Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2009:066:FULL

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 66, 11 ta' Marzu 2009


    Display all documents published in this Official Journal
     

    ISSN 1725-5104

    Il-Ġurnal Uffiċjali

    tal-Unjoni Ewropea

    L 66

    European flag  

    Edizzjoni bil-Malti

    Leġiżlazzjoni

    Volum 52
    11 ta' Marzu 2009


    Werrej

     

    I   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

    Paġna

     

     

    REGOLAMENTI

     

     

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 187/2009 tal-10 ta’ Marzu 2009 li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

    1

     

     

    II   Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

     

     

    DEĊIŻJONIJIET

     

     

    Il-Kummissjoni

     

     

    2009/179/KE

     

    *

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 9/07 (ex N 608/06) lill-Industria de Turbo Propulsores, li Spanja bi ħsiebha timplimenta (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6011)  ( 1 )

    3

     


     

    (1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

    MT

    L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

    It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


    I Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

    REGOLAMENTI

    11.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 66/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 187/2009

    tal-10 ta’ Marzu 2009

    li jistabbilixxi l-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1),

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2001/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 138(1) tiegħu,

    Billi:

    Fl-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-Regolament (KE) Nru 1580/2007 jistipula l-kriterji għall-istabbiliment mill-Kummissjoni tal-valuri fissi tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi msemmijin fl-Anness XV, it-Taqsima A tar-Regolament imsemmi,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-valuri fissi ta' l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1580/2007 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-11 ta’ Marzu 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Marzu 2009.

    Għall-Kummissjoni

    Jean-Luc DEMARTY

    Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 350, 31.12.2007, p. 1.


    ANNESS

    il-valuri fissi tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħaxix

    (EUR/100 kg)

    Kodiċi NM

    Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

    Valur fiss ta' l-importazzjoni

    0702 00 00

    JO

    82,9

    MA

    72,0

    TN

    134,4

    TR

    122,4

    ZZ

    102,9

    0707 00 05

    EG

    147,3

    JO

    166,9

    MA

    93,4

    MK

    133,4

    TR

    175,2

    ZZ

    143,2

    0709 90 70

    JO

    249,0

    MA

    57,6

    TR

    144,3

    ZZ

    150,3

    0709 90 80

    EG

    96,9

    ZZ

    96,9

    0805 10 20

    EG

    43,4

    IL

    61,4

    MA

    47,9

    TN

    48,4

    TR

    69,0

    ZZ

    54,0

    0805 50 10

    EG

    51,3

    MA

    61,0

    TR

    62,3

    ZZ

    58,2

    0808 10 80

    AR

    105,3

    CA

    86,3

    CL

    101,1

    CN

    86,2

    MK

    22,7

    US

    119,7

    ZZ

    86,9

    0808 20 50

    AR

    81,3

    CL

    90,7

    CN

    69,1

    US

    105,7

    ZA

    94,0

    ZZ

    88,2


    (1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “oriġini oħra”.


    II Atti adottati skont it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom mhijiex obbligatorja

    DEĊIŻJONIJIET

    Il-Kummissjoni

    11.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 66/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta’ Ottubru 2008

    dwar l-Għajnuna mill-Istat C 9/07 (ex N 608/06) lill-Industria de Turbo Propulsores, li Spanja bi ħsiebha timplimenta

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6011)

    (Il-verżjoni Spanjola biss hija awtentika)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2009/179/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

    Wara li kkunsidrat dawk l-osservazzjonijiet,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ittra ddatata l-11 ta’ Settembru 2006, Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżura marbuta ma’ għajnuna mill-Istat li bi ħsiebha timplimenta lill-Industria de Turbo Propulsores.

    (2)

    Permezz ta’ ittra ddatata l-21 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lil Spanja d-deċiżjoni tagħha li tniedi proċedimenti msejsa fuq l-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE dwar il-miżura msemmija hawn fuq.

    (3)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi dawn il-proċedimenti ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-miżura.

    (4)

    L-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fl-4 ta’ Ġunju 2007.

    (5)

    Permezz ta’ ittra ddatata t-13 ta’ Ġunju 2007, il-benefiċjarju tal-għajnuna, l-Industria de Turbo Propulsores (minn hawn ‘il quddiem “ITP”), issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu.

    (6)

    Permezz ta’ ittra ddatata t-13 ta’ Ġunju 2007, ir-Rolls-Royce (minn hawn ‘il quddiem “RR”), li fid-deċiżjoni biex jitniedu l-proċedimenti kienet ġiet indikata bħala benefiċjarju potenzjali ta’ għajnuna indiretta, issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha.

    (7)

    Permezz ta’ ittra ddatata d-19 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ressqet dawn l-osservazzjonijiet lil Spanja, li, min-naħa tagħha pprovdiet il-kummenti tagħha fit-12 ta’ Lulju 2007.

    (8)

    Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati fil-każ permezz ta’ ittri ddatati d-19 ta’ Diċembru 2007, lil Spanja, lill-ITP u lir-RR rispettivament.

    (9)

    L-ITP wieġbet b’ittra ddatata l-25 ta’ Frar 2008.

    (10)

    L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu b’ittra ddatata d-29 ta’ Frar 2008.

    (11)

    Ir-RR wieġbet b’ittra ddatata l-5 ta’ Marzu 2008.

    (12)

    Fit-12 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni bagħtet lil Spanja l-informazzjoni li waslitilha mingħand l-ITP u r-RR. L-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-informazzjoni fid-9 ta’ April 2008.

    (13)

    Permezz ta’ ittra ddatata s-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand Spanja.

    (14)

    L-Awtoritajiet Spanjoli l-ewwel wieġbu b’ittra ddatata s-17 ta’ Lulju 2008. Wara mbagħad Spanja ssottometiet verżjoni riveduta ta’ din l-ittra fis-7 ta’ Awwissu 2008.

    (15)

    Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra ddatata t-18 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew kalkolu finali tal-ammont tal-għajnuna, flimkien ma’ skedi riveduti ta’ pagamenti u ħlasijiet lura.

    2.   GĦAN TAL-MIŻURA

    (16)

    Hija x-xewqa tal-awtoritajiet Spanjoli li jagħtu għajnuna lill-ITP għall-parteċipazzjoni tagħha fil-magna Trent 1000, li ġiet żviluppata mir-RR għall-ajruplan Boeing B 787. Il-proġett kien beda fl-2005 u se jintemm fl-2009.

    (17)

    Il-benefiċjarja tal-għajnuna - l-ITP - hija impriża li timmanifattura l-magni ajrunawtiċi u li s-sede prinċipali tagħha tinsab fi Spanja - f’żona megħjuna fit-Territorju Bask. Faċilitajiet oħra tal-impriża madwar Madrid jinsabu wkoll f’żona megħjuna (l-Artikolu 87.3 c tat-Trattat tal-KE).

    (18)

    L-ITP hija impriża kbira: fl-2006, il-bejgħ totali tagħha ammonta għal madwar EUR 439 miljun. L-għadd ta’ impjegati li jaħdmu mal-ITP u s-sussidjarji tagħha jammonta għal madwar 2 400 persuna. L-ishma tagħha huma miżmuma minn Sener Aeronáutica (53,125 %) u mir-Rolls-Royce (46,875 %).

    (19)

    L-ITP timmanifattura l-magni għas-settur ajruspazjali. L-attivitajiet tagħha jiffukaw fuq l-inġinerija, ir-riċerka u l-iżvilupp (l-R&D), il-manifattura, l-immuntar u l-ittestjar tal-magni ajrunawtiċi u tat-turbini tal-gass. L-impriża, li twaqqfet fl-1991, ipparteċipat fl-iżvilupp ta’ magni oħrajn, fis-settur militari, bħal fil-każ tal-EJ200 għall-Eurofighter Typhoon, u fis-settur ċivili, bħal fil-każ tat-Trent 500 u t-Trent 900. Kienet ingħatat għajnuna għal dawn l-aħħar żewġ programmi (3).

    (20)

    Il-miżura nnotifikata tikkonċerna sostenn għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (l-R&D) imwettqa mill-ITP għall-magna Trent 1000. Minbarra t-Trent 1000, l-ajruplan B787 se jkun armat ukoll b’magna oħra, il-GenX, li qed tiġi żviluppata mill-General Electric flimkien ma’ għadd ta’ msieħba.

    (21)

    It-Trent 1000 qed tiġi żviluppata mir-RR u għadd ta’ msieħba fuq bażi ta’ qsim ta’ riskju u profitti (RRSP) li minbarra lill-ITP jinkludu lil dawn l-impriżi li ġejjin: Mitsubishi Heavy Industries, Kawasaki Heavy Industries, Goodrich, Hamilton Sundstrand u Carlton Forge. Il-magna Trent 1000 irċeviet iċ-ċertifikat ta’ ajrunavigabbiltà tagħha fis-7 ta’ Awwissu 2007. Madankollu, id-dħul tagħha fis-servizz ġie pospost minħabba dewmien sostanzjali fl-iżvilupp tal-ajruplan innifsu, meta titqies l-iskadenza prevista fil-bidu.

    (22)

    Fil-proġett Trent 1000, l-ITP tipparteċipa bħala RRSP b’sehem ta’ 11 %. Fit-28 ta’ Settembru 2004 ġie ffirmat Memorandum ta’ Ftehim mar-RR. Il-ftehim finali ta’ qsim ta’ riskju u profitti (RRSA) ġie ffirmat miż-żewġ impriżi fil-15 ta’ Lulju 2005.

    (23)

    L-investiment totali tal-ITP fil-proġett jammonta għal EUR […] (*), imqassam kif ġej: EUR […] għall-ispejjeż tal-R&D; aktar minn EUR […] għal investimenti industrijali għall-produzzjoni tat-turbina; u EUR […] għal spejjeż oħra (IT, ċertifikazzjoni, trasport, eċċ.).

    (24)

    L-ITP hija inkarigata mill-iżvilupp tat-turbina ta’ pressa baxxa għall-magna l-ġdida. L-għanijiet teknoloġiċi ambizzjużi ffissati mir-RR għall-iżvilupp tat-turbina ta’ pressa baxxa huma: tnaqqis ta’ […] % fl-ispejjeż ta’ akkwiżizzjoni; tnaqqis ta’ […] % fit-tul ta’ żmien għad-disinn; tnaqqis ta’ […] % fil-piż; tnaqqis ta’ […] dB.fil-livell tal-ħoss.

    (25)

    Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-attivitajiet tal-R&D mwettqa mill-ITP jridu jħabbtu wiċċhom ma’ diversi sfidi:

    materjali u proċessi ġodda: se jintużaw materjali ġodda għall-ewwel darba għal għadd ta’ komponenti, u għaldaqstant dan se jeżiġi proċessi ġodda;

    teknoloġija mekkanika: l-ITP se tiżviluppa sistema ġdida ta’ ssiġillar, se tisfrutta l-ingastar u se ttejjeb l-istruttura;

    ajrudinamika: disinn ġdid ta’ profili;

    teknoloġija u metodoloġija: it-tul ta’ żmien għall-iżvilupp ta’ din il-magna hu sena iqsar minn dak għall-magni preċedenti; sabiex jinkiseb dan ir-rekwiżit mir-RR, l-ITP se jkollha tintroduċi għodda xierqa għall-kalkoli iterattivi.

    3.   DUBJI MQANQLA FID-DEĊIŻJONI BIEX JINFETĦU L-PROĊEDIMENTI

    (26)

    Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedimenti l-ewwel nett minħabba li ma ddisponietx minn informazzjoni biżżejjed dwar id-deċiżjoni marbuta mal-għajnuna (it-tieni fażi tal-operazzjoni biss kienet ġiet innotifikata minn Spanja). Ukoll wara żewġ talbiet iddettaljati għall-informazzjoni (4), l-informazzjoni fattwali dwar l-għajnuna mogħtija ma kenitx biżżejjed.

    (27)

    It-tieni, il-Kummissjoni qajmet dubji jew ma kellhiex informazzjoni, jew it-tnejn, dwar diversi kwistjonijiet:

    Kellhom jinġiebu provi tad-defiċjenzi tas-suq;

    L-effett ta’ inċentivazzjoni ma kienx ġie ppruvat;

    kienu jeżistu diversi dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet skont il-kategoriji tal-R&D u dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż;

    Kienu jeżistu dubji dwar l-istrument tal-għajnuna u dwar l-intensità tal-għajnuna;

    Kien jeżisti dubju dwar l-applikazzjoni tal-bonus reġjonali;

    Kien jeżisti dubju dwar l-applikazzjoni tal-bonus għal kollaborazzjoni internazzjonali;

    Kienet teżisti l-possibbiltà ta’ għajnuna indiretta għar-RR;

    Kien jeżisti dubju dwar is-suq rilevanti u dwar l-impatt fuq il-kompetizzjoni.

    (28)

    Minħabba l-inċertezzi fattwali u l-għadd ta’ dubji mqajma, id-deċiżjoni għandha qabel xejn tiddefinixxi l-ambitu ta’ applikazzjoni, speċjalment fejn għandu x’jaqsam il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet (u l-approċċ f’żewġ fażijiet adottat mill-awtoritajiet Spanjoli). Sussegwentement, id-deċiżjoni għandha teżamina l-preżenza ta’ għajnuna u tiċċara r-regoli applikati sabiex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-miżura. Imbagħad, id-deċiżjoni għandha tkopri d-dubji kollha mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (29)

    Sabiex jiġu evitati r-repetizzjonijiet, u jiffaċilita l-qari, l-elementi miġbura matul l-investigazzjoni, inklużi l-osservazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli u mill-partijiet l-oħrajn, għandhom jiġu ppreżentati għal kull waħda mill-kwistjonijiet ikkonċernati.

