EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2011:266:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 266, 11 ta' Ottubru 2011


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2011.266.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 266

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 54
11 ta' Ottubru 2011


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLI TA' PROĊEDURA

 

 

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

 

*

Deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tat-12 ta’ Mejju 2010 dwar l-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiġi rifless id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-Istatut il-ġdid tal-Bank

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLI TA' PROĊEDURA

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

11.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/1


DEĊIŻJONI TAL-BORD TAL-GVERNATURI

tat-12 ta’ Mejju 2010

dwar l-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jiġi rifless id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-Istatut il-ġdid tal-Bank

IL-BORD TAL-GVERNATURI TAL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT,

WARA LI KKUNSIDRA l-Artikolu 7(3)(h) tal-Istatut, li permezz tiegħu l-Bord tal-Gvernaturi huwa responsabbli għall-approvazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank,

BILLI:

(1)

It-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-ewwel jum tax-xahar wara l-iddepożitar mal-Gvern Taljan tal-istrumenti ta’ ratifika tas-seba’ u għoxrin Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

(2)

It-Trattat ta’ Lisbona jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, waqt li dan tal-aħħar ingħata l-isem ġdid it-“Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”.

(3)

L-Istatut tal-Bank, li jinsab fil-Protokoll Nru. 5 tat-Trattati, ġie emendat wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

(4)

L-emendi għall-Istatut tal-Bank jeħtieġu bidliet għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank, b’mod partikolari fir-rigward taż-żieda neċessarja fin-numru ta’ membri tal-Kumitat ta’ Verifika, tal-osservaturi, u d-definizzjoni mill-ġdid tal-irwol tagħhom.

(5)

Kienet meħtieġa wkoll emenda għar-Regoli ta’ Proċedura, permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fir-rigward tas-supplenti u l-esperti eletti b’co-option għall-Bord tad-Diretturi.

(6)

It-Trattat ta’ Lisbona jeħtieġ ukoll referenza għar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Bank fir-Regoli ta’ Proċedura.

(7)

Kien meħtieġ li jiġu nnumerati mill-ġdid l-artikoli u r-referenzi għall-artikoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(8)

L-Artikolu 12(1) tal-Istatut jipprovdi għal żieda fin-numru ta’ membri tal-Kumitat ta’ Verifika minn tlieta għal sitta u għalhekk kien meħtieġ li jittieħdu miżuri tranżitorji u li jinħatru tliet membri ġodda,

IDDEĊIEDA fit-12 ta’ Mejju 2010, permezz tal-proċedura bil-miktub ipprovduta fl-Artikolu 5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank, fuq proposta mill-Bord tad-Diretturi, li:

1.

ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank huma emendati kif indikat fil-proposta mill-Bord tad-Diretturi u minn issa ‘l quddiem għandhom ikunu kif stipulati fl-Anness għal dan l-Avviż;

2.

ir-Regoli ta’ Proċedura emendati għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-approvazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni;

3.

ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

4.

it-tlett osservaturi li preżentament qegħdin jaqdu dmirijiethom fi ħdan il-Kumitat tal-Verifika għandhom jinħatru bħala membri ta’ dak il-Kumitat għal terminu ta’ kariga ta’ tliet snin aktar mit-terminu tal-kariga li bħalissa fadlilhom bħala osservaturi.

5.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-Bord tal-Gvernaturi

Iċ-Chairman

I. ŠIMONYTĖ

Is-Segretarju

A. QUEREJETA


ANNESS

Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif approvati fl-4 ta’ Diċembru 1958 u emendati fil-15 ta’ Jannar 1973, id-9 ta’ Jannar 1981, il-15 ta’ Frar 1986, is-6 ta’ April 1995, id-19 ta’ Ġunju 1995, id-9 ta’ Ġunju 1997, il-5 ta’ Ġunju 2000, is-7 ta’ Marzu 2002, l-1 ta’ Mejju 2004 u t-12 ta’ Mejju 2010 mill-Bord tal-Gvernaturi

KAPITOLU I

SENA FINANZJARJA

Artikolu 1

Is-sena finanzjarja tal-Bank għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru kull sena.

