Format u kwalità ta’ ’dejta’ bijometrika 24

2.14.

Tipi speċjali ta’ tiftix 25

2.14.1.

Tiftix immirat b’mod ġeografiku 25

2.14.2.

Tfittxija bil-parteċipazzjoni ta’ unitajiet tal-pulizija speċjali għal tfittxija mmirata (FAST) 25

3.

TWISSIJIET TA’ ARREST GĦAL FINIJIET TA’ KONSENJA JEW ESTRADIZZJONI (ARTIKOLU 26 TAD-DEĊIŻJONI SIS II) 25

3.1.

Id-dħul ta’ twissija 25

3.2.

Twissijiet multipli 26

3.3.

Identità użata ħażin 26

3.4.

Id-dħul ta’ isem fittizju 26

3.5.

Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat lill-Istati Membri 26

3.5.1.

Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat rigward arrest provviżorju 26

3.6.

Iż-żieda ta’ bandiera 26

3.6.1.

Talba sistematika biex tiżdied bandiera ma’ twissijiet dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni fejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ma tapplikax 27

3.7.

Azzjoni mill-Uffiċċju Sirene mal-wasla ta’ twissija ta’ arrest 27

3.8.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 27

3.9.

Skambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar ċediment jew estradizzjoni 27

3.10.

Skambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar it-tranżitu minn Stat Membru ieħor 28

3.11.

Tħassir ta’ twissijiet wara ċediment jew estradizzjoni 28

4.

TWISSIJIET TA’ ĊAĦDA TA’ DĦUL JEW TA’ PERMANENZA (ARTIKOLU 24 TAR-REGOLAMENT SIS II) 28

4.1.

Id-dħul ta’ twissija 28

4.2.

Twissijiet multipli 28

4.3.

Identità użata ħażin 28

4.4.

Id-dħul ta’ isem fittizju 29

4.5.

Skambju ta’ informazzjoni fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew viżi 29

4.5.1.

Proċeduri speċjali kif jingħad fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen 29

4.5.2.

Proċeduri speċjali kif jipprovdi l-Artikolu 5(4)(a) u (c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 29

4.6.

Skambju ta’ informazzjoni wara hit u meta jiġi rrifjutat dħul jew issir tkeċċija miż-żona Schengen 30

4.7.

Skambju ta’ informazzjoni wara hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa benefiċjarju tad-dritt tal-moviment liberu 31

4.8.

Skambju ta’ informazzjoni jekk, fin-nuqqas ta’ hit, Stat Membru jiskopri li hemm twissija għal rifjut tad-dħul għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu 31

4.9.

Tħassir ta’ twissijiet imdaħħla għal ċittadini tal-UE 31

5.

TWISSIJIET DWAR PERSUNI NEQSIN (ARTIKOLU 32 TAD-DEĊIŻJONI SIS II) 32

5.1.

Twissijiet multipli 32

5.2.

Identità użata ħażin 32

5.3.

Id-dħul ta’ isem fittizju 32

5.4.

Iż-żieda ta’ bandiera 32

5.5.

Għoti ta’ dettall deskrittiv dwar minorenni neqsin u persuni oħrajn ivvalutati bħala li qegħdin f’riskju 32

5.6.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 33

6.

TWISSIJIET GĦAL PERSUNI MFITTXIJA GĦAL PROĊEDURA ĠUDIZZJARJA (ARTIKOLU 34 TAD-DEĊIŻJONI SIS II) 33

6.1.

Twissijiet multipli 33

6.2.

Identità użata ħażin 33

6.3.

Id-dħul ta’ isem fittizju 33

6.4.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 33

7.

TWISSIJIET GĦAL KONTROLLI DISKRETI U SPEĊIFIĊI (ARTIKOLU 36 TAD-DEĊIŻJONI SIS II) 33

7.1.

Twissijiet multipli 33

7.2.

Identità użata ħażin 33

7.3.

Id-dħul ta’ isem fittizju 34

7.4.

Informazzjoni lil Stati Membri oħra meta jinħarġu twissijiet mitluba minn awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà nazzjonali (Artikolu 36(3) tad-Deċiżjoni) 34

7.5.

Iż-żieda ta’ bandiera 34

7.6.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 34

7.7.

Sistemi ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi (Automatic Number Plate Recognition-ANPR) 34

8.

TWISSIJIET DWAR OĠĠETTI GĦAL QBID JEW GĦAL UŻU BĦALA PROVA (ARTIKOLU 38 TAD-DEĊIŻJONI SIS II) 34

8.1.

Twissijiet multipli 34

8.2.

Twissijiet dwar vetturi 34

8.2.1.

Kontrolli għal twissijiet multipli dwar vettura 34

8.2.2.

VIN-doppju 35

8.3.

L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit 35

9.

SISTEMI TA’ RIKONOXXIMENT AWTOMATIKU TAL-PJANĊI (AUTOMATIC NUMBER PLATE RECOGNITION-ANPR) 36

10.

STATISTIKA 36

DAĦLA

Iż-żona Schengen

Fl-14 ta’ Ġunju 1985, il-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ffirmaw ftehim f’Schengen, belt żgħira fil-Lussemburgu, bil-għan li “(…) iċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri interni b’mod ħieles (…)” u biex tkun tista’ ssir “ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti u s-servizzi”.

Il-ħames pajjiżi fundaturi ffirmaw il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (1) fid-19 ta’ Ġunju 1990, u aktar tard ingħaqdu magħhom ir-Repubblika Taljana fis-27 ta’ Novembru 1990, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża fil-25 ta’ Ġunju 1991, ir-Repubblika Ellenika fis-6 ta’ Novembru 1992, ir-Repubblika tal-Awstrija fit-28 ta’ April 1995 u r-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja fid-19 ta’ Diċembru 1996.

Sussegwentement, mis-26 ta’ Marzu 1995, l-acquis ta’ Schengen kien applikat b’mod sħiħ fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Lussemburgu, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Spanja u fil-Portugall (2). Mill-31 ta’ Marzu 1998, fl-Awstrija u fl-Italja (3); mis-26 ta’ Marzu 2000, fil-Ġreċja (4) u fl-aħħar, mill-25 ta’ Marzu 2001, l-acquis ta’ Schengen kien japplika kollu fin-Norveġja, l-Islanda, l-Isvezja, id-Danimarka u l-Finlandja (5).

Ir-Renju Unit (UK) u l-Irlanda jieħdu parti biss f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont id-Deċiżjoni 2000/365/KE u d-Deċiżjoni 2002/192/KE rispettivament.

Fil-każ tar-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet li r-Renju Unit xtaq li jieħu parti fihom (bl-eċċezzjoni tas-SIS) japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2005 (6).

L-acquis ta’ Schengen ġie inkorporat fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea permezz tal-protokolli annessi mat-Trattat ta’ Amsterdam (7) fl-1999. Fit-12 ta’ Mejju 1999 ġiet adottata Deċiżjoni tal-Kunsill li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew mid-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen.

Mill-1 ta’ Mejju 2004, l-acquis ta’ Schengen, kif integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea bil-Protokoll mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Protokoll ta’ Schengen), u l-atti li jibnu fuqu jew b’mod ieħor għandhom x’jaqsmu miegħu, jorbtu lir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka. Dawn l-Istati Membri saru membri sħaħ taż-żona Schengen fil-21 ta’ Diċembru 2007.

Ċipru huwa firmatarju tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen iżda jgawdi deroga taħt l-Att tal-Adeżjoni tiegħu tal-2003.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007; minn din id-data, l-acquis ta’ Schengen u l-atti li jibni fuqhom jew li huma b’xi mod ieħor relatati miegħu jorbtuhom.

Il-Kroazja ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni għall-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 2011 u se ssir membru tal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013. Sa dak il-jum se tipparteċipa fil-ħidma tal-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u ta’ kumitati oħra bħala osservatur.

Xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen japplikaw mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-UE. Dispożizzjonijiet oħra għandhom japplikaw biss f’dawn l-Istati Membri skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dak il-fini. Fl-aħħarnett, il-Kunsill jieħu deċiżjoni fuq it-tneħħija ta’ kontrolli tal-fruntieri wara verifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis imsemmi jkunu tħarsu fl-Istati Membri msemmija, skont il-proċeduri ta’ valutazzjoni applikabbli ta’ Schengen u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ċerti pajjiżi Ewropej oħra ngħaqdu maż-żona Schengen. Ir-Renju tan-Norveġja u r-Repubblika tal-Islanda kkonkludew Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Istati Membri fid-18 ta’ Mejju 1999 (8) sabiex jissieħbu fil-Konvenzjoni ta’ Schengen.

Fl-2004, il-Konfederazzjoni Svizzera ffirmat ftehim mal-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea rigward l-assoċjazzjoni tagħha mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li abbażi tiegħu saret membru taż-żona Schengen fit-12 ta’ Diċembru 2008.

Fl-2008 l-Prinċipat tal-Liechtenstein iffirma protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li abbażi tagħha sar membru taż-żona Schengen fid-19 ta’ Diċembru 2011.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni (SIS II) ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni

Is-SIS II, stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (Ir-Regolament SIS II) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (12) (id-Deċiżjoni SIS II), dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) (flimkien: l-istrumenti legali tas-SIS II) tikkostitwixxi sistema ta’ informazzjoni komuni li tippermetti l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jikkooperaw billi jiskambjaw informazzjoni, u hija għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen kif integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-istrumenti, meta applikati, jirrevokaw it-Titolu IV tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen. Hija tieħu post is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tal-ewwel ġenerazzjoni li bdiet taħdem fl-1995 u kienet estiża fl-2005 u l-2007.

L-għan tagħha, kif stabbilit bl-Artikolu 1 tal-atti legali msemmija hawn fuq, huwa “(…) li jkun żgurat livell għoli ta’ sigurtà fi ħdan żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni Ewropea inklużi ż-żamma tas-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà fit-territorji tal-Istati Membri, u li jkunu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV ta’ Parti Tlieta tat-Trattat (KE) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Trattat tal-KE”) relatati mal-moviment tal-persuni fit-territorji tagħhom, bl-użu ta’ informazzjoni komunikata permezz ta’ din is-sistema.”

B’konformità mal-istrumenti legali tas-SIS II, permezz ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni awtomatizzata, is-SIS II għandha tipprovdi aċċess għal twissijiet dwar persuni u oġġetti lill-awtoritajiet li ġejjin:

(a)

awtoritajiet responsabbli minn kontrolli fuq il-fruntieri, skont ir-Regolament (KE) Nru 562/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (13);

(b)

l-awtoritajiet li jwettqu u li jikkoordinaw kontrolli oħrajn tal-pulizija u tad-dwana fi ħdan il-pajjiż;

(c)

awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u l-awtoritajiet tagħhom ta’ koordinazzjoni;

(d)

l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ tal-viżi, l-awtoritajiet ċentrali responsabbli mill-eżami tal-applikazzjonijiet għall-viża, l-awtoritajiet responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u mill-amministrazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni relatata mal-moviment tal-persuni;

(e)

awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi (skont ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi (14)).

B’konformità mad-Deċiżjoni SIS II, l-Europol u l-Eurojust ukoll għandhom aċċess għal ċerti kategoriji ta’ twissijiet.

Is-SIS II hija magħmula mill-komponenti li ġejjin:

1.

sistema ċentrali (is-SIS II Ċentrali) magħmula minn:

(a)

funzjoni ta’ għajnuna teknika (CS-SIS) li jkollha bażi tad-dejta, (il-bażi tad-dejta SIS II);

(b)

interface nazzjonali uniformi (NI-SIS);

2.

sistema nazzjonali (N.SIS II) f’kull wieħed mill-Istati Membri, li tkun tikkonsisti minn sistemi nazzjonali ta’ dejta li jikkomunikaw mas-SIS II Ċentrali. N.SIS II jista’ jkollha fajl ta’ dejta (kopja nazzjonali), li jkollha kopja sħiħa jew parzjali tal-bażi tad-dejta tas-SIS II;

3.

infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-CS-SIS u l-NI-SIS li tipprovdi netwerk virtwali kriptat dedikat għal dejta tas-SIS II u għall-iskambju ta’ dejta bejn l-Uffiċċji Sirene kif definit hawn taħt.

1.   L-UFFIĊĊJI Sirene U INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI

1.1.   L-Uffiċċju Sirene

Is-SIS II fiha biss l-informazzjoni indispensabbli (i.e. dejta ta’ twissija) li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna jew ta’ oġġett u tal-azzjoni meħtieġa li trid tittieħed. Barra minn hekk, skont l-istrumenti legali tas-SIS II, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni supplimentari li jkollha x’taqsam mat-twissija li tkun meħtieġa biex ikunu implimentati ċerti dispożiżżjonijiet previsti mill-istrumenti legali tas-SIS II, u biex is-SIS II tiffunzjona sewwa, fuq bażi bilaterali jew multilaterali.

Din l-istruttura mibnija biex tieħu ħsieb l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari ngħatat l-isem ta’ “Sirene”, li huwa akronimu tad-definizzjoni tal-istruttura bl-Ingliż: Supplementary Information Request at the National Entries (Talba għal Informazzjoni Supplimentari fid-Dħul Nazzjonali).

Għandu jkun stabbilit “Uffiċċju Sirene” nazzjonali minn kull Stat Membru skont l-Artikolu Komuni 7(2) tal-istrumenti legali tas-SIS II. Huwa għandu jservi bħala punt ta’ kuntatt waħdieni għall-Istati Membri, ikun kompletament operattiv 24 siegħa kuljum, għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari f’konnessjoni mad-dħul ta’ twissijiet u biex jippermetti li tittieħed azzjoni xierqa f’każijiet fejn persuni u oġġetti jkunu ġew imdaħħla fis-SIS II u jkunu nstabu bħala riżultat ta’ hit. Il-kompiti ewlenin (15) tal-Uffiċċji Sirene jinkludu l-iżgurar li l-iskambju tal-informazzjoni supplimentari kollha jkun skont ir-rekwiżiti ta’ dan il-Manwal Sirene, kif previst fl-Artikolu Komuni 8 tal-istrumenti legali tas-SIS II għall-iskopijiet li ġejjin:

(a)

biex Stati Membri jitħallew jikkonsultaw jew jgħarrfu lil xulxin waqt li jkunu qed idaħħlu twissija (eż. meta jdaħħlu twissijiet ta’ arrest);

(b)

wara li jkun hemm hit, biex titħalla ssir l-azzjoni xierqa (eż. tqabbil ta’ twissija li tirriżulta pożittiva);

(c)

meta l-azzjoni mitluba ma tkunx tista’ tittieħed (eż. iż-żieda ta’ bandiera);

(d)

meta tkun qed tiġi trattata l-kwalità tad-dejta tas-SIS II (eż. meta d-dejta tkun iddaħlet illegalment jew tkun fattwalment mhux preċiża), inkluża l-validazzjoni ta’ twissijiet li ħerġin u l-verifikazzjoni ta’ twissijiet li deħlin, jekk dan ikun provdut mil-liġi nazzjonali;

(e)

meta jkunu qed jitqiesu l-kompatibbiltà u l-prijorità tat-twissjiet (eż. meta wieħed ikun qed jara jekk hemmx twissijiet multipli);

(f)

meta jkunu qed jiġu trattati d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, b’mod partikolari d-dritt tal-aċċess għad-dejta.

L-Istati Membri huma mħeġġa jorganizzaw il-korpi nazzjonali kollha responsabbli għall-koperazzjoni internazzjonali tal-pulizija, inklużi l-Uffiċċji Sirene, b’mod strutturat sabiex jevitaw il-kunflitti ta’ kompetenza u d-duplikazzjoni tax-xogħol.

1.2.   Il-Manwal Sirene

Il-Manwal Sirene huwa sett ta’ istruzzjonijiet li jiddeskrivi fid-dettall ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-iskambju bilaterali jew multilaterali ta’ informazzjoni supplimentari.

1.3.   L-Appendiċi għal dan il-Manwal Sirene

Billi ċerti regoli ta’ natura teknika għandhom impatt dirett fuq ix-xogħol tal-utenti fl-Istati Membri, inklużi l-Uffiċċji Sirene, huwa xieraq li dawn ir-regoli jiġu inklużi fil-Manwal Sirene. Għalhekk l-Appendiċijiet għal dan il-Manwal għandhom jistabilixxu, fost l-oħrajn, regoli dwar it-tranżlitterazzjoni, it-tabelli tal-kodiċi, formoli għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni supplimentari u miżuri ta’ implimentazzjoni tekniċi oħra għall-ipproċessar tad-dejta.

1.4.   Katalogu ta’ rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u l-aħjar prattiki (Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen)

Il-katalgu jservi biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti legalment u l-aħjar prattiċi għall-Istati Membri fid-dawl tal-esperjenza. Iservi wkoll bħala għodda ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-istrumenti legali tas-SIS II. Għalhek, għandu, kemm jista’jkun, ikun segwit.

1.5.   Rwol tal-Uffiċċji Sirene fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija fl-Unjoni Ewropea

L-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari ma għandux jippreġudika l-kompiti fdati lill-Uffiċċji Sirene fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija mil-liġi nazzjonali li timplimenta strumenti legali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

L-Uffiċċji Sirene jistgħu jiġu fdati b’kompiti addizzjonali, b’mod partikolari mil-liġi nazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI, mill-Artikoli 39 u 46 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, sa fejn dawn ma ġewx sostitwiti mid-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI, mill-Artikolu 40 jew 41 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen jew jekk l-informazzjoni taqa’ fl-ambitu tal-assistenza legali reċiproka.

Jekk Uffiċċju Sirene jirċievi talba mingħand uffiċċju Sirene ieħor li tmur lil hinn mill-kompetenza tiegħu skont il-liġi nazzjonali, huwa għandu immedjatament jgħaddiha lill-awtorità kompetenti u għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene li jkun għamel it-talba bl-azzjoni tiegħu. Jekk ikun neċessarju, huwa għandu jipprovdi appoġġ lill-Uffiċċju Sirene li jkun għamel it-talba sabiex jiffaċilita l-komunikazzjoni.

