Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2010_040_R_0075_01

    Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 10 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ Protokoll bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra

    ĠU L 40, 13.2.2010, p. 75–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.2.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 40/75


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-10 ta’ Novembru 2009

    dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ Protokoll bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra

    (2010/91/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 flimkien mal-Artikolu 300, it-tieni paragrafu, l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Fl-24 ta’ Frar 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ negozjati mal-imsieħba tagħha mir-reġjun tal-Mediterran biex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali.

    (2)

    In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tat-Trattat u fi ħdan il-qafas tad-direttivi dwar in-negozjati maħruġa mill-Kunsill.

    (3)

    Il-Kummissjoni ffinalizzat in-negozjati għal Ftehim fl-għamla ta’ Protokoll bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta’ tilwim marbut ma’ dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1).

    (4)

    Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim fl-għamla ta’ Protokoll bejn il-Komunità Ewropea u r-REpubblika tat-Tuneżija li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta’ tilwim marbut mad-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna/persuni bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim fl-għamla ta’ Protokoll, sabiex jorbot lill-Komunità.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. BORG


    (1)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.


    PROTOKOLL

    Bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija li jistabbilixxi mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta’ tilwim marbut mad-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    minn naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TAT-TUNEŻIJA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Tuneżija”,

    min-naħa l-oħra,

    FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ:

    KAPITOLU I

    GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    Għan

    L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li tkun evitata u tiġi solvuta kwalunkwe tilwima kummerċjali bejn il-Partijiet sabiex, fejn ikun possibbli, tintlaħaq soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni tal-Protokoll

    1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II (għajr l-Artikolu 24) tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), ħlief fejn espressament stipulat mod ieħor (1). L-Artikolu 86 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni japplika għal tilwimiet marbuta mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dak il-Ftehim.

    2.   Il-proċeduri ta’ dan il-Protokoll għandhom japplikaw jekk, sittin jum wara li tilwima tkun tressqet quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 86 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma jkunx irnexxielu jsolvi t-tilwima.

    3.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, tilwima għandha titqies solvuta meta l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun ħa deċiżjoni kif previst fl-Artikolu 86.2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jew meta jkun stqarr li m’għadx hemm tilwima.

    KAPITOLU II

    KONSULTAZZJONIJIET U MEDJAZZJONI

    Artikolu 3

    Konsultazzjonijiet

    1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex isolvu kwalunkwe diverġenza li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiiet imsemmija fl-Artikolu 2 billi jidħlu f’konsultazzjonijiet in bona fede bil-għan li jilħqu soluzzjoni f’waqtha, ekwitabbli, u li dwarha jkunu jaqblu ż-żewġ naħat.

    2.   Parti għandha tfittex konsultazzjonijiet permezz ta’ talba bil-miktub lill-Parti l-oħra, b’kopja mibgħuta lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, li tidentifika kwalunkwe miżura inkwistjoni u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li tqis applikabbli.

    3.   Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien erbgħin jum mid-data li fiha tkun waslet it-talba u għandhom iseħħu, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fit-territorju tal-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment. Il-konsultazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien sittin jum mid-data li fiha tkun waslet it-talba, sakemm iż-żewġ Partijiet ma jaqblux li jkomplu bil-konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet mittieħda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla ħsara għall-jeddijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċediment ulterjuri.

    4.   Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ urġenza, inklużi dawk dwar prodotti li jitħassru biż-żmien jew prodotti staġjonali, għandhom isiru fi żmien ħmistax-il jum mid-data li fiha tasal it-talba, u għandhom jitqiesu bħala konklużi fi żmien tletin jum mid-data li fiha tkun waslet it-talba.

    5.   Jekk il-Parti li għaliha tkun saret it-talba ma tirreaġixxix għat-talba sabiex isiru l-konsultazzjonijiet fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tkun waslet it-talba, jew jekk il-konsultazzjonijiet ma jitwettqux fi ħdan l-oqfsa ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4 rispettivament, jew jekk il-konsultazzjonijiet ikunu ġew konklużi u l-ebda ftehim ma jkun intlaħaq dwar soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista’ titlob li jitwaqqaf bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 5.

    Artikolu 4

    Medjazzjoni

    1.   Jekk il-konsultazzjonijiet jonqsu milli jwasslu għal soluzzjoni li jaqblu dwarha ż-żewġ naħat, il-Partijiet jistgħu, bi ftehim reċiproku, jirrikorru għal medjatur. Kull talba għall-medjazzjoni għandha ssir bil-miktub lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi u din għandha tiddikjara kwalunkwe miżura li kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet, kif ukoll it-termini ta’ referenza għall-medjazzjoni li dwarhom ikun hemm qbil reċiproku. Kull Parti timpenja ruħha li tagħti konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għal medjazzjoni.

    2.   Sakemm il-Partijiet ma jaqblux rigward medjatur fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol min dakinhar li tkun waslet it-talba għall-medjazzjoni, il-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew id-delegat(a) tal-presidenti, għandhom jagħżlu bix-xorti medjatur mill-grupp ta’ individwi li jkunu qegħdin fil-lista msemmija fl-Artikolu 19 u li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet. L-għażla għandha ssir fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data li fiha tkun waslet it-talba għall-medjazzjoni. Il-medjatur għandu jorganizza laqgħa mal-Partijiet mhux aktar tard minn tletin jum wara li jintgħażel. Il-medjatur għandu jirċievi s-sottomissjonijiet ta’ kull Parti sa mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel il-laqgħa u jista’ jitlob tagħrif addizzjonali mingħand il-Partijiet jew mingħand l-esperti jew il-konsulenti tekniċi skont il-ħtieġa. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-medjatur għandu jinnotifika opinjoni sa mhux aktar tard minn ħamsa u erbgħin jum wara li jintgħażel.

    3.   L-opinjoni tal-medjatur tista’ tinkludi rakkomandazzjoni waħda jew aktar dwar kif tiġi solvuta t-tilwima b’konsistenza mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. L-opinjoni tal-medjatur mhijiex vinkolanti.

    4.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jemendaw il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2. Il-medjatur jista’ jiddeċiedi wkoll li jemenda dawn il-limiti ta’ żmien fuq it-talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, meta jitqiesu d-diffikultajiet partikolari li tgħaddi minnhom il-Parti kkonċernata jew il-komplessitajiet tal-każ.

    5.   Il-proċedimenti li jinvolvu medjazzjoni, b’mod partikolari l-opinjoni tal-medjatur u l-informazzjoni kollha li tkun ġiet żvelata u l-pożizzjonijiet mittieħda mill-Partijiet matul dawn il-proċedimenti, għandhom ikunu kunfidenzjali, u bla ħsara għall-jeddijiet ta’ kwalunkwe Parti fi kwalunkwe proċediment ulterjuri.

    6.   Jekk il-Partijiet hekk jaqblu, il-proċeduri għall-medjazzjoni jistgħu jitkomplew filwaqt li tipproċedi l-proċedura tal-arbitraġġ.