    4.   ŻEWĠ PARTIJIET TA’ GĦAJNUNA UNIKA

    (30)

    L-ewwel nett, fid-deċiżjoni biex tiftaħ il-proċedimenti, il-Kummissjoni kellha dubju dwar l-ambitu tal-miżura nnotifikata, speċjalment dwar jekk l-għajnuna soġġetta għall-valutazzjoni kellhiex tkun limitata għall-għajnuna nnotifikata, jew jekk kenitx tinkludi wkoll self li Spanja kienet diġà tat lill-ITP għall-istess proġett taħt skema ta’ għajnuna eżistenti.

    (31)

    L-ITP kienet talbet għall-għajnuna f’termini ġeneriċi f’Ġunju 2004 permezz tal-ewwel ittra mibgħuta lill-Ministeru tal-Industrija, Turiżmu u Kummerċ (minn hawn ‘il quddiem il-Ministeru). Fid-29 ta’ Settembru 2004, l-ITP għamlet talba formali għal għajnuna għall-parteċipazzjoni tagħha fil-programm tat-Trent 1000, ta’ ammont stmat li kien ilaħħaq l-EUR 40 miljun.

    (32)

    L-awtoritajiet Spanjoli taw l-appoġġ tagħhom għall-proġett fuq bażi ta’ żewġ partijiet, filwaqt li ppermettew lill-aġenzija pubblika CDTI tagħti self lill-ITP.

    (33)

    Id-deċiżjoni dwar l-ewwel parti ttieħdet mis-CDTI fit-30 ta’ Novembru 2005 u ġew koperti l-ispejjeż għal dik is-sena. L-ewwel parti kienet self b’interess żero fuq bażi ta’ skema eżistenti (5), għall-ammont ta’ EUR 9 miljun.

    (34)

    Id-deċiżjoni dwar it-tieni parti ttieħdet mis-CDTI fis-26 ta’ Ġunju 2006 u ġew koperti l-bqija tal-ispejjeż. It-tieni parti kienet ukoll self b’interess żero, imma self li l-ħlas lura tiegħu deher li kien jiddependi mill-bejgħ tal-magna. Din il-parti tikkorrispondi għall-għajnuna nnotifikata mill-awtoritajiet Spanjoli lill-Kummissjoni fil-11 ta’ Settembru 2006 għal ammont inizjali ffissat għal EUR 27,85 miljun.

    (35)

    L-awtoritajiet Spanjoli fissru li dan l-approċċ f’żewġ fażijiet kien minħabba t-tibdil imġarrab matul dak il-perjodu fl-amministrazzjoni fejn kellha x’taqsam il-kompetenza għas-sostenn ta’ għajnuna kbira għall-R&D fis-settur tal-ajrunawtika. Fil-fatt, kif, inter alia, kienu wrew l-awtoritajiet Spanjoli billi pprovdew il-minuti ta’ diversi laqgħat, dawn il-kompetenzi kienu ċċaqalqu mill-Ministeru għal għand is-CDTI, u dan it-trasferiment kien seħħ matul perjodu ta’ żmien li kien twil mhux ħażin.

    (36)

    L-awtoritajiet Spanjoli fissru b’hekk li fl-2005 s-CDTI kienet kapaċi biss tagħti l-ewwel self ta’ ammont limitat. Meta fl-aħħar intemm it-trasferiment tal-kompetenzi, is-CDTI ħadet id-deċiżjoni biex tagħti t-tieni parti tas-self, li kienet (il-miżura) innotifikata minn Spanja.

    (37)

    Ma teżistix dokumentazzjoni interna tal-Ministeru jew tas-CDTI qabel ma ġiet innotifikata l-miżura, li kienet tista’ tikkonferma b’mod ċar u definit l-intenzjoni tal-Gvern biex isostni l-proġett. Min-naħa l-oħra, fid-dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli huwa possibbli li jinstabu għadd ġmielu ta’ referenzi għall-proġett u għall-importanza tiegħu għall-ekonomija Spanjola.

    (38)

    Minbarra dan, għandu jiġi nnutat li ma teżisti ebda ittra mingħand il-Gvern lill-ITP li tikkonferma l-intenzjoni għall-għoti ta’ għajnuna, iżda jeżistu biss xi referenzi indiretti għal skema ta’ sostenn għall-magni ajrunawtiċi (6) u f’dan il-kuntest tissemma espliċitament il-B787. Possibbilment, din l-iskema kienet ibbażata fuq il-każijiet preċedenti approvati mill-Kummissjoni (7). Skont Spanja, id-deċiżjoni tal-2005 mis-CDTI għandha tittieħed bħala l-konferma għall-ITP dwar l-intenzjoni tal-Gvern Spanjol biex jipprovdi sostenn għall-proġett fl-intier tiegħu.

    (39)

    Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Spanjoli jsostnu li l-ITP kellha aspettattivi leġittimi li tirċievi l-għajnuna, għaliex sadattant kienet ingħatat għajnuna, mis-CDTI lill-ITP, li kopriet l-ispejjeż tal-proġett għall-2005. Din l-għajnuna ma kenitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni minħabba li kienet imsejsa fuq skema ta’ għajnuna approvata u kienet inqas mil-livelli meħtieġa għal notifikazzjoni individwali.

    (40)

    Fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni pprovduta u speċjalment meta jitqiesu t-tibdiliet fil-kompetenzi amministrattivi, il-Kummissjoni tista’ tasal għall-konklużjoni li ż-żewġ tislifiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ partijiet tal-istess għajnuna.

    (41)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Spanjoli jirrikonoxxu li kienu żbaljaw meta nnotifikaw biss it-tieni self u li f’dan il-każ l-ammont totali taż-żewġ tislifiet għandu jiġi vvalutat mill-Kummissjoni.

    (42)

    Għajnuniet individwali għall-proġetti tal-R&D jistgħu jingħataw fuq bażi ad hoc jew fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuniet approvati. Il-kriterji għall-ivvalutar tal-każi soġġetti għal valutazzjoni individwali jinsabu fil-Kapitolu 7 tal-Qafas tal-R&D&I.

    (43)

    Fuq din il-bażi, mhux aċċettabbli li Stat Membru jaqsam għajnuna għal proġetti kbar f’diversi porzjonijiet b’mod artifiċjali minħabba li dan jista’ jwassal għal evitar b’mod faċli ħafna ta’ konformità mal-livelli ta’ notifikazzjoni u mar-regoli li jikkonċernaw il-valutazzjoni ddettaljata ta’ każijiet kbar. L-aċċettar li l-Istati Membri jaqsmu l-proġetti f’porzjonijiet jista’ jfisser għalhekk ir-rinunzjar mill-prinċipju ta’ kkonċentrar ta’ kontroll min-naħa tal-Kummissjoni fuq il-każi b’potenzjal akbar ta’ ffalsifikar.

    (44)

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-ITP seta’ kellha aspettattiva leġittima li tirċievi l-għajnuna. Minħabba l-kompetenzi limitati tas-CDTI, kwalunkwe sostenn mogħti minn din l-aġenzija ma jistax jitqies bħala wegħda mill-Istat għal għoti ta’ ammont akbar ta’ għajnuna. In-negozjati bejn is-CDTI u l-ITP li saru qabel id-deċiżjoni definittiva biex l-għajnuna tingħata jindikaw li filwaqt li l-awtoritajiet Spanjoli kienu ħadu pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-appoġġ għall-proġett, l-ITP ma kellha l-ebda aspettattiva leġittima li tirċievi kwalunkwe ammont speċifiku ta’ għajnuna. Fl-aħħar nett, l-ITP ma kenitx intitolata li tirċievi l-għajuna kollha kemm hi qabel it-teħid attwali tad-deċiżjoni dwar it-tieni parti.

    (45)

    Meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni eċċezzjonali maħluqa mit-tibdiliet fl-amministrazzjoni Spanjola matul il-proċess tal-għoti tal-għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li ż-żewġ tislifiet huma partijiet tal-istess għajnuna u li dawn kellhom jiġu nnotifikati fimkien mill-awtoritajiet Spanjoli. Konsegwentement, id-deċiżjoni għandha tittieħed fuq l-ammont totali taż-żewġ tislifiet.

    (46)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-valutazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-għajnuna seta’ jitħaffef kieku l-awtoritajiet Spanjoli fil-bidu kkonfermaw lill-ITP l-intenzjoni tagħhom li kienu se jagħtu l-għajnuna, mingħajr ma kellhom neċessarjament jidħlu fid-dettall dwar l-ammont u l-kundizzjonijiet fl-istadju inizjali. Din l-ittra ta’ intenzjoni, bir-referenza meħtieġa tagħha għall-klawżola ta’ sospensjoni marbuta mal-obbligu li l-għajnuna tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni għan-notifika, kienet tgħin fil-valutazzjoni tal-każ, speċjalment fir-rigward tal-effett ta’ inċentivazzjoni tal-għajnuna (8).

    5.   EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

    (47)

    Kif indikat fid-deċiżjoni biex jinfetħu l-proċedimenti, il-miżura soġġetta għall-valutazzjoni taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat. Ħadd mill-partijiet ma kkontesta din il-konklużjoni.

    (48)

    L-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw il-miżura bħala għajnuna mill-Istat. Il-miżura tikkonsisti f’riżorsi umani, f’dan il-każ ġestiti minn aġenzija pubblika skont skema ta’ għajnuna. Kif imsemmi fil-websajt tagħha (9), is-CDTI hija entità pubblika Spanjola li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Industrija, il-Kummerċ u t-Turiżmu, li l-għan tagħha hu li tgħin lill-impriżi Spanjoli jkabbru l-profil teknoloġiku tagħhom. Il-miżura għandha benefiċjarju, il-grupp ITP, li jirċievi vantaġġ. L-ITP hi attiva f’settur fejn jeżisti kummerċ estensiv fost l-Istati Membri u l-proġett jikkonċerna prodott li jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ diversi sħab internazzjonali. L-impatt fuq il-kummerċ hu għalhekk ikkonfermat u l-miżura għandha titqies bħala għajnuna mill-Istat fuq il-bażi tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

    6.   KOMPATIBBILTÀ

    (49)

    Il-Kummissjoni vvalutat il-miżura skont l-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat, b’mod partikolari fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-għajnuna għall-R&D&I li mill-1 ta’ Jannar 2007 huma l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għall-R&D&I (minn hawn ‘il quddiem il-Qafas R&D&I (10).

    (50)

    Kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat l-għajnuna skont il-Qafas R&D&I, minħabba li fit-Taqsima tiegħu 10.3 hemm indikat b’mod ċar li “il-Kummissjoni għandha tapplika dan il-qafas għall-proġetti ta’ għajnuna kollha nnotifikati li dwarhom hija mitluba tieħu deċiżjoni wara li l-qafas ikun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, ukoll meta l-proġetti jkunu nnotifikati qabel il-pubblikazzjoni tagħhom”.

    (51)

    Fil-valutazzjoni tagħha tan-notifikazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet żewġ ittri ta’ talbiet għall-informazzjoni (11) li qajmu għadd ta’ kwistjonijiet. F’dawn l-ittri l-Kummissjoni saħqet b’mod ċar li d-dispożizzjoni dwar consecutio legis fil-Qafas R&D&I (il-punt 10.3 msemmi aktar ‘il fuq) tindika li l-Kummissjoni kellha tevalwa l-każ fuq il-bażi tar-regoli fis-seħħ fil-mument meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

    (52)

    Barra minn hekk, fit-tieni ittra tat-28 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni indikat li l-każ jista’ jkun jeħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 88(2) tat-Trattat.

    (53)

    L-awtoritajiet Spanjoli talbu li l-Kummissjoni tivvaluta l-każ skont il-Qafas R&D tal-1996 li kien fis-seħħ fil-mument meta kienet saret in-notifika billi l-miżura kienet ġiet innotifikata fil-11 ta’ Settembru 2006 u billi l-għajnuna kienet intalbet mill-ITP fl-2004.

    (54)

    Waqt li rreferew għall-ġurisprudenza Graphischer Maschinenbau (12), l-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li kieku kienu ħarġu l-għajuna b’mod illegali, kien japplika l-Qafas R&D tal-1996. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Spanjoli, billi l-Qafas R&D&I li kien japplika wara l-1 ta’ Jannar 2007 kien ikun aktar restrittiv mill-Qafas R&D tal-1996, bl-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni kienet qed tkun għalhekk tippenalizza lill-Istat Membru li jkun innotifika l-għajnuna.

    (55)

    Il-Kummissjoni tinnota li fil-fehma tagħha l-argument tal-awtoritajiet Spanjoli huwa irrilevanti u li din il-ġurisprudenza mhix applikabbli għall-każ preżenti għaliex fil-punt 10.3 l-Qafas R&D&I jispeċifika b’mod ċar ir-regoli li l-Kummissjoni kellha tapplika meta kienet qed tivvaluta l-każi.

    (56)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-argument tal-awtoritajiet Spanjoli, li l-Qafas R&D&I hu aktar restrittiv, mhuwiex korrett. Id-dispożizzjonijiet dwar l-ivvalutar ta’ każi individwali li jinvolvu ammonti kbar f’forma ta’ għajnuna jeżiġu sempliċement wiri dettaljat tad-diversi aspetti tal-għajnuna, inklużi l-effetti pożittivi tagħha. Livell ogħla ta’ dettall ma jistax jitqies bħala aktar restrittiv. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni jidhrilha li l-aspetti ewlenin tar-regoli ma nbidlux jew, jekk inbidlu, it-tibdil huwa biss marġinali: id-definizzjoni tal-attivitajiet tal-D&R, l-ispejjeż eliġibbli, l-intensitajiet tal-għajnuna, eċċ.