KAPITOLU II

BORD TAL-GVERNATURI

Artikolu 2

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiltaqa’ meta tissejjaħ laqgħa miċ-Chairman tiegħu fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu. Il-President tal-Bank jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Bord tad-Diretturi, jitlob liċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi biex isejjaħ laqgħa tal-Bord.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jagħmel Laqgħa Annwali, bil-għan li jiġu eżaminati r-rapport annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji (li jikkonsistu fil-karta tal-bilanċ, il-kont tal-qligħ u t-telf, id-dikjarazzjoni tas-Sezzjoni Speċjali, in-noti għall-kontijiet annwali, inkluża l-verżjoni kkonsolidata tagħhom, u kwalunkwe dikjarazzjoni oħra li tista’ titqies li hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-pożizzjoni jew tar-riżultati finanzjarji tal-Bank).

3.   Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija jistgħu jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Kumitat ta’ Verifika għandhom jattendu l-Laqgħa Annwali tal-Bord tal-Gvernaturi dwar l-evalwazzjoni tar-rapport annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 3

1.   Avviż tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jinħareġ mhux inqas minn tletin jum qabel id-data ffissata għal kull laqgħa.

2.   Il-membri tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jkollhom l-aġenda u d-dokumenti relatati mhux inqas minn għoxrin jum qabel il-laqgħa.

3.   Kull Gvernatur jista’ jitlob l-inklużjoni ta’ punti fuq l-aġenda għal laqgħa tal-Bord, kemm-il darba jibgħat it-talba tiegħu bil-miktub liċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi mhux inqas minn ħmistax-il jum qabel il-laqgħa.

4.   It-termini ta’ skadenza stabbiliti fil-paragrafi preċedenti jistgħu jiġu rrinunzjati, jekk il-membri kollha tal-Bord jaqblu jew, f’każ ta’ emerġenza, miċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi fuq talba tal-President tal-Bank.

Artikolu 4

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Gvernaturi għandhom jittieħdu b’mod konformi mal-Artikolu 8 tal-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (l-“Istatut”).

Artikolu 5

1.   Iċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi u ċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi jistgħu jpoġġu deċiżjonijiet għall-vot permezz ta’ korrispondenza bil-miktub jew elettronika.

Id-deċiżjonijiet għandhom jitqiesu li ġew adottati malli s-segretarjat tal-Bord tal-Gvernaturi jkun irċieva numru suffiċjenti ta’ voti favur.

2.   Il-votazzjoni permezz ta’ korrispondenza bil-miktub jew elettronika, fejn xieraq bi proċedura taċita, għandha tkun il-proċedura li tintuża normalment għall-ħatra ta’ membri tal-Bord tad-Diretturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Kumitat ta’ Verifika.

3.   Ħlief f’oqsma fejn hija meħtieġa unanimità jew maġġoranza kkwalifikata, il-Bord tal-Gvernaturi jista’, fuq proposta f’dan is-sens mill-Bord tad-Diretturi, jadotta deċiżjonijiet bi proċedura taċita. Deċiżjoni bi proċedura taċita għandha titqies li ġiet adottata fi żmien sitt ġimgħat minn meta tkun intbagħtet in-notifika tagħha, ħlief jekk nofs il-membri tal-Bord jew numru ta’ membri li jirrappreżentaw aktar minn nofs il-kapital sottoskritt ikunu indikaw li ma jaqblux.

Kull Gvernatur jista’ jitlob li l-proċedura taċita tiġi interrotta.

Artikolu 6

Kull Gvernatur jista’ jirċievi awtorizzazzjoni bil-miktub mingħand mhux aktar minn wieħed mill-kollegi tiegħu biex jaġixxi bħala l-prokuratur tiegħu f’laqgħa tal-Bord tal-Gvernaturi u biex jivvota minfloku.

Artikolu 7

1.   Il-kariga ta’ Chairman għandha tkun okkupata minn kull membru tal-Bord b’rotazzjoni skont l-ordni tal-protokoll tal-Istati Membri stabbilita mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.   It-terminu tal-kariga ta’ membru tal-Bord bħala Chairman għandu jibda fil-jum wara l-Laqgħa Annwali li tapprova r-rapport annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji għas-sena finanzjarja preċedenti. Għandu jiskadi fit-tmiem tal-Laqgħa Annwali ta’ wara.

Artikolu 8

Għandhom jinżammu minuti tal-proċedimenti tal-Bord tal-Gvernaturi. Dawn għandhom jiġu ffirmati miċ-Chairman u mis-Segretarju.

