Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2007:315:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 315, 03 ta' Diċembru 2007


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1725-5104

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

L 315

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 50
3 ta' Diċembru 2007


Werrej

 

I   Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70

1

 

*

Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji

14

 

*

Regolament (KE) Nru 1372/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità ( 1 )

42

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji

44

 

*

Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità

51

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti adottati skond it-Trattati tal-KE/Euratom li l-pubblikazzjoni tagħhom hija obbligatorja

REGOLAMENTI

3.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 315/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1370/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ottubru 2007

dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 71 u 89 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Artikolu 16 tat-Trattat jikkonferma l-post okkupat mis-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fost il-valuri komuni ta' l-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 86(2) tat-Trattat jistabbilixxi li l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali huma soġġetti għar-regoli fit-Trattat, b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, sakemm l-applikazzjoni ta' tali regoli ma tostakolax il-prestazzjoni, fil-liġi jew de facto, tax-xogħlijiet partikolari assenjati lilhom.

(3)

L-Artikolu 73 tat-Trattat jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward ta' l-Artikolu 86(2). Dan jistabbilixxi regoli applikabbli għall-kumpens ta' obbligi ta' servizz pubbliku fit-trasport fuq l-art.

(4)

L-objettivi ewlenin tal-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2001, “Il-politika Ewropea tat-trasport għal 2010: iż-żmien għad-deċiżjonijiet”, huma li jiġu garantiti servizzi tat-trasport tal-passiġġieri sikuri, effiċjenti u ta' kwalità għolja permezz ta' kompetizzjoni rregolata, li tiggarantixxi wkoll it-trasparenza u l-prestazzjoni ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri, wara li jiġu kkonsidrati fatturi soċjali, ambjentali u ta' żvilupp reġjonali, jew biex jiġu offruti kondizzjonijiet speċifiċi ta' tariffi lil ċerti kategoriji ta' vjaġġaturi, bħall-pensjonanti, u biex jiġu eliminati d-disparitajiet bejn impriżi tat-trasport mill-Istati Membri differenti li jistgħu jwasslu għal distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni.

(5)

Fil-preżent, ħafna mis-servizzi għal trasport ta' passiġġieri fuq l-art li huma meħtieġa fl-interess ekonomiku ġenerali ma jistgħux jitħaddmu fuq bażi kummerċjali. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaġixxu biex jiżguraw li tali servizzi jiġu pprovduti. Il-mekkaniżmi li jistgħu jużaw biex jiżguraw li servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jiġu pprovduti jinkludu dawn li ġejjin: l-għoti ta' drittijiet esklussivi lill-operaturi ta' servizz pubbliku, l-għoti ta' kumpens finanzjarju lill-operaturi ta' servizz pubbliku u d-definizzjoni tar-regoli ġenerali għall-operat tat-trasport pubbliku li huma applikabbli għall-operaturi kollha. Jekk l-Istati Membri, b'konformità ma' dan ir-Regolament, jagħżlu li jeskludu ċerti regoli ġenerali mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, japplika r-reġim ġenerali għall-għajnuna mill-Istat.

(6)

Bosta mill-Istati Membri promulgaw leġiżlazzjoni li tipprovdi għall-għoti ta' drittijiet esklussivi u kuntratti għal servizz pubbliku f'ta' lanqas parti mis-suq tagħhom tat-trasport pubbliku, abbażi ta' proċeduri ta' għażla trasparenti u ġusti. B'riżultat ta' dan, in-negozju bejn l-Istati Membri żviluppa b'mod sinifikanti u bosta operaturi ta' servizz pubbliku issa qegħdin jipprovdu servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri f'iktar minn Stat Membru wieħed. Madankollu, żviluppi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali wasslu għal disparitajiet fil-proċeduri applikati u ħolqu inċertezza legali rigward id-drittijiet ta' l-operaturi ta' servizz pubbliku u d-dmirijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti. Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri fir-rigward ta' obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (4), ma jkoprix il-mod li bih għandhom jingħataw il-kuntratti għal servizz pubbliku fil-Komunità, u b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom għandhom ikunu s-suġġett ta' sejħa kompetittiva għall-offerti. Il-qafas legali tal-Komunità għandu għaldaqstant jiġi aġġornat.

(7)

Studji li saru u l-esperjenza ta' l-Istati Membri fejn ilha teżisti kompetizzjoni fis-settur tat-trasport pubbliku għal numru ta' snin juru li, b'salvagwardji xierqa, l-introduzzjoni ta' kompetizzjoni rregolata bejn operaturi twassal għal servizzi aktar attraenti u innovattivi bi prezz orħos u li x'aktarx ma tostakolax il-prestazzjoni tax-xogħlijiet speċifiċi li jkunu ngħataw lill-operaturi ta' servizz pubbliku. Dan l-approċċ ġie approvat mill-Kunsill Ewropew taħt 'l hekk imsejjaħ Proċess ta' Liżbona tat-28 ta' Marzu 2000 li stieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri, kull wieħed skond il-poteri rispettivi tiegħu, biex “jaċċelleraw l-liberalizzazzjoni f'oqsma bħalma huma … t-trasport”.

(8)

Is-swieq tat-trasport ta' passiġġieri li tneħħew mir-regolamentazzjoni u li fihom m'hemm l-ebda dritt esklussiv għandhom jitħallew iżommu l-karatteristiċi tagħhom u l-mod kif jiffunzjonaw sakemm huma kompatibbli mar-rekwiżiti tat-Trattat.

(9)

Biex ikunu jistgħu jorganizzaw is-servizzi tat-trasport pubbliku ta' passiġġieri tagħhom bl-iktar mod adatt għall-ħtiġijiet tal-pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom ikunu jistgħu jagħżlu liberament l-operaturi ta' servizz pubbliku tagħhom, b'kont meħud ta' l-interessi ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju, taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza, tat-trattament ugwali ta' l-operaturi li qed jikkompetu u tal-proporzjonalità, meta jingħataw kumpens jew drittijiet esklussivi, huwa meħtieġ li kuntratt għal servizz pubbliku bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur magħżul ta' servizz pubbliku jiddefinixxi n-natura ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku u r-rimborż miftiehem. Il-forma jew it-titolu tal-kuntratt jista' jvarja skond is-sistemi legali ta' l-Istati Membri.

(10)

Kontra r-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jestendi għas-servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni, mhux ikkonsidrat rakkomandabbli li dan ir-Regolament ġdid ikopri l-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku f'dak is-settur speċifiku. L-organizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq passaġġi fuq l-ilma interni u, sa fejn dawn ma jkunux koperti b'liġi Komunitarja speċifika, f'ibħra nazzjonali hija għaldaqstant soġġetta għall-konformità mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat, sakemm l-Istati Membri ma jagħżlux li japplikaw dan ir-Regolament f’dawk is-setturi speċifiċi. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma jimpedixxux l-integrazzjoni ta' servizzi fuq passaġġi fuq l-ilma interni u ibħra nazzjonali f'network usa' għall-passiġġieri ta' trasport pubbliku urban, suburban jew reġjonali.

(11)

Kontra r-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu kien jestendi għas-servizzi ta' trasport tal-merkanzija, mhux ikkonsidrat rakkomandabbli li dan ir-Regolament ikopri l-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku f'dak is-settur speċifiku. Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-organizzazzjoni ta' servizzi tat-trasport tal-merkanzija għaldaqstant għandha tkun soġġetta għall-konformità mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat.

(12)

Huwa rrilevanti mill-aspett tal-liġi Komunitarja jekk servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri humiex mħaddma minn impriżi pubbliċi jew privati. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipji tan-newtralità fis-rigward tas-sistema ta' proprjetà msemmija fl-Artikolu 295 tat-Trattat, tal-libertà ta' l-Istati Membri li jiddefinixxu servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, imsemmi fl-Artikolu 16 tat-Trattat, u tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità msemmija fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(13)

Ċerti servizzi, ħafna drabi marbuta ma' infrastruttura speċifika, huma prinċipalment imħaddma għall-interess storiku jew valur turistiku tagħhom. Ġaladarba l-għan ta' dawn l-operazzjonijiet huwa b'mod ċar differenti mill-provvista ta' trasport pubbliku lill-passiġġieri, ma għandhomx għaldaqstant ikunu ggvernati bir-regoli u proċeduri applikabbli għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku.

(14)

Fejn l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli għall-organizzazzjoni tar-rettikolat tat-trasport pubbliku, minbarra l-operat attwali tas-servizz tat-trasport, dan jista' jkopri sensiela sħiħa ta' attivitajiet u dmirijiet oħrajn li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu liberi li jwettqu huma stess jew li jassenjaw, għal kollox jew parzjalment, lil parti terza.

(15)

Kuntratti ta' terminu twil jistgħu jwasslu għall-għeluq tas-suq għal perijodu itwal minn dak meħtieġ, li b'hekk inaqqas il-benefiċċji tal-pressjoni tal-kompetizzjoni. Sabiex tiġi minimizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni filwaqt li tiġi protetta l-kwalità tas-servizzi, il-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jkunu għal perijodu limitat. L-estensjoni ta' tali kuntratti tista' tkun suġġetta għal konferma pożittiva mill-utenti. F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-estensjoni tal-kuntratti għal servizz pubbliku b'massimu ta' nofs it-tul ta' żmien inizjali tagħhom fejn l-operatur ta' servizz pubbliku għandu jinvesti f'assi li għalihom il-perijodu ta' deprezzament ikun eċċezzjonali u, minħabba l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tagħhom, fil-każ tar-reġjuni l-aktar imbegħda kif speċifikat fl-Artikolu 299 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Barra minn hekk, fil-każ li operatur ta' servizz pubbliku jagħmel investimenti f'infrastruttura jew f'rolling stock u vetturi li huma eċċezzjonali fis-sens li t-tnejn jikkonċernaw ammonti kbar ta' fondi, u jekk il-kuntratt jingħata wara proċedura ta' sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva, estensjoni saħansitra itwal għandha tkun possibbli.

(16)

Meta l-konklużjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku tista' tinvolvi bidla fl-operatur ta' servizz pubbliku, għandu jkun possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jitolbu lill-operatur ta' servizz pubbliku magħżul biex japplika d-disposizzjonjiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (5). Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jissalvagwardjaw il-kondizzjonijiet tat-trasferiment tad-drittijiet ta' l-impjegati minbarra dawk koperti bid-Direttiva 2001/23/KE, u b'hekk, jekk xieraq, jieħdu kont ta' l-istandards soċjali stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn l-imsieħba soċjali.

(17)

Skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà, l-awtoritajiet kompetenti huma ħielsa li jistabbilixxu kriterji soċjali u ta' kwalità biex iżommu u jgħollu l-istandards ta' kwalità għall-obbligi ta' sevizz pubbliku, per eżempju fir-rigward tal-kondizzjonijiet minimi tax-xogħol, tad-drittijiet ta' passiġġieri, tal-bżonnijiet tal-persuni b'diżabbiltà jew tal-protezzjoni ambjentali, tas-sigurtà tal-passiġġieri u ta' l-impjegati kif ukoll obbligi ta' ftehim kollettiv u regoli u ftehimiet oħrajn rigward postijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali fil-post fejn ikun provdut is-servizz. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni trasparenti u paragunabbli bejn l-operaturi u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' dumping soċjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu ħielsa li jimponu standards soċjali u ta' servizz ta' kwalità speċifiċi.

(18)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali jew fin-nuqqas ta' din kwalunkwe awtorità nazzjonali, tista' tagħżel li tipprovdi s-servizzi pubbliċi għal trasport ta' passiġġieri tagħha stess fiż-żona li hi tamministra jew li tafdahom lil operatur intern mingħajr sejħa kompetittiva għal offerti. Madankollu, jeħtieġ li din il-possibilità ta' awto-forniment tiġi rregolata strettament biex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali. L-awtorità jew grupp ta' awtoritajiet kompetenti li jipprovdu servizzi pubbliċi integrati tat-trasport tal-passiġġieri, b'mod kollettiv jew permezz tal-membri tagħhom, għandhom jeżerċitaw il-kontroll meħtieġ. Barra minn hekk, awtorità kompetenti li tipprovdi s-servizzi ta' trasport tagħha stess jew operatur intern għandhom ikunu projbiti milli jieħdu sehem fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi barra t-territorju ta' dik l-awtorità. L-awtorità li tikkontrolla l-operatur intern għandha wkoll titħalla tiprojbixxi lil dan l-operatur milli jieħu sehem fi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti kompetittivi organizzati fit-territorju tagħha. Restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ta' operatur intern ma jinterferixxux mal-possibbiltà li jingħataw direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta' mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. Barra minn hekk, l-għotja direttata' kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' ferrovija tqila ma tbiddilx il-possibbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti li jagħtu lil operatur intern kuntratti għal servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri b'mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm.

(19)

L-għoti ta' sub-kuntratti jista' jikkontribwixxi għal trasport pubbliku ta' passiġġieri li hu aktar effiċjenti u jippermetti l-parteċipazzjoni ta' impriżi oħrajn minbarra l-operatur ta' servizz pubbliku li kien mogħti l-kuntratt għal servizz pubbliku. Madankollu, bil-ħsieb għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw il-modalitajiet għas-sub-kuntrattar tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' servizzi mogħtija minn operatur intern. Barra minn hekk, subkuntrattur m'għandux jitwaqqaf milli jieħu sehem f'offerti kompetittivi fit-territorju ta' kwalunkwe awtorità kompetenti. L-għażla ta' subkuntrattur minn awtorità kompetenti jew l-operatur intern tagħha trid issir b'konformità mal-liġi Komunitarja.

(20)

Meta awtorità pubblika tagħżel li tafda servizz ta' interess ġenerali lil parti terza, hija għandha tagħżel l-operatur ta' servizz pubbliku skond il-liġi Komunitarja dwar il-kuntratti u l-konċessjonijiet pubbliċi, kif stabbilit mill-Artikoli 43 sa 49 tat-Trattat tal-KE, u l-prinċipji tat-trasparenza u trattament ugwali. B'mod partikolari, id-dispożizzjonjiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi applikabbli għall-awtoritajiet pubbliċi permezz tad-Direttivi dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, meta l-kuntratti għal servizz pubbliku jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(21)

Protezzjoni legali effettiva għandha tkun garantita, mhux biss għall-għotjiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta' l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (6) u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (7), iżda wkoll fil-każ ta' kuntratti oħrajn mogħtija skond dan ir-Regolament. Proċedura ta' reviżjoni effettiva hija meħtieġa u għandha tkun paragunabbli, fejn ikun xieraq, mal-proċeduri relevanti stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (8) u d-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (9).

(22)

Xi sejħiet għal offerti jeħtieġu lill-awtoritajiet kompetenti li jiddefinixxu u jiddeskrivu sistemi kumplessi. Dawn l-aawtoritajiet għandhom għalhekk jiġu mogħtija s-setgħa, meta jagħtu kuntratti f'tali każijiet, biex jinnegozjaw dettalji ma' xi wħud jew l-operaturi ta' servizz pubbliku potenzjali kollha wara li l-offerti jkunu ġew ippreżentati.

(23)

Sejħiet għal offerti għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku m'għandhomx ikunu mandatorji meta l-kuntratt ikollu x'jaqsam ma' ammonti jew distanzi żgħar. F'dan ir-rigward, ammonti jew distanzi akbar għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu kont ta' l-interessi speċjali ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju. L-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx ikunu jistgħu jaqsmu kuntratti jew rettikolati sabiex jevitaw sejħiet għal offerti.

(24)

Fejn ikun hemm riskju ta' sfrattar tal-forniment tas-servizzi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom is-setgħa li jintroduċu miżuri ta' urġenza għal terminu qasir sakemm jingħata kuntratt ġdid ta' servizz pubbliku li jkun f'konformità mal-kondizzjonijiet kollha għall-għoti ta' kuntratt stipulati f'dan ir-Regolament.

(25)

It-trasport pubbliku tal-passiġġieri fuq il-ferroviji jqajjem kwistjonijiet speċifiċi ta' piż ta' l-investimenti u l-ispiża infrastrutturali. F'Marzu 2004, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta' Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (10) sabiex tiżgura aċċess lill-impriżi ferrovjarji kollha tal-Komunità għall-infrastruttura ta' kull Stat Membru bil-għan li jiġu mħaddma servizzi internazzjonali tal-passiġġieri. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi qafas legali għall-kumpens u/jew drittijiet esklussivi għal kuntratti għal servizz pubbliku u mhux il-ftuħ ulterjuri tas-suq għal servizzi tal-ferroviji.

(26)

Fil-każ ta' servizzi pubbliċi, dan ir-Regolament jippermetti lil kull awtorità kompetenti, fil-kuntest ta' kuntratt għal servizz pubbliku, li tagħżel l-operatur tagħha tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri. Minħabba d-differenzi fil-mod li l-Istati Membri jorganizzaw it-territorju tagħhom f'dan ir-rigward, awtoritajiet kompetenti jistgħu bir-raġun jitħallew jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku direttament għal vjaġġar bil-ferrovija.

(27)

Il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti biex ikopri l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku għandu jiġi kkalkolat b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Meta awtorità kompetenti tippjana li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku mingħajr sejħa kompetittiva għall-offerti, jeħtiġilha wkoll tirrispetta r-regoli dettaljati li jiżguraw li l-ammont tal-kumpens ikun xieraq u jirrifletti xewqa għall-effiċjenza u l-kwalità ta' servizzi.

(28)

Billi jikkonsidraw b'mod xieraq l-effetti tar-rispett ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku fuq it-talba għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fl-iskema ta' kalkolu stipulata fl-Anness, l-awtorità kompetenti u l-operatur ta' servizz pubbliku jistgħu jagħtu prova li kumpens żejjed ġie evitat.

(29)

Bil-ħsieb li jingħata kuntratt ta' servizz pubbiku bl-eċċezzjoni ta' miżuri ta' emerġenza u kuntratti fir-rigward ta' distanzi modesti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirreklamaw, mill-inqas sena minn qabel, il-fatt, li għandhom il-ħsieb li jagħtu tali kuntratti, sabiex l-operaturi potenzjali jkunu jistgħu jirreaġixxu.

(30)

Kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament għandhom ikunu soġġetti għal aktar trasparenza.

(31)

Ġaladarba l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li jsir provvediment għal arranġamenti tranżitorji. Bil-ħsieb ta' għoti gradwali ta' kuntratti għal servizz pubbliku b'mod konformi ma' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport ta' progress fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta' transizzjoni. Il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri xierqa abbażi ta' dawn ir-rapporti.

(32)

Matul il-perijodu tranżitorju, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti tista' ssir fi żminijiet differenti. Huwa għalhekk possibbli, matul dan il-perijodu, li operaturi ta' servizz pubbliku minn swieq li għadhom ma ġewx affetwati mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jagħtu offerta għal kuntratti għal servizz pubbliku fi swieq li jkunu nfetħu iktar malajr għall-kompetizzjoni kontrollata. Sabiex jiġi evitat, permezz ta' azzjoni proporzjonata, kwalunkwe żbilanċ fil-ftuħ tas-suq tat-trasport pubbliku, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jirrifjutaw, fit-tieni nofs tal-perijodu ta' transizzjoni, offerti minn impriżi li aktar minn nofs il-valur tas-servizzi tat-trasport pubbliku li huma jwettqu m'humiex mogħtija skond dan ir-Regolament, kemm-il darba dan jiġi applikat mingħajr diskriminazzjoni u deċiż qabel ma tkun saret sejħa għall-offerti.

(33)

Fil-paragrafi 87 sa 95 tas-sentenza tagħha ta' l-24 ta' Lulju 2003 fil-każ C-280/00 Altmark Trans GmbH (11), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li kumpens għas-servizz pubbliku ma jikkostitwixxix vantaġġ fit-tifsira ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE, kemm-il darba jkunu sodisfatti erba' kondizzjonijiet kumulattivi. Meta dawk il-kondizzjonijiet ma jiġux sodisfatti u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) tat-Trattat jintlaħqu, il-kumpens għas-servizz pubbliku jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u huwa suġġett għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat.

(34)

Kumpens għal servizz pubbliku jista' jkun meħtieġ fis-settur tat-trasport ta' passiġġieri fuq l-art sabiex l-impriżi responsabbli għas-servizzi pubbliċi joperaw abbażi ta' prinċipji u taħt kondizzjonjiet li jippermettulhom iwettqu l-kompiti tagħhom. Tali kumpens jista' jkun kompatibbli mat-Trattat skond l-Artikolu 73 taħt ċerti kondizzjonijiet. L-ewwelnett, dan għandu jingħata biex jiġi żgurat il-forniment ta' servizzi li huma servizzi ta' interess ġenerali fis-sens tat-tifsira tat-Trattat. It-tieninett, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni ma jistax jeċċedi dak li hu meħtieġ biex ikunu koperti l-ispejjeż netti kkawżati mit-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, meta jittieħed kont tad-dħul iġġenerat minnu kif ukoll ta' qligħ raġonevoli.

(35)

Il-kumpens mogħti mill-awtoritajiet kompetenti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jista' għalhekk jiġi eżentat mill-obbligu ta' notifika bil-quddiem mill-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

(36)

Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 li għaldaqstant għandu jiġi mħassar. Fis-servizzi tat-trasport pubbliku ta' merkanzija perijodu ta' transizzjoni ta' tliet snin se jgħin it-tneħħija gradwali ta' kumpens mhux awtorizzat mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat. Kwalunkwe kumpens mogħti b'rabta mal-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri minbarra dawk koperti minn dan ir-Regolament ġdid li jirriskja li jinvolvi għajnuniet mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) tat-Trattat għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, inkluż kwalunkwe interpretazzjoni rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u speċjalment id-deċiżjoni fis-sentenza tagħha fil-każ C-280/00 Altmark Trans GmbH. Għalhekk, meta teżamina tali każi, il-Kummissjoni għandha tapplika prinċipji simili għal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament jew fejn, xieraq, leġiżlazzjoni oħra fil-qasam ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali.

(37)

Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70 ta' l-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (12), huwa kopert b'dan ir-Regolament. Dak ir-Regolament ta' qabel hu meqjus bħala li m'għadux ta' użu filwaqt li jillimita l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 73 tat-Trattat mingħajr ma' joffri bażi legali adegwata għall-awtorizzazzjoni ta' skemi ta' investiment attwali, b'mod partikolari b'rabta' ma' investiment fl-infrastruttura tat-trasport fi sħubija pubblika privata. Għaldaqstant għandu jiġi rrevokat sabiex l-Artikolu 73 tat-Trattat jista' jiġi applikat kif suppost għall-iżviluppi kontinwi fis-settur mingħajr preġudizzju għal dan ir-Regolament jew għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' l-impriżi tal-ferrovija (13). Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata aktar l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji rilevanti, il-Kummissjoni ser tipproponi linji gwida ta' l-għajnuna ta' l-Istat għall-investiment fil-ferroviji inkluż investiment fl-infrastruttura matul l-2007.

(38)

Bil-ħsieb li ssir valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-iżviluppi fil-forniment ta' trasport pubbliku għall-passiġġieri fil-Komunità, b'mod partikolari l-kwalità tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri u l-effetti ta' kuntratti għal servizz pubbliku b'għotja diretta, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport. Dan ir-rapport jista' — jekk meħtieġ — jiġi akkumpanjat minn proposti adegwati biex jiġi emendat dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Skop u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-iskop ta' dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta' passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta' servizzi ta' interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta' kwalità għola jew ta' prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista' tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta' servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta' obbligi tat-trasport pubbliku.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b'mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan ir-Regolament għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u, bla preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (14), b'ibħra nazzjonali.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal konċessjonijiet ta' xogħlijiet pubbliċi fis-sens ta' l-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 2004/17/KE jew l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2004/18/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“trasport pubbliku għall-passiġġieri” tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta' awtoritajiet pubbliċi ta' Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f'żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

(ċ)

“awtorità lokali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta' kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

(d)

“operatur ta' servizz pubbliku” tfisser kwalunkwe impriża pubblika jew privata jew grupp ta' tali impriżi li topera/jopera servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew kwalunkwe korp pubbliku li jipprovdi servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri;

(e)

“obbligu ta' servizz pubbliku” tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens;

(f)

“dritt esklussiv” tfisser dritt li jintitola operatur ta' servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f'żona partikolari, bl-esklużjoni ta' tali operatur ieħor;

(g)

“kumpens ta' servizz pubbliku” tfisser kwalunkwe benefiċċju, b'mod partikolari benefiċċju finanzjarju, mogħti direttament jew indirettament minn awtorità kompetenti mill-fondi pubbliċi matul il-perijodu ta' implimentazzjoni ta' obbligu ta' servizz pubbliku jew f'konnessjoni ma' dak il-perijodu;

(h)

“għotja diretta” tfisser l-għotja ta' kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta' servizz pubbliku mingħajr proċedura ta' sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i)

“kuntratt għal servizz pubbliku” tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta' servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta' servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta' servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta' servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta' l-Istati Membri, il-kuntratt jista' jikkonsisti wkoll f'deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

li tieħu l-forma ta' att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta' tali servizzi lil operatur intern;

(j)

“operatur intern”, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta' grupp ta' awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(k)

“valur” tfisser il-valur ta' servizz, rotta, kuntratt għal servizz pubbliku, jew skema ta' kumpens għat-trasport pubbliku ta' passiġġieri li jikkorrispondi għar-rimunerazzjoni totali, qabel il-VAT, ta' l-operatur jew operaturi ta' servizz pubbliku, inkluż il-kumpens ta' kwalunkwe tip imħallas mill-awtoritajiet pubbliċi u d-dħul mill-bejgħ ta' biljetti li ma jitħallasx lura lill-awtorità kompetenti konċernata;

(l)

“regola ġenerali” tfisser miżura li tapplika mingħajr diskriminazzjoni għas-servizzi kollha tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri ta' l-istess tip f'żona ġeografika partikolari li għaliha awtorità kompetenti hija responsabbli;

(m)

“servizz integrat tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri” ifisser servizz ta' trasport interkonness f'żona ġeografika speċifika b'servizz ta' informazzjoni wieħed, skema ta' ittikettjar waħda u skeda waħda.

Artikolu 3

Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali

1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta' kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta' kuntratt għal servizz pubbliku.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, l-obbligi ta' servizz pubbliku li jimmiraw li jistabbilixxu tariffi massimi għall-passiġġieri kollha jew għal ċerti kategoriji ta' passiġġieri jistgħu jkunu wkoll is-suġġett ta' regoli ġenerali. F'konformità mal-prinċipji mniżżla fl-Artikoli 4 u 6 u fl-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tikkumpensa lill-operaturi ta' servizz pubbliku għall-effett finanzjarju nett, pożittiv jew negattiv, fuq l-infiq magħmul u d-dħul iġġenerat mill-konformità ma' l-obbligi tat-tariffi stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Dan hekk għandu jkun minkejja d-dritt ta' l-awtoritajiet kompetenti li jintegraw obbligi ta' servizz pubbliku li jistabbilixxu tariffi massimi f'kuntratti għal servizz pubbliku.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament regoli ġenerali dwar kumpens finanzjarju għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jistabilixxu tariffi massimi għal tfal ta' l-iskola, studenti, apprentisti u persuni b'mobilità mnaqqsa. Dawn ir-regoli ġenerali għandhom jiġu nnotifikati skond l-Artikolu 88 tat-Trattat. Kwalunkwe tali notifika għandha tinkludi informazzjoni kompluta dwar il-miżura, u b'mod partikolari, dettalji dwar il-metodu ta' kalkolu.

Artikolu 4

Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali

1.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

(a)

jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta' servizz pubbliku li magħhom għandhu jkun konformi l-operatur ta' servizz pubbliku u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(b)

jistabbilixxu minn qabel, b'mod oġġettiv u trasparenti,

(i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta' kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

(ii)

in-natura u l-firxa ta' kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

b'mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta' kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6) dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b'tali mod li l-ebda pagament ta' kumpens ma jista' jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku, b'kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta' servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

(ċ)

jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta' l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu b'mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta' infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija ta' vetturi tat-trasport pubbliku, rolling stock u installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta' passiġġieri, spejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.

2.   Kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta' dħul mill-bejgħ ta' biljetti li jista' jinżamm mill-operatur ta' servizz pubbliku, jitħallas lura lill-awtorità kompetenti jew jinqasam bejn it-tnejn.

3.   It-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku għandu jkun limitat u m'għandux jeċċedi għaxar snin għas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank u 15-il sena għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn. It-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku relatati ma' bosta modi tat-trasport għandu jkun limitat għal 15-il sena jekk it-trasport bil-ferrovija jew b'modi ferrovjarji oħrajn jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-valur tas-servizzi konċernat.

4.   Jekk meħtieġ, b'kont meħud tal-kondizzjonijiet tad-deprezzament ta' l-assi, it-tul ta' żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku jista' jiġi estiż b'massimu ta' 50 % jekk l-operatur ta' servizz pubbliku jipprovdi assi li jkunu kemm sinifikanti fir-rigward ta' l-assi kollha meħtieġa għat-twettiq tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratt għal servizz pubbliku kif ukoll marbuta b'mod predominanti mas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratt.

Jekk iġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeografika partikolari, it-tul tal-kuntratti għal servizz pubbliku speċifikati fil-paragrafu 3 fir-reġjuni l-iktar imbegħda jista' jiġi estiż b'massimu ta' 50 %.

Jekk iġġustifkat bl-ammortizzazzjoni tal-kapital fir-rigward ta' investiment ta' infrastruttura eċċezzjonali, rolling stock jew investiment f'vetturi u jekk il-kuntratt għal servizz pubbliku jingħata fi proċedura ġusta ta' sejħa għal offerta kompetittiva, kuntratt għal servizz pubbliku jista' jkollu tul ta' żmien itwal. Biex tiġi żgurata t-trasparenza f'dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni fi żmien sena mill-konklużjoni tal-kuntratt, il-kuntratt għal servizz pubbliku u l-elementi li jiġġustifikaw it-tul ta' żmien itwal tiegħu.

5.   Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali u Komunitarja, inkluż ftehim kollettiv bejn l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu lill-operatur ta' servizz pubbliku magħżul li jagħti lill-persunal li kien imqabbad minn qabel biex jipprovdi servizzi id-drittijiet li għalihom kien ikollhom jedd kieku kien hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu li operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformu ma' ċerti standards soċjali, dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jelenkaw il-persunal konċernat u jagħtu dettalji trasparenti tad-drittijiet kuntrattwali tagħhom u l-kondizzjonijiet li taħthom l-impjegati huma meqjusin li huma marbuta mas-servizzi.

6.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti, skond il-liġi nazzjonali, jeħtieġu li operaturi tas-servizz pubbliku jirrispettaw ċerti standards ta' kwalità, dawn l-istandards għandhom ikunu inklużi fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti u fil-kuntratti għal servizz pubbliku.

7.   Dokumenti ta' sejħiet għal offerti u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jindikaw, b'mod trasparenti, jekk jistax jiġi kkunsidrat li jingħata sub-kuntratt jew le, u jekk iva sa fejn. Jekk jingħataw sub-kuntratti, l-operatur li jingħata l-inkarigu li jamministra u jħaddem is-servizzi ta' trasport tal-passiġġieri skond dan ir-Regolament għandu jkun mitlub iwettaq parti kbira mis-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu. Kuntratt għal servizz pubbliku li jkopri fl-istess ħin id-disinn, il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta' servizzi pubbliċi għat-trasport tal-passiġġieri jista' jippermetti sub-kuntrattazzjoni sħiħa għall-operazzjoni ta' dawk is-servizzi. Il-kuntratt għal servizz pubbliku għandu, skond il-liġi nazzjonali u Komunitarja, jiddetermina l-kondizzjonijiet applikabbli għall-għoti ta' subkuntratt.

Artikolu 5

L-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku

1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta' kuntratti ta' konċessjonijiet ta' servizz kif definit f'dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

2.   Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta' awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pbbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista' tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta' grupp ta' awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

(a)

sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta' rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta' ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma' dan fl-artikoli ta' assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta' ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta' 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b'mod partikolari fil-każ ta' sħubiji pubbliċi-privati, m'hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta' kontroll fit-tifsira ta' dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista' jiġi stabbilit kontroll abbażi ta' kriterji oħrajn;

(b)

il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta' passiġġieri fit-territorju ta' l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta' dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta' awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f'sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta' l-awtorità lokali kompetenti;

(ċ)

minkejja l-punt (b), operatur intern jista' jieħu sehem f'sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri koperti minn kuntratt ta' operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

(d)

fin-nuqqas ta' awtorità lokali kompetenti, il-punti 2(a), (b) u (ċ) għandhom japplikaw għal awtorità nazzjonali għall-benefiċċju ta' żona geografika li mhijiex nazzjonali, dment li l-operatur intern ma jieħux sehem f'sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra miż-żona li għalihom ikun ingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku;

(e)

jekk jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ sub-kuntratt skond l-Artikolu 4(7), l-operatur intern ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu.

3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta' sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta' offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista' tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

4.   Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku direttament jew fejn il-valur annwali medu jkun stmat inqas minn EUR 1 000 000 jew fejn huma jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 300 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi ta' trasport tal-passiġġieri.

Fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku mogħti direttament lil intrapriża żgħira jew ta' daqs medju li tħaddem mhux aktar minn 23 vettura, dawn il-limiti massimi jistgħu jiżdiedu jew għall-valur annwali medju stmat għal inqas minn EUR 2 000 000 jew fejn jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 600 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi ta' trasport tal-passiġġieri.

5.   Fil-każ ta' sfrattu ta' servizzi jew riskju immedjat ta' tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tieħu miżura ta' urġenza. Din il-miżura ta' urġenza tista' tieħu l-forma ta' għoti dirett jew ftehim formali biex jestendi kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu fornuti ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-operatur ta' servizz pubbliku għandu d-dritt jappella d-deċiżjoni li timponi l-forniment ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-għoti jew l-estensjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku b'miżura ta' emerġenza jew l-impożizzjoni ta' tali kuntratt m'għandux jeċċedi sentejn.

6.   Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta' mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. B'deroga mill-Artikolu 4(3), tali kuntratti m'għandhomx jeċċedu l-10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jittieħdu skond il-paragrafi minn 2 sa 6 jkunu jistgħu jiġu riveduti b'mod effettiv u bla dewmien, fuq talba ta' kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikulari u li kienet jew li tkun qed tissogra li ssofri xi danni minħabba xi allegat ksur, fuq il-bażi li tali deċiżjonijiet jkunu kisru l-liġi tal-Komunità jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

Meta l-korpi responsabbli mill-proċeduri ta' reviżjoni ma jkunux ta' karattru ġuridiku, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barra min hekk, f'każ bħal dan, trid issir dispożizzjoni sabiex kwalunkwe miżura allegatament illegali li tittieħed mill-korp ta' reviżjoni jew kwunkwe difett allegat fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu jistgħu ikunu soġġetti għal reviżjoni ġuridika jew reviżjoni minn korp ieħor li jkun qorti jew tribunal skond it-tifsira ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat u li jkun indipendenti kemm mill-awtorità kuntrattwali kif ukoll mill-korp ta' reviżjoni.

Artikolu 6

Kumpens għas-servizz pubbliku

1.   Kull kumpens marbut ma' regola ġenerali jew ma' kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta' kwalunkwe tip, marbut ma' kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2),(4),(5) jew (6) jew marbut ma' regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.