    (57)

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli jsemmu wkoll li billi l-Kummissjoni fl-ittra tagħha kienet indikat li seta’ kellha d-dubji, kellha tiftaħ il-proċedimenti immedjatament.

    (58)

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li deċiżjoni aktar kmieni biex jinfetħu l-proċedimenti ma kienet se tibdel xejn fejn għandhom x’jaqsmu regoli applikabbli għad-deċiżjoni finali, minħabba li fi kwalunkwe każ ir-regoli applikabbli kienu jkunu dawk fil-mument tad-deċiżjoni finali.

    (59)

    Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew l-informazzjoni meħtieġa kollha mitluba fil-Kapitolu 7 tal-Qafas R&D&I għall-ivvalutar ta’ proġetti kbar individwali. Din l-informazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tifforma idea sħiħa tal-każ.

    7.   DEFIĊJENZI TAS-SUQ

    (60)

    Biex għajnuna għal proġett kbir tar-R&D tiġi vvalutata kif xieraq, huwa meħtieġ li jiġu vvalutati l-għanijiet tal-miżura, speċjalment liema defiċjenzi tas-suq il-miżura qed timmira li taffronta.

    (61)

    L-ewwel nett, fin-notifikazzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-miżura kellha fil-mira tagħha l-korrezzjoni tal-informazzjoni imperfetta u asimetrika, speċjalment dik dwar proġetti għat-tul u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ finanzjament privat f’settur partikolari kkaratterizzat minn riskji teknoloġiċi għoljin u dħul fuq medda ta’ żmien twila ħafna. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ din id-defiċjenza tas-suq li tikkonċerna l-finanzjament ta’ programmi kbar fis-settur ajruspazjali f’deċiżjonijiet preċedenti (13).

    (62)

    It-tieni, l-awtoritajiet Spanjoli dehrilhom li l-fatt li l-attivitajiet tal-R&D se jitwettqu f’żoni megħjuna għandu jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni tad-defiċjenzi tas-suq. Attivitajiet tal-R&D f’żoni anqas żviluppati jkunu kkaratterizzati minn esternalitajiet aktar pożittivi u d-diffużjoni tal-għarfien, u minn informazzjoni imperfetta u asimetrika.

    (63)

    Madankollu, fil-punt 7.3.1, il-Qafas R&D&I jistabbilixxi li l-Kummissjoni jeħtiġilha tikkunsidra: “i) l-iżvantaġġi kkawżati mill-periferalità u speċifiċitajiet reġjonali oħra; ii) id-dejta ekonomika speċifika lokali, ir-raġunijiet storiċi u/jew soċjali għal livell baxx ta’ attività ta’ R&D&I meta jsir paragun mad-dejta medja rilevanti u/jew is-sitwazzjoni f’livell nazzjonali u/jew Komunitarju; u iii) kwalunkwe indikatur rilevanti ieħor li juri żieda fil-grad tad-defiċjenzi tas-suq”. Mingħajr prova bbażata fuq dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma kenitx f’pożizzjoni li tikkonferma l-eżistenza ta’ żvantaġġi reġjonali għall-każ soġġett għall-valutazzjoni.

    7.1.   Asimetrija fl-informazzjoni

    (64)

    L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw argumenti addizzjonali biex isostnu l-eżistenza ta’ defiċjenza fis-suq marbuta mal-preżenza ta’ asimetrija fl-informazzjoni.

    (65)

    L-ewwel nett, Spanja fakkret dwar il-mudell ta’ negozju speċifiku tal-iżvilupp tal-magni ajrunawtiċi. Hi wriet li, minħabba l-fatt li l-investiment bil-quddiem hu importanti ħafna, b’benefiċċji biss fuq medda ta’ żmien twila ħafna (il-fluss ta’ flus tal-proġett isir pożittiv fuq bażi stabbli biss wara [> 10] snin; f’termini akkumulati dan il-fluss ta’ flus isir pożittiv wara [> 15]-il sena), il-proġetti jinqasmu bejn diversi sħab sabiex jitnaqqsu r-riskji ġenerali.

    (66)

    It-tieni, skont l-awtoritajiet Spanjoli, għall-impriżi fis-settur, is-sors tal-finanzjament huwa l-fluss ta’ flus li jidħol minn proġetti preċedenti. Billi d-dħul minn proġett jidħol biss wara li jkunu għaddew aktar minn għaxar snin, minħabba l-fatt li dan id-dħul huwa ġġenerat aktar mill-bejgħ ta’ sperparts milli mill-bejgħ inizjali tal-magna, dawk l-impriżi biss b’suċċessjoni twila ta’ programmi jistgħu jiffinanzjaw investimenti ġodda.

    (67)

    Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-ITP hija kumpanija relattivament żagħżugħa minħabba li ilha mwaqqfa biss mill-1989. Minħabba ż-żgħożija tagħha, l-ITP mhux se tkun tista’ tibbenefika għalissa mill-fluss ta’ flus pożittiv iġġenerat minn investimenti preċedenti.

    (68)

    It-tielet, l-ITP pprovdiet informazzjoni dwar id-diffikultajiet li kienet ħabtet wiċċha magħhom waqt il-ġbir ta’ fondi għall-iffinanzjar tal-investiment tagħha tal-proġett. L-ITP ma ppreżentat l-ebda ittra speċifika minn xi bank li tiċħad talba għal finanzjament bħal din iżda ssottomettiet skambji ta’ e-mails bejn intermedjarji finanzjarji u organizzazzjonijiet ta’ negozju (14) li jiżvelaw l-ineżistenza ta’ finanzjament mill-banek għal dan it-tip ta’ proġetti.

    (69)

    Kif imsemmi aktar ‘il fuq fil-paragrafu 61 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 f’ din il-paġna, il-Kummissjoni rrikonoxxiet f’diversi sitwazzjonijiet li l-mudell ta’ negozju speċifiku tal-iżvilupp tal-magni ajrunawtiċi huwa kkaratterizzat minn asimetrija fl-informazzjoni. Madankollu, din il-konklużjoni ma tfissirx li kwalunkwe proġett fis-settur se jkun ifisser defiċjenzi fis-suq. Huwa evidenti li f’kemm-il okkażjoni diversi impriżi fis-settur kienu kapaċi jiffinanzjaw proġetti ġodda jew permezz tal-mezzi proprji tagħhom jew inkella permezz tas-suq finanzjarju. Il-Kummissjoni trid twettaq valutazzjoni tal-preżenza tad-defiċjenza tas-suq fil-każ speċifiku soġġett għal valutazzjoni.

    (70)

    Fil-każ preżenti, kif diġà ġie nnutat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-argumenti miġjuba mill-awtoritajiet Spanjoli dwar il-preżenza ta’ defiċjenza tas-suq, ġew ikkunsidrati bħala suffiċjenti u l-Kummissjoni ma qajmet l-ebda dubju speċifiku.

    (71)

    Meta jitqiesu l-elementi l-ġodda, inkluża l-informazzjoni ppreżentata mill-ITP, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li l-każ preżenti huwa kkaratterizzat minn asimetrija fl-informazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li fil-każ tal-ITP l-asimetrija hi parzjalment marbuta mal-fażi tal-iżvilupp tal-impriża, li madankollu qed tqarreb lejn fażi li fiha tkun tista’ tiffinanzja proġetti ġodda bid-dħul minn programmi preċedenti. Fi kliem ieħor, l-ITP qed tasal għal sitwazzjoni li fiha l-mudell ta’ negozju ta’ impriża li timmanifattura l-magni ajrunawtiċi jkun jista’ jiffunzjona b’mod normali.

    (72)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li fil-każ preżenti jeżistu defiċjenzi tas-suq. Kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, għandha għaldaqstant tivvaluta jekk il-preżenza ta’ żvantaġġ reġjonali tkabbarx il-grad ta’ dawn id-defiċjenzi tas-suq.

    7.2.   Żvantaġġ reġjonali

    (73)

    Fis-sottomissjonijiet tagħha, Spanja ressqet għadd ta’ argumenti biex issostni l-preżenza ta’ żvantaġġ reġjonali li seta’ jkabbar il-grad ta’ defiċjenzi tas-suq.

    (74)

    Qabel xejn, l-awtoritajiet Spanjoli fakkru li l-R&D tikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ Liżbona u li fil-kuntest tal-ftehim dwar il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013 (15), ġew allokati għal Spanja EUR 2 biljun addizzjonali bħala fondi strutturali għat-tkabbir tal-R&D&I. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Spanjoli, dan l-assenjar ta’ fondi juri biċ-ċar li l-pajjiż qed jaqta’ lura fil-qasam tal-attivitajiet tal-R&D.

    (75)

    It-tieni, l-awtoritajiet Spanjoli jfakkru li l-attivitajiet tal-R&D fil-proġett soġġett għall-valutazzjoni se jitwettqu f’żoni megħjuna li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat (16).

    (76)

    Spanja enfasizzat ukoll il-fatt li l-iżvilupp tal-ITP fil-Pajjiż Bask kellu jikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali f’żona affettwata minn ristrutturar industrijali (l-għeluq tal-industrija peżanati).

    (77)

    Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-proġett jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ infrastruttura xjentifika (organizzazzjonijiet ta’ riċerka), teknoloġika (ċentri għall-ittestjar) u edukattiva (skola tal-inġinerija) fir-reġjun.

    (78)

    Fl-aħħar nett, skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-proġett jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ subkuntratturi li kapaċi jaħdmu f’qasam avvanzat ħafna. Attwalment, l-ITP tista’ tixtri biss [< 50] % tal-produzzjoni tagħha fi Spanja; l-ambizzjoni tagħha hi tkabbar dan il-perċentwali b’mod sinifikanti.

    (79)

    Bħala konklużjoni, l-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-iżvantaġġ reġjonal, u l-impatt pożittiv tal-proġett f’livell reġjonali, jikkontribwixxu għad-defiċjenzi tas-suq u bħala tali għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Kummissjoni.

    (80)

    Spanja żżid tgħid ukoll li jekk il-Kummissjoni ma tirrikonoxxix dan l-iżvantaġġ, tkun qed tikkontradixxi l-approċċ misjub fil-Qafas R&D tal-1996, li jippermetti bonus awtomatiku ta’ 5 % għall-proġetti mwettqa f’żoni megħjuna li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 87(3)(ċ) tat-Trattat (il-bonus ikun ta’ 10 % għaż-żoni li jaqgħu taħt l-Artikolu 87(3)(a) tat-Trattat).

    (81)

    Huwa minnu li f’termini ta’ nfiq fuq l-R&D, l-istatistika turi li Spanja qed taqta’ lura meta mqabbla mal-medja fl-UE. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li dan mhux per se argument suffiċjenti biex jiġġustifika għajnuna individwali, imma pjuttost argument li jsostni approċċ aktar orizzontali lejn il-promozzjoni tal-R&D (17).

    (82)

    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li l-proġett tal-R&D jitwettaq f’żoni megħjuna. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li meta ma nkludietx il-bonus ta’ għajnuna reġjonali fil-Qafas R&D&I kienet sempliċement qed tikkontribwixxi biex tidderieġi aħjar l-għajnuna mill-Istat lejn dawk il-proġetti li jikkontribwixxu għall-effiċjenza ekonomika. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li għajnuna mill-Istat tista’ tikkontribwixxi jew għal għanijiet ta’ ekwità, bħalma hu l-iżvilupp reġjonali, jew għal għanijiet ta’ effiċjenza, bħal meta sservi ta’ reazzjoni għad-defiċjenzi tas-suq (18). Konsegwentement, il-Kummissjoni rrevediet id-diversi regoli tal-għajnuna mill-Istat b’mod koerenti billi armonizzat il-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà mal-għan tal-miżuri adottati mill-Istati (19).

    (83)

    It-tielet, il-Kummissjoni tinnota l-argument miġjub minn Spanja dwar il-ħtieġa biex tinħoloq l-infrastruttura neċessarja għar-riċerka, it-teknoloġija u l-edukazzjoni. Fil-każ li qed jiġi vvalutat, madankollu, l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx li l-għajnuna mogħtija lil impriża individwali, l-ITP, hija meħtieġa għall-iżvilupp tal-infrastruttura għall-għarfien. Barra dan, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura li tinsab taħt valutazzjoni hija għajnuna individwali lil benefiċjarju uniku. L-impatt tagħha fuq l-infrastruttura msemmija hawn fuq jista’ jkun biss indirett ħafna.

    (84)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna għandha l-mira li tkun ta’ kontribut għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ subkuntratturi. Filwaqt li f’termini ta’ żvilupp reġjonali dawn l-għanijiet ikunu tabilħaqq rilevanti, minn perspettiva usa’ Ewropea, mhux żgur li għandu jkun hemm multiplikazzjoni ta’ infrastrutturi jew li għandu jkun hemm netwerk ta’ subkuntratturi madwar kull impriża kbira, speċjalment f’settur integrat bħalma hu s-settur ajrunawtiku. F’settur teknoloġikament speċjalizzat u avvanzat bħalma hu dan, fejn il-programmi jinvolvu ħafna sħab mill-Ewropa kollha u minn madwar id-dinja, filwaqt li mhuwiex ovvju li wieħed jara l-benefiċċji fl-iżviluppar ta’ netwerk ta’ subkuntratturi f’żoni megħjuna, huwa minnu wkoll li s-serħan fuq [> 50] % tal-produzzjoni tiegħu minn barra l-pajjiż huwa prova ta’ dipendenza qawwija minn sħab internazzjonali, u dan jikkostitwixxi għaldaqstant fattur ta’ riskju.