Artikolu 9

Kull membru tal-Bord tal-Gvernaturi għandu jkun intitolat li juża waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa jista’ jitlob li kwalunkwe dokument għall-konsiderazzjoni tal-Bord jinkiteb bil-lingwa li jagħżel hu.

Artikolu 10

Il-korrispondenza għall-Bord tal-Gvernaturi għandha tiġi indirizzata lis-Segretarjat tal-Bord tal-Gvernaturi fis-sede tal-Bank.

KAPITOLU III

BORD TAD-DIRETTURI

Artikolu 11

1.   Il-Bord tad-Diretturi għandu jiltaqa’ mhux inqas minn sitt darbiet fis-sena u għandu jiddeċiedi, f’kull okkażjoni, id-data tal-laqgħa tiegħu li jmiss.

2.   Iċ-Chairman għandu jsejjaħ laqgħa tal-Bord tad-Diretturi qabel id-data skedata, jekk terz tal-membri li għandhom il-vot jitolbu hekk jew jekk iċ-Chairman jidhirlu li dan ikun meħtieġ.

3.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar ir-Remunerazzjoni tal-Persunal fi ħdan il-Bord tad-Diretturi, bħala parti mir-responsabbiltajiet tiegħu u b’mod konformi mal-Artikolu 18 ta’ dawn ir-Regoli, u għandu jiġi inkarigat bi kwistjonijiet identifikati bil-quddiem, sabiex jagħti opinjonijiet mhux vinkolanti lill-Bord tad-Diretturi biex jiffaċilita l-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Bħala parti mir-responsabbiltajiet tiegħu u b’mod konformi mal-Artikolu 18 ta’ dawn ir-Regoli, il-Bord tad-Diretturi jista’ jiddeċiedi li joħloq Kumitat għall-Politika tar-Riskju u Kumitat għall-Politika tal-Parteċipazzjoni fl-Ishma Azzjonarji, li l-membri tagħhom għandhom ikunu maħtura u r-regoli ta’ proċedura tagħhom għandhom jiġu adottati malli jiġu kkostitwiti. Dawn il-Kumitati għandhom jagħtu opinjonijiet mhux vinkolanti lill-Bord tad-Diretturi sabiex jiffaċilitaw il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Il-Kumitati msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu komposti minn uħud mid-diretturi jew mis-supplenti tagħhom.

Il-President għandu jippresjedi u s-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi servizzi segretarjali għall-Kumitati msemmija hawn fuq.

4.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat tal-Etika u l-Konformità fi ħdan il-Bord tad-Diretturi, kompost mit-tliet diretturi li jkun ilhom l-aktar fil-kariga u li jivvolontarjaw biex jipparteċipaw fih, flimkien maċ-Chairman tal-Kumitat ta’ Verifika. Il-Kumitat għandu jkun ippresedut mid-direttur li jkun ilu l-aktar fil-kariga. Il-Kumitat tal-Etika u l-Konformità għandu jieħu deċiżjonijiet dwar kull konflitt ta’ interess potenzjali ta’ membru jew ex membru tal-Bord tad-Diretturi jew tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Għandu japplika d-dispożizzjonijiet legali dwar l-inkumpatibbiltà mad-dmirijiet adottati mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-Kumitat għandu jinforma lill-Bord tad-Diretturi u lill-Bord tal-Gvernaturi bid-deċiżjonijiet adottati.

Il-Kap Uffiċjal tal-Konformità għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat mingħajr id-dritt tal-vot.

Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta r-regoli dwar l-operat tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformità.

Artikolu 12

1.   Avviż tal-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi flimkien mad-dettalji tal-Aġenda għandu, normalment, jinħareġ mhux inqas minn ħmistax-il jum qabel id-data ffissata għal kull laqgħa.

2.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti mhux inqas minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel il-laqgħa. Il-Bank jista’ juża mezzi elettroniċi.

3.   Kull membru tal-Bord tad-Diretturi jista’ jeħtieġ l-inklużjoni ta’ punti fuq l-aġenda għal laqgħa tal-Bord, kemm-il darba jibgħat it-talba tiegħu bil-miktub liċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi mhux inqas minn ħamest ijiem qabel il-laqgħa.

4.   F’każijiet ta’ emerġenza, iċ-Chairman jista’ jsejjaħ laqgħa tal-Bord immedjatament. Id-deċiżjonijiet jistgħu wkoll jitpoġġew għall-vot b’korrispondenza bil-miktub jew elettronika. Iċ-Chairman jista’ juża wkoll il-proċedura taċita skont it-termini stabbiliti mill-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 13

Kull membru tal-Bord tad-Diretturi għandu jkun intitolat li juża waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa jista’ jitlob li kwalunkwe dokument għall-konsiderazzjoni tal-Bord jinkiteb bil-lingwa li jagħżel hu.