1.5.1.   Trasferiment ta’ dejta lil pajjiżi terzi

(a)   Dejta pproċessata fis-SIS II

Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament SIS II u l-Artikolu 54 tad-Deċiżjoni SIS II, dejta pproċessata fis-SIS II għall-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti legali m’għandhiex tkun trasferita jew disponibbli għal pajjiżi terzi jew għal organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Artikolu 55 tad-Deċiżjoni tas-SIS II jipprevedi deroga minn din ir-regola ġenerali dwar l-iskambju ta’ dejta mal-Interpol dwar serq, miżapproprazzjoni, telf ta’ passaporti jew passaporti invalidati, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

(b)   Informazzjoni Supplimentari

Skont il-“prinċipju tas-sjieda tad-dejta” li jinsab fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament SIS II u 49(2) tad-Deċiżjoni tas-SIS II, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni supplimentari lil pajjiżi terzi tista’ ssir biss mill-Istat Membru “sid” tad-dejta. Jekk tasal talba għal informazzjoni supplimentari relatata ma’ twissija partikulari għand l-Uffiċċju Sirene ta’ Stat Membru li ma jkunx ħareġ it-twissija, dan tal-ewwel għandu jgħarraf lil tal-aħħar dwar it-talba għal informazzjoni biex iħalli lill-Istat Membru emittenti jieħu deċiżjoni b’konformità sħiħa mal-liġi nazzjonali applikabbli, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. L-użu tal-mezz tal-Interpol lil pajjiżi terzi jkun jiddependi fuq dispożizzjonijiet jew proċeduri nazzjonali.

1.6.   Relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Europol

L-Europol għandha d-dritt ta’ aċċess u għal tiftix dirett għal dejta mdaħħla fis-SIS II skont l-Artikoli 26, 36 u 38 tad-Deċiżjoni. L-Europol tista’ titlob għal aktar informazzjoni mill-Istati Membri interessati skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Europol (16). B’konformità mal-liġi nazzjonali, huwa rakkomandat bil-qawwa li l-kooperazzjoni mal-Unità Nazzjonali tal-Europol (ENU) għandha tkun stabbilita biex ikun żgurat li l-Uffiċċju Sirene jkun mgħarraf b’kull skambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn il-Europol u l-ENU dwar it-twissijiet fis-SIS II. F’każijiet eċċezzjonali fejn il-komunikazzjoni f’livell nazzjonali dwar it-twissijiet tas-SIS II issir mill-ENU, il-partijiet kollha għall-komunikazzjoni, speċjalment l-Uffiċċju Sirene, għandhom ikunu konxji dwar dan il-fatt sabiex tiġi evitata l-konfużjoni.

1.7.   Relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Eurojust

Il-membri nazzjonali tal-Eurojust u l-assistenti tagħhom għandhom id-dritt ta’ aċċess u għal tiftix dirett għal dejta mdaħħla fis-SIS II skont l-Artikoli 26, 32, 34 u 38 tad-Deċiżjoni tas-SIS II. Skont il-liġi nazzjonali, għandha tkun stabbilita kooperazzjoni magħhom biex ikun żgurat skambju mingħajr diffikultà ta’ informazzjoni f’każ ta’ hit. B’mod partikulari, l-Uffiċċju Sirene għandu jkun il-punt ta’ kuntatt għal membri nazzjonali tal-Eurojust u l-assistenti tagħhom għal informazzjoni supplimentari dwar twissijiet fis-SIS II.

1.8.   Relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Interpol  (17)

Ir-rwol tas-SIS II la hu li tibdel u lanqas li tagħmel replika tar-rwol tal-Interpol. Għalkemm xi xogħlijiet jistgħu jidħlu f’xulxin, il-prinċipji li jirregolaw azzjoni jew il-kooperazzjoni bejn Stati Membri skont Schengen huma sostanzjalment differenti minn dawk tal-Interpol. Jeħtieġ, għalhekk, li jkunu stabbiliti regoli għall-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene u l-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali (NCBs).

Għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

1.8.1.   Prijorità ta’ twissijiet tas-SIS II fuq twissijiet tal-Interpol

F’każ ta’ twissijiet maħruġin minn Stati Membri, twissijiet tas-SIS II u l-iskambju tal-informazzjoni kollha dwar dawn it-twissijiet għandu dejjem ikollhom prijorità fuq twissijiet u informazzjoni skambjati permezz tal-Interpol. Dan huwa ta’ importanza partikulari jekk it-twissijiet ikunu f’konflitt.

1.8.2.   L-għażla ta’ mezz ta’ komunikazzjoni

Il-prinċipju li twissijiet ta’ Schengen jieħdu preċedenza fuq twissijiet tal-Interpol maħruġin minn Stati Membri għandu jkun rispettat u għandu jkun żgurat li NCBs ta’ Stati Membri jkunu jaqblu ma’ dan. Malli tinħoloq twissija tas-SIS II, il-komunikazzjonijiet kollha li jkollhom x’jaqsmu mat-twissija u l-għan u l-eżekuzzjoni ta’ azzjoni li jkollha tittieħed li għalihom tkun inħolqot għandhom jingħataw mill-Uffiċċji Sirene. Jekk Stat Membru jkun irid jibdel mezzi ta’ komunikazzjoni, il-partijiet l-oħra għandhom ikunu kkonsultati minn qabel. Bidla bħal din tkun possibbli biss f’każijiet speċifiċi.

1.8.3.   L-użu u t-tixrid ta’ diffużjonijiet tal-Interpol fl-Istati ta’ Schengen

Minħabba l-prijorità tat-twissijiet tas-SIS fuq it-twissijiet tal-Interpol, l-użu ta’ twissijiet tal-Interpol għandu jkun ristrett għal każijiet eċċezzjonali (jiġifieri fejn m’hemmx dispożizzjoni, jew fil-Konvenzjoni jew f’termini tekniċi, biex tiddaħħal it-twissija fis-SIS II, jew fejn ma tkunx tista’ tinkiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tinħoloq twissija tas-SIS II). Twissijiet paralleli fis-SIS II u permezz tal-Interpol ġewwa żona Schengen għandhom ikunu evitati. Twissijiet li jitqassmu permezz ta’ mezzi tal-Interpol u li jkopru wkoll iż-żona Schengen jew partijiet minnha għandhom iġibu l-indikazzjoni li ġejja: “ħlief għall-Istati ta’ Schengen”.

1.8.4.   Hit u tħassir ta’ twissija

Biex ikun żgurat ir-rwol tal-Uffiċċju Sirene bħala l-koordinatur tal-verifika tal-kwalità tal-informazzjoni mdaħħla fis-SIS II, Stati Membri għandhom jiżguraw li l-Uffiċċji Sirene u l-NCBs jgħarrfu lil xulxin dwar hits u tħassir ta’ twissijiet.

1.8.5.   Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene u l-NCBs tal-Interpol

B’konformità mad-dritt nazzjonali, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex ikun hemm skambju effettiv ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali bejn l-Uffiċċju Sirene tiegħu u l-NCBs.

1.9.   Standards

L-istandards li fuqhom hija msejsal-kooperazzjoni permezz tal-Uffiċċji Sirene huma dawn li ġejjin:

1.9.1.   Disponibbiltà

Kull Uffiċċju Sirene għandu jkun operattiv b’mod sħiħ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Il-provvediment ta’ analiżi teknika u legali, għajnuna u soluzzjonijiet għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkisbu 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

1.9.2.   Kontinwità

Kull Uffiċċju Sirene għandu jibni struttura interna li tiggarantixxi l-kontinwità ta’ ġestjoni, staff u infrastruttura teknika.

1.9.3.   Kunfidenzjalità

Skond l-Artikolu 11 tal-istrumenti legali tas-SIS II, regoli nazzjonali rilevanti ta’ segretezza professjonali jew obbligi ekwivalenti oħra ta’ konfidenzjalità għandhom japplikaw għall-istaff kollu ta’ Sirene. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawn in-nies jħallu l-uffiċċju jew l-impjieg.

1.9.4.   Aċċessibilità

Biex jitħares ir-rekwiżit tal-għoti ta’ informazzjoni supplimentari, l-istaff ta’ Sirene għandu jkollu aċċess dirett jew indirett għall-informazzjoni nazzjonali rilevanti u l-pariri esperti kollha.

1.10.   Komunikazzjonijiet

1.10.1.   Il-lingwa tal-komunikazzjoni

Biex tinkiseb l-aqwa effiċjenza f’komunikazzjoni bilaterali bejn l-Uffiċċji Sirene, għandha tintuża lingwa familjari għaż-żewġ partijiet.

1.10.2.   Skambju ta’ Dejta bejn l-Uffiċċji Sirene

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene huma stabbiliti fid-dokument: “Data exchange between Sirene Bureaux (DEBS)” (Skambju ta’ Dejta bejn l-Uffiċċji Sirene) Dawn l-istruzzjonijiet għandhom jiġu rispettati.

1.10.3.   In-netwerk, messaġġi u kaxxi postali

L-Uffiċċji Sirene għandhom jużaw esklussivament netwerk virtwali kripotografiku ddedikat għad-dejta tas-SIS II u l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-Uffiċċji Sirene, kif imsemmi fl-Artikoli komuni 4(1)(c) u 8(1) tal-istrumenti legali tas-SIS II. Huwa biss jekk dan il-mezz ma jkunx disponibbli, li jista’ jintuza mezz ieħor ta’ komunikazzjoni adatt u b’sigurtà adegwata. Il-ħila li jintgħażel il-mezz ifisser li l-għażla tkun stabbilita abbażi ta’ każ każ, skont il-possibbiltajiet tekniċi u r-rekwiżi ta’ sigurtà u kwalità li l-komunikazzjonijiet ikollhom jissodisfaw.

Messaġġi bil-miktub għandhom jinqasmu f’żewġ kategoriji: test liberu u forom standard. L-Appendiċi 3 għandu jiddeskrivi l-formoli skambjati bejn l-Uffiċċji Sirene u jistabbilixxu gwida dwar kontenut mistenni tal-oqsma, inkluż jekk humiex obbligatorji jew le.

Għandu jkun hemm ħames kaxxi postali differenti fi ħdan in-netwerk imsemmi hawn fuq għal messaġġi b’test ħieles, il-formoli Sirene u d-dejta Sirpit.

Il-kaxxa postali

L-indirizz għall-kaxxa postali

Għan

Operazzjonali

oper@xx.sirenemail2.eu

Tintuża għall-iskambju tal-formoli u fajls mehmuża bejn l-Uffiċċji Sirene

Teknika

tech@xx.sirenemail2.eu

Tintuża għall-iskambju tal-emails bejn il-persunal ta’ appoġġ tekniku tal-Uffiċċji Sirene

Kap ta’ Sirene

director@xx.sirenemail2.eu

Tintuża għall-iskambju tal-emails bejn il-Kapijiet tal-Uffiċċji Sirene

E-Mail

message@xx.sirenemail2.eu

Tintuża għal iskambju ta’ messaġġi ta’ test liberu bejn l-Uffiċċji Sirene

Sirpit

sirpit@xx.sirenemail2.eu

Tintuża għall-iskambju tad-dejta Sirpit bejn l-Uffiċċji Sirene

Għal skopijiet ta’ ttestjar tat-tieni dominju (18) (testxx.sirenemail2.eu) li fih il-kaxxi postali elettroniċi msemmija fit-tabella ta’ hawn fuq, jista’ jkun irreplikat għal finijiet ta’ ttestjar mingħajr ma jikkawża kwistjonijiet fl-iskambju ta’ messaġġi live u fl-ambjent tal-fluss tax-xogħol.

Għandhom japplikaw ir-regoli ddettaljati dwar il-kaxxi postali Sirene u t-trażmissjoni ta’ formoli Sirene deskritti fid-DEBS.

Is-sistema tal-fluss tx-xogħol Sirene (ara t-Taqsima 1.12) għandha timmonitorja l-kaxxi postali operazzjonali, e-Mail u Sirpit (“oper”, “message” u “sirpit”) sabiex ikunu identifikati formoli deħlin, emails u marki tas-swaba relatati. Messaġġi urġenti għandhom jintbagħtu biss lill-kaxxi postali operazzjonali.

1.10.4.   Komunikazzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali

Meta ma jkunux disponibbli kanali ta’ komunikazzjoni normali u jkun meħtieġ li jintbagħtu formoli pereżempju b’feks, għandha tapplika l-proċedura deskritta f’DEBS.

1.11.   Il-ktieb tal-indirizzi Sirene (Sirene Address Book)

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċji Sirene u l-informazzjoni relevanti għal komunikazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi jinġabru u huma pprovduti fil-Ktieb tal-Indirizzi Sirene (SAB). Il-proċess ta’ aġġornament tas-SAB għandu jsir mill-Kummissjoni. Is-SAB aġġornat għandu jinħareġ mill-Kummissjoni għallinqas darbtejn fis-sena. Kull uffiċċju Sirene għandu jiżgura ruħu li:

(a)

l-informazzjoni mis-SAB ma tkunx żvelata lil partijiet terzi;

(b)

il-persunal tas-Sirene jafu bis-SAB u jużawh;

(c)

kwalunkwe aġġornament tal-informazzjoni elenkata fis-SAB tkun ipprovduta mingħajr dewmien lill-Kummissjoni.

1.12.   Is-sistema tal-fluss tax-xogħol Sirene

L-immaniġġjar effettiv tal-volum tax-xogħol tal-uffiċċji Sirene jista’ jintlaħaq l-aħjar billi kull Uffiċċju Sirene jkollu sistema ta’ mmaniġġjar kompjuterizzata (sistema tal-fluss tax-xogħol), li tippermetti awtomazzjoni kbira fl-immaniġġjar tal-fluss tax-xogħol ta’ kuljum.

L-Uffiċċju Sirene jista’ jkollu kompjuter u sistema ta’ bażi tad-dejta ta’ riserva tal-fluss tax-xogħol tiegħu f’sit sekondarju f’każ ta’ emerġenza gravi fl-Uffiċċju Sirene. Dan għandu jinkludi biżżejjed provvista ta’ riżerva ta’ elettriku u ta’ komunikazzjoni.

Għandu jkun ipprovdut appoġġ xieraq tal-IT għall-fluss tax-xogħol Sirene sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà kbira tiegħu.

1.13.   Il-limitu taż-żmien għar-risposta

L-Uffiċċju Sirene għandu jirrispondi malajr kemm jista’ jkun it-talbiet kollha għal informazzjoni dwar twissijiet u proċeduri ta’ hit magħmula minn Stati Membri oħra permezz tal-Uffiċċji Sirene tagħhom. F’kull każ għandha tingħata tweġiba fi żmien 12-il siegħa. (Ara wkoll it-Taqsima 1.13.1 dwar indikazzjoni ta’ urġenza fil-formoli Sirene).

Prijoritajiet fix-xogħol ta’ kuljum għandhom ikunu bbażati fuq il-kategorija ta’ twissija u l-importanza tal-każ.

1.13.1.   Indikazzjoni ta’ urġenza fil-formoli Sirene inkluż rappurtar urġenti ta’ hit

Il-formoli Sirene li għandhom jiġu trattati mill-uffiċċju Sirene li rċieva t-talba bl-ikbar prijorità jistgħu jiġu mmarkati “URĠENTI”, fil-kaxxa 311 (“Avviż Importanti”) u wara tingħata r-raġuni għall-urġenza. Jistgħu jintużaw ukoll komunikazzjoni jew notifikazzjoni bit-telefon meta tkun meħtieġa tweġiba urġenti.

Mera ċ-ċirkustanzi ta’ hit dwar twissija jiddettaw, bħal każ ġenwin ta’ urġenza jew ta’ importanza sinifikanti, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun qabbel it-twissija għandu, fejn xieraq, jgħarraf lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti dwar il-hit permezz tat-telefon wara li jibgħat il-formola G.

1.14.   Regoli ta’ traslitterazzjoni/traskrizzjoni

Id-definizzjonijiet u r-regoli ta’ traslitterazzjoni u traskrizzjoni huma stabbiliti fl-Appendiċi 1. Dawn għandhom ikunu rispettati fil-komunikazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene (ara wkoll it-Taqsima 2.10 dwar l-entrati ta’ ismijiet proprji).

1.15.   Kwalità tad-dejta

Skont l-Artikolu 7(2) tal-istrumenti legali tas-SIS II, l-Uffiċċji Sirene għandhom jikkoordinaw il-verifika tal-kwalità tal-informazzjoni mdaħħla fis-SIS II. L-Uffiċċji Sirene għandu jkollhom il-kompetenza nazzjonali neċessarja biex iwettqu dan ir-rwol. Għalhekk għandu jkun hemm formola adegwata ta’ verifika tal-kwalità ta’ dejta nazzjonali, inkluża reviżjoni tar-rata ta’ twissijiet/hits u tal-konenut tad-dejta.

Sabiex kull Uffiċċju Sirene jitħalla jwettaq ir-rwol tiegħu ta’ koordinatur tal-verifika tal-kwalità tad-dejta, għandhom ikunu disponibbli għajnuna ta’ IT neċessarja u drittijiet adatti fi ħdan is-sistemi.

Għandhom jiġu stabbiliti standards nazzjonali għat-taħriġ tal-utenti finali dwar il-prinċipji u l-prassi tal-kwalità tad-dejta f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Nazzjonali Sirene. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-persunal tal-Uffiċċji Sirene biex ikunu involuti fit-taħriġ tal-awtoritajiet kollha li jdaħħlu twissijiet, li jenfasizzaw il-kwalità tad-dejta u l-massimizzazzjoni tal-użu tas-SIS II.

1.16.   Arkivjar

(a)

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet għal ħżin ta’ informazzjoni.

(b)

L-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jżomm l-informazzjoni kollha dwar it-twissijiet tiegħu stess disponibbli għall-Istati Membri l-oħra, inkluża referenza għad-deċiżjoni li tkun ikkawżat it-twissija;

(c)

L-arkivji ta’ kull Uffiċċju Sirene għandhom iħallu jkun hemm aċċess malajr għall-informazzjoni rilevanti biex jitħarsu l-iskadenzi tassew qosra għal trażmissjoni ta’ informazzjoni.