    (85)

    Għalhekk il-Kummissjoni jidhrilha li s-sitwazzjoni speċifika fiż-żona megħjuna fejn il-proġett jitwettaq, turi grad ta’ defiċjenzi tas-suq ogħla b’żieda moderata ħafna, partikolarment fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ subkuntratturi teknoloġikament avvanzati li jistgħu jkunu sħab kapaċi li jaqsmu r-riskji.

    7.3.   Konklużjoni dwar id-defiċjenza tas-suq

    (86)

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li jeżistu defiċjenzi tas-suq fil-każ li jinsab għaddej minn valutazzjoni.

    8.   EFFETT TA’ INĊENTIVAZZJONI

    (87)

    Fuq il-bażi ta’ konsiderazzjoni tal-elementi disponibbli f’dak l-istadju tal-investigazzjoni, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni tal-għajnuna.

    8.1.   Ħtieġa tal-għajnuna

    (88)

    F’konformità mal-Kapitolu 6 tal-Qafas R&D&I, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivverifika jekk it-talba għall-għajnuna ntgħamlitx mill-benefiċjarju qabel il-bidu tal-proġett R&D.

    (89)

    Kif issemma wkoll aktar ‘il fuq fil-paragrafu 31 u l-paragrafi li jsegwu warajh, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-għajnuna kienet intalbet mill-ITP qabel il-bidu tal-proġett, u għalhekk hija konformi mad-dispożizzjoni fit-tieni paragrafu tal-Kapitolu 6 tal-Qafas R&D&I.

    (90)

    Kif imsemmi wkoll aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u dwar il-ħruġ tard tan-notifikazzjoni. L-informazzjoni ppreżentata minn Spanja tippermetti l-konklużjoni li l-miżura nnotifikata hija marbuta ma’ għajnuna unika, li kienet ingħatat f’żewġ partijiet. Il-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentivazzjoni għalhekk trid titwettaq għall-għajnuna kollha kemm hi.

    (91)

    Rigward il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-kundizzjonijiet partikolari fil-każ - it-trasferiment ta’ kompetenzi, l-approċċ f’żewġ fażijiet u t-transitu għar-regoli l-ġodda tal-għajnuna mill-Istat - il-valutazzjoni jagħmluha pekuljari għall-każ preżenti.

    (92)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li normalment ikollha dubju dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni ta’ miżura kulmeta jiġu adottati diversi deċiżjonijiet ta’ konċessjoni marbuta ma’ proġett uniku. Hija jkollha wkoll dubju dwar l-effett ta’ inċentivazzjoni kulmeta d-deċiżjoni formali għall-għoti tal-għajnuna tittieħed mill-Istat f’punt meta l-proġett ikun jinsab fi stadju avvanzat sewwa. Fil-każ tal-R&D huwa essenzjali li l-għajnuna jkollha impatt fuq l-imġiba tal-impriża billi sservi ta’ tħajjir biex isir investiment akbar u b’aktar għaġġla fi proġett partikolari. Mingħajr impatt bħal dan, l-għajnuna ma jkollha l-ebda effett ta’ inċentivazzjoni u l-għajnuna ma tkunx meħtieġa.

    (93)

    Sabiex ikollha dan it-tip ta’ impatt, l-għajnuna għandha tiġi deċiża mill-Istat, jew b’mod formali, iżda bi klawżola suspensiva minħabba l-approvazzjoni li jeħtieġ li tingħata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat, jew permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni (20), li ma tqajjimx aspettattivi leġittimi imma li tkun b’saħħitha biżżejjed biex tindika r-rieda tal-Istat biex isostni l-proġett.

    (94)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li kundizzjoni neċessarja għall-kompatibbiltà ta’ għajnuna għal proġett ta’ R&D hija notifikazzjoni bikrija tal-għajnuna skont l-Artikolu 88(3) tat-Trattat. Notifikazzjoni ta’ għajnuna lil proġett li jkun wasal fi tmiemu tkun tfisser li l-Istat mhux konvint dwar l-għajnuna li għandu l-intenzjoni li jagħti jew li ma jistax joffri garanzija dwar din l-għajnuna. Jekk, wiċċ imb’wiċċ ma’ din l-inċertezza, l-impriża jirnexxilha twettaq il-proġett, jew saħansitra tikkonkludih, allura x’aktarx li l-għajnuna mhijiex totalment meħtieġa għall-impriża nnifisha.

    8.2.   Indikaturi bażiċi

    (95)

    F’konformità mal-Kapitolu 6 tal-Qafas R&D&I, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta’ għadd ta’ kriterji għall-miżuri individwali kollha biex tindika l-effett ta’ inċentivazzjoni tal-għajnuna, b’rabta maż-żieda fid-daqs, l-ambitu u l-ħeffa tal-proġett jew iż-żieda fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq l-R&D.

    (96)

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli ssottomettew għadd ta’ elementi fattwali biex juru li l-kriterji bażiċi msemmija aktar ‘il fuq ġew issodisfati.

    (97)

    L-ewwel nett, skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-għajnuna kienet meħtieġa biex l-ITP setgħet tagħmel investiment ekwivalenti għal 12 % tal-proġett u b’hekk b’żieda fid-daqs u l-ambitu tal-proġett. Mingħajr l-għajnuna l-ITP ma setgħetx tkun tista’ tagħmel investiment kbir bħal dan (21).

    (98)

    It-tieni, skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-għajnuna kienet tippermetti żieda fil-ħeffa tal-proġett. Spanja targumenta li l-iżvilupp tat-Trent 1000 se jitwettaq matul perjodu ta’ żmien ħafna iqsar jekk imqabbel ma kemm ħadu magni preċedenti.

    (99)

    It-tielet, Spanja tinnota li l-ITP toħroġ nefqa fl-R&D fuq il-personal tagħha (24 %) ogħla mill-medja fis-settur (19 %). Minbarra dan, l-ITP setgħet tinvesti bil-qawwi fl-R&D matul dawn l-aħħar snin, billi l-proporzjon bejn l-R&D u l-fatturat kien ta’ 16 % fl-2005, 26 % fl-2006 u 22 % fl-2007. Spanja tqabbel dawn iċ-ċifri mal-medja Ewropea għas-settur ta’ 11 % fl-2005 u l-2006. L-awtoritajiet Spanjoli jindikaw li mingħajr l-għajnuna għat-Trent 1000, iċ-ċifri tal-R&D/fatturat kienu jinżlu għal […] % u għal […] % fl-2006 u l-2007, rispettivament.

    (100)

    L-ITP pprovdiet informazzjoni ddettaljata dwar il-personal tagħha. Hija indikat li, bit-tluq mill-ipoteżi li mingħajr l-għajnuna ma kenitx tkun tista’ twettaq il-proġett, kien ikollha diffikultà tittrasferixxi l-[…] impjieg full time li kienu mitfugħa fuq il-proġett. L-ITP tgħid li parti minima setgħet tiġi ttrasferita eqreb lejn ix-xogħol tal-bidu tal-proċess (fuq ir-riċerka u t-teknoloġija), iżda li kien ikollha diffikultà żżomm jaħdmu magħha l-bqija tar-riċerkaturi. Skont l-ITP, iż-żamma tal-ammont għoli ta’ nfiq fuq l-R&D diġà kien jindika li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentivazzjoni.

    (101)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-valutazzjoni ta’ dawn l-indikaturi tiddependi mill-ipoteżi alternattiva li kienet timmaterjalizza mingħajr l-għajnuna. Kieku tabilħaqq l-għajnuna kienet ippermettiet lill-ITP timpenja ruħha fi proġett akbar, allura kienet tipproduċi effett ta’ inċentivazzjoni fuq l-ambitu u d-daqs tal-proġett.

    (102)

    Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tinnota l-ambigwità taċ-ċifri li jikkonċernaw l-infiq fuq l-R&D. Filwaqt li hu minnu li l-ITP għandha livelli għoljin ta’ nfiq fuq l-R&D meta mqabbla mal-kompetituri fis-settur, dan jista’ jiddependi aktar min-nuqqas ta’ dħul li kienet tagħmel mill-programmi preċedenti kif imfisser hawn fuq (22), pjuttost milli mill-intensità tagħha ta’ R&D. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li ż-żamma ta’ livelli kostanti ta’ nfiq fuq l-R&D u ta’ persunal mitfugħ fuq l-R&D tkun prova li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentivazzjoni. Għall-kuntrarju, f’ċirkustanzi normali, jidher li jekk l-għajnuna ma jkollha l-ebda effett fuq l-ispiża minfuqa fuq l-R&D u fuq il-persunal tal-R&D, ikun ifisser li l-effett tal-għajnuna huwa pjuttost biex jissostna proġett li jissostitwixxi oħrajn preċedenti li ġew finalizzati aktar milli biex jissostnew sforzi ġodda fjamanti mill-benefiċjarju.

    (103)

    Fi kwalunkwe każ, fil-valutazzjoni ta’ għajnuna individwali, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ddettaljata tal-informazzjonji ppreżentata mill-Istat Membru u mill-benefiċjarju, lil hinn mill-indikaturi bażiċi msemmija hawn fuq.

    8.3.   Għażliet alternattivi

    (104)

    Fil-valutazzjoni ddettaljata tagħha tal-effett ta’ inċentivazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-punt 7.3.3. tal-Qafas R&D&I.

    (105)

    L-ITP ssottomettiet il-preżentazzjoni mħejjija għall-bord tagħha meta kienet ħadet id-deċiżjoni biex tinvesti fil-proġett. Id-dokumentazzjoni turi li l-impriża kienet ikkunsidrat diversi alternattivi qabel ma fetħet negozjati mar-RR, bi pjanijiet ta’ negozju għal kull alternattiva, bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna:

    […] % tal-magna (Turbina ta’ Pressa Baxxa kompluta)

    […] % (Turbina ta’ Pressa Baxxa mingħajr l-NGV, Paletti Gwida taż-Żennuni tat-turbina (Nozzle Guide Vanes)

    […] % (Turbina ta’ Pressa Baxxa mingħajr l-NGV u s-Siġilli)

    […] % (Komponent THB (Kisi għat-Tail Bearing) u Disk (Tail Bearing Housing and Disc)); f’dan il-każ, l-ITP kienet tkun sempliċement subkuntrattur.

    (106)

    Għandu jiġi mfakkar li l-proġett huwa r-riżultat finali ta’ negozjati bejn l-ITP u r-RR. Huwa diffiċli ħafna li jitbassar x’kien ikun ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati li kieku l-għajnuna ma kenitx teżisti.

    (107)

    Infatti, filwaqt li jeżistu possibbiltajiet alternattivi għall-ITP, fir-realtà dawn mhumiex proġetti kontrofattwali, fis-sens li jiddependu wkoll mill-parti l-oħra fin-negozjati. Fuq il-bażi wkoll tal-argumenti mressqa mir-RR, jidher li r-RR ma kenitx interessata f’parteċipazzjoni limitata mill-ITP (jiġifieri ta’ madwar […] %), billi dan kien iġiegħel lir-RR tieħu aktar riskji, jew twettaq xi xogħol direttament, jew tfittex sħab oħrajn.

    (108)

    Barra minn hekk, ukoll jekk kienu ppreżentati lill-Bord tal-ITP kalkoli finanzjarji tal-proġett bl-għajnuna u mingħajrha, jidher li d-disponibbiltà tal-għajnuna kienet tqieset fid-deċiżjoni mill-ITP li tidħol għall-proġett (23).

    (109)

    Fl-aħħar nett, fuq il-bażi tal-analiżi mwettqa mill-ITP tad-diversi parteċipazzjonijiet alternattivi, jidher li d-deċiżjoni ttieħdet essenzjalment fuq għadd ta’ fatturi pjuttost kwalitattivi (miġbura fil-qosor f’xi dijagrammi SWOT), aktar milli fuq fatturi kwantitattivi, (bħal, pereżempju, ir-rata ta’ dħul prevista (IRR)), li kienu tqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni tal-Bord. Għandu jiġi nnutat li l-IRR mhi għolja xejn meta mqabbla mal-kost medju tal-kapital ta’. […] %. L-IRR ikkalkulata fuq bażi ta’ 25 u 50 sena x’aktarx turi li l-proġett mingħajr għajnuna probabbilment mhux profittabbli biżżejjed biex l-impriża tinvesti fih. Il-livell baxx tal-IRR finali, ukoll jekk bl-għajnuna, jikkonferma wkoll li l-għan reali tal-ITP meta aċċettat li tinvesti bil-profitt baxx previst, hu li tibni pożizzjoni aktar b’saħħitha fis-suq.

    (110)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinnota li fil-verità l-għajuna skattat investiment mill-ITP fi proġett akbar, b’ambitu aktar ambizzjuż.

    (111)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li huwa diffiċli li jiġi stabbilit proġett eżattament kontrofattwali, billi kienu jeżistu diversi alternattivi inizjali, li fi kwalunkwe każ sussegwentement kellhom jiġu nnegozjati mar-RR li kienet qed tmexxi l-proġett.