2.   Fuq talba bil-miktub mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fi żmien tliet xhur jew fi kwalunkwe perijodu itwal li jista' jiġi stipulat f'dik it-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Pubblikazzjoni

1.   Kull awtorità kompetenti għandha xxandar darba fis-sena rapport aggregat dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku li għalihom tkun responsabbli, l-operaturi ta' servizzi pubbliċi magħżula u l-ħlasijiet ta' kumpens u d-drittijiet esklussivi mogħtija bħala rimborż lill-operaturi ta' servizzi pubbliċi msemmija. Dan ir-rapport għandu jiddistingwi bejn trasport bix-xarabank u trasport bil-ferrovija, jippermetti li l-prestazzjoni, il-kwalità u l-finanzjament tan-netwerk tat-trasport pubbliku jkunu mmonitorjati u evalwati u, jekk ikun xieraq, għandu jipprovdi informazzjoni rigward in-natura u l-firxa tad-drittijiet esklussivi li jkunu ngħataw.

2.   Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea:

(a)

l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti;

(b)

it-tip ta' għotja kkunsidrata;

(ċ)

is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jippubblikawx din l-informazzjoni fejn kuntratt għal servizz pubbliku jikkonċerna l-forniment annwali ta' anqas minn 50 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri.

Fil-każ li din l-informazzjoni tinbidel wara l-pubblikazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika rettifika f’dan is-sens mill-aktar fis possibbli. Din ir-rettifika għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-data ta' tnedija ta' l-għotja diretta jew is-sejħa għall-offerti.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika għall-Artikolu 5(5).

3.   Fil-każ ta' kuntratti ta' għotja diretta ta' servizz pubbliku għal trasport bil-ferrovija kif previst fl-Artikolu 5(6), l-awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku l-informazzjoni li ġejja fi żmien sena wara li tingħata l-għotja:

(a)

l-isem ta' l-entità kontraenti u l-proprjetarji tagħha u, jekk ikun jixraq, l-isem tal-parti jew partijiet li jkunu jeżerċitaw kontroll legali;

(b)

tul ta' żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku;

(c)

deskrizzjoni tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri li għandhom isiru;

(d)

deskrizzjoni tal-parametri tal-kumpens finanzjarju;

(e)

miri ta' kwalità, bħal m’huma l-puntwalità u l-affidabilità u premjijiet u pieni applikabbli;

(f)

kondizzjonijiet relatati ma' assi essenzjali.

4.   Fuq talba minn parti interessata, awtorità kompetenti għandha tgħaddilha r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għall-għoti dirett ta' kuntratt għal servizz pubbliku.

Artikolu 8

Tranżizzjoni

1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta' kuntratti ta' konċessjonijiet ta' servizz kif definit f'dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta' dan l-Artikolu m'għandhomx japplikaw.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma' l-Artikolu 5 mit-3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta' transizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma' l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b'mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta' transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta' progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe għoti gradwali ta' kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta' progress ta' l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m'għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

(a)

qabel is-26 ta' Lulju 2000 abbażi ta' proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(b)

qabel is-26 ta' Lulju 2000 abbażi ta' proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(ċ)

mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta' proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti;

(d)

mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta' proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta' sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f'(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f'(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f'(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta' żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta' żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, fit-tieni nofs tal-perijodu ta' transizzjoni speċifikat fil-paragrafu 2, li jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti permezz ta' sejħiet għal offerti lil dawk l-operaturi ta' servizz pubbliku li ma jistgħux jipprovdu evidenza li l-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport li għalih qed jirċievu kumpens jew jibbenefikaw minn dritt esklussiv mogħti skond dan ir-Regolament jirrappreżenta mill-anqas nofs il-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport kollha li għalihom qed jirċievu kumpens jew qed jibbenefikaw minn dritt esklussiv. Tali esklużjoni m'għandhiex tapplika għal operaturi ta' servizz pubbliku li joffru s-servizzi li għalihom għandha ssir sejħa għall-offerti. Għall-applikazzjoni ta' dan il-kriterju, ma għandhomx jitqiesu l-kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu ngħataw bħala miżura ta' urġenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(5).

Meta l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom jagħmlu dan mingħajr diskriminazzjoni, jeskludu l-operaturi ta' servizz pubbliku kollha potenzjali li jissodisfaw dan il-kriterju u jinfurmaw lill-operaturi potenzjali bid-deċiżjoni tagħhom fil-bidu tal-proċedura għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku.

L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw din id-dispożizzjoni mill-inqas xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti.

Artikolu 9

Kompatibilità mat-Trattat

1.   Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma' obbligi ta' tariffa stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali mħallsa skond dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta' notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73, 86, 87 u 88 tat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jagħtu għajnuniet għas-settur tat-trasport skond l-Artikolu 73 tat-Trattat li jirrispetta l-ħtiġiet ta' koordinazzjoni ta' trasport jew li jirrapreżenta rimborż għat-twettiq ta' ċerti obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku, minbarra dawk koperti minn dan ir-Regolament, b'mod partikolari:

(a)

sad-dħul fis-seħħ ta' regoli komuni dwar l-allokazzjoni ta' spejjeż ta' infrastruttura, fejn l-għajnuna tingħata lil impriżi li għandhom ikopru nefqa relatata ma' l-infrastruttura użata minnhom, filwaqt li impriżi oħra ma jkunux soġġetti għal tali piż. Waqt li jiġi ddeterminat l-ammont ta' għajnuna mogħti, għandu jittieħed kont ta' l-ispejjeż ta' l-infrastruttura li mezzi ta' trasport li jikkompetu m'għandhomx ikopru;

(b)

fejn l-għan ta' l-għajnuna hu li ssir promozzjoni tar-riċerka fis-sistemi ta' trasport u teknoloġiji li huma aktar ekonomiċi għall-Komunità b'mod ġenerali, jew l-iżvilupp tagħhom.

Tali għajnuna għandha tkun ristretta għall-istadju ta' riċerka u żvilupp u ma tistax tkopri l-esplojtazzjoni kummerċjali ta' tali sistemi u teknoloġiji ta' trasport.

Artikolu 10

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 għandu jkun imħassar. Id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom madankollu jkomplu japplikaw għal servizzi tat-trasport tal-merkanzija għal perijodu ta' tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 għandu jkun imħassar.

Artikolu 11

Rapporti

Wara t-tmiem tal-peridjou ta' transizzjoni speċifikat fl-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar l-iżviluppi fil-forniment ta' trasport pubbliku għall-passiġġieri fil-Komunità Ewropea, bil-valutazzjoni b'mod partikolari ta' l-iżvilupp tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri u l-effetti ta' għotjiet diretti, akkumpanjati, jekk meħtieġ, minn proposti xierqa biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta' Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 20.

(2)  ĠU C 192, 16.8.2006, p. 1.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2001 (ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 262), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006 (ĠU C 70 E, 27.3.2007, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Mejju 2007. Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2007.

(4)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (ĠU L 169, 29.6.1991, p. 1).

(5)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.

(6)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).

(7)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bi-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE.

(8)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 92/50/KEE (ĠU L 209, 24.7.1992, p. 1).

(9)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/97/KE.

(10)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).

(11)  [2003] ECR I-7747.

(12)  ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 543/97 (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 6).

(13)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 8. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(14)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.


ANNESS

Regoli applikabbli għall-kumpens fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1)

1.

Il-kumpens marbut ma' kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew ma' regola ġenerali għandu jiġi kkalkulat skond ir-regoli mniżżla f'dan l-Anness.

2.

Il-kumpens ma jistax jaqbeż l-ammont li jikkorrispondi għall-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total ta' l-effetti, pożittivi jew negattivi, ta' konformità ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul ta' l-operatur ta' servizz pubbliku. L-effetti għandhom ikunu valutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

Spejjeż magħmula b'rabta ma' obbligu ta' servizz pubbliku jew grupp ta' obbligi ta' servizz pubbliku imposti mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti, li jinsabu f'kuntratt għal servizz pubbliku u/jew f'regola ġenerali,

bit-tnaqqis ta' kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġenerati fin-network imħaddem taħt l-obbligu(i) ta' servizz pubbliku in kwistjoni,

bit-tnaqqis ta' tariffa jew kwalunkwe dħul ieħor ġenerat fir-rispett ta' l-obbligu(i) tas-servizz pubbliku in kwistjoni,

biż-żieda ta' qligħ raġonevoli,

ugwali għall-effett finanzjarju nett.

3.

Konformità ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku jista' jkollu impatt fuq attivitajiet possibbli ta' trasport ta' operatur lil hinn mill-obbligu(i) ta' servizz pubbliku in kwistjoni. Għalhekk, sabiex jiġi evitat kumpens żejjed jew nuqqas ta' kumpens, għandu jittieħed kont ta’ effetti finanzjarji kwantifikabbli fuq ir-rettikolati kkonċernati ta' l-opertur meta jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett.

4.

L-ispejjeż u d-dħul għandhom ikunu kkalkulati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ.

5.

Sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu evitati sussidji reċiproċi, fejn operatur ta' servizz pubbliku mhux biss iħaddem servizzi kkumpensati soġġetti għall-obbligi ta' servizz ta' trasport pubbliku, iżda wkoll jidħol f'attivitajiet oħrajn, il-kontijiet tas-servizzi pubbliċi msemmija għandhom ikunu separati sabiex jiġu sodisfatti mill-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjon ta' l-assi li jikkorrispondu u l-ispejjeż fissi għandhom jiġu allokati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ;

l-ispejjeż kollha varjabbli, kontribut adegwat għall-ispejjeż fissi u qligħ raġonevoli marbut ma' kwalunkwe attività oħra ta' l-operatur tas-servizz pubbliku, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jkunu debitati fuq is-servizz pubbliku in kwistjoni;

l-ispejjeż ta' servizz pubbliku għandhom jiġu bbilanċjati mid-dħul operattiv u l-ħlasijiet minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr kwalunkwe possibbiltà ta' trasferiment tad-dħul lil kwalunkwe settur ieħor ta' l-attività ta' l-operatur ta' servizz pubbliku.

6.

“Qligħ raġonevoli” għandu jiġi mifhum bħala rata ta' dħul fuq il-kapital li hija normali għas-settur fi Stat Membru partikolari u li tieħu kont tar-riskju, jew in-nuqqas ta' riskju, li jkun għamel l-operatur ta' servizz pubbliku permezz ta' l-intervent ta' l-awtorità pubblika.

7.

Il-metodu ta' kumpens għandu jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta':

ġestjoni effettiva min-naħa ta' l-operatur ta' servizz pubbliku, li tista' tkun is-suġġett ta' valutazzjoni oġġettiva, u

il-forniment ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' standard għoli biżżejjed.


3.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 315/14


REGOLAMENT (KE) Nru 1371/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2007

dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-31 ta’ Lulju 2007 (3),

Billi:

(1)

Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li d-drittijiet ta’ l-utent tal-passiġġieri ferrovjarji jkunu mħarsa u tittejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri sabiex jiġi megħjun it-tkabbir tas-sehem tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport.

(2)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumatur għall-2002-2006” (4) tistabilixxi l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tat-trasport, kif jitlob l-Artikolu 153(2) tat-Trattat.

(3)

Ġialadarba l-passiġġier tal-ferroviji huwa l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġier f’dan ir-rigward.

(4)

Id-drittijiet ta’ l-utenti għas-servizzi ferrovjarji jinkludu li jirċievu informazzjoni rigward is-servizz ta’ qabel u matul il-vjaġġ. Kull meta hu possibbli, impriżi ferrovjarji u bejjiegħa tal-biljetti għandhom jipprovdu din l-informazzjoni minn qabel u mill-iktar fis possibbli.

(5)

Ħtiġiet aktar dettaljati rigward l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar se jitniżżlu fl-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà (TSI) msemmija fid-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali (5).

(6)

It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji għandu jinbena fuq is-sistema eżistenti ta’ liġi internazzjonali dwar dan is-suġġett li tinsab fl-Appendiċi A — Regoli uniformi dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bil-Ferrovija (CIV) mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif modifikat mill-Protokoll għall-modifikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tat-3 ta’ Ġunju 1999 (il-Protokoll ta’ l-1999). Madankollu huwa mixtieq li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi estiż sabiex jipproteġi mhux biss il-passiġġieri internazzjonali imma wkoll passiġġieri domestiċi.

(7)

L-impriżi ferrovjarji għandhom jikkoperaw sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ passiġġieri ferrovjarji minn operatur għal ieħor permezz tal-fornitura ta’ biljetti integrati, kull meta dan ikun possibbli.

(8)

It-twassil ta’ l-informazzjoni u l-biljetti lill-passiġġieri ferrovjarji għandu jkun faċilitat bl-adattazjoni ta’ sistemi kompjuterizzati għal speċifikazzjonijiet komuni.

(9)

L-implimentazzjoni ulterjuri tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar l-ivjaġġar u riservazzjoni għandha tiġi esegwita skond it-TSIs.

(10)

Is-servizzi tal-passiġġieri ferrovjarji għandhom jibbenefikaw liċ-ċittadini in ġenerali. Għaldaqstant persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk ikkaużata minn diżabilità, età jew kwalunkwe fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet għall-ivvjaġġar bil-ferrovija li jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ ċittadini oħra. Persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt bħaċ-ċittadini l-oħra kollha għall-moviment liberu, għall-libertà ta’ l-għażla u għan-non-diskriminazzjoni. Fost oħrajn, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-għoti ta’ informazzjoni lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa rigward l-aċċessibbiltà tas-servizzi ferrovjarji, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tal-vaguni u l-faċilitajiet abbord. Sabiex passiġieri b’indeboliment sensorju jkun mogħtija l-aħjar informazzjoni dwar dewmien għandhom jintużaw, kif jixraq, sistemi viżivi u awditivi. Għandu jkun possibbli għal persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jixtru l-biljetti minn fuq il-ferrovija mingħajr ħlasijiet żejda.

(11)

L-impriżi ferrovjarji u d-diretturi ta’ l-istazzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltà jew ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa, permezz ta’ konformità mat-TSIs għal persuni b’mobbilita mnaqqsa, sabiex jiżguraw li, b’konformità mar-regoli Komunitarji ta’ akkwist pubbliku, il-bini u l-vaguni kollha jkunu aċċessibbli billi progressivament jitneħħew l-ostakli fiżiċi u t-tfixikil funzjonali meta jinxtara materjal ġdid jew isir xogħol ta’ kostruzzjoni jew xogħol maġġuri ta’ rinnovazzjoni.

(12)

L-impriżi ferrovjarji għandhom ikunu obbligati li jkunu assikurati, jew li jagħmlu arranġamenti ekwivalenti, għar-responsabbiltà tagħhom lejn passiġġieri ferrovjari fil-każ ta’ inċidenti. L-inqas ammont ta’ assigurazzjoni għal impriżi ferrovjari għandu jkun is-suġġett għal reviżjoni fil-futur.

(13)

Id-drittijiet imsaħħin ta’ kumpens u ta’ assistenza fil-każ ta’ dewmien, ta’ telf ta’ konnessjoni jew ta’ taħsir ta’ servizzi għandhom iwasslu għal inċentivi akbar għas-suq tal-passiġġieri ferrovjarji, għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

(14)

Huwa mixtieq li dan ir-Regolament għandu joħloq sistema ta’ kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien, li hija marbuta mar-responsabbiltà ta’ l-impriża tal-ferrovija, fuq l-istess bażi bħas-sistema internazzjonali pprovduta mill-COTIF u b’mod partikolari l-appendiċi CIV għalih dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.

(15)

Fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni lil impriżi ferrovjarji mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jħeġġeġ lill-impriżi ferrovjarji, f’konsultazzjoni ma organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lill-passiġġieri, sabiex iqiegħed f’posthom arranġamenti għall-kumpens u l-assistenza f’każ ta’ tħarbit kbir tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri.

(16)

Hija ħaġa mixtieqa wkoll li l-vittmi ta’ inċidenti u dawk li jiddependu fuqhom ikunu meħlusa minn preokkupazzjonijiet finanzjarji għaż-żmien qasir fil-perjodu eżatt wara l-inċident.

(17)

Huwa fl-interess tal-passiġġieri ferrovjarji li jittieħdu miżuri xierqa, bi ftehim ma’ l-awtoritajiet pubbliċi, sabiex jiżguraw is-sigurtà personali tagħhom fl-istazzjonijiet kif ukoll fuq il-ferroviji.

(18)

Il-passiġġieri ferrovjarji għandhom ikunu jistgħu jagħmlu lment lil kwalunkwe impriża ferrovjarja involuta dwar id-drittijiet u l-obbligi mogħtija minn dan ir-Regolament, u għandhom ikun intitolati li jirċievu tweġiba f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli.

(19)

L-impriżi tal-ferroviji għandhom jiddefinixxu, jamministraw u jimmonitoraw standards ta’ kwalità tas-servizz għal servizzi ta’ passiġġieri tal-ferroviji.

(20)

Il-kontenut ta’ dan ir-Regolament għandu jkun rivedut fir-rigward ta’ l-aġġustament ta’ ammonti finanzjarji għall-inflazzjoni u fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ kwalità tas-servizz fid-dawl ta’ żviluppi fis-suq kif ukoll fid-dawl ta’ l-effetti ta’ dan ir-Regolament fuq il-kwalità tas-servizz.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-ħarsien ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali u dwar il-moviment ħieles ta’ informazzjoni bħal din (6).

(22)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens lill-persuna in kwistjoni, iridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(23)

Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp tal-ferroviji tal-Komunità u l-introduzzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(24)

Huwa mira ta’ dan ir-Regolament li jtejjeb is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri fil-Komunità. Għalhekk, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu eżenzjonijiet għal servizzi f’reġjuni fejn parti konsiderevoli mis-servizz jinħadem barra mill-Komunità.

(25)

L-impriżi ferrovjarji f’uħud mill-Istati Membri jistgħu isibu diffikultà fl-applikazzjoni tas-sħuħija tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament fid-dħul fis-seħħ tiegħu. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jagħtu eżenzjonijiet temporanji mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għal servizzi ferrovjari domestiċi tal-passiġġieri fuq distanzi twal. L-eżenzjoni temporanja, madankollu, m’għandhiex tapplika għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jagħtu lil-persuni b’diżabilità jew persuni b’mobilità mnaqqsa aċċess għall-ivjaġġar bil-ferrovija, u għad-dritt ta’ dawk li jixtiequ li jixtru biljetti għall-ivjaġġar bil-ferrovija li jagħmlu dan mingħajr diffikultjiet żejda, u lanqas għal dawk id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fir-rigward tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, ir-rekwiżit li l-impriżi ikunu assikurati b’mod xieraq, u r-rekwiżit li dawk l-impriżi jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw s-sigurtà personali tal-passiġġieri fl-istazzjonijiet ferrovjarji u fuq il-ferroviji u biex jimmaniġġaw ir-riskju.

(26)

Servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri urbani, suburbani u reġjonali huma differenti fin-natura tagħhom minn servizzi fuq distanzi twal. Għalhekk, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet li għandhom japplikaw għas-servizzi ferrovjarji kollha tal-passiġġieri fil-Komunità kollha, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għal servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri urbani, suburbani u reġjonali.

(27)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(28)

B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni. Billi dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali, u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament jew sabiex jissupplimenawh b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom ikunu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni li trid tingħata mill-impriżi ferrovjarji, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport, il-ħruġ ta’ biljetti u l-implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Informazzjoni u Riservazzjoni Kompjuterizzata għat-Trasport Ferrovjarju,

(b)

ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji u l-obbligi tagħhom ta’ l-assigurazzjoni għal passiġġieri u l-bagalji tagħhom,

(ċ)

l-obbligi ta’ l-impriżi ferrovjarji għal passiġġieri f’każ ta’ dewmien,

(d)

il-protezzjoni ta’ persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jivvjaġġaw bil-ferrovija u l-assistenza għalihom,

(e)

id-definizzjoni u l-monitoraġġ ta’ standards ta’ kwalità tas-servizzi, il-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà personali tal-passiġġieri u t-trattament ta’ l-ilmenti, u

(f)

regoli ġenerali dwar l-infurzar.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-vjaġġi u s-servizzi ferrovjarji kollha fil-Komunità kollha provduti minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar li jkunu liċenzjati skond id-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE tad-19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji (8).

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal impriżi ferrovjarji u għal servizzi tat-trasport li m’għandhomx liċenzja skond id-Direttiva 95/18/KE.

3.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli 9, 11, 12, 19, 20(1) u 26 għandhom japplikaw għas-servizzi ferrovjari tal-passiġġieri kollha fil-Komunità kollha.

4.   Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, Stat Membru jista’, fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja, jagħti eżenzjoni għal perjodu ta’ mhux aktar minn 5 snin, li jista’ jiġġedded darba għal perjodu massimu ta’ ħames snin, mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għal servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri.

5.   Bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jagħti eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għal servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri. Sabiex ikun distinzjoni bejn servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (9). Fl-applikazzjoni ta’ dawn id-definizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kriterji li ġejjin: distanza, frekwenza tas-servizzi, numru ta’ waqfiet skedati, vaguni użati, skemi ta’ ttikkettar, varjazzjonijiet fin-numri ta’ passiġġieri bejn servizzi f’perjodi ta’ traffiku intens u perjodi ta’ traffiku mhux intens, kodiċi tal-ferroviji u orarji.

6.   Għal perijodu massimu ta’ 5 snin, Stat Membru jista’, fuq bażi trasparenti u non-diskriminatorja, jagħti eżenzjoni li tista’ tiġġedded minn Dispożizzjonijiet minn dan ir-Regolament għal ċerti servizzi jew vjaġġiminħabba liparti konsiderevoli mis-servizz ferrovjarju, li jinkludi għall-inqas waqfa waħda prevista fi stazzjoni, jinħadem barra l-Komunità.

7.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’eżenzjonijiet mogħtija skond il-paragrafi 4, 5 u 6. Il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa jekk tali eżenzjoni titqies li mhix skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu. Mhux iktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar eżenzjonijiet mogħtija skond il-paragrafi 4, 5, u 6.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“impriża ferrovjarja” tfisser impriża ferrovjarja kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/14/KE (10), u kwalunkwe impriża pubblika jew privata, li l-attività tagħha hi li tipprovdi t-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri bil-ferrovija fuq il-bażi li l-impriża għandha tiżgura l-ġbid; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu biss il-ġbid;

2.

“trasportatur” tfisser l-impriża ferrovjarja kuntrattwali li magħha l-passiġġier ikkonkluda l-kuntratt ta’ trasport jew serje ta’ impriżi ferrovjarji suċċessivi li jinżammu responsabbli abbażi ta’ dan il-kuntratt;

3.

“trasportatur sostituttiv” tfisser impriża ferrovjarja, li ma kkonkludietx il-kuntratt ta’ trasport mal-passiġġier, iżda li lilha l-impriża ferrovjarja li hi parti għall-kuntratt fdat, bis-sħiħ jew parzjalment, it-twettiq tat-trasport bil-ferrovija;

4.

“amministratur ta’ l-infrastruttura” tfisser kwalunkwe korp jew impriża li huma responsabbli b’mod partikolari għall-istabbiliment u l-manteniment ta’ infrastruttura ferrovjarja, jew ta’ parti minnha, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE, li jista’ wkoll jinkludi l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u sikurezza ta’ l-infrastruttura; il-funzjonijiet ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura fuq netwerk jew parti minn netwerk jistgħu jiġu allokati lil korpi jew impriżi differenti;

5.

“amministratur ta’ l-istazzjon” tfisser entità organizzattiva fi Stat Membru, li ngħatat r-responsabilità għall-amministrazzjoni ta’ stazzjon ferrovjarju u li tista’ tkun l-amministrattur ta’ l-infrastruttura;

6.

“operatur tal-vjaġġi” tfisser, organizzatur jew bejjiegħ, minbarra impriża ferrovjarja, fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2, punti(2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE (11);

7.

“bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kull bejjiegħ bl-imnut ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju li jikkonkludi kuntratti ta’ trasport u li jbiegħ biljetti f’isem l-impriża ferrovjarja jew għalih innifsu;

8.

“Kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt ta’ trasport bi ħlas jew mingħajr ħlas bejn impriża ferrovjarja jew bejjiegħ tal-biljetti u l-passiġġier għall-provvediment ta’ servizz ta’ trasport wieħed jew aktar;

9.

“riżervazzjoni” tfisser awtorizzazzjoni, fuq il-karti jew f’forma elettronika, li tagħti d-dritt għal trasport soġġett għal arranġamenti personalizzati ta’ trasport ikkonfermati preċedentement;

10.

“biljett globali” tfisser biljett jew biljetti li jirrapreżentaw kuntratt ta’ trasport konkluż għall-użu ta’ servizzi ferrovjarji suċċessivi mħaddma minn impriża ferrovjarja waħda jew aktar;

11.

“servizz ferrovjarju tal-passiġġieri domestiku” tfisser servizz ferrovjarju għall-passiġġieri li ma jaqsamx fruntiera ta’ Stat Membru;

12.

“dewmien” tfisser id-differenza fil-ħin bejn il-ħin meta l-passiġġier kien previst jasal skond il-ħinijiet pubblikati u l-ħin tal-wasla attwali jew mistennija tiegħu jew tagħha;

13.

“pass ta’ l-ivvjaġġar” jew “biljett staġunali” tfisser biljett għal numru bla limitu ta’ vjaġġi li jipprovdi lid-detentur awtorizzat bi vjaġġar ferrovjarju fuq rotta jew netwerk partikolari matul perjodu speċifiku;

14.

“Sistema ta’ Informazzjoni u Riservazzjoni Kompjuterizzata għat-Trasport Ferrovjarju (CIRSRT)” tfisser sistema kompjuterizzata li fiha informazzjoni dwar servizzi ferrovjarji offruti minn impriżi ferrovjarji; l-informazzjoni maħżuna fic-CIRSRT dwar sevizzi għall-passiġġieri għandha tinkludi informazzjoni dwar:

(a)

skedi u ħinijiet tas-servizzi għall-passiġġieri;

(b)

disponibbiltà ta’ post fuq is-servizzi għall-passiġġieri;

(ċ)

nollijiet u kondizzjonijiet speċjali;

(d)

aċċessibbiltà tal-ferroviji għal persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

(e)

faċilitajiet li bihom jistgħu jsiru riservazzjonijiet jew jinħarġu biljetti jew biljetti globali sal-punt safejn uħud minn jew il-faċilitajiet kollha jsiru disponibbli għall-utenti;

15.

“persuna b’diżabbiltà” jew “persuna b’mobbiltà mnaqqsa” tfisser kull persuna li l-mobbiltà tagħha meta tuża t-trasport hija mnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (li tolqot is-sensi jew il-lokomozzjoni, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intellettwali jew kwalunkwe kawża oħra ta’ diżabilità, jew minħabba l-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni xierqa u adattament għall-ħtiġijiet partikolari tagħha tas-servizzi disponibbli għall-passiġġieri kollha;

16.

“Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport” tfisser il-kondizzjonijiet tat-trasportatur fil-forma ta’ kondizzjonijiet ġenerali jew tariffi legalment fis-seħħ f’kull Stat Membru u li saru, bil-konklużjoni tal-kuntratt tat-trasport, parti integrali minnu;

17.

“vettura” tfisser vettura bil-mutur jew karru li jinġarru fl-okkażjoni tat-trasport tal-passiġġieri.

KAPITOLU II

KUNTRATT TA’ TRASPORT, INFORMAZZJONI U BILJETTI

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ trasport

Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-konklużjoni u l-prestazzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni u biljetti għandhom ikunu rregolati mid-Dispożizzjonijiet tat-Titolu II u t-Titolu III ta’ l-Anness I.

Artikolu 5

Roti

L-impriżi ferrovjarji għandhom jippermettu lill-passiġġieri li jieħdu roti fuq il-ferrovija, meta jkun xieraq bi ħlas, jekk ikunu faċli biex tiskariġġa, jekk dan ma jaffettwax ħażin is-servizz ferrovjarju speċifiku, u jekk il-vetturi ferrovjarji jkunu jippermettu dan.

Artikolu 6

Esklużjoni tar-rinunzji u stipulazzjoni tal-limiti

1.   L-obbligi lejn il-passiġġieri skond dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, b’mod partikolari permezz ta’ xi deroga jew klawżola restrittiva fil-kuntratt ta’ trasport.

2.   L-impriżi ferrovjarji jistgħu joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet imniżżla f’dan ir-Regolament.

Artikolu 7

L-obbligazzjoni jkun ipprovdut tagħrif informazzjoni dwar il-waqfien ta’ servizzi ferrovjarji

L-impriżi ferrovjarji, jew fejn ikun xieraq, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għal kuntratt ta’ servizz ferrovjarju pubbliku għandhom jippubblikaw b’mezzi xierqa u qabel l-implimentazzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet li jitwaqqfu servizzi.

Artikolu 8

Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti li joffru kuntratti ta’ trasport f’isem impriża ferrovjarja waħda jew aktar għandhom jipprovdu lill-passiġġier, fuq talba tiegħu, minn ta’ l-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II, Parti I fir-rigward tal-vjaġġi li għalihom jiġi offert kuntratt ta’ trasport mill-impriża ferrovjarja konċernata. Il-bejjiegħa ta’ biljetti li joffru kuntratti ta’ trasport għalihom infushom, u operaturi tal-vjaġġi, għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fejn din tkun disponibbli.

2.   Matul il-vjaġġ l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lill-passiġġier minn ta’ l-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II, Parti II.

3.   L-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 u 2 għandha tiġi provduta fl-aktar format xieraq. Għandha tingħata attenzjoni partikolari f’dan ir-rigward għall-ħtiġijiet ta’ nies b’nuqqas ta’ smigħ jew ta’ dawl.

Artikolu 9

Disponibbiltà tal-biljetti, biljetti globali u riservazzjonijiet

1.   L-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom joffru, fejn disponibbli, biljetti, biljetti globali u riservazzjonijiet.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-impriżi ferrovjarji għandhom jiddistribwixxu biljetti lill-passiġġieri permezz ta’ minn ta’ l-inqas wieħed mill-punti ta’ bejgħ li ġejjin:

(a)

l-uffiċċji tal-biljetti jew il-magni tal-bejgħ;

(b)

bit-telefon/bl-Internet jew bi kwalunkwe teknoloġija ta’ l-informatika oħra disponibbli b’mod wiesa’;

(ċ)

abbord il-ferroviji.

3.   Bla ħsara għall-paragrafi 4 u 5, l-impriżi ferrovjarji għandhom iqassmu l-biljetti għas-servizzi pprovduti taħt kuntratti ta’ servizz pubbliku permezz ta’ mill-inqas wieħed mill-punti ta’ bejgħ li ġejjin:

(a)

uffiċċji tal-biljetti jew magni tal-bejgħ;

(b)

abbord il-ferroviji.

4.   L-impriżi ferrovjarji għandhom joffru l-possibbiltà li jinkisbu l-biljetti għas-servizz rispettiv abbord il-ferrovija, sakemm dan mhux limitat jew miċħud minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà jew ta’ politika kontra l-frodi jew ta’ riservazzjoni ferrovjarja obbligatorja jew minħabba raġunijiet kummerċjali raġonevoli.

5.   Fejn ma jkunx hemm uffiċċju tal-biljetti jew makna tal-bejgħ fl-istazzjon tat-tluq, il-passiġġieri għandhom ikunu infurmati fl-istazzjon:

(a)

dwar il-possibilità li jinxtraw il-biljetti permezz tat-telefon jew ta’ l-Internet jew abbord il-ferrovija, u dwar il-proċedura għal xiri bħal dan;

(b)

dwar l-eqreb stazzjon tal-ferrovija jew post fejn ikunu disponibbli uffiċċji tal-biljetti u/jew magni tal-bejgħ.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar l-ivvjaġġar u sistemi ta’ riservazzjoni

1.   Sabiex jipprovdu l-informazzjoni u joħorġu l-biljetti msemmija f’dan ir-Regolament, l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom jagħmlu użu mis-CIRSRT, li trid tiġi stabbilita bil-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu.

2.   L-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi għall-Interoperabbiltà (TSI) msemmija fid-Direttiva 2001/16/KE għandhom jiġu applikati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fuq proposta li għandha tiġi preżentata mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) il-Kummissjoni għandha tadotta t-TSI ta’ l-applikazzjonijiet telematiċi għall-passiġġieri sat-3 ta’ Diċembru 2010. It-TSI għandhom jippermettu l-għoti ta’ informazzjoni, imniżżel fl-Anness II, u l-ħruġ ta’ biljetti kif irregolat b’dan ir-Regolament.

4.   L-impriżi ferrovjarja għandhom jadattaw is-CIRSRT tagħhom skond il-ħtiġiet imniżżla fit-TSI skond pjan ta’ diffużjoni imniżżel f’dawn it-TSI.

5.   Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE l-ebda impriża ferrovjarja kif ukoll bejjiegħ tal-biljetti m’għandu jiżvela informazzjoni personali dwar riservazzjonijiet individwali lil impriżi ferrovjarji u/jew bejjiegħa tal-biljetti oħra.

KAPITOLU III

IR-RESPONSABBILTÀ TA’ L-IMPRIŻI FERROVJARJI GĦALL-PASSIĠĠIERI U L-BAGALJI TAGĦHOM

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà

Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, u bla ħsara għal-liġi nazzjonali applikabbli li tagħti lill-passiġġieri iktar kumpens għall-ħsarat, ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fir-rigward tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom għandha tkun regolata minn Kapitoli I, III u IV tat-Titolu IV, Titolu VI u Titolu VII ta’ Anness I.

Artikolu 12

Assigurazzjoni

1.   L-obbligu mniżżel fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/18/KE safejn dan hu relatat mar-resposabbilita’ għall-passiġġieri għandu jinftiehem li jeħtieġ li impriża ferrovjarja għandha tkun assigurata b’mod xieraq jew tagħmel arranġamenti ekwivalenti għal kopertura tar-responsabbilitaijiet tagħha taħt dan ir-Regolament

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew rapport dwar l-istabbiliment ta’ ammont minimu ta’ assigurazzjoni għall-impriżi ferrovjarji sat-3 ta’ Diċembru 2010. Jekk xieraq, dak ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat minn proposti jew rakkomandazzjonijiet adegwati dwar din il-kwistjoni.

Artikolu 13

Ħlasijiet minn qabel

1.   Jekk passiġġier jiġi maqtul jew imweġġa’, l-impriża ferrovjarja kif jingħad fl-Artikolu 26(5) ta’ l-Anness I għandha mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħmistax-il jum wara li tkun ġiet stabbilita l-identità tal-persuna fiżika intitolata għall-kumpens, tagħmel tali ħlasijiet bil-quddiem kif ikun jeħtieġ biex jintlaħqu l-ħtiġijiet l-aktar immedjati fuq bażi proporzjonali għall-ħsara mġarrba.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 1, ħlas bil-quddiem mhux anqas minn EUR 21 000 għal kull passiġġier f’każ ta’ mewt.

3.   Ħlas bil-quddiem ma jikkostitwixxix ammissjoni ta’ responsabbiltà u jista’ jitpaċċa minn kwalunkwe somma mħallsa wara abbażi ta’ dan ir-Regolament iżda ma jingħatax lura, ħlief fil-każijiet fejn id-dannu jkun sar bin-negliġenza jew ħtija tal-passiġġier jew fejn il-persuna li rċeviet il-ħlas bil-quddiem ma kenitx il-persuna intitolata għall-kumpens.

Artikolu 14

Kontestazzjoni ta’ responsabbilità

Anke jekk impriza ferrovjarja tikkontesta r-responsabilità tagħha għall-korriment fiżiku ta’ passiġġier li hi ġġorr, hi għandha tagħmel kull sforz raġonevoli biex tassisti lil xi passiġġier li jkun qed jagħmel talba għall-kumpens għal ħsara mingħand partijiet terzi.

