Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2011_250_R_0162_01

    2011/580/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta’ Mejju 2011 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009

    ĠU L 250, 27.9.2011, p. 162–165 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 250/162


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2011

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009

    (2011/580/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0146/2011),

    1.

    Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2009;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Jerzy BUZEK

    Is-Segretarju Ġenerali

    Klaus WELLE


    (1)  ĠU C 338, 14.12.2010, p. 108.

    (2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2011

    li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jistabbilixxi Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0146/2011),

    A.

    billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2009 huma affidabbli, u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

    B.

    billi fil-5 ta’ Mejju 2010, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2008 (5), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, inter alia:

    osserva li għat-tielet sena konsekuttiva, il-Qorti tal-Awdituri nnutat approprjazzjonijiet trasferiti għas-sena li jmiss (jiġifieri 23 % tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-2008 ġew trasferiti għas-sena 2009, 16 % tal-baġit tal-2007 ġie ttrasferit għas-sena finanzjarja 2008, 20 % tal-baġit tal-2006 ġie ttrasferit għas-sena finanzjarja 2007),

    innota li 20 minn 25 rakkomandazzjoni (80 %) li saru mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u l-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC) ġew implimentati,

    innota li t-tieni stħarriġ dwar l-istaff tnieda f’Ottubru 2008 bl-għan li jivvaluta l-ambjent tax-xogħol tal-Awtorità,

    C.

    billi l-baġit tal-Aġenzija għall-2009 kien ta’ EUR 71 400 000, li jfisser żieda ta’ 7,5 % fuq is-sena finanzjarja 2008,

    Prestazzjoni

    1.

    Jinnota li l-baġit 2009 tal-Aġenzija kien jammonta għal EUR 71 400 000, meta mqabbel ma’ EUR 66 400 000 fis-sena ta’ qabel;

    2.

    Jenfasizza li matul il-proċedura baġitarja 2009 riserva komplessiva ta’ EUR 4 546 000 ġiet introdotta mill-awtorità baġitarja fil-baġit tal-Awtorità; jilqa’ l-fatt li EUR 2 000 000 tar-riserva ġew rilaxxati f’Novembru 2009 biex jiġu implimentati l-proġetti tal-iżvilupp tal-IT u l-infrastruttura tal-Awtorità billi kienet ipprovdiet lill-kumitat rispettiv ir-riżultati tal-istħarriġ tal-opinjoni tal-persunal, li kienet il-kundizzjoni sabiex tiġi rilaxxata r-riserva;

    3.

    Jinnota wkoll li l-parti l-oħra tar-riserva ġiet allokata għall-istess qasam ta’ politika sabiex tikkontribwixxi għal miżuri xierqa ta’ reazzjoni kontra l-pandemika tal-H1N1; huwa konxju mill-fatt li l-Awtorità ma talbitx dawn il-fondi għal proċeduri ta’ reklutaġġ peress li dawn ġew posposti għall-2010;

    4.

    Jifraħ lill-Awtorità talli stabiliet, f’tabella mehmuża mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri tal-2009, tqabbil ċar ta’ operazzjonijiet imwettqa matul is-snin 2008 u 2009 bil-għan li l-awtorità ta’ kwittanza tkun tista’ tivvaluta r-rendiment tagħha b’mod aktar effikaċi minn sena għall-oħra; jilqa’ l-fatt li l-Awtorità żiedet in-numru ta’ dokumenti tematiċi u ta’ informazzjoni dwar il-politika tagħha;

    5.

    Josserva li l-Awtorità introduċiet approprjazzjonijiet differenzjati għal għotjiet għax-xjenza u proġetti ta’ kooperazzjoni xjentifika fl-2009 li wasslu sabiex jiġu kkanċellati EUR 6 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ ħlasijiet; jagħti parir lill-Awtorità sabiex issaħħaħ l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-proċessi baġitarji relatati ma’ approprjazzjonijiet differenzjati;

    6.

    Jenfasizza l-bżonn li l-Awtorità tiżgura li lpariri tagħha jkunu ta’ kwalità għolja u indipendenti, sabiex tiggarantixxi konformità mal-istandards ta’ sikurezza tal-Unjoni, eċċellenza xjentifika u indipendenza fil-kwistjonijiet kollha li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq l-ikel u s-sikurezza tal-għalf u l-protezzjoni tal-pjanti; jirrakkomanda, partikolarment għall-raġunijiet ta’ trasparenza, miżuri li jkomplu jseddqu u jissorveljaw ir-regoli interni dwar id-dikjarazzjoni tal-interessi tal-persunal tal-Awtorità u tal-esperti li jaħdmu magħha;

    7.

    Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri twettaq awditjar tal-prestazzjoni tal-Awtorità;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    8.