    (112)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-proġett huwa profittabbli, minħabba li dan huwa normali għall-proġetti ta’ manifattura ta’ magni ajrunawtiċi, billi l-investiment fi proġett li joħroġ bit-telf ikun kuntrarju għal kull loġika ta’ negozju. Il-Kummissjoni tinnota li għal dan it-tip ta’ proġetti l-indikatur l-aktar rilevanti użat mill-impriża fid-deċiżjoni tagħha biex tinvesti huwa l-IRR, li fuqha l-għajnuna għandha impatt pożittiv billi tippermettilha li tmur lil hinn mill-kost medju ta’ kapital għas-settur.

    (113)

    Il-Kummissjoni tinnota li, bħal fi proġetti oħra ta’ magni ajrunawtiċi, l-ammont ta’ investiment inizjali huwa partikalarment importanti u li l-evoluzzjoni ta’ żmien tal-flussi ta’ flus kontanti hija kkaratterizzata minn fluss akkumulat negattiv ta’ flus kontanti, fil-każ preżenti, matul l-ewwel 19-il sena.

    (114)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni vvalutat il-livell ta’ riskju involut fil-proġett ta’ riċerka. L-ITP elenkat ir-riskji ewlenin tal-proġett:

    ir-riskji tekniċi biex jinkisbu l-ispeċifikazzjonijiet għall-ewwel ċertifikazzjoni f’perjodu ta’ żmien imnaqqas b’paragun ma’ programmi preċedenti;

    ir-riskji tekniċi dderivati mill-iddisinjar mill-ġdid f’fażijiet preliminari tal-produzzjoni;

    ir-riskji kummerċjali dderivati mill-politika tal-prezzijiet (li hi barra mill-kontroll tal-ITP);

    ir-riskji dderivati mit-tip ta’ kambju (minħabba li l-bejgħ huwa ddenominat f’dollari) u;

    ir-riskji marbuta mal-kost unitarju tal-produzzjoni, li kien ġie stabbilit mill-Boeing f’livell li jimplika tnaqqis fil-kost ta’ […] % meta mqabbel ma’ dak tal-magni preċedenti. Dan il-kost huwa affettwat prinċipalment min-novità tad-disinn u l-kost tal-materja prima.

    (115)

    L-ITP pproduċiet stimi tal-varjazzjoni tal-valur attwali nett (NPV) tal-proġett fuq il-bażi ta’ bidliet f’uħud minn dawn il-parametri. Dawn l-istimi juru li l-NPV jista’ faċilment idur għal wieħed sostanzjalment negattiv jekk il-bejgħ imur agħar milli mistenni, jew jekk ir-rata tal-kambju tkun anqas favorevoli jew jekk jogħla l-kost tal-materja prima.

    (116)

    Il-Kummissjoni tinnota li r-riskji tal-proġett huma kbar. Hija tinnota li mhux ir-riskji kollha indikati mill-ITP huma tal-istess rilevanza f’termini tal-valutazzjoni tagħha, bħalma hu, pereżempju, ir-riskju tal-kambju barrani. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-ITP kienet kapaċi tipprovdi kalkoli ddettaljati tal-aspetti finanzjarji tal-proġett, inklużi s-sensittività tagħhom għall-fatturi tar-riskju. Dawn il-kalkoli juru l-ewwel nett li l-proġett huwa modestament profittabbli meta mqabbel mal-kost medju tal-kapital għall-impriża. It-tieni, dawn il-kalkoli juru li r-riskji tekniċi u kummerċjali huma kbar, speċjalment f’paragun mal-ammont ta’ investiment u l-fluss ta’ flus kontanti previst tiegħu.

    (117)

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, huwa possibbli għall-Kummissjoni li taċċetta li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentivazzjoni minħabba li tippermetti lill-ITP timpenja ruħha fi proġett fuq skala li ma kenitx tkun tista’ tidħol għaliha mingħajr l-għajnuna.

    9.   PROPORZJONALITÀ

    (118)

    Sabiex tkun tista’ tivvaluta l-proporzjonalità tal-miżura, il-Kummissjoni l-ewwel għandha tivvaluta l-ispejjeż eliġibbli, speċjalment għandha tevalwa jekk id-dubji mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ kinux tneħħew; imbagħad il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-bonuses għall-iżvantaġġ reġjonali u għall-kollaborazzjoni kinux applikabbli għall-proġett; fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi billi tagħti definizzjoni tal-intensità tal-għajnuna u tivverifika li din tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Qafas R&D&I.

    9.1.   Spejjeż eliġibbli

    (119)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet erba’ dubji dwar l-ispejjeż eliġibbli tal-proġett megħjun:

    (a)

    il-klassifikazzjoni tan-nefqa skont il-kategoriji ta’ riċerka twettqet fuq il-bażi ta’ mudell teoretiku u ma kenitx tirrifletti l-kosti reali (u anqas biss il-kosti pproġettati) tal-benefiċjarju;

    (b)

    fil-klassifikazzjoni tan-nefqa, il-livell tal-istudji bi tħejjija għall-iżvilupp sperimentali kien partikolarment għoli meta jsir tqabbil mal-kategoriji ta’ kosti oħra, speċjalment meta jiġu kkunsidrati proġetti oħra ta’ żvilupp ta’ magni;

    (ċ)

    diversi aspetti speċifiċi kienu dibattibbli: l-ammont ta’ ġestjoni teknika matul l-ewwel sena tal-proġett u l-ispiża marbuta mat-tagħmir (partikolarment jekk dan it-tagħmir kien użat esklussivament għall-proġett) u

    (d)

    l-inklużjoni ta’ wħud mill-kosti li tħallsu mill-ITP matul il-perjodu 2008 u 2009, wara ċ-ċertifikazzjoni tal-magna.

    (120)

    Il-Kummissjoni qajmet dubji dwar l-ikklassifikar tal-attivitajiet fuq il-bażi tad-definizzjoni tar-riċerka industrijali u l-iżvilupp sperimentali inklużi fl-ittri f) u g) tat-Taqsima 2.2 tal-Qafas R&D&I. Ibbażat ruħha wkoll fuq il-prassi tagħha nnifisha fil-qasam tal-R&D (24).

    (121)

    Il-Kummissjoni qajmet dubju dwar l-ispejjeż eliġibbli, speċjalment dwar l-ispiża marbuta mat-tagħmir, fuq il-bażi tal-punt 5.1.4 tal-Qafas R&D&I.

    (122)

    Bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ, Spanja pprovdiet klassifikazzjoni ddettaljata ġdida tal-kosti li kienu jirriflettu l-attivitajiet imwettqa jew ippjanati b’mod effikaċi, bil-klassifikazzjoni li rriżultat f’termini ta’ kategoriji ta’ R&D. L-informazzjoni l-ġdida pprovduta minn Spanja tippermetti lill-Kummissjoni tanalizza fid-dettall kull pakkett xogħol u tivverifika jekk il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet tal-R&D kinitx korretta.

    (123)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Spanjoli aċċettaw li l-iskadenza massima għall-konsiderazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli tagħlaq maċ-ċertifikazzjoni tal-biċċa tal-ajru. Minħabba li l-kosti li tbiddlu wara dan il-punt kienu minuri dan ma jaffettwax b’mod sinifikanti l-ammont totali jew id-distribuzzjoni tal-kosti bejn il-kategoriji tal-R&D.

    (124)

    Spanja aċċettat ukoll li tikkunsidra x-xogħol li sar bejn meta ngħatat iċ-ċertifikazzjoni tal-magna u dik tal-biċċa tal-ajru bħala Żvilupp Sperimentali minflok Riċerka Industrijali, billi dan ix-xogħol jitwettaq fuq prototipi tal-modulu tat-turbina.

    (125)

    L-awtoritajiet Spanjoli aċċettaw ukoll li jikkunsidraw 100 % tax-xogħol imwettaq b’rabta mal-ittestjar tal-komponenti (EUR […]) bħala xogħol li jaqa’ fil-kategorija ta’ Żvilupp Sperimentali. Dan hu konformi kemm mal-klassifikazzjoni użata għal xogħol ieħor kif ukoll mad-definizzjoni proprja proposta mill-ITP, li tistipula li l-ittestjar iddedikat għas-sigħat totali ta’ operazzjoni (u l-ittestjar għar-reżistenza jappartjeni wkoll għal din il-kategorija) għandu wkoll jitqies bħala Żvilupp Sperimentali.

    (126)

    Lil hinn mill-appoġġ għall-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli, fl-osservazzjonijiet tagħha, l-ITP rrikonoxxiet ukoll li s-sistema interna ta’ kontabilità tagħha ma kenitx tippermetti li l-ispejjeż tal-R&D jiġu sseparati skont kategoriji differenti. Dan jispjega għaliex il-kategorizzazzjoni twettqet fuq mudell li deher li kien teoretiku. L-ITP stqarret ukoll li kienet bdiet tadatta s-sistema ta’ kontabilità tagħha biex din il-kategorizzazzjonji tkun tista’ tibda ssir, minħabba li hekk ukoll huwa mitlub mill-istandards ta’ kontabilità tal-IFRS (25).

    (127)

    L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew verżjoni korretta u finali tal-ispejjeż eliġibbli, li qed tidher fit-tabella ta’ hawn taħt. L-ispejjeż eliġibbli totali tal-proġett għall-perjodu sħiħ 2005-2008 jammontaw għal EUR 73,567 miljun. Minn dan l-ammont, l-ispejjeż marbutin ma’ attivitajiet ikklassifikati bħala riċerka industrijali, jammontaw għal EUR 29 296 000 (39,8 % tal-ispejjeż eliġibbli totali). L-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ żvilupp sperimentali jammontaw għal EUR 44,212 miljun (60,1 %). L-istudji ta’ tħejjija li ġew jiswew EUR 59 000 huma wkoll inklużi fil-proġett.

    Tabella — Spejjeż eliġibbli

    (miljun EUR)

    Kategorija R&D

    2005

    2006

    2007

    2008

    Total

    Riċerka industrijali

    (…)

    (…)

    (…)

    (…)

    29,296

    Studji dwar vijabbiltà

    (…)

    (…)

    (…)

    (…)

    0,059

    Żvilupp sperimentali

    (…)

    (…)

    (…)

    (…)

    44,212

    Total

    (…)

    (…)

    (…)

    (…)

    73,567

    (128)

    Meta tikkonsidra l-informazzjoni ddettaljata pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli, l-aċċettazzjoni tagħhom tal-osservazzjonijiet dwar dawk l-aspetti speċifiċi marbutin mal-iskadenza tal-proġett u l-klassifikazzjoni ta’ wħud mit-tipi ta’ spejjeż, il-Kummissjoni jista’ jkollha dehra sħiħa tal-ispejjeż eliġibbli u tal-kategorizzazzjoni tagħhom.

    (129)

    Fl-aħħar nett, l-ispejjeż eliġibbli jinkludu biss attivitajiet eliġibbli għall-għajnuna taħt il-punt 5.1.4 tal-Qafas R&D&I, korrettement allokati għall-kategoriji rispettivi ta’ riċerka industrijali u żvilupp sperimentali, kif iddefinit fit-Taqsima 2.2 tal-istess Qafas.

    9.2.   Strument ta’ għajnuna

    (130)

    Fin-notifika oriġinali, l-awtoritajiet Spanjoli kienu bi ħsiebhom jużaw strument li kien jinkludi l-karatteristiċi ta’ ħlas bil-quddiem rimburżabbli – bi ħlas lura tas-somma kapitali tas-self fiss proporzjonali għas-suċċess tal-proġett – u ta’ self fiss mhux garantit – mingħajr ma l-benefiċjarju jkollu jħallas imgħaxijiet. Fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedimenti, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar dan l-istrument ibridu, li kien jagħti vantaġġ doppju lill-benefiċjarju, billi kien jikkombina l-element tal-qsim tar-riskju marbut mal-ħlas bil-quddiem flimkien maċ-ċertezza tal-vantaġġ f’termini ta’ mgħaxijiet maħfura. Dawn iż-żewġ vantaġġi flimkien kienu jirrendu l-għajnuna ġeneruża wisq għall-benefiċjarju.

    (131)

    Ħlas bil-quddiem rimburżabbli huwa ddefinit fl-ittra h) tal-Qafas R&D&I. Id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tiegħu jidhru fil-punt 5.1.5 tal-Qafas R&D&I

    (132)

    Self fiss mhux garantit huwa self b’rata ta’ mgħax imnaqqsa (f’dan il-każ b’rata ta’ mgħax żero). L-element ta’ għajnuna huwa l-ammont ta’ mgħaxijiet maħfura lill-benefiċjarju, ikkalkulati bid-differenza bejn ir-rata tas-suq għas-self fiss u l-imgħax li jitħallas attwalment. Fil-każ preżenti, ir-rata tas-suq kienet ir-rata ta’ referenza, mingħajr iż-żieda ta’ ebda punti bażi addizzjonali, u l-imgħax imħallas kien żero. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubju wkoll dwar il-livell tar-rata ta’ mgħax li kellha tigi applikata fil-kalkolu tal-element ta’ għajnuna tas-self fiss. Kif imfisser hawn isfel, dan l-aspett ma għadux rilevanti aktar.

    (133)

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Spanjoli qabel xejn irrikonoxxew l-eżistenza ta’ dan il-vantaġġ doppju u aċċettaw li jikkoreġu l-istrument tal-għajnuna. L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-proposta tagħhom kienet se tkun li jagħtu l-għajnuna bħala self fiss mhux garantit. Skont Spanja, ir-raġuni għall-użu ta’ self fiss mhux garantit hi sempliċement għaliex ħasbet li dan kien se jkun approvat faċilment mill-Kummissjoni.