KAPITOLU IV

DEWMIEN, KONNESSJONIJIET MITLUFA U KANĊELLAZZJONIJIET

Artikolu 15

Responsabbiltà għal dewmien, konnessjonijiet mitlufa u tħassir

Bla ħsara għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-responsabbiltà ta’ l-impriżi ferrovjarji fejn jidħlu dewmien, konnessjonijiet li ma ntlaħqux u kanċellazzjonijiet għandha tkun regolata mill-Kapitolu II tat-Titolu IV ta’ l-Anness I.

Artikolu 16

Rimbors u tibdil tar-rotta

F’każ li jkun mistenni b’mod raġonevoli li d-dewmien fil-wasla tad-destinazzjoni finali taħt il-kuntratt tat-trasport se jkun aktar minn 60 minuta il-passiġġier għandu immedjatament jingħata l-għażla bejn:

(a)

rimbors sħiħ ta’ kemm jiswa l-biljett, taħt il-kondizzjonijiet li bihom ikun tħallas, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ tiegħu li m’għamilx u għall-parti jew partijiet li diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier, flimkien ma’, fejn rilevanti, servizz għar-ritorn lejn l-ewwel punt ta’ tluq ma’ l-ewwel opportunità. Il-ħlas tar-rimbors għandu jsir skond l-istess kondizzjonijiet tal-ħlas tal-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17; jew

(b)

tkomplija jew tibdil tar-rotta, taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali ma’ l-ewwel opportunità; jew

(ċ)

tkomplija jew tibdil tar-rotta, taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli, lejn id-destinazzjoni finali f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier.

Artikolu 17

Kumpens tal-prezz tal-biljett

1.   Mingħajr ma jitlef id-dritt għat-trasport, passiġġier jista’ jitlob kumpens għal dewmien mingħand l-impriża ferrovjarja jekk ikollu dewmien bejn il-postijiet ta’ tluq u ta’ wasla mogħtija fuq il-biljett li għalih il-biljett ma ġiex rimborsat skond l-Artikolu 16. Il-kumpens minimu għal dewmien għandu jkun kif ġej:

(a)

25 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien ta’ 60 minuta sa 119-il minuta;

(b)

50 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ dewmien ta’ 120 minuta jew aktar.

Passiġġieri li jkollhom pass ta’ l-ivjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċjaw ittardjar jew kanċellazzjonijiet rikorrenti matul il-perjodu ta’ validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skond l-arranġamenti ta’ kumpens ta’ l-impriża ferrovjarja. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabilixxu il-kriterji għad-determinazzjoni tad-dewmien u għall-kalkolu tal-kumpens.

Il-kumpens għall-ittardjar għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat.

Fejn il-kuntratt ta’ trasport huwa għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal dewmien ‘l hemm jew ‘l hawn għandu jiġi kkalkulat fuq nofs il-prezz imħallas għall-biljett. Bl-istess mod il-prezz għal dewmien fis-servizz taħt kwalunkwe kuntratt ta’ trasport ieħor li jippermetti diversi proporzjonalment għall-prezz sħiħ.

Il-kalkolu tal-perijodu ta’ dewmien m’ għandux jieħu kont ta’ kwalunkwe dewmien li l-impriża ferrovjarja tista’ turi li seħħ barra t-territorji li fihom it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikat.

2.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett għandu jiġi mħallas fi żmien xahar wara s-sottomissjoni tat-talba għal kumpens. Il-kumpens jista’ jiġi mħallas f’vawċers u/jew servizzi oħra jekk it-termini huma flessibbli (b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni). Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

3.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m’għandux jitnaqqas permezz ta’ spejjeż ta’ transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. L-impriżi ferrovjarji jistgħu jdaħħlu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta’ kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 4.

4.   Il-passiġġier m’għandu l-ebda dritt għal kumpens jekk jiġi infurmat bid-dewmien qabel jixtri l-biljett, jew jekk id-dewmien, minħabba kontinwazzjoni fuq servizz differenti jew tibdil tar-rotta, jibqa’ taħt is-60 minuta.

Artikolu 18

Assistenza

1.   F’każ ta’ dewmien fil-wasla jew fit-tluq, il-passiġġieri għandhom jinżammu infurmati dwar is-sitwazzjoni u l-ħin stmat tat-tluq u l-ħin stmat tal-wasla mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-istazzjon hekk kif tali informazzjoni tkun disponibbli.

2.   F’każ ta’ kwalunkwe dewmien kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ aktar minn siegħa, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti b’xejn:

(a)

ikliet u rinfreski b’mod raġonevoli skond il-ħin ta’ stennija, jekk ikunu disponibbli fuq il-ferrovija jew fl-istazzjon jew jistgħu b’mod raġonevoli jkunu pprovduti;

(b)

lukanda jew akkomodazzjoni oħra, u trasport bejn l-istazzjon ferrovjarju u l-post ta’ akkomodazzjoni, f’każijiet fejn jeħtieġu waqfa ta’ lejl jew aktar jew tkun teħtieġ waqfa addizzjonali, fejn u meta jkun fiżikament possibbli;

(ċ)

jekk il-ferrovija tkun imwaħħla fuq il-linji, trasport mill-ferrovija sa l-istazzjon ferrovjarju, sal-punt tat-tluq alternattiv jew sad-destinazzjoni aħħarija tas-servizz, fejn u meta jkun fiżikament possibbli.

3.   Jekk is-servizz ferrovjarju ma jkunx jista’ jitkompla aktar, l-impriżi ferrovjarji għandhom jorganizzaw kemm jista’ jkun malajr servizzi ta’ trasport alternativ għall-passiġġieri.

4.   L-impriżi ferrovjarji għandhom, fuq talba tal-passiġġier, jiċċertifikaw fuq il-biljett li s-servizz tal-ferrovija kellu dewmien, wassal għal li ma ntlaħqetx il-konnessjoni jew li ġiet ikkanċellata, skond il-każ.

5.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, l-impriża ferrovjarja li tkun qed topera għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa u persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

KAPITOLU V

PERSUNI B’DIŻABILITÀ U PERSUNI B’MOBBILTÀ MNAQQSA

Artikolu 19

Id-dritt għal trasport

1.   Impriżi ferrovjarji u amministraturi ta’ stazzjonijiet għandhom jistabilixxu, jew għandhom ikollhom f’posthom, bl-involviment attiv ta’ organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw lil persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, regoli ta’ aċċess mhux diskriminatorji għat-trasport ta’ persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

2.   Riservazzjonijeit u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda. Impriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti jew operatur tal-vjaġġi m’għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw riservazzjoni jew joħorġu biljett lil persuna b’diżabilità u persuna b’mobbiltà mnaqqsa, jew jitlob li dik il-persuna tkun akkumpanjata minn persuna oħra, ħlief jekk dan ikun meħtieġ b’mod strett sabiex ikun hemm konformità mar-regoli ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 20

Informazzjoni lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa

1.   Fuq talba, impriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti jew operatur tal-vjaġġi għandhom jagħtu lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa l-informazzjoni dwar l-aċċessibilità tas-servizzi ferrovjarji u dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-aċċess ta’ vetturi ferrovjarji bi qbil mar-regoli ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 19(1) u għandhom jinfurmaw lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa dwar il-faċilitajiet abbord.

2.   Meta impriża ferrovjarja, bejjiegħ tal-biljetti u/jew operatur tal-vjaġġi jeżerċitaw id-deroga stipulata fl-Artikolu 19(2), għandha tinforma bil-miktub lill-persuna b’diżabilità jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa kkonċernata, fuq talba ta’ din ta’ l-aħħar, bir-raġuni għaliex għamlet hekk, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mir-rifjut li ssir ir-riservazzjoni jew li jinħareġ biljett jew mill-impożizzjoni tal-kondizzjoni ta’ akkumpanjament.

Artikolu 21

Aċċessibbiltà

1.   Impriżi ferrovjarji u amministraturi ta’ stazzjonijiet għandhom, permezz ta’ konformità mat-TSI għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa, jiżguraw li stazzjonijiet, pjattaformi, vetturi ferrovjarji u faċilitajiet oħra ikunu aċċessibbli għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

2.   Fin-nuqqas ta’ persunal ta’ akkumpanjament fuq ferrovjia jew ta’ persunal fi stazzjon, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-istazzjonijiet għandhom jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli sabiex persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa ikollhom aċċess għall-ivjaġġar bil-ferrovija.

Artikolu 22

Assistenza fl-istazzjonijiet ferrovjarji

1.   Fil-ħin tat-tluq, tranżitu minn jew wasla fi stazzjon tal-ferrovija bil-persunal ta’ persuna b’diżabilità jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa, l-amministratur ta’ l-istazzjon għandu jipprovdi assistenza mingħajr ħlas b’mod li dik il-persuna tkun tista’ titla’ fuq is-servizz jew li tinżel mis-servisss li jkun wasal li għalih hu jew hi tkun xtrat il-biljett, mingħajr ħsara għar-regoli ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 19(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal deroga mill-paragrafu 1 fil-każ ta’ persuni li jkunu qed jivjaġġaw fuq servizzi li huma oġġett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku mogħti skond il-liġi Komunitarja, kemm-il darba l-awtorità kompetenti tkun ħasbet għal faċilitajiet jew arranġamenti alternattivi li jiggarantixxu aċċessibbiltà għas-servizzi tat-trasport ekwivalenti jew ta’ livell ogħla.

3.   Fi stazzjonijiet mingħajr persunal, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-istazzjonijiet għandhom jiżguraw li tkun murija informazzjoni li tkun faċilment aċċessibbli skond ir-regoli ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 19(1) dwarl-eqreb stazzjonijiet bil-persunal u għajnuna li tkun disponibbli b’mod dirett għal persuni b’diżabilità jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 23

Assistenza abbord

Bla ħsara għar-regoli ta’ aċċess kif imsemmija fl-Artikolu 19(1), l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lil persuni b’diżabilità u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa assistenza mingħajr ħlas fuq ferrovija u waqt it-tlugħ u l-inżul minn ferrovija.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-assistenza abbord għandha tkun tikkonsisti l-isforzi kollha raġonevoli sabiex tiġi offruta assistenza lil persuna b’diżabilità jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa sabiex tippermetti lil dik il-persuna jkollha aċċess għall-istess servizzi fil-ferrovija bħall-passiġġieri l-oħra, f’każ li d-diżabilità jew il-mobbiltà mnaqqsa ikunu tali li ma tħallihx ikollu aċċess għal dawk is-servizzi b’mod indipendenti u sikur.

Artikolu 24

Kondizzjonijiet li fuqhom tingħata l-assistenza

L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-istazzjonijiet, il-bejjiegħa tal-biljetti u operaturi tal-vjaġġi għandhom jikkooperaw biex jipprovdu assistenza lil persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa skond l-Artikoli 22 u 23 skond il-punti li ġejjin.

(a)

L-assistenza għandha tingħata bil-kondizzjoni li l-impriża ferrovjarja, l-amministratur ta’ l-istazzjon, il-bejjiegħ tal-biljetti jew l-operatur tal-vjaġġi li mingħandu nxtara l-biljett, jiġi notifikat bil-ħtieġa tal-persuna għal tali assistenza mill-inqas 48 siegħa qabel ma tkun meħtieġa l-assistenza. Fejn il-biljett jippermeti aktar minn vjaġġ wieħed, tkun biżżejjed notifika waħda basta tingħata informazzjoni adegwata dwar il-ħin tal-vjaġġi sussegwenti;

(b)

L-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-istazzjoniijiet, il-bejjiegħa tal-biljetti u l-operaturi tal-vjaġġi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirċievu n-notifiki;

(ċ)

Jekk ma ssir l-ebda notifika skond il-punt (a), l-impriża ferrovjarja u l-amministratur ta’ l-istazzjon għandhom jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex jipprovdu l-assistenza b’tali mod li l-persuna b’diżabilità l-persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun tista’ tivjaġġa;

(d)

Bla ħsara għall-kompetenzi ta’ entitajiet oħra fir-rigward ta’ żoni li qegħdin barra mil-lokal ta’ l-istazzjoni tal-ferrovija, l-amministratur jew kwalunkwe persuna oħra awtorizzata għandhom jagħżlu punti, ġewwa u barra mill-istazzjon tal-ferrovija, li fihom persuni b’diżabilità u persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom fl-istazzjon tal-ferrovija u, jekk jeħtieġ, jitolbu għall-assistenza;

(e)

L-assistenza għandha tingħata bil-kondizzjoni li l-persuna b’diżabilità jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa tippreżenta ruħha fil-punt magħżulf’ħin stipulat mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-istazzjoni li jipprovdu tali assistenza. Il-ħin stipulat m’għandux ikun aktar minn 60 minuta qabel il-ħin tat-tluq pubblikat jew il-ħin li fih il-passiġġieri kollha huma mitluba li jagħmlu check-in. Jekk ma jkun stipulat l-ebda ħin li fih il-persuna b’diżabilità jew il-persuna b’mobilità mnaqqsa hija meħtieġa li tippreżenta lilha nnifisha, il-persuna għandha tippreżenta lilha nnifisha fil-punt magħżul mhux inqas minn 30 minuta qabel il-ħin tat-tluq pubblikat jew il-ħin li fih il-passiġġieri kollha huma mitluba li jagħmlu check-in.

Artikolu 25

Kumpens marbut mat-tagħmir tal-mobbiltà u tagħmir ieħor speċifiku

Jekk l-impriża ferrovjarja hi responsabbli mit-telf sħiħ jew parzjali, jew ħsara fit-tagħmir tal-mobbiltà jew tagħmir ieħor speċifiku użat minn persuni b’diżabilità jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa, m’ għandu japplika l-ebda limitu finanzjarju.

KAPITOLU VI

SIGURTÀ, ILMENTI U KWALITÀ TAS-SERVIZZ

Artikolu 26

Sigurtà personali tal-passiġġieri

Fi ftehim ma’ l-awtoritajiet pubbliċi, l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-infrastrutturi u l-amministraturi ta’ l-istazzjonijiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fl-oqsma rispettivi ta’ responsabbiltà u jadattawhom mal-livell ta’ sigurtà definit mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw is-sigurtà personali tal-passiġġieri fl-istazzjonijiet tal-ferrovija u fuq il-ferroviji u li jimmaniġġaw ir-riskji. Għandhom jikkooperaw u jagħmlu skambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi dwar il-prevenzjoni ta’ atti, li aktarx ixejnu l-livell ta’ sigurtà.

Artikolu 27

Ilmenti

1.   L-impriżi ferrovjarji għandhom iwaqqfu mekkaniżmu biex jitratta l-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament. L-intrapriza ferrovjarja għandha tgħarraf b’mod wiesa’ lill-passiġġieri bid-dettalji tal-kuntatti tagħha u l-lingwa/i ta’ ħidma tagħha.

2.   Il-passiġġieri jistgħu jissottomettu lment lil kwalunkwe impriża ferrovjarja involuta. Fi żmien xahar, id-destinatarju ta’ l-ilment għandu jagħti tweġiba raġunata jew f’każijiet ġustifikati, jinforma lill-passiġġier sa liema data fi żmien ta’ inqas minn tliet xhur mid-data ta’ l-ilment wieħed jista’ jistenna tweġiba għall-ilment.

3.   L-impriża ferrovjarja għandha tippubblika fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 28 in-numru u l-kategoriji ta’ l-ilmenti rċevuti, l-ilmenti trattati, il-ħin tat-tweġiba u l-azzjonijiet għal titjib possibbli li ttieħdu.

Artikolu 28

Standards ta’ kwalità tas-servizz

1.   L-impriżi ferrovjarji għandhom jiddefinixxu l-istandards ta’ kwalità tas-servizzi u jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni ta’ kwalità biex tinżamm il-kwalità tas-servizz. L-istandards ta’ kwalità tas-servizz għandhom ikopru ta’ l-inqas il-punti elenkati fl-Anness III.

2.   L-impriżi ferrovjarji għandhom jissorveljaw il-prestazzjoni tagħhom stess kif riflessa fl-istandards ta’ kwalità tas-servizzi. L-impriżi ferrovjarji għandhom jippubblikaw kull sena rapport fuq il-prestazzjoni ta’ kwalità tas-servizzi tagħhom mar-rapport annwali tagħhom. Ir-rapporti dwar il-prestazzjoni tal-qwalita tas-servizz għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web ta’ l-Internet ta’ l-impriżi ferrovjarji. Barra minn hekk, dawn ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web ta’ l-Internet ta’ l-ERA.

KAPITOLU VII

TAGĦRIF U INFURZAR

Artikolu 29

Tagħrif lill-passiġġieri dwar drittijiethom

1.   Meta jbiegħu biljetti għal vjaġġi bil-ferrovija l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-istazzjonijiet u l-operaturi tal-vjaġġi għandhom jgħarrfu lill-passiġġieri bid-drittijiet u l-obbligi tagħom taħt dan ir-Regolament. Sabiex ikunu konformi ma’ dan ir-rekwiżit ta’ tagħrif, impriżi ferrovjarji, amministraturi ta’ l-istazzjonijiet u operaturi tal-vjaġġi jistgħu jużaw riassunt tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ippreparat mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Unjoni Ewropea u magħmul diponibbli għalihom.

2.   Impriżi ferrovjarji u amministraturi ta’ l-istazzjonijiet għandhom jgħarrfu lill-passiġġieri b’mod xieraq fl-istazzjoni u fuq il-ferrovija, bid-dettalji ta’ kuntatt tal-korp maħtur minn Stat Membru skond l-Artikolu 30.

Artikolu 30

Infurzar

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar entità jew entitajiet responsabbli mill-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Kull entità għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li d-drittijiet tal-passiġġieri huma rrispettati.

Fl-organizzazzjoni, d-deċiżjonijet ta’ finanzjament, l-istruttura legali u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha kull entità għandha tkun indipendenti minn kwalunkwe amministratur ta’ l-infrastruttura, entità li għandha f’idejha l-imposizzjoni tad-drittijiet, mill-entità li talloka jew mill-impriża ferrovjarja.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-entità jew entitajiet maħtura skond dan il-paragrafu u bir-responsabbiltajiet rispettivi tagħha jew tagħhom.

2.   Kull passiġġier jista’ jilmenta mal- korp maħtur taħt il-paragrafu 1, jew ma’ kwalunkwe korp xieraq ieħor maħtur minn xi Stat Membru, fuq allegat ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Kooperazzjoni bejn entitajiet ta’ infurzar

L-entitajiet ta’ infurzar kif imsemmija fl-Artikolu 30 għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar il-prinċipji u l-prattika tal-ħidma u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom bil-għan li jikkoordinaw il-prinċipji ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom fil-Komunità kollha. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f’dan il-kompitu.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad- Dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli u l-miżuri lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Ġunju 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffetwahom.

Artikolu 33

Annessi

Miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jadattaw l-Annessi għalih, ħlief l-Anness I, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 35(2).

Artikolu 34

Dispożizzjonijiet emendatorji

1.   Miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh u li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 2, 10 u 12 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 35(2).

2.   Miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jaġġustaw l-ammonti finanzjarji msemmija fih, ħlief fl-Anness I, fid-dawl ta’ l-inflazzjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 35(2).

Artikolu 35

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 11a tad-Direttiva 91/440/KEE.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jittieħed kont tad-Dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 36

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament sat-3 ta’ Diċembru 2012, u b’mod partikolari dwar l-istandards ta’ kwalità tas-servizzi.

Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni li għandha tingħata skond dan ir-Regolament u skond l-Artikolu 10b tad-Direttiva 91/440/KEE. Ir-rapport għandu jkollu miegħu, fejn meħtieġ, proposti xierqa.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ 24 xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 8.

(2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p. 26.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 490), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 1), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2007) (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Riżolużżjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Settembru 2007, u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2007.

(4)  ĠU C 137, 8.6.2002, p. 2.

(5)  ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/32/KE (ĠU L 141, 2.6.2007, p. 63).

(6)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(8)  ĠU L 143, 27.6.1995, p. 70. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(9)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).

(10)  Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE.

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59).


ANNESS I

Estratt mir-regoli uniformi dwar il-kuntratt għat-trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u bagalji bil-ferrovija (CIV)

Appendiċi A

Għall-konvenzjoni dwar trasport internazzjonali bil-ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ mejju 1980, KIF modifikata bil-protokoll għall-modifika tal-konvenzjoni dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija tat-3 ta’ ġunju 1999

TITOLU II

KONKLUŻJONI U PRESTAZZJONI TAL-KUNTRATT TA’ TRASPORT

Artikolu 6

Kuntratt ta’ Trasport

1.   Bil-kuntratt ta’ trasport, it-trasportatur għandu jidħol għall-impenn li jġorr il-passiġġier kif ukoll, fejn xieraq, il-bagalji u vetturi għall-post tad-destinazzjoni u li jikkunsinna l-bagalji u l-vetturi fil-post tad-destinazzjoni.

2.   Il-kuntratt ta’ trasport għandu jiġi kkonfermat b’biljett jew aktar maħruġ lill-passiġġier. Madankollu, soġġett għall-Artikolu 9, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ biljett m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-kuntratt li għandha tibqa’ soġġetta għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.   Il-biljett għandu jkun evidenza prima facie tal-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ trasport.

Artikolu 7

Biljett

1.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-biljetti kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom huma għandhom jiġu stampati u magħmulin.

2.   Dan li ġej, ta’ l-inqas, għandu jiddaħħal fil-biljett:

(a)

it-trasportatur jew it-trasportaturi;

(b)

stqarrija li t-Trasport huwa soġġett, minkejja kwalunkwe klawsola kuntrarja, għal dawn ir-Regoli Uniformi; din tista’ tkun indikata bl-akronimu CIV;

(ċ)

kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-konklużjoni u l-kontenut tal-kuntratt ta’ Trasport u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

3.   Il-passiġġier għandu jiżgura, x’ħin jirċievi l-biljett, li dan ħareġ skond l-istruzzjonijiet tiegħu.

4.   Il-biljett għandu jkun trasferibbli jekk ma jkunx ħareġ f’isem il-passiġġier u jekk il-vjaġġ ma jkunx beda.

5.   Il-biljett jista’ jiġi stabbilit fil-forma ta’ reġistrazzjoni ta’ data elettronika, li tista’ tiġi ttrasformata f’simboli miktuba leġġibbli. Il-proċedura użata għar-reġistrazzjoni u t-trattament ta’ data għandha tkun ekwivalenti mill-perspettiva funzjonali, b’mod partikolari sa fejn jikkonċerna l-valur evidenzjali tal-biljett irrappreżentat b’dik id-data.

Artikolu 8

Pagament u rimbors tal-ħlas tat-trasport

1.   Soġġett għal ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur, il-ħlas tat-trasport għandu jitħallas minn qabel.

2.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport għandhom jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas tat-trasport.

Artikolu 9

Id-dritt li tinġarr. Esklużjoni mit-trasport

1.   Il-passiġġier għandu, mill-bidu tal-vjaġġ tiegħu, ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu u jippreżentah fl-ispezzjoni tal-biljetti. Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport jistgħu jipprovdu:

(a)

li passiġġier li ma jipproduċix biljett validu għandu jħallas, b’żieda mal-ħlas tat-trasport, ħlas addizzjonjali;

(b)

li passiġġier li jirrifjuta li jħallas x’ħin jintalab il-ħlas tat-trasport jew il-ħlas addizzjonali jista’ jiġi mitlub li jtemm il-vjaġġ tiegħu;

(ċ)

jekk u taħt liema kondizzjonijiet għandu jsir rimbors tal-ħlas addizzjonali.

2.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport jistgħu jipprovdu li l-passiġġieri li:

(a)

jippreżentaw periklu għas-sigurtà u l-iffunzjonar tajjeb ta’ l-operazzjonijiet jew għas-sigurtà ta’ passiġġieri oħra,

(b)

joħolqu inkonvenjent lil passiġġieri oħra b’mod intollerabbli,

għandhom jiġu esklużi mit-trasport jew jistgħu jiġu mitluba jtemmu l-vjaġġ tagħhom u li tali persuni m’għandhomx ikunu intitolati għal rimbors tal-ħlas tat-trasport tagħhom jew ta’ kwalunkwe ħlas għat-trasport ta’ bagalji reġistrati li setgħu ħallsu.

Artikolu 10

Ikkompletar ta’ formalitajiet amministrattivi

Il-passiġġier għandu jikkonforma mal-formalitajiet meħtieġa mid-dwana jew l-awtoritajiet amministrattivi oħra.

Artikolu 11

Kanċellazzjoni u ttardjar tal-ferroviji. Konnessjonijiet li ma ntlaħqux

It-trasportatur għandu, fejn neċessarju, jiċċertifika fuq il-biljett li l-ferrovija ġiet ikkanċellata jew il-konnessjoni ma ntlaħqitx.

TITOLU III

TRASPORT TA’ BAGALJI TA’ L-IDEJN, ANNIMALI, BAGALJI RREĠISTRATI U VETTURI

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet Komuni

Artikolu 12

Artikoli u annimali aċċettabbli

1.   Il-passiġġier jista’ jieħu miegħu artikoli li jistgħu jiġu mmaniġġjati faċilment (bagalji ta’ l-idejn) u wkoll annimali ħajjin skond il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport. Barra minn dan, il-passiġġier, jista’ jieħu miegħu artikoli ingombranti skond id-Dispożizzjonijiet speċjali, li hemm fil-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport. Artikoli u annimali li x’aktarx idejqu jew joħolqu inkonvenjent lill-passiġġieri jew jikkawżaw ħsara m’għandhomx jiġu permessi bħala bagalja ta’ l-idejn.

2.   Il-passiġġier, jista’ jikkunsinna l-artikoli u l-annimali bħala bagalji rreġistrati skond il-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport.

3.   It-trasportatur jista’ jippermetti t-trasport ta’ vetturi fl-okkażjoni tat-trasport ta’ passiġġieri skond Dispożizzjonijiet speċjali li hemm fil-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-trasport.

4.   It-trasport ta’ merkanzija perikoluża bħala bagalja ta’ l-idejn, bagalja rreġistrata kif ukoll bħala ġewwa jew fuq vetturi li, skond dan it-Titolu jinġarru bil-ferrovija, għandu jikkonforma mar-Regolament li jikkonċerna t-trasport ta’ Merkanzija Perikoluża bil-Ferrovija (RID).

Artikolu 13

Eżami

1.   Fejn ikun hemm raġuni tajba għas-suspett ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kondizzjonijiet tat-Trasport, it-trasportatur għandu jkollu d-dritt li jeżamina jekk l-artikoli (il-bagalji ta’ l-idejn, il-bagalji rreġistrati, il-vetturi inkluż it-tagħbija tagħhom) u l-annimali ttrasportati jikkonformawx mal-kondizzjonijiet tat-Trasport, sakemm il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta’ l-Istat li fih isir l-eżami ma jipprojbixxux tali eżami. Il-passiġġier għandu jkun mistieden biex jattendi għall-eżami. Jekk ma jidhirx jew ma jkunx jista’ jintlaħaq, it-trasportatur għandu jitlob l-preżenza ta’ żewġ xhieda indipendenti.

2.   Jekk ikun stabbilit li l-kondizzjonijiet tat-Trasport ma ġewx irrispettati, it-trasportatur jista’ jitlob lill-passiġġier iħallas l-ispejjeż li joriġinaw mill-eżami.

Artikolu 14

Ikkompletar ta’ formalitajiet amministrattivi

Il-passiġġier għandu jikkonforma mal-formalitajiet meħtieġa mid-dwana jew l-awtoritajiet amministrattivi oħra meta, waqt li jkun qed jiġi ttrasportat, ikollu artikoli (bagalji ta’ l-idejn, bagalji rreġistrati, vetturi inkluż it-tagħbija tagħhom) jew annimali ttrasportati. Hu għandu jkun preżenti waqt l-ispezzjoni ta’ dawn l-artikoli ħlief fejn hu previst mod ieħor mil-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta’ kull Stat.

Kapitolu II

Bagalji ta’ l-Idejn u Annimali

Artikolu 15

Superviżjoni

Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-passiġġier li jissorvelja l-bagalja ta’ l-idejn u l-annimali li hu jieħu miegħu.

Kapitolu III

Bagalji Rreġistrati

Artikolu 16

Kunsinna ta’ bagalji rreġistrati

1.   L-obbligazzjonijiet kuntrattwali relatati mat-trasferiment tal-bagalji rreġistrati għandhom jiġu stabbiliti b’vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja maħruġ lill-passiġġier.

2.   Soġġett għall-Artikolu 22, l-assenza, l-irregolarità jew it-telf ta’ vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja m’għandhomx jaffettwaw l-eżistenza jew il-validità tal-ftehim li jikkonċernaw it-trasferiment tal-bagalji rreġistrati, li għandhom jibqgħu soġġetti għal dawn ir-Regoli Uniformi.

3.   Il-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja għandu jkun evidenza prima facie tar-reġistrazzjoni tal-bagalja u l-kondizzjonijiet tat-trasport tagħha.

4.   Soġġett għal evidenza kuntrarja, għandu jiġi preżunt li meta t-trasportatur għabba l-bagalja rreġistrata din kienet apparentament f’kondizzjoni tajba, u li n-numru u l-massa tal-punti tal-bagalja jikkorrispondu ma’ l-informazzjoni mdaħħla fuq il-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja.

Artikolu 17

Vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja

1.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom dan għandu jiġu stampat u magħmul. L-Artikolu 7 paragrafu 5 għandu japplika mutatis mutandis.

2.   Dan li ġej, ta’ l-inqas, għandu jiddaħħal fil-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja:

(a)

it-trasportatur jew it-trasportaturi;

(b)

stqarrija li t-Trasport huwa soġġett, minkejja kwalunkwe klawsola kuntrarja, għal dawn ir-Regoli Uniformi; din tista’ tkun indikata bl-akronimu CIV;

(ċ)

kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-obbligi kuntrattwali li jirrigwardaw it-trasferiment tal-bagalji rreġistrati u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw minn dan il-kuntratt ta’ Trasport.

3.   Il-passiġġier għandu jiżgura, x’ħin jirċievi l-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja, li dan ħareġ skond l-istruzzjonijiet tiegħu.

Artikolu 18

Reġistrazzjoni u Trasport

1.   Ħlief fejn il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport jipprovdu mod ieħor, il-bagalji għandhom jiġu rreġistrati biss fuq preżentazzjoni ta’ biljett validu ta’ l-inqas sad-destinazzjoni tal-bagalji. F’każi oħra r-reġistrazzjoni tal-bagalji għandha titwettaq skond il-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post tal-konsenja.

2.   Meta l-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport jipprovdu li l-bagalji jistgħu jiġu aċċettati għal Trasport mingħajr il-preżentazzjoni ta’ biljett, id-Dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli Uniformi li jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġier fir-rigward tal-bagalji rreġistrati tiegħu għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dak li jikkonsenja l-bagalji rreġistrati.

3.   It-trasportatur jista’ jibgħat il-bagalji rreġistrati b’ferrovija oħra jew b’mezz ta’ trasport ieħor u b’rotta differenti minn dik meħuda mill-passiġġier.

Artikolu 19

Pagament ta’ ħlasijiet għat-Trasport ta’ bagalji rreġistrati

Soġġett għal ftehim kuntrarju bejn il-passiġġier u t-trasportatur, il-ħlas għall-Trasport ta’ bagalji rreġistrati għandu jkun pagabbli mar-reġistrazzjoni.

Artikolu 20

Immarkar ta’ bagalji rreġistrati

Il-passiġġier għandu jindika fuq kull punt tal-bagalji rreġistrati f’post viżibbilment ċar, b’mod suffiċjentement reżistenti u leġġibbli:

(a)

l-isem u l-indirizz tiegħu;

(b)

il-post tad-destinazzjoni.

Artikolu 21

Id-dritt li tiddisponi minn bagalji rreġistrati

1.   Jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu u jekk b’dan ma jinkisrux il-ħtiġiet tad-dwana jew il-ħtiġiet ta’ awtoritajiet amministrattivi oħra, il-passiġġier jista’ jitlob li l-bagalji jingħataw lura fil-post tal-kunsinna maċ-ċediment tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja u, jekk il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport jeħtieġu hekk, mal-preżentazzjoni tal-biljett.

2.   Il-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport jista’ jkun fihom Dispożizzjonijiet oħra li jirrigwardaw id-dritt li tiddisponi minn bagalji rreġistrati, b’mod partikolari modifikazzjonijiet tal-post tad-destinazzjoni u l-konsegwenzi finanzjari possibbli li jridu jinġarru mill-passiġġier.

Artikolu 22

Kunsinna

1.   Il-bagalji rreġistrati għandhom jiġu kkonsenjati maċ-ċediment tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja u, fejn xieraq, mal-pagament ta’ l-ammonti ta’ ħlas mal-kunsinna.

It-trasportatur għandu jkun intitolat, iżda mhux obbligat, li jeżamina jekk id-detentur tal-vawċer hux intitolat jew le li jirċievi kunsinna.

2.   Għandha tkun ekwivalenti għall-kunsinna lid-detentur tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jekk, skond il-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post tal-kunsinna:

(a)

il-bagalja ġiet mgħoddija f’idejn l-awtoritajiet tad-dwana jew ta’ l-octroi fil-bini jew l-imħażen tagħhom, meta dawn m’humiex soġġetti għas-superviżjoni tat-trasportatur;

(b)

annimali ħajjin ġew mgħoddija f’idejn partijiet terzi.

3.   Id-detentur tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jista’ jitlob il-kunsinna tal-bagalji fil-post tad-destinazzjoni hekk kif jinqabeż il-ħin miftiehem u, fejn xieraq, il-ħin neċessarju għall-operazzjonijiet mwettqa mill-awtoritajiet tad-dwana jew awtoritajiet oħra.

4.   Meta ma jkunx hemm ċediment tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja, it-trasportatur għandu biss ikun obbligat jikkunsinna l-bagalji lill-persuna li tipprova d-dritt tagħha għal dan; jekk il-prova offruta tidher insuffiċjenti, t-trasportatur jista’ jitlob li tingħata s-sigurtà.

5.   Il-bagalja għandha tiġi kkonsenjata fil-post tad-destinazzjoni li għalih ġiet irreġistrata.

6.   Id-detentur ta’ vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja li l-bagalja tiegħu ma ġietx konsenjata jista’ jitlob li jkollu fuq il-vawċer il-jum u l-ħin meta talab il-kunsinna skond paragrafu 3.

7.   Il-persuna intitolata tista’ tirrifjuta li taċċetta l-bagalja jekk it-trasportatur ma’ jikkonformax mat-talba tiegħu li jwettaq eżami tal-bagalja rreġistrata sabiex tiġi stabbilita l-ħsara allegata.

8.   Fil-każi l-oħra kollha l-kunsinna tal-bagalja għandha titwettaq skond il-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post tad-destinazzjoni.

Kapitolu IV

Vetturi

Artikolu 23

Kondizzjonijiet ta’ Trasport

Id-Dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw it-Trasport ta’ vetturi, li jinsabu fil-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport, għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċettazzjoni għat-Trasport, ir-reġistrazzjoni, it-tagħbija u t-Trasport, il-ħatt u l-kunsinna kif ukoll l-obbligi tal-passiġġier.

Artikolu 24

Vawċer tat-Trasport

1.   L-obbligi kuntrattwali relatati mat-Trasport ta’ vetturi għandhom jiġu stabbiliti b’vawċer tat-Trasport maħruġ lill-passiġġier. Il-vawċer tat-Trasport jista’ jiġi integrat fil-biljett tal-passiġġier.

2.   Il-Dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw it-Trasport ta’ vetturi, li jinsabu fil-Kondizzjonijiet Ġenerali ta’ Trasport, għandhom jiddeterminaw il-forma u l-kontenut tal-vawċer tat-Trasport kif ukoll il-lingwa u l-karattri li bihom dan għandu jiġu stampat u magħmul. L-Artikolu 7 paragrafu 5 għandu japplika mutatis mutandis.