    7.   Medjatur jista’ jiġi sostitwit biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-regoli 18 sa 21 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    KAPITOLU III

    PROĊEDURI TA’ SOLUZZJONI TA’ TILWIM

    TAQSIMA I

    Proċedura ta’ arbitraġġ

    Artikolu 5

    Bidu tal-proċedura ta’ arbitraġġ

    1.   Meta l-Partijiet ma jirnexxilhomx isolvu t-tilwima billi jirrikorru għall-konsultazzjonijiet, kif jistipula l-Artikolu 3, jew billi jirrikorru għall-medjazzjoni, kif jistipula l-Artikolu 4, il-Parti li tkun għamlet l-ilment tista’ titlob li jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ.

    2.   It-talba li jiġi stabbilit bord ta’ arbitraġġ għandha ssir bil-miktub lill-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi. Fit-talba tagħha, il-Parti li tressaq l-ilment għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni, u għandha tispjega kif it-tali miżura tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Talba għat-twaqqif ta’ bord ta’ arbitraġġ għandha ssir mhux aktar tard minn tmintax-il xahar mid-data li fiha tkun waslet it-talba għal konsultazzjonijiet, bla ħsara għall-jeddijiet tal-Parti li tkun qed tressaq l-ilment li titlob li jsiru konsultazzjonijiet ġodda dwar l-istess suġġett fil-futur.

    Artikolu 6

    Twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri.

    2.   Fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn dakinhar li l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet it-talba għat-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw sabiex jaslu għal ftehim dwar il-kompożizzjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    3.   Fil-każ li l-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-kompożizzjoni tiegħu fil-perijodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew id-delagat/a tal-presidenti, sabiex jagħżlu t-tliet membri kollha bix-xorti mil-lista stabbilita fl-Artikolu 19, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li tkun ressqet l-ilment, persuna waħda minn fost l-individwi proposti mill-Parti li jkun sar l-ilment fil-konfront tagħha u persuna waħda minn fost l-individwi magħżula mill-Partijiet biex tagħmilha ta’ President. Fejn il-Partijiet jaqblu fuq membru wieħed jew żewġ membri tal-bord tal-arbitraġġ, kwalunkwe membri li jkun fadal għandhom jintgħażlu bl-istess proċedura.

    4.   Il-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew id-delegat(a) tal-presidenti, għandhom jagħżlu l-arbitri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mit-talba msemmija fil-paragrafu 3.

    5.   Id-data meta jitwaqqaf il-bord tal-arbitraġġ għandha tkun id-data meta jintgħażlu t-tliet arbitri.

    6.   L-arbitri jistgħu jiġu sostitwiti biss għar-raġunijiet u skont il-proċeduri mfissra fir-regoli 18 sa 21 tar-Regoli ta’ Proċedura.

    Artikolu 7

    Rapport interim tal-bord tal-arbitraġġ

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jippubblika rapport interim lill-Partijiet li jistabbilixxi s-sejbien ta’ fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti u r-razzjonal bażiku li fuqu jserrħu kwalunkwe sejba u rakkommandazzjoni magħmula minnu, sa mhux aktar tard minn mija u għoxrin jum minn dakinhar li jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ. Kwalunkwe Parti tista’ tressaq talba bil-miktub għal analiżi min-naħa tal-bord tal-arbitraġġ ta’ aspetti preċiżi tar-rapport interim fi żmien ħmistax-il jum minn meta -jkun ġie nnotifikat. Is-sejbiet fi ħdan id-deċiżjoni finali tal-bord għandhom jinkludu biżżejjed motivazzjoni tal-argumenti li jkunu saru fl-istadju ta’ analiżi interim, u għandhom iwieġbu b’mod ċar il-mistoqsijiet u l-osservazzjonijiet taż-żewġ Partijiet.

    Artikolu 8

    Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi fi żmien mija u ħamsin jum mid-data li fiha jkun twaqqaf il-bord tal arbitraġġ. Fejn iqis li din l-iskadenza ta’ żmien ma tistax tiġi osservata, il-president tal-bord tal-arbitraġġ jeħtieġlu jinnotifika bil-miktub lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, fejn jistqarr ir-raġunijiet għad-dewmien u d-data li fiha l-bord ikun beħsiebu jikkonkludi ħidmietu. Fl-ebda ċirkostanza, id-deċiżjoni m’għandha tiġi nnotifikata aktar tard min mija u tmenin jum mid-data li fiha jkun twaqqaf il-bord tal-arbitraġġ.

    2.   F’każijiet ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz sabiex jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ħamsa u sebgħin jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Fl-ebda ċirkostanza m’għandu jieħu aktar minn disgħin jum mid-data tat-twaqqif tiegħu. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħti deċiżjoni preliminari dwar jekk ikunx jidhirlu li l-każ huwa urġenti fi żmien għaxart ijiem mit-twaqqif tiegħu.

    3.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu, fuq talba taż-żewġ Partijiet, jissospendi ħidmietu f’kwalunkwe punt ta’ żmien għal perijodu li jkunu qablu dwaru l-Partijiet li ma jistax jiskorri t-tnax-il xahar u għandu jkompli b’ħidmietu fi tmiem dan il-perijodu miftiehem fuq talba tal-Parti li tkun ressqet l-ilment. Jekk il-Parti li tkun ressqet l-ilment ma titlobx li titkompla l-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ sospensjoni li jkun sar qbil dwaru, il-proċedura għandha tintemm. Is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ isiru bla ħsara għall-jeddijiet ta’ kull waħda mill-Partijiet f’xi proċediment ieħor dwar l-istess suġġett.

    TAQSIMA II

    Konformità

    Artikolu 9

    Konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    Kull Parti għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, u l-Partijiet jagħmlu l-almu tagħhom biex jaqblu dwar il-perijodu ta’ żmien meħtieġ biex jikkonformaw mad-deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Perijodu ta’ żmien raġonevoli għall-konformità

    1.   Mhux aktar tard minn tletin jum wara li l-Partijiet ikunu rċevew in-notifika tad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti li tkun ressqet l-ilment u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi dwar iż-żmien li se tkun teħtieġ biex tikkonforma ruħha (perijodu raġonevoli ta’ żmien), jekk ma jkunx possibbli li tikkonforma ruħha minnufih.

    2.   Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Partijiet rigward il-perijodu raġonevoli ta’ żmien biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ, il-Parti li tkun ressqet l-ilment, fi żmien għoxrin jum minn meta l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment tkun irċeviet in-notifika li tkun saret skont il-paragrafu 1, għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddetermina t-tul tal-perijodu raġonevoli ta’ żmien. Din it-talba għandha fl-istess waqt tkun innotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi fi żmien tletin jum mid-data li fiha tkun tressqet it-talba.

    3.   Il-perijodu raġonevoli ta’ żmien jista’ jiġi estiż permezz ta’ qbil reċiproku bejn il-Partijiet.

    Artikolu 11

    Analiżi tal-miżuri li jkunu ttieħdu biex ikun hemm konformità mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi dwar kwalunkwe miżura li tkun ħadet sabiex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perijodu raġonevoli ta’ żmien.