    (134)

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, l-ITP ħadet l-istess pożizzjoni. Madankollu, l-ITP żiedet tgħid ukoll li kienet taċċetta kieku l-istrument tal-għajnuna kien ħlas bil-quddiem rimburżabbli (26).

    (135)

    Fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni semmiet li proporzjonalità aħjar f’dan il-każ probabbilment kienet tkun żgurata bi ħlas bil-quddiem rimburżabbli.

    (136)

    Il-Kummissjoni nnutat li kieku l-istrument ta’ għajnuna kellu jiġi adattat għal self fiss b’rata ta’ mgħax żero fl-2007 kif ipproponew l-awtoritajiet Spanjoli, dan kien ikun ta’ vantaġġ għall-benefiċjarju, għaliex dak iż-żmien ir-riskji kummerċjali kienu xi ftit imnaqqsa minħabba li l-bejgħ tal-magna kien sejjer tajjeb.

    (137)

    Fil-każ preżenti, l-għajnuna kien ikollha rwol ta’ ħlas bil-quddiem, fis-sens li kienet isservi lill-ITP ta’ garanzija li kien ikun hemm flus bizżejjed disponibbli għall-investimenti, filwaqt li dak iż-żmien kienet tippermetti lill-ITP tiffranka l-imgħaxijiet. Mhux biss l-ITP kienet tħallas lura biss is-somma kapitali iżda kienet ukoll tevita li tħallas miżata addizzjonali f’każ ta’ ksib ta’ suċċess. Il-Kummissjoni tqis dan bħala vantaġġ eċċessiv għall-impriża u stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jissuġġerixxu modi kif dan il-vantaġġ kellu jitnaqqas, jew billi jinbidel l-istrument jew inkella bl-introduzzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet li kienu jirrendu l-istrument marbut mar-riskju.

    (138)

    Il-Kummissjoni indikat ulterjorment li l-ħlasijiet bil-quddiem rimburżabbli huma strument ta’ qsim ta’ riskju li, f’każ li jinkiseb suċċess mill-proġetti, jippermettu ħlas lura mill-benefiċjarju ferm aktar minn wieħed proporzjonat: jekk il-livelli tal-bejgħ imbassra jintlaħqu, l-għajnuna titħallas lura kollha, inklużi l-imgħaxijiet. Jekk il-bejgħ jibqa’ taħt il-livelli mbassra, il-ħlas lura jitnaqqas proporzjonalment (27). Jekk il-livelli tal-bejgħ ikunu ogħla minn dawk imbassra, il-ħlas lura jaqbeż l-ammont tal-ħlas bil-quddiem li jkun intgħamel.

    (139)

    Fil-valutazzjoni tal-każ, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli waslu għall-konklużjoni li l-istrument ta’ għajnuna xieraq għal dan it-tip ta’ għajnuna huwa l-ħlas bil-quddiem rimburżabbli, bil-karatteristiċi speċifiċi kif imfissra hawn taħt.

    (140)

    L-istrument ta’ għajnuna għandu jkun strutturat madwar ir-raġunament imressaq mill-awtoritajiet Spanjoli, jiġifieri li ż-żewġ deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ għajnuna f’dan il-każ ikunu żewġ partijiet tal-istess għajnuna, b’talba unika għall-għajnuna.

    (141)

    L-iskeda modifikata għall-għajnuna għandha tigi bbażata fuq dawn l-elementi li ġejjin:

    (142)

    Il-ħruġ tal-ħlas tal-għajnuna għandu jsegwi l-iskeda prevista għaż-żewġ partijiet.

    (143)

    Il-ħlas lura huwa kkalkulat fuq it-total ta’ għajnuna mogħti lill-ITP attwalizzat skont ir-rata ta’ referenza għall-2005 (4,08 %).

    (144)

    Is-sena ffissata hija […], ibbażata fuq il-previżjonijiet li jidhru hawn taħt, meta l-ħlas lura attwalizzat għandu jitqies komplut.

    (145)

    Previżjoni prudenti ta’ kemm se jinbiegħu magni hija total ta’ […] magna (fuq bażi ta’ […] biċċa tal-ajru), u din il-previżjoni ma tinkludix sostituzzjonijiet. Din iċ-ċifra tissemma fil-pjan ta’ negozju tal-ITP li kien ġie ppreżentat lill-bord minħabba d-deċiżjoni tagħha li tinvesti fil-proġett.

    (146)

    Il-ħlasijiet lura għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammonti ta’ ewro għal kull magna mibjugħa, l-ammont għal kull magna jvarja kif ġej: sa […] magna mibjugħa (40 % tal-aħħar previżjoni) l-ITP tħallas EUR […] għal kull magna; minn […] sa […] magna (sa 85 % tal-aħħar previżjoni), l-ITP tħallas EUR […] għal kull magna; minn […] sa […] magna (l-aħħar previżjoni), l-ITP tħallas EUR […].

    (147)

    Meta ffissaw dawn l-ammonti, l-awtoritajiet Spanjoli qiesu l-fatt li l-ewwel magni jinbiegħu bi skont kummerċjali akbar. Qiesu wkoll il-fluss ta’ flus għall-proġett, li huwa diġà negattiv għall-ewwel snin minħabba li l-investiment tal-bidu huwa sinifikanti ħafna u l-bejgħ huwa mifrux fuq medda ta’ mill-inqas għoxrin sena.

    (148)

    Wara li tintlaħaq il-previżjoni mmirata ta’ […] magna, sas-sena 2043, l-ITP tħallas miżata addizzjonali ta’ 1 % tal-fatturat li jidħol mill-bejgħ ta’ kull magna bħala kumpens għas-suċċess miksub (28).

    9.3.   Bonus reġjonali

    (149)

    L-awtoritajiet Spanjoli jirrikonoxxu li skont il-Qafas R&D&I li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, ma jista’ jitħallas l-ebda bonus reġjonali għal proġetti mwettqa f’żoni megħjuna. Madankollu, huma indikaw li xtaqu jagħtu dan il-bonus almenu għall-ispejjeż eliġibbli tas-sena 2006.

    (150)

    Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ taġixxi biss skont ir-regoli li stabbilixxiet hi stess, li jinsabu fil-Qafas R&D&I. Fuq din il-bażi, il-konsiderazzjonijiet dwar l-iżvantaġġi possibbli għall-proġett imnissla mill-fatt li dan ikun twettaq f’żona megħjuna għandhom jiġu ppruvati u meqjusa fil-valutazzjoni tad-defiċjenzi tas-suq u tal-effett ta’ inċentivazzjoni.

    (151)

    Kif indikat aktar ‘il fuq, l-għajnuna għandha tiġi vvalutata fl-intier tagħha skont ir-regoli applikabbli, jiġifieri l-Qafas R&D&I. Il-Qafas R&D&I ma jinkludix aktar il-possibbiltà ta’ żieda fl-intensità ta’ għajnuna għal proġetti mwettqa f’żoni megħjuna. Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li l-intensità tal-għajnuna tkun tinkludi dan il-bonus.

    9.4.   Bonus għall-kollaborazzjoni

    (152)

    L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li fl-opinjoni tagħhom il-proġett innotifikat għandu jkun intitolat biex jirċievi bonus għal kooperazzjoni internazzjonali. Skont l-argumenti tagħhom, l-ITP qed tipparteċipa fi proġett internazzjonali għall-iżvilupp tal-magna Trent 1000 (29).

    (153)

    Fil-punt 5.1.3(b), tat-Trattat KE, il-Qafas R&D&I jiddefinixxi kundizzjonijiet preċiżi ħafna biex proġett ikun intitolat għal bonus addizzjonali għal kooperazzjoni internazzjonali: “Il-proġett irid jinvolvi kollaborazzjoni bejn mill-inqas żewġ impriżi li jkunu indipendenti minn xulxin u li l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati: […] il-proġett irid ikun […] transkonfinali, jiġifieri, l-attivitajiet R&D jridu jitwettqu f’żewġ Stati Membri differenti mill-inqas”.

    (154)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet żewġ dubji: a) Il-Kummissjoni għandha dubju jekk l-ITP u r-RR jistgħux jiġu kkunsidrati bħala impriżi indipendenti minħabba li r-RR hi azzjonista tal-ITP bi kważi 47 % tal-ishma; u b) l-attivitajiet R&D tal-proġett innotifikat ma jistgħux, fl-intier tagħhom, jitwettqu barra minn Spanja.

    9.4.1.   L-ITP u r-RR mhumiex impriżi indipendenti

    (155)

    L-awtoritajiet Spanjoli ġiebu diversi argumenti biex isostnu l-indipendenza taż-żewġ impriżi.

    (156)

    Fil-fehma tagħhom, l-ITP qed tipparteċipa fil-proġett bħala sħab fil-qsim tar-riskju f’kundizzjonijiet simili għal ta’ dawk ta’ sħab oħrajn: il-fatt li l-kundizzjonijiet għall-kuntratt huma l-istess bħal ta’ dawk ta’ sħab oħrajn fuq bażi ta’ qsim ta’ riskju u profitti (RRSP) juri li l-ITP tinsab fl-istess livell tal-RRSP l-oħra, li magħhom ir-RR ma għandha l-ebda rabta b’pussess ta’ ishma.

    (157)

    It-tieni, skont l-awtoritajiet Spanjoli, jekk l-ITP ma kenitx indipendenti, ma setgħetx taħdem għal kompetituri tar-RR bħalma huma General Electric u Honeywell.

    (158)

    It-tielet, ir-RR għandha biss 47 % tal-ishma u dan ma jammontax għal parteċipazzjoni ta’ kontroll imqabbel mat-53 % tal-ishma li għandha l-azzjonista l-oħra, Sener Aeronáutica. Il-membri tal-bord innominati mir-RR huma fil-minoranza (erbgħa minn total ta’ disgħa), bil-bqija jiġu nnominati mill-azzjonist maġġoritarju.

    (159)

    Fl-aħħat nett, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Spanjoli, l-indipendenza ġiet ipprovata wkoll mit-tul ta’ żmien tan-negozjati bejn l-ITP u r-RR dwar il-proġett, li ħadu sentejn qabel ma ntlaħaq ftehim.

    (160)

    Dawn l-argumenti ġew ippreżentati wkoll mill-ITP fl-osservazzjonijiet tagħha. B’żieda ma’ dan, skont l-ITP, l-indipendenza tagħha mir-RR għandha tkun ovvja, minħabba li l-bejgħ mill-ITP lir-RR jgħodd biss 25 % tal-fatturat tagħha fl-2008, b’tendenza li din iċ-ċifra tonqos.

    (161)

    Fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni talbet ukoll l-opinjoni tar-RR dwar jekk l-ITP u r-RR jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indipendenti. Barra dan, skont ir-RR, “l-ITP hija kumpanija legalment u finanzjarjament indipendenti u […] mhix taħt il-kontroll tar-RR. […] Madankollu, l-ITP hija kollaboratriċi importanti tar-RR f’ċerti programmi ċivili, speċjalment il-magni Trent 500 u 900, u r-RR tibqa’ żżomm il-pussess tal-ishma tagħha fl-ITP kemm biex tħares l-interessi tagħha f’dawk il-programmi kollaborattivi kif ukoll biex tgħin lill-ITP tiżviluppa f’operatur (u sħab) indipendenti fis-settur tal-ajrunawtika”.

    (162)

    Ir-RR tafferma bil-miktub ukoll li “il-ħolqien ta’ relazzjonijiet ma’ sħab strateġiċi għat-tul li jistgħu jaqsmu r-riskju, jipprovdu kapaċitajiet ta’ disinn u jagħmlu r-riżorsi disponibbli, għall-OEMs (produtturi ta’ tagħmir oriġinali) involuti fid-disinn u l-manifattura tat-turbini tal-gass huwa pass loġiku u mhux wieħed li mhux soltu jittieħed”.

    (163)

    Il-Kummissjoni vvalutat fid-dettall ir-relazzjoni bejn l-ITP u r-RR. Ir-RR hija azzjonist kbir (47 %), b’diversi membri tal-bord. Membri tar-RR jastjenu meta jiġu diskussi proġetti tar-RR, iżda min-naħa l-oħra ikunu preżenti meta jiġu deċiżi l-istrateġiji.

    (164)

    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li l-ITP pparteċipat f’diversi proġetti oħra tar-RR (it-Trent 1000 taħbat it-tielet magna kbira li fiha kienet involuta l-ITP).

    (165)

    Id-dispożizzjoni fil-Qafas R&D&I marbuta ma’ “indipendenti” għandha tigi interpretata bħala differenti minn “mhix ikkontrollata”. Fi kliem ieħor, mhuwiex biżżejjed li kumpanija ma tkunx ikkontrollata minn impriża oħra biex din il-kumpanija tkunx meqjusa dipendenti minnha.

    (166)

    B’analoġija mad-definizzjoni ta’ impriża ta’ daqs żgħir jew medju (SME) (30), impriżi li bejniethom għandhom rabtiet ta’ kapital (fil-każ preżenti parteċipazzjoni ta’ 47 %) għandhom jitqiesu bħala impriżi marbutin. Xorta waħda jistgħu jitqiesu bħala indipendenti għall-fini tal-kontroll tal-Operazzjonijiet tal-Amalgamazzjoni (31) jew mill-perspettiva tar-regoli tal-kontabilità, minħabba li l-ITP mhijiex ikkonsolidata fil-kontijiet tar-RR.