Artikolu 14

1.   Is-supplenti jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi. Is-supplenti nnominati minn Stat, jew bi ftehim komuni ta’ bosta Stati, jew mill-Kummissjoni, jistgħu jissotitwixxu lid-diretturi nnominati minn dak l-Istat, minn wieħed minn dawk l-Istati jew mill-Kummissjoni rispettivament. Is-supplenti m’għandhomx dritt tal-vot, ħlief meta jissostitwixxu direttur wieħed jew aktar jew meta jkunu ġew iddelegati biex jagħmlu dan b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Meta l-Artikolu 9(2) tal-Istatut jipprovdi li Stat jista’ jinnomina direttur wieħed u żewġ supplenti, id-direttur għandu jindika liema supplent, f’ordni ta’ projorità, għandu jirrappreżentah meta ma jkunx jista’ jattendi, u fin-nuqqas għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fil-paragrafu segwenti.

3.   Meta l-Artikolu 9(2) tal-Istatut jipprovdi li bosta Stati Membri għandhom jinnominaw direttur wieħed u jinnominaw konġuntament diversi supplenti, is-supplent imsejjaħ biex iwettaq id-dmirijiet ta’ direttur meta dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jattendi għandu jiġi stabbilit, fin-nuqqas ta’ delega espressa, skont l-ordni li ġejja:

(a)

is-supplent speċifikat fil-mument tan-nomina jew ħatra tas-supplenti;

(b)

is-supplent li jkun ilu l-aktar fil-kariga;

(c)

l-aktar supplent anzjan f’termini ta’ età.

4.   Jekk direttur jieqaf iwettaq id-dmirijiet tiegħu jew imut, huwa għandu jiġi ssostitwit minn supplent magħżul skont ir-regoli pprovduti fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu preċedenti sakemm jinħatar direttur ġdid mill-Bord tal-Gvernaturi.

5.   Meta direttur li ma jkunx jista’ jattendi, ma jkunx jista’ jsib supplent biex jirrappreżentah, huwa jista’ jiddelega l-vot tiegħu bil-miktub lil membru ieħor tal-Bord tad-Diretturi.

6.   Ebda membru tal-Bord tad-Diretturi ma jista’ jkollu aktar minn żewġ voti.

Artikolu 15

1.   Il-kworum ipprovdut fl-Artikolu 10(2) tal-Istatut għandu jkun tmintax-il membru preżenti li għandhom il-vot.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi għandhom jittieħdu b’mod konformi mal-Artikolu 10(2) tal-Istatut.

3.   L-unanimità stipulata fl-Artikolu 19(5) u (6) tal-Istatut tfisser in-numru totali ta’ voti favur mitfugħa mill-membri li għandhom il-vot u li jkunu preżenti u rappreżentati.

Artikolu 16

1.   B’mod konformi mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Istatut, il-Bord tad-Diretturi għandu jaħtar b’co-option sitt esperti mingħajr dritt ta’ vot: tlieta bħala membri sħaħ u tlieta bħala supplenti.

2.   Il-President għandu jipproponi lill-Bord tad-Diretturi l-kandidati li huma membri sħaħ u l-kandidati supplenti, għal perjodu li jiskadi fit-tmiem tal-kariga tad-direttur.

3.   Dawn il-kandidati għandhom jintagħżlu minn fost persuni li jkollhom kwalifika u esperjenza bi provi f’qasam relatat mal-attivitajiet tal-Bank.

4.   Il-Bord tad-Diretturi għandu japprova l-proposta tal-President b’mod konformi mal-proċedura pprovduta fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2) tal-Istatut.

5.   L-esperti maħtura b’co-option għandhom igawdu l-istess drittijiet tal-membri mingħajr vot tal-Bord tad-Diretturi u għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi.

Artikolu 17

Għandhom jinżammu minuti tal-proċedimenti tal-Bord tad-Diretturi. Dawn għandhom jiġu ffirmati miċ-Chairman tal-laqgħa u miċ-Chairman li jippresjedi l-laqgħa li matulha jiġu approvati kif ukoll mis-Segretarju tal-laqgħa.