    2.   F’każ li ma jkunx hemm qbil bejn il-Partijiet rigward l-eżistenza jew il-konsistenza ta’ kwalunkwe miżura notifikata skont il-paragrafu 1 mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun qed tressaq l-ilment tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Talba ta’ dan it-tip għandha tidentifika l-miżura speċifika inkwistjoni u għandha tispjega kif miżura bħal din mhix konsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien disgħin jum mid-data li fiha tkun tressqet it-talba. F’każijiet ta’ urġenza, inklużi dawk li jinvolvu prodotti li jitħassru biż-żmien jew dawk staġjonali, il-bord tal-arbitraġġ għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien ħamsa u erbgħin jum mid-data li fiha tkun tressqet it-talba.

    Artikolu 12

    Miżuri temporanji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

    1.   Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tonqos milli tinnotifika kwalunkwe miżura mittieħda sabiex tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ żmien raġonevoli, jew jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura notifikata skont l-Artikolu 11, paragrafu 1, mhix konsistenti mal-obbligi ta’ dik il-Parti skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li fil-konfront tagħha jkun tressaq l-ilment għandha, jekk tkun mitluba tagħmel dan mill-Parti li tkun qed tressaq l-ilment, tagħmel offerta għal kumpens temporanju.

    2.   Jekk ma jintlaħaq l-ebda qbil dwar il-kumpens fi żmien tletin jum wara li jintemm il-perijodu raġonevoli ta’ żmien jew mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 11 li miżura mittieħda għall-konformità tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Parti li tkun ressqet l-ilment tkun intitolata, wara li jiġu nnotifikati l-Parti l-oħra u s-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, li tissospendi l-obbligi li jirriżultaw minn kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 f’livell ekwivalenti għal dak imxejjen jew imħassar mill-vjolazzjoni. Fl-adozzjoni ta’ miżuri ta’ dan it-tip il-Parti li tkun ressqet l-ilment għandha tqis l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp u l-ekonomija tal-Parti li fil-konfront tagħha tkun qed tressaq l-ilment. Il-Parti li tkun ressqet l-ilment tista’ timplimenta s-sospensjoni għaxart ijiem wara d-data meta tkun irċeviet in-notifika l-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment, sakemm il-Parti li fil-konfront tagħha jkun sar l-ilment ma tkunx talbet għal arbitraġġ skont il-paragrafu 3.

    3.   Jekk il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment tqis li l-livell ta’ sospensjoni mhux ekwivalenti għat-tixjin jew ħsara kkawżati mill-vjolazzjoni, din tista’ titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jieħu deċiżjoni dwar il-kwistjoni. Talba ta’ dan it-tip għandha tiġi nnotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi qabel jiskadi l-perijodu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol imsemmi fil-paragrafu 2. Il-bord tal-arbitraġġ, wara li jistħarreġ fejn ikun xieraq l-opinjoni tal-esperti, għandu, fi żmien tletin jum minn dakinhar li tkun tressqet it-talba, jinnotifika lill-Partijiet u lill-entità istituzzjonali responsabbli mill-kwistjonijiet kummerċjali, dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward il-livell tas-sospensjoni tal-obbligi. L-obbligi m’għandhomx jiġu sospiżi sakemm il-bord tal-arbitraġġ jagħti n-notifika dwar id-deċiżjoni tiegħu, u kull sospensjoni għandha tkun konsistenti mad-deċiżjoni tal-istess bord.

    4.   Is-sospensjoni tal-obbligi għandha tkun temporanja u għandha tiġi applikata biss sakemm kwalunkwe miżura li tinstab li tkun inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet irtirata jew emendata sabiex tinġieb f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif inhu stabbilit skont l-Artikolu 13, jew sakemm il-Partijiet ikunu qablu li jsolvu t-tilwima.

    Artikolu 13

    Analiżi tal-miżuri ta’ konformitàli jkunu ttieħdu wara s-sospensjoni tal-obbligi

    1.   Il-Parti li fil-konfront tagħha jkun qed isir l-ilment għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi b’kull miżura li tkun ħadet sabiex tkun konformi mad-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ u bit-talba tagħha sabiex tintemm is-sospensjoni tal-obbligi applikati mill-Parti li tkun ressqet l-ilment.

    2.   Jekk il-Partijiet ma jilħqux ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 fi żmien tletin jum minn dakinhar li tkun waslet in-notifika, il-Parti li ressqet l-ilment għandha titlob bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ sabiex jiddeċiedi dwar il-kwistjoni. Din it-talba għandha fl-istess waqt tkun innotifikata lill-Parti l-oħra u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi. Id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi fi żmien ħamsa u erbgħin jum mid-data li fiha tkun tressqet it-talba. Jekk il-bord tal-arbitraġġ jiddeċiedi li l-miżura adottata għal għanijiet ta’ konformità tkun konformi mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2, is-sospensjoni tal-obbligi għandha tintemm.

    TAQSIMA III

    Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 14

    Soluzzjoni Miftiehma bejn iż-Żewġ Naħat

    F’kull waqt, il-Partijiet jistgħu jilħqu soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat għal tilwima li taqa’ taħt dan il-Protokoll. Huma għandhom jinnofitikaw lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi u lill-bord tal-arbitraġġ dwar kwalunkwe soluzzjoni ta’ dan it-tip. Malli jiġi nnotifikat dwar is-soluzzjoni miftiehma bejn iż-żewġ naħat, il-bord għandu jtemm ħidmietu u l-proċedura għandha tintemm.

    Artikolu 15

    Regoli ta’ proċedura

    1.   Il-proċeduri maħsuba għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Kapitolu III ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu regolarizzati permezz tar-Regoli ta’ proċedura annessi ma’ dan il-Protokoll.

    2.   Kull seduta tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun miftuħa għall-pubbliku skont ir-Regoli ta’ proċedura, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

    Artikolu 16

    Informazzjoni ġenerali u teknika

    Fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jikseb informazzjoni li jqis xierqa għall-proċediment tal-istess bord. B’mod partikolari, il-bord tal-arbitraġġ ikollu wkoll il-jedd li jfittex l-opinjoni relevanti tal-esperti kif iqis li jkun xieraq. Il-bord tal-arbitraġġ għandu jikkonsulta lill-Partijiet qabel jagħżel esperti bħal dawn. Kwalunkwe informazzjoni miksuba b’dan il-mod għandha tiġi żvelata lil kull waħda mill-Partijet u trid titressaq għall-kummenti tagħhom. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi interessati stabbiliti fi ħdan il-Partijiet huma awtorizzati jressqu sommarji tal-fatti amicus curiae quddiem il-bord tal-arbitraġġ skont ir-Regoli ta’ proċedura. Dawn is-sommarji tal-fatti għandhom jiġu limitati għall-aspetti fattwali tat-tilwima u m’għandhomx jindirizzaw punti ġuridiċi.