3.   Dan li ġej, ta’ l-inqas, għandu jiddaħħal fil-vawċer tat-Trasport:

(a)

it-trasportatur jew it-trasportaturi;

(b)

stqarrija li t-Trasport huwa soġġett, minkejja kwalunkwe klawsola kuntrarja, għal dawn ir-Regoli Uniformi; din tista’ tkun indikata bl-akronimu CIV;

(ċ)

kwalunkwe stqarrija oħra meħtieġa biex tipprova l-obbligi kuntrattwali li jirrigwardaw it-Trasport ta’ vetturi u li tippermetti lill-passiġġier jafferma d-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ Trasport.

4.   Il-passiġġier għandu jiżgura, x’ħin jirċievi l-vawċer tat-Trasport, li dan ħareġ skond l-istruzzjonijiet tiegħu.

Artikolu 25

Liġi applikabbli

Soġġett għad-Dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, id-Dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III relatati mat-Trasport ta’ bagalji għandhom japplikaw għall-vetturi.

TITOLU IV

RESPONSABBILTÀ TAT-TRASPORTATUR

Kapitolu I

Responsabbiltà f’każ ta’ Mewt ta’, jew Korriment Personali lill-, Passiġġieri

Artikolu 26

Bażi tar-responsabbiltà

1.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli għat-telf jew il-ħsara li tirriżulta minn mewt ta’, korrimenti personali lill-, jew ħsara fiżika jew mentali oħra lill-, passiġġier, ikkaużata b’inċident li joriġina mill-operat tal-linja tal-ferrovija u li jseħħ waqt li l-passiġġier ikun ġewwa, dieħel jew nieżel minn vetturi tal-linja tal-ferrovija, tkun xi tkun l-infrastruttura tal-linja tal-ferrovija użata.

2.   It-trasportatur għandu jinħeles minn din ir-responsabbiltà

(a)

jekk l-inċident ġie kkawżat minn ċirkostanzi mhux konnessi ma’ l-operat tal-linja tal-ferrovija u li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom;

(b)

sal-punt li l-inċident huwa dovut għat-tort tal-passiġġier;

(ċ)

jekk l-aċċident huwa dovut għall-imġiba ta’ parti terza li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom; impriża oħra li tuża l-istess infrastrutura tal-linja tal-ferrovija ma tistax titqies bħala parti terza; id-dritt għar-rikors m’għandux jiġi affettwat.

3.   Jekk l-inċident huwa dovut għall-imġiba ta’ parti terza u jekk, minkejja dan, it-trasportatur m’huwiex meħlus kompletament mir-responsabbiltà tiegħu skond paragrafu 2, ittra ċ), hu għandu jkun responsabbli b’mod sħiħ sal-limiti stabbiliti f’dawn ir-Regoli Uniformi iżda mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ rikors li t-trasportatur jista’ jkollu kontra l-parti terza.

4.   Dawn ir-Regoli Uniformi m’għandhom jaffettwaw l-ebda responsabbiltà li tista’ taqa’ fuq it-trasportatur f’każijiet mhux previsti fil-paragrafu 1.

5.   Jekk it-Trasport irregolat minn kuntratt ta’ Trasport wieħed jitwettaq minn trasportaturi suċċessivi, it-trasportatur marbut skond il-kuntratt ta’ Trasport li jipprovdi s-servizz ta’ Trasport li fil-kors tiegħu seħħ l-inċident, għandu jkun responsabbli f’każ ta’ mewt ta’, u korrimenti personali lill-, passiġġieri. Meta dan is-servizz ma ġiex ipprovdut mit-trasportatur, iżda minn trasportatur sostitut, iż-żewġ trasportaturi għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt u separatament skond dawn ir-Regoli Uniformi.

Artikolu 27

Ħsarat f’każ ta’ mewt

1.   F’każ ta’ mewt tal-passiġġier il-ħsarat għandhom jinkludu:

(a)

kwalunkwe spejjeż meħtieġa wara l-mewt, b’mod partikolari dawk tat-trasport tal-ġisem u l-ispejjeż tal-funeral;

(b)

jekk il-mewt ma sseħħx mill-ewwel, il-ħsarat previsti fl-Artikolu 28.

2.   Jekk, mal-mewt tal-passiġġier, il-persuni li kellu, jew li kien ser ikollu, dmir legali li jmantni jiġu mċaħda mill-appoġġ tagħhom, tali persuni għandhom ukoll jiġu kkompensati għal dak it-telf. Id-drittijiet ta’ azzjoni għal ħsarat ta’ persuni li l-passiġġier kien qed imantni mingħajr ma kien marbut bil-liġi li jagħmel dan, għandhom jiġu rregolati bil-liġi nazzjonali.

Artikolu 28

Ħsarat f’każ ta’ korriment personali

F’każ ta’ korriment personali jew kwalunkwe ħsara fiżika jew mentali oħra lill-passiġġier, il-ħsarat għandhom jinkludu:

(a)

kwalunkwe spejjeż, b’mod partikolari dawk tal-kura u tat-trasport;

(b)

kumpens għal telf finanzjarju, dovut għal inkapaċità ta’ xogħol, totali jew parzjali, jew għal ħtiġijiet miżjuda.

Artikolu 29

Kumpens għal ħsara oħra tal-ġisem

Il-liġi nazzjonali għandha tiddetermina jekk u sa liema limitu għandu t-trasportatur iħallas il-ħsarat għal ħsara tal-ġisem barra minn dik li hemm Dispożizzjoni għaliha fl-Artikoli 27 u 28.

Artikolu 30

Forma u ammont ta’ ħsarat f’każ ta’ mewt jew korriment personali

1.   Il-ħsarat taħt l-Artikolu 27, paragrafu 2 u l-Artikolu 28, ittra b) għandhom jingħataw fil-forma ta’ ħlas f’daqqa. Madankollu, jekk il-liġi nazzjonali tippermetti pagament ta’ kull sena, il-ħsarat għandhom jingħataw f’dik il-forma jekk jiġi mitlub hekk mill-passiġġier korrut jew mill-persuni intitolati msemmijin fl-Artikolu 27, paragrafu 2.

2.   L-ammont ta’ ħsarat li jridu jingħataw skond paragrafu 1 għandhom jiġu determinati skond il-liġi nazzjonali. Madankollu, għall-iskopijiet ta’ dawn ir-Regoli Uniformi, il-limitu superjuri għal kull passiġġier għandu jiġi stabbilit għal 175 000 unità ta’ kont bħala ħlas f’daqqa jew bħala pagament ta’ kull sena annwali li jikkorrispondi għal dik is-somma, fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi għal limitu superjuri ta’ inqas minn dak l-ammont.

Artikolu 31

Sistemi oħra ta’ trasport

1.   Soġġett għal paragrafu 2, id-Dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ mewt ta’, jew korriment personali lill-, passiġġieri m’għandhomx japplikaw għal telf jew ħsarat li joriġinaw fil-kors tat-Trasport li, skond il-kuntratt ta’ Trasport, ma kienx Trasport bil-ferrovija.

2.   Madankollu, fejn il-vetturi tal-linji tal-ferrovija jinġarru bil-vapur, id-Dispożizzjonijiet relatati mar-responsabbiltà f’każ ta’ mewt ta’, jew korrimenti personali lill-, il-passiġġieri għandhom japplikaw għat-telf jew il-ħsara msemmija fl-Artikoli 26, paragrafu 1 u l-Artikolu 33, paragrafu 1, ikkaużata b’inċident li jirriżulta mill-operat tal-linja tal-ferrovija u li jseħħ waqt li l-passiġġier ikun ġewwa, dieħel jew nieżel mill-imsemmija vetturi.

3.   Meta, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, l-operat tal-linja tal-ferrovija jiġi temporanjament sospiż u l-passiġġieri jinġarru minn sistema oħra ta’ trasport, it-trasportatur għandu jkun responsabbli skond dawn ir-Regoli Uniformi.

Kapitolu II

Responsabbiltà f’każ ta’ Nuqqas ta’ Żamma ma’ l-Iskeda tal-Ħin

Artikolu 32

Responsabbiltà f’każ ta’ kanċellazzjoni, ittardjar tal-ferroviji jew konnessjonijiet li ma ntlaħqux

1.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-passiġġier għal telf jew ħsara li tirriżulta mill-fatt li, minħabba kanċellazzjoni, ittardjar ta’ ferrovija jew konnessjoni li ma ntlaħqitx, il-vjaġġ tiegħu ma jistax jitkompla fl-istess jum, jew li kontinwazzjoni tal-vjaġġ fl-istess jum ma tistax tintalab b’mod raġonevoli minħabba ċirkostanzi speċifiċi. Il-ħsarat għandhom jinkludu l-ispejjeż raġonevoli ta’ akkomodazzjoni kif ukoll l-ispejjeż raġonevoli li jkun hemm bżonn biex jiġu nnotifikati l-persuni li qed jistennew lill-passiġġier.

2.   It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà, meta l-kanċellazzjoni, l-ittardjar jew il-konnessjoni li ma ntlaħqitx hija attribwibbli għal waħda minn dawn il-kawżi li ġejjin:

(a)

ċirkostanzi mhux konnessi ma’ l-operat tal-linja tal-ferrovija li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom,

(b)

tort fuq il-parti tal-passiġġier; jew

(ċ)

l-imġiba ta’ parti terza li t-trasportatur, minkejja li ħa l-kura meħtieġa fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom; impriża oħra li tuża l-istess infrastrutura tal-linja tal-ferrovija ma tistax titqies bħala parti terza; id-dritt għar-rikors m’għandux jiġi affettwat.

3.   Il-liġi nazzjonali għandha tiddetermina jekk u sa liema livell għandu t-trasportatur iħallas il-ħsarat għal ħsara barra minn dik prevista fil-paragrafu 1. Din id-Dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.

Kapitolu III

Responsabbiltà fir-rigward ta’ Bagalji ta’ l-Idejn, Annimali, Bagalji Rreġistrati u Vetturi

TAQSIMA 1

Bagalji ta’ l-idejn u annimali

Artikolu 33

Responsabbiltà

1.   F’każ ta’ mewt ta’, jew korriment personali lill-, passiġġieri, it-trasportatur għandu jkun responsabbli ukoll għat-telf jew ħsara li tirriżulta minn telf totali jew parzjali ta’, jew ħsara lill-oġġetti li l-passiġġier kellu fuqu jew miegħu bħala bagalja ta’ l-idejn; dan għandu japplika wkoll għall-annimali li l-passiġġier kien ġab miegħu. L-Artikolu 26 għandu japplika mutatis mutandis.

2.   F’rigward ieħor, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għat-telf totali jew parzjali ta’, jew ħsara lill-, oġġetti, bagalji ta’ l-idejn jew annimali li s-superviżjoni tagħhom hija r-responsabbiltà tal-passiġġier skond l-Artikolu 15, sakemm dan it-telf jew ħsara ma jkunx ikkawżat bil-ħtija tat-trasportatur. L-Artikoli l-oħra tat-Titolu IV, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 51, u t-Titolu VI m’għandhomx japplikaw f’dan il-każ.

Artikolu 34

Limitu ta’ ħsarat f’każ ta’ telf ta’ jew ħsara lill-oġġetti

Meta t-trasportatur huwa responsabbli taħt l-Artikolu 33 paragrafu 1, hu għandu jħallas kumpens sa limitu ta’ 1 400 unità ta’ kont għal kull passiġġier.

Artikolu 35

Esklużjoni tar-responsabbiltà

It-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għall-passiġġier għal telf jew ħsara li toriġina mill-fatt li l-passiġġier ma jikkonformax mal-formalitajiet meħtieġa mill-awtoritajiet tad-dwana jew awtoritajiet amministrattivi oħra.

TAQSIMA 2

Bagalji Rreġistrati

Artikolu 36

Bażi tar-responsabbiltà

1.   It-trasportatur għandu jkun responsabbli għat-telf jew ħsara li tirriżulta minn telf totali jew parzjali ta’, jew ħsara lill-, bagalja rreġistrata bejn il-ħin li t-trasportatur ħadha f’idejh u l-ħin tal-kunsinna kif ukoll mill-ittardjar tal-kunsinna.

2.   It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà sal-punt fejn it-telf, il-ħsara jew l-ittardjar fil-kunsinna ġie ikkawżat b’tort tal-passiġġier, b’ordni mogħtija mill-passiġġier barra milli riżultat ta’ tort tat-trasportatur, b’difett inerenti fil-bagalja rreġistrata jew b’ċirkostanzi li t-trasportatur ma setax jevita u li ma setax jipprevjeni l-konsegwenzi tagħhom.

3.   It-trasportatur għandu jiġi meħlus minn din ir-responsabbiltà sal-punt li t-telf jew ħsara joriġina mir-riskji speċjali inerenti f’waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-assenza jew inadegwatezza ta’ l-ippakkjar;

(b)

in-natura speċjali tal-bagalja;

(ċ)

il-kunsinna bħala bagalja ta’ oġġetti mhux aċċettabbli għat-Trasport.

Artikolu 37

Obbligu ta’ provi

1.   L-obbligu li jiġi pprovat li t-telf, il-ħsara jew l-ittardjar fil-kunsinna kien tort ta’ waħda mill-kawżi speċifikati fl-Artikoli 36, paragrafu 2 għandu jaqa’ fuq it-trasportatur.

2.   Meta t-trasportatur jistabbilixxi li, wara li kkunsidra ċ-ċirkostanzi ta’ każ partikolari, it-telf jew il-ħsara setgħu oriġinaw minn riskju speċjali wieħed jew aktar imsemmija fl-Artikolu 36, paragrafu 3, għandu jkun preżunt li minn hemm oriġinat. Il-persuna intitolata għandha, madankollu, jkollha d-dritt li tipprova li t-telf jew il-ħsara ma kienx attribwibbli la fis-sħiħ u lanqas f’parti għal wieħed minn dawk ir-riskji.

Artikolu 38

Trasportaturi suċċessivi

Jekk Trasport irregolat b’kuntratt wieħed jitwettaq minn trasportaturi diversi suċċessivi, kull trasportatur bl-att proprju li jieħu f’idejh il-bagalja bil-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jew il-vettura bil-vawċer ta’ Trasport, għandu jsir parti għall-kuntratt ta’ Trasport fir-rigward tat-tmexxija tal-bagalja jew tat-Trasport tal-vetturi, skond it-termini tal-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalja jew tal-vawċer tat-Trasport u għandu jassumi l-obbligi li joriġinaw minn hemm. F’tali każ kull trasportatur għandu jkun responsabbli għat-Trasport matul ir-rotta sħiħa sal-kunsinna.

Artikolu 39

Trasportatur sostitut

1.   Fejn it-trasportatur ħalla t-twettiq ta’ Trasport, fis-sħiħ jew f’parti, f’idejn trasportatur sostitut, kemm jekk skond id-dritt taħt il-kuntratt ta’ Trasport li jagħmal dan, jew le, it-trasportatur għandu madankollu jibqa’ responsabbli fir-rigward tat-Trasport sħiħ.

2.   Id-Dispożizzjonijiet kollha ta’ dawn ir-Regoli Uniformi li jirregolaw ir-responsabbiltà tat-trasportatur għandhom japplikaw ukoll għar-responsabbiltà tat-trasportatur sostitut għat-Trasport imwettaq minnu. L-Artikoli 48 u 52 għandhom japplikaw jekk titressaq azzjoni kontra l-impjegati jew kwalukwe persuna oħra li t-trasportatur sostitut jagħmel użu mis-servizzi tagħha għat-twettiq tat-Trasport.

3.   Kwalunkwe ftehim speċjali li taħtu liema t-trasportatur jassumi obbligi mhux imposti minn dawn ir-Regoli Uniformi jew jirrinunzja drittijiet mogħtija minn dawn ir-Regoli Uniformi m’għandu jkollu l-ebda effett fir-rigward tat-trasportatur sostituttiv li ma jkunx aċċettah espliċitament u bil-miktub. Kemm jekk it-trasportatur sostituttiv ikun aċċettah u kemm jekk le, it-trasportatur għandu xorta jibqa’ marbut mill-obbligi jew ir-rinunzji li jirriżultaw minn tali ftehim speċjali.

4.   Meta u safejn it-trasportatur u t-trasportatur sostituttiv ikunu t-tnejn responsabbli, ir-responsabbilt għandha tkun konġunta u separata.

5.   L-ammont aggregat tal-kumpens pagabbli mit-trasportatur, it-trasportatur sostituttiv u s-servi tagħhom u persuni oħra li jkunu jużaw is-servizzi tagħhom għat-twettiq tat-trasportazzjoni m’għandux jaqbeż il-limiti previsti f’dawn ir-Regoli Uniformi.

6.   Dan l-Artikolu m’għandux jippreġudika d-drittijiet ta’ rikors li jistgħu jkunu jeżistu bejn it-trasportatur u t-trasportatur sostituttiv.

Artikolu 40

Preżunzjoni ta’ telf

1.   Il-persuna intitolata tista’, mingħajr ma tkun mitluba tipprovdi provi ulterjuri, tikkunsidra oġġett tal-bagalja bħala mitluf meta dan ma jkunx ġie kkunsinnat lilu jew impoġġi għad-Dispożizzjoni tiegħu fi żmien erbatax-il jum wara talba għall-kunsinja tkun saret skond l-Artikolu 22, paragrafu 3.

2.   Jekk oġġett ta’ bagalja li jkun meqjus li ntilef jiġi rikopert fi żmien sena wara t-talba għall-kunsinna, it-trasportatur irid jinnotifika lill-persuna intitolata jekk l-indirizz tiegħu jkun magħruf jew ikun jista’ jiġi aċċertat.

3.   Fi żmien tletin jum wara l-irċevuta tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, il-persuna intitolata tista’ titlob li l-oġġett tal-bagalja jkun ikkunsinnat lilha. F’dak il-każ hija trid tħallas l-ispejjeż relatati mat-Trasport ta’ l-oġġett mill-post tal-kunsinna għall-post fejn il-kunsinna tiġi mwettqa u tirrimborsa l-kumpens irċevut minbarra, skond il-każ, kwalunkwe spiża inkluża fih. Madankollu hija għandha żżomm id-drittijiet tagħha li titlob kumpens għal dewmien tal-kunsinna previst fl-Artikolu 43.

4.   Jekk l-oġġett tal-bagalja rikopert ma jkunx miġbur fi żmien il-perijodu stipulat fil-paragrafu 3 jew jekk dan ma jkunx rikopert aktar minn sena wara t-talba għall-kunsinna, it-trasportatur għandu jeħles minnu skond il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet fis-seħħ fil-post fejn l-oġġett tal-bagalja jkun qiegħed.

Artikolu 41

Kumpens għal telf

1.   F’każ ta’ telf totali jew parzjali ta’ bagalja reġistrata, it-trasportatur irid iħallas, bl-esklużjoni tal-ħsarat l-oħrajn kollha:

(a)

jekk l-ammont tat-telf jew ħsara mġarrba tkun ippruvata, kumpens ta’ daqs dak l-ammont imma mhux aktar minn 80-il unità ta’ kont għal kull kilogramm ta’ massa qasira gross jew 1 200-il unità ta’ kont għal kull oġġett tal-bagalja;

(b)

jekk l-ammont tat-telf jew ħsara mġarrba ma tkunx stabbilita, ħsarat ta’ likwidazzjoni ta’ 20-il unità ta’ kont għal kull kilogramm ta’ massa qasira gross jew 300-il unità ta’ kont għal kull oġġett tal-bagalja;

Il-metodu ta’ kumpens, għal kull kilogramm nieqes jew għal kull oġġett tal-bagalja, għandu jiġi ddeterminat mill-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport.

2.   Barra minn hekk it-trasportatur irid jirrimborsa l-ispiża għat-trasport tal-bagalja u ammonti oħrajn imħallsa fir-rigward tat-trasport ta’ l-oġġett mitluf kif ukoll id-dazji tad-dwana u tas-sisa li jkunu diġà tħallsu.

Artikolu 42

Kumpens għal telf

1.   F’każ ta’ ħsara fuq bagalja reġistrata, it-trasportatur irid iħallas kumpens ekwivalenti għat-telf fil-valur tal-bagalja, bl-esklużjoni tal-ħsarat l-oħra kollha.

2.   Il-kumpens m’għandux ikun ta’ aktar minn:

(a)

jekk il-bagalja kollha naqsilha l-valur minħabba ħsara, l-ammont li kien ikun pagabbli f’każ ta’ telf totali;

(b)

jekk parti biss tal-bagalja naqsilha l-valur minħabba ħsara, l-ammont li kien ikun pagabbli kieku dik il-parti ntilfet;

Artikolu 43

Kumpens għal dewmien tal-kunsinna

1.   F’każ ta’ dewmien tal-kunsinna ta’ bagalja reġistrata, it-trasportatur irid iħallas għal kull perijodu sħiħ ta’ erbgħa u għoxrin siegħa wara li l-kunsinna tkun intalbet, iżda soġġett għal massimu ta’ erbatax-il jum:

(a)

jekk il-persuna intitolata jkollha provi li sofriet telf jew ħsara b’dan, kumpens daqs l-ammont tat-telf jew ħsara, sa mhux aktar minn 0,80-il unità ta’ kont għal kull kilogramm ta’ massa gross tal-bagalja jew 14-il unità ta’ kont għal kull oġġett tal-bagalja, kunsinnat tard;

(b)

jekk il-persuna intitolata ma jkollhiex provi li ġarrbet telf jew ħsara b’dan, ħsarat ta’ likwidazzjoni ta’ 0,14-il unità ta’ kont għal kull kilogramm ta’ massa gross tal-bagalja jew 2,80-il unità ta’ kont għal kull oġġett tal-bagalja, kunsinnati tard.

Il-metodi ta’ kumpens, skond kull kilogramm nieqes jew skond l-oġġetti tal-bagalja, għandu jkun determinat mill-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport.

2.   F’każ ta’ telf totali tal-bagalja, il-kumpens previst fil-paragrafu 1 m’għandux ikun pagabbli flimkien ma’ dak previst fl-Artikolu 41.

3.   F’każ ta’ telf ta’ parti tal-bagalja, il-kumpens previst fil-paragrafu 1 għandu jkun pagabbli fir-rigward ta’ dik il-parti tal-bagalja li ma tkunx intilfet.

4.   F’każ ta’ ħsara tal-bagalja li ma tirriżultax minn dewmien ta’ kunsinna, il-kumpens previst fil-paragrafu 1 għandu, fejn xieraq, ikun pagabbli flimkien ma’ dak previst fl-Artikolu 42.

5.   It-total ta’ kumpens previst fil-paragrafu 1 flimkien ma’ dak pagabbli taħt l-Artikoli 41 u 42 m’għandu fl-ebda każ jaqbeż il-kumpens li kien ikun pagabbli f’każ ta’ telf totali tal-bagalja.

TAQSIMA 3

Vetturi

Artikolu 44

Kumpens għal dewmien

1.   F’każ ta’ dewmien fit-tagħbija għal raġuni attribwita lit-trasportatur jew dewmien tal-kunsinna ta’ vettura, u jekk il-persuna intitolata jkollha provi li ġarrbet telf jew ħsara b’dan, it-trasportatur irid iħallas kumpens mhux aktar mill-ammont ta’ l-ispiża tat-Trasport.

2.   Jekk, f’każ ta’ dewmien tat-tagħbija għal raġuni attribwita għat-trasportatur, il-persuna intitolata tagħżel li ma tipproċedix bil-kuntratt tat-trasport, l-ispiża tat-trasport għandha tkun rimborsata lilha. Barra minn hekk il-persuna intitolata tista’, jekk ikollha provi li ġarrbet telf jew ħsara bħala riżultat tad-dewmien, titlob kumpens ta’ mhux aktar mill-ispiża tat-Trasport.

Artikolu 45

Kumpens għal telf

F’każ ta’ telf totali jew parzjali ta’ vettura l-kumpens pagabbli lill-persuna intitolata għat-telf jew il-ħsara ppruvati għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valur tas-soltu tal-vettura. Dan għandu ma jaqbiżx 8 000-il unità ta’ kont. Trejler mgħobbi jew mhux mgħobbi għandu jkun ikkunsidrat bħala vettura separata.

Artikolu 46

Obbligu fir-rigward ta’ oġġetti oħra

1.   Fir-rigward ta’ oġġetti li jitħallew fil-vettura jew jitpoġġew f’kaxxi (eż. kaxxi tal-valiġġa jew ta’ l-iski) marbutin mal-vettura, it-trasportatur għandu jkun responsabbli biss għal telf jew ħsara kkawżati tort tiegħu. Il-kumpens totali pagabbli m’għandux jaqbeż 1 400-il unità ta’ kont.

2.   Safejn jirrigwarda oġġetti stivati fuq barra tal-vettura, inklużi l-kaxex imsemmija fil-paragrafu 1, it-trasportatur għandu jkun responsabbli biss fir-rigward ta’ oġġetti ppustjati fuq barra tal-vettura jekk jiġi ppruvat li t-telf jew ħsara jirriżultaw minn azzjoni jew ommissjoni, li t-trasportatur ikkommetta b’intenzjoni biex jikkawża tali telf jew ħsara jew bi traskuraġni u kien jaf li tali telf jew ħsara probabbli jirriżultaw.

Artikolu 47

Liġi applikabbli

Soġġett għad-Dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima, id-Dispożizzjonijiet ta’ Taqsima 2 relatati mar-responsabbiltà għall-bagalji għandha tapplika għall-vetturi.

Kapitolu IV

Dispożizzjonijiet Komuni

Artikolu 48

Telf ta’ dritt li jiġu invokati l-limiti tar-responsabbiltà

Il-limiti tar-responsabbiltà previsti f’dawn ir-Regoli Uniformi kif ukoll id-Dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jillimitaw il-kumpens għal ammont fiss, m’għandhomx japplikaw jekk jiġi ppruvat li t-telf jew il-ħsara jirriżultaw minn att jew ommissjoni, li t-trasportatur ikun ikkommetta b’intenzjoni li jikkawża tali telf jew ħsara, jew bi traskuraġni u bl-għarfien li tali telf jew ħsara probabbli jirriżultaw.

Artikolu 49

Konverżjoni u interess

1.   Fejn il-kalkolu tal-kumpens jeħtieġ il-konverżjoni ta’ somom espressi f’rata barranija, il-konverżjoni għandha tkun bir-rata ta’ kambju applikabbli fil-jum u l-post tal-ħlas tal-kumpens.

2.   Il-persuna intitolata tista’ titlob interessi fuq il-kumpens, ikkalkolata fuq ħamsa fil-mija kull sena, mill-jum tal-pretensjoni previst fl-Artikolu 55 jew, jekk ebda pretensjoni bħal din ma tkun saret, mill-jum li fih il-proċeduri legali jkunu ġew istitwiti.

3.   Madankollu, fil-każ ta’ kumpens pagabbli skond l-Artikoli 27 u 28, l-interessi għandhom jingħaddu biss mill-jum li fih l-avvenimenti relatati ma’ l-istima ta’ l-ammont ta’ kumpens ikunu seħħu, jekk dak il-jum ikun aktar tard minn dak tal-pretensjoni jew mill-jum li fih il-proċedimenti ġuridiċi jkunu ġew istitwiti.

4.   Fil-każ ta’ bagalji, l-interessi għandhom ikunu pagabbli biss jekk il-kumpens jaqbeż 16-il unità ta’ kont għal kull vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalji.

5.   Fil-każ ta’ bagalji, jekk il-persuna intitolata ma tissottomettix lit-trasportatur, fi żmien raġonevoli mogħti lilha, id-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa biex l-ammont tal-pretensjoni jiġi stabbilit finalment, l-ebda interess m’għandu jingħadd bejn l-għeluq taż-żmien mogħti u s-sottomissjoni reali ta’ tali dokumenti.

Artikolu 50

Responsabbiltà f’każ ta’ inċidenti nukleari

Skond ir-Regoli Uniformi għal telf jew ħsara kkawżati minn inċident nukleari għandha titneħħa r-responsabbiltà minn fuq it-trasportatur meta l-operatur ta’ l-istallazzjoni nukleari jew persuna oħra li tissostitwih ikunu responsabbli għat-telf jew ħsara skond il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta’ Stat li jirregola r-responsabbiltà fil-qasam ta’ l-enerġija nukleari.

Artikolu 51

Persuni li għalihom it-trasportatur huwa responsabbli

It-trasportatur għandu jkun responsabbli għall-impjegati tiegħu u persuni oħrajn li juża s-servizzi tagħhom għat-twettiq tat-Trasport, meta dawn l-impjegati u persuni oħrajn ikunu qed jiffunzjonaw fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom. L-amministraturi ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija li biha jitwettaq it-Trasport għandhom ikunu kkunsidrati bħala persuni li t-trasportatur jagħmel użu tas-servizzi tagħhom għat-twettiq tat-Trasport.

Artikolu 52

Azzjonijiet oħrajn

1.   Fil-każijiet kollha fejn dawn ir-Regoli Uniformi għandhom japplikaw, kwalunkwe azzjoni fir-rigward ta’ responsabbiltà, għal tkun xi tkun ir-raġuni, jistgħu jitressqu kontra t-trasportatur biss soġġett għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti minn dawn ir-Regoli Uniformi.

2.   L-istess għandu japplika għal kwalunkwe azzjoni mressqa kontra l-impjegati u persuni oħrajn li t-trasportatur huwa responsabbli għalihom skond l-Artikolu 51.

TITOLU V

RESPONSABBILTÀ TAL-PASSIĠĠIER

Artikolu 53

Prinċipji speċjali ta’ responsabbiltà

Il-passiġġier għandu jkun responsabbli għat-trasportatur għal kwalunkwe telf jew ħsara:

(a)

li tirriżulta minn nuqqas li jaqdi l-obbligi tiegħu skond

1.

l-Artikoli 10, 14 u 20,

2.

id-Dispożizzjonijiet speċjali għat-Trasport ta’ vetturi, li jinsabu fil-Kondizzjonijiet Ġenerali tat-Trasport, jew

3.

ir-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija Perikoluża bil-Ferrovija (RID), jew

(b)

ikkawżati minn oġġetti u annimali li hu jġib miegħu,

sakemm hu ma jagħtix provi li t-telf jew ħsara kienu kkawżati minn ċirkostanzi li hu ma setax jevita u li l-konsegwenzi tagħhom ma setax jipprevjeni, minkejja l-fatt li hu eżerċita d-diliġenza meħtieġa ta’ passiġġier kuxjenzjuż. Din id-Dispożizzjoni m’għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tat-trasportatur skond l-Artikoli 26 u 33, paragrafu 1.

TITOLU VI

DIKJARAZZJONI TAD-DRITTIJIET

Artikolu 54

Aċċertazzjoni ta’ telf jew ħsara parzjali

1.   Meta telf parzjali, jew ħsara ta’, oġġett trasportat fil-karigu tat-trasportatur (valiġġa, vetturi) jiġi skopert jew meqjus mit-trasportatur jew allegat mill-persuna intitolata, it-trasportatur irid, mingħajr dewmien, u jekk possibbli fil-preżenza tal-persuna intitolata, jikteb rapport fejn jiddikjara, skond in-natura tat-telf jew ħsara, il-kondizzjoni ta’ l-artikolu u, sa fejn possibbli, il-qies tat-telf jew ħsara, il-kaġun u ż-żmien ta’ meta seħħet.

2.   Kopja tar-rapport irid ikun provdut mingħajr ħlas lill-persuna intitolata.

3.   Jekk il-persuna intitolata ma taċċettax ir-riżultat fir-rapport, hi tista’ titlob li l-kondizzjoni tal-valiġġa jew il-vettura u l-kawża u l-ammont tat-telf jew ħsara jkunu aċċertati minn espert imqabbad mill-partijiet tal-kuntratt tat-Trasport jew minn qorti jew tribunal. Il-proċedura ta’ wara għandha tkun irregolata mil-liġijiet u l-preskrizzjonijiet ta’ l-Istat li fih tali aċċertazzjoni sseħħ.

Artikolu 55

Pretensjonijiet

1.   Pretensjonijiet relatati mar-responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ mewt, jew korriment personali, il-passiġġieri jridu jindirizzaw bil-miktub lit-trasportatur li kontrieh tista’ titressaq azzjoni. Fil-każ ta’ Trasport irregolat minn kuntratt wieħed u mwettaq minn trasportaturi suċċessivi l-pretensjonijiet jistgħu jiġu indirizzati wkoll lill-ewwel jew l-aħħar trasportatur kif ukoll lit-trasportatur li jkollu l-post prinċipali tan-negozju jew il-fergħa jew l-aġenzija tiegħu li kkonkluda l-kuntratt tat-Trasport fl-Istat fejn il-passiġġier ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu.

2.   Pretensjonijiet oħrajn relatati mal-kuntratt tat-Trasport iridu jkunu indirizzati bil-miktub lit-trasportatur speċifikat fl-Artikolu 56, paragrafi 2 u 3.

3.   Id-dokumenti li l-persuna intitolata taħseb li huwa xieraq li tissottomettihom mal-pretensjoni għandhom ikunu ppreżentati fil-forma oriġinali jew il-kopji tagħhom, fejn xieraq, il-kopji debitament ċertifikati jekk it-trasportatur ikun jeħtieġ hekk. Mal-ftehim tal-pretensjoni, it-trasportatur jista’ jitlob iċ-ċediment tal-biljett, il-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-valiġġa u l-vawċer tat-trasport.

Artikolu 56

Trasportaturi li tista’ titressaq azzjoni kontrihom

1.   Azzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ mewt ta’, jew korriment personali għall-passiġġieri, jistgħu jitressqu biss kontra trasportatur li huwa responsabbli skond l-Artikolu 26, paragrafu 5.

2.   Soġġett għal paragrafu 4 azzjonijiet oħrajn imressqa minn passiġġieri abbażi tal-kuntratt tat-Trasport jistgħu jitressqu biss kontra l-ewwel trasportatur, l-aħħar trasportatur jew it-trasportatur li jkun wettaq il-parti tat-Trasport li fiha l-avveniment li jkun wassal għall-proċedimenti jkun seħħ.

3.   Meta, fil-każ ta’ Trasport imwettaq minn trasportaturi suċċessivi, it-trasportatur li jrid iwassal il-bagalji jew il-vettura jkun imdaħħal bil-kunsens tiegħu fil-vawċer tar-reġistrazzjoni tal-bagalji jew il-vawċer tat-trasport, azzjoni tista’ titressaq kontrih skond paragrafu 2 anke jekk huwa ma jkunx irċieva l-bagalji jew il-vettura.

4.   Azzjoni għall-irkupru ta’ somma mħallsa skond il-kuntratt tat-Trasport tista’ titressaq kontra t-trasportatur li jkun ġabar dik is-somma jew kontra t-trasportatur li tkun inġabret f’ismu.

5.   Azzjoni tista’ titressaq kontra trasportatur għajr dawk speċifikati f’paragrafi 2 u 4 meta tkun istitwita permezz ta’ kontrorikjam jew permezz ta’ eċċezzjoni fil-proċedimenti relatati ma’ pretensjoni prinċipali bbażata fuq l-istess kuntratt ta’ Trasport.

6.   Sakemm dawn ir-Regoli Uniformi japplikaw għat-trasportatur sostitut, azzjoni tista’ titressaq kontrih ukoll.

7.   Jekk il-kwerelant ikollu għażla bejn bosta trasportaturi, id-dritt tiegħu għall-għażla għandu jkun mitmum hekk kif huwa jressaq azzjoni kontra wieħed minnhom; dan għandu japplika wkoll jekk il-kwerelant għandu għażla bejn trasportatur wieħed jew aktar u trasportatur sostitut.