Artikolu 18

1.   Skont l-Artikolu 9 (1) tal-Istatut, il-Bord tad-Diretturi għandu jeżerċita dawn is-setgħat:

għandu jistabbilixxi, fuq proposta mill-Kumitat ta’ Tmexxija, it-termini u l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-qafas ġenerali għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament, garanzija u teħid ta’ self tal-Bank, b’mod partikolari billi japprova l-kriterji għall-iffissar tar-rati tal-imgħax, kummissjonijiet u ħlasijiet oħrajn;

għandu jadotta, fuq proposta mill-Kumitat ta’ Tmexxija, id-deċiżjonijiet ta’ politika dwar it-tmexxija tal-Bank;

għandu jiżgura l-konsistenza tal-politiki u l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI;

għandu japprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u garanzija proposti mill-Kumitat ta’ Tmexxija;

għandu jawtorizza lill-Kumitat ta’ Tmexxija biex iwettaq operazzjonijiet ta’ teħid ta’ self u attivitajiet assoċjati ta’ teżor u derivattivi taħt programm globali li għandu jistabbilixxi;

għandu jissorvelja l-ekwilibriju finanzjarju tal-Bank u l-kontroll tar-riskju;

għandu jiddeċiedi dwar id-dokumenti ewlenin tat-tmexxija tal-Bank ippreżentati mill-Kumitat ta’ Tmexxija – b’mod partikolari l-Pjan Korporattiv tal-Operat, il-baġit annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, inkluża l-verżjoni kkonsolidata tagħhom - u, fejn xieraq, dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

għandu jeżamina l-proposti kollha tal-Kumitat ta’ Tmexxija sottomessi lill-Bord tal-Gvernaturi;

għandu jadotta d-dispożizzjonijiet speċjali tal-Bank dwar aċċess għad-dokumenti;

għandu jiddetermina d-dispożizzjonijiet applikati għal esperti maħtura b’co-option;

għandu jadotta, wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat ta’ Verifika, il-prinċipji ta’ kontabilità applikati għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Bank.

2.   B’mod ġenerali, għandu jiżgura li l-Bank huwa mmexxi sew b’mod konformi mat-Trattat, l-Istatut, id-direttivi stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi u t-testi l-oħrajn li jirregolaw l-attività tal-Bank fit-twettiq tal-kompitu tiegħu taħt it-Trattat. Fit-twettiq tal-poteri tiegħu, il-Bord tad-Diretturi jista’ jitlob lill-Kumitat ta’ Tmexxija biex jieħu l-inizjattiva u jissottometti proposti.

3.   Huwa jista’, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni meħuda b’maġġoranza kkwalifikata, jiddelega wħud mill-funzjonijiet tiegħu lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Għandu jiddetermina t-termini u l-kundizzjonijiet għal tali delegazzjoni u għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħha.

4.   Għandu jeżerċita l-poteri l-oħrajn kollha pprovduti fl-Istatut u għandu jagħti lill-Kumitat ta’ Tmexxija, fir-regoli u d-deċiżjonijiet li jadotta, il-poteri implimentattivi korrispondenti, waqt li huwa mifhum li l-Kumitat ta’ Tmexxija għandu, b’mod konformi mal-Artikolu 11(3) tal-Istatut, ikun responsabbli għan-negozju attwali tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-sorveljanza tal-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 19

1.   Il-membri tal-Bord tad-Diretturi għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tagħhom meta jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi.

2.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddetermina l-ammont tal-benefiċċju għall-attendenza għal diretturi u supplenti.

KAPITOLU IV

KUMITAT TA’ TMEXXIJA

Artikolu 20

1.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun ir-rappreżentant permanenti u l-korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Bank, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Istatut.

2.   Għandu jiltaqa’ kif u meta meħtieġ min-negozju tal-Bank.

Artikolu 21

1.   Ta’ mill-inqas ħames membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom ikunu preżenti sabiex id-deċiżjonijiet meħuda u l-opinjonijiet mogħtija minnu jkunu validi.

2.   Il-President għandu jippresjedi l-laqgħat tal-Bord tad-Diretturi, il-kumitat stabbilit b’mod konformi mal-Artikolu 11(3) ta’ dawn ir-Regoli u l-Kumitat ta’ Tmexxija. Jekk il-President ma jkunx jista’ jattendi, ikun ma jiflaħx jew ikollu konflitt ta’ interess, il-Viċi President li jkun ilu l-aktar fil-kariga għandu jissostitwih. Meta żewġ Viċi Presidenti jew aktar ikun ilhom fil-kariga għall-istess tul ta’ żmien, il-Viċi President li jkun l-aktar anzjan f’termini ta’ età għandu jissotitwixxi lill-President.