    Artikolu 17

    Regoli ta’ interpretazzjoni

    Kull bord tal-arbitraġġ għandu jinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 skont ir-regoli konswetudinali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati. Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi pprovduti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 18

    Deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ

    1.   Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel kull sforz biex kull deċiżjoni li jieħu tkun b’kunsens. Fejn, madankollu, deċiżjoni ma tistax tintlaħaq b’kunsens, il-kwistjoni kkonċernata għandha tinqata’ b’vot maġġoritarju. Madankollu, fl-ebda każ m’għandhom jiġu ppubblikati l-opinjonijiet tal-arbitri li ma jaqblux.

    2.   Kull deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ għandha tkun ta’ natura li torbot lill-Partijiet u m’għandha toħloq l-ebda dritt jew obbligu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Id-deċiżjoni għandha tistipula s-sejbiet tal-fatti, l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u r-razzjonal bażiku wara s-sejbiet u l-konklużjonijiet li tagħmel. Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi għandu jagħmel id-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ disponibbli pubblikament fl-intier tagħha sakemm dan ma jiddeċidix li ma jagħmilx hekk biex jiżgura l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 19

    Listi ta’ arbitri

    1.   Is-sottokumtat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi għandu, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, jistabbilixxi lista ta’ tal-anqas ħmistax-il individwu li jkunu lesti u kapaċi jservu ta’ arbitri. Kull waħda mill-Partijiet għandha tipproponi tal-anqas ħames individwi sabiex jagħmluha ta’ arbitri. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħżlu wkoll tal-anqas ħames individwi li ma jkunux ċittadini tal-ebda waħda mill-Partijiet u li għandhom jagħmluha ta’ president tal-bord tal-arbitraġġ. Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi jiżgura li l-lista tinżamm dejjem fuq dan il-livell.

    2.   L-arbitri għandu jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza fid-dritt u fil-kummerċ internazzjonali. Dawn għandhom ikunu indipendenti, iservu fil-kapaċitajiet individwali tagħhom u ma jieħdux struzzjonijiet minn kwalunkwe organizzazzjoni jew gvern, u lanqas ma jkunu affiljati mal-gvern ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet, u għandhom ikunu konformi mal-Kodiċi tal-Kondotta annessa ma’ dan il-Protokoll.

    3.   Is-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi jista’ jistabbilixxi lista addizzjonali ta’ tal-anqas ħmistax-il individwu li jkollhom kompetenza esperta settorjali fi kwistjonijiet speċifiċi koperti minn dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Meta jsir rikors għall-proċedura tal-għażla tal-Artikolu 6, paragrafu 2, il-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi jistgħu jużaw lista settorjali bi qbil taż-żewġ Partijiet.

    Artikolu 20

    Relazzjoni mal-obbligi tad-WTO

    1.   Ir-rikors għad-dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-Protokoll għandu jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe azzjoni fil-qafas tad-WTO, inkluża azzjoni għas-soluzzjoni ta’ tilwim.

    2.   Madankollu, meta, rigward xi miżura partikolari, Parti tkun ressqet proċediment dwar is-soluzzjoni tat-tilwim, sew skont dan il-Protokoll jew inkella skont il-Ftehim tad-WTO, hija ma tistax tressaq proċediment dwar is-soluzzjoni tat-tilwim rigward l-istess miżura f’forum ieħor sakemm l-ewwel proċediment ma jkunx intemm. Barra minn hekk, Parti ma tistax tfittex rimedju għall-ksur ta’ obbligu li jkun identiku skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u skont il-Ftehim tad-WTO permezz taż-żewġ forums. F’każ ta’ dan it-tip, ladarba proċediment ta’ soluzzjoni ta’ tilwima jkun tnieda, il-Parti ma tkunx tista’ tressaq talba biex tfittex rimedju għall-ksur ta’ obbligu identiku skont il-ftehim l-ieħor permezz tal-forum l-ieħor, sakemm il-forum magħżul ma jonqosx li jagħmel sejbiet dwar it-talba għal rimedju ta’ dak l-obbligu minħabba raġunijiet proċedurali jew ġurisdizzjonali.

    3.   Għall-għanijiet tal-paragrafu 2:

    il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim tad-WTO jitqiesu li jkunu tnedew permezz ta’ talba minn xi Parti għat-twaqqif ta’ bord skont l-Artikolu 6 tal-Memorandum ta’ Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri li Jirregolaw ir-Riżolviment tat-Tilwim tad-WTO u jitqiesu li jkunu ntemmew meta l-Entità inkarigata mis-Soluzzjoni tat-Tilwima tadotta ir-rapport tal-Bord, u r-rapport tal-Entità Appellanti skont il-każ, skont l-Artikoli 16 u 17(14) tal-Memorandum ta’ Ftehim,

    il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Protokoll jitqiesu li jkunu tnedew permezz ta’ talba minn xi Parti għat-twaqqif ta’ bord ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 5, paragrafu 1, u jitqiesu li jkunu ntemmew meta l-bord tal-arbitraġġ jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Partijiet u lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi skont l-Artikolu 8.

    4.   F’dan il-Protokoll xejn ma jżomm Parti milli timplimenta s-sospenzjoni ta’ obbligi awtorizzati mill-Entità tad-WTO għas-Soluzzjoni tat-Tilwim. Il-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO m’għandux jiġi invokat sabiex iżomm lil xi Parti milli tissospendi l-obbligi skont dan il-Protokoll.

    Artikolu 21

    Limiti ta’ żmien

    1.   Il-limiti kollha ta’ żmien stabbiliti f’dan il-Protokoll, inklużi l-limiti biex il-bordijiet tal-arbitraġġ jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom, għandhom jingħaddu f’jiem kalendarji mill-jum li jsegwi l-att jew il-fatt li jkunu qed jirreferu għalih, sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor.

    2.   Kwalunkwe limitu taż-żmien imsemmi f’dan il-Protokoll jista’ jkun modifikat bi ftehim reċiproku tal-Partijiet. Il-Partijiet jimpenjaw irwieħhom li jagħtu konsiderazzjoni favorevoli lit-talbiet għall-estenzjonijiet ta’ kull limitu ta’ żmien li jsiru minħabba diffikultajiet li kwalunkwe Parti taf tiffaċċja biex tikkonforma mal-proċeduri ta’ dan il-Protokoll. Fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jestendi l-limiti ta’ żmien applikabbli fil-proċedimenti, filwaqt li jqis il-livell differenti ta’ żvilupp tal-Partijiet.

    Artikolu 22

    Reviżjoni u Modifika tal-Protokoll

    1.   Wara li jidħlu fis-seħħ dan il-Protokoll u l-Annessi tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’, f’kull żmien, jirrevedi l-implimentazzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni, il-modifika jew it-tmiem tagħhom.

    2.   F’din ir-reviżjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jqis il-possibbiltà li joħloq Entità tal-Appell komuni għal għadd ta’ Ftehimiet Ewro-Mediterranji.

    3.   Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jimmodifika dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu. Il-Partijiet japplikaw din id-deċiżjoni wara li jkunu sodisfatti l-proċeduri interni tagħhom.

    Artikolu 23

    Dħul fis-seħħ

    Dan il-Protokoll ser jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom infushom. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar mid-data meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu jkunu tlestew.