(d)

Skont l-Artikolu 12(4) tal-istrument legali SIS II, id-dejta personali, miżmuma fil-fajls mill-Uffiċċju Sirene minħabba skambju ta’ informazzjoni, għandha tinżamm biss għal dak il-perjodu ta’ żmien li jista’ jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-iskopijiet li għalihom kienet ipprovduta. Bħala regola, din l-informazzjoni għandha titħassar mill-ewwel wara li t-twissija relatata tkun tħassret mis-SIS II, u f’kull każ mhux aktar tard minn sena wara. Madankollu, id-dejta relatata ma’ twissija partikolari li Stat Membru jkun ħareġ jew ma’ twissija li b’konnessjoni magħha ttieħdet azzjoni fuq it-territorju tiegħu, tista’ tinħażen għal perjodu itwal ta’ żmien skont il-liġi nazzjonali.

(e)

Informazzjoni supplimentari mibgħuta minn Stati Membri oħra għandha tinħażen skont il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta fl-Istat Membru riċevitur. L-Artikolu Komuni 12 tal-istrument legali SIS II, id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (19) u l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa (20) għandhom japplikaw ukoll.

(f)

Wara li titħassar it-twissija relevanti, l-informazzjoni dwar identità użata ħażin għandha titħassar.

(g)

Aċċess għal arkivji għandu jkun irrekordjat, ikkontrollat u ristrett minn persunal maħtur apposta.

1.17.   Persunal

Livell għoli ta’ staff b’esperjenza jwassal għal forza tax-xogħol li kapaċi tiffunzjona fuq inizjattiva tagħha nfisha u b’hekk tkun tista’ tieħu ħsieb każijiet b’mod effiċjenti. Għalhekk tkun ħaġa mixtieqa li l-bdil ta’ staff ikun baxx, u dan jirrikjedi koll l-appoġġ inekwivoku tal-maniġment biex joħloq ambjent ta’ xogħol deċentralizzat. L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jevitaw telf ta’ kwalifiki u ta’ esperjenza kkawżat minn tibdil fil-persunal.

1.17.1.   Kapijiet tal-Uffiċċji Sirene

Il-kapijiet ta’ Uffiċċji Sirene għandhom jiltaqgħu għallinqas darbtejn fis-sena biex jivvalutaw il-kwalità tal-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħhom, jiddiskutu miżuri tekniċi jew organizzattivi meħtieġa fil-każ ta’ diffikultajiet u biex jiċċaraw proċeduri fejn ikun meħtieġ. Il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Uffiċċji Sirene hija organizzata mill-Istat Membru li għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

1.17.2.   Persuna ta’ Kuntatt tas-Sirene (SIRCoP)

Fil-każijiet fejn il-proċeduri standard jistgħu ma jkunux biżżejjed, il-Persuna ta’ Kuntatt Sirene (SIRCoP) tista’ tittratta fajls li l-progress tagħhom huwa kumpless, problematiku jew sensittiv u sabiex tkun solvuta l-kwistjoni, jista’ jkun rikjest grad ieħor ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u/jew kuntatt b’terminu itwal ma’ Uffiċċju ieħor tas-Sirene. Is-SIRCoP mhijiex intenzjonata għal każijiet urġenti fejn fil-prinċipju għandhom jintużaw is-servizzi 24/7 tal-front desk.

Is-SIRCoP jista’ jifformola proposti li jsaħħu l-kwalità u jiddeskrivu l-opzjonijiet li jsolvu tali kwisjonijiet f’terminu ta’ żmien twil.

Bħala regola ġenerali, SIRCoP jistgħu jkunu kkuntattjati biss minn SIRCoP oħra matul il-ħin tal-uffiċċju

1.17.3.   Għarfien

Il-persunal tal-Uffiċċju Sirene għandu jkollu ħiliet lingwistiċi li jkopru firxa wiesgħa kemm jista’ jkun ta’ lingwi u membri tal-persunal fuq xogħolhom għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-Uffiċċji Sirene kollha.

Huma għandu jkollhom l-għarfien neċessarju dwar:

aspetti ġuridiċi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali tagħhom, u

sistemi nazzjonali u Ewropej ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja u tal-immigrazzjoni.

Jeħtiġilhom ikollhom l-awtorità li tittratta b’mod indipendenti kull każ li jidħol.

Operaturi fuq xogħolhom barra l-ħinijiet tal-uffiċċju għandu jkollhom l-istess kompetenza, għarfien u awtorità u għandu jkun possibbli għalihom li jirreferu għal esperti disponibbli malli jissejħu.

Fl-Uffiċċju Sirene għandu jkun disponibbli tagħrif legali espert li jkopri kemm każijiet normali kif ukoll eċċezzjonali. Skont ix-xorta tal-każ, dan jista’ jingħata minn kull membru tal-persunal li jkollu l-isfond ġuridiku meħtieġ jew minn esperti minn awtoritajiet ġudizzjarji.

1.17.4.   Taħriġ

Livell nazzjonali

Fuq livell nazzjonali, taħriġ suffiċjenti jiżgura li l-persunal jissodisfa l-istandards meħtieġa kif stabbiliti f’dan il-manwal. Qabel ma jkun awtorizzat jipproċessa dejta maħżuna fis-SIS II, il-persunal għandu, b’mod partikulari, jirċievi taħriġ xieraq dwar regoli ta’ sigurtà ta’ dejta u ta’ protezzjoni ta’ dejta u għandu jkun mgħarraf dwar reati u pieni kriminali rilevanti.

Livell Ewropew

Għandhom ikunu organizzati korsijiet ta’ taħriġ komuni mill-anqas darba fis-sena, biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene billi jħallu persunal jiltaqa’ ma’ kollegi minn Uffiċċji Sirene oħra, jaqsmu informazzjoni fuq metodi nazzjonali ta’ xogħol u joħolqu livell ta’ għarfien konsistenti u ekwivalenti. Dan ikompli jagħmel lill-persunal konxju mill-importanza tax-xogħol tiegħu u mill-ħtieġa tas-solidarjetà reċiproka minħabba s-sigurtà komuni tal-Istati Membri.

It-taħriġ għandu jingħata f’konformità mal-Manwal Sirene għal min iħarreġ.

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) jistabbilixxi li l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja (l-Aġenzija) għandha twettaq kompiti relatati mat-taħriġ tal-użu tekniku tas-SIS II, b’mod partikolari għall-persunal tas-Sirene.

1.17.5.   Skambju ta’ persunal

Kemm jista’ jkun possibbli, Uffiċċji Sirene għandhom jipprevedu kif jistabbilixxu skambji ta’ persunal ma’ Uffiċċji Sirene oħra mill-anqas darba fis-sena. Dawn l-iskambji jkunu maħsubin biex jgħinu jtejbu l-għarfien tal-persunal dwar metodi ta’ xogħol, biex juru kif Uffiċċji Sirene oħra jkunu organizzati u jistabbilixxu kuntatti personali ma’ kollegi fi Stati Membri oħra.

2.   PROĊEDURI ĠENERALI

Il-proċeduri deskritti hawn taħt huma applikabbli għall-kategoriji kollha ta’ twissijiet. Il-proċeduri speċifiċi għal kull kategorija ta’ twissija jistgħu jinstabu fil-partijiet rilevanti ta’ dan il-Manwal.

2.1.   Definizzjonijiet

“Stat Membru emittenti”: L-Istat Membru li daħħal it-twissija fis-SIS II;

“Stat Membru eżekutur”: Stat Membru li jieħu l-azzjonijiet meħtieġa wara hit;

“Uffiċċju Sirene fornitur”: Uffiċċju Sirene ta’ Stat Membru li għandu marki tas-swaba jew stampi tal-persuna li għaliha tkun iddaħħlet twissija minn Stat Membru ieħor (proċedura Sirpit — ara t-taqsima 2.13).

“Hit”: isseħħ f’SIS II meta:

(a)

issir tfittxija mill-utent,

(b)

it-tfittxija tiżvela twissija barranija fl-SIS II,

(c)

dejta dwar it-twissija fis-SIS II taqbel mad-dejta tar-riċerka, u

(d)

ikunu rikjesti azzjonijiet ulterjuri bħala riżultat tal-hit

“Bandiera”: sospensjoni tal-validità fil-livell nazzjonai li tista’ tiżdied ma’ twissijiet ta’ arrest, twissijiet dwar persuni nieqsa u twissijiet għal kontrolli, fejn Stat Membru jqis li jekk iġib fis-seħħ twissija dan ma jkunx kompatibbli mad-dritt nazzjonali tiegħu, mal-obbligi internazzjonali tiegħu jew ma’ interessi nazzjonali essenzjali. Meta t-twissija tkun indikata, l-azzjoni mitluba li jkollha tittieħed abbażi tat-twissija m’għandhiex tittieħed fuq it-terrotorju ta’ dan l-Istat Membru.

2.2.   Twissijiet multipli (Artikolu 34(6) tar-Regolament SIS II u 49(6) tad-Deċiżjoni SIS II)

Twissija waħda biss għal kull Stat Membru tista’ tiddaħħal fis-SIS II għal kull persuna waħda jew oġġett wieħed.

Għalhekk, kull meta jkun possibbli u meħtieġ, it-tieni twissija u oħrajn warajha dwar l-istess persuna jew oġġett għandhom jibqgħu disponibbli fuq livell nazzjonali biex ikunu jistgħu jkunu introdotti meta l-ewwel twissija tiskadi jew titħassar.

Jistgħu jiddaħlu diversi twissijiet minn Stati Membri differenti għall-istess suġġetti. Huwa essenzjali li dan ma joħloqx konfużjoni fost l-utenti aħħarin u li jkun ċar għalihom x’miżuri jkollhom jittieħdu meta jkunu jridu jdaħħlu twissija, u liema proċedura għandha tittieħed meta jkun hemm hit. Għalhekk għandhom ikunu stabbiliti proċeduri biex ikunu identifikati twissijiet multipli, bħal m’għandu jkun stabbilit mekkaniżmu ta’ prijorità biex dawn jiddaħħlu fis-SIS II.

Dan jitlob li jkun hemm:

kontrolli qabel ma tiddaħħal twissija, sabiex jiġi determinat jekk is-suġġett jinsabx diġà fis-SIS II,

konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, meta d-dħul ta’ twissija jikkawża twissijiet multipli li jkunu inkompatibbli.

2.2.1.   Kompatibbiltà tat-twissijiet

Diversi Stati Membri jistgħu jdaħħlu twissija dwar l-istess persuna jew oġġett jekk it-twissijiet ikunu kompatibbli.

Tabella ta’ kompatibbiltà ta’ twissijiet dwar persuni

Ordni ta’ importanza

Twissija ta’ arrest

Twissija għal rifjut tad-dħul

Twissija dwar persuna nieqsa

(protezzjoni)

Twissija għal kontroll speċifiku

Twissija għal kontroll diskret

Twissija dwar persuna nieqsa

(fejn tista’ tinstab)

Twissija għal proċedura ġudizzjarja

Twissija ta’ arrest

iva

iva

iva

le

le

iva

iva

Twissija ta’ ċaħda ta’ dħul

iva

iva

le

le

le

le

le

Twissija dwar persuna nieqsa

(protezzjoni)

iva

no

yes

no

no

yes

yes

Twissija għal kontroll speċifiku

le

le

le

iva

le

le

le

Twissija għal kontroll diskret

le

le

le

le

iva

le

le

Twissija dwar persuna nieqsa

(fejn tista’ tinstab)

iva

le

iva

le

le

iva

iva

Twissija għal proċedura ġudizzjarja

iva

le

iva

le

le

iva

iva


Tabella ta’ kompatibbiltà għal twissijiet dwar oġġetti

Ordni ta’ importanza

Twissija għal użu bħala prova

Twissija għal qbid

Twissija għal kontroll speċifiku

Twissija għal kontroll diskret

Twissija għal użu bħala prova

iva

iva

le

le

Twissija għal qbid

iva

iva

le

le

Twissija għal kontroll speċifiku

le

le

iva

le

Twissija għal kontroll diskret

le

le

le

iva

2.2.2.   Ordni ta’ prijorità ta’ twissijiet

Fil-każ ta’ twissijiet ta’ inkompatibbiltà, l-ordni ta’ prijorità għal twissijiet dwar persuni għandha tkun kif ġej:

arrest għall-fini ta’ konsenja jew estradizzjoni (Artikolu 26 tad-Deċiżjoni SIS II),

ċaħda ta’ dħul jew permanenza fit-territorju ta’ Schengen (Artikolu 24 tar-Regolament SIS II),

għoti ta’ protezzjoni (Artikolu 32 tad-Deċiżjoni SIS II),

kontrolli speċifiċi (Artikolu 36 tad-Deċiżjoni SIS II),

kontrolli diskreti (Artikolu 36 tad-Deċiżjoni SIS II),

komunikazzjoni dwar fejn jistgħu jinsabu persuni nieqsa (Artikoli 32 u 34 tad-Deċiżjoni).

L-ordni ta’ prijorità għal twissijiet dwar oġġetti għandha tkun kif ġej:

użu bħala prova (Artikolu 38 tad-Deċiżjoni),

qbid (Artikolu 38 tad-Deċiżjoni),

kontroll speċifiku (Artikolu 36 tad-Deċiżjoni),

kontroll diskret (Artikolu 36 tad-Deċiżjoni),

Tibdil f’din l-ordni ta’ prijorità jista’ jsir wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri jekk ikunu f’riskju interessi nazzjonali essenzjali.

2.2.3.   Kontrolli għal inkompatibbiltà u dħul ta’ twissijiet multipli

Sabiex ikunu evitati twissijiet multipli inkompatibbli, importanti li ssir distinzjoni preċiża bejn persuni jew oġġetti li għandhom karatteristiċi simili. Għalhekk il-konsultazzjoni u l-kooperazzjoni bejn L-Uffiċċji Sirene huma essenzjali, u kull Stat Membru għandu jistabbilixxi proċeduri tekniċi adatti biex ikunu identifikati każijiet bħal dawn qabel ma jsir dħul.

L-Uffiċċju Sirene għandu jiżgura li teżisti twissija waħda biss fis-SIS II f’konformità ma’ proċedura nazzjonali jekk talba għal twissija tkun f’konflitt ma’ twissija maħruġa mill-istess Stat Membru.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja sabiex ikun ivverifikat jekk jeżistux twissijiet multipli għall-istess persuna jew l-istess oġġett.

(a)

L-elementi obbligatorji għad-deskrizzjoni tal-identità għandhom jitqabblu meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ twissijiet multipli:

(i)

dwar persuna:

il-kunjom,

l-isem,

id-data tat-twelid,

is-sess;

(ii)

dwar vettura:

in-numru VIN,

in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-pajjiż ta’ reġistrazzzjoni,

l-għamla,

it-tip;

(iii)

dwar inġenji tal-ajru:

kategorija tal-inġenji tal-ajru,

numru ta’ reġistrazzjoni ICAO;

(iv)

dwar dgħajsa:

kategorija ta’ dgħajsa,

għadd ta’ bwieq,

numru ta’ identifikazzjoni estern tad-dgħajsa (mhux obbligatorju iżda jista’ jintuża);

(v)

dwar kontejner:

in-numru tal-BIC (22).

(b)

Meta tiddaħħal twissija ġdida dwar vettura jew oġġett ieħor b’VIN jew numru tar-reġistrazzjoni, ara l-proċeduri fit-Taqsima 8.2.1.

(c)

Għal oġġetti oħra, il-kaxxi l-aktar adatti biex ikunu identifikati twissijiet multipli huma l-kaxxi obbligatorji, li kollha kemm huma għandhom jintużaw għal paragun awtomatiku permezz tas-sistema.

Il-proċeduri deskritti f’8.2.1 (kontrolli ta’ twissijiet multipli dwar vettura) għandhom jintużaw biex issir distinzjoni bejn kategoriji oħra ta’ oġġetti f’SIS II meta jkun evidenti li żewġ oġġetti simili għandhom l-istess numru tas-serje.

Jekk ir-riżultat tal-kontroll ikun li d-dettalji jkollhom x’jaqsmu ma’ żewġ persuni jew oġġetti differenti, l-Uffiċċju Sirene għandu japprova t-talba biex it-twissija l-ġdida tiddaħħal (23).

Jekk il-kontroll ta’ twissijiet multipli jiżvela li d-dettalji huma identiċi u huma relatati mal-istess persuna jew oġġett, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jdaħħal twissija ġdida għandu jikkonsulta lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti jekk it-twissijiet ikunu inkompatibbli.

Il-proċedura li jmiss għandha tapplika biex tivverifika l-kompatibbiltà tat-twissijiet:

(a)

qabel ma tiddaħħal twissija huwa obbligatorju li ssir verifika li tiżgura li ma hemmx twissijiet inkompatibbli;

(b)

jekk teżisti twissija oħra li tkun kompatibbli, l-Uffiċċji Sirene ma jkunux jeħtieġu jikkonsultaw lil xulxin. Madanakollu, jekk hemm ħtieġa li jkun ikkjarifikat jekk it-twissija tirrelatax mal-istess persuna, l-Uffiċċju Sirene għandu jikkonsulta lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti permezz tal-formola L;

(c)

jekk it-twissijiet ikunu inkompatibbli, l-Uffiċċji Sirene għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz tal-formola E sabiex fl-aħħar mill-aħħar tiddaħħal twissija waħda biss;

(d)

twissijiet għal arrest għandhom jiddaħħlu immedjatament mingħajr ma jiġi mistenni r-riżultat ta’ kwalunkwe konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra;

(e)

jekk twissija li tkun inkompatibbli ma’ twissijiet eżistenti tingħata prijorità bħala r-riżultat ta’ konsultazzjoni, l-Istat Membri li jkunu daħħlu t-twissijiet l-oħra għandhom iħassruhom meta tkun iddaħħlet it-twissija l-ġdida. Kull tilwima għandha tkun irranġata minn Stati Membri permezz tal-Uffiċċji Sirene;

(f)

Stati Membri li ma kinux jistgħu jdaħħlu twissija jistgħu jissottoskrivu biex ikunu notifikati mis-CS-SIS dwar it-tħassir tat-twissija;

(g)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li ma setax idaħħal it-twissija jista’ jitlob lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija biex jgħarrfu dwar hit għal din it-twissija.

2.3.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Jekk l-utent aħħari jkun jeħtieġlu informazzjoni supplimentari wara hit, l-Uffiċċju Sirene għandu jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti malajr kemm jista’ jkun u jitlob l-informazzjoni meħtieġa. Skont il-każ, l-Uffiċċji Sirene għandhom jagħmluha ta’ intermedjarji bejn l-awtoritajiet nazzjonali u għandhom jagħtu u jiskambjaw informazzjoni supplimentari rilevanti għat-twissija msemmija.