    (167)

    Fil-każ preżenti l-aspett rilevanti hu li żewġ impriżi marbutin, attivi fl-istess settur, ma jiffaċċjaw l-ebda diffikultà biex jikkollaboraw ma’ xulxin. Dan hu kkonfermat jekk il-kwistjoni titqies minn perspettiva sostanzjali, jiġifieri, jekk l-ITP u r-RR jiffaċċjaw id-diffikultajiet biex jikkollaboraw ma’ xulxin fi proġetti tal-R&D.

    (168)

    L-investiment tar-RR fl-ITP sar preċiżament sabiex tigi żviluppata relazzjoni stabbli għat-tul (32), ħaġa li hija karatteristika komuni fis-settur bejn l-OEMs u l-ewlenin fost sħabhom. Pereżempju, ir-RR tirreferi għar-rwoli ta’ Snecma u MTU bħala sħab għat-tul ta’ General Electric u Pratt&Whitney, rispettivament.

    (169)

    Fil-każ preżenti, l-ITP u r-RR stabbilixxew kollaborazzjoni fil-qasam tal-magni ajrunawtiċi. Il-proġett li qed jiġi vvalutat huwa t-tielet magna kbira żviluppata mir-RR li fil-manifattura tagħha l-ITP qed tipparteċipa bil-kbir (u dejjem fejn għandu x’jaqsam l-istess komponent, it-turbina tal-gass bi pressa baxxa). Ir-RR innifisha tirrikonoxxi li l-parteċipazzjonijiet preċedenti jiffaċilitaw u jissimplifikaw il-kollaborazzjonijiet ġejjiena.

    (170)

    Fil-valutazzjoni tal-għajnuna lill-ITP għall-parteċipazzjoni tagħha fit-Trent 500 (33), il-Kummissjoni fil-fatt innutat li l-ewwel parteċipazzjoni sinifikanti tal-ITP f’magna RR kienet ikkaratterizzata minn kollaborazzjoni internazzjonali, iżda ma pprevediet l-ebda bonus speċifiku. Madankollu, kif inhu rrikonoxxut mir-RR, l-involviment fi proġetti suċċessivi jġib miegħu għarfien reċiproku addizzjonali li progressivament inaqqas id-diffikultajiet fil-proċess ta’ kollaborazzjoni.

    (171)

    Żewġ impriżi marbutin bi sħubija stabbli għat-tul ma għandu jkollhom l-ebda diffikultà fil-proċess ta’ kollaborazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-ITP u r-RR ma jistgħux jitqiesu indipendenti minn xulxin fis-sens mitlub għall-bonus ta’ kollaborazzjoni għall-proġetti R&D.

    9.4.2.   L-attivitajiet R&D tal-proġett innotifikat għandhom kollha kemm huma jitwettqu fi Spanja

    (172)

    Fi kwalunkwe każ, it-tieni kundizzjoni li tikkonċerna n-natura transkonfinali tal-proġett ukoll mhemmx konformità magħha.

    (173)

    L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-Kummissjoni għanda tevalwa l-proġett tal-magna fl-intier tiegħu u mhux biss tevalwa l-parti li se tiġi żviluppata mill-ITP.

    (174)

    It-tieni inċiż tal-punt 5.1.3(b), tal-Qafas R&D&I jeżiġi li l-attivitajiet R&D għandhom jitwettqu mill-inqas f’żewġ Stati Membri differenti. Fil-każ preżenti, il-proġett li qed jiġi vvalutat huwa t-turbina ta’ pressa baxxa żviluppata mill-ITP. Parti kbira ħafna mill-attivitajiet R&D li huma eliġibbli għall-proġett jitwettqu biss fi Spanja, u l-ispejjeż eliġibbli jinħarġu mill-ITP fis-siti tagħha.

    (175)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni jidhrilha li mhux possibbli li tapplika l-bonus ta’ kollaborazzjoni għall-għajnuna preżenti, għaliex l-ITP u r-RR ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala indipendenti minn xulxin u għaliex l-attivitajiet R&D l-iżjed li jitwettqu huwa fi Spanja.

    (176)

    Minkejja dan, bħalma għamlet fil-każ tal-bonus reġjonali kif imfisser hawn fuq (34), il-Kummissjoni tinnota li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-bonus ta’ kollaborazzjoni ma għandu l-ebda implikazzjoni prattika, minħabba li l-intensità tal-għajnuna tibqa’ taħt il-livell stabbilit fil-Qafas R&D&I.

    9.5.   Intensità tal-għajnuna

    (177)

    Skont il-punt 5.1.5 tal-Qafas R&D&I l-intensitajiet ta’ għajnuna applikabbli għall-proġett R&D ffinanzjati permezz ta’ ħlasijiet bil-quddiem rimburżabbli huma 60 % għar-riċerka industrijali u 40 % għall-iżvilupp sperimentali. Kif indikat aktar ‘il fuq, ma jista’ jiżdied l-ebda bonus għall-proġett li qed jiġi vvalutat.

    (178)

    Kif imsemmi aktar ‘il fuq, il-proġett huwa kkaratterizzat b’madwar 39,82 % ta’ riċerka industrijali u b’madwar 60,18 % ta’ żvilupp sperimentali. L-intensità ta’ għajnuna massima globali għalhekk hija ta’ 47,93 % (35).

    (179)

    Meta jitqies li t-total tal-ispejjeż eliġibbli huwa EUR 73,567 miljun u li l-ammont ta’ għajnuna li fil-bidu l-awtoritajiet Spanjoli kellhom l-intenzjoni li jagħtu kien ta’ EUR 36,850 miljun (is-somma taż-żewġ deċiżjonijiet ta’ għoti), l-intensità ta’ għajnuna li tirriżulta kienet tkun ta’ 50 % ogħla mill-intensità massima awtorizzata.

    (180)

    Għaldaqstant, l-awtoritajiet Spanjoli jirrikonoxxu li, bħala konsegwenza tar-riklassifikazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli, kif imsemmi aktar ‘il fuq fil-paragrafi (119) sa (129), kellhom inaqqsu l-ammont ta’ għajnuna sabiex ikunu konformi mal-intensità massima ta’ għajnuna. Fl-ittra tagħhom tat-18 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-ammont finali tal-għajnuna kien se jkun EUR 35 262 400. Spanja pprovdiet ukoll skeda riveduta ta’ ħlas u refużjoni, konformi ma’ kif inhu indikat hawn fuq fil-paragrafi (141) sa (148).

    (181)

    Għaldaqstant, l-għajnuna tibqa’ taħt il-livell ta’ intensità massima ta’ għajnuna ffissat fil-Qafas R&D&I.

    9.6.   Konklużjoni dwar il-proporzjonalità

    (182)

    Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-klassifikazzjoni tal-ispejjeż eliġibbli, l-istrument ta’ għajnuna modifikat u l-adattament tal-ammont ta’ għajnuna żgurat jibqgħu proporzjonati u jinżammu f’livell minimu. Minbarra dan, dawn il-kundizzjonijiet, li huma simili għal dawk applikati f’każi li jixbhu lil dan (36), jiżguraw ukoll li l-għajnuna kollha titħallas lura f’kundizzjonijiet normali tas-suq, inkluża l-applikazzjoni tar-rati tal-imgħax tas-suq, jew anke ogħla, jekk il-bejgħ jaqbeż l-ammonti mbassra.

    10.   IMPATT FUQ IL-KOMPETIZZJONI

    (183)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni pproponiet li s-suq ta’ referenza għal dan il-każ kellu jkun is-suq għall-magni ajrunawtiċi, li huwa suq mifrux mad-dinja kollha u rat x’inhi l-opinjoni tal-partijiet interessati rigward dan l-aspett.

    (184)

    Il-Kummissjoni tfakkar li s-settur tal-magni ajrunawtiċi tikkaratterizzah il-preżenza ta’ tliet OEM’s kbar (Produtturi ta’ Tagħmir Oriġinali), ir-RR, il-General Electric (GE) u Pratt&Whitney (PW), li huma fuq quddiem nett fil-pragrammi tal-magni. Taħt dawn hemm għadd ta’ sħab tal-ewwel livell (Snecma, MTU u Avio fl-Ewropa, MHI, IHI u KHI fil-Ġappun, eċċ.) li f’ħafna każi għandhom relazzjoni għat-tul ma’ OEM uniku (bħalma għandha Snecma mal-GE) jew jaħdmu fuq bażi ta’ proġett ma’ diversi OEMs (bħal ma tagħmel il-Volvo). L-ITP hija l-iżgħar mis-sħab tal-ewwel livell.

    (185)

    L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li fis-suq dinji kollu tal-komponenti għall-magni ajrunawtiċi, l-ITP hija parteċipant iżgħar mill-kompetituri tagħha (fl-Ewropa: ir-Rolls Royce, Snecma, Avio, Volvo, MTU, eċċ.). Għaldaqstant, l-għajnuna jkollha impatt limitat ħafna minħabba d-daqs żgħir tas-suq tal-ITP, li jammonta biss għal [5-10] % tas-suq aktar limitat tat-turbini tal-gass, li huwa parti ċkejkna mis-suq akbar tal-magni. Kif imsemmi fid-deċiżjoni tal-ftuħ, it-turbini ta’ pressa baxxa huma komponent essenzjali tal-magna iżda mhux fácli li jitqiesu bħala suq sekondarju separat, ukoll għaliex dawn it-turbini jistgħu jiġu żviluppati jew minn OEMs kbar jew minn sħab tal-ewwel livell.

    (186)

    Minbarra r-RR, l-ebda parti interessata oħra ma intervjeniet matul il-proċedimenti. Meta jitqiesu l-pubbliċità mogħtija lid-deċiżjoni biex jinfetħu l-proċedimenti, u l-att żgħir ta’ parteċipanti fis-settur u d-daqs tagħhom (kollha impriżi kbar), mill-assenza ta’ kummenti l-Kummissjoni tiddeduċi li ħadd mill-kompetituri ma kien imħasseb li din l-għajnuna setgħet tfixkel l-inċentivi dinamiċi, toħloq poter fis-suq jew issostni strutturi ta’ suq ineffiċjenti.

    (187)

    Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tikkonkludi li, fl-assenza ta’ interventi min-naħa tal-kompetituri jew ta’ terzi oħra, u filwaqt li tikkunsidra s-sehem tas-suq mill-iċken li għandha l-ITP, l-impatt fuq il-kompetizzjoni huwa limitat ħafna.

    11.   GĦAJNUNA INDIRETTA LIR-RR

    (188)

    Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubju dwar għajnuna potenzjali indiretta li l-miżura nnotifikata jista’ jkollha fuq il-produttur tal-magna, ir-RR. Il-Kummissjoni nnutat li r-RR tista’ tkun benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna minħabba li kienet qed tmexxi hi il-proġett tat-Trent 1000 u kienet ukoll azzjonist kbir tal-ITP. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li din il-valutazzjoni tista’ tkun influwenzata mill-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kollaborazzjoni, li l-għajnuna seta’ kellha impatt fuqhom.

    (189)

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom matul il-fażi ta’ notifikazzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli diġà kienu indikaw li fil-fehma tagħhom ma kienx hemm għajnuna indiretta minħabba li l-flus imħallsa lir-RR mill-ITP bħala miżata tad-dħul (37) ġew mir-riżorsi proprji tagħha u ma kellhom l-ebda rabta mal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett.

    (190)

    Barra minn hekk, kif intalbu jagħmlu mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-awtoritajiet Spanjoli pprovdew id-dokumenti rilevanti kollha dwar il-kooperazzjoni bejn l-ITP u r-RR, speċjalment il-Memorandum ta’ Ftehim tal-2003 u l-Ftehim dwar Qsim ta’ Riskju u Profitti (RRSP).

    (191)

    Spanja u l-ITP osservaw li l-kuntratt bejn is-CDTI u l-ITP jindika b’mod ċar li l-ispejjeż eliġibbli huwa dawk l-ispejjeż biss li kellhom jitħallsu għall-implimentazzjoni tal-proġett u dawn kienu jeskludu l-ħlas tal-miżati mill-ITP lir-RR.

    (192)

    It-t-tieni, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li s-CDTI se tagħmel sorveljanza stretta tal-implimentazzjoni tal-kuntratt, u se tħallas l-għajnuna lill-ITP biss wara li l-ispejjeż ikunu ġew iddokumentati.

    (193)

    Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-prezzijiet applikati fir-relazzjoni kummerċjali bejn ir-RR u l-ITP huma identiċi għal dawk applikati fil-ftehimiet l-oħra tal-RRSP.

    (194)

    Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-RR fil-bidu nett iddeskriviet fid-dettall il-proċessi tan-negozjati bejn l-OEMs u l-RRSPs potenzjali u dan jinvolvi diskussjonijiet paralleli mad-diversi sħab kemm fl-Ewropa kif ukoll barra l-kontinent. Dawn id-diskussjonijiet ma jsirux fuq bażi ta’ komponent b’komponent, ukoll jekk hemm xi setturi teknoloġiċi prinċipali li l-OEMs ma jikkunsidrawx għal partenarjat, imma jinvolvu diversi livelli ta’ diskussjoni u ta’ involviment possibbli min-naħa tas-soċi. Ir-RR indikat ukoll li l-kontribuzzjonijiet għall-programmi min-naħa tas-soċi – li jistgħu jinkludu flus kontanti, xogħol ta’ inġinerija u l-provvediment ta’ servizzi u komponenti għall-iżvilupp min-naħa tal-RRSP – ikunu nnegozjati u ffissati fil-bidu tal-programm.