    Magħmul fi Brussell, f’żewġ kopji, fid-9 ta’ Diċembru 2009 bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, Bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bl-Għarbi, b’kull test ugwalment awtentiku.

    За Европейския съюз

    Por la Unión Europea

    Za Evropskou unií

    For Det Europæiske Union

    Für die Europäische Union

    Euroopa Liidu nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

    For the European Union

    Pour l'Union européenne

    Per l'Unione europea

    Eiropas Savienības vārdā

    Europos Sajungos vardu

    Az Európai Unió részéről

    Għall-Unjoni Ewropea

    Voor de Europese Unie

    W imieniu Unii Europejskiej

    Pela União Europeia

    Pentru Uniunea Europeană

    Za Európsku úniu

    Za Evropsko unijo

    Euroopan unionin puolesta

    På Europeiska unionens vägnar

    Image

    Image

    За Република Тунис

    Por la República de Túnez

    Za Tuniskou republiku

    For Den Tunesiske Republik

    Für die Tunesische Republik

    Tuneesia Vabariigi nimel

    Για τη Δημοκρατίας της Τυνησίας

    For the Republic of Tunisia

    Pour la République tunisienne

    Per la Repubblica tunisina

    Tunisijas Republikas vārdā

    Tuniso Respublikos vardu

    A Tunéziai Köztársaság részéről

    Għar-Repubblika tat-Tuniżija

    Voor de Republiek Tunesië

    W imieniu Republiki Tunezyjskiej

    Pela República da Tunísia

    Pentru Republica Tunisia

    Za Tuniskú republiku

    Za Republiko Tunizijo

    Tunisian tasavallan puolesta

    För Republiken Tunisien

    Image

    Image


    (1)  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll huma bla ħsara għall-Artikolu 34 tal-Protokoll li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ «prodotti li joriġinaw» u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

    ANNESSI

    ANNESS I:

    REGOLI TA' PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    ANNESS II:

    KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U GĦALL-MEDJATURI

    ANNESS I

    REGOLI TA’ PROĊEDURA GĦALL-ARBITRAĠĠ

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.

    Dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw f'dan il-Protokoll u f'dawn ir-regoli:

    (a)

    “konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti fil-proċedimenti tal-bord tal-arbitraġġ;

    (b)

    “il-Parti li tressaq l-ilment” tfisser il-Parti li titlob it-twaqqif ta’ bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll;

    (c)

    “il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment” tfisser il-Parti li qiegħed ikun allegat li qiegħda tikser id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll;

    (d)

    “il-bord tal-arbitraġġ” tfisser bord imwaqqaf skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll;

    (e)

    “rappreżentant ta’ Parti” tfisser persuna impjegata jew kwalunkwe persuna maħtura minn dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta’ xi waħda mill-Partijiet;

    (f)

    “jum” tfisser jum kalendarju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    2.

    Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tkun inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwima, b’mod partikolari l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ tal-każ, sakemm ma jkunx hemm qbil mod ieħor. Madankollu, l-Unjoni għandha tifdi l-ispejjeż konnessi mal-kwistjonijiet kollha organizzattivi fir-rigward tal-konsulenzi, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, bl-eċċezzjoni tar-remunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-medjaturi u l-arbitri, li għandhom jinqasmu.

    Notifiki

    3.

    Il-Partijiet u l-bord tal-arbitraġġ għandhom jgħaddu kull talba, opinjoni, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor permezz tal-posta elettronika, b'kopja mibgħuta fl-istess jum bil-fax, bil-posta reġistrata, b'courier, bi twassil li għalih tintalab riċevuta jew bi kwulunkwe mezz ieħor tat-telekomunikazzjoni li jipprovdi prova li d-dokument ikun intbagħat. Sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor, messaġġ bil-posta elettronika għandu jitqies li jasal fl-istess jum meta jkun intbagħat.

    4.

    Kull Parti involuta għandha tipprovdi kopja elettronika ta’ kull sottomissjoni bil-miktub lill-Parti l-oħra u lil kull wieħed mill-arbitri. Kopja stampata tad-dokument għandha tiġi provduta wkoll.

    5.

    Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-punt ta’ kuntatt magħżul għan-notifiki kollha.

    6.

    Żbalji żgħar ta’ natura klerikali li jsiru fi kwalunkwe talba, opinjoni, sottomissjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċeduri tal-bord tal-arbitraġġ jistgħu jitranġaw billi jintbagħat dokument ġdid li jindika b’mod ċar fejn ikunu saru l-bidliet.

    7.

    Jekk l-aħħar jum li fih irid isir it-twassil ta’ xi dokument jaħbat jum ta’ vakanza uffiċjali jew jum ta’ mistrieħ rikonoxxut legalment fit-Tuniżija jew fl-Unjoni, id-dokument jista’ jitwassal fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss. Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw bejniethom lista tad-dati tal-vakanzi uffiċjali u l-jiem ta’ mistrieħ tagħhom fl-ewwel Tnejn ta’ kull xahar ta’ Diċembru b'referenza għas-sena li tkun tmiss. L-ebda dokument, notifika jew talba ta’ kull xorta m'għandhom jitqiesu li jkunu waslu nhar vakanza uffiċjali jew f'jum ta’ mistrieħ legali.

    8.

    Skont l-oġġett tad-dispożizzjonijiet tat-tilwima, it-talbiet u n-notifiki kollha indirizzati lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi b'mod konformi ma’ dan il-Protokoll għandha tintbagħat kopja tagħhom lis-sottokumitati l-oħra relevanti mwaqqfa skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

    Bidu tal-arbitraġġ

    9.

    (a)

    Jekk skont l-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll jew tar-regoli 19, 20 jew 49 ta’ dawn ir-Regoli ta’ proċedura, il-membri tal-bord tal-arbitraġġ jintgħażlu bix-xorti, rappreżentanti taż-żewġ Partijiet għandhom ikunu preżenti meta tittella' x-xorti.

    (b)

    Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor, dawn għandhom jiltaqgħu mal-bord tal-arbitraġġ fi żmien sebat ijiem tax-xogħol minn meta dan ikun twaqqaf sabiex ikunu determinati materji ta’ dan it-tip li l-Partijiet jew il-bord tal-arbitraġġ jidhrilhom li jkunu xierqa, inklużi r-remunerazzjoni u l-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-arbitri, li jridu jkunu konformi mal-istandards tad-WTO. Il-membri tal-bord tal-arbitraġġ u r-rappreżentanti tal-Partijiet jistgħu jieħdu sehem f'din il-laqgħa permezz tat-telefon jew ta’ konferenza awdjoviżiva.

    10.

    (a)

    Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha jintgħażlu l-arbitri, it-termini ta’ referenza tal-bord tal-arbitraġġ għandhom ikunu: “li jeżamina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-kwistjoni msemmija fit-talba għat-twaqqif ta’ bord ta’ arbitraġġ, li jiddeċiedi dwar il-kompatibilità tal-miżuri inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Protokoll u li jiddeċiedi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim.”.