Sakemm ma jingħadx mod ieħor, l-Istat Membru emittenti għandu jiġi infurmat bil-hit u bl-eżitu tagħha (ara wkoll it-Taqsima 1.13.1 dwar indikazzjoni ta’ urġenza).

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Bla ħsara għat-Taqsima 2.4 ta’ dan il-Manwal, hit dwar individwu jew oġġett li għalihom tkun inħarġet twissija, għandha, bħala prinċipju, tkun ikkomunikata lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti billi tintuża l-formola G.

(b)

Fin-notifika ta’ hit lill-Istat Membru emittenti, fil-kaxxa 090 tal-formola G, għandu jiġi indikat l-Artikolu applikabbli tal-istrumenti legali SIS II, inkluża informazzjoni addizzjonali jekk dan ikun neċessarju (eż. “MINORENNI”).

Il-formola G għandha tipprovdi kemm jista’ jkun informazzjoni dwar il-hit, inkluż dwar l-azzjoni li ttieħdet fil-kaxxa 088. Fil-kaxxa 089, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jista’ jintalab jipprovdi informazzjoni supplimentari.

(c)

Jekk l-uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni biħsiebu jipprovdi iktar informazzjoni wara li tkun intbagħtet il-formola G, huwa għandu juża l-formola M.

(d)

Jekk ikun meħtieġ, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu mbagħad jibgħat kull informazzjoni rilevanti u speċifika u jindika kull miżura partikulari li jitlob lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni biex jieħu.

Għall-proċedura ta’ rappurtar dwar hits li jkunu saru permezz ta’ sistemi tar-Rikonoxximent Awtomatiku tal-Pjanċa (Automatic Number Plate Recognition (ANPR)), ara t-Taqsima 9.

2.4.   Meta ma jkunux jistgħu jiġu segwiti l-proċeduri wara hit (Artikolu 48 tad-Deċiżjoni SIS II u Artikolu 33 tar-Regolament SIS II)

B’konformità mal-Artikolu 48 tad-Deċiżjoni SIS II u mal-Artikolu 33 tar-Regolament SIS II, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

l-Istat Membru li ma jkunx jista’ jsegwi l-proċedura għandu minnufih jgħarraf lill-Istat Membru emittenti permezz tal-Uffiċċju Sirene tiegħu li huwa ma jistax iwettaq l-azzjoni mitluba, u jagħti r-raġunijiet tiegħu fil-kaxxa 083 tal-formola H;

(b)

L-Istati Membri interessati jistgħu jaqblu dwar l-azzjoni li jkollha tittieħed skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom u l-istrumenti legali tas-SIS II.

2.5.   L-ipproċessar ta’ dejta ħlief għall-fini li għalih tkun iddaħħlet fis-SIS II (Artikolu 46(5) tad-Deċiżjoni SIS II)

Id-dejta li tinsab fis-SIS II tista’ tkun ipproċessata biss għall-finijiet stabbiliti għal kull kategorija ta’ twissija.

Madankollu, jekk tkun inkisbet awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istat Membru emittenti, id-dejta tista’ tkun ipproċessata għal skop barra minn dak li għalih tkun iddaħħlet, sabiex tkun evitata theddida gravi imminenti għall-ordni u s-sigurtà pubblika, għal raġunijiet gravi ta’ sigurtà nazzjonali jew għall-finijiet sabiex jiġi evitat reat kriminali serju.

Jekk Stat Membru għandu l-intenzjoni li jipproċessa dejta fis-SIS II għal finijiet barra minn dawk li għalihom tkun iddaħħlet, l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jsir skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

Permezz tal-Uffiċċju Sirene tiegħu, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li juża d-dejta għal skop differenti għandu jispjega lill-Istat Membru emittenti r-raġunijiet għaliex id-dejta għandha tkun ipproċessata għal skop ieħor, billi juża l-formola I;

(b)

malajr kemm jista’ jkun, l-Istat Membru emittenti għandu jara jekk din it-talba tistax tintlaqa’ u għandu jgħarraf lill-Istat Membru l-ieħor, permezz tal-Uffiċċju Sirene tiegħu, bid-deċiżjoni tiegħu;

(c)

jekk ikun jeħtieġ, l-Istat Membru li jkun ħareġ it-twissija jista’ jagħti awtorizzazzjoni suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet dwar kif id-dejta għandha tintuża.

Malli l-Istat Membru emittenti jkun qabel, l-Istat Membru l-ieħor għandu juża d-dejta biss għar-raġuni li għaliha jkun talab u kiseb awtorizzazzjoni. Għandu jqis kull kundizzjoni stabbilita mill-Istat Membru emittenti.

2.6.   L-immarkar

(a)

L-Artikolu 24 tad-Deċiżjoni SIS II tipprevedi l-każijiet li ġejjin meta Stat Membru jista’ jirrikjedi marka.

(i)

Fejn Stat Membru jikkunsidra li l-effett mogħti lil twissija mdaħħla skont l-Artikoli 26, 32 jew 36 tad-Deċiżjoni SIS II ikun inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tiegħu, l-obbligi internazzjonali jew l-interessi nazzjonali essenzjali tiegħu, dan jista’ sussegwentement jeħtieġ li tiżdied marka mat-twissija bir-riżultat li l-azzjoni li għandha tittieħed abbażi tat-twissija ma tittiħidx fit-territorju tagħha. Il-marka għandha tiżdied mill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti.

(ii)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jitolbu li tiżdied marka ma’ twissija maħruġa skont l-Artikolu 26, l-Istati Membri kollha għandhom jiġu nnotifikati awtomatikament dwar kwalunkwe twissija ġdida ta’ dik il-kategorija bl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari.

(iii)

Jekk f’każijiet partikolarment urġenti u serji, Stat Membru li joħroġ twissija jitlob l-esekuzzjoni tal-azzjoni, l-Istat Membru li jesegwixxi twissija għandu jeżamina jekk jistax jippermetti li tiġi rtirata l-marka miżjuda fuq talba tiegħu. Jekk l-Istat Membru li jesegwixxi l-azzjoni jista’ jagħmel dan, hu għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-azzjoni li għandha tittieħed tista’ ssir minnufih.

(b)

Proċedura alternattiva teżisti biss għal twissijiet ta’ arrest (ara t-taqsima 3.6).

(c)

Meta tiġi miżjuda marka ma’ twissijiet dwar persuni neqsin u twissijiet dwar kontrolli diskreti jew speċifiċi, it-twissija ma tidhirx fuq l-iskrin meta l-utent finali jikkonsulta s-sistema.

2.6.1.   Konsultazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li tiżdied marka

Marka għandha tiġi miżjuda biss meta ssir talba jew ikun hemm qbil minn Stat Membru ieħor.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

jekk Stat Membru jitlob li tiżdied marka, huwa għandu jitlob il-marka mingħand l-Istat Membru emittenti billi juża l-formola F, u jagħti r-raġuni għall-ħtieġa tal-marka. Il-kaxxa 071 għandha tintuża għal dan l-iskop, filwaqt li l-kaxxa 080 għandha tispjega r-raġuni għal din il-marka. Għal informazzjoni supplimentari oħra dwar it-twissija, għandha tintuża l-kaxxa 083.

(b)

L-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija għandu jżid il-marka mitluba immedjatament.

(c)

ladarba l-informazzjoni tkun ġiet skambjata, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fil-proċess ta’ konsultazzjoni mill-Istat Membru li talab il-marka, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li t-twissija tiġi emendata jew imħassra jew li t-talba tiġi rtirata u t-twissija tibqa’ l-istess.

2.6.2.   Talba biex titħassar marka

L-Istati Membri għandhom jitolbu t-tħassir tal-marka mitluba preċedentement malli r-raġuni għall-marka ma tibqax iktar valida. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun inbidlet jew jekk skambju ta’ informazzjoni ulterjuri dwar il-każ ikun żvela li ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 24(1) jew fl-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni SIS II ma għadhomx jeżistu.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

L-uffiċċju Sirene li preċedentement talab li tiżdied il-marka għandu jitlob lill-uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti sabiex iħassar il-marka billi tintuża l-formola F. Il-kaxxa 075 għandha tintuża għal dan l-iskop (24). Għal iktar dettalji dwar id-dritt nazzjonali, għandha tintuża l-kaxxa 080, u fejn ikun xieraq, u sabiex tiddaħħal informazzjoni supplimentari li tispjega r-raġuni għat-tħassir tal-marka u għal informazzjoni supplimentari oħra li tikkonċerna t-twissija, għandha tintuża l-kaxxa 083.

(b)

L-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jħassar il-marka immedjatament.

2.7.   Dejta misjuba li tkun legalment jew fattwalment skorretta (Artikolu 34 tar-Regolament SIS II u Artikolu 49 tad-Deċiżjoni SIS II)

Jekk dejta tinstab li tkun skorretta fattwalment jew li tkun inħażnet illegalment fis-SIS II, allura l-iskambju ta’ informazzjzoni supplimentari għandu jsir skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament SIS II u fl-Artikolu 49(2) tad-Deċiżjoni SIS II, li jgħidu li l-Istati Membri biss li jkunu ħarġu t-twissija jistgħu jimmodifikaw, iżidu, jikkoreġu, jaġġornaw jew iħassru dejta.

L-Istat Membru li jkun sab li d-dejta jkollha żball jew li kienet inħażnet illegalment għandu jgħarraf lill-Istat Membru emittenti permezz tal-Uffiċċju Sirene tiegħu mal-ewwel opportunità u mhux aktar tard minn għaxart ijiem kalendarji wara l-prova li turi li l-iżball kien ġie għall-attenzjoni tiegħu. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jsir billi tintuża l-formola J.

(a)

Wara r-riżultat tal-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru emittenti jista’ jkollu jħassar jew jikkoreġi d-dejta, skont il-proċeduri nazzjonali tiegħu għall-korrezzjoni tal-punt inkwistjoni;

(b)

jekk ma jkunx hemm qbil fi żmien xahrejn, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun sab l-iżball jew li d-dejta kienet inħażnet illegalment għandu javża lill-awtorità responsabbli fil-pajjiż tiegħu stess biex din tgħaddi l-każ lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, li għandu, flimkien mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali interessati jaġixxu bħala intermedjarji.

2.8.   Id-dritt ta’ aċċess u rettifika ta’ dejta (Artikolu 41 tar-Regolament SIS II u Artikolu 58 tad-Deċiżjoni SIS II)

2.8.1.   Talbiet għal aċċess għal jew rettifika ta’ dejta’

Bla ħsara għal-liġi nazzjonali, jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu mgħarrfa dwar talba għal aċċess jew rettifika ta’ dejta, allura l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jsir skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

Kull Uffiċċju Sirene japplika l-liġijiet nazzjonali tiegħu fuq id-dritt ta’ aċċess għal dejta personali. Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u f’konformità mal-liġi applikabbli, l-Uffiċċji Sirene għandhom iressqu kull talba li jirċievu għal aċċess għal jew rettifika ta’ dejta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew jiddeċiedu fuq dawn it-talbiet skont il-limiti tal-mandat tagħhom;

(b)

Jekk l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli hekk jitolbu, l-Uffiċċji Sirene tal-Istati Membri interessati għandhom, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, jgħaddulhom informazzjoni dwar l-eżerċitar tad-dritt ta’ aċċess għal dejta.

2.8.2.   Skambju ta’ informazzjoni fuq talbiet għal aċċess għal twissijiet maħruġin minn Stati Membri oħra

Informazzjoni dwar talbiet għal aċċess għal twissijiet imdaħħlin fis-SIS II minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu skambjati permezz tal-Uffiċċji Sirene nazzjonali bl-użu tal-formola K.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

it-talba għal aċċess għandha titressaq kemm jista’ jkun malajr lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti, sabiex dan ikun jista’ jieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni;

(b)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jgħarraf lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun irċieva t-talba dwar il-pożizzjoni tiegħu;

(c)

ir-risposta tal-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandha tikkunsidra kwalunkwe skadenza għall-ipproċessar tat-talba stabbilita mill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li rċieva t-talba għall-aċċess;

(d)

L-uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jirċievi talba mingħand individwu għal aċċess, korrezzjoni jew tħassir, għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura li tingħata tweġiba fil-ħin.

Jekk l-Istat Membru emittenti jibgħat jgħarraf bil-pożizzjoni tiegħu lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun irċieva t-talba għal aċċess, l-Uffiċċju Sirene, skont il-liġijiet nazzjonali u skont il-limiti tal-mandat tiegħu, għandu jiddeċiedi fuq it-talba jew għandu jiżgura li l-pożizzjoni tintbagħat malajr kemm jista’ jkun lill-awtorità responsabbli għal deċiżjoni dwar it-talba.

2.8.3.   Skambju ta’ informazzjoni għal rettifika jew tħassir ta’ dejta mdaħħla minn Stati Membri oħra

Meta persuna titlob biex id-dejta tiegħu jew tagħha tkun irrettifikata jew imħassra, dan jista’ jsir biss mill-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija. Jekk persuna tindirizza lil Stat Membru minbarra dak li jkun daħħal it-twissija, l-Uffiċċju Sirene li saritlu t-talba għandu jinforma lill-uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti permezz tal-formola K u għandha tapplika l-proċedura deskritta f’2.8.2.

2.9.   Tħassir meta ma jibqgħux jitħarsu l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ twissija

Twissijiet imdaħħla fis-SIS II għandhom jinżammu għaż-żmien meħtieġ biex ikunu sodisfatti l-finijiet li għalihom ikunu ngħataw.

Bl-esklużjoni tal-każijiet ta’ wara hit, twissija għandha titħassar awtomatikament mis-CS-SIS (malli d-data tal-iskadenza tgħaddi) jew b’mod dirett mill-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija fis-SIS II (malli l-kundizzjonijiet biex it-twissija tinżamm ma jkunux għadhom japplikaw).

Fiż-żewġ każijiet il-messaġġ ta’ tħassir mis-CS-SIS għandu jkun ipproċessat awtomatikament mill-N.SIS II.

Stati Membri għandhom il-possibbiltà li jissottoskrivu għal notifika awtomatika ta’ tħassir ta’ twissija.

2.10.   Id-dħul ta’ ismijiet proprji

Fil-limiti imposti minn sistemi nazzjonali għad-dħul ta’ dejta u d-disponibilità tad-dejta, ismijiet proprji (ismijiet u kunjomijiet) għandhom jiddaħħlu fis-SIS II f’format (test u ortografija) f’format użat għal dokumenti uffiċjali tal-ivjaġġar għall-istandards ICAU għal dokumenti tal-ivjaġġar, li huma użati wkoll għall-funzjonalitajiet ta’ translitterazzjoni u traskrizzjoni tas-SIS II Ċentrali. Fl-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari, l-Uffiċċji Sirene għandhom jużaw l-ismijiet proprji kif jiddaħħlu fis-SIS II. Kemm l-utenti kif ukoll l-Uffiċċji Sirene fl-Istati Membri emittenti għandhom jużaw, bħala regola ġenerali, karattri Latini sabiex idaħħlu d-dejta fis-SIS II, mingħajr ħsara għar-regoli ta’ traslitterazzjoni u traskrizzjoni stabbiliti fl-Appendiċi 1.

Meta jkun meħtieġ li tkun skambjata informazzjoni supplimentari dwar persuna li mhijiex suġġetta għal twissija iżda li tista’ tkun relatata magħha, (pereżempju persuna li tista’ tkun qed takkumpanja persuni minorenni li tkun nieqsa), il-preżentazzjoni u l-ortografija tal-isem għandhom isegwu r-regoli stabbiliti fl-Appendiċi 1 u għandhom ikunu miktuba bil-karattri Latini u ppreżentati f’format oriġinali, jekk l-Istat Membru li jkun qed jipprovdi l-informazzjoni jkollu l-kapaċità li jdaħħal ukoll kwalunkwe karattru speċjali fil-format oriġinali.

2.11.   Kategoriji differenti ta’ identità

Identità kkonfermata

Identità konfermata tfisser li l-identità kienet ikkonfermata abbażi ta’ dokumenti ġenwini ta’ ID, permezz ta’ passport jew b’dikjarazzjoni minn awtoritajiet kompetenti.

Identità mhux konfermata

Identità mhux konfermata tfisser li ma jkunx hemm prova biżżejjed tal-identità.

Identità użata ħażin

Ikun hemm identità użata ħażin (kunjom, isem, data tat-twelid) jekk persuna, imdaħħla fis-SIS II tuża l-identità ta’ persuna reali oħra. Dan jista’ jiġri, pereżempju, meta dokument jintuża b’dannu għas-sid veru.

Isem fittizju

Isem fittizju tfisser identità preżunta użata minn persuna magħrufa b’identitajiet oħra.

2.11.1.   Identità użata ħażin (Artikolu 36 tar-Regolament SIS II u Artikolu 51 tad-Deċiżjoni SIS II)

Minħabba l-kumplessità ta’ każijiet ta’ identità użata ħażin, malli jsir jaf li persuna li dwarha tkun teżisti twissija SIS II tkun qed tuża ħażin l-identità ta’ ħaddieħor, l-Istat Membru emittenti għandu jara jekk ikunx meħtieġ li tibqa’ tinżamm l-identità użata ħażin fit-twissija SIS II.

Jekk il-persuna tagħti l-kunsens espliċitu tagħha, u malli jkun ċar li l-identità tal-persuna tkun ġiet użata ħażin, għandha tiżdied dejta addizzjonali mat-twissija fis-SIS II biex ikunu evitati konsegwenzi negattivi ta’ identifikazzjoni ħażina. Il-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użata ħażin tista’, skont proċeduri nazzjonali, tagħti lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament SIS II u l-Artikolu 51(3) tad-Deċiżjoni SIS II. Kull persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użata ħażin ikollha d-dritt li tirtira l-kunsens tagħha biex l-informazzjoni tkun ipproċessata.

L-Istat Membru emittenti huwa responsabbli biex idaħħal ir-rimarka “identità użata ħażin” fit-twissija u biex tiddaħħal dejta addizzjonali tal-vittma ta’ identità użata ħażin bħal ritratti, marki tas-swaba u informazzjoni dwar kwalunkwe dokument tal-identità validu.