    Jitlob lill-Awtorità ssaħħaħ il-proċessi baġitarji relatati mal-approprjazzjonijiet differenzjati tagħha u l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni multiannwali tagħhom. jinnota, fil-fatt, li l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li EUR 6 000 000 (75 %) tal-approprjazzjonijiet differenzjati għal għotjiet għax-xjenza u għall-proġetti ta’ kooperazzjoni xjentifika kellhom jiġu kkanċellati, u li minn dawn EUR 3 100 000 kienu fondi allokati b’eċċess tal-bżonnijiet identifikati mill-Awtorità; jilqa’, madankollu, l-intenzjoni tal-Awtorità li tieħu miżuri bbażati fuq l-esperjenza tagħha għas-sena 2009, l-ewwel sena fejn ġie introdott il-kunċett ta’ approprjazzonijiet differenzjati għall-proġetti ta’ kooperazzjoni xjentifika;

    9.

    Iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Awtorità biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha sabiex tnaqqas l-ammonti għoljin ittrasferiti tagħha; jenfasizza, fil-fatt, li għar-rabà sena konsekuttiva, il-Qorti tal-Awdituri nnutat approprjazzjonijiet trasferiti għas-sena li jmiss (13 % tal-baġit tal-2009 ġie ttrasferit għas-sena 2010, 23 % tal-baġit tal-2008 ġie ttrasferiti għas-sena 2009, 16 % tal-baġit tal-2007 ġie ttrasferiti għas-sena 2008 u 20 % tal-baġit tas-sena 2006 ġie ttrasferiti għas-sena 2007); jinnota, b’mod partikolari, li din is-sitwazzjoni turi nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-kuntratti u fil-monitoraġġ tal-preżentazzjoni tar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-infiq min-naħa tal-Awtorità;

    10.

    Jiddispjaċih li, għat-tielet sena konsekuttiva, il-Qorti tal-Awdituri nnotat li l-impenji għall-attivitajiet operattivi trasferiti mis-sena ta’ qabel kellhom jiġu kkanċellati (19 % tal-impenji għall-attivitajiet operattivi ġew ittrasferiti mis-sena 2008, 37 % tal-impenji għall-attivitajiet operattivi ġew ittrasferiti mis-sena 2007 u 26 % tal-impenji għall-attivitajiet operattivi ġew ittrasferiti mis-sena 2006); iħeġġeġ lill-Awtorità tbiddel din is-sitwazzjoni u tinforma lill-Qorti tal-Awdituri bil-miżuri li ttieħdu;

    11.

    Jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Awdituri rrapportat diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-2009; jitlob, għaldaqstant, lill-Awtorità tieħu l-miżuri neċessarji biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet;

    Verifika interna

    12.

    Jirrikonoxxi li l-Awtorità bagħtet lill-awtorità responsabbli għall-kwittanza rapport imfassal mid-Direttur Eżekuttiv tiegħha li jagħti sommarju tal-kontenut tar-rakkomandazzjoni tal-IAS kif stipulat fl-Artikolu 72(5) tar-Regolament Finanzjarju qafas; madankollu jinsab ikkonċernat, b’mod partikolari, li mill-48 rakkomandazzjoni, waħda minnhom hi kkunsidrata “kritika” (dwar il-ġestjoni tal-għotjiet), 27 huma kkunsidrati “importanti ħafna” u 20 huma kkunsidrati “importanti” iżda ma ngħatat l-ebda informazzjoni lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-kontenut ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet; iħeġġeġ, għal din ir-raġuni, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jipprovdi din l-informazzjoni;

    13.

    Jirrikonoxxi mill-Awtorità li l-IAS wettaq verifika dettaljata tal-evalwazzjoni tar-riskju fl-aħħar kwart tal-2009 biex jiddetermina l-prijoritajiet ta’ verifika u l-pjan ta’ verifika tal-IAS għat-tliet snin li ġejjin, verifika dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi u verifika dwar ir-reklutaġġ fl-2009;

    14.

    Jikkunsidra li l-kumitat tal-verifika, maħluq mill-Awtorità fl-2006, għandu rwol importanti biex jassisti lill-Bord tat-Tmexxija billi jiżgura li x-xogħol tal-IAS u tal-IAC jitwettaq sewwa u jitqies kif xieraq mill-Bord tat-Tmexxija u mid-Direttur Eżekuttiv; jemmen, għaldaqstant, li dan il-kumitat ta’ verifika fi ħdan l-Awtorità jista’ jservi ta’ eżempju għal aġenziji oħra;

    15.

    Itenni t-talba tiegħu lill-Awtorità biex tieħu miżuri xierqa f’każ ta’ konflitti ta’ interess; jistieden lill-Awtorità sabiex tagħti bidu għal stħarriġ dwar konflitti potenzjali ta’ interess tax-xjenzjati prominenti, il-membri tal-bord u tal-panel, biex b’ hekk jkunu jistgħu jiġu identifikati ommissjonijiet possibbli u jiġu segwiti permezz ta’ azzjoni fi żmien opportun;

    16.

    Fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħrajn li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni ta’ kwittanza tiegħu, li huma ta’ natura orizzontali, jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (6) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


    (1)  ĠU C 338, 14.12.2010, p. 108.

    (2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (3)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

    (4)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (5)  GU L 252, 25.9.2010, p. 155.

    (6)  Testi adottati, P7_TA(2011)0163 (Ara paġna 269 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


    Top