Artikolu 58

Tneħħija tad-dritt għall-azzjoni f’każ ta’ mewt jew korriment personali

1.   Kwalunkwe dritt għal azzjoni mill-persuna intitolata bbażat fuq ir-responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ mewt jew korriment personali ta’ passiġġieri, għandu jitneħħa jekk avviż ta’ l-inċident tal-passiġġier ma jkunx mogħti mill-persuna intitolata, fi żmien tnax-il xahar minn meta jkun sar konxju tat-telf jew ħsara, lil wieħed mit-trasportaturi li lilu tista’ tiġi indirizzata pretensjoni skond l-Artikolu 55, paragrafu 1. Fejn il-persuna intitolata tagħti avviż verbali ta’ l-inċident lit-trasportatur, it-trasportatur għandu jforniha b’konferma ta’ tali avviż verbali.

2.   Madankollu, id-dritt għal azzjoni m’għandux jitneħħa jekk

(a)

fi żmien il-perijodu previst fil-paragrafu 1, il-persuna intitolata tkun indirizzat pretensjoni lil wieħed mit-trasportaturi nnominati fl-Artikolu 55, paragrafu 1;

(b)

fi żmien il-perijodu previst fil-paragrafu 1 it-trasportatur li jkun responsabbli jkun sar jaf bl-inċident tal-passiġġier b’xi mod ieħor;

(ċ)

avviż ta’ l-inċident ma jkunx ingħata, jew ikun ingħata tard, bħala riżultat ta’ ċirkostanzi mhux attribwiti għall-persuna intitolata;

(d)

il-persuna intitolata tagħti provi li l-inċident kien ikkawżat bil-ħtija fuq il-parti tat-trasportatur.

Artikolu 59

Tneħħija tad-dritt għal azzjoni li tirriżulta mit-Trasport tal-bagalji

1.   L-aċċettazzjoni tal-bagalji mill-persuna intitolata għandha tneħħi d-drittijiet kollha għal azzjoni kontra t-trasportatur li tirriżulta mill-kuntratt tat-Trasport f’każ ta’ telf, ħsara jew dewmien parzjali tal-kunsinna.

2.   Madankollu, id-dritt għal azzjoni m’għandux jitneħħa:

(a)

f’każ ta’ telf jew ħsara parzjali, jekk

1.

it-telf jew ħsara jkun aċċertat skond l-Artikolu 54 qabel l-aċċettazzjoni tal-bagalji mill-persuna intitolata;

2.

l-aċċertazzjoni li tkun suppost saret skond l-Artikolu 54 titħalla barra ħtija biss tat-trasportatur;

(b)

f’każ ta’ telf jew ħsara li ma jkunux jidhru li l-eżistenza tagħhom tkun aċċertata wara l-aċċettazzjoni tal-bagalji mill-persuna intitolata, jekk hija

1.

titlob aċċertazzjoni skond l-Artikolu 54 immedjatament wara li tiskopri t-telf jew ħsara u mhux aktar tard minn tliet ijiem wara l-aċċettazzjoni tal- bagalji, u

2.

barra minn hekk, ikollha provi li t-telf jew ħsara jkunu seħħu bejn iż-żmien li tkun ittieħdet mit-trasportatur u l-ħin tal-kunsinna;

(ċ)

f’każ ta’ dewmien tal-kunsinna, jekk fi żmien wieħed u għoxrin jum il-persuna intitolata tkun aċċertat id-drittijiet tagħha kontra wieħed mit-trasportaturi speċifikati fl-Artikolu 56, paragrafu 3;

(d)

jekk il-persuna intitolata tagħti provi li t-telf jew ħsara jkunu kkawżat bil-ħtija fuq il-parti tat-trasportatur.

Artikolu 60

Limitazzjoni ta’ l-azzjonijiet

1.   Il-perijodu ta’ limitazzjoni ta’ azzjonijiet għal ħsarat bbażati fuq ir-responsabbiltà tat-trasportatur f’każ ta’ mewt jew korriment personali ta’ passiġġieri għandu jkun:

(a)

fil-każ ta’ passiġġier, tliet snin mill-jum wara l-inċident;

(b)

fil-każ ta’ persuni intitolati oħrajn, tliet snin mill-jum wara l-mewt tal-passiġġier, soġġett għal massimu ta’ ħames snin mill-jum wara l-inċident.

2.   Il-perijodu ta’ limitazzjoni għal azzjonijiet oħrajn li jirriżultaw mill-kuntratt tat-trasport għandu jkun ta’ sena. Madankollu, il-perijodu tal-limitazzjoni għandu jkun sentejn fil-każ ta’ azzjoni għal telf jew ħsara li jirriżultaw minn att jew ommissjoni mwettqa bl-intenzjoni li jiġu kkawżati tali telf jew ħsara, jew bi traskuraġni u bl-għarfien li tali telf jew ħsara probabbli jirriżultaw.

3.   Il-perijodu tal-limitazzjoni previst fil-paragrafu 2 għandu jgħodd għal azzjonijiet:

(a)

għall-kumpens ta’ telf totali, mill-erbatax-il jum wara l-għeluq tal-perijodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 22, paragrafu 3;

(b)

għal kumpens ta’ telf parzjali, ħsara jew dewmien ta’ kunsinna, mill-jum meta l-kunsinna tkun saret;

(ċ)

fil-każijiet l-oħrajn kollha li jinvolvu t-trasport ta’ passiġġieri, mill-jum ta’ l-għeluq tal-validità tal-biljett.

Il-jum indikat għall-bidu tal-perijodu tal-limitazzjoni m’għandux ikun inkluż fil-perijodu.

4.   […]

5.   […]

6.   Inkella, is-sospensjoni u l-interruzzjoni tal-perijodi tal-limitazzjoni għandhom jiġu regolati mil-liġi nazzjonali.

TITOLU VII

RELAZZJONIJIET BEJN TRASPORTATURI

Artikolu 61

Apporzjonament ta’ l-ispiża tat-Trasport

1.   Kwalunkwe trasportatur li jkun ġabar jew li kellu jiġbor spiża ta’ Trasport irid iħallas lit-trasportaturi konċernati s-sehem rispettiv tagħhom ta’ tali spiża. Il-metodi ta’ pagament għandhom jiġu ffissati permezz ta’ ftehim bejn it-trasportaturi.

2.   L-Artikolu 6, paragrafu 3, l-Artikolu 16, paragrafu 3 u l-Artikolu 25 għandhom japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn trasportaturi suċċessivi.

Artikolu 62

Dritt għal rikors

1.   Trasportatur li jkun ħallas kumpens skond dawn ir-Regoli Uniformi għandu jkollu dritt għal rikors kontra t-trasportaturi li jkunu ħadu sehem fit-trasport skond id-Dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-trasportatur li jkun ikkawża t-telf jew ħsara għandu jkun l-uniku responsabbli għalihom;

(b)

meta t-telf jew ħsara jkunu ġew ikkawżati minn bosta trasportaturi, kull wieħed għandu jkun responsabbli għat-telf jew ħsara li jkun ikkawża; jekk tali distinzjoni tkun impossibbli, il-kumpens għandu jkun proporzjonat bejniethom skond l-ittra ċ);

(ċ)

jekk ma jkunx jista’ jiġi ppruvat liema mit-trasportaturi jkun ikkawża t-telf jew ħsara, il-kumpens għandu jkun proporzjonat bejn it-trasportaturi kollha li jkunu ħadu sehem fit-Trasport, għajr dawk li jkollhom provi li t-telf jew ħsara ma jkunux ikkawżati minnhom; tali apporzjonament għandu jkun proporzjonat skond is-sehem rispettiv tagħhom ta’ l-ispiża tat-Trasport.

2.   Fil-każ ta’ insolvenza ta’ xi wieħed minn dawn it-trasportaturi, is-sehem mhux imħallas li jkun dovut minnu għandu jiġi apporzjonat fost it-trasportaturi l-oħra kollha li jkunu ħadu sehem fit-trasport, fi proporzjon tas-sehem rispettiv tagħhom ta’ l-ispiża tat-Trasport.

Artikolu 63

Proċedura għal rikors

1.   Il-validità tal-ħlas magħmul mit-trasportatur li jeżerċita dritt għal rikors skond l-Artikolu 62 ma tistax tiġi kkuntestata mit-trasportatur li kontrih ikun ġie eżerċitat id-dritt għal rikors, meta kumpens ikun ġie determinat minn qorti jew tribunal u meta t-trasportatur imsemmi l-aħħar, debitament moqdi bin-notifika tal-proċedimenti, ikun ġie mogħti opportunità li jintervjeni fil-proċedimenti. Il-qorti jew tribunal imqabbad mill-azzjoni prinċipali għandu jiddetermina ż-żmien li għandu jingħata għal tali notifika tal-proċedimenti u għal intervenzjoni fil-proċedimenti.

2.   Trasportatur li jeżerċita d-dritt tiegħu għal rikors irid jippreżenta l-pretensjoni tiegħu f’wieħed u l-istess proċediment kontra t-trasportaturi kollha li magħhom ma jkunx laħaq ftehim, altrimenti hu għandu jitlef id-dritt tiegħu għal rikors fil-każ ta’ dawk li kontrihom hu ma jkunx ħa proċedimenti.

3.   Il-qorti jew tribunal għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu f’sentenza waħda u l-istess dwar il-pretensjonijiet ta’ rikors kollha mressqa quddiemu.

4.   It-trasportatur li jkun jixtieq jinforza d-dritt tiegħu għal rikors jista’ jressaq l-azzjoni tiegħu fil-qrati jew it-tribunali ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu, wieħed mit-trasportaturi li jkunu ħadu sehem fit-Trasport ikollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, jew il-fergħa jew aġenzija li tkun ikkonkludiet il-kuntratt tat-Trasport.

5.   Meta l-azzjoni trid titressaq kontra bosta trasportaturi, it-trasportatur kwerelant għandu jkun intitolat li jagħżel il-qorti jew tribunal li fih hu ser iressaq il-proċedimenti minn fost dawk kompetenti skond paragrafu 4.

6.   Il-proċedimenti tar-rikors ma jistgħux jingħaqdu ma’ proċedimenti għal kumpens meħuda mill-persuna intitolata taħt il-kuntratt tat-Trasport.

Artikolu 64

Ftehim rigward rikors

It-trasportaturi jistgħu jikkonkludu ftehim li jidderoga mill-Artikoli 61 u 62.


ANNESS II

INFORMAZZJONI MINIMA LI GĦANDHA TIĠI PPROVDUTA MILL-IMPRIŻI FERROVJARJI U/JEW MINN BEJJIEGĦA TAL-BILJETTI

Parti I: Informazzjoni ta’ qabel il-vjaġġ

Kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratt

Skedi ta’ żmien u kondizzjonijiet għall-vjaġġi l-aktar mgħaġġla

Skedi ta’ żmien u kondizzjonijiet għall-irħas nollijiet

Aċċessibbiltà, kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u disponibbiltà ta’ faċilitajiet abbord għal persuni b’diżabilità u persuni b’ mobbilta mnaqqsa

Aċċessibbiltà u kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għar-roti

Disponibbiltà ta’ postijiet fiż-żoni tat-tipjip u ta’ mingħajr tipjip, ta’ l-ewwel u t-tieni klassi kif ukoll ta’ kuċċetti u vaguni ta’ l-irqad

Kwalunkwe attività li probabbilment tfixkel jew iddewwem is-servizzi

Disponabbiltà ta’ servizzi abbord

Proċeduri għar-riklamazzjoni ta’ bagalji mitlufa

Proċeduri għas-sottomissjoni ta’ ilmenti.

Parti II: Informazzjoni waqt il-vjaġġ

Servizzi abbord

L-istazzjon li jmiss

Dewmien

Servizzi prinċipali ta’ kollegament

Kwistjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza


ANNESS III

STANDARDS MINIMI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ

Informazzjoni u biljetti

Puntwalità tas-servizzi, u prinċipji ġenerali għat-trattament ta’ interruzzjonijet tas-servizzi;

Kanċellazzjonijiet ta’ servizzi

Indafa tal-vaguni tar-roti u tal-faċilitajiet fl-istazzjon (il-kwalità ta’ l-arja fil-vaguni, l-iġjene tal-faċilitajiet sanitarji, eċċ.)

Sondaġġ dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur

Trattament ta’ ilmenti, rimborsi u kumpens għal nuqqas ta’ konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità tas-servizz

Assistenza pprovduta lil persuni b’diżabilità u persuni b’ mobbilta mnaqqsa.


3.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 315/42


REGOLAMENT (KE) Nru 1372/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Ottubru 2007

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl'Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Skond l-Istrateġija ta’ Liżbona, u ikkonfermat ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien ta' dik l-istrateġija fl-2005, hemm bżonn li l-Ewropa tiffoka aktar il-politiki tagħha fuq tkabbir u impjiegi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Liżbona.

(2)

L-iżvilupp tal-Komunità u t-tħaddim tas-suq intern iżidu l-bżonn għal informazzjoni komparabbli li tippermetti li l-impatt fuq is-suq tax-xogħol ta’ strutturi u tqassim ta’ pagi fis-suq tax-xogħol jiġi eżaminat, partikolarment bħala mezz biex jiġi analiżżat il-progress fir-rigward tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

(3)

Biex twettaq il-ħidmiet li ngħatat, il-Kummissjoni għandha bżonn data dwar il-klassifikazzjoni tal-pagi skond karatteristiċi soċjo-ekonomici u anke f’rabta ma’ għamliet oħra ta’ impjiegi bi ħlas, li huma essenzjali biex tanalizza u tifhem is-suq tax-xogħol u l-bidliet li jseħħu fl-istruttura tal-forza tax-xogħol. Minħabba dan, il-vantaġġi li wieħed ikollu data dwar pagi b'deċili b’relazzjoni ma’ karatteristiċi oħra ta’ impjieg huma magħrufa sew.

(4)

L-Istħarriġ tal-Forza tax-Xogħol tal-Komunità huwa essenzjalment l-ewwel u l-aktar sors ta’ referenza awtorevoli għal informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, u l-informazzjoni dwar pagi, bħala varjabbli fundamentali biex tispjega l-aġir tas-suq tax-xogħol, għandha tkun element standard f’dan l-istħarriġ sabiex jagħti lok għal analiżi iktar kompleta tas-swieq tax-xogħol.

(5)

Il-Kumitat għall-Programmi Statistiċi, stabbilit mid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom tal-Kunsill (2), ġie kkonsultat skond l-Artikolu 3 ta' dik id-Deċiżjoni,

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (3) għandu għalhekk jiġi emendat f'dan is-sens,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 għandu permezz ta' dan jiġi emendat kif ġej:

1)

Il-punt (l) tal-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(l)

pagi mill-impjieg prinċipali;”

2)

L-Artikolu 6 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Trasmissjoni tar-riżultati

Fi żmien tnax-il ġimgħa mit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Eurostat ir-riżultati ta’ l-istħarriġ, mingħajr identifikaturi diretti.

Fejn tintuża data amministrattiva biex tiġi fornita data li tikkorrispondi għall-karatteristiċi ta’ l-istħarriġ ‘pagi mill-impjieg prinċipali’, dik id-data tista’ tintbagħat lill-Eurostat fi żmien wieħed u għoxrin xahar mit-tmiem tal-perijodu ta’ referenza.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta' Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Lulju 2007 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2007.

(2)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(3)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 3. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2257/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 336, 23.12.2003, p. 6).


DIRETTIVI

3.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 315/44


DIRETTIVA 2007/58/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2007

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-31 ta’ Lulju 2007 (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (4) kienet imfassla biex tiffaċilita l-addattament tal-linji tal-ferrovija Komunitarji għal-ħtiġiet tas-suq wieħed u biex tittejjeb l-effiċjenza tagħhom.

(2)

Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji (5) tikkonċerna l-prinċipji u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ l-istabbiliment u l-ħlas ta’ piżijiet għall-infrastruttura tal-linji ferrovjarji u l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-linji ferrovjarji.

(3)

Fil-White Paper tagħha, Il-politika Ewropea dwar it-trasport għall-2010: iż-żmien li niddeċiedu, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tkompli tibni s-suq intern fis-servizzi ferrovjarji billi tipproponi li tiftaħ is-suq fis-servizzi internazzjonali għall-passiġġieri.

(4)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tindirizza l-ftuħ tas-suq għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali fi ħdan il-Komunità, u m’għandiex għaldaqstant tikkonċerna s-servizzi bejn Stat Membru u pajjiż terz. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, servizzi li jgħaddu fi tranżitu mil-Komunità.

(5)

Is-servizzi ferrovjarji internazzjonali attwali jagħtu stampa ta’ kuntrast kbir. Servizzi ta’ vjaġġar fit-tul (per eżempju l-ferroviji ta’ bil-lejl) jinsabu f’diffikultà u diversi minnhom ġew irtirati mill-impriżi ferrovjarji li joperawhom biex jillimitaw it-telf. Is-suq għas-servizzi internazzjonali ta’ veloċità għolja, minn naħa l-oħra, ra żieda qawwija fit-traffiku u ser ikompli l-iżvilupp qawwi tiegħu bl-irduppjar u l-interkonnessjoni tan-network trans-Ewropew ta’ veloċità għolja sa l-2010. Madankollu, hemm pressjoni ta’ kompetittività qawwija mil-linji ta’ l-ajru ta’ prezz baxx fiż-żewġ każijiet u huwa għaldaqstant essenzjali li jiġu stimulati inizjattivi ġodda li jippromwovu kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji.

(6)

Ma jkunx possibbli li jinfetaħ is-suq fis-servizzi internazzjonali għall-passiġġiera mingħajr disposizzjonijiet dettaljati dwar l-aċċess ta’ l-infrastruttura, progress sostanzjali dwar l-interoperabilità u qafas strett ta’ sikurezza ferrovjarja fuq livell nazzjonali u Ewropew. Dawn l-elementi kollha issa huma fis-seħħ wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/12/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, id-Direttiva 2004/51/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li temenda d-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill, id-Direttiva 2001/13/KE (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar il-liċenzjar ta’ impriżi ferrovjarji, id-Direttiva 2001/14/KE u d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji ferrovjarji Komunitarji (9). Jeħtieġ li dan il-qafas regolatorju ġdid ikun appoġġat minn prattika stabbilita u konsolidata mid-data proposta għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri. Dan ser jeħtieġ ċertu żmien. Id-data mmirata għall-ftuħ tas-suq għandha għalhekk tkun l-1 ta’ Jannar 2010.

(7)

In-numru ta’ servizzi ta’ linji ferrovjarji mingħajr waqfiet intermedji hu limitat ħafna. Fil-każ ta’ vjaġġi mingħajr waqfiet intermedji, hu essenzjali li jiġu awtorizzati operaturi ġodda fis-suq biex itellgħu u jniżżlu passiġġieri matul ir-rotta biex jiżguraw li tali operazzjonijiet ikollhom ċans realistiku ta’ vijabilità ekonomika u sabiex jiġi evitat li kompetituri potenzjali jitpoġġew fi żvantaġġ ma’ operaturi eżistenti, li għandhom id-dritt li jtellgħu u jniżżlu passiġġieri matul ir-rotta. Dan id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regolamenti Komunitarji u nazzjonali dwar il-politika ta’ kompetizzjoni.

(8)

L-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda internazzjonali b’ aċċess miftuħ b’ waqfiet intermedji m’għandhomx jintużaw biex iwasslu għal-ftuħ tas-suq għas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri, iżda għandhom sempliċiment ikunu ffukati fuq waqfiet li huma anċillari għar-rotta internazzjonali. Abbażi ta’ dak, l-introduzzjoni tagħhom għandha tikkonċerna servizzi li l-għan prinċipali tagħhom hu li jġorr passiġġieri li jkunu qed jivvjaġġaw fuq vjaġġ internazzjonali. Id-determinazjoni jekk dak huwiex l-għan prinċipali tas-servizz għandha tieħu kont ta’ kriterji bħall-proporzjon ta’ turnover, u ta’ volum, li ġejjin mit-trasport ta’ passiġġieri domestiċi jew internazzjonali, u t-tul tas-servizz. Din id-determinazzjoni għandha ssir mill-korp regolatorju nazzjonali rispettiv fuq talba tal-parti interessata.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (10) jawtorizza lill-Istati Membri u l-awtrotitajiet lokali bl-għotja ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku. Dawn il-kuntratti jista’ jkun fihom drittijiet esklussivi biex jiġu operati ċerti servizzi. Hu għalhekk meħtieġ li jiġi żgurat li d-disposizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament ikunu konsistenti mal-prinċipju li servizzi internazzjonali tal-passiġġieri jinfetħu għall-kompetizzjoni.

(10)

Il-ftuħ ta’ servizzi internazzjonali tal-passiġġieri, li jinkludu d-dritt li jittellgħu passiġġieri fi kwalunkwe stazzjon li jinsab fir-rotta ta’ servizz internazzjonali u li jitniżżlu f’ieħor, inklużi l-istazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, għal kompetizzjoni jista’ jkollu implikazzjonijiet fuq l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ servizzi ferrovjarji għal passiġġieri provduti taħt kuntratt ta’ servizz pubbliku. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jillimitaw id-dritt għall-aċċess għas-suq fejn dan id-dritt ikun jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ dawn il-kuntratti ta’ servizz pubbliku u fejn tingħata approvazzjoni mill-korpi regolatorji rilevanti msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE abbażi ta’ l-analiżi ekonomika objettiva, wara talba mill-awtoritajiet kompetenti li għamlu l-għotja tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku.

(11)

Xi Stati Membri diġà mxew biex jiftħu s-suq għal servizzi ferrovjarji għall-passiġġieri permezz ta’ sejħiet għal offerti kompetittivi trasparenti u miftuħa għall-għoti ta’ wħud minn tali servizzi. Huma m’għandhomx għalfejn jipprovdu aċċess sħiħ miftuħ għas-servizzi għall-passiġġieri internazzjonali, billi din il-kompetizzjoni għad-dritt għall-użu ta’ ċerti rotot ferrovjarji involviet test suffiċjenti tal-valur tas-suq għat-tħaddim ta’ dawk is-servizzi.

(12)

Il-valutazzjoni ta’ jekk il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku jistax jiġi kompromess, għandha tieħu kont ta’ kriterji pre-determinati bħall-impatt fuq il-profitabbilità ta’ kwalunkwe servizz li hu inkluż fil-kuntratt ta’ servizz pubbliku, domanda tal-passiġġieri, prezzijiet tal- biljetti, arranġamenti tal-biljetti, lokalità u numru ta’ waqfiet fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera u skeda ta’ ħin u frekwenza tas-servizz il-ġdid propost. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u tad-deċiżjoni tal-korp regolatorju relevanti, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, jimmodifikaw jew jimpedixxu d-dritt ta’ aċċess għas-servizz mixtieq internazzjonali tal-passiġġieri, inkluż It-tqegħid ta’ piżijiet fuq l-operatur ta’ servizz internazzjonali tal-passiġġieri ġdid, f’konformità ma’ l-analiżi ekonomika u skond il-liġi Komunitarja u l-prinċipji ta’ ugwaljanza u non-diskriminazzjoni.

(13)

Sabiex issir kontribuzzjoni għall-operat ta’ servizzi ta’ passiġġieri fuq linji li jissodisfaw obbligu ta’ servizz pubbliku, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet responsabbli għal dawk is-servizzi biex jimponu imposta fuq is-servizzi tal-passiġieri li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet. Dik l-imposta għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti f’kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija f’konformità mal-liġi Komunitarja. Din għandha tkun impostaskond il-liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari skond il-prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza, non-diskriminazzjoni u proporzjonalita’.

(14)

Il-korp regolatorju għandu jiffunzjona b’tali mod li jevita kwalunkwe konflitt ta’ interessi u kwalunkwe involviment possibbli fl-għotja tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku taħt konsiderazzjoni. B’mod partikolari, l-indipendenza funzjonali tiegħu għandha tiġi assigurata jekk ikun konness mill-qrib, għal għanijiet legali jew organizzativi, ma’ l-awtorità kompetenti involuta fl-għotja tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku taħt konsiderazzjoni. Il-kompetenza tal-korp regolatorju għandha tkun estiża biex tippermetti l-valutazzjoni ta’ l-għan tas-servizz internazzjonali u, fejn adegwat, l-impatt ekonomiku potenzjali fuq kuntratti ta’ servizz pubbliku eżistenti.

(15)

Din id-Direttiva tikkostitwixxi fażi ulterjuri tal-ftuħ tas-suq ferrovjarju. Xi Stati Membri diġà fetħu s-suq għas-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri fit-territorju tagħhom. F’dan il-kuntest, din id-Direttiva m’għandhiex tinftiehem li toħloq obbligi għal dawk l-Istati Membri biex jagħtu, qabel l-1 ta’ Jannar 2010, drittijiet ta’ aċċess għal impriżi tal-ferroviji liċenzjati fi Stat Membru fejn drittijiet simili ma ġewx mogħtija.

(16)

Sabiex jiġi mħeġġeġ l-investiment għal serizzi li jużaw infrastruttura speċjalizzata, bħalma huma linji tal-ferrovija ta’ veloċità għolja, l-applikanti jeħtieġu li jkunu jistgħu jippjanaw u jkollhom ċertezza legali li tirrifletti l-investiment sostanzjali u fit-tul li jkun involut. Għalhekk għandu jkun possibbli għal dawk l-impriżi normalment li jikkonkludu ftehim qafas b’perjodu sa 15-il sena.

(17)

Il-korpi regolatorji nazzjonali għandhom abbażi ta’ l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2001/14/KE, jagħmlu skambju ta’ informazzzjoni u, fejn rilevanti f’każijiet individwali, jikkoordinaw fuq il-prinċipji u l-prattika li jagħmlu valutazzjoni dwar jekk il-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku huwiex kompromess. Huma għandhom b’mod progressiv jiżviluppaw linji gwida bbażati fuq l-esperjenzi tagħhom.

(18)

L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkun valutata abbażi tar-rapport li ser jiġi preżentat mill-Kummissjoni sentejn wara d-data tal-ftuħ tas-suq fis-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri. Dan ir-rapport għandu wkoll jivvaluta l-iżvilupp tas-suq, inkluż l-istat ta’ preparazzjoni ta’ ftuħ akbar tas-suq ta’ passiġġieri bil-ferrovija. F’dan ir-rapport il-Kummissjoni għandha wkoll tanalizza il-mudelli differenti għall-organizzazzjoni ta’ dan is-suq u l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq kuntratti ta’ servizz pubbliku u l-finanzjament tagħhom. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u d-differenzi intrinsiċi bejn l-Istati Membri (densita tan-netwerks, numru ta’ passiġġieri, distanza medja ta’ vjaġġar). Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri kumplimentari sabiex tiffaċilita kwalunkwe ftuħ bħal dan, u għandha tivvaluta l-impatt ta’ tali miżuri.

(19)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (11).

(20)

B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadatta l-Annessi għal dawk id-Direttivi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dawk id-Direttivi, huma għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(21)

Stat Membru li m’għandux sistema ta’ linji ferrovjarji, u l-ebda prospett immedjat li jkollu waħda, ikollu obbligu sproporzjonat u futili li kieku kellu jittrasponi u jimplimenta d-Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE. Għalhekk, tali Stat Membru għandu jkun eżenti, sakemm ma jkollux sistema ta’ linji ferrovjarji, mill-obbligu għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn id-Direttivi.

(22)

Peress illi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji Komunitarji, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, meta tiġi meqjusa l-ħtieġa li jiġu żgurati kondizzjonijiet ġusti u non-diskriminitorji ta’ aċċess għall-infrastruttura u jittieħed kont tad-dimensjoni ovvjament internazzjonali tal-mod kif partijiet importanti tan-networks tal-linji ferrovjarji joperaw, kif ukoll tal-ħtieġa għal azzjoni transnazzjonali koordinata, u jistgħu għaldaqstant jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(23)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar (12), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li sa fejn ikun possibbli juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(24)

Id-Direttivi 91/440/KEE u 2001/14/KE għandhom għalhekk jiġu emendati għaldaqstant,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/440/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

1.

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 2:

“4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kwalunkwe servizz tal-linji ferrovjarji mwettaq madwar il-Komunità u li jibda u jispiċċa barra mill-Komunità.”;

2.

Ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 3 għandu jiġi mħassar;

3.

L-inċiż li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 3 wara l-ħames inċiż:

“—

‘servizz internazzjonali tal-passiġġieri’ għandu jfisser servizz għal passiġġieri fejn il-ferrovija taqsam mill-anqas fruntiera waħda ta’ Stat Membru u fejn l-iskop prinċipali tas-servizz hu li jġorr passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti; il-ferrovija tista’ tkun magħquda u/jew maqsuma, u sezzjonijiet differenti jista’ jkollhom oriġini u destinazzjonijiet differenti sakemm il-vaguni kollha jaqsmu mill-anqas fruntiera waħda”;

4.

L-inċiż li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 3 wara s-sitt inċiż:

“—

‘transitu’ għandu jfisser il-qsim tat-territorju Komunitarju li jiġi mwettaq mingħajr tagħbija jew ħatt ta’ prodotti u/jew mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu passiġġieri fit-territorju Komunitarju.”;

5.

L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 5(3) għandu jitħassar;

6.

Il-frażi “u gruppi internazzjonali” għandha titħassar fl-Artikolu 8(1);

7.

L-Artikolu 10(1) għandu jitħassar;

8.

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħħlu fl-Artikolu 10:

“3a.   Impriżi ta’ linji ferrovjarji fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2, għandhom jingħataw sa l-1 ta’ Jannar 2010, d-dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi operat is-servizz tal-ferrovija internazzjonali tal-passiġġieri sal-1 ta’ Jannar 2010. Impriżi ta’ linji ferrovjarji għandhom, matul is-servizz għal passiġġieri internazzjonali, ikollhom id-dritt li jtellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab fuq ir-rotta internazzjonali u jniżżluhom f’ieħor, inklużi l-istazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru.

Id-dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura ta’ l-Istati Membri li għalihom is-sehem ta’ trasport internazzjonali ta’ passiġġiera bil-ferrovija jikkostitwixxi iktar min-nofs tat-turnover ta’ impriżi ta’ linji ferrovjarji f’dak l-Istat Membru għandu jiġi garantit sa l-1 ta’ Jannar 2012.

Jekk l-iskop prinċipali tas-servizz hux it-trasport ta’ passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti għandu jkun determinat mill-korp jew kopri regolatorji relevanti msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE wara talba mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u/jew mill-impriżi tas-servizzi ferrovjarji interessati.

3b.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ aċċess definit fil-paragrafu 3(a) dwar servizzi bejn post ta’ tluq u ta’ destinazzjoni li huma koperti minn kuntratt ta’servizz pubbliku wieħed jew aktar b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ. Tali limitazzjoni jista’ ma jkollhiex l-effett li tnaqqas id-dritt li jittellgħu passiġġieri minn kwalunkwe stazzjon li jinsab fuq ir-rotta ta’ servizz internazzjonali u li jitniżżlu f’ieħor inklużi stazzjonijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru, minbarra fejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.

Jekk l-ekwilibriju ekonomiku jkunx kompromess għandu jkun determinat mill-korp jew korpi regolatorju/i relevanti msemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE abbażi ta’ analiżi ekonomika objettiba u abbażi ta’ kriterji determinati minn qabel, wara talba minn:

l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti li jkunu taw il-kuntratt ta’ servizz pubbliku;

kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bid-dritt li tillimita l-aċċess taħt dan l-Artikolu;

il-maniġer ta’ l-infrastruttura; jew

l-intrapriża tal-linji ferrovjarji li qed twettaq il-kuntratt ta’ servizz pubbliku.

L-awtoritajiet kompetenti u l-impriżi tal-linji ferrovjarji li jipprovdu s-servizzi pubbliċi għandhom jipprovdu lill-korp jew korpi regolatorju/i relevanti bl-informazzjoni meħtieġa b’mod raġonevoli biex tinlaħaq deċiżjoni. Il-korp regolatorju għandu jikkunsidra l-informazzjoni provduta, jikkonsulta l-partijiet rilevanti kollha kif xieraq, u għandu jinforma lill-partijiet rilevanti bid-deċiżjoni raġunata tiegħu fi żmien pre-determinat u raġonevoli, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha. Il-korp regolatorju għandu jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u jispeċifikaw il-perijodu ta’ żmien u l-kondizzjonijiet li fihom,

l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti,

il-maniġer ta’ l-infrastruttura,

l-intrapriża tal-linji ferrovjarji li qed twettaq il-kuntratt ta’ servizz pubbliku, jew

l-intrapriża tal-linji ferrovjarji li qiegħda tfittex aċċess

jistgħu jitolbu l-konsiderazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni.

3ċ.   L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw id-dritt li jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri fi stazzjonijiet fl-istess Stat Membru fuq ir-rotta ta’ servizz internazzjonali għall-passiġġieri fejn dritt esklussiv li jitwasslu passiġġieri bejn dawk l-istazzjonijiet ġie mogħti taħt kuntratt ta’ konċessjoni qabel l-4 ta’ Diċembru 2007 abbażi tal-proċedura ta’ offerti ta’ kuntratti ġusta u kompetittiva u b’mod konformi mal-prinċipji tal-liġi Komunitarja. Din il-limitazzjoni tista’ tkompli tul iż-żmien oriġinali tal-kuntratt, jew għall-15-il sena, skond liema hu l-iqsar.

3d.   Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jeħtieġu li Stat Membru jagħti, qabel l-1 ta’ Jannar 2010, id-dritt għal aċċess imsemmi fil-paragrafu 3a għall-impriżi tal-linji ferrovjarji u s-sussidjarji kkontrollati indirettament u direttament tagħhom, bil-liċenzja fi Stat Membru fejn drittijiet ta’ aċċess ta’ natura simili m’humiex mogħtija.

3e.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-deċiżonijiet imsemmija f’ paragrafi 3b, 3ċ u 3d huma soġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

3f.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3b, l-Istati Membri jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, jawtorizzaw lil awtorità responsabbli għat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġieri sabiex timponi imposta fuq impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizzi tal-passiġġieri għall-operat ta’ rotot li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta’ dik l-awtorità u li huma operati bejn żewġ stazzjonijiet f’dak l-Istat Membru.

F’dak il-każ, impriżi ferrovjarji li jipprovdu servizz domestiku jew internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija għandhom ikunu suġġetti għall-istess imposta fl-operat ta’ dawk ir-rotot li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dik l-awtorità.

L-imposta hija maħsuba biex tikkumpensa l-awtorità għal obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti f’kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija skond il-liġi Komunitarja. Il-dħul magħmul minn tali imposta u mħallas bħala kumpens m’għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispiża kollha jew parti minnha li ssir fl-obbligi ta’ servizz pubbliku rilevanti filwaqt li jitqiesu l-iriċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawk l-obbligi.

L-imposta għandha tiġi imposta skond il-liġi tal-Komunità, u għandha tirrispetta b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ġustizzja, trasparenza, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità, b’mod partikolari bejn il-prezz medju tas-servizz għall-passiġġier u l-livell tal-imposta. L-imposti totali imposti skond dan il-paragrafu m’għandhomx jipperikolaw il-vijabiltà ekonomika tas-servizz tat-trasport tal-passiġieri bil-ferrovija li fuqhom ikunu imposti.

L-awtoritajiet rilevanti għandhom iżommu l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li l-oriġini tal-imposti u l-użu tagħhom jistgħu jiġu traċċati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’din l-informazzjoni.”:

9.

L-Artikolu 10(8) għandu jinbidel b’ dan li ġej:

“8.   Sa l-1 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Dan ir-rapport għandu jindirizza:

l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri, u b’mod partikulari l-impatt tagħha fl-Istati Membri kif jingħad fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3a u l-funzjonament effettiv tal-bosta korpi involuti;

l-iżviluppi tas-suq, b’mod partikolari tendenzi tat-traffiku internazzjonali, attivitajiet u qsim tas-suq ta’ l-atturi kollha tas-suq, inklużi operaturi ġodda.”;

10.