3.   Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa mill-membri preżenti. Kull membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkollu vot wieħed. F’każ ta’ pareġġ fil-votazzjoni mill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jiddelega l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ tmexxija jew amministrattivi lill-President jew lil wieħed jew aktar mill-Viċi Presidenti, soġġett għar-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni ta’ delegazzjoni. Kull deċiżjoni adottata b’dan il-mod għandha tiġi nnotifikata lill-Kumitat minnufih.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jiddelega l-adozzjoni ta’ miżuri oħrajn konġuntament lill-President u lil wieħed jew aktar mill-Viċi Presidenti, soġġett għar-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni ta’ delegazzjoni, jekk ma jkunx possibbli, minħabba ċ-ċirkustanzi, li tittieħed deċiżjoni matul il-laqgħa. Kull deċiżjoni adottata b’dan il-mod għandha tiġi nnotifikata lill-Kumitat minnufih.

5.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jivvota dwar u jadotta deċiżjonijiet permezz ta’ korrispondenza bil-miktub jew elettronika. Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ juża wkoll il-proċedura taċita u, f’każijiet eċċezzjonali, jirrikorri għal telekonferenzi skont termini li jistabbilixxi huwa stess.

Artikolu 22

Il-proċedimenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jinġabru fil-qosor mis-Segretarju f’minuti ffirmati mill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija preżenti għal-laqgħa.

Artikolu 23

1.   B’mod konformi mal-Artikolu 11(3) u (7) tal-Istatut, il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun kompetenti biex jadotta u jimplimenta r-regoli amministrattivi dwar l-organizzazzjoni u l-operat tad-dipartimenti tal-Bank, inkluż fir-rigward tal-ġestjoni tal-persunal, ir-Regoli tal-Persunal u d-drittijiet u l-obbligi korrispondenti, mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti tal-Persunal. Għandu jinforma lill-Bord tad-Diretturi dwar dan.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkollu wkoll il-kompetenza, taħt l-istess termini u kundizzjonijiet, biex jikkonkludi kull ftehim mal-persunal tal-Bank.

3.   Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet preċedenti, il-President għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet individwali kollha tal-persunal, jilħaq kompromessi, jirrikonċilja differenzi, jikkonkludi ftehimiet u, b’mod ġenerali, jagħmel dak kollu li huwa utli u neċessarju fl-interess tal-Bank, b’mod konformi mal-Artikolu 11(7) tal-Istatut.

KAPITOLU V

KUMITAT TAL-VERIFIKA

Artikolu 24

1.   Skont l-Artikolu 12 tal-Istatut, il-Kumitat tal-Verifika (iktar ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) għandu jivverifika annwalment li l-operazzjonijiet tal-bank saru u l-kotba tiegħu nżammu kif suppost.

2.   Huwa għandu jkun responsabbli biex jivverifika l-kontijiet tal-Bank.

3.   Għandu jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jikkonformaw mal-aħjar prattika bankarja applikabbli għalih.

Artikolu 25

1.   Il-Kumitat għandu jagħmel laqgħa ta’ mill-inqas darba fis-sena mal-Kumitat ta’ Tmexxija sabiex jiddiskuti r-riżultati tal-ħidma tiegħu matul is-sena finanzjarja preċedenti kif ukoll il-programm ta’ ħidma tiegħu għas-sena finanzjarja attwali.

2.   Fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja u sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel il-Laqgħa Annwali tal-Bord tal-Gvernaturi li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 2(2) ta’ dawn ir-Regoli, il-Kumitat għandu jirċievi l-abbozz tar-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi, li jkun fih l-abbozz tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