    (b)

    Il-Partijiet jeħtieġilhom jinnotifikaw it-termini ta’ referenza maqbula lill-bord tal-arbitraġġ fi żmien tlett ijiem tax-xogħol minn meta jkunu laħqu qbil bejniethom.

    Sottomissjonijiet inizjali

    11.

    Il-Parti li tressaq l-ilment għandha tagħti s-sottomissjoni inizjali tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn għoxrin jum wara t-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ. Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħti l-kontrosottomissjoni tagħha bil-mitkub mhux aktar tard minn għoxrin jum wara d-data tat-twassil tas-sottomissjoni bil-miktub inizjali.

    Ħidma tal-bordijiet tal-arbitraġġ

    12.

    Il-president tal-bord tal-arbitraġġ għandu jippresjedi fil-laqgħat kollha tal-bord. Bord tal-arbitraġġ jista' jiddelega lill-president l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet amministrattivi jew proċedurali.

    13.

    Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f'dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inkluż b’komunikazzjoni bit-telefon, fax jew kollegamenti bil-kompjuter.

    14.

    L-arbitri biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ, iżda l-bord tal-arbitraġġ jista’ jippermetti lill-assistenti tiegħu sabiex ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ.

    15.

    It-tfassil ta’ kull deċiżjoni għandha tibqa’ r-responsabbiltà esklużiva tal-bord tal-arbitraġġ u ma tistax tiġi delegata.

    16.

    Meta tqum xi kwistjoni proċedurali li mhix koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta l-Partijiet, jista' jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    17.

    Meta l-bord tal-arbitraġġ iqis li hemm il-ħtieġa li jiġi mmodifikat xi limitu ta’ żmien applikabbli fil-proċedimenti jew li jagħmel xi aġġustament proċedurali jew amministrattiv ieħor, dan għandu jinforma bil-miktub lill-Partijiet fir-rigward tar-raġunijiet li minħabba fihom irid jagħmel il-bidliet jew l-aġġustament u tal-perijodu jew aġġustament meħtieġa. Il-bord tal-arbitraġġ jista' jadotta bidla jew modifika bħal din wara li jkun ikkonsulta lill-Partijiet. Il-limiti ta’ żmien fi ħdan l-Artikolu 8, paragrafu 2, ta’ dan il-Protokoll ma jistgħux jiġu mmodifikati.

    Sostituzzjoni

    18.

    Jekk arbitru ma jkunx jista' jipparteċipa fil-proċedimenti, jirtira ruħu, jew jeħtieġ li jiġi sostitwit, għandu jintgħażel wieħed ieħor biex jeħodlu postu skont l-Artikolu 6, paragrafu 3.

    19.

    Meta Parti tqis li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta u għaldaqstant għandu jiġi sostitwit, din il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien ħmistax-il jum minn meta tkun intebħet biċ-ċirkostanzi tal-vjolazzjoni materjali tal-Kodiċi tal-Kondotta min-naħa tal-arbitru.

    Meta Parti tqis li xi arbitru għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-arbitru u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6, paragrafu 3, ta’ dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel l-arbitru, kull waħda mill-Partijiet tista' titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-bord tal-arbitraġġ, u d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun waħda finali.

    Jekk il-president isib li xi arbitru ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha tagħżel/jagħżel arbitru ġdid bix-xorti minn fost il-ġabra ta’ individwi msemmija fl-Artikolu 19, paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll li tagħha kien jagħmel parti l-arbitru oriġinali. Jekk l-arbitru oriġinali kien intgħażel mill-Partijiet skont l-Artikolu 6, paragrafu 2, ta’ dan il-Protokoll, is-sostitut għandu jintgħażel bix-xorti minn fost il-ġabriet ta’ individwi li jkunu ġew proposti mill-Parti li tressaq l-ilment u minn Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment skont l-Artikolu 19, paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll. L-għażla tal-arbitru l-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data li fiha titressaq it-talba lill-president tal-bord tal-arbitraġġ.

    20.

    Meta xi Parti tqis li l-president tal-bord tal-arbitraġġ ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jibdlu l-president u jagħżlu sostitut skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6, paragrafu 3, ta’ dan il-Protokoll.

    Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jibdlu l-president, kwalunkwe Parti tista' titlob li din il-kwistjoni tingħadda lil xi wieħed mill-membri li jkun għad fadal fost il-ġabra ta’ individwi magħżula sabiex jagħmluha ta’ presidenti skont l-Artikolu 19, paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll. Ismu jew isimha għandu jittella' bix-xorti mill-presidenti tas-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, jew minn delegat(a) tal-presidenti. Id-deċiżjoni ta’ din il-persuna dwar jekk jinħtieġx li jinbidel il-president għandha tkun waħda finali.

    Jekk din il-persuna tiddeċiedi li l-president oriġinali ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, dan jew din għandu/għandha tagħżel/jagħżel president ġdid bix-xorti minn fost dawk li jkun għad fadal fost il-ġabra ta’ individwi msemmija fl-Artikolu 19, paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll li jistgħu jagħmluha ta’ presidenti. Din l-għażla tal-president il-ġdid għandha ssir fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data li fiha titressaq it-talba msemmija f'dan il-paragrafu.

    21.

    Il-ħidma tal-bord tal-arbitraġġ għandha tiġi sospiża matul il-perijodu ta’ żmien li jittieħed sabiex jitwettqu l-proċeduri previsti fir-regoli 18, 19 u 20.

    Seduti ta’ smigħ

    22.

    Il-president għandu jiffissa d-data u l-ħin tas-seduti ta’ smigħ f’konsultazzjoni mal-Partijiet u l-membri l-oħra tal-bord tal-arbitraġġ, u jikkonferma dan bil-miktub lill-Partijiet. Din l-informazzjoni għandha tkun ukoll disponibbli pubblikament mill-Parti inkarigata mill-amministrazzjoni loġistika tal-proċedimenti jekk is-smigħ ikun miftuħ għall-pubbliku. Dment li kull Parti taqbel, il-bord tal-arbitraġġ jista' jiddeċiedi li ma jtellax xi seduta ta’ smigħ.

    23.

    Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, is-seduta ta’ smigħ għandha tittella' fi Brussell jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun it-Tuneżija u f'Tuneż jekk il-Parti li tressaq l-ilment tkun l-Unjoni.

    24.

    Il-bord tal-arbitraġġ jista' jtella' seduta addizzjonali ta’ smigħ f'ċirkostanzi eċċezzjonali biss. Ma jistgħux jittellgħu seduti addizzjonali ta’ smigħ għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll.

    25.

    L-arbitri kollha għandhom ikunu preżenti l-ħin kollu matul kull seduta.

    26.

    Il-persuni li ġejjin jistgħu jkunu preżenti għas-seduta ta’ smigħ, irrespettivament minn jekk il-proċeduri jkunux miftuħa għall-pubbliku jew le:

    (a)

    ir-rappreżentanti tal-Partijiet;

    (b)

    il-konsulenti tal-Partijiet;

    (c)

    il-persunal amministrattiv, l-interpreti, it-tradutturi u r-relaturi tal-qorti; u

    (d)

    l-assistenti tal-arbitri.