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 10:

“9.   Sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-paragrafi 3a sa 3f.

L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ rapport li għandu jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni sentejn wara d-data tal-ftuħ tas-suq għal servizzi internazzjonali tal-passiġġieri.

Dan ir-rapport għandu wkoll jivvaluta l-iżvilupp tas-suq inkluż l-istat ta’ preparazzjoni ta’ ftuħ akbar tas-suq ferrovjarju. Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għandha wkoll tanalizza il-mudelli differenti għall-organizzazzjoni ta’ dan is-suq u l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq kuntratti ta’ servizz pubbliku u l-finanzjament tagħhom. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 (*) u d-differenzi intrinsiċi bejn l-Istati Membri (densita tan-netwerks, numru ta’ passiġġieri, distanza medja ta’ vjaġġar). Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tipproponi miżuri kumplimentari, sabiex tiffaċilita kwalunkwe ftuħ bħal dan, u għandha tivvaluta l-impatt ta’ kwalunkwe miżuri bħal dawn.

(*)  ĠU L 315 3.12.2007, p. 1.”"

11.

L-Artikolu 11(2) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-miżuri imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u dwar l-adozzjoni ta’ l-Annessi għaliha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11a(3).”;

12.

L-Artikolu 11a(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

13.

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 15:

“L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal Ċipru u għal Malta sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħhom.”.

Artikolu 2

Id-Direttiva 2001/14/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1.

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 1(3):

“(e)

Operazzjonijiet ta’ trasport fil-forma ta’ servizzi ferrovjarji li huma mwettqa fi transitu madwar il-Kommunità.”;

2.

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 2:

“(n)

‘transitu’ għandha tfisser il-qsim tat-territorju Komunitarju li jiġi mwettaq mingħajr tagħbija jew ħatt ta’ prodotti, u/jew mingħajr ma jittellgħu jew jitniżżlu passiġġieri fit-territorju Komunitarju.”;

3.

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 13:

“4.   Fejn applikant għandu l-intenzjoni li jitlob kapaċità ta’ infrastruttura bil-ħsieb li jopera servizz internazzjonali tal-passiġġieri kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE, huwa għandu jinforma lill-maniġers ta’ l-infrastruttura u l-korpi regolatorji konċernati. Sabiex tiġi permessa l-valutazzjoni ta’ l-għan tas-servizz internazzjonali tat-trasport ta’ passiġġieri bejn stazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti, u l-impatt ekonomiku potenzjali fuq kuntratti ta’ servizz pubbliku eżistenti, il-korpi regolatorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe awtorità kompetenti li tat servizz ferrovjarju għal passiġġieri definit f’kuntratt ta’ servizz pubbliku, kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bid-dritt li tillimita l-aċċess taħt l-Artikolu 10 (3b) tad-Direttiva 91/440/KE u kwalunkwe intrapriża tal-linji ferrovjarji li qed twettaq il-kuntratt ta’ servizz pubbliku fuq ir-rotta ta’ dan is-servizz internazzjonali għall-passiġġieri tkun infurmata.”;

4.

L-Artikolu 17(5) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Ftehim kwadru għandhom fil-prinċipju jkopru perijodu ta’ ħames snin, li jistgħu jiġġeddu għal perijodi ugwali għat-tul ta’ żmien oriġinali tagħhom. Il-maniġer ta’ l-infrastrutura jista’ jaqbel ma’ perijodi iqsar jew itwal f’każijiet speċifiċi. Kwalunkwe perijodu itwal minn ħames snin għandu jiġi ġustifikat mill-eżistenza ta’ kuntratti kummerċjali, investimenti speċjalizzati jew riskji.

5a.   Għal servizzi li qed jużaw infrastruttura speċjalizzata, imsemmija fl-Artikolu 24, li jeħtieġu investiment sostanzjali u fuq tul ta’ żmien, ġustifikat b’mod dovut mill-applikant, ftehim kwadru jistgħu jkunu ta’ perijodu ta’ 15-il sena. Kwalunkwe perijodu itwal minn 15-il sena għandu jkun permissibbli biss f’każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari fejn hemm investiment kbir u ta’ tul ta’ żmien, u speċjalment fejn tali investiment hu kopert minn impenji kuntrattwali inkluż pjan pluriennali ta’ ħlas ta’ dejn.

Il-ħtiġiet ta’ l-applikant f’dan il-każ jistgħu jitolbu definizzjoni dettaljata tal-karattersitiċi tal-kapaċità — inkluża l-frekwenza, il-volum u l-kwalità tal-passaġġi tal-ferroviji — li għandhom ikunu provduti lill-applikant għat-tul tal-ftehim kwadru. Il-maniġer ta’ l-infrastruttura jista’ jnaqqas kapaċità riżervata li, fuq perijodu ta’ mill-anqas xahar, tkun intużat anqas mill-kwota ta’ limitu msemmija fl-Artikolu 27.

Mill-1 ta’ Jannar 2010 ‘il quddiem, ftehim kwadru inizjali jista’ jitfassal għal perijodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded darba, abbażi tal-karatteristiċi tal-kapaċità użati mill-applikanti li joperaw servizzi qabel l-1 ta’ Jannar 2010, sabiex jittieħed kont ta’ l-investimenti speċjalizzati jew ta’ l-eżistenza ta’ kuntratti kummerċjali. Il-korp regolatorju msemmi fl-Artikolu 30 għandu jkun responsabbli sabiex jawtorizza d-dħul fis-seħħ ta’ tali Ftehim.”;

5.

Is-sentenza li ġejja għandha tiddaħħal qabel l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 30(1):

“Barra minn hekk għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.”;

6.

L-Artikolu 34(3) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Miżuri mfasssla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-adattazzjoni ta’ l-Annessi għaliha għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 35(3).”;

7.

L-Artikolu 35(3) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”;

8.

Is-sub-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 38:

“L-obbligi għal traspożizzjoni u implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal Ċipru u għal Malta sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħhom.”.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-4 ta’ Ġunju 2009. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.   Id-disposizzjonijiet tal-punti 2, 5, 6 u 7 ta’ l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 23 ta' Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 56.

(2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p. 26.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 460), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 30), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Settembru 2007 u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2007.

(4)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).

(5)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(6)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 164. Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 58.

(8)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 26.

(9)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44. Verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.

(10)  Ara p. 1 ta' dan il-ĠU

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(12)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


3.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 315/51


DIRETTIVA 2007/59/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2007

dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil-31 ta’ Lulju 2007 (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/49/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità teħtieġ mill-amministraturi ta’ l-infrstruttura u impriżi ferrovjarji li jistabbilixxu s-sistemi tagħhom ta’ l-immaniġġar tas-sigurtà b’tali mod li s-sistema tal-ferroviji tkun għall-inqas kapaċi tilħaq miri komuni ta’ sigurtà u tikkonforma mar-regoli ta’ sigurtà u r-rekwiżiti ta’ sigurtà nazzjonali definiti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (TSIs) u li jiġu applikati l-partijiet relevanti tal-metodi komuni ta’ sigurtà. Dawn is-sistemi ta’ mmaniġġar tas-sigurtà jipprevedu, fost affarijiet oħra, programmi ta’ taħriġ tal-persunal u sistemi li jiżguraw li tinżamm il-kompetenza tal-persunal u li d-dmirijiet jitwettqu bil-mod xieraq.

(2)

Id-Direttiva 2004/49/KE tipprevedi li impriża ferrovjarja għandha jkollha ċertifikat ta’ sigurtà sabiex tkun tista’ tingħata aċċess għall-infrastruttura tal-ferroviji.

(3)

Skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (5), l-impriżi ferrovjarji li jkollhom liċenzja għandhom, mill-15 ta’ Marzu 2003, dritt ta’ aċċess għar-retikolat tal-merkanzija trans-Ewropew għas-servizzi tal-merkanzija bil-ferroviji internazzjonali u, mill-2007 l-aktar tard, sejrin ikollhom dritt ta’ aċċess għar-retikolat kollu fir-rigward tas-servizzi tal-merkanzija domestiċi u internazzjonali. Din l-estensjoni gradwali ta’ drittijiet ta’ aċċess sejra twassal inevitabbilment għal żieda fil-moviment ta’ sewwieqa tal-ferroviji bejn fruntieri nazzjonali. Ir-riżultat sejjer ikun ta’ domanda dejjem tikber għal sewwieqa mħarrġa u ċċertifikati sabiex joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed.

(4)

Studju li sar mill-Kummissjoni fl-2002 wera biċ-ċar il-fatt li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ ċertifikazzjoni għas-sewwieqa tal-ferroviji ivarjaw b’mod konsiderevoli. Għandhom għalhekk jiġu adottati regoli Komunitarji għaċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji sabiex jitneħħew dawn id-differenzi filwaqt li jinżamm il-livell għoli attwali ta’ sigurtà tas-sistema tal-ferroviji fil-Komunità.

(5)

Tali regoli Komunitarji għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet tal-linji politiċi Komunitarji dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà fil-provvista ta’ servizzi fil-kuntest tal-politika komuni ta’ trasport, filwaqt li tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(6)

L-iskop ta’ dawn id-dispożizzjonijiet komuni għandu jkun fuq kollox li jagħmilha aktar faċli għas-sewwieqa tal-ferroviji li jiċċaqalqu minn Stat Membru għal ieħor, iżda wkoll li jagħmilha aktar faċli għalihom li jiċċaqalqu minn impriża ferrovjarja għal oħra, u ġeneralment li l-liċenzja u ċ-ċertifikat komplementari armonizzat ikunu rikonoxxuti mill-partijiet interessati kollha fis-settur tal-ferroviji. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li d-dispożizzjonijiet jistabbilixxu rekwiżiti minimi li l-applikanti għandhom jissodisfaw sabiex jiksbu liċenzja jew ċertifikat komplementari armonizzat.

(7)

Din id-Direttiva ssegwi, u hija fil-biċċa l-kbira tagħha bbażata fuq, il-Ftehim konġunt storiku konkluż mill-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħaddiema mobbli li jaħdmu fuq servizzi transkonfinali interoperabbli (6).

(8)

Anke jekk Stat Membru jeskludi mill-ambitu ta’ din id-Direttiva sewwieqa li joperaw esklussivament fuq ċerti kategoriji ta’ sistemi, retikolati u infrastruttura ferrovjarji, dan m’għandu bl-ebda mod jillimita l-obbligu ta’ dak l-Istat Membru li jirrispetta l-validità ta’ liċenzji fit-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ ċertifikati komplementari armonizzati fuq l-infrastruttura relevanti.

(9)

Ir-rekwiżiti għandhom ikopru mill-inqas l-età minima sabiex tinstaq ferrovija, il-kondizzjoni fiżika u psikoloġika fuq ix-xogħol ta’ l-applikant, l-esperjenza professjonali u l-konoxxenza ta’ ċerti materji marbuta mas-sewqan ta’ ferrovija, kif ukoll konoxxenza ta’ l-infrastrutturi li fuqhom huwa jkun meħtiea jopera u tal-lingwa użati fuqhom.

(10)

Sabiex tiżdied l-effikaċja tiegħu vis-à-vis l-ispiża tieghu, it-taħriġ li s-sewwieqa tal-ferroviji għandhom jieħdu sabiex jiksbu ċertifikat komplementari armonizzat għandu jiffoka, sal-punt li dan ikun possibbli u mixtieq mill-aspett tas-sigurtà, fuq is-servizzi partikolari li s-sewwieq irid iwettaq, bħal, per eżempju, trasferiment ta’ ferroviji (shunting), servizzi ta’ manutenzjoni, servizzi relatati ma’ passiġġieri jew ma’ merkanzija. Meta ssir il-valutazzjoni ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) għandha tistma l-ħtieġa ta’ l-emendamentt tar-rekwiżiti ta’ taħriġ speċifikati fl-Anness sabiex jirriflettu aħjar l-istruttura ġdida emerġenti tas-suq.

(11)

L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura li joħorġu ċertifikati komplementari armonizzati jistgħu, huma stess, jipprovdu taħriġ għal tagħrif professjonali ġenerali, konoxxenza lingwistika, tagħrif dwar tagħmir mobbli u dwar l-infrastruttura. Madankollu, fir-rigward ta’ l-eżamijiet, kwalunkwe konflitt ta’ interessi għandu jiġi evitat mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li eżaminatur jista’ jappartjeni għall-impriża ferrovjarja jew għall-amministratur ta’ l-infrastruttura li joħorġu ċ-ċertifikat komplementari armonizzat.

(12)

Skond l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2004/49/KE, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura, huma responsabbli mil-livell ta’ taħriġ tas-sewwieqa li huma jħaddmu. Għal dan il-għan, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom iqisu t-taħriġ u l-kompetenzi preċedentement miksuba minn dawk is-sewwieqa, skond l-Artikolu 13(3) ta’ dik id-Direttiva. Huwa wkoll importanti li jiġi żgurat li numru biżżejjed ta’ sewwieqa jkunu mħarrġa. F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ, madankollu, li jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-investimenti magħmulha minn impriża ferrovjarja jew minn amministratur ta’ infrastruttura għat-taħriġ ta’ sewwieq ma jkunux ta’ qligħ mhux dovut għal impriża ferrovjarja oħra jew għal amministratur ta’ infrastruttura ieħor fil-każ li dak is-sewwieq jitlaq volontarjament l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur ta’ l-infrastruttura ta’ l-ewwel biex imur ma’ l-impriża ferrovjarja jew ma’ l-amministratur ta’ infrastruttura ta’ l-aħħar. Dawn il-miżuri jistgħu ikunu ta’ kwalunkwe xorta, bħal per eżempju leġiżlazzjoni nazzjonali, kuntratti kollettivi ta’ impjieg, klawsoli kuntrattwali bejn is-sewwieqa u min iħaddem, jew ftehim li jirregolaw ir-reklutaġġ ta’ sewwieqa ta’ impriża minn impriża oħra fil-każ li s-sewwieqa jkunu parti f’dawn il-ftehim.

(13)

Qegħdin jiġu żviluppati kompetenzi tal-persunal u kondizzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fil-kuntest tad-direttivi ta’ interoperabbiltà, b’mod partikolari bħala parti mill-“ġestjoni u operat tat-traffiku” tat-TSIs. Hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza bejn dawn it-TSIs u l-Annessi ma’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni sejra tikseb dan billi timmodifika jew tadatta t-TSI relevanti għal din id-Direttiva u l-Annessi tagħha billi tuża l-proċeduri previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja (7) u d-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea (8).

(14)

Sabiex jiżdiedu l-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema u s-sikurezza fuq il-linji ferrovjarji Komunitarji, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil membri oħra ta’ l-ekwipaġġ li jwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza fuq lokomotivi u ferroviji. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri oħra ta’ l-ekwipaġġ li jwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza jilħqu r-rekwiżiti minimi stabbiliti fit-TSI dwar l-operat u l-immaniġġar tat-traffiku. Filwaqt li tqis il-pjani nazzjonali ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu notifikati mill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni ta’ dik it-TSI, l-Aġenzija għandha tidentifika l-għażliet possibbli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ membri oħra ta’ l-ekwipaġġ li jwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza u tagħmel stima ta’ l-impatt ta’ dawn l-għażliet differenti. Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun kunsiljabbli, tippreżenta proposta dwar il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta’ membri oħra ta’ l-ekwipaġġ li jwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza fuq lokomotivi u ferroviji.

(15)

Ir-rekwiżiti għal liċenzji u għal ċertifikati komplementari armonizzati kif previsti f’din id-Direttiva għandhom jikkonċernaw biss il-kondizzjonijiet legali li jagħtu d-dritt lil sewwieq li jsuq ferrovija. Ir-rekwiżiti l-oħrajn kollha, kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u applikati b’mod non-diskriminatorju, li jirrigwardaw l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-infrastruttura, l-infrastruttura u t-tagħmir mobbli għandhom jiġu ugwalment rispettati qabel ma sewwieq ikun jista’ jsuq ferrovija fuq infrastruttura speċifika.

(16)

Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika l-implementazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (9), u lanqas tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data  (10).

(17)

Sabiex ikunu garantiti l-uniformità u t-trasparenza meħtieġa, il-Komunità għandha tistabbilixxi mudell wieħed ta’ ċertifikazzjoni, rikonoxxut b’mod reċiproku mill-Istati Membri, li jservi bħala prova kemm tal-konformità tas-sewwieq tal-ferrovija ma’ ċerti kondizzjonijiet minimi, kif ukoll tal-kwalifiki professjonali u tal-konoxxenza lingwistika tagħhom, filwaqt li l-ħruġ ta’ liċenzji jitħalla f’idejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-ħruġ ta’ ċertifikati komplementari armonizzati f’idejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastrutturi.

(18)

L-Aġenzija għandha teżamina wkoll l-użu ta’ smartcard minflok liċenzja u ċertifikati komplementari armonizzati. Tali smartcard ikollha l-vantaġġ li tikkombina dawn iż-żewġ elementi f’ħaġa waħda u fl-istess ħin tkun tista’ tintuża għal applikazzjonijiet oħra fis-settur tas-sigurtà jew għal finijiet ta’ l-ġestjoni tas-sewwieqa.

(19)

L-informazzjoni kollha kontenuta fil-liċenzji, fiċ-ċertifikati komplementari armonizzat, u fir-reġistri ta’ liċenzji u ta’ ċertifikati komplementari armonizzati, għandha tintuża mill-awtoritajiet tas-sigurtà sabiex tkun faċilitata il-valutazzjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-persunal prevista fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2004/49/KE u sabiex jitħaffef il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ sigurtà previsti fl-istess artikoli.

(20)

L-impjieg ta’ sewwieqa tal-ferroviji ċertifikati skond din id-Direttiva ma għandux jeżonera lill-impriżi ferrovjarji u lill-amministraturi ta’ l-infrastrutturi mill-obbligu tagħhom li jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll intern tal-kompetenza u l-imġieba tas-sewwieqa tal-ferroviji tagħhom skond l-Artikolu 9 u l-Anness III tad-Direttiva 2004/49/KE u għandu jifforma parti minn dik is-sistema. Iċ-ċertifikat komplementari armonizzat ma għandu jeżonera la lill-impriżi ferrovjarji u lanqas lill-amministraturi ta’ l-infrastrutturi mir-responsabbiltà tagħhom għas-sigurtà u, b’mod partikolari, tat-taħriġ tal-persunal tagħhom.

(21)

Ċerti kumpanniji jipprovdu s-servizzi ta’ sewwieqa lil impriżi ferrovjarji u amministraturi ta’ infrastrutturi. F’tali każijiet, ir-responsabbiltà sabiex jiġi żgurat li sewwieq ikollu l-liċenzja u ċ-ċertifikat konformement ma’ din id-Direttiva għandha taqa’ fuq l-impriża ferrovjarja jew fuq l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jqabbdu b’kuntratt lis-sewwieq.

(22)

Sabiex it-trasport bil-ferroviji jibqa’ jaħdem b’mod effettiv, is-sewwieqa tal-ferroviji li diġà jaħdmu f’dik il-professjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva għandhom iżommu d-drittijiet miksuba tul perijodu ta’ transizzjoni.

(23)

Għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla ħtieġa meta jiġu sostitwiti l-awtorizzazzjonijiet għas-sewqan maħruġa lil sewwieqa qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din id-Direttiva b’ċertifikati komplementari armonizzati u liċenzji li jkunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għalhekk, id-drittijiet ta’ sewqan mogħtija qabel lil sewwieq għandhom jiġu protetti kemm jista’ jkun. Għandu jittieħed kont tal-kwalifiki u l-esperjenza ta’ kull sewwieq, jew grupp ta’ sewwieqa, mill-entitajiet emittenti meta l-awtorizzazzjonijiet ikollhom jiġu sostitwiti. L-entità emittenti għandha tiddeċiedi, abbażi tal-kwalifiki u/jew ta’ l-esperjenza, jekk ikunx meħtieġ li sewwieq jew grupp ta’ sewwieqa jagħmlu xi eżami u/jew taħriġ addizzjonali qabel ma jkunu jistgħu jirċievu l-liċenzji sostitwenti u ċ-ċertifikati komplementari armonizzati tagħhom. Għalhekk, għandha tkun l-entità emittenti li tiddeċiedi jekk il-kwalifiki u/jew l-esperjenza humiex suffiċjenti għall-ħruġ tal-liċenzji u ċ-ċertifikati komplementari armonizzati meħtieġa, mingħajr ebda ħtieġa ta’ eżami jew taħriġ ulterjuri.

(24)

Għandhom jiġu evitati piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla ħtieġa meta sewwieqa tal-ferroviji jibdlu lil min jimpjegahom. Impriża ferrovjarja li tħaddem lil sewwieq għandha tieħu kont tal-kompetenzi miksuba qabel u għandha tiddispensa kemm jista’ jkun mill-ħtieġa ta’ eżamijiet u taħriġ addizzjonali.

(25)

Din id-Direttiva m’għandha tagħti ebda dritt ta’ rikonoxximent reċiproku dwar drittijiet ta’ sewqan li sewwieqa jkun ġabu qabel l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, għalkemm mingħajr preġudizzju għall-iskema ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku mwaqqfa taħt id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (11), li għandha tibqa’ tapplika sa l-aħħar tal-perijodu ta’ transizzjoni.

(26)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (12).

(27)

B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-kondizzjionijiet u l-kriterji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, jew sabiex jissuplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(28)

Meta, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-limiti ta’ żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ma jkunux jistgħu jiġu osservati, il-Kummissjoni għandha jkollha rikors għall-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni ta’ kriterji Komunitarji għall-għażla ta’ eżaminaturi u eżamijiet kif previst f’din id-Direttiva u għall-adattament, għall-progress xjentifiku u tekniku, ta’ l-Annessi ma’ din id-Direttiva, kif hemm previst minnha.

(29)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (13), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li jillustraw, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(30)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal kontrolli dwar il-konformità ma’ din id-Direttiva u għat-teħid ta’ azzjoni xierqa fejn sewwieq jikser xi dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

(31)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw din id-Direttiva.

(32)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-twaqqif ta’ qafas regolatorju komuni għaċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji għat-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(33)

Jista’ jirriżulta xieraq, għall-finijiet ta’ l-effikaċja vis-à-vis in-nefqa, li għal perijodu limitat ta’ żmien sewwieqa li jaħdmu esklussivament fuq it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jiġu eżentati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwardaw l-obbligu għal tali sewwieqa li jkollhom liċenzji u ċertifikati komplementari armonizzati konformement ma’ din id-Direttiva. Il-kondizzjonijiet li jirregolaw kwalunkwe eżenzjoni bħal dawn għandhom jiġu definiti b’mod ċar.

(34)

Stat Membru li ma jkollux sistema tal-ferroviji, u l-ebda propsettiva immedjata li jkollu waħda, ikun sottopost għal obbligu sproporzjonat u bla fini kieku kellu jittrasponi u jimplementa din id-Direttiva. Għalhekk, tali Stati Membri għandhom jiġu eżentati, sa fejn ma jkollhomx sistema tal-ferroviji, mill-obbligu li jittrasponu u jimplementaw din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

GĦAN, AMBITU TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Għan

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema tal-ferroviji fil-Komunità. Tispeċifika l-kompiti li għalihom huma responsabbli l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, is-sewwieqa tal-ferroviji u l-partijiet interessati l-oħra fis-settur, b’mod partikolari l-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi ta’ l-infrastrutturi u ċ-ċentri ta’ taħriġ.

Artikolu 2

Ambitu ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal sewwieqa ta’ ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema tal-ferroviji tal-Komunità għal impriża ferrovjarja li teħtieġ ċertifikat ta’ sigurtà jew amministratur ta’ l-infrastruttura li jeħtieġ awtorizzazzjoni ta’ sigurtà.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għal persunal ieħor abbord ferroviji tal-merkanzija, iżommu ferroviji tal-merkanzija milli jaqsmu fruntieri jew jipprovdu trasport domestiku fit-territorju tagħhom.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu jeskludu, mill-miżuri li jadottaw fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva, sewwieqa tal-ferroviji li joperaw esklussivament fuq:

(a)

metro, trammijiet u sistemi minuri oħra ta’ ferrovija;

(b)

retikolati li huma funzjonalment separati mill-bqija tas-sistema tal-ferrovija u huma intiżi biss għall-operazzjoni tas-servizzi lokali, urbani jew suburbani ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija.

(ċ)

infrastrutturi ferrovjarji tal-privat li jeżistu biss għall-użu mis-sidien ta’ l-infrastrutturi għall-operazzjonijiet ta’ ġarr ta’ merkanzija tagħhom stess;

(d)

partijiet ta’ linji li jkunu magħluqin temporanjament għat-traffiku normali għal finijiet ta’ manutenzjoni, tiġdid jew titjib tas-sistema ferrovjarja.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE;

(b)

“sewwieq tal-ferroviji” tfisser persuna kapaċi u awtorizzata sabiex issuq ferroviji, inklużi lokomotivi, lokomotivi ta’ trasferiment, ferroviji tax-xogħol, vetturi ferrovjarji għall-manutenzjoni jew ferroviji għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija b’mod awtonomu, responsabbli u mingħajr periklu;

(ċ)

“membri oħra ta’ l-ekwipaġġ li jwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza” tfisser persunal abbord il-ferrovija li m’humiex sewwieqa tal-ferrovija iżda li jgħinu sabiex jiżguraw is-sikurezza tal-ferrovija u tal-passiġġieri u tal-merkanzija li jkunu qed jiġu trasportati;

(d)

“sistema tal-ferroviji” tfisser is-sistema magħmula mill-infrastrutturi tal-ferroviji, li tinkludi l-linji u l-installazzjonijiet fissi tas-sistema tal-ferrovija kif ukoll it-tagħmir mobbli tal-kategoriji kollha u ta’ kull oriġini li jivjaġġaw fuq dik l-infrastruttura, kif definita fid-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE;

(e)

“amministratur ta’ l-infrastruttura” tfisser kwalunkwe entità jew impriża li tkun responsabbli partikolarment mit-twaqqif u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi ferrovjarji, jew ta’ parti minnhom, kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/440/KEE, li jistgħu jinkludu wkoll l-immaniġġar tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ sigurtà ta’ l-infrastruttura. Il-funzjonijiet ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura fuq retikolat jew parti minn retikolat jistgħu jiġu allokati lil entitajiet jew impriżi differenti;

(f)

“impriża ferrovjarja” tfisser kwalunkwe impriża ferrovjarja kif definit fid-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ l-infrastruttura ferrovjarja u l-impożizzjoni ta’ piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura ferrovjarja (14), jew kwalunkwe impriża pubblika jew privata oħra, li l-attività tagħha tkun li tipprovdi t-trasport bil-ferrovija ta’ merkanzija u/jew passiġġieri abbażi li l-impriża għandha tiżgura l-lokomozzjoni. It-terminu jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu lokomozzjoni biss;

(g)

“speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà” jew “TSIs” tfisser l-ispeċifikazzjonijiet li bihom hija koperta kull sub-sistema jew parti minn sub-sistema sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali u sabiex tiġi assigurata l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-ferroviji trans-Ewropej b’veloċità għolja u konvenzjonali kif definita fid-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE;

(h)

“Aġenzija” tfisser l- Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-29 ta’ April 2004;

(i)

“ċertifikat ta’ sigurtà” tfisser iċ-ċertifikat maħruġ lil impriża ferrovjarja minn awtorità ta’ sigurtà skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/49/KE;

(j)

“ċertifikat” tfisser iċ-ċertifikat komplementari armonizzat li jindika l-infrastruttura li fuqha jkun awtorizzat li jsuq id-detentur u t-tagħmir mobbli li d-detentur ikun awtorizzat li jsuq;

(k)

“awtorizzazzjoni ta’ sigurtà” tfisser l-awtorizzazzjoni maħruġa lil amministratur ta’ infrastruttura minn awtorità kompetenti skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/49/KE;

(l)

“ċentru ta’ taħriġ” tfisser entità akkreditata jew rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti sabiex tagħti korsijiet ta’ taħriġ.

KAPITOLU II

ĊERTIFIKAZZJONI TA’ SEWWIEQA

Artikolu 4

Mudell Komunitarju ta’ ċertifikazzjoni

1.   Is-sewwieqa kollha tal-ferroviji għandhom ikunu idonei u jkollom il-kwalifiki meħtieġa u fil-pussess tagħhom għandhom ikollhom id-dokumenti li ġejjin:

(a)

liċenzja li turi li s-sewwieq jissodisfa l-kondizzjonijiet minimi fir-rigward ta’ rekwiżiti mediċi, edukazzjoni bażika u ħiliet professjonali ġenerali. Il-liċenzja għandha tidentifika s-sewwieq u l-awtorità tal-ħruġ u għandha tindika l-perijodu tal-validità tagħha. Il-liċenzja għandha tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Anness I, sa meta jiġi adottat il-mudell Komunitarju ta’ ċertifikazzjoni kif previst fil-paragrafu 4;

(b)

ċertifikat wieħed jew aktar li jindikaw l-infrastrutturi li fuqhom ikun awtorizzat li jsuq id-detentur u li jindikaw it-tagħmir mobbli li d-detentur ikun awtorizzat li jsuq. Kull ċertifikat għandu jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Anness I.

2.   Madankollu, ir-rekwiżit tal-pussess ta’ ċertifikat għal xi parti speċifika ta’ infrastruttura ma għandux japplika fil-każijiet eċċezzjonali elenkati hawn taħt, sakemm ikun hemm sewwieq ieħor tal-ferrovija li jkollu ċertifikat validu għall-infrastruttura konċernata, ma’ ġenb is-sewwieq matul is-sewqan:

(a)

meta xi disturb fis-servizz tal-ferrovija jeħtieġ id-devjazzjoni ta’ ferroviji jew il-manutenzjoni tal-linji, kif speċifikat mill-amministratur ta’ l-infrastruttura;

(b)

għal servizzi eċċezzjonali, ta’ darba, li jużaw ferroviji storiċi;

(ċ)

għal servizzi eċċezzjonali, ta’ darba, ta’ ġarr ta’ merkanzija, suġġett għall-kunsens ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura;

(d)

għall-konsenja jew dimostrazzjoni ta’ ferrovija jew lokomotiva ġdida;

(e)

għal finijiet ta’ taħriġ u ta’ eżami ta’ sewwieqa.

L-użu ta’ din il-possibbiltà għandha tkun deċiżjoni ta’ l-impriża ferrovjarja u ma tistax tiġi imposta mill-amministratur ta’ l-infrastrattura relevanti jew mill-awtorità kompetenti.

Kull meta jiġi utilizzat sewwieq addizzjonali kif previst hawn fuq, l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jiġi mgħarraf minn qabel.

3.   Iċ-ċertifikat għandu jawtorizza sewqan f’waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji:

(a)

kategorija A: lokomotivi ta’ trasferiment, ferroviji tax-xogħol, vetturi ferrovjarji ta’ manutenzjoni u l-lokomotivi l-oħra kollha meta jkunu użati għal trasferimenti;

(b)

kategorija B: ġarr ta’ passiġġieri u/jew ta’ merkanzija.

Ċertifikat jista’ jkollu awtorizzazzjoni għall-kategoriji kollha, u jkopri l-kodiċijiet kollha kif imsemmi fil-paragrafu 4.

4.   Sa l-4 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tadotta, abbażi ta’ abbozz preparat mill-Aġenzija, mudell Komunitarju għal-liċenzja, għaċ-ċertifikat u għall-kopja awtentikata taċ-ċertifikat, kif ukoll tiddetermina l-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, filwaqt li tieħu kont, fihom, ta’ miżuri kontra l-falsifikazzjoni. Dawn il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3).

Sa l-4 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissuplimentawha, u li jikkonċernaw il-Kodiċijiet Komunitarji għat-tipi differenti fil-kategoriji A u B kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3), u abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Aġenzija.

Artikolu 5

Miżuri kontra l-frodi

L-awtoritajiet kompetenti u l-entitajiet tal-ħruġ għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ falsifikazzjoni ta’ liċenzji u ċertifikati u ta’ tbagħbis fir-reġistri previsti fl-Artikolu 22.

Artikolu 6

Drittijiet proprjetarji, lingwa u entitajiet emittenti

1.   Il-liċenzja għandha tkun il-proprjetà tad-detentur tagħha u għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 3(a). Fejn awtorità kompetenti jew l-aġent tagħha joħroġu liċenzja b’lingwa nazzjonali li ma tkunx lingwa Komunitarja, għandhom ifasslu verżjoni bilingwi tal-liċenzja li tinkludi waħda mil-lingwi Komunitarji.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-infrastruttura li jimpjega jew iqabbad b’kuntratt lis-sewwieq. Iċ-ċertifikat għandu jkun il-proprjetà ta’ l-impriża jew ta’ l-amministratur li joħorġuh. Madankollu, skond l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2004/49/KE, is-sewwieqa għandhom ikunu intitolati li jakkwistaw kopja awtentikata. Fejn impriża ferrovjarja jew amministratur ta’ infrastruttura joħroġu ċertifikat b’lingwa nazzjonali li ma tkunx lingwa Komunitarja, għandhom ifasslu verżjoni bilingwi taċ-ċertifikat bl-użu ta’ waħda mil-lingwi Komunitarji.

Artikolu 7

Validità ġeografika

1.   Kull liċenzja għandha tkunu valida fit-territorju kollu tal-Komunità.

2.   Kull ċertifikat għandu jkun validu biss fuq dawk l-infrastrutturi u t-tagħmir mobbli identifikati fuqu.

Artikolu 8

Rikonoxximent tad-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji minn pajjiżi terzi

Id-dokumenti ta’ ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji minn pajjiżi terzi li joperaw esklussivament f’taqsimiet ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Stat Membru jistgħu jiġu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru skond kwalunkwe ftehim bilaterali mal-pajjiż terz in kwistjoni.

KAPITOLU III

KONDIZZJONIJIET SABIEX JINKISBU L-LIĊENZJA U Ċ-ĊERTIFIKAT

Artikolu 9

Rekwiżiti minimi

1.   Sabiex jiksbu liċenzja, l-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi mniżżla fl-Artikoli 10 u 11. sabiex jiksbu ċertifikat u sabiex dan jibqa’ validu, l-applikanti għandhom ikollhom liċenzja u jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13.

2.   Stat Membru jista’ japplika rekwiżiti aktar stretti fir-rigward tal-ħruġ ta’ liċenzji fuq it-territorju tiegħu. Madankollu, huwa għandu jirrikonoxxi liċenzji maħruġa minn Stati Membri oħra skond l-Artikolu 7.

Taqsima I

Liċenzja

Artikolu 10

Età minima

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu l-età minima ta’ l-applikanti għal-liċenzja, li għandha tkun mill-inqas ta’ 20 sena. Madankollu, Stat Membru jista’ joħroġ liċenzji lil applikanti mill-età ta’ 18-il sena, u l-validità ta’ tali liċenzja tkun limitata għat-territorju ta’ l-Istat Membru emittenti.

Artikolu 11

Rekwiżiti bażiċi

1.   L-applikanti għandhom ikunu lestew b’suċċess mill-inqas disa’ snin ta’ edukazzjoni (primarja u sekondarja) u jkunu temmew b’suċċess taħriġ bażiku ekwivalenti għal-livell 3 imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE tas-16 ta’ Lulju 1985 dwar il-komparabbiltà tal-kwalifiki ta’ taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea (16).

2.   L-applikanti għandhom jipprovdu konferma tal-kondizzjoni fiżika tagħhom billi jgħaddu minn eżami mediku li jitmexxa minn, jew taħt is-superviżjoni ta’ — kif deċiż mill-Istat Membru — tabib akkreditat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 20. L-eżami għandu jkopri għall-inqas il-kriterji indikati fit-Taqsimiet 1.1, 1.2, 1.3 u 2.1 ta’ l-Anness II.