Meta Stat Membru jsib li twissija dwar persuna maħruġa minn Stat Membru ieħor ikollha x’taqsam ma’ każ ta’ identità użata ħażin, u jkun stabbilit li l-identità tal-persuna tkun ġiet użata ħażin, huwa għandu, jgħarraf lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti, permezz tal-formola Q, sabiex dik id-dejta tkun tista’ tiżdied mat-twissija SIS II.

B’kunsiderazzjoni għall-għan għad-dħul ta’ dejta ta’ din ix-xorta, meta r-ritratti u l-marki tas-swaba’ tal-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użata ħażin ikunu disponibbli, dawn għandhom jiżdiedu mat-twissija. Sabiex ikun hemm każ ta’ identità użata ħażin, id-dettalji ta’ persuna innoċenti għandhom jaqblu ma’ identità eżistenti fit-twissija. Il-formola Q għandha tinkludi d-dettalji tal-identità inkluż numru fittizju, mit-twissija sabiex l-Istat Membru emittenti jkun jista’ jaċċerta għal-liema identità fit-twissija tirreferi l-formola. Il-kaxxi obbligatorji għat-tlestija tal-formola Q f’dawn il-każijiet huma indikati fl-Appendiċi 3.

Id-dejta tal-persuna li l-identità tagħha tkun ġiet użata ħażin tista’ tkun disponibbli bil-għan li tkun stabbilita l-identità tal-persuna li tkun qed tiġi eżaminata u m’għandha bl-ebda mod tkun użata għal xi skop ieħor. Informazzjoni dwar identità użata ħażin, inkluż kwalunkwe marka tas-swaba’ u ritratti għandha titħassar fl-istess żmien tat-twissija jew qabel jekk il-persuna interestata titlob dan.

2.11.2.   Id-dħul ta’ isem fittizju

Sabiex ikunu evitati twissijiet inkompatibbli ta’ kwalunkwe kategorija minħabba li għandu jiddaħħal isem fittizju, jew sabiex ikunu evitati problemi għal vittmi innoċenti u biex tkun żgurata kwalità ta’ dejta, l-Istati Membri safejn ikun possibbli għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar ismijiet fittizji u jiskambjaw l-informazzjoni relevanti kollha dwar l-identità reali tas-suġġett imfittex.

L-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija għandu jkun responsabbli biex iżid kull isem fittizju ieħor. Jekk Stat Membru ieħor jiskopri isem fittizju, huwa għandu jgħaddi l-kwistjoni lill-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija permezz tal-formola M.

2.11.3.   Informazzjoni ulterjuri biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna

L-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti jista’ wkoll, jekk id-dejta fis-SIS II ma tkunx biżżejjed, jagħti aktar informazzjoni wara konsultazzjoni, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ Stat Membru ieħor, biex jgħin tkun stabbilita l-identità ta’ persuna. Il-formola L (u d-dokumenti mehmużin) għandhom jintużaw għal dan il-għan. Din l-informazzjoni għandha, b’mod partikulari, tkopri dan li ġej:

l-oriġini tal-passaport jew tad-dokument ta’ identità fil-pussess tal-persuna mfittxija,

in-numru ta’ referenza tal-passaport jew tad-dokument tal-identità, id-data, post u awtorità tal-ħruġ kif ukoll id-data ta’ skadenza,

deskrizzjoni tal-persuna mfittxija,

kunjom u isem tal-omm u tal-missier tal-persuna mfittxija,

ortografiji possibbli oħra tal-kunjom u tal-ismijiet tal-persuna mfittxija,

ritratti u marki tas-swaba’ jekk disponibbli,

l-aħħar indirizz magħruf.

Kemm jista’ jkun, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-Uffiċċji Sirene, jew tkun b’mod immedjat u permanenti aċċessibbli għalihom għal trażmissjoni malajr.

L-għan komuni għandu jkun li jitnaqqas ir-riskju li b’mod ħażin tinżamm persuna li d-dettalji tal-identità tagħha jkunu jixbħu lil dawk tal-persuna li dwarha tkun inħarġet twissija.

2.12.   Skambju ta’ informazzjoni f’każ ta’ twissijiet konnessi

Kull konnessjoni tippermetti li tkun stabbilita relazzjoni bejn mill-anqas żewġ twissijiet.

Stat Membru jista’ joħloq konnessjoni bejn twissijiet li huwa jdaħħal fis-SIS II u dan l-Istat Membru biss li jista’ jimmodifika u jħassar il-konnessjoni. Konnessjonijiet ikunu viżibbli biss għal utenti meta jkollhom drittijiet ta’ aċċess korretti għall-utent li jippermettu mill-anqas żewġ twissijiet li jkunu viżibbli għalihom fil-konnessjoni. Stati Membri għandhom jiżguraw li jkun possibbli biss aċċess awtorizzat għall-konnessjonijiet.

2.12.1.   Regoli ta’ tħaddim

Konnessjonijiet bejn twissijiet ma jeħtiġux proċeduri speċjali għall-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari. Madankollu, għandhom jitħarsu l-prinċipji li ġejjin:

F’każ li jkun hemm hit fuq żewġ twissijiet konnessi jew iktar, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jibgħat il-formola G għal kull waħda minnhom filwaqt li fil-kaxxa 086 jindika li se jkunu ppreżentati l-formoli G l-oħra dwar it-twissijiet konnessi.

M’għandhomx jintbagħtu formoli dwar twissijiet li, għalkemm ikollhom konnessjoni ma’ twissijiet li dwarhom ikun hemm hit, ma jkunux rispettivament l-oġġett tal-hit. Madankollu, jekk ikun hemm twissija konnessa ma’ konsenja/estradizzjoni jew għal persuna nieqsa (għall-protezzjoni tagħhom stess jew sabiex ikunu evitati theddidiet), il-komunikazzjoni ta’ din l-iskoperta għandha ssir billi tintuża formola M jekk xieraq u jekk l-informazzjoni tkun disponibbli.

2.13.   Sirpit (Sirene PIcture Transfer) u format u kwalità ta’ dejta bijometrika fis-SIS II

Skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni SIS II, ritratti u marki tas-swaba’ tal-persuna għandhom jiżdiedu mat-twissija meta dawn ikunu jistgħu jinkisbu.

L-Uffiċċji Sirene għandhom ikunu jistgħu jiskambjaw il-marki tas-swaba u r-ritratti għall-finijiet tat-tlestija tat-twissija u/jew sabiex tkun appoġġjata l-eżekuzzjoni tal-azzjoni rikjesta li tittieħed. Meta Stat Membru jkollu ritratt jew marki tas-swaba’ ta’ persuna li għaliha tkun inħarġet twissija minn Stat Membru, huwa jista’ jibgħat ir-ritratti u l-marki tas-swaba’ permezz ta’ Sirpit biex iħalli lill-Istat Membru emittenti jlesti t-twissija.

Dan l-iskambju jsir bla ħsara għall-iskambji fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/960/ĠAI.

2.13.1.   Użu ulterjuri tad-dejta skambjata, inkluż l-arkivjar

Limitazzjonijiet għall-użu ta’ dejta provduta għal twissijiet fis-SIS II huma stipulati fl-istrumenti ġuridiċi tas-SIS II Kwalunkwe użu ulterjuri ta’ ritratti u marki tas-swaba’ skambjati permezz tas-Sirpit, inkluż l-arkivjar, għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-istrumenti ġuridiċi tas-SIS II, mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta, skont id-Direttiva 95/46/KE, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali proċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali (25) u l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ikun xieraq.

2.13.2.   Il-proċedura Sirpit

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

l-Uffiċċju Sirene fornitur għandu jibgħat formola L bil-mod elettroniku tas-soltu u għandu jsemmi fil-kaxxa 083 tal-formola L li l-marki tas-swaba’ u r-ritratti jkunu qed jintbagħtu biex titlesta t-twissija fis-SIS II.

(b)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jżid il-marki tas-swaba’ jew ir-ritratti mat-twissija fis-SIS II, jew jibgħathom lill-awtorità kompetenti biex tlesti t-twissija.

2.13.3.   Rekwiżiti tekniċi

Il-marki tas-swaba’ u r-ritratti għandhom jinġabru u jintbagħtu skont l-istandards li għandhom ikunu definiti fir-regoli ta’ implimentazzjoni għad-dħul ta’ dejta bijometrika fis-SIS II.

Kull Uffiċċju Sirene għandu jkun imħeġġeġ jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tas-Sirpit.

Il-marki tas-swaba’ u r-ritratt għandhom jintbagħtu mehmużin fuq skrin input, imfassal apposta għas-Sirpit.

L-iskrin input huwa deskritt fl-Appendiċi 5.

2.13.4.   Format u kwalità ta’ ’dejta’ bijometrika

Id-dejta bijometrika kollha mdaħħla fis-sistema għandha tkun suġġetta għal eżami speċifiku ta’ kwalità biex ikun żgurata standard ta’ kwalità minimu komuni għall-utenti kollha tas-SIS II.

Qabel ma tiddaħħal, għandhom isiru verifiki fil-livell nazzjonali biex ikun żgurat li:

(a)

dejta dwar il-marki tas-swaba’ għandha tkun konformi mal-format speċifikat ANSI/NIST — ITL 1-2000, kif implimentat għall-finijiet tal-Interpol u adattat għas-Sirpit (Sirene PIcture Transfer);

(b)

ritratti, li għandhom jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta’ persuna li tkun instabet bħala riżultat ta’ tfittxija alfanumerika magħmula fis-SIS II, għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin: ir-rata ta’ tikek tar-ritratti tal-wiċċ kollu minn quddiem għandha tkun, jekk hu possibbli, ta’ 3:4 jew 4:5. Meta tkun disponibbli, għandha tintuża riżoluzzjoni ta’ mill-anqas 480 × 600 pixels b’24 bit grad ta’ kulur. Jekk ix-xbiha jkollha ssir permezz ta’ skaner, il-qies tax-xbiha għandu jkun, jekk hu possibbli, anqas minn madwar 200 kB.

2.14.   Tipi speċjali ta’ tiftix

2.14.1.   Tiftix immirat b’mod ġeografiku

Tiftix immirat ġeografikament huwa tiftix magħmul f’sitwazzjoni fejn Stat Membru jkollu prova soda dwar fejn ikunu jistgħu jinstabu persuna jew oġġett li huma suġġetti għal twissija, imfittxija f’żona ġeografikament ristretta.

Tfittxijiet immirati ġeografikament fiż-żona Schengen għandhom isiru abbażi ta’ twissija fis-SIS II. F’ċirkustanzi fejn il-post fejn jistgħu jinstabu persuna jew oġġett ikun magħruf, il-kaxxa 311 (Avviż Importanti) tista’ timtela billi tkun indikata tfittxija ġeografika u billi jintgħażlu pajjiżi adattati. Barra minn hekk, jekk il-post fejn tista’ tkun tinstab il-persuna jkun magħruf meta tinħareġ twissija ta’ arrest, il-kaxxa 061 tal-Formola A għandha tinkludi l-informazzjoni dwar fejn il-persuna mfittxija tista’ tkun tinstab. Fil-każijiet l-oħra kollha, inklużi dawk ta’ komunikazzjoni dwar fejn jistgħu jkunu jinstabu oġġetti, għandha tintuża l-Formola M (kaxxa 083). Twissija għall-persuna mfittxija għandha tiddaħħal fis-SIS II biex tiżgura li talba biex tittieħed azzjoni tkun infurzabbli immedjatament (Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (26)).

Meta s-suġġett ta’ tfittxija ġeografika jkun jinstab f’post li mhux dak indikat fit-tfittxija ġeografika, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jindika dan il-fatt billi juża l-formola M, lill-Istat(i) Membru(i) involut(i) fit-tfittxija ġeografika sabiex jitwaqqaf kwalunkwe xogħol relatat.

2.14.2.   Tfittxija bil-parteċipazzjoni ta’ unitajiet tal-pulizija speċjali għal tfittxija mmirata (FAST)

F’każijiet xierqa, l-uffiċċji Sirene fl-Istati Membri li ssirilhom it-talba għandhom jużaw ukoll is-servizzi pprovduti minn unitajiet speċjali li jwettqu tfittxijiet immirati (FAST). It-twissija fis-SIS II ma għandhiex tiġi sostitwita b’kooperazzjoni internazzjonali tal-unitajiet tal-pulizija msemmija hawn fuq. Din il-kooperazzjoni ma għandhiex tikkoinċidi mar-rwol tal-uffiċċju Sirene bħala punt fokali għat-tfittxijiet permezz tas-SIS II.

Għandha tkun stabbilita kooperazzjoni, kif ikun xieraq, sabiex ikun żgurat li l-uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti jkun infurmat mill-FAST nazzjonali tagħhom bi kwalunkwe operazzjoni li tkun għaddejja relatata ma’ twissija li tkun iddaħħlet fis-SIS II. Fejn xieraq l-Uffiċċju Sirene għandu jipprovdi din l-informazzjoni lil Uffiċċji Sirene oħra.

L-uffiċċji Sirene għandhom jiżguraw fluss veloċi ta’ informazzjoni supplimentari, inkluża informazzjoni dwar hit, lill-FAST nazzjonali jekk din tal-aħħar tkun involuta fit-tftittxija.

3.   TWISSIJIET TA’ ARREST GĦAL FINIJIET TA’ KONSENJA JEW ESTRADIZZJONI (ARTIKOLU 26 TAD-DEĊIŻJONI SIS II)

3.1.   Id-dħul ta’ twissija

Il-parti l-kbira tat-twissijiet ta’ arrest ikunu akkumpanjati b’Mandat ta’ Arrest Ewropew (European Arrest Warrant (EAW)). Madankollu, skont it-twissija għal arrest, huwa possibbli wkoll arrest provviżorju qabel ma tinkiseb talba għal estradizzjoni (ER) skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar Estradizzjoni.

L-EAW/ER għandhom jinħarġu minn awtorità ġudizzjarja awtorizzata li teżegwixxi din il-funzjoni fl-Istat Membru emittenti.

Meta tiddaħħal twissija għal arrest għall-finijiet ta’ konsenja, għandha tiddaħħal kopja tal-EAW oriġinali fis-SIS II. Tista’ tiddaħħal kopja tradotta tal-EAW f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Barra minn hekk, ritratti u marki tas-swaba’ tal-persuna għandhom jiżdiedu mas-twissija meta dawn ikunu disponibbli.

L-informazzjoni rilevanti, inklużi l-EAW jew l-ER, mogħtija fir-rigward ta’ persuni mfittxija għall-finijiet ta’ arrest għal konsenja jew estradizzjoni, għandha tkun tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju Sirene meta tiddaħħal it-twissija. Għandu jkun hemm verifika biex ikun żgurat li l-informazzjoni tkun kompluta u ppreżentata b’mod korrett.

Stati Membri għandhom ikunu jistgħu jdaħħlu aktar minn EAW wieħed għal kull twissija għal arrest. Tkun ir-responsabbiltà tal-Istat Membr emittenti li jħassar EAW li ma jibqax validu u li jara jekk ikunx hemm Mandati ta’ Arrest Ewropew oħra mehmuża mat-twissija u li jestendi t-twissija jekk ikun meħtieġ.

Minbarra EAW li Stat Membru jkun hemeż ma’ twissija għal arrest, għandu jkun possibbli wkoll li jkunu mehmuża traduzzjonijiet tal-mandati, jekk hemm bżonn f’fajls binarji separati.

Għal dokumenti skanjati li jkollhom jinthemżu ma’ twissijiet, kemm jista’ jkun għandha tintuża riżoluzzjoni minima ta’ 150 DPI.

3.2.   Twissijiet multipli

Għal proċeduri ġenerali ara t-Taqsima 2.2.

Barra minn dan, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

Diversi Stati Membri jistgħu jdaħħlu twissija għal arrest għall-istess persuna. Jekk Stat Membru wieħed jew aktar ikunu ħarġu twissija għall-istess persuna, id-deċiżjoni li fuqha l-mandat għandu jkun eżegwit fil-każ ta’ arrest għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fl-Istat Membru fejn ikun se jsir l-arrest. L-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jibgħat il-formola G lil kull Stat Membru kkonċernat.

3.3.   Identità użata ħażin

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.1.

3.4.   Id-dħul ta’ isem fittizju

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.2.

F’każ ta’ twissijiet għall-arrest, l-Uffiċċju Sirene għandu juża l-kaxxa 011 tal-formola A  (27) (fi żmien id-dħul tat-twissija) jew sussegwentement il-formola M, meta jinforma lill-Istati Membri l-oħra bil-psewdonimi rigward twissija għal arrest, jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli għall-uffiċċju Sirene.

3.5.   Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat lill-Istati Membri

Meta tiddaħħal twissija, l-informazzjoni supplimentari dwar it-twissija għandha tintbagħat lill-Istati Membri kollha.

L-informazzjoni msemmija fit-Taqsima 3.5.1 għandha tintbagħat lill-Uffiċċji Sirene oħrajn flimkien mal-formola A, fl-istess ħin li tiddaħħal it-twissija. Kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-finijiet ta’ identifikazzjoni għandha tintbagħat wara konsultazzjoni u/jew fuq it-talba ta’ Stat Membru ieħor.

Fil-każ fejn diversi EAWs (Mandati ta’ Arrest Ewropew) jew ERs (Talbiet għal Estradizzjoni) ikunu jeżistu għall-istess persuna, għandhom jimtlew formoli A separati għal kull EAW jew ER.

Għandu jkun hemm biżżejjed dettalji fl-EAW/ER u fil-formola A (b’mod partikolari, fit-Taqsima (e) dwar l-EAW: “deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq/twettqu r-reat(i), inklużi l-ħin u l-lok” il-kaxxi 042, 043, 044, 045: “deskrizzjoni taċ-ċirkonstanzi”) għal Uffiċċji Sirene oħrajn biex jivverifikaw it-twissija. L-Appendiċi 3 tistabbilixxi l-informazzjoni meħtieġa u r-relazzjoni tagħha mal-oqsma dwar l-EAW.

3.5.1.   Informazzjoni supplimentari li għandha tintbagħat rigward arrest provviżorju

3.5.1.1.   Meta tiddaħħal twissija abbażi kemm ta’ EAW kif ukoll ta’ ER

Meta tinħareġ it-twissija ta’ arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni, għandha tintbagħat informazzjoni supplimentari lill-Istati Membri kollha billi tintuża l-formola A. Jekk id-dejta fit-twissija u l-informazzjoni supplementarja mibgħuta lill-Istati Membri rigward EAW mhumiex biżżejjed għal finijiet ta’ estradizzjoni, għandha tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali.