3.   Fi żmien tliet ġimgħat minn meta jirċievi dawn il-kummenti, il-Kumitat, wara li jkun wettaq il-kompiti meqjusa li huma meħtieġa, wara li jkun ingħata assigurazzjoni mill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern, ta’ ġestjoni tar-riskju u tal-amministrazzjoni interna, għandu jibgħat dikjarazzjoni lill-President tal-Bank li tikkonferma li, sa fejn jaf hu u fl-aħjar ġudizzju tiegħu:

l-attivitajiet tal-Bank huma mmexxija kif suppost, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju u l-monitoraġġ;

il-Kumitat ivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank ġew immexxija u l-kotba tiegħu nżammu kif suppost u li, għal dan il-għan, huwa vverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank twettqu b’mod konformi mal-formalitajiet u l-proċeduri stipulati fl-Istatut u fir-Regoli tal-Proċedura;

il-Kumitat jikkonferma li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni finanzjarja oħra li tinsab fil-kontijiet annwali mħejjija mill-Bord tad-Diretturi, jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank fir-rigward tal-assi u r-responsabbiltajiet tiegħu, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi ta’ flus tiegħu għas-sena finanzjarja eżaminata. Għandu jipprovdi l-istess konferma fir-rigward tal-verżjoni kkonsolidata tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

4.   Jekk il-Kumitat ikun tal-fehma li mhuwiex f’pożizzjoni li jikkonferma dak li ntqal hawn fuq, għandu jipprovdi dikjarazzjoni bi spjegazzjoni mmotivata lill-President tal-Bank fl-istess limitu ta’ żmien.

5.   Id-dikjarazzjoni tal-Kumitat għandha tiġi kkomunikata lill-Bord tal-Gvernaturi bħala anness għar-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi.

6.   Il-Kumitat għandu jibgħat rapport dettaljat lill-Bord tal-Gvernaturi dwar ir-riżultati tal-ħidma tiegħu matul is-sena finanzjarja preċedenti, inkluża verifika li l-attivitajiet tal-Bank jikkonformaw mal-aħjar prattika bankarja applikabbli għaliha, u kopja tagħha għandha tintbagħat lill-membri tal-Bord tad-Diretturi u lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Ir-rapport tal-Kumitat għandu jintbagħat lill-Bord tal-Gvernaturi flimkien mar-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi.

Artikolu 26

1.   Il-Kumitat għandu jkollu aċċess għall-kotba u l-kupuni kollha tal-Bank u jista’ jitlob li jara kwalunkwe document ieħor li jidhirlu li jkun meħtieġ sabiex jeżamina l-qadi ta’ dmirijietu. Id-dipartimenti tal-Bank għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe għajnuna.

2.   Il-Kumitat għandu jirrikorri wkoll għand awdituri esterni li huwa għandu jinnomina wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Tmexxija, u li lilhom jista’ jiddelega xogħol ta’ kuljum dwar il-verifika tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Bank. Għal dan il-għan, huwa għandu jirrevedi kull sena n-natura u l-ambitu tal-verifika esterna proposta u l-proċeduri ta’ verifika li għandhom jintużaw. Għandu jivverifika wkoll ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ tali verifika, inklużi kwalunkwe kummenti jew rakkomandazzjonijiet. L-ittra ta’ ingaġġ tal-awdituri esterni għandha tiġi fformulata minnufih mill-Bank b’mod konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kumitat.

3.   Il-Kumitat għandu jirrevedi wkoll kull sena l-programm ta’ ħidma, l-ambitu u r-riżultati tal-verifika interna tal-Bank.

4.   Għandu jiżgura li jkun hemm koordinazzjoni adegwata bejn l-awdituri interni u esterni. Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat jista’ jikkonsulta esperti oħrajn.

5.   Il-proċeduri tal-Kumitat għandhom ikunu validi biss jekk il-maġġoranza tal-membri tiegħu jkunu preżenti. Minbarra d-dikjarazzjoni u r-rapport imsemmija fl-Artikolu 25 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, li jistgħu jiġu adottati biss b’mod unanimu, id-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat għandhom jeħtieġu l-kunsens tal-maġġoranza tal-membri tiegħu. F’każ ta’ pareġġ fil-votazzjoni tal-membri tal-Kumitat, iċ-Chairman għandu jkollu l-vot deċiżiv.

6.   Iċ-Chairman tal-Kumitat jista’ jpoġġi deċiżjonijiet għall-vot permezz ta’ korrispondenza bil-miktub jew elettronika.

7.   Il-Kumitat innifsu għandu jiddetermina r-regoli operattivi l-oħrajn kollha.

8.   Il-Membri tal-Kumitat m’għandhom jiżvelaw ebda informazzjoni jew dejta li jsiru jafu biha matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom lil persuni jew korpi barra l-Bank. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll għall-awdituri esterni magħżula mill-Kumitat b’mod konformi mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 27

1.   Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġu maħtura mill-Bord tal-Gvernaturi. Il-ħatra tagħhom għandha tkun għal sitt snin finanzjarji konsekuttivi u m’għandhiex tiġġedded. Wieħed mill-membri tal-Kumitat għandu jinbidel kull sena.