3.   L-applikanti għandhom juru l-idoneità psikoloġika tagħhom għax-xogħol billi jgħaddu minn eżami li jitmexxa minn, jew taħt is-superviżjoni ta’ — kif deċiż mill-Istat Membru — psikologu jew tabib akkreditat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 20. L-eżami għandu jkopri għall-inqas il-kriterji indikati fit-Taqsima 2.2 ta’ l-Anness II.

4.   L-applikanti għndhom ikunu wrew il-kompetenza professjonali ġenerali tagħhom billi jgħaddu minn eżami li jkopri għall-inqas is-suġġetti ġenerali elenkati fl-Anness IV.

Taqsima II

Ċertifikat

Artikolu 12

Konoxxenza lingwistika

Il-kriterju tal-konoxxenza lingwistika msemmi fl-Anness VI għandu jiġi sodisfatt għall-infrastruttura li għaliha ssir l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat.

Artikolu 13

Kwalifiki professjonali

1.   L-applikanti għandhom ikunu għaddew minn eżami tal-konoxxenza u tal-kompetenza professjonali tagħhom fir-rigward tat-tagħmir mobbli li għalih ikunu jixtiequ jiksbu ċ-ċertifikat; dan l-eżami għandu jinkludi għall-inqas is-suġġetti ġenerali elenkati fl-Anness V.

2.   L-applikanti għandhom ikunu għaddew minn eżami tal-konoxxenza u tal-kompetenza professjonali tagħhom fir-rigward ta’ l-infrastrutturi li għalihom ikunu jixtiequ jiksbu ċ-ċertifikat. Dan l-eżami għandu jkopri għall-inqas is-suġġetti ġenerali elenkati fl-Anness VI. Fejn xieraq, l-eżami għandu jkopri wkoll il-konoxxenza lingwistika, skond it-Taqsima 8 ta’ l-Anness VI.

3.   L-applikanti għandhom jiġu mħarrġa mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-infrastruttura relattivament għas-sistema ta’ l-immaniġġar tas-sigurtà prevista mid-Direttiva 2004/49/KE.

KAPITOLU IV

PROĊEDURA SABIEX JINKISBU L-LIĊENZJA U Ċ-ĊERTIFIKAT

Artikolu 14

Ksib ta’ liċenzja

1.   L-awtorità kompetenti għandha tippubblika l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb liċenzja.

2.   L-applikazzjonijiet kollha għal liċenzji għandhom jiġu preżentati lill-awtorità kompetenti mis-sewwieq kandidat jew minn kwalunkwe entità f’ismu.

3.   L-applikazzjonijiet preżentati lill-awtorità kompetenti jistgħu ikunu għall-għoti ta’ liċenzja ġdida, għall-aġġornament tad-dettalji tal-liċenzja, għat-tiġdid ta’ liċenzja jew għad-duplikat ta’ liċenzja.

4.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ il-liċenzja kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn xahar minn meta tirċievi d-dokumenti kollha meħtieġa.

5.   Il-liċenzja għandha tkun valida għal 10 snin, suġġett għall-Artikolu 16(1).

6.   Il-liċenzja għandha tinħareġ f’oriġinali unika. Kwalunkwe duplikazzjoni ta’ liċenzja, barra minn dik li ssir mill-awtorità kompetenti fejn jiġi mitlub duplikat, għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 15

Ksib ta’ ċertifikat

Kull impriża ferrovjarja u kull amministratur ta’ infrastruttura għandhom jistabbilixxu l-proċeduri tagħhom stess għall-ħruġ jew l-aġġornament ta’ ċertifikati skond din id-Direttiva, bħala parti mis-sistema ta’ l-immaniġġar tas-sigurtà tagħhom, kif ukoll proċeduri ta’ appell li jippermettu lis-sewwieqa jitolbu reviżjoni ta’ deċiżjoni relatata mal-ħruġ, ma’ l-aġġornament, mas-sospensjoni jew ma’ l-irtirar ta’ ċertifikat.

F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, il-partijiet jistgħu jappellaw lill-awtorità kompetenti jew lil kwalunkwe korp ta’ appell indipendenti.

L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jaġġornaw, mingħajr dewmien, ċertifikati kull meta d-detentur taċ-ċertifikat ikun kiseb awtorizzazzjonijiet addizzjonali rigward it-tagħmir mobbli jew għall-infrastruttura.

Artikolu 16

Kontrolli perjodiċi

1.   Sabiex liċenzja tibqa’ valida, id-detentur tagħha għandu jgħaddi minn eżamijiet u/jew testijiet perjodiċi relatati mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 11(2) u (3). Fir-rigward ta’ rekwiżiti mediċi, il-frekwenza minima għandha tiġi osservata skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3.1 ta’ l-Anness II. Dawn il-kontrolli mediċi għandhom isiru minn, jew taħt is-superviżjoni ta’, tobba akkreditati jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 20. Għal dak li jirrigwarda l-konoxxenza professjonali ġenerali, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23(8).

Meta ġġedded liċenzja, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika fir-reġistru previst fl-Artikolu 22(1)(a) li s-sewwieq issodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.   Sabiex ċertifikat jibqa’ validu, id-detentur tiegħu għandu joqgħod għal eżamijiet u/jew testijiet perjodiċi relatati mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 12 u 13. Il-frekwenza ta’ dawn l-eżamijiet u/jew testijiet għandha tiġi determinata mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-infrastruttura li jimpjegaw jew iqabbdu b’kuntratt lis-sewwieq skond is-sistema ta’ immaniġġar tas-sigurtà tagħhom, u għandha tirrispetta l-frekwenzi minimi stabbiliti fl-Anness VII.

Għal kull wieħed minn dawn il-kontrolli l-entità emittenti għandha tikkonferma b’dikjarazzjoni fuq iċ-ċertifikat u fir-reġistru previst fl-Artikolu 22(2)(a) li s-sewwieq issodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   Fejn jonqos li jsir xi kontroll perjodiku jew fejn xi kontroll perjodiku jagħti riżultat negattiv, għandha tiġi applikata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

Artikolu 17

Waqfien ta’ impjieg

Meta sewwieq jieqaf mix-xogħol għal impriża ferrovjarja jew amministratur ta’ infrastruttura, dawn għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien.

Il-liċenzja għandha tibqa’ valida, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet fl-Artikolu 16(1).

Iċ-ċertifikat għandu jsir invalidu meta d-detentur tiegħu jieqaf jaħdem bħala sewwieq. Madankollu, id-detentur tiegħu għandu jirċievi kopja awtentikata tiegħu u tad-dokumenti kollha li jagħtu prova tat-taħriġ, tal-kwalifiki, ta’ l-esperjenza u tal-kompetenzi professjonali tiegħu. Meta jinħareġ ċertifikat lil sewwieq, l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom iqisu dawk id-dokumenti kollha.

Artikolu 18

Monitoraġġ, minn impriżi ferrovjarji u amministraturi ta’ l-infrastruttura, ta’ sewwieqa

1.   L-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastrutturi għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw, u jivverifikaw, li l-liċenzji u ċ-ċertifikati tas-sewwieqa li jimpjegaw jew li jqabbdu b’kuntratt ikunu validi.

Għandhom iwaqqfu sistema għall-monitoraġġ tas-sewwieqa tagħhom. Jekk ir-riżultati ta’ tali monitoraġġ iqajmu xi dubbju dwar il-kompetenza ta’ sewwieq fix-xogħol u dwar il-kontinwazzjoni tal-validità tal-liċenzja jew ċertikfikat tiegħu, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jieħdu immedjatament l-azzjoni meħtieġa.

2.   Jekk sewwieq iqis li l-istat ta’ saħħa tiegħu iqajjem xi dubbju dwar l-idoneità tiegħu għax-xogħol, għandu jinforma immedjatament lill-impriża ferrovjarja jew lill-amministratur ta’ l-infrastruttura, skond il-każ.

Hekk kif impriża ferrovjarja jew l-amministratur ta’ l-infrastruttura ikunu konxji jew jiġu informati minn tabib li s-saħħa ta’ sewwieq marret lura tant li tkun dubbjuża l-idoneità fiżika tiegħu għax-xogħol, huma għandhom jieħdu immedjatament l-azzjonijiet meħtieġa, inkluż l-eżami deskritt fit-Taqsima 3.1 ta’ l-Anness II u, jekk ikun meħtieġ, l-irtirar taċ-ċertifikat u l-aġġornament tar-reġistru previst fl-Artikolu 22(2). Barra minn hekk, għanhom jiżguraw li fl-ebda waqt fis-servizz tagħhom is-sewwieqa ma jkunu taħt l-influwenza ta’ xi sustanza li aktarx tinċidi fuq il-konċentrazzjoni, l-attenzjoni jew il-komportament tagħhom. L-awtorità kompetenti għandha tiġi infurmata mingħajr dewmien dwar kwalunkwe każ ta’ inkapaċità ta’ xogħol ta’ aktar minn tliet xhur.

KAPITOLU V

KOMPITI U DEĊIŻJONIJIET TA’ L-AWTORITÀ KOMPETENTI

Artikolu 19

Kompiti ta’ l-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq il-kompiti li ġejjin b’mod trasparenti u non-diskriminatorju:

(a)

il-ħruġ u l-aġġornament ta’ liċenzji, l-għoti ta’ duplikati, kif previst fl-Artikoli 6 u 14;

(b)

l-assigurazzjoni ta’ kontrolli perjodiċi kif previst fl-Artikolu 16(1);

(ċ)

is-sospensjoni u l-irtirar ta’ liċenzji, u n-notifika lill-entità emittenti dwar talbiet, li għandhom ikunu motivati, għas-sospensjoni ta’ ċertifikati, kif previst fl-Artikolu 29;

(d)

jekk tinħatar għalhekk mill-Istat Membru, ir-rikonoxximent ta’ persuni jew entitajiet kif previst fl-Artikoli 23 u 25;

(e)

l-assigurazzjoni tal-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ persuni u entitajiet akkreditati jew rikonoxxuti kif previst fl-Artikolu 20;

(f)

iż-żamma u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ liċenzji kif previst fl-Artikoli 16(1) u 22(1);

(g)

il-monitoraġġ tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tas-sewwieqa kif previst fl-Artikolu 26;

(h)

it-twettiq ta’ ispezzjonijiet kif previst fl-Artikolu 29;

(i)

l-istabbiliment ta’ kriterji nazzjonali għal eżaminaturi kif previst fl-Artikolu 25(5).

L-awtorità kompetenti għandha twieġeb malajr għal talbiet għal informazzjoni u għandha tippreżenta kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali mingħajr dewmien meta tipprepara liċenzji.

2.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex tiddelega l-kompiti msemmija fil-punti (ċ), (g) u (i) tal-paragrafu 1 lil terzi.

3.   Kwalunkwe delegazzjoni ta’ kompiti għandha tkun trasparenti u non-diskriminatorja u ma għandha toħloq ebda konflitt ta’ interessi.

4.   Fejn awtorità kompetenti tiddelega jew tagħti b’kuntratt il-kompiti msemmija fil-punti (a) jew (b) imsemmija fil-paragrafu 1 lil impriża ferrovjarja, għandu jkun hemm konformità għall-inqas ma’ waħda minn dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(a)

l-impriża ferrovjarja għandha toħroġ linċenzji lis-sewwieqa tagħha biss;

(b)

l-impriża ferrovjarja ma għandhiex ikollha l-esklussività fit-territorju konċernat għall-ebda wieħed mill-kompiti delegati jew mogħtija b’kuntratt.

5.   Fejn awtorità kompetenti tiddelega jew tagħti b’kuntratt xi kompiti, ir-rappreżentant awtorizzat jew il-kuntrattur għandu jkun meħtieġ, fit-twettiq ta’ tali kompiti, li jikkonforma ma’ l-obbligi imposti fuq awtoritajiet kompetenti minn din id-Direttiva.

6.   Fejn awtorità kompetenti tiddelega jew tagħti b’kuntratt xi kompiti, hija għandha twaqqaf sistema ta’ verifika dwar kif dawk il-kompiti ikunu ġew imwettqa u għandha tiżgura li jkun hemm konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 4 u 5.

Artikolu 20

Akkreditament u rikonoxximent

1.   Persuni jew entitajiet akkreditati taħt din id-Direttiva għandhom jiġu akkreditati minn entità ta’ akkreditament maħtura mill-Istat Membru konċernat. Il-proċess ta’ akkreditament għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta’ indipendenza, kompetenza u imparzjalità, bħall-istandards Ewropej relevanti tas-serje EN 45 000 u fuq il-valutazzjoni ta’ dossier preżentat mill-kandidati li jagħti prova adegwata tal-ħiliet tagħhom fil-qasam in kwistjoni.

2.   Bħala alternattiva għall-akkreditament previst fil-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jipprovdi li persuni jew entitajiet rikonoxxuti taħt id-Direttiva għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti jew minn entità maħtura mill-Istat Membru konċernat. Ir-rikonoxximent għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta’ indipendenza, kompetenza u imparzjalità. Madankollu, f’każijiet fejn il-kompetenza partikolari tkun estremament rara, għandha tiġi permessa eċċezzjoni għal din ir-regola wara li tingħata opinjoni pożittiva mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 32(2).

Il-kriterju ta’ indipendenza ma’ japplikax fil-każ tat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 23(5) u (6).

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura l-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ persuni u entitajiet li ġew akkreditati jew rikonoxxuti taħt din id-Direttiva.

Artikolu 21

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li tiġi mwaqqfa proċedura amministrattiva ta’ appell li tippermetti lil min jimpjega u lis-sewwieqa jitolbu reviżjoni ta’ deċiżjoni relatata ma’ kwalukwe applikazzjoni taħt din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw ir-reviżjoni ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet meħuda minn awtorità kompetenti.

Artikolu 22

Reġistri u skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu meħtieġa li:

(a)

jżommu reġistru, jew jiżguraw li jżommu reġistru tal-liċenzji kollha maħruġa, aġġornati, mġedda, skaduti, emendati, sospiżi, rtirati jew rappurtati mitlufa, misruqa jew meqruda. Dan ir-reġistru għandu jkollu fih data preskritta mit-Taqsima 4 ta’ l-Anness I għal kull liċenzja, li għandha tkun disponibbli bl-użu tan-numru nazzjonali mogħti lil kull sewwieq. Għandu jiġi aġġornat regolarment.

(b)

tipprovdi, fuq talba motivata, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra, lill-Aġenzija jew lil min jimpjega lis-sewwieqa, l-informazzjoni dawr l-istatus ta’ tali liċenzji.

2.   Kull impriża ferrovjarja u amministratur ta’ l-infrastruttura għandhom ikunu meħtieġa li:

(a)

jżommu reġistru, jew jiżguraw li jinżamm reġistru, taċ-ċertifikati kollha maħruġa, aġġornati, imġedda, emendati, skaduti, sospiżi, irtirati jew rappurtati mitlufa, misruqa jew meqruda. Dan ir-reġistru għandu jkollu fih id-data preskritta mit-Taqsima 4 ta’ l-Anness I ta’ kull ċertifikat, kif ukoll data relatata mal-kontrolli perjodiċi previsti fl-Artikolu 16. Għandu jiġi aġġornat regolarment.

(b)

jikkoperaw ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikunu domiċiljati sabiex jiskambjaw informazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti u jagħtuha aċċess għad-data meħtieġa;

(ċ)

jipprovdu informazzjoni dwar il-kontenut ta’ tali ċertifikati lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra fuq talba tagħhom, meta din tkun mitluba bħala konsegwenza ta’ l-attivitajiet transnazzjonali tagħhom.

3.   Is-sewwieqa tal-ferroviji għandhom ikollhom aċċess għad-data li tikkonċernahom li tkun miżmuma fir-reġistri ta’ l-awtoritajiet kompetenti u ta’ impriżi ferrovjarji u għandhom jiġu provduti b’kopja ta’ dik id-data fuq talba.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkoperaw ma’ l-Aġenzija sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tar-reġistri previsti fil-paragrafi 1 u 2.

Għal dan il-għan, sa l-4 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tadotta, abbażi ta’ abbozz preparat mill-Aġenzija, il-parametri bażiċi tar-reġistri li għandhom jiġu stabbiliti, bħad-data li għandha tiġi reġistrata, il-format tagħhom u l-protokoll dwar l-iskambju tad-data, id-drittijiet ta’ aċċess, it-tul ta’ żmien taż-żamma tad-data u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każijiet ta’ falliment. Dawn il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3).

5.   L-awtoritajiet kompetenti, l-amministraturi ta’ l-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandhom jiżguraw li r-reġistri previsti fil-paragrafi (1) u (2) u l-modi ta’ operazzjoni ta’ tali reġistri jkunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE.

6.   L-Aġenzija għandha tiżgura li s-sistema stabbilita taħt il-paragrafu 2(a) u (b), tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

KAPITOLU VI

TAĦRIĠ U EŻAMI TA’ SEWWIEQA

Artikolu 23

Taħriġ

1.   It-taħriġ tas-sewwieqa għandu jinkludi parti relatata mal-liċenzja u li tirrifletti l-konoxxenza professjonali ġenerali kif deskritt fl-Anness IV, u parti relatata maċ-ċertifikat u li tirrifletti l-konoxxenza professjonali speċifika, kif deskritt fl-Annessi V u VI.

2.   Il-metodu ta’ taħriġ għandu jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

3.   L-objettivi dettaljati tat-taħriġ huma ddefiniti fl-Anness IV għal-liċenzja, u fl-Annessi V u VI għaċ-ċertifikat. Dawn l-objettivi dettaljati ta’ taħriġ jistgħu jiġu supplimentati:

(a)

bit-TSIs relevanti adottati skond id-Direttiva 96/48/KE jew id-Direttiva 2001/16/KE. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn it-TSIs u l-Annessi IV, V u VI; jew,

(b)

bil-kriterji proposti mill-Aġenzija skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004. Dawn il-kriterji, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 32(3).

4.   Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/49/KE, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li s-sewwieqa kandidati jkollhom aċċess ekwu u non-diskriminatorju għat-taħriġ meħtieġ sabiex jissodisfaw il-kondizzjonijiet sabiex jiksbu l-liċenzja u ċ-ċertifikat.

5.   Il-kompiti ta’ taħriġ relatati mal-konoxxenza professjonali ġenerali kif previst fl-Artikolu 11(4) għandhom jitwettqu minn persuni jew entitajiet akkreditati jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 20. Il-kompiti ta’ taħriġ relatati mal-konoxxenza lingwistika kif previst fl-Artikolu 12 u mal-konoxxenza professjonali dwar it-tagħmir mobbli kif previst fl-Artikolu 13(1) għandhom jitwettqu minn persuni jew entitajiet akkreditati jew rikonoxxuti konformement ma’ l-Artikolu 20.

6.   Il-kompiti ta’ taħriġ relatati mal-konoxxenza ta’ l-infrastruttura kif previst fl-Artikolu 13(2), inkluża l-konoxxenza tar-rotot u tar-regoli u proċeduri operattivi, għandhom jitwettqu minn persuni jew entitajiet akkreditati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru fejn tinsab l-infrastruttura.

7.   Fir-rigward ta’ liċenzja, is-sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 2005/36/KE għandha tibqa’ tapplika għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ta’ sewwieqa li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru u akkwistaw iċ-ċertifikat ta’ taħriġ tagħhom f’pajjiż terz.

8.   Għandu jiġi stabbilit proċess ta’ taħriġ kontinwu sabiex jiġi żgurat li l-kompetenzi tal-persunal jinżammu, skond il-punt 2(e) ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2004/49/KE.

Artikolu 24

Spejjeż ta’ taħriġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-investimenti magħmulha minn impriża ferrovjarja jew minn amministratur ta’ infrastruttura għat-taħriġ ta’ sewwieq ma jkunux ta’ qligħ mhux dovut għal impriża ferrovjarja oħra jew għal amministratur ta’ infrastruttura ieħor, fil-każ li dak is-sewwieq jitlaq volontarjament l-impriża ferrovjarja jew l-amministratur ta’ l-infrastruttura ta’ l-ewwel biex imur ma’ l-impriża ferrovjarja jew ma’ l-amministratur ta’ infrastruttura ta’ l-aħħar.

2.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu fir-rapport previst fl-Artikolu 33, b’mod partikolari fir-rigward tal-punt (f) tiegħu.

Artikolu 25

Eżamijiet

1.   L-eżamijiet u l-eżaminaturi intiżi għall-finijiet ta’ kontroll tal-kwalifiki meħtieġa għandhom jiġu determinati:

(a)

għall-parti relatata mal-liċenzja: mill-awtorità kompetenti meta tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb liċenzja skond l-Artikolu 14(1).

(b)

għall-parti relatata maċ-ċertifikat: mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-infrastruttura meta jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jinkiseb ċertifikat skond l-Artikolu 15.

2.   L-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu sorveljati minn eżaminaturi kompetenti, akkreditati jew rikonoxxuti skond l-Artikolu 20; għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jiġi evitat kwalunkwe konflitt ta’ interesi.

3.   Il-valutazzjoni tal-konoxxenza ta’ l-infrastruttura, inkluża l-konoxxenza tar-rotot u tar-regoli ta’ operazzjoni, għandha ssir minn persuni jew entitajiet akkreditati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru fejn tinsab l-infrastruttura.

4.   L-eżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu organizzati b’tali mod li jiġi evitat kwalunkwe konflitt ta’ interessi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-eżaminatur jista’ jappartjeni għall-impriża ferrovjarja jew għall-amministratur ta’ l-infrastruttura li jagħtu ċ-ċertifikat.

5.   L-għażla ta’ l-eżaminaturi u ta’ l-eżamijiet tista’ tkun suġġetta għal kriterji Komunitarji stabbiliti fuq il-bażi ta’ abbozz preparat mill-Aġenzija. Dawn il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 32(4).

Fin-nuqqas ta’ dawn il-kriterji Komunitarji, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu kriterji nazzjonali.

6.   Għandhom isiru eżamijiet teoriċi u prattiċi fl-aħħar tal-kors ta’ taħriġ. Il-kapaċità ta’ sewqan għandha tiġi valutata f’testijiet ta’ sewqan fuq ir-retikolat. Jistgħu jintużaw ukoll simulaturi sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tar-regoli operattivi u l-prestazzjoni tas-sewwieq f’sitwazzjonijiet partikolarment diffiċli.

KAPITOLU VII

VALUTAZZJONI

Artikolu 26

Standards ta’ kwalità

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-attivitajiet kollha assoċjati mat-taħriġ, mal-valutazzjoni ta’ ħiliet u ma’ l-aġġornament ta’ liċenzji u ċertifikati jkunu suġġetti għal monitoraġġ kontinwu taħt sistema ta’ standards ta’ kwalità. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal attivitajiet diġà koperti mis-sistemi ta’ mmaniġġar ta’ sigurtà stabbiliti mill-impriżi ferrovjarji u mill-amministraturi ta’ l-infrastruttura skond id-Direttiva 2004/49/KE.

Artikolu 27

Valutazzjoni indipendenti

1.   Għandha ssir valutazzjoni indipendenti tal-proċeduri għall-akkwist u għall-valutazzjoni tal-konoxxenza u kompetenzi professjonali, u tas-sistema għall-ħruġ ta’ liċenzji u ċertifikati, f’kull Stat Membru f’intervall ta’ mhux aktar minn ħames snin. Dan ma għandux japplika għal attivitajiet diġà koperti mis-sistemi ta’ mmaniġġar ta’ sigurtà stabbiliti mill-impriżi ferrovjarji u mill-amministraturi ta’ l-infrastrutturi skond id-Direttiva 2004/49/KE. Il-valutazzjoni għandha ssir minn persuni kwalifikati li m’humiex involuti huma stess fl-attivitajiet konċernati.

2.   Ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijet indipendenti għandhom jiġu dokumentati kif dovut u komunikati lill-awtoritajiet kompetenti konċernati. Jekk jeħtieġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jirrimedjaw għal kwalunkwe nuqqas li jiġi skopert mill-valutazzjoni indipendenti.

IL-KAPITOLU VIII

MEMBRI OĦRA TA’ EKWIPAĠĠ

Artikolu 28

Rapport fuq membri oħra ta’ l-ekwipaġġ

1.   L-Aġenzija għandha tidentifika, f’rapport li għandu jiġi ppreżentat sa l-4 ta' Ġunju 2009, u filwaqt li tieħu kont tat-TSI dwar l-operat u l-immaniġġar tat-traffiku żviluppati taħt id-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE, il-profil u x-xogħol ta’ membri oħra ta’ l-ekwipaġġ li jwettqu xogħol kritiku għas-sikurezza u li l-kwalifiki professjonali tagħhom għaldaqstant jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-ferroviji li għandhom jiġu rregolati fil-livell Komunitarju permezz ta’ sistema ta’ liċenzji u/jew ċertifikati li tista’ tkun simili għas-sistema stabbilita b’din id-Direttiva.

2.   Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport il-Kummissjoni għandha sa l-4 ta' Ġunju 2010, tippreżenta rapport u, jekk ikun kunsiljabbli, tressaq proposta leġiżlattiva għal sistema ta’ ċertifikazzjoni għal membri oħra ta’ l-ekwipaġġ imsemmija fil-paragrafu 1.

KAPITOLU IX

KONTROLLI U SANZJONIJET

Artikolu 29

Kontrolli mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti tista’ fi kwalunkwe waqt tieħu passi sabiex tivverifika, fuq ferroviji li joperaw fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha, li s-sewwieq tal-ferrovija jkollu fil-pussess tiegħu id-dokumenti maħruġa skond din id-Direttiva.

2.   Minkejja l-verifika kif previst fil-paragrafu 1, f’każ ta’ negliġenza fuq il-post tax-xogħol l-awtorità kompetenti tista’ tivverifika jekk is-sewwieq in kwistjoni jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħmel stħarriġ dwar il-konformità ma’ din id-Direttiva minn sewwieqa, impriżi ferrovjarji, amministraturi ta’ infrastrutturi, eżaminaturi u ċentri ta’ taħriġ li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha.

4.   Jekk l-awtorità kompetenti ssib li sewwieq ma jibqax jissodisfax kondizzjoni waħda jew aktar minn dawk rekwiżiti, hija għandha tieħu l-miżuri li ġejjin:

(a)

jekk tikkonċerna liċenzja maħruġa mill-awtorità kompetenti: l-awtorità kompetenti għandha tissospendi l-liċenzja. Is-sospensjoni għandha tkun temporanja jew permanenti skond l-iskala tal-problemi maħluqa għas-sigurtà tal-ferrovija. Għandha immedjatament tinforma lis-sewwieq konċernat u lil min iħaddmu dwar id-deċiżjoni, li għandha tkun motivata, tagħha, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ reviżjoni previst fl-Artikolu 21. Għandha tindika l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb lura l-liċenzja;

(b)

jekk tikkonċerna liċenzja maħruġa minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tavviċina lil dik l-awtorità u tipprovdi talba motivata li ssir ispezzjoni ulterjuri jew li tiġi sospiża l-liċenzja. L-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn bit-talba tagħha. L-awtorità li ħarġet il-liċenzja in kwistjoni għandha tara li teżamina t-talba fi żmien erba’ ġimgħat u tinnotifika lill-awtorità l-oħra bid-deċiżjoni tagħha. L-awtorità li ħarġet il-liċenzja għandha tinnotifika wkoll lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra bid-deċiżjoni. Kwalunkwe awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi sewwieqa tal-ferroviji milli joperaw fit-territorju tagħha sakemm tasal in-notifika tad-deċiżjoni ta’ l-awtorità emittenti;

(ċ)

jekk tikkonċerna ċertifikat: l-awtorità kompetenti għandha tavviċina l-entità emittenti u titlob li ssir ispezzjoni ulterjuri jew li jiġi sospiż iċ-ċertifikat. L-entità emittenti għandha tieħu l-miżuri xierqa u tirrapporta lura lill-awtorità kompetenti fi żmien erba’ ġimgħat. L-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi sewwieqa tal-ferroviji milli joperaw fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni tagħha sa meta jasal ir-rapport ta’ l-entità emittenti, u għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra b’dan.

Fi kwalunkwe każ, jekk l-awtorità kompetenti tikkunsidra li sewwieq partikolari joħloq theddida serja għas-sigurtà tal-ferroviji, għandha tieħu l-azzjoni meħtieġa immedjatament, bħal titlob lill-amministratur ta’ l-infrastruttura sabiex iwaqqaf il-ferrovija u tipprojbixxi lis-sewwieq milli jaħdem fit-territorju tagħha sakemm ikun meħtieġ. Għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn bi kwalunkwe deċiżjoni bħal din.

Fil-każijiet kollha l-awtorità kompetenti, jew l-entità maħtura għal dan, għandha taġġorna r-reġistru previst fl-Artikolu 22.

5.   Jekk awtorità kompetenti tikkonsidra li deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor skond il-paragrafu 4 tonqos milli tikkonforma mal-kriterji relevanti, il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Kummissjoni li għandha tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien tliet xhur. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu proposti miżuri korrettivi lill-Istat Membru konċernat. F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim jew ta’ vertenza, il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 32(1), u l-Kummissjoni għandha tieħu dawk il-miżuri meħtieġa skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 32(2). Stat Membru jista’ jżomm fis-seħħ projbizzjoni kontra sewwieq milli jsuq fit-territorju tiegħu skond il-paragrafu 4 sakemm il-kwistjoni tiġi konkluża skond dan il-paragrafu.

Artikolu 30

Penali

Mingħajr preġudizzju għal penali jew proċeduri oħrajn stabbiliti bid-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, non-diskriminatorji u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk id-dispożizzjonijiet mhux aktar tard mid-data speċifikata fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 36(1) u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendament sussegwenti li jolqothom.

KAPITLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31

Adattament ta’ l-Annessi

1.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jiġu adattati l-Annessi għall-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tuża il-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 32(4).

2.   Meta l-adattamenti jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ta’ saħħa u sikurezza, jew il-kompetenzi professjonali, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-imsieħba soċjali jiġu konsultati qabel il-preparazzjoni tagħhom.

Artikolu 32

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 96/48/KE.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit mill-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1), (2), (4) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad -dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 33

Rapport

L-Aġenzija għandha tivvaluta l-iżvilupp taċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji skond din id-Direttiva. Hija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn erba’ snin minn wara l-adozzjoni tal-parametri bażiċi tar-reġistri, previsti fl-Artikolu 22(4), rapport li jkun fih, fejn opportun, it-titjib li għandu jsir fis-sistema fir-rigward:

(a)

tal-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji u taċ-ċertifikati,

(b)

ta’ l-akkreditament taċ-ċentri ta’ taħriġ u ta’ eżaminaturi,

(ċ)

tas-sistema ta’ kwalità stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti,

(d)

tar-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati,

(e)

ta’ l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta’ taħriġ speċifikati fl-Annessi IV, V u VI fir-rigward ta’ l-istruttura tas-suq u l-kategoriji msemmija fl-Artikolu 4(2)(a),

(f)

ta’ l-interkonnessjoni bejn ir-reġistri u tal-mobbiltà fis-suq tax-xogħol.

Barra minn hekk, f’dan ir-rapport l-Aġenzija tista’, jekk xieraq, tirrakkomanda miżuri fir-rigward ta’ l-eżami teoriku u prattiku tal-konoxxenza professjonali ta’ l-applikanti għaċ-ċertifikat armonizzat għal tagħmir mobbli u għall-infrastruttura relevanti.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa abbażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u għandha tipproponi, jekk meħtieġ, bidliet għal din id-Direttiva.

Artikolu 34

L-użu ta’ smartcards

Sa l-4 ta' Diċembru 2012, l-Aġenzija għandha teżamina l-possibbiltà li tintuża smartcard li tikkombina l-liċenzja u ċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 4 u għandha tipprepara analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla ma’ l-ispejjeż.

Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva u li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi għal tali smartcard, għandhom jiġi adottati fuq il-bażi ta’ abbozz preparat mill-Aġenzija u skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 32(3).

Jekk l-implimentazzjoni ta’ l-ismartcard ma tkunx tinvolvi ebda modifika għal din id-Direttiva jew għall-Annessi magħha, l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-ismartcard għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 32(2).

Artikolu 35

Kooperazzjoni

L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw tul din il-fażi ta’ implementazzjoni.

L-Aġenzija għandha tassisti din il-koperazzjoni u torganizza laqgħat xierqa mar-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 36

Implementazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-4 ta' Diċembru 2009. Huma għandhom minnufih jikkomunikawhom lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b’dan

3.   L-obbligi tat-traspożizzjoni u ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal Ċipru u għal Malta billi ma hemm l-ebda sistema ferrovjarja stabbilita fit-territorji tagħhom.

Artikolu 37

Dħul gradwali u perijodi ta’ tranżizzjoni

Din id-Direttiva għandha tiddaħħal b’mod gradwali kif indikat hawn taħt.

1.

Ir-reġistri previsti fl-Artikolu 22 għandhom jiġu stabbiliti fi żmien sentejn mill-adozzjoni tal-parametri bażiċi tar-reġistri previsti fl-Artikolu 22(4).

2.

(a)

Fi żmien sentejn mill-adozzjoni tal-parametri bażiċi tar-reġistri previsti fl-Artikolu 22(4), iċ-ċertifikati jew il-liċenzji għandhom jinħarġu skond din id-Direttiva lis-sewwieqa li jwettqu servizzi transkonfinali, servizzi ta’ kabotaġġ jew ta’ ġarr ta’ merkanzija fi Stat Membru ieħor, jew jaħdmu f’almenu żewġ Stati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3.

Minn dik l-istess data, is-sewwieqa kollha tal-ferroviji li jwettqu s-servizzi elenkati hawn fuq, inklużi dawk li għadhom mingħajr liċenzja jew ċertifikat skond din id-Direttiva, għandhom jikkonformaw mal-kontrolli perjodiċi kif previst fl-Artikolu 16.

(b)

Fi żmien sentejn mill-istabbiliment tar-reġistri previsti fil-punt 1, iċ-ċertifikati jew il-liċenzji ġodda kollha għandhom jinħarġu skond din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3.

(ċ)

Fi żmien seba’ snin mill-istabbiliment tar-reġistri previsti fil-punt 1, is-sewwieqa kollha għandhom ikollhom fil-pussess tagħhom liċenzji u ċertifikati konformement ma’ din id-Direttiva. L-entitajiet emittenti għandhom jieħdu kont tal-kompetenzi professjonali kollha diġà miksuba minn kull sewwieq b’tali mod li dan ir-rekwiżit ma joħloqx piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla ħtieġa. Id-drittijiet ta’ sewqan mogħtija qabel lil sewwieqa għandhom jiġu kemm jista’ jkun salvagwardati. L-entitajiet emittenti jistgħu madankollu jiddeċiedu, għal sewwieqa individwali jew gruppi ta’ sewwieqa, skond il-każ, li jkunu meħtieġa eżamijiet u/jew taħriġ addizzjonali sabiex jinkisbu liċenzji u/jew ċertifikati skond din id-Direttiva.

3.

Is-sewwieqa, awtorizzati skond id-dispożizzjonijiet li kienu japplikaw qabel l-applikazzjoni tal-punt 2(a) jew (b), jistgħu jkomplu bl-attivitajiet professjonali tagħhom abbażi tad-drittijiet tagħhom, u mingħajr l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Diretiva, sa seba’ snin mill-istabbiliment tar-reġistri previsti fil-punt 1.

Fil-każ ta’ apprendisti li bdew programm approvat ta’ edukazzjoni u taħriġ jew kors ta’ taħriġ approvat qabel l-applikazzjoni tal-punt 2(a) jew (b), l-Istati Membri jistgħu jiċċertifikaw lil dawn is-sewwieqa skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti.