Fil-kaxxa 239 għandu jiġi indikat li l-formola tikkonċerna kemm EAW kif ukoll ER.

3.5.1.2.   Meta tinħareġ twissija msejsa fuq ER biss

Meta tiddaħħal twissija għal arrest b’finijiet ta’ estradizzjoni, għandha tintbagħat informazzjoni supplimentari lill-Istati Membri kollha permezz tal-formola A.

Fil-kaxxa 239 għandu jiġi indikat li l-formola tikkonċerna ER.

3.6.   Iż-żieda ta’ bandiera

Għar-regoli ġenerali ara t-Taqsima 2.6.

Jekk tal-anqas wieħed mill-EAWs mehmużin mat-twissija jista’ jiġi esegwit, it-twissija ma għandux ikollha bandiera.

Kif enfasizzat fit-taqsima 2.6, twissija mmarkata b’bandiera skont l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni SIS II għandha, għat-tul ta’ żmien tal-marka tal-bandiera, titqies bħala li ddaħħlet biex tikkomunika l-post fejn tinsab il-persuna li għaliha nħarġet it-twissija.

3.6.1.   Talba sistematika biex tiżdied bandiera ma’ twissijiet dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni fejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ma tapplikax

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

fil-każ ta’ twissijiet dwar persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta’ estradizzjoni, fejn id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ma tapplikax, Uffiċċju Sirene jista’ jitlob lil Uffiċċju Sirene ieħor (oħrajn) biex iżid/iżidu bandiera b’mod sistematiku għal twissijiet imdaħħla skont l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni SIS II dwar iċ-ċittadini tiegħu;

(b)

kwalunkwe Uffiċċju Sirene li jkun jixtieq jagħmel dan għandu jibgħat talba bil-miktub lill-Uffiċċju Sirene l-ieħor/lill-Uffiċċji SERENE l-oħra.

(c)

kwalunkwe Uffiċċju Sirene li ssirlu talba bħal din għandu jżid minnufih il-marka ta’ bandiera għall-Istat Membru kkonċernat hekk kif tinħareġ it-twissija;

(d)

il-marka ta’ bandiera għandha tibqa’ sakemm l-Uffiċċju Sirene li għamel it-talba jitlob li tiġi kkanċellata.

3.7.   Azzjoni mill-Uffiċċju Sirene mal-wasla ta’ twissija ta’ arrest

Meta Uffiċċju Sirene jirċievi formola A, huwa għandu, malajr kemm jista’ jkun, ifittex is-sorsi kollha disponibbli, biex jipprova jalloka s-suġġett. Jekk l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru emittenti ma tkunx biżżejjed biex tiġi aċċettata mill-Istat Membru li jirċeviha, hija ma għandhiex tipprevjeni milli jsiru t-tfittxijiet. L-Istati Membri li jirċievu għandhom iwettqu tfittxijiet safejn ikun permissibbli skont il-liġi nazzjonali.

Jekk it-twissija ta’ arrest tiġi vverifikata u s-suġġett jinstab jew jiġi arrestat fl-Istat Membru, allura l-informazzjoni li jkun hemm fil-formola A tista’ tintbagħat mill-Uffiċċju Sirene lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jesegwixxi l-EAW jew l-ER. Jekk l-EAW jew l-ER oriġinali huwa mitlub, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ tibagħtu direttament lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (sakemm ma jkunux saru arranġamenti alternattivi mill-Istat Membru emittenti u/jew ta’ eżekuzzjoni).

3.8.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.3.

Barra minn hekk, għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

hit dwar individwu li għalih tkun inħarġet twissija ta’ arrest għandha dejjem tkun komunikata minnufih lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti. Barra minn hekk, wara li jibgħat il-formola G, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu wkoll jikkomunika l-hit lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru mittenti fejn xieraq, bit-telefon;

(b)

jekk ikun meħtieġ l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu mbagħad jibgħat kwalunkwe informazzjoni rilevanti u speċifika dwar il-miżuri partikulari li jittieħdu mill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;

(c)

l-awtorità kompetenti li tirċievi l-EAW jew l-ER, id-dettalji ta’ kuntatt kollha għal komunikazzjoni sħaħ tagħha (l-indirizz postali, in-numru tat-telefon u, jekk disponibbli, in-numru tal-faks u l-indirizz tal-e-Mail), in-numru ta’ referenza (jekk disponibbli), il-persuna kompetenti (jekk disponibbli), il-lingwa mitluba, il-limitu ta’ żmien għall-konsenja u l-forma tagħha ta’ twassil għandhom ikunu pprovduti fil-kaxxa 091 tal-formola G;

(d)

barra minn hekk, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jgħarraf lill-Uffiċċji l-oħra bil-hit, billi juża l-formola M, fejn ġiet stabbilita rabta ċara ma’ Stati Membri partikolari mill-fatti tal-każ u aktar inkjesti li nbdew;

(e)

l-Uffiċċji Sirene jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet skont l-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni SIS II, u meta jagħmlu dan jistgħu jaġixxu f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji jekk din l-informazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna ġudizzjarja reċiproka.

3.9.   Skambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar ċediment jew estradizzjoni

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jipprovdu informazzjoni lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni dwar jekk ċediment jew estradizzjoni jistgħux jieħdu post ta’ persuna li għaliha nħarġet twissija għal arrest, dak l-Uffiċċju Sirene għandu minnufih jipprovdi dik l-informazzjoni lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti permezz ta’ formola M, immarkata fil-kaxxa 083 bil-kliem “ĊEDIMENT” jew “ESTRADIZZJONI” (28). L-arranġamenti dettaljati ta’ ċediment jew ta’ estradizzjoni għandhom, fejn xieraq, jiġu kkomunikati permezz tal-Uffiċċji Sirene mill-aktar fis possibbli.

3.10.   Skambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar it-tranżitu minn Stat Membru ieħor

Jekk tranżitu ta’ persuna huwa meħtieġ, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li minnu l-persuna qed tgħaddi tranżitu għandu jipprovdi l-informazzjoni u l-appoġġ meħtieġa, bi tweġiba għal talba mill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti jew l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, mibgħuta mill-Uffiċċju Sirene, permezz ta’ formola M immarkata bil-kelma “TRANŻITU” miktuba fil-bidu tal-kaxxa 083.

3.11.   Tħassir ta’ twissijiet wara ċediment jew estradizzjoni

It-tħassir ta’ twissijiet għal arrest għal finijiet ta’ ċediment jew ta’ estradizzjoni għandu jseħħ ladarba l-persuna tkun ġiet ikkonsenjata jew estradita lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti iżda jista’ wkoll iseħħ meta d-deċiżjoni ġudizzjarja li fuqha t-twissija kienet ibbażata tkun ġiet revokata mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skont il-liġi nazzjonali.

4.   TWISSIJIET TA’ ĊAĦDA TA’ DĦUL JEW TA’ PERMANENZA (ARTIKOLU 24 TAR-REGOLAMENT SIS II)

Introduzzjoni

L-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li dwarhom tkun inħarġet twissija skont l-Artikolu 24 tar-Regolament SIS II jippermetti lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet fil-każ ta’ dħul jew ta’ applikazzjoni għall-viża. Jekk l-individwu jkun diġà fit-territorju tal-Istat Membru, dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu l-azzjoni xierqa biex jinħarġu l-permessi ta’ residenza, il-viżi għal permanenza fit-tul jew biex l-individwu jitkeċċa. F’din it-taqsima referenzi għal viżi jikkonċernaw viżi għal permanenza twila, sakemm mhux spjegat b’mod ċar (eż. viża għal dħul mill-ġdid).

It-twettiq tal-proċeduri ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni stipulati skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli fil-fruntieri u għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew ta’ viżi. Fil-prinċipju, l-Uffiċċji Sirene għandhom biss jiddaħħlu f’dawn il-proċeduri biex jittrażmettu informazzjoni supplimentari direttament relatata mat-twissijiet (eż. notifika ta’ hit, kjarifika ta’ identità) jew it-tħassir ta’ twissijiet.

Madankollu l-Uffiċċji Sirene jistgħu jkunu involuti wkoll fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni supplimentari meħtieġa għat-tkeċċija jew għaċ-ċaħda ta’ dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz; u jistgħu jkunu involuti fi trażmissjoni ta’ kull informazzjoni supplimentari addizzjonali maħluqa minn dawn l-azzjonijiet.

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (29), mhijiex applikabbli fl-Isvizzera. Għalhekk fil-każ ta’ hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun il-benefiċjarju tad-dritt tal-moviment liberu, għandhom jitwettqu proċeduri ta’ konsultazzjoni normali bejn l-Isvizzera, l-Istat Membru emittenti u kwalunkwe Stat Membru ieħor li jista’ jkollu informazzjoni rilevanti dwar id-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ moviment liberu.

4.1.   Id-dħul ta’ twissija

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament SIS II, regoli speċifiċi japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma benefiċjarji tad-dritt tal-moviment liberu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE. L-Uffiċċju Sirene għandu jkun jista’, fejn huwa possibbli, jagħmel disponibbli kull informazzjoni li ntużat biex jiġi eżaminat jekk twissija ta’ ċaħda ta’ dħul jew ta’ permanenza ddaħħlitx għal benefiċjarju tad-dritt tal-moviment liberu (30). Fil-każ eċċezzjonali ta’ dħul ta’ twissija dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi mid-dritt għal moviment liberu, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jibgħat formola M lill-Istati Membri l-oħra kollha, msejsa fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità li tkun daħħlet it-twissija (ara t-Taqsimiet 4.6 u 4.7).

Barra dan, l-Artikolu 26 tar-Regolament SIS II jistipula li, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, it-twissijiet relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għal miżura ristrettiva maħsuba biex ma jitħalliex isir dħul fit-territorju ta’ Stati Membri jew tranżitu minnhom, meħuda skont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (31), għandhom jiddaħħlu wkoll. It-twissijiet għandhom jiddaħħlu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miżura. Jekk dak l-Istat Membru ma jkollux aċċess għas-SIS II jew għat-twissijiet skont l-Artikolu 24 tar-Regolament SIS II ir-responsabbiltà għandha tittieħed mill-Istat Membri li jkun se jkollu l-Presidenza sussegwenti.

4.2.   Twissijiet multipli

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.2.

4.3.   Identità użata ħażin

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.1.

Il-problemi jistgħu jinqalgħu meta ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett ta’ twissija għal ċaħda ta’ dħul jew ta’ permanenza juża illegalment l-identità ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea biex ifittex li jikseb id-dħul. Jekk tinqala’ sitwazzjoni bħal din l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jisgħu jiġu infurmati bl-użu korrett tal-funżjoni tal-identità użata ħażin fis-SIS II. It-twissijiet għaċ-ċaħda ta’ dħul ma għandhomx jinħarġu fl-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.

4.4.   Id-dħul ta’ isem fittizju

Għar-regoli ġenerali ara t-Taqsima 2.11.2.

4.5.   Skambju ta’ informazzjoni fil-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew viżi

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

bla ħsara għall-proċedura speċjali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, li jsir skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen; u bla ħsara għat-Taqsima 4.7, li tikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni wara hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-benefiċjarju tad-dritt għal moviment liberu (li f’dan il-każ il-konsultazzjoni tas-Sirene tal-Istat Membru emittenti hija obbligatorja); l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jinforma lill-Istat Membru emittenti li t-twissija għal ċaħda ta’ dħul tkun tqabblet matul il-proċedura għall-għoti ta’ permess ta’ residenza jew ta’ viża. L-Istat Membru emittenti jista’ imbagħad jinforma lill-Istati Membri l-oħra billi juża formola M jekk xieraq;

(b)

jekk jintalbu jagħmlu dan, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Uffiċċji Sirene tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jgħinu fit-trażmissjoni tal-informazzjoni neċessarja lill-awtoritajiet xierqa li jkunu responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza u ta’ viżi.

4.5.1.   Proċeduri speċjali kif jingħad fl-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen:

Proċedura skont l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Jekk Stat Membru li jkun qed iqis jagħtix permess ta’ residenza jew viża jsib li l-applikant ikkonċernat ikun suġġett ta’ twissija ta’ ċaħda ta’ dħul jew ta’ permanenza maħruġa minn Stat Membru ieħor, huwa għandu jikkonsulta mal-Istat Membru emittenti permezz tal-Uffiċċji Sirene. L-Istat Membru li qed jikkunsidra jagħtix permess ta’ residenza jew viża għandu juża l-formola N biex javża lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni li jagħti permess ta’ residenza jew viża. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jagħti l-permess ta’ residenza jew viża, it-twissija għandha titħassar. Il-persuna, madankollu, tista’ titqiegħed fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet għal ċaħda ta’ dħul tal-Istat Membru emittenti.

Proċedura skont l-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Jekk Stat Membru li daħħal twissija għal ċaħda ta’ dħul jew ta’ permanenza jsib li l-persuna li hi s-suġġett tat-twissija tkun ingħatat permess ta’ residenza jew viża, għandu jniedi proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Istat Membru li ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża, permezz tal-Uffiċċji Sirene. L-Istat Membru li ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża għandu juża l-formola O biex jinforma lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni jekk għandux jiġi rtirat il-permess ta’ residenza jew viża. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jagħti l-permess ta’ residenza jew viża, it-twissija għandha titħassar. Il-persuna tista’, madankollu, titqiegħed f’lista nazzjonali ta’ Stat Membru dwar twissijiet ta’ ċaħda ta’ dħul.

Il-konsultazzjoni permezz tal-Uffiċċji Sirene, bl-użu ta’ formola O għandha sseħħ ukoll jekk l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża jsib aktar tard li jkun hemm twissija ta’ ċaħda ta’ dħul jew ta’ permanenza għal dik il-persuna li tkun iddaħħlet fis-SIS II (32).

Jekk Stat Membru terz (jiġifieri la dak li ta l-permess ta’ residenza/viża u lanqas dak li jkun ħareġ it-twissija) isib li jkun hemm twissija dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu permess ta’ residenza jew viża minn wieħed mill-Istati Membri, huwa għandu jinnotifika kemm lill-Istat Membru li jkun ta l-permess/viża kif ukoll lill-Istat Membru emittenti, permezz tal-Uffiċċji Sirene, billi juża formola H.

Jekk il-proċedura prevista skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen tkun tfisser it-tħassir ta’ twissija ta’ ċaħda ta’ dħul jew ta’ permanenza, l-Uffiċċji Sirene għandhom, waqt li jħarsu l-liġi nazzjonali tagħhom, joffru l-appoġġ tagħhom jekk jintalbu jagħmlu dan.

4.5.2.   Proċeduri speċjali kif jipprovdi l-Artikolu 5(4)(a) u (c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

Proċedura f’każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4)(a)

Skont l-Artikolu 5(4)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ twissija għal rifjut ta’ dħul jew ta’ permanenza u li, fl-istess ħin, għandu permess ta’ residenza, viża għal soġġorn fit-tul jew viża għal dħul mill-ġdid maħruġin minn wieħed mill-Istati Membri, għandu jitħalla jidħol għal skopijiet ta’ tranżitu fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza, jew il-viża għal dħul mill-ġdid, meta jaqsam fruntiera fi Stat Membru terz. Id-dħul jista’ jkun miċħud jekk dan l-Istat Membru jkun ħareġ twissija nazzjonali ta’ ċaħda ta’ dħul. Fiż-żewġ każijiet, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li fih il-persuna tkun qed tipprova tidħol għandu jibgħat messaġġ lill-Uffiċċji Sirene taż-żewġ Stati Membri inkwistjoni (formola H jekk it-tranżitu kien permess/formola G jekk id-dħul kien rifjutat) biex jinfurmahom dwar il-kontradizzjoni u jitlobhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jew titħassar it-twissija fis-SIS II jew jiġi rtirat il-permess ta’ residenza/viża. Huwa jista’ jitlob ukoll li jkun mgħarraf bir-riżultat ta’ kull konsultazzjoni.

Jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jipprova jidħol fl-Istat Membru li jkun daħħal it-twissija fis-SIS II, id-dħul tiegħu/tagħha jista’ jiġi rifjutat minn dan l-Istat Membru. Madankollu, wara talba mill-awtorità kompetenti, l-Uffiċċju Sirene ta’ dak l-Istat Membru għandu jikkonsulta mal-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża biex l-awtorità kompetenti titħalla tiddeċiedi jekk ikunx hemm raġunijiet biżżejjed għall-irtirar tal-permess ta’ residenza/viża. L-Istat Membru li ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża għandu juża l-formola O biex jinforma lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni jekk għandux jiġi rtirat il-permess ta’ residenza jew viża. Jekk dan l-Istat Membru jiddeċiedi li jagħti l-permess ta’ residenza jew viża, it-twissija għandha titħassar. Il-persuna tista’, madankollu, titqiegħed f’lista nazzjonali ta’ Stat Membru dwar twissijiet ta’ ċaħda ta’ dħul.

Jekk din il-persuna tipprova tidħol fl-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża, hi għandha titħalla tidħol fit-territorju iżda l-Uffiċċju Sirene ta’ dak l-Istat Membru, wara talba tal-awtorità kompetenti, għandu jikkonsulta l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti sabiex jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jiddeċiedu dwar l-irtirar tal-permess ta’ residenza jew viża jew it-tħassir tat-twissija. L-Istat Membru li ħareġ il-permess ta’ residenza jew viża għandu juża l-formola O biex jinforma lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni jekk għandux jiġi rtirat il-permess ta’ residenza jew viża. Jekk dan l-Istat Membru jiddeċiedi li jżomm il-validità tal-permess ta’ residenza jew viża, it-twissija għandha titħassar. Il-persuna tista’, madankollu, titqiegħed f’lista nazzjonali ta’ Stat Membru dwar twissijiet ta’ ċaħda ta’ dħul.

Proċedura fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 5(4)(c)

Skont l-Artikolu 5(4)(c) Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju li persuna li tkun inħarġitilha twissija ta’ ċaħda ta’ dħul tiġi miċħuda d-dħul għal raġunijiet umanitarji, minħabba f’interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Fuq it-talba tal-awtorità kompetenti, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li ppermetta d-dħul għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti b’din is-sitwazzjoni billi juża formola H.