    Ir-rappreżentanti u l-konsulenti tal-Partijiet biss jistgħu jindirizzaw lill-bord tal-arbitraġġ.

    27.

    Mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data ta’ seduta tas-smigħ, kull Parti għandha tipprovdi lill-bord tal-arbitraġġ lista tal-ismijiet ta’ dawk il-persuni li jkunu sejrin jitkellmu matul is-seduta ta’ smigħ f’isem dik il-Parti u ta’ rappreżentanti jew konsulenti oħra li jkunu sejrin jattendu s-seduta ta’ smigħ.

    28.

    Is-seduti ta’ smigħ tal-bordijiet tal-arbitraġġ għandhom ikunu miftuħa għall-pubbliku, sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor. Jekk il-Partijiet jiddeċiedu li s-seduta ta’ smigħ tkun magħluqa għall-pubbliku, parti mis-seduta ta’ smigħ tista’ xorta tkun miftuħa għall-pubbliku jekk il-bord tal-arbitraġġ, fuq talba mill-Partijiet, jiddeċiedi li jsir hekk. Madankollu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jiltaqa’ f’seduta magħluqa meta s-sottomissjoni u l-argumenti ta’ xi Parti jkun fihom informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

    29.

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jmexxi s-seduta ta’ smigħ kif ġej:

     

    Argument:

    (a)

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment;

    (b)

    l-argument tal-Parti li fil-konfront tagħha sar l-ilment.

     

    Kontro-Argument:

    (a)

    l-argument tal-Parti li tressaq l-ilment;

    (b)

    il-kontrorisposta tal-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment.

    30.

    Il-bord tal-arbitraġġ jista’ jindirizza mistoqsijiet liż-żewġ Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta.

    31.

    Il-bord tal-arbitraġġ għandu jagħmel arranġamenti, mill-aktar fis possibbli, għat-tlestija u t-twassil lill-Partijiet tat-traskrizzjoni ta’ kull seduta ta’ smigħ.

    32.

    Kull Parti tista' tipprovdi sottomissjoni supplimentari bil-miktub fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-seduta ta’ smigħ fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data tas-seduta ta’ smigħ.

    Mistoqsijiet bil-miktub

    33.

    Il-bord tal-arbitraġġ jista’, fi kwalunkwe waqt tal-proċedimenti, jindirizza mistoqsijiet bil-miktub lil xi waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Iż-żewġ Partijiet għandhom jirċievu kopja tal-mistoqsijiet kollha magħmula mill-bord tal-arbitraġġ.

    34.

    Kull Parti għandha wkoll tipprovdi kopja tar-risposta tagħha bil-miktub għall-mistoqsijiet li l-bord tal-arbitraġġ ikun għamel lill-Parti l-oħra. Kull Parti għandha tingħata l-opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar it-tweġiba mogħtija mill-Parti l-oħra, sa ħamest ijiem tax-xogħol mid-data li fiha din tkun waslet.

    Kunfidenzjalità

    35.

    Il-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduti tas-smigħ tal-bord tal-arbitraġġ meta s-seduti ta’ smigħ jittellgħu fil-magħluq, skont ir-regola 28. Kull Parti għandha tqis bħala kunfidenzjali kull informazzjoni mressqa mill-Parti l-oħra quddiem il-bord tal-arbitraġġ li dik il-Parti tkun iddefiniet bħala kunfidenzjali. Meta Parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet bil-miktub lill-bord tal-arbitraġġ, din jeħtieġilha wkoll, fuq talba tal-Parti l-oħra, tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni misjuba fis-sottomissjonijiet li jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mhux aktar tard minn ħmistax-il jum wara li tkun saret it-talba jew is-sottomissjoni, skont liema minnhom isseħħ l-aħħar. Xejn f'dawn ir-regoli ma jżomm lil xi Parti milli tiżvela lill-pubbliku stqarrijiet dwar il-pożizzjonijiet tagħha nfisha.

    Kuntatti ex parte

    36.

    Il-bord tal-arbitraġġ m'għandux jiltaqa’ ma’ xi Parti jew jikkuntattjaha fl-assenza tal-Parti l-oħra.

    37.

    L-ebda membru tal-bord tal-arbitraġġ m'għandu jiddiskuti kwalunkwe aspetti tas-suġġett tal-kwistjoni tal-proċedimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fl-assenza tal-arbitri l-oħra.

    Sottomissjonijiet amicus curiae

    38.

    Sakemm il-Partijiet ma jkunux qablu mod ieħor sa ħamest ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, l-istess bord jista’ jirċievi sottomissjonijiet bla mitluba bil-miktub, dejjem jekk dawn isiru fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-twaqqif tal-bord tal-arbitraġġ, u li jkunu konċiżi u f'kull każ mhux itwal minn ħmistax-il faċċata ttajpjata, inklużi kwalunkwe annessi, u li jkunu direttament relevanti għall-kwistjoni fattwali li jkun qiegħed jikkunsidra l-bord tal-arbitraġġ.

    39.

    Is-sottomissjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel is-sottomissjoni, sew fiżika jew ġuridika, inkluża n-natura tal-attivitajiet tagħha u s-sorsi ta’ finanzjament, u tispeċifika n-natura tal-interess li dik l-istess persuna għandha fil-proċediment tal-arbitraġġ. Din għandha tiġi abbozzata bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont ir-Regoli 42 u 43 ta’ dawn ir-Regoli ta’ proċedura.

    40.

    Fid-deċiżjonijiet tiegħu, il-bord tal-arbitraġġ għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva li jkunu konformi mar-regoli t'hawn fuq. Il-bord tal-arbitraġġ m'għandu l-ebda obbligu li jindirizza, fid-deċiżjoni tiegħu, l-argumenti mressqa f’sottomissjonijiet bħal dawn. Kull sottomissjoni li jikseb il-bord tal-arbitraġġ skont din ir-regola għandha tkun sottomessa lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom.

    Każijiet urġenti

    41.

    F'każijiet ta’ urġenza msemmija f'dan il-Protokoll, il-bord tal-arbitraġġ, wara li jikkonsulta lill-Partijiet, għandu jaġġusta l-limiti ta’ żmien imsemmija f'dawn ir-regoli skont kif ikun jixraq u għandu jinnotifika lill-Partijiet dwar aġġustamenti bħal dawn.

    Traduzzjoni u interpretazzjoni

    42.

    Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ dan il-Protokoll, u mhux aktar tard mil-laqgħa msemmija fir-Regola 9(b) ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom sabiex jilħqu qbil fuq lingwa ta’ ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-bord tal-arbitraġġ.

    43.

    Jekk il-Partijiet ma jirnexxielhomx jaqblu dwar lingwa ta’ ħidma komuni, kull Parti għandha tagħmel l-arranġamenti u tħallas għall-ispejjeż tat-traduzzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha għal-lingwa magħżula mill-Parti l-oħra.

    44.