Għas-sewwieqa u l-apprendisti msemmija f’dan il-punt, l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet involuti jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jagħtu eżenzjonijiet mir-rekwiżiti mediċi stabbiliti fl-Anness II. Il-validità ta’ kwalunkwe liċenzja maħruġa b’tali eżenzjoni għandha tkun limitata għat-territorju ta’ l-Istati Membri konċernati.

4.

L-awtoritajiet kompetenti, l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ infrastrutturi għandhom jiżguraw l-applikazzjoni gradwali ta’ kontrolli perjodiċi li jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 16 għal sewwieqa li m’għandhomx liċenzji u ċertifikati konformement ma’ din id-Direttiva.

5.

Fejn hekk ikun mitlub minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija, b’konsultazzjoni ma’ dak l-Istat Membru, sabiex tagħmel analiżi spejjeż-benefiċċji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal sewwieqa ta’ ferroviji li joperaw esklussivament fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. L-analiżi spejjeż-benefiċċji għandha tkopri perijodu ta’ 10 snin. Din l-analiżi spejjeż-benefiċċji għandha tiġi preżentata lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mill-istabbiliment tar-reġistri previsti fil-punt 1.

Jekk din l-analiżi spejjeż-benefiċċji turi li l-ispejjeż ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal tali sewwieqa jipprevalixxu fuq il-benefiċċji, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 32(2), tadotta deċiżjoni fi żmien 6 xhur mill-preżentazzjoni tar-riżultati ta’ din l-analiżi spejjeż-benefiċċji. Id-deċiżjoni tista’ tkun li d-dispożizzjonijiet tal-punt 2(b) u (ċ) ta’ dan l-Artikolu, ma jkollhomx jiġu applikati għal tali sewwieqa ta’ ferroviji għal perijodu sa għaxar snin fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

Mhux aktar tard minn 24 xahar qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu temporanju ta’ eżenzjoni, il-Kummissjoni, b’kont meħud ta’ l-iżviluppi relevanti fis-settur tal-ferroviji fl-Istat Membru konċernat, tista’, skond il-proċedura regolatorja stabbilita fl-Artikolu 32(2), titlob lill-Aġenzija sabiex tagħmel analiżi spejjeż-benefiċċji oħra, li tkun jkollha tiġi preżentata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu temporanju ta’ eżenzjoni. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond din il-proċedura deskritta fis-subparagrafu ta’ dan il-punt.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 39

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 23 ta' Ottubru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 64.

(2)  ĠU C 71, 22.3.2005, p. 26.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 (ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 464), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Settembru 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 42), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Settembru 2007 u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ tas-26 ta’ Settembru 2007.

(4)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(5)  ĠU L 237, 24.8.1991, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/103/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 344).

(6)  ĠU L 195, 27.7.2005, p. 18.

(7)  ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/32/KE (ĠU L 141, 2.6.2007, p. 63).

(8)  ĠU L 110, 20.4.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/32/KE.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(10)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(11)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/100/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 141).

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(13)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(14)  ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/49/KE.

(15)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.

(16)  ĠU L 199, 31.7.1985, p. 56.


ANNESS I

MUDELL KOMUNITARJU TAL-LIĊENZJA U Ċ-ĊERTIFIKAT KOMPLEMENTARI ARMONIZZAT

1.   KARATTERISTIĊI TAL-LIĊENZJA

Il-karatteristiċi fiżiċi tal-liċenzja tas-sewwieq tal-ferroviji għandhom ikunu konformi ma’ l-istandards 7810 u 7816-1 ta’ l-ISO.

Il-kartonċina għandha tkun tal-polikarbonat.

Il-metodi ta’ verifika tal-karatteristiċi tal-liċenzji tas-sewqan sabiex jiġi żgurat li jkunu skond l-istandards internazzjonali għandhom ikunu konformi ma’ l-istandard 10373 ta’ l-ISO.

2.   KONTENUT TAL-LIĊENZJA

Il-faċċata tal-liċenzja għandu jkollha:

(a)

il-kliem “Liċenzja ta’ sewwieq tal-ferroviji” stampati b’tipa kbira fil-lingwa jew lingwi ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja;

(b)

l-isem ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja;

(ċ)

il-marka li tiddistingwi l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja skond il-kodiċi 3166 ta’ l-ISO tal-pajjiż, stampata fin-negattiv f’rettangolu ikħal u mdawra minn 12-il kewkba safra;

(d)

l-informazzjoni speċifika għall-liċenzja maħruġa, innumerata kif ġej:

(i)

il-kunjom tad-detentur;

(ii)

isem/ismijiet oħra tad-detentur;

(iii)

id-data u l-post tat-twelid tad-detentur;

(iv)

id-data tal-ħruġ tal-liċenzja;

id-data ta’ l-iskadenza tal-liċenzja;

l-isem ta’ l-awtorità emittenti;

in-numru ta’ referenza assenjat lill-impjegat minn min iħaddmu (fakoltattiv);

(v)

in-numru tal-liċenzja li jagħti aċċess għad-data fir-reġistru nazzjonali;

(vi)

ritratt tad-detentur;

(vii)

il-firma tad-detentur;

(viii)

il-post permanenti tar-residenza jew l-indirizz postali tad-detentur (fakoltattiv);

(e)

il-kliem “Mudell tal-Komunitajiet Ewropej” fil-lingwa jew lingwi ta’ l-Istat Membru li qed joħroġ il-liċenza u l-kliem “Liċenza tas-sewqan tal-ferroviji” fil-lingwi l-oħra tal-Komunità, stampati bl-isfar sabiex jiffurmaw l-isfond tal-liċenza;

(f)

il-kuluri ta’ referenza:

ikħal: ikħal Pantone Reflex,

isfar: isfar Pantone;

(g)

informazzjoni addizzjonali, jew restrizzjonijiet mediċi għall-użu imposti minn awtorità kompetenti skond l-Anness II, f’forma ta’ kodiċi.

Il-kodiċi għandhom jiġu deċiżi mill-Kummissjoni, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 32(2) abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Aġenzija.

3.   ĊERTIFIKAT

Iċ-ċertifikat għandu jkollu:

(a)

il-kunjom tad-detentur;

(b)

isem/ismijiet oħra tad-detentur;

(ċ)

id-data u l-post tat-twelid tad-detentur;

(d)

id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat;

id-data ta’ l-iskadenza taċ-ċertifikat;

l-isem ta’ l-awtorità emittenti;

in-numru ta’ referenza assenjat lill-impjegat minn min iħaddmu (fakoltattiv);

(e)

in-numru tal-liċenzja li jagħti aċċess għad-data fir-reġistru nazzjonali;

(f)

ritratt tad-detentur;

(g)

il-firma tad-detentur;

(h)

il-post permanenti tar-residenza jew l-indirizz postali tad-detentur (fakoltattiv);

(i)

l-isem u l-indirizz ta’ l-impriża ferrovjarja jew ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura li għalihom is-sewwieq ikun awtorizzat li jsuq il-ferroviji;

(j)

il-kategorija li fiha s-sewwieq ikun intitolat li jsuq;

(k)

it-tip jew tipi ta’ tagħmir mobbli li d-detentur ikun awtorizzat li jsuq;

(l)

l-infrastruttura li fuqa d-detentur ikun awtorizzat li jsuq;

(m)

kwalunkwe informazzjoni jew restrizzjonijiet addizzjonali;

(n)

kompetenzi lingwistiċi.

4.   DATA MINIMA FIR-REĠISTRI NAZZJONALI

(a)

Data relatata mal-liċenzja:

Id-data kollha li tidher fuq il-liċenzja u d-data marbuta mar-rekwiżiti ta’ kontroll stabbiliti fl-Artikoli 11 u 16.

(b)

Data relatata maċ-ċertifikat:

Id-data kollha li tidher fuq iċ-ċertifikat u d-data marbuta mar-rekwiżiti ta’ kontroll stabbiliti fl-Artikoli 12, 13 u 16.


ANNESS II

REKWIŻITI MEDIĊI

1.   REKWIŻITI ĠENERALI

1.1.   Is-sewwieqa ma għandhom ikunu jbatu minn ebda kondizzjoni medika jew jieħdu ebda medikazzjoni, droga jew sustanza li aktarx jikkawżaw dawn li ġejjin:

li jintilfu f’daqqa minn sensihom;

tnaqqis fl-attenzjoni jew fil-konċentrazzjoni;

inkapaċità f’daqqa;

nuqqas ta’ bilanċ jew koordinazzjoni;

limitazzjoni sinifikattiva ta’ mobbiltà.

1.2.   Vista

Irid ikun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin fir-rigward tal-vista:

akutezza viżiva megħjuna jew mhix: 1,0; minimu ta’ 0,5 għall-agħar għajn;

lentijiet korrettivi massimi: ipermetropija +5/mijopija -8. Huma awtorizzati derogi f’każijiet eċċezzjonali u wara li tkun inkisbet opinjoni ta’ speċjalista ta’ l-għajnejn. Imbagħad it-tabib jieħu d-deċiżjoni;

vista viċina jew intermedja: suffiċjenti, kemm jekk megħjuna jew mhix;

contact lenses u nuċċalijiet huma awtorizzati meta jkunu kontrollati perjodikament minn speċjalista;

vista normali ta’ kuluri: l-użu ta’ test rikonoxxut, bħall-Ishihara, kif ukoll ta’ test ieħor rikonoxxut jekk meħtieġ;

kamp viżiv: sħiħ;

vista għaż-żewġ għajnejn; effikaċi; mhux meħtieġa meta persuna jkollha adattamenti adegwati u esperjenza ta’ kumpens suffiċjenti. Biss jekk ikun tilef il-vista binokulari wara li jkun beda l-impjieg;

vista binokulari: effikaċi;

jingħarfu s-sinjali bil-kulur: it-test għandu jkun ibbażat fuq il-konoxxenza ta’ kuluri waħedhom u mhux fuq differenzi relattivi;

sensittività għall-kuntrasti: tajba;

m’hemmx mard progressiv ta’ l-għajnejn;

implants ta’ lentijiet, keratotomiji u keratektomiji ikunu permessi biss bil-kondizzjoni li jiġu kontrollati fuq bażi annwali jew f’intervalli deċiżi mit-tabib;

kapaċità li l-għajnejn jifilħu għat-tgħammix;

contact lenses tal-kulur u lentijiet fotokromatiċi ma jkunux permessi. Il-lentijiet-filtru għall-UV ikunu permessi.

1.3.   Rekwiżiti għas-smigħ u għat-taħdit

Smigħ suffiċjenti konfermat minn awdjogramma, jiġifieri:

smigħ tajjeb suffiċjenti sabiex ikun hemm konverżazzjoni fuq it-telefon u sabiex ikunu jistgħu jinstemgħu ħsejjes ta’ twissija u messaġġi bir-radju.

Il-valuri li ġejjin għandhom jittieħdu bħala linji gwida:

in-nuqqas ta’ smigħ ma jridx ikun ogħla minn 40dB f’500 u 1 000 Hz;

in-nuqqas ta’ smigħ ma jridx ikun ogħla minn 45 dB f’2 000 Hz għall-widna bl-agħar konduzzjoni ta’ ħoss bl-arja;

l-ebda anomalija fis-sistema vestibolari;

l-ebda difett kroniku fit-taħdit (minħabba li jrid isir skambju ta’ messaġġi b’mod qawwi u ċar);

l-użu ta’ għajnuniet għas-smigħ ikun permess f’każijiet speċjali.

1.4.   Tqala

Fl-eventwalità ta’ tolleranza baxxa jew kondizzjoni patoloġika, it-tqala għandha titqies bħala raġuni għall-esklużjoni temporanja ta’ sewwieqa. Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet legali li jipproteġu sewwieqa fit-tqala.

2.   KONTENUT MINIMU TA’ L-EŻAMI QABEL IL-ĦATRA

2.1.   Eżamijiet mediċi:

eżami mediku ġenerali,

eżami tal-funzjonijiet sensorjali (vista, smigħ, perċezzjoni tal-kuluri),

testijiet tad-demm jew ta’ l-urina, li fost oħrajn jinkludu eżami għad-dijabete millitis, sa fejn ikunu meħtieġa sabiex wieħed jiġġudika l-kondizzjoni fiżika tal-kandidat,

Elettro-Kardjogramma (ECG) fuq il-persuna f’qagħda ta’ mistrieħ,

testijiet għal sustanzi psikotropiċi bħal drogi illeċiti jew medikazzjonijiet psikotropiċi u l-abbuż ta’ l-alkoħol li jpoġġi fid-dubbju l-idoneità fiżika għall-impjieg,

konoxxitivi: attenzjoni u konċentrazzjoni; memorja; perċezzjoni; raġunament,

komunikazzjoni,

psikomotorju: ħeffa ta’ reazzjoni, koordinazzjoni ta’ l-idejn.

2.2.   Eżamijiet psikoloġiċi marbuta ma’ l-impjieg

L-iskop ta’ l-eżamijiet psikoloġiċi marbuta ma’ l-impjieg huwa li jgħin fil-ħatra u fil-ġestjoni tal-persunal. Fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-valutazzjoni psikoloġika, l-eżami jrid jivvaluta kemm is-sewwieq applikant ma jkollux nuqqasijiet psikoloġiċi stabbiliti marbuta ma’ l-impjieg, partikolarment fil-kompetenzi operattivi jew fi kwalunkwe fattur relevanti ta’ personalità, li aktarx ifixkluh fil-qadi mingħajr periklu tad-dmirijiet.

3.   EŻAMIJIET PERJODIĊI WARA L-ĦATRA

3.1.   Frekwenza

L-eżamijiet mediċi (idoneità fiżika) għandhom isiru mill-inqas kull tliet snin sa l-età ta’ 55, u wara dan kull sena.

Addizzjonalment għal din il-frekwenza, it-tabib akkreditat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 20 għandu jżid il-frekwenza ta’ l-eżamijiet jekk is-saħħa tal-membru tal-persunal hekk teħtieġ.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1) għandu jsir eżami mediku adegwat meta jkun hemm raġuni għaliex wieħed jiddubita li d-detentur tal-liċenzja jew taċ-ċertifikat ma jkunx għadu jista’ jissodisfa r-rekwiżiti mediċi stabbiliti fit-Taqsima I ta’ l-Anness II.

Il-kondizzjoni fiżika għandha tiġi kontrollata regolarment u wara kwalunkwe inċident fuq ix-xogħol jew kwalunkwe perijodu ta’ assenza wara inċident li jkun jinvolvi persuni. It-tabib akkreditat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 20 jista’ jiddeċiedi li jagħmel eżami mediku xieraq addizzjonali, partikolarment wara perijodu ta’ 30 ġurnata ta’ assenza minħabba mard. Min jimpjega għandu jitlob lit-tabib akkreditat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 20 jikkontrolla l-kondizzjoni fiżika tas-sewwieq jekk min jimpjega kellu jirtira lis-sewwieq mis-servizz minħabba raġunijiet ta’ sikurezza.

3.2.   Kontenut minimu ta’ l-eżami mediku perjodiku

Jekk is-sewwieq jikkonforma mal-kriterji meħtieġa għall-eżami ta’ qabel l-impjieg, l-eżamijiet perjodiċi għandhom jinkludu bħala minimu:

eżami mediku ġenerali,

eżami tal-funzjonijiet sensorjali (vista, smigħ, perċezzjoni tal-kuluri),

testijiet tad-demm jew ta’ l-urina għall-iskoperta ta’ dijabete mellitus u ta’ kondizzjonijiet oħrajn kif indikat mill-eżami kliniku,

testijiet għal sustanzi mediċinali fejn ikun klinikament indikat.

Barra minn hekk, huwa meħtieġ ECG fuq il-persuna f’qagħda ta’ mistrieħ għal sewwieqa ta’ aktar minn 40 sena.


ANNESS III

METODU TA’ TAĦRIĠ

Għandu jkun hemm bilanċ tajjeb bejn it-taħriġ teoriku (fil-klassi u fid-dimostrazzjonijiet) u t-taħriġ prattiku (esperjenza fuq ix-xogħol, sewqan taħt superviżjoni u sewqan mingħajr superviżjoni fuq linji li jkunu magħluqin għall-finijiet ta’ taħriġ).

It-taħriġ bl-għajnuna tal-kompjuter huwa aċċettat għal tagħlim individwali tar-regoli operattivi, tas-senjaletika, eċċ.

L-użu ta’ simulaturi, għalkemm mhux obbligatorju, jista’ jkun utli għat-taħriġ effikaċi tas-sewwieqa; dawn huma partikolarment utli għal taħriġ f’kondizzjonijiet ta’ xogħol mhux normali jew għal regoli li huma applikati rarament. Għandhom vantaġġ partikolari fil-kapaċità tagħhom li jipprovdu l-kapaċità sabiex persuna titgħallimhom bil-prattika għal avvenimenti li għalihom ma jkunx jista’ jingħata taħriġ fid-dinja reali. Fil-prinċipju, għandhom jiġu użati simulaturi ta’ l-aħħar ġenerazzjoni.

Rigward il-kisba tal-konoxxenza tar-rotot, l-approċċ preferut huwa li sewwieq tal-ferroviji jakkumpanja sewwieq ieħor għal numru adegwat ta’ vjaġġi fuq ir-rotta, matul il-jum kif ukoll bil-lejl. Fost metodi oħrajn, bħala alternattiva ta’ metodu ta’ taħriġ, jistgħu jintużaw videos tar-rotot kif jidhru mill-kabina tas-sewwieq.


ANNESS IV

KONOXXENZA PROFESSJONALI ĠENERALI U REKWIŻITI DWAR IL-LIĊENZJA

It-taħriġ ġenerali għandu l-objettivi li ġejjin:

il-kisba tal-konoxxenza, inkluża dik tal-proċeduri, fir-rigward tat-teknoloġiji tal-ferroviji, inklużi l-prinċipji ta’ sigurtà u l-filosofija wara r-regoli operattivi,

il-kisba tal-konoxxenza, inkluża dik tal-proċeduri, fir-rigward tar-riskji marbuta ma’ l-operazzjoni tal-ferroviji u l-modi varji li għandhom jintużaw kontrihom,

il-kisba tal-konoxxenza, inkluża dik tal-proċeduri, fir-rigward tal-prinċipji li jiggwidaw modalità operattiva jew aktar tal-ferroviji,

il-kisba tal-konoxxenza, inkluża dik tal-proċeduri, fir-rigward tal-ferroviji, kif inhuma magħmulin u r-rekwiżiti tekniċi fuq unitajiet ta’ lokomozzjoni, vaguni, coaches u tagħmir mobbli ieħor.

Partikolarment, is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jifhmu r-rekwiżiti speċifiċi sabiex jaħdmu fil-professjoni ta’ sewwieqa, l-importanza tagħha, u l-esiġenzi professjonali u personali tagħha (perijodi twal ta’ xogħol, nuqqas mid-dar, eċċ.).

japplikaw ir-regoli ta’ sigurtà tal-persunal,

jidentifikaw it-tagħmir mobbli,

jafu u japplikaw metodu ta’ ħidma b’mod preċiż,

jidentifikaw id-dokumenti ta’ referenza u ta’ applikazzjoni (il-manwal tal-proċeduri u l-manwal tal-linji kif definiti fl-“Operazzjonijiet” tat-TSI, il-manwal tas-sewwieq, il-manwal f’każ ta’ ħsara, eċċ.),

jitgħallmu jġibu irwieħhom b’mod kompatibbli ma’ responsabbiltajiet essenzjali għas-sigurtà,

jidentifikaw il-proċeduri applikabbli f’każ ta’ inċidenti li jinvolvu persuni,

jiddistingwu l-perikli involuti fl-operazzjonijiet tal-ferroviji in ġenerali,

jafu l-prinċipji li jirregolaw is-sigurtà tat-traffiku,

japplikaw il-prinċipji bażiċi ta’ l-elettroteknoloġija.


ANNESS V

KONOXXENZA PROFESSJONALI TA’ TAGĦMIR MOBBLI U REKWIŻITI DWAR IĊ-ĊERTIFIKAT

Wara li jlestu minn taħriġ speċifiku relattivament għal tagħmir mobbli, is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti li ġejjin.

1.   TESTIJIET U KONTROLLI QABEL IT-TLUQ

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jiġbru d-dokumentazzjoni u t-tagħmir meħtieġ,

jikkontrollaw il-kapaċitajiet ta’ l-unità lokomotiva,

jikkontrollaw l-informazzjoni mdaħħla fid-dokumenti abbord l-unità tal-ġbid,

jiżguraw, billi jwettqu l-kontrolli u t-testijiet speċifikati, li l-unità lokomotiva tkun kapaċi tipprovdi l-qawwa lokomotiva meħtieġa, u li t-tagħmir tas-sigurtà jaħdem,

jikkontrollaw id-disponibbiltà u l-funzjonalità tat-tagħmir ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà preskritti fil-ħin tal-konsenja ta’ lokomotiva jew fil-bidu ta’ vjaġġ,

iwettqu kwalunkwe operazzjoni ta’ rutina ta’ manutenzjoni preventiva.

2.   KONOXXENZA TAT-TAGĦMIR MOBBLI

Sabiex joperaw lokomotiva, is-sewwieqa għandhom ikunu familjari mal-kontrolli u l-indikaturi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw:

il-lokomozzjoni,

l-ibbrejkjar,

l-elementi marbuta mas-sigurtà tat-traffiku.

Sabiex jinstabu u jiġu identifikati anomaliji fit-tagħmir mobbli, sabiex dawn jiġu rappurtati u jiġi determinat x’inhu meħtieġ sabiex jissewwew, u f’ċerti każijiet, sabiex tittieħed azzjoni, is-sewwieqa għandhom ikunu familjari ma’:

l-istrutturi mekkaniċi,

it-tagħmir ta’ sospensjoni u ta’ rbit,

it-tagħmir tar-roti,

it-tagħmir ta’ sigurtà,

it-tankijiet tal-karburant, is-sistema ta’ l-alimentazzjoni tal-karburant, it-tagħmir ta’ l-egżost,

it-tifsira tal-marki fuq ġewwa u fuq barra tat-tagħmir mobbli, b’mod partikolari s-simboli użati għat-trasport ta’ merkanzija perikoluża,

is-sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-vjaġġ,

is-sistemi elettriċi u pnewmatiċi,

is-sistemi tal-kurrent u ta’ tensjoni għolja,

it-tagħmir ta’ komunikazzjoni (bejn stazzjonijiet fissi u l-ferrovija, eċċ.),

arranġamenti ta’ vjaġġi,

il-partijiet kostitwenti tat-tagħmir mobbli, l-iskop tagħhom, u l-apparat speċifiku tal-materjal miġbud, b’mod partikolari s-sistema sabiex twaqqaf il-ferrovija permezz tal-ftuħ tal-pajp tal-brejkijiet,

is-sistema ta’ l-ibbrejkjar,

il-partijiet speċifiċi għall-unitajiet lokomotivi,

il-katina lokomotiva, il-muturi u t-trasmissjoni.

3.   IL-KONTROLLI TAL-BREJKIJIET

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jikkontrollaw u jikkalkolaw, qabel it-tluq, li l-qawwa tal-brejk tal-ferrovija tikkorrispondi għall-qawwa tal-brejk meħtieġa għal-linja, kif speċifikat fid-dokumenti tal-vettura,

jikkontrollaw il-funzjonament tal-komponenti varji tas-sistema tal-brejkijiet ta’ l-unità lokomotiva u tal-ferrovija, skond il-każ, qabel it-tluq, meta tiġi startjata l-ferrovija u waqt is-sewqan.

4.   MOD OPERATTIV U VELOĊITÀ MASSIMA TAL-FERROVIJA FIR-RIGWARD TAL-KARATTERISTIĊI TAL-LINJA

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jieħdu nota ta’ l-informazzjoni li tingħatalhom qabel it-tluq,

jiddeterminaw il-mod ta’ l-operazzjoni u l-limitu ta’ veloċità tal-ferrovija abbażi tal-varjabili bħal-limiti ta’ veloċità, kondizzjonijiet tat-temp jew bidliet fis-senjaletika.

5.   IS-SEWQAN TAL-FERROVIJA B’MOD LI MA JAGĦMILX ĦSARA LILL-INSTALLAZZJONIJIET U LILL-VETTURI

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jużaw is-sistemi ta’ kontroll kollha disponibbli skond ir-regoli applikabbli,

jistartjaw il-ferrovija b’kont meħud tar-rabtiet ta’ aderenza u qawwa,

jużaw il-brejkijiet sabiex inaqqsu l-veloċità u jieqfu, b’kont meħud tat-tagħmir mobbli u l-installazzjonijiet.

6.   ANOMALIJI

Is-sewwieqa għandhom:

ikunu kapaċi li jkunu attenti għal okkorrenzi mhux normali fl-atteġġjament tal-ferrovija,

ikunu kapaċi li jispezzjonaw il-ferrovija u jidentifikaw sinjali ta’ anomaliji, jiddistingwu bejniethom, jirreaġixxu skond l-importanza relattiva tagħhom u jippruvaw jirrimedjawhom, filwaqt li jagħtu dejjem prijorità lis-sigurtà tat-traffiku tal-ferroviji u tal-persuni,

jkunu jafu l-mezzi disponibbli ta’ protezzjoni u komunikazzjoni.

7.   IMPREVISTI U INĊIDENTI OPERATTIVI, NIRIEN U INĊIDENTI LI JINVOLVU PERSUNI

Is-sewwieqa għandhom:

ikunu kapaċi li jieħdu passi sabiex jipproteġu u jsejħu għall-għajnuna f’każ ta’ inċident li jinvolvi persuni fuq il-ferrovija,

ikunu kapaċi li jiddeterminaw jekk il-ferrovija tkunx qiegħda ġġorr merkanzija perikoluża u jidentifikawha abbażi tad-dokumenti tal-ferrovija u l-listi tal-vaguni,

jkunu jafu il-proċeduri marbuta ma’ l-evakwazzjoni ta’ ferrovija f’każ ta’ emerġenza.

8.   KONDIZZJONIJIET SABIEX JITKOMPLA L-VJAĠĠ WARA INĊIDENT LI JINVOLVI T-TAGĦMIR MOBBLI

Wara inċident, is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jivvalutaw jekk il-vettura tistax tkompli ssuq u taħt liema kondizzjonijiet, sabiex jinfurmaw lill-amministratur ta’ l-infrastruttura b’dawk il-kondizzjonijiet kemm jista’ jkun malajr.

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw jekk hix meħtieġa valutazzjoni ta’ espert qabel ma l-ferrovija tkompli l-vjaġġ.

9.   IMMOBBILIZZAZZJONI TAL-FERROVIJA

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-ferrovija, jew partijiet minnha, ma tistartjax jew ma tiċċaqlaqx għall-għarrieda, anki fl-aktar kondizzjonijiet diffiċli.

Barra minn hekk, is-sewwieqa għandhom ikollhom konoxxenza tal-miżuri li jistgħu jwaqqfu l-ferrovija jew partijiet minnha f’każ li din tistartja jew tiċċaqlaq għall-għarrieda.


ANNESS VI

KONOXXENZA PROFESSJONALI TA’ L-INFRASTRUTTURA U REKWIŻITI DWAR IĊ-ĊERTIFIKAT

Kwistjonijiet relatati ma’ l-infrastruttura

1.   L-ITTESTJAR TAL-BREJKIJIET

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jikkontrollaw u jikkalkolaw, qabel it-tluq, li l-qawwa tal-brejk tal-ferrovija tikkorrispondi għall-qawwa tal-brejk meħtieġa għal-linja, kif speċifikat fid-dokumenti tal-vettura.

2.   TIP TA’ OPERAZZJONI U VELOĊITÀ MASSIMA TAL-FERROVIJA SKOND IL-KARATTERISTIĊI TAL-LINJA

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jieħdu nota ta’ l-informazzjoni li tingħatalhom, bħal-limiti ta’ veloċità u kwalunkwe bidla fis-senjaletika,

jiddeterminaw il-mod ta’ l-operazzjoni u l-limitu ta’ veloċità tal-ferrovija abbażi tal-karatteristiċi tal-linja.

3.   KONOXXENZA TAL-LINJA

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jantiċipaw problemi u jirreaġixxu b’mod adegwat f’termini ta’ sigurtà u prestazzjonijiet oħrajn, bħall-puntwalità u l-aspetti ekonomiċi. Għalhekk għandhom ikollhom konoxxenza tajba tal-linji tal-ferrovija u ta’ l-installazzjonijiet fuq ir-rotta tagħhom u ta’ kwalunkwe rotta alternattiva miftiehma.

L-aspetti li ġejjin huma importanti:

il-kondizzjonijiet operattivi (bdil tal-linji, sewqan unidirezzjonali, eċċ.),

isir kontroll tar-rotta u jiġu kkonsultati d-dokumenti relevanti,

l-identifikazzjoni tal-linji li jistgħu jintużaw għal ċertu tip ta’ ċirkolazzjoni,

ir-regoli applikabbli tat-traffiku u t-tifsira tas-sistema tas-senjaletika.

ir-reġim ta’ l-operazzjonijiet,

is-sistema ta’ blokk u r-regolamenti marbuta magħha,

l-ismijiet ta’ l-istazzjonijiet u l-pożizzjoni u l-avvistament mill-bogħod ta’ stazzjonijiet u kaxxi tas-senjaletika sabiex jirregolaw is-sewqan skond il-ħtieġa,

is-senjaletika ta’ transizzjoni bejn sistemi operattivi jew ta’ provvista ta’ enerġija differenti,

il-limiti ta’ veloċità għall-kategoriji differenti ta’ ferroviji misjuqa,

il-profili topografiċi,

il-kondizzjonijiet partikolari għall-ibbrejkjar, per eżempju fuq linji b’niżla qawwija,

il-karatteristiċi operattivi partikolari: senjaletika speċjali, sinjali, kondizzjonijiet tat-tluq, eċċ.

4.   REGOLAMENTI TAS-SIGURTÀ

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jistartjaw il-ferrovija biss meta l-kondizzjonijiet preskritti kollha jkunu sodisfatti (l-iskeda ta’ ħin, l-ordni jew is-sinjal tat-tluq, l-operazzjoni tas-senjaletika jekk ikun meħtieġ, eċċ.),

jimxu mas-senjaletika, mal-ġenb tal-linja u fil-kabina, jinterpretawha immedjatament u mingħajr żball, u jaġixxu magħha,

imexxu l-ferrovija b’mod mingħajr periklu skond il-modi speċifiċi ta’ operazzjoni: japplikaw modi speċjali jekk jingħadilhom, restrizzjonijiet temporanji ta’ veloċità, jimxu fid-direzzjoni opposta, permess sabiex ma jiġux segwiti sinjali f’każ ta’ periklu, jaqilbu operazzjonijiet, tidwir, jimxu ġewwa siti ta’ bini, eċċ.,

jirrispettaw waqfiet skedati jew supplimenatri, u jekk jeħtieġ jagħmlu operazzjonijiet supplimentari għall-passiġġieri waqt dawn il-waqfiet, l-aktar jiftħu u jagħlqu l-bibien.

5.   IS-SEWQAN TAL-FERROVIJA

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi li:

jkunu jafu l-ħin kollu l-pożizzjoni tal-ferrovija fuq il-linja,

jużaw il-brejkijiet sabiex inaqqsu l-veloċità u jieqfu, b’kont meħud tat-tagħmir mobbli u l-installazzjonijiet,

jirregolaw il-mixi tal-ferrovija skond il-programm tal-ħin u kwalunkwe ordni mogħti sabiex tiġi ffrankata l-enerġija, b’kont meħud tal-karatteristiċi ta’ l-unità tal-ġbid, il-ferrovija, il-linja u l-ambjent.

6.   ANOMALIJI

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jkunu attenti, sakemm tippermetti l-ħidma tal-ferrovija, għal okkorrenzi mhux normali fir-rigward ta’ l-infrastruttura u l-ambjent: senjaletika, linji, provvista ta’ l-enerġija, qsim min-naħa għall-oħra, l-inħawi tal-linja, traffiku ieħor,

jkunu jafu d-distanzi partikolari sabiex jevitaw ostakli,

jinfurmaw malajr kemm jista’ jkun lill-amministratur ta’ l-infrastruttura bil-post u n-natura ta’ l-anomaliji osservati, filwaqt li jiżguraw li l-informazzjoni nftiehmet,

b’kont meħud ta’ l-infrastruttura, jiżguraw jew jieħdu miżuri sabiex jiżguraw, meta meħtieġ, is-sigurtà tat-traffiku u l-persuni.

7.   IMPREVISTI U INĊIDENTI OPERATTIVI, NIRIEN U INĊIDENTI LI JINVOLVU PERSUNI

Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi:

jieħdu passi sabiex jipproteġu u jsejħu għall-għajnuna f’każ ta’ inċident li jinvolvi persuni,

jiddeċiedu dwar fejn iwaqqfu l-ferrovija f’każ ta’ nar u jiffaċilitaw, jekk tkun meħtieġa, l-evakwazzjoni tal-passiġġieri,

jipprovdu malajr kemm jista’ jkun informazzjoni utli dwar in-nar jekk dan ma jistax jiġi kkontrollat mis-sewwieq waħdu,

jinfurmaw lill-amministratur ta’ l-infrastruttura malajr kemm jista’ jkun b’dawn il-kondizzjonijiet,

jivvalutaw jekk l-infrastruttura tippermettix lill-vettura tkompli timxi u taħt liema kondizzjonijiet.

8.   TESTIJIET TAL-LINGWA

Is-sewwieqa li jridu jikkomunikaw ma’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura dwar kwistjonijiet essenzjali ta’ sigurtà għandhom ikollhom kompetenzi lingwistiċi fil-lingwa indikata mill-amministratur ta’ l-infrastruttura kkonċernat. Il-kompetenzi lingwistiċi tagħhom għandhom ikunu tali li jistgħu jikkomunikaw attivament u effettivament f’sitwazzjonijiet ta’ rutina, avversi u ta’ emerġenza.

Għandhom jkunu kapaċi jużaw il-messaġġi u l-metodu ta’ komunikazzjoni speċifikat fl-“Operazzjonijiet” tat-TSI. Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw fil-livell 3 tat-tabella li ġejja:

Livell tal-Lingwa u tal-Komunikazzjoni

Il-kwalifika orali f’lingwa tista’ tiġi suddiviża f’ħames livelli:

Livell

Deskrizzjoni

5

kapaċi tadatta meta titkellem ma’ kwalunkwe interlokutur

kapaċi tagħti opinjoni

kapaċi tinnegozja

kapaċi tipperswadi

kapaċi tagħti parir

4

kapaċi taffronta sitwazzjonijiet totalment imprevisti

kapaċi tassumi

kapaċi tesprimi opinjoni argumentata

3

kapaċi taffronta sitwazzjonijiet prattiċi li jinvolvu element imprevist

kapaċi tiddeskrivi

kapaċi tkompli konversazzjoni sempliċi

2

kapaċi taffronta sitwazzjonijiet sempliċi prattiċi

kapaċi ssaqsi

kapaċi twieġeb għall-mistoqsijiet

1

kapaċi titkellem bl-użu ta’ sentenzi memorizzati


ANNESS VII

FREKWENZA TA’ L-EŻAMIJIET

Il-frekwenza minima tal-kontrolli perjodiċi għandha tkun kif ġejja:

(a)

konoxxenza lingwistika (għal min ma jkunx imwieled fil-pajjiż konċernat): kull tliet snin jew wara kwalunkwe assenza ta’ aktar minn sena;

(b)

konoxxenza ta’ l-infrastruttura (inkluża l-konoxxenza tar-rotot u r-regoli operattivi): kull tliet snin jew wara kwalunkwe assenza mir-rotta relevanti ta’ aktar minn sena;

(ċ)

konoxxenza tat-tagħmir mobbli: kull tliet snin.


Top