4.6.   Skambju ta’ informazzjoni wara hit u meta jiġi rrifjutat dħul jew issir tkeċċija miż-żona Schengen

Bla ħsara għall-proċeduri speċjali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, li jsir skont l-Artikolu 5(4)(a) u (c) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen; u bla ħsara għat-Taqsima 4.7 li tikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni wara hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li hu l-benefiċjarju tad-dritt għal moviment liberu (li f’dan il-każ il-konsultazzjoni tal-Istat Membru emittenti permezz tal-Uffiċċju Sirene hija obbligatorja), Stat Membru jista’ jitlob li jiġi infurmat b’kull hit dwar twissijiet għal rifjut ta’ dħul jew ta’ permanenza li jkun daħħal.

L-Uffiċċji Sirene tal-Istati Membri li jkunu ħarġu twissijiet ta’ ċaħda ta’ dħul ma għandhomx neċessarjament ikunu mgħarrfa b’kull hit li normalment ikun hemm, iżda jistgħu jkunu mgħarrfa f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-formola G jew il-formola H, skont l-azzjoni meħuda, tista’ fi kwalunkwe każ tintbagħat jekk, pereżempju, tintalab informazzjoni supplimentari. Il-formola G għandha dejjem tintbagħat meta jkun hemm hit dwar persuna li tkun qed tibbenefika mid-dritt tal-moviment liberu.

Minkejja d-dispożizzjonijiet fil-paragrafu ta’ hawn fuq, kif stabbilit fit-Taqsima 10 l-Uffiċċji Sirene kollha għandhom jipprovdu statistika dwar hits dwar it-twissijiet barranin kollha fit-territorju tagħhom.

Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

Stat Membru jista’ jitlob li jiġi infurmat bi kwalunkwe hit dwar twissijiet għal rifjut ta’ dħul jew ta’ permanenza li jkun ħareġ. Kull Stat Membru li jkun jixtieq din l-għażla għandu jagħmel talba bil-miktub lill-Istati Membri l-oħra;

(b)

l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jieħu l-inizjattiva u jinforma lill-Istat Membru emittenti li t-twissija tkun tqabblet u li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma ngħatax permess jidħol jew li tkeċċa mit-territorju ta’ Schengen;

(c)

jekk fit-territorju tiegħu, Stat Membru jinterċetta ċittadin ta’ pajjiż terz li dwaru tkun inħarġet twissija, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa biex il-persuna kkonċernata tiġi rritornata, jekk jintalab jagħmel dan. Skont il-ħtiġijiet tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni din l-informazzjoni, mogħtija f’formola M, għandha tinkludi dan li ġej:

it-tip ta’ deċiżjoni u r-raġuni warajha,

l-awtorità li toħroġ id-deċiżjoni,

id-data tad-deċiżjoni,

id-data tal-ordni legali (id-data meta ntbagħtet id-deċiżjoni),

id-data tal-infurzar,

Id-data li fiha d-deċiżjoni tiskadi jew it-tul tal-validità.

Jekk persuna li dwarha tkun inħarġet twissija hija interċettata fuq il-fruntiera, għandhom jiġu segwiti l-proċeduri stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mill-Istat Membru emittenti.

Jista’ jkun hemm ukoll ħtieġa urġenti għal informazzjoni supplimentari li għandha tiġi skambjata permezz tal-Uffiċċji Sirene f’każijiet speċifiċi sabiex jiġi identifikat individwu b’ċertezza.

4.7.   Skambju ta’ informazzjoni wara hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa benefiċjarju tad-dritt tal-moviment liberu

Fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE għandhom japplikaw regoli speċjali (33).

Jekk ikun hemm hit dwar ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/38/KE għandhom japplikaw regoli speċjali (iżda ara l-introduzzjoni għat-Taqsima 4 dwar il-pożizzjoni tal-Isvizzera). Għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

wara talba tal-awtorità kompetenti, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jikkuntattja minnufih lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti billi juża formola G, sabiex jikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, mingħajr dewmien, dwar l-azzjoni li għandha tittieħed;

(b)

malli jirċievi talba għal informazzjoni, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu minnufih jibda jiġbor l-informazzjoni mitluba u jibagħtha malajr kemm jista’ jkun lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;

(c)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jivverifika mal-awtorità kompetenti, jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha disponibbli, jekk it-twissija tistax tinżamm skont id-Direttiva 2004/38/KE. Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li żżomm it-twissija, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jinforma lill-Uffiċċji Sirene l-oħra kollha b’dan, permezz ta’ formola M;

(d)

l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jgħarraf, permezz tal-Uffiċċju Sirene tiegħu, lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti jekk l-azzjoni mitluba li kellha tittieħed kinitx eżegwita (bl-użu ta’ formola M) jew le (bl-użu ta’ formola H) (34).

4.8.   Skambju ta’ informazzjoni jekk, fin-nuqqas ta’ hit, Stat Membru jiskopri li hemm twissija għal rifjut tad-dħul għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu

Jekk, fin-nuqqas ta’ hit, Stat Membru jiskopri li hemm twissija għal rifjut ta’ dħul għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jibbenefika mid-dritt għal moviment liberu, l-Uffiċċju Sirene ta’ dan l-Istat Membru, wara t-talba tal-awtorità kompetenti, għandu jibgħat formola M lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti fejn jinformah b’dan.

L-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jivverifika mal-awtorità kompetenti, jekk din l-informazzjoni ma tkunx għadha disponibbli, jekk it-twissija tistax tinżamm skont id-Direttiva 2004/38/KE. Jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li żżomm it-twissija, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jinforma lill-Uffiċċji Sirene l-oħra kollha b’dan, permezz ta’ formola M.

4.9.   Tħassir ta’ twissijiet imdaħħla għal ċittadini tal-UE

Meta ċittadin ta’ pajjiż terz li tkun inħarġitlu twissija għal rifjut ta’ dħul jew ta’ permanenza, jikseb iċ-ċittadinanza ta’ wieħed mill-Istati Membri, it-twissija għandha titħassar. Jekk il-bidla taċ-ċittadinanza tiġi għall-attenzjoni ta’ Uffiċċju Sirene ta’ Stat Membru ieħor għajr dak li joħroġha, dan tal-ewwel għandu jikkonsulta l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti u, jekk meħtieġ, jibgħat formola J, skont il-proċedura għal rettifika u tħassir ta’ dejta li tinstab li hija legalment jew fattwalment skorretta (ara t-Taqsima 2.7).

5.   TWISSIJIET DWAR PERSUNI NEQSIN (ARTIKOLU 32 TAD-DEĊIŻJONI SIS II)

5.1.   Twissijiet multipli

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.2.

5.2.   Identità użata ħażin

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.1.

5.3.   Id-dħul ta’ isem fittizju

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.2.

5.4.   Iż-żieda ta’ bandiera

Jistgħu jinqalgħu ċirkostanzi fejn tirriżulta hit għal twissija dwar persuna nieqsa u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jiddeċiedu li l-azzjoni mitluba ma tistax tittieħed u/jew li l-ebda azzjoni ulterjuri ma hi se tittieħed dwar it-twissija. Din id-deċiżjoni tista’ tittieħed anki jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti jiddeċiedu li jżommu t-twissija f’SIS II. F’ċirkostanzi bħal dawn l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jitlob il-marka ta’ validità permezz ta’ bandiera wara li tkun saret il-hit. Bl-għan li tiżdied bandiera, għandhom ikunu segwiti l-proċeduri ġenerali kif deskritti fit-Taqsima 2.6.

Ma hemmx azzjoni alternattiva x’tittieħed għal twissijiet għal persuni neqsin.

5.5.   Għoti ta’ dettall deskrittiv dwar minorenni neqsin u persuni oħrajn ivvalutati bħala li qegħdin f’riskju

L-Uffiċċji Sirene għandu jkollhom aċċess fil-pront għall-informazzjoni supplimentari kollha rilevanti fil-livell nazzjonali dwar twissijiet għal persuni neqsin sabiex l-Uffiċċji Sirene ikun jista’ jkollhom rwol sħiħ f’li jintlaħaq riżultat pożittiv għall-każijiet, waqt li tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-persuna u tkun ipprovduta informazzjoni supplimentari fil-pront dwar kwistjonijiet marbuta mal-każ. L-informazzjoni supplimentari rilevanti tista’ tkopri, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet nazzjonali dwar il-kustodja ta’ tifel/tifla jew ta’ persuna vulnerabbli jew talbiet għall-użu ta’ mekkaniżmi ta’ “Twissijiet dwar Tfal”.

Fil-każ ta’ persuna nieqsa b’riskju għoli, il-kaxxa 311 tal-formola M għandha tibda bil-kelma “URĠENTI “ u bi spjegazzjoni tar-raġuni għall-urġenza. Din l-urġenza tista’ tissaħħaħ permezz ta’ telefonata li tenfasizza l-importanza tal-formola M u n-natura urġenti tagħha.

Għandu jintuża metodu komuni biex tiddaħħal informazzjoni supplimentari strutturata f’ordni miftiehma dwar persuna nieqsa ta’ riskju għoli (35). Din għandha tiddaħħal fil-kaxxa 083 tal-formola M.

Peress li mhux il-persuni neqsin vulnerabbli kollha jaqsmu fruntieri nazzjonali, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari (dwar dettalji deskrittivi) u dwar ir-riċevituri tagħha għandhom jittieħdu każ b’każ, fejn tiġi koperta l-firxa kollha taċ-ċirkostanzi. Wara deċiżjoni fuq livell nazzjonali dwar kemm jeħtieġ li tintbagħat informazzjoni supplimentari bħal din, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti, sa fejn ikun xieraq, għandu jieħu waħda mill-miżuri li ġejjin:

(a)

iżomm l-informazzjoni sabiex ikun jista’ jgħaddi informazzjoni supplimentari meta jintalab jagħmel dan minn Stat Membru ieħor;

(b)

jgħaddi formola M lill-Uffiċċju Sirene kompetenti jekk l-investigazzjonijiet jindikaw destinazzjoni probabbli għall-persuna nieqsa;

(c)

jgħaddi formola M lill-Uffiċċji Sirene rilevanti kollha, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi tal-għajbien sabiex tkun ipprovduta d-dejta kollha li tikkonċerna l-persuna f’perjodu qasir ta’ żmien.

Malli Uffiċċju Sirene jirċievi xi informazzjoni, sabiex jimmassimizza l-opportunitajiet li l-persuna tinstab b’mod immirat u raġunat, din għandha tiġi kkomunikata, sa fejn ikun xieraq:

(a)

lill-postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntieri rilevanti;

(b)

lill-awtoritajiet amministrattivi u tal-pulizija kompetenti sabiex jinstabu u jiġu protetti l-persuni;

(c)

l-awtoritajiet konsulari rilevanti tal-Istat Membru emittenti, wara li tinkiseb hit fis-SIS II.

5.6.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.3.

Barra minn dan, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

kemm jista’ jkun possibbli, l-Uffiċċji Sirene għandhom jikkomunikaw id-dettalji mediċi meħtieġa tal-persuna(i) konċernata(i) nieqsa jekk ikollhom jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tagħha/tagħhom.

L-informazzjoni mibgħuta għandha tinżamm biss sakemm tkun strettament meħtieġa u għandha tintuża esklussivament għall-finijiet ta’ trattament mediku mogħti lill-persuna konċernata;

(b)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu dejjem jikkomunika l-inħawi lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti;

(c)

skont l-Artikolu 33(2) tad-Deċiżjoni SIS II, il-komunikazzjoni dwar fejn qiegħda l-persuna nieqsa, li tkun maġġorenni, lill-persuna li tkun irrappurtatha nieqsa għandha tkun suġġetta għall-kunsens tal-persuna nieqsa (36). Il-kunsens għandu jkun bil-miktub jew għall-inqas għandu jkun disponibbli rekord bil-miktub. F’każijiet fejn il-kunsens jiġi rrifjutat, dan għandu jkun bil-miktub jew għandu jiġi rreġistrat uffiċjalment. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw il-fatt li t-twissija tkun tħassret wara hit, lill-persuna li rrapportat lilu jew lilha neqsin.

6.   TWISSIJIET GĦAL PERSUNI MFITTXIJA GĦAL PROĊEDURA ĠUDIZZJARJA (ARTIKOLU 34 TAD-DEĊIŻJONI SIS II)

6.1.   Twissijiet multipli

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.2.

6.2.   Identità użata ħażin

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.1.

6.3.   Id-dħul ta’ isem fittizju

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.2.

6.4.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.3.

Barra minn dan, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

il-post veru tar-residenza jew domiċilju għandu jinkiseb bl-użu tal-miżuri kollha permessi mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-persuna kienet tinstab;

(b)

għandu jkun hemm proċeduri nazzjonali stabbiliti, kif ikun xieraq, biex ikun żgurat li t-twissijiet jinżammu fis-SIS biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom kienu pprovduti.

L-Uffiċċji Sirene jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet imdaħħla skont l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni SIS II, u meta jagħmlu dan jistgħu jaġixxu f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji jekk din l-informazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna ġudizzjarja reċiproka.

7.   TWISSIJIET GĦAL KONTROLLI DISKRETI U SPEĊIFIĊI (ARTIKOLU 36 TAD-DEĊIŻJONI SIS II)

7.1.   Twissijiet multipli

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.2.

7.2.   Identità użata ħażin

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.1.

7.3.   Id-dħul ta’ isem fittizju

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.11.2.

7.4.   Informazzjoni lil Stati Membri oħra meta jinħarġu twissijiet mitluba minn awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà nazzjonali (Artikolu 36(3) tad-Deċiżjoni)

Meta tiddaħħal twissija wara talba ta’ awtorità responsabbli mis-sigurtà nazzjonali, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jinforma lill-Uffiċċji Sirene l-oħra kollha b’dan billi juża formola M bil-kliem “l-ARTIKOLU 36(3) tad-Deċiżjoni SIS II” fil-bidu tal-kaxxa 083. Il-formola għandu jkun fiha, fil-kaxxa 080, l-isem tal-awtorità li titlob li tiddaħħal it-twissija, l-ewwel bil-lingwa tal-Istat Membru emittenti u mbagħad bl-Ingliż ukoll flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt tagħha fil-kaxxa 081 f’format li ma jkollux bżonn traduzzjoni.

Il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni għandha titħares skont il-liġi nazzjonali, li tinkludi li l-kuntatt bejn l-Uffiċċji Sirene jinżamm separat minn kwalunkwe kuntatt bejn is-servizzi responsabbli mis-sigurtà nazzjonali.

7.5.   Iż-żieda ta’ bandiera

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.6.

Ma hemmx azzjoni alternattiva x’tittieħed għal twissijiet għal kontrolli diskreti jew speċifiċi.

Barra minn hekk, jekk l-awtorità responsabbli mis-sigurtà nazzjonali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li t-twissija tirrikjedi bandiera, din għandha tikkuntattja lill-Uffiċċju Sirene nazzjonali tagħha u tinformah li l-azzjoni meħtieġa li għandha tittieħed ma tistax titwettaq. L-Uffiċċju Sirene għandu mbagħad jitlob għal bandiera billi jibgħat formola F lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti. L-istess bħal f’talbiet oħra għall-bandiera għandha tingħata raġuni ġenerali. Madankollu, il-kwistjonijiet ta’ natura sensittiva ma għandhomx għalfejn jiġu żvelati (ara wkoll it-Taqsima 7.6(b) hawn taħt).

7.6.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.3.

Barra minn dan, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

Meta titwettaq hit dwar twissija maħruġa skont l-Artikolu 36(3) tad-Deċiżjoni SIS II, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti dwar ir-riżultati (kontroll diskret jew kontroll speċifiku) permezz tal-formola G. Fl-istess ħin l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jinforma lill-awtorità tiegħu responsabbli mis-sigurtà nazzjonali.

(b)

Biex titħares il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni hija meħtieġa proċedura speċifika. Għalhekk, kwalunkwe kuntatt bejn l-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà nazzjonali għandu jinżamm separat mill-kuntatt bejn l-Uffiċċji Sirene. Konsegwentement, ir-raġunijiet dettaljati għal talba għall-bandiera għandhom jiġu diskussi direttament bejn l-awtoritajiet responsabbli mis-sigurtà nazzjonali u mhux permezz tal-Uffiċċji Sirene.

7.7.   Sistemi ta’ rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi (Automatic Number Plate Recognition-ANPR)

Ara t-Taqsima 9.

8.   TWISSIJIET DWAR OĠĠETTI GĦAL QBID JEW GĦAL UŻU BĦALA PROVA (ARTIKOLU 38 TAD-DEĊIŻJONI SIS II)

8.1.   Twissijiet multipli

Ara l-proċedura ġenerali fit-Taqsima 2.2.

8.2.   Twissijiet dwar vetturi

8.2.1.   Kontrolli għal twissijiet multipli dwar vettura

L-elementi ta’ deskrizzjoni tal-identità obbligatorji għal kontrolli għal twissijiet multipli dwar vettura jinkludu:

(a)

il-pjanċa tar-reġistrazzjoni/tan-numru, u/jew

(b)

in-numru tal-identifikazzjoni tal-vettura (Vehicle Identification Number - VIN).

Iż-żewġ numri jistgħu jiddaħħlu fis-SIS II.

Jekk meta tiddaħħal twissija ġdida, jinstab li l-istess VIN u/jew numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni jeżistu diġà fis-SIS II, huwa preżunt li t-twissija l-ġdida tirriżulta fi twissijiet multipli dwar l-istess vettura. Madankollu, dan il-metodu ta’ verifika huwa effettiv biss fejn l-elementi ta’ deskrizzjoni użati jkunu l-istess. Għalhekk mhux dejjem ikun possibbli li jitqabblu.

L-Uffiċċju Sirene għandu jiġbed l-attenzjoni tal-utenti għall-problemi li jistgħu jinqalgħu fejn numru wieħed biss ikun tqabbel, jew għal VIN-doppju, u l-użu mill-ġdid ta’ pjanċi tal-liċenzja. Rispons pożittiv ma jfissirx awtomatikament li hemm hit, u rispons negattiv ma jfissirx li ma hemmx twissija dwar il-vettura.