2.   Il-membri għandhom jintagħżlu minn fost persuni li għandhom l-indipendenza, il-kompetenza u l-integrità meħtieġa. Il-membri għandu jkollhom ħila esperta fil-qasam finanzjarju, tal-verifika u tas-sorveljanza bankarja fis-settur privat jew pubbliku, u bejniethom għandhom ikopru l-firxa sħiħa ta’ ħila esperta.

3.   It-termini tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandhom jiskadu fil-jum meta l-Bord tal-Gvernaturi japprova r-rapport annwali, il-karta tal-bilanċ u l-kont tal-qligħ u t-telf. Il-ħatra ta’ membri ġodda għandha tibda fil-jum ta’ wara.

4.   Il-Bord tal-Gvernaturi, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jista’ jġiegħel lil membru tal-Kumitat jirtira, jekk jidhirlu li m’għadux kapaċi jaqdi dmirijietu.

5.   Il-kariga ta’ Chairman tal-Kumitat għandha tkun okkupata għal sena b’rotazzjoni mill-membru li l-ħatra tiegħu tkun ser tintemm fil-jum meta l-Bord tal-Gvernaturi japprova r-rapport annwali u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Bank.

6.   Il-Bord tal-Gvernaturi, fuq proposta konġunta mill-President tal-Bank u miċ-Chairman tal-Kumitat ta’ Verifika, jista’ jaħtar massimu ta’ tlett osservaturi għal terminu ta’ sitt snin li ma jistax jiġġedded. Huma għandhom jiġu maħtura fuq il-bażi tal-kwalifiki partikolari tagħhom, b’mod speċjali fir-rigward tas-sorveljanza bankarja. Huma għandhom jassistu lill-Kumitat fit-twettiq tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tiegħu. Il-membri sħaħ tal-Kumitat jistgħu jafdaw lill-osservaturi b’ċerti kompiti speċifiċi, b’mod partikolari studji fi tħejjija għal-laqgħat tal-Kumitat.

Artikolu 28

F’każ li titbattal xi kariga b’riżultat ta’ mewt, riżenja volontarja, irtirar obbligatorju jew xi raġuni oħra, il-Bord tal-Gvernaturi għandu, fi żmien tliet xhur, jaħtar sostitut għall-perjodu li jkun fadal tat-terminu tal-kariga.

Artikolu 29

Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiddetermina l-emolumenti tal-membri tal-Kumitat u bl-istess mod tal-osservaturi. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għixien li huma jonfqu fil-qadi ta’ dmirijiethom għandhom jiġu rrimborżati taħt il-kundizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-Bord tad-Diretturi.

KAPITOLU VI

SEGRETARJAT

Artikolu 30

Is-Segretarju Ġenerali tal-Bank għandu jipprovdi servizzi ta’ segretarjat għall-Bord tal-Gvernaturi, il-Bord tad-Diretturi, il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kumitat ta’ Verifika. Huwa għandu jipprovdi wkoll servizzi segretarjali għall-kumitati stabbiliti fi ħdan il-Bord tad-Diretturi u għall-entitajiet maħluqa fil-kuntest ta’ mandat tal-Unjoni Ewropea jew ta’ korpi oħrajn, fejn jiġi pprovdut li l-Bank għandu jipprovdi tali servizzi.

KAPITOLU VII

PERSUNAL TAL-BANK

Artikolu 31

Il-Bord tad-Diretturi għandu jippreskrivi r-regolamenti dwar il-persunal tal-Bank. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jadotta l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti b’mod konformi mal-Artikolu 23 ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 32

1.   Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jiżgura li d-drittijiet tal-membri tal-persunal tal-Bank huma salvagwardati f’każ ta’ likwidazzjoni tal-Bank.

2.   F’każ ta’ emerġenza l-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jieħu fil-pront il-miżuri li jidhirlu huma meħtieġa, iżda għandu jirrapporta minnufih dwarhom lill-Bord tad-Diretturi.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 33

1.   Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, u l-emendi għalihom, għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-approvazzjoni tagħhom.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura b’ebda mod m’għandhom jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istatut.


Top