    (195)

    Ir-RR affermat li n-negozjati kienu saru minn distanza f’kundizzjonijiet totalment kummerċjali kif kien ġara ma’ RRSPs oħrajn. Ir-RR iddeskriviet il-ftehim mal-ITP, li hu konformi mal-ftehimiet milħuqa mal-RRSP l-oħra (38) li għandhom x’jaqsmu tat-Trent 1000. Ir-RR ippreżentat provi li l-kontribuzzjoni globali tal-ITP ma tagħti l-ebda vantaġġ finanzjarju lir-RR.

    (196)

    Fl-aħħar nett, ir-RR affermat li hi ma kenitx se tibbenifika mill-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli lill-ITP minħabba li din l-għajnuna kienet se tintuża biss fi Spanja għall-attivitajiet tal-ITP marbuta mat-turbina ta’ pressa baxxa. Ir-RR kienet se tirċievi benefiċċju biss permezz tad-dividenti li tkun intitolata għalihom bħala azzjonist tal-impriża.

    (197)

    En passant, il-Kummissjoni tinnota li dawn l-argumenti jikkonfermaw ukoll l-inapplikabbiltà tal-bonus għall-kollaborazzjoni (ara l-paragrafi (172) sa (176) ta’ hawn fuq). Billi l-benefiċjarju uniku tal-għajnuna huwa l-ITP, din għandha terfa’ l-piż sħiħ tal-ispejjeż eliġibbli. L-ewwel inċiż tal-5.1.3(i)(b) tal-Qafas R&D&I, jeżiġi li l-ebda impriża waħedha ma għandha terfa’ piż ta’ aktar minn 70 % tal-ispejjeż eliġibbli, li ċarament mhuwiex dak li qed jiġri fil-każ preżenti.

    (198)

    Fil-valutazzjoni tagħha ta’ dawn l-argumenti, il-Kummissjoni tinnota fil-bidu nett li d-dokumenti sottomessi mill-awtoritajiet Spanjoli u l-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati indikaw li l-ftehim RRSP bejn l-ITP u r-RR kien bla dubju nnegozjat f’termini kummerċjali.

    (199)

    It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li kienu tħallsu spejjeż eliġibbli biss fi Spanja u li l-ebda kosti marbuta mal-attivitajiet tar-RR jew imwettqa fil-bini tar-RR mhuma inklużi fil-proġett eliġibbli.

    (200)

    It-tielet, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-pożizzjoni ta’ azzjonist li għandha r-RR ma tagħtihiex vantaġġ mill-għajnuna mogħtija lill-ITP, ħlief il-vantaġġ imnissel mill-ħolqien ta’ partenarjat għat-tul.

    (201)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li hu possibbli jingħad li l-OEMs għandhom vantaġġ jekk l-RRSPs tagħhom jibbenefikaw mill-għajnuna, li tippermetti li l-RRSPs jinvestu b’mod sinifikanti fi programmi kbar ta’ kostruzzjoni ta’ magni u tippermetti wkoll li l-OEMs infushom jaqsmu r-riskji assoċjati ma’ dawn il-programmi.

    (202)

    Madankollu, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinnota li dan il-vantaġġ huwa inevitabbilment limitat, jekk jiġi mqabbel mal-investimenti totali tal-OEMs f’dawn il-programmi. Il-vantaġġ ikun limitat aktar u aktar jekk jitqabbel mad-daqs totali tas-suq tal-magni u mal-fatturat globali tal-OEMs.

    (203)

    Fi kwalunkwe każ, dan il-vantaġġ jidher li hu impossibbli li jiġi kkwantifikat minħabba li l-kwantifikazzjoni tiegħu tkun teħtieġ li tiġi bbażata fuq paragun ma’ xenarji alternattivi ta’ organizzazzjonijiet għall-programmi minħabba l-kumplessità tan-negozjati fuq l-RRSPs.

    (204)

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota li dan il-vantaġġ ma jimplikax trasferiment ta’ fondi pubbliċi mill-Istat lill-OEM, speċjalment f’dan il-każ fejn l-ispejjeż eliġibbli kollha kienu ġġenerati fi Spanja.

    (205)

    Minħabba li ma jeżisti l-ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, u b’vantaġġ limitat li mhuwiex kwantifikabbli, il-Kummissjoni tista’ għalhekk tikkonkludi li r-RR mhux qed tirċievi għajnuna indiretta mis-sostenn mogħti mill-awtoritajiet Spanjoli lill-ITP.

    12.   PROVA TA’ BILANĊJAR

    (206)

    Skont il-punt 7.5 tal-Qafas R&D&I, fid-dawl ta’ dawn l-aspetti kollha pożittivi u negattivi li ġew ivvalutati hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tibbilanċja l-effetti tal-miżura u tiddetermina jekk id-deformazzjonijiet li jirriżultaw jaffettwawx b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad kuntrarju għall-interess komuni.

    (207)

    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għandha effetti pożittivi sal-punt li din tindirizza defiċjenza tas-suq, li jkollha effett ta’ inċentivazzjoni għall-benefiċjarju u li tingħata permezz ta’ strument xieraq li jiżgura li l-għajnuna tkun proporzjonata.

    (208)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-effetti negattivi tal-miżura huma limitati billi t-tfixkil tal-kompetizzjoni maħluq mill-għajnuna mhuwiex kbir u billi ma jgerrixx l-investimenti mill-kompetituri, ma joħloqx pożizzjoni ta’ poter fis-suq u ma jippreżervax struttura ta’ suq ineffiċjenti.

    (209)

    Fl-ibbilanċjar ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-awtoritajiet Spanjoli aċċettaw li jnaqqsu l-ammont tal-ispejjeż eliġibbli, li jirrevedu l-klassifikazzjoni tagħhom, li jadattaw l-istrument tal-għajnuna u li jirriduċu l-ammont globali tal-għajnuna.

    (210)

    L-awtoritajiet Spanjoli għandhom jipprovdu rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna, li jippermetti lill-Kummissjoni tissorvelja l-miżura.

    (211)

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tinsab f’kundizzjoni li tafferma li l-prova tal-ibbilanċjar għall-għajnuna li qed tiġi vvalutata hija pożittiva.

    13.   KONKLUŻJONIJIET

    (212)

    Fuq il-bażi tal-elementi esposti hawn fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li ma għandhiex tqajjem oġġezzjonijiet għall-għajnuna ta’ EUR 35 262 400 li Spanja bi ħsiebha tagħti lill-ITP għall-iżvilupp tat-turbina ta’ pressa baxxa tal-magna Trent 1000 żviluppata mir-RR għall-Boeing 787.

    (213)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni jidhrilha li l-għajnuna mogħtija minn Spanja ma tinvolvi l-ebda għajnuna indiretta lir-RR.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li Spanja bi ħsiebha tagħti lill-ITP, li tammonta għal EUR 35 262 400, hija kompatibbli mas-suq komuni.

    Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-għajnuna qed tiġi awtorizzata.

    Artikolu 2

    Id-destinatarju tad-Deċiżjoni preżenti huwa r-Renju ta’ Spanja.

    Magħmula fi Brussell, 21 ta’ Ottubru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU C 108, 12.5.2007, p. 18.

    (2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (3)  Il-każi C 38/01 u N 165/03 rispettivament.

    (*)  Sigriet kummerċjali.

    (4)  L-ittri tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Novembru 2006.

    (5)  Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-iskema amministrata mis-CDTI kienet fis-seħħ qabel l-adeżjoni ta’ Spanja mal-Komunità Ewropea fl-1986.

    (6)  Għandu jiġi nnutat ukoll li l-ITP hija l-uniku manifattur Spanjol f’dan is-settur.

    (7)  C 38/01 u N 165/03.

    (8)  Teżisti dispożizzjoni simili fil-punt 38 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali Nazzjonali (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13) li jobbligaw lill-Istat Membru jinnotifika lill-benefiċjarju li hu jkun bi ħsiebu joħroġlu l-għajnuna. Dan għandu jagħmlu permezz ta’ ittra ta’ intenzjoni.

    (9)  www.cdti.es.

    (10)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

    (11)  Ara l-ewwel paragrafu tad-deċiżjoni tal-ftuħ fejn tinsab imnedija l-proċedura.

    (12)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14.5.2002 fil-kawża T-126/99, Graphischer Maschinenbau Gmbh kontra l-Kummissjoni Rec 2002, p. II-02427.

    (13)  Ara, pereżempju, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-każi N 165/03 (Spanja, għajnuna lill-ITP għat-Trent 900), N 372/05 (Franza, għajnuna lil Snecma għall-magna SaM 146), N 120/01 (ir-Renju Unit, għajnuna lir-Rolls-Royce għall-iżvilupp tal-magni Trent 600 u Trent 900), u fi żmien aktar riċenti dwar il-każi N 195/07 (il-Ġermanja, għajnuna lir-Rolls-Royce Deutschland), u N 447/07 (Franza, għajnuna lil Turbomeca).

    (14)  B’mod partikolari HEGAN, il-pjattaforma Baska fis-settur ajrunawtiku.

    (15)  Il-punt 54 bis tad-dokument 15931/05 tal-Kunsill Ewropew dwar il-Perspettivi Finanzjarji 2007-2013.

    (16)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-każ N 626/06, dwar il-Mappa Reġjonali Spanjola, adottata fl-20.12.2006.

    (17)  Fl-2007 u l-2008, il-Kummissjoni approvat diversi skemi ta’ għajnuna li jsostnu attivitajiet tal-R&D nnotifikati mill-awtoritajiet Spanjoli.

    (18)  Ara, pereżempju, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat - Anqas għajnuna mill-Istat b’definizzjoni aħjar tal-għanijiet tagħha: programm ta’ ħidma għar-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005 – 2009, COM(2005) 107 finali, adottat mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Ġunju 2005.

    (19)  Għaldaqstant, mhemm l-ebda bonus reġjonali fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li ġie adottat reċentement u li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni mill-Kategoriji ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

    (20)  Ara wkoll il-paragrafu (31) aktar ‘il fuq.

    (21)  Dan l-argument huwa diskuss f’aktar dettall fit-Taqsima li jmiss (ara t-Taqsima li jmiss tad-deċiżjoni, il-paragrafu 104 u dawk li jiġu warajh.

    (22)  It-Trent 500 u t-Trent 900, soġġetti għall-każi C 38/01 u N 165/03, rispettivament.

    (23)  Għandu jiġi nnutat ukoll li fl-istess preżentazzjoni tintgħamel referenza għal diffikultajiet potenzjali fid-diskussjonijiet mal-Kummissjoni, iżda li, fl-agħar każi, fiha referenzi għal xi aġġustament tal-ammonti u tal-kundizzjoni u ma jissemmiex ir-riskju ta’ projbizzjoni totali tal-għajnuna. Madankollu, din ir-referenza ma tqajjem l-ebda aspettattiva leġittima min-naħa tal-impriża biex tirċievi l-għajnuna hi. Ir-referenza sempliċement tirrifletti l-esperjenza tal-impriża f’żewġ każi preċedenti ta’ għajnuna mill-Istat.

    (24)  Speċjalment fuq il-proġetti li l-fondi għalihom ġew mill-Programm Qafas għall-R&D – ara d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għal riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007-2013), ĠU L 412 tat-30.12.2006, p. 1, - u dwar il-prattika tagħha fl-evalwazzjoni tal-każi ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur tal-magni ajrunawtiċi.

    (25)  Dawn l-istandards jippermettu klassifikazzjoni differenti fil-kontijiet tal-ispejjeż marbuta mar-riċerka industrijali, ikklassifikata bħala nefqa, u żvilupp sperimentali, ikklassifikat bħala assi.

    (26)  Fl-ittra tagħha tal-25.2.2008, l-ITP tinnota li kienet applikat għal “self fiss rimburżabbli f’każ li l-proġett jikseb suċċess”.

    (27)  U t-tfixkil tal-kompetizzjoni hu aktar limitat minħabba li l-proġett ma kellux suċċess.

    (28)  Il-Qafas R&D&I jipprevedi b’mod espliċitu li f’każ li s-suċċess jaqbeż ir-riżultat li jkun ġie ddefinit bħala l-livell ta’ suċċess, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun intitolat biex jitlob ħlasijiet ogħla mill-ħlas lura tal-ħlas bil-quddiem (ara s-sitt paragrafu tat-Taqsima 5.1.5).

    (29)  L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw ukoll li bonus ta’ dan it-tip kien ġie awtorizzat f’każijiet preċedenti li jikkonċernaw lill-ITP.

    (30)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    (31)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ir-“Regolament Komunitarju dwar l-Amalgamazzjonijiet”), fil-ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.).

    (32)  Fi kliem ir-RR: “Ir-RR żviluppat relazzjoni produttiva ta’ xogħol mal-ITP u min-naħa tagħha l-ITP kisbet għarfien profond tal-prattiki ta’ xogħol, proċeduri, għodod u metodi tar-RR”.

    (33)  Il-Każ C 38/01 (ĠU L 61, 27.2.2004, p. 87).

    (34)  Ara l-paragrafi 149, 150 u 151 ta’ hawn fuq.

    (35)  60,1 × 40 % + 39,82 × 60 % = 47,93 %

    (36)  Il-Każi Eurocopter N 186/06, Turbomeca N 447/07 u Rolls-Royce Deutschland N 195/07.

    (37)  Hija prattika normali fis-settur li RRSP tħallas miżata ta’ dħul lill-OEM.

    (38)  Ir-RR ma għandha l-ebda rabta ma’ dawn l-impriżi bħala azzjonist.


    Top