L-elementi ta’ deskrizzjoni tal-identità użati biex jiġi stabbilit jekk żewġ entrati dwar vetturi humiex identiċi jinsabu fid-dettall fit-Taqsima 2.2.3.

Il-proċeduri ta’ konsultazzjoni għall-verifika ta’ twissijiet multipli u inkompatibbli li għandhom jiġu applikati mill-Uffiċċji Sirene għall-vetturi għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-persuni. Għal proċeduri ġenerali ara t-Taqsima 2.2.

L-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jżomm rekord ta’ kwalunkwe talba biex tiddaħħal twissija ulterjuri li, wara konsultazzjoni, tkun ġiet miċħuda taħt id-dispożizzjonijiet mogħtija hawn fuq, sakemm titħassar it-twissija.

8.2.2.   VIN-doppju

VIN doppju jirreferi għal vettura mdaħħla fis-SIS II, tal-istess tip bl-istess numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) bħal vettura manifatturata oriġinali (eż. trattur u mutur bl-istess VIN ma jaqgħux f’din il-kategorija). Biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ qbid ripetut tal-vettura manifatturata oriġinali bl-istess VIN għandhom japplikaw ir-regoli speċifiċi li ġejjin:

(a)

Fejn tkun stabbilita l-possibbiltà ta’ VIN doppju, l-Uffiċċju Sirene għandu, kif ikun xieraq:

(i)

jiżgura ruħu li ma hemm l-ebda żball fit-twissija fis-SIS II u li l-informazzjoni dwar it-twissija hija kemm jista’ jkun kompluta;

(ii)

jikkontrolla ċ-ċirkostanzi tal-każ li qed jagħti lok għal twissija fis-SIS II;

(iii)

isir jaf l-istorja taż-żewġ vetturi sa mill-produzzjoni tagħhom;

(iv)

jitlob kontroll bir-reqqa tal-vettura maqbuda, b’mod partikolari tal-VIN tagħha, sabiex jivverifika jekk tkunx il-vettura manifatturata oriġinali.

L-Uffiċċji Sirene kollha involuti għandhom jikkooperaw mill-qrib meta jieħdu miżuri bħal dawn.

(b)

Fejn l-eżistenza ta’ VIN-doppju hija kkonfermata, l-Istat Membru emittenti għandu jqis jekk huwiex meħtieġ li tinżamm it-twissija fis-SIS II. Jekk l-Istat Membru jiddeċiedi li jżomm it-twissija fis-SIS II l-Istat Membru emittenti għandu:

(i)

jżid rimarka relatata mal-vettura “Suspett ta’ klonu” (37) fit-twissija;

(ii)

jistieden lis-sid tal-vettura manifatturata oriġinali biex, suġġett għal kunsens espliċitu tiegħu u skont il-liġi nazzjonali, jipprovdi lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti bl-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta’ identifikazzjoni żbaljata.

(c)

Jibgħat formola M permezz tal-Uffiċċju Sirene lill-Uffiċċji l-oħra kollha, kif xieraq, bil-marki u l-karatteristikċi inklużi waqt li jiddeskrivi l-vettura manifatturata oriġinali u jiddistingwiha mill-vettura mdaħħla fis-SIS II. Il-formola M għandu jkollha l-kliem “VETTURA MANIFATTURATA ORIĠINALI” indikati b’mod prominenti fil-kaxxa 083.

(d)

Jekk, meta s-SIS II jiġi kkonsultat, tinstab ir-rimarka relatata mal-vettura, “Suspett ta’ klonu”, l-utent li jkun qiegħed iwettaq il-kontroll għandu jikkuntattja lill-Uffiċċju Sirene nazzjonali biex jikseb informazzjoni addizzjonali ħalli jikkjarifika jekk il-vettura li tkun qed tiġi spezzjonata hijiex il-vettura mfittxija jew il-vettura manifatturata oriġinali.

(e)

Jekk matul il-verifika, jinstab li l-informazzjoni fuq il-formola M ma għadhiex aġġornata l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jikkuntattja lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti biex jivverifika s-sjieda legali attwali tal-vettura. L-Uffiċċju Sirene tal-aħħar għandu jibgħat formola M ġdida skont dan, bil-kliem “VETTURA MANIFATTURATA ORIĠINALI” indikati b’mod prominenti fil-kaxxa 083.

8.3.   L-iskambju ta’ informazzjoni wara hit

L-Uffiċċji Sirene jistgħu jittrażmettu informazzjoni ulterjuri dwar twissijiet imdaħħla skont l-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni SIS II, u meta jagħmlu dan jistgħu jaġixxu f’isem l-awtoritajiet ġudizzjarji jekk din l-informazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna ġudizzjarja reċiproka skont il-liġi nazzjonali.

L-Uffiċċji Sirene għandhom jibagħtu l-informazzjoni supplimentari malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ formola P, jekk tkun mitluba fil-kaxxa 089 ta’ formola G, meta jkun hemm hit dwar twissija għal qbid jew użu bħala prova maħruġa dwar vettura, inġenju tal-ajru, dgħajsa jew tagħmir industrijali jew kontejner skont l-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni SIS II.

Minħabba li t-talba tkun urġenti u minħabba li għalhekk ma jkunx possibbli li l-informazzjoni tinġabar kollha minnufih, ma għandux ikun meħtieġ li jimtlew il-kaxex kollha tal-formola P. Madankollu, għandhom isiru sforzi biex tinġabar l-informazzjoni dwar l-intestaturi ewlenin: 041, 042, 043, 162, 164, 165, 166, 167 u 169.

9.   SISTEMI TA’ RIKONOXXIMENT AWTOMATIKU TAL-PJANĊI (AUTOMATIC NUMBER PLATE RECOGNITION-ANPR)

Dawn is-sistemi huma rilevanti għal twissijiet skont l-Artikolu 36 u l-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni SIS II. Minħabba l-użu mifrux tal-ANPR għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi hemm il-kapaċità teknika sabiex jinkisbu bosta hits dwar vettura jew pjanċa matul perjodu ta’ żmien qasir.

Peress li xi siti tal-ANPR huma mgħammra bil-persunal teżisti l-possibbiltà li vettura tinstab u li tittieħed l-azzjoni miltuba. F’dan il-każ, qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni, l-utenti tas-sistema ANPR għandhom jivverifikaw jekk il-hit miksuba permezz tal-ANPR hijiex relatata ma’ twissija skont l-Artikolu 36 jew 38 tad-Deċiżjoni SIS II.

Madankollu, bosta siti tal-ANPR fissi mhumiex dejjem mgħammra bil-persunal. Għaldaqstant, għalkemm it-teknoloġija se tirreġistra l-passaġġ tal-vettura u se jinkiseb hit, l-azzjoni mitluba ma tistax titwettaq.

Kemm għat-twissijiet tal-Artikolu 36 kif ukoll għal dawk tal-Artikolu 38 fejn l-azzjoni mitluba ma setgħetx tittieħed għandha tapplika l-proċedura ġenerali li ġejja:

Għandha tintbagħat formola H waħda għall-ewwel hit. Jekk hi meħtieġa aktar informazzjoni dwar il-moviment tal-vettura huwa l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti li għandu jikkuntattja lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni b’mod bilaterali biex jiddiskutu l-ħtiġijiet tal-informazzjoni.

Għal twissijiet skont l-Artikolu 36 għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jikseb hit għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene emittenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-hit bl-użu ta’ formola G waħda, billi juża t-terminu “ANPR “ fil-kaxxa 086;

(b)

l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jkun kiseb hit dwar twissija għal kontroll speċifiku li bih l-azzjoni mitluba ma setgħetx tittieħed, għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene emittenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-hit billi juża formola H, bl-akronimu “ANPR” fil-kaxxa 083, segwit mill-kliem li ġej: “Dan il-ħit inkiseb bl-użu ta’ ANPR. Jekk jogħġbok għarrafna jekk pajjiżek jixtieq li jkun infurmat dwar aktar hits miksuba permezz ta’ ANPR għal din il-vettura jew pjanċa li għaliha l-azzjoni mitluba ma setgħetx tittieħed;

(c)

l-Istat Membru emittenti għandu jiddeċiedi jekk it-twissija laħqitx l-iskop tagħha, jekk għandhiex titħassar jew le u jekk għandhomx isiru diskussjonijiet bilaterali dwar ħtiġijiet għall-informazzjoni.

Għal twissijiet skont l-Artikolu 38 għandha tapplika l-proċedura li ġejja:

(a)

f’ċirkustanzi fejn tirriżulta hit u l-azzjoni mitluba tkun ittieħdet, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jikseb il-hit għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene emittenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-hit billi juża formola G waħda;

(b)

f’ċirkustanzi fejn tirriżulta hit u l-azzjoni mitluba ma tkunx ittieħdet, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru li jikseb hit għandu jinforma lill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti dwar iċ-ċirkostanzi tal-hit billi juża formola H u t-terminu “ANPR” fil-kaxxa 083 segwit mill-kliem li ġej; “Dan il-hit inkiseb bl-użu ta’ ANPR. Jekk jogħġbok għarrafna jekk pajjiżek jixtieq ikun infurmat dwar aktar hits miksuba permezz ta’ ANPR għal din il-vettura jew pjanċa li għaliha l-azzjoni mitluba ma setgħetx tittieħed;

(c)

meta jirċievi formola H bħal din, l-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru emittenti għandu jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti, li jkollhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li jirċievu aktar formoli H jew informazzjoni mwassla bilateralment mill-Uffiċċju Sirene tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

10.   STATISTIKA

Darba fis-sena l-Uffiċċju Sirene għandu jipprovdi l-istatistika, li għandha tintbagħat lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni. L-istatistika għandha tintbagħat ukoll, meta tintalab, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-protezzjoni tad-dejta. L-istatistika għandu jkollha wkoll l-għadd ta’ formoli ta’ kull tip mibgħuta lil kull wieħed mill-Istati Membri. B’mod partikulari, l-istatistika għandha turi l-għadd ta’ hits u bandieri. Għandha ssir distinzjoni bejn hits misjuba wara twissijiet maħruġa minn Stat Membru ieħor u hits misjuba minn Stat Membru wara twissijiet maħruġa minnu.

L-Appendiċi 6 tistipula l-proċeduri u l-formati għall-provvista ta’ statistiċi taħt din it-taqsima.


(1)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Implimentazzjoni (SCH/Com-ex (94)29 rev. 2). (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 130).

(3)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta’ Ottubru 1997 (SCH/com-ex 97(27) rev. 4) għall-Italja u (SCH/com-ex 97(28) rev. 4) għall-Awstrija.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/848/KE tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen fil-Greċja, (ĠU L 327, 21.12.1999, p. 58).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/777/KE tal-1 ta’ Diċembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen fid-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja, u fl-Islanda u n-Norveġja (ĠU L 309, 9.12.2000, p. 24).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/926/KE tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar id-dħul fis-seħħ ta’ partijiet tal-acquis ta’ Schengen mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 70).

(7)  ĠU C 340, 10.11.1997, p. 92.

(8)  Ftehim mar-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ din tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36).

(9)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 3.

(11)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(12)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(13)  ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

(14)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1.

(15)  Dan huwa bla ħsara għal ħidmiet oħra mogħtija lill-Uffiċċji Sirene ibbażati fuq leġiżlazzjoni rispettiva fil-kwadru tal-kooperazzjoni tal-pulizija, eż. fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI. (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89).

(16)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (il-Europol), ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).

(17)  Ara wkoll il-Katalgu Schengen, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki.

(18)  It-tieni dominju jeżisti fl-“ambjent ta’ qabel il-produzzjoni” tekniku

(19)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(20)  Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali u emendi sussegwenti tagħha.

(21)  ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.

(22)  Ċerti kumpaniji tat-trasport jużaw numri ta’ referenza oħra. SIS II għandha dispożizzjoni dwar id-dħul ta’ numri tas-serje li mhumiex il-BIC.

(23)  Minħabba n-nuqqas ta’ standardizzazzjoni fin-numri tas-serje għal oġġetti, huwa possibbli pereżempju li, għal żewġ armi differenti ta’ żewġ għamliet differenti, ikun hemm l-istess numru tas-serje. Bl-istess mod huwa possibbli li oġġett ikollu l-istess numru tas-serje bħala oġġett differenti ħafna, pereżempju, dokument maħruġ jew biċċa tagħmir industrijali. Meta huwa ċar li n-numri tas-serje huma identiċi iżda b’mod ċar l-oġġetti mhumiex l-istess, mhijiex meħtieġa konsultazzjoni bejn l-Uffiċċji Sirene. L-utenti jistgħu jsiru konxji li tista’ tinqala din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, huwa possibbli li oġġett, bħal passaport jew karozza, ikunu misruqa u rrappurtati f’pajjiż u sussegwentement ikunu rrappurtati fil-pajjiż tal-oriġini. Dan jista’ jirriżulta f’żewġ twissijiet għall-istess oġġett. Jekk titfaċċa din is-sitwazzjoni, tista’ tkun solvuta mill-Uffiċċji Sirene kkonċernati.

(24)  Għall-implimentazzjoni teknika, ara d-dokument dwar l-Iskambju tad-Dejta bejn is-Sirenes imsemmi fit-taqsima 1.10.2.

(25)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(26)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(27)  Għall-implimentazzjoni teknika, ara d-dokument dwar l-Iskambju tad-Dejta bejn is-Sirenes imsemmi fit-taqsima 1.10.2.

(28)  Ara wkoll it-taqsima 1.13.1 dwar indikazzjoni ta’ urġenza fil-formoli Sirene.

(29)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(30)  L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38/KE jgħid li l-persuna rrifjutata d-dħul għandha tiġi nnotifikata bil-miktub dwar dan u mgħarrfa b’mod sħiħ bir-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet id-deċiżjoni sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà tal-Istat.

(31)  L-Artikolu 26 tar-Regolament SIS II jirreferi għall-Artikolu 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona dan l-Artikolu 15 sar l-Artikolu 29 fil-verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(32)  Fil-każ ta’ twissijiet ta’ ċaħda ta’ dħul maħruġin għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE, jeħtieġ jitfakkar li mhux possibbli bħala kwistjoni ta’ rutina li jkun ikkonsultat is-SIS II qabel ma tinħareġ karta ta’ residenza għal dik il-persuna. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE għandu lista tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinkiseb id-dritt ta’ residenza għal aktar minn tliet xhur fi Stat Membru ospitanti minn membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz. Din il-lista, li hija eżawrjenti, ma tippermettix konsultazzzjoni ta’ rutina tas-SIS qabel ma jinħarġu karti ta’ residenza. L-Artikolu 27(3) ta’ din id-Direttiva jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jitolbu, jekk iqisu li tkun essenzjali, informazzjoni minn Stati Membri oħra fir-rigward biss ta’ dokumentazzjoni preċedenti tal-pulizija (jiġifieri, mhux id-dejta kollha tas-SIS II). Stħarriġ bħal dan ma għandux isir bħala ħaġa ta’ rutina.

(33)  Skont id-Direttiva 2004/38/KE, persuna li tibbenefika mid-dritt għal-libertà ta’ moviment tista’ tiġi rrifjutata d-dħul jew il-permanenza għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika meta l-kondotta personali tagħha tirrappreżenta theddida ġenwina, immedjata u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà u meta jiġu rispettati l-kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 27(2) ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 27(2) jistipula: “Miżuri meħudin għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità u għandhom ikunu msejsa esklussivament fuq l-imġiba personali tal-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti fihom infushom ma għandhomx jikkostitwixxu ragunijiet biex jittieħdu miżuri bħal dawn. L-imġiba personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u gravi biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li jkunu iżolati mill-partikularitajiet tal-każ jew li jistrieħu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma għandhomx ikunu aċċettati.” Barra minn hekk, hemm limitazzjonijiet addizzjonali għal persuni li jgawdu mid-dritt ta’ residenza permanenti li jistgħu biss ikunu rrifjutati d-dħul jew il-permanenza minħabba raġunijiet gravi ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika kif imsemmi fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38/KE.

(34)  Skont id-Direttiva 2004/38/KE l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma jistax jillimita l-moviment liberu ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jibbenefikaw mid-dritt għal moviment liberu għar-raġuni biss li l-Istat Membru emittenti jżomm it-twissija sakemm il-kondizzjonijiet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta' qabel mhumiex sodisfatti.

(35)  Id-dejta dwar l-għajbien:

(a)

Il-post, id-data u l-ħin tal-għajbien.

(b)

Iċ-ċirkostanzi tal-għajbien.

Dettalji dwar il-persuna nieqsa:

(c)

Età apparenti.

(d)

Tul.

(e)

Kulur tal-ġilda.

(f)

Kulur u forma tax-xagħar.

(g)

Kulur tal-għajnejn.

(h)

Dettalji fiżiċi oħra (jiġifieri piercings, deformazzjonijiet, amputazzjonijiet, tatwaġġi, marki, marki oħra, eċċ.).

(i)

Partikolaritajiet psikoloġiċi: f’riskju ta’suwiċidju, mard mentali, imġiba aggressiva, eċċ.

(j)

Dettalji oħra: trattament mediku meħtieġ, eċċ.

(k)

Ħwejjeġ milbusa fiż-żmien tal-għajbien.

(l)

Ritratt: disponibbli jew le.

(m)

Forma ante mortem: disponibbli jew le.

Informazjzoni relatata.

(n)

Il-persuna li tista’ takkumpanja lilu jew lilha (u l-Identità Schengen jekk disponibbli).

(o)

Vettura/i relatat/i mal-kawża (u l-Identità Schengen jekk disponibbli).

(p)

Jekk disponibbli: numru ta’ telefon ċellulari/l-aħħar “log-in”, kuntatt permezz ta’ netwerks soċjali onlajn.

It-titoli differenti ta’ suboqsma infushom ma għandhomx jiġu inklużi bħala parti mill-qasam 083, iżda biss l-ittra ta’ referenza. Fejn dettall hu diġà disponibbli fit-twissija nnifisha din tista’ titħalla barra.

(36)  Għal ċarezza dwar il-kunsens fi kwistjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ara l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE.

(37)  “Suspett ta’ klonu” tirreferi għal każijiet fejn, pereżempju, id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura huma misruqa u użati għar-reġistrazzjoni mill-ġdid ta’ vettura oħra tal-istess għamla, mudell u kulur li kienet ukoll misruqa.


Top