    Il-Parti li fil-konfront tagħha jsir l-ilment għandha tagħmel l-arranġamenti għall-interpretazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-fomm għal-lingwi magħżula mill-Partijiet.

    45.

    Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-arbitraġġ għandhom jiġu nnotifikati bil-lingwa jew lingwi magħżula mill-Partijiet.

    46.

    Kwalunkwe Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar kull verżjoni tradotta ta’ xi dokument li jkun tħejja skont dawn ir-regoli.

    Kalkolu tal-limiti ta’ żmien

    47.

    Meta, minħabba l-applikazzjoni tar-regola 7 ta’ dawn ir-Regoli ta’ proċedura, xi Parti tirċievi dokument f’data differenti minn dik meta l-Parti l-oħra tkun irċeviet l-istess dokument, kull perijodu ta’ żmien li jinħadem abbażi tat-tali data tal-wasla tad-dokument għandu jiġi kkalkulat mill-aħħar data li fiha jkun wasal dak id-dokument.

    Proċeduri oħra

    48.

    Dawn ir-Regoli ta’ proċedura huma applikabbli wkoll għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll. Madankollu, il-limiti ta’ żmien stabbiliti f'dawn ir-Regoli ta’ proċedura għandhom jiġu aġġustati skont il-limiti ta’ żmien speċjali stipulati għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-bord tal-arbitraġġ f'dawk il-proċeduri l-oħra.

    49.

    F'każ li l-bord oriġinali, jew xi wħud mill-membri tiegħu, ma jkunux jistgħu jiltaqgħu mill-ġdid għall-proċeduri stabbiliti skont l-Artikolu 10(2), 11(2), 12(3) u 13(2) ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 6 ta’ dan il-Protokoll. Il-limitu ta’ żmien għan-notifika tad-deċiżjoni għandu jiġi estiż għal ħmistax-il jum.

    ANNESS II

    KODIĊI TAL-KONDOTTA GĦALL-MEMBRI TAL-BORDIJIET TAL-ARBITRAĠĠ U GĦALL-MEDJATURI

    Definizzjonijiet

    1.

    Dawn id-definizzjonijiet għandhom japplikaw f’din il-Kodiċi tal-Kondotta:

    (a)

    “membru” jew “arbitru” tfisser membru ta' bord tal-arbitraġġ imwaqqaf effettivament skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Protokoll;

    (b)

    “medjatur” tfisser persuna li tmexxi medjazzjoni skont l-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll;

    (c)

    “kandidat” tfisser individwu li ismu jkun fil-lista tal-arbitri msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll u li jkun ikkunsidrat għall-għażla bħala membru ta' bord tal-arbitraġġ skont l-Artikolu 6;

    (d)

    “assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta' xi membru, tiggwida, tirriċerka jew tipprovdi l-assistenza lill-membru;

    (e)

    “proċediment”, fejn mhux speċifikat mod ieħor, tfisser proċediment ta’ bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll;

    (f)

    “persunal”, fir-rigward ta' xi membru, tfisser persuni taħt id-direzzjoni jew il-kontroll tal-membru, għajr l-assistenti.

    Responsabbiltajiet lejn il-proċess

    2.

    Kull kandidat u membru għandu jevita kondotta mhux xierqa u l-impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa, għandu jkun independenti u imparzjali, għandu jevita kunflitti ta’ interess diretti jew indiretti u għandu josserva l-ogħla standards ta’ kondotta sabiex l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu li jwassal għas-soluzzjoni tat-tilwima jkun ippreservat. Il-membri tal-imgħoddi jeħtieġilhom josservaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 15, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta.

    Obbligi dwar x'għandu jiġi żvelat

    3.

    Qabel ma tiġi kkonfermata l-għażla ta' xi membru tal-bord tal-arbitraġġ skont dan il-Protokoll, kandidat għandu jiżvela kwalunkwe interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li għandhom imnejn jolqtu l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu jew tagħha jew li jafu b'mod raġonevoli joħolqu impressjoni ta' kondotta mhux xierqa jew ta' xaqlib lejn xi naħa fil-proċediment. Għal dan il-għan, kandidat m'għandu jagħmel l-ebda sforz raġonevoli sabiex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni ta' dan it-tip.

    4.

    Kandidat jew membru għandu jikkomunika biss affarijiet relatati mal-ksur attwali jew il-potenzjal ta’ ksur ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    5.

    Wara li ssir l-għażla tal-membru, dan għandu jkompli ma jagħmel l-ebda sforz raġonevoli biex isir konxju ta' kwalunkwe interess, relazzjoni u kwistjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' din il-Kodiċi tal-Kondotta u għandu jiddikjarahom. L-obbligi li dawn ikunu ddikjarati huwa dover kontinwu li jirrikjedi lill-membri kollha li jiddikjaraw interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet li jistgħu jfeġġu waqt kull stadju tal-proċediment. Membru għandu jiżvela interessi, relazzjonijiet u kwistjonijiet ta' dan it-tip billi jinforma bil-miktub lis-sottokumitat tal-industrija, il-kummerċ u s-servizzi, sabiex dawn jiġu kkunsidrati mill-Partijiet.

    Dmirijiet tal-membri

    6.

    Meta persuna tinħatar membru din għandha twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod sħiħ u bla dewmien matul il-proċediment, u b’mod ġust u serju.

    7.

    Membru għandu jikkunsidra biss dawk il-kwistjonijiet li jkunu ppreżentati waqt il-proċediment u li jitqiesu neċessarji biex tittieħed deċiżjoni. Dan id-dover m'għandu jkun delegat lill-ebda persuna oħra.

    8.

    Membru jrid jieħu l-passi kollha xierqa sabiex jiżgura li l-assistent u l-persunal tiegħu jkunu konxji mill-paragrafi 2, 3, 4, 5, 16, 17 u 18 ta’ din il-Kodiċi tal-Kondotta u josservawhom.

    9.

    Membru m'għandux jagħmel kuntatt ex parte dwar il-proċediment.

    Indipendenza u imparzjalità tal-membri

    10.

    Membru għandu jkun indipendenti u imparzjali u jevita li joħloq impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew imxaqilba lejn xi naħa jew oħra u m'għandux ikun influwenzat mill-interess personali, pressjoni esterna, konsiderazzjonijiet politiċi, fama pubblika, u lealtà lejn xi Parti jew biza’ mill-kritika.

    11.

    Membru m'għandux jidħol, direttament jew indirettament, għal xi obbligu jew jaċċetta xi benefiċċju li jista’ b’xi mod itellef, jew jidher li jtellef, it-twettiq xieraq tad-doveri tiegħu.

    12.

    Membru m'għandux jinqeda bil-pożizzjoni tiegħu fuq il-bord tal-arbitraġġ għall-aġevolment ta’ xi interessi personali jew privati u għandu jevita azzjonijiet li jagħtu l-impressjoni li ħaddieħor jinsab f’pożizzjoni li jinfluwenzah.

    13.

    Membru m'għandux iħalli r-relazzjonijiet jew ir-responsabbiltajiet finanzjarji, kummerċjali, familjari jew soċjali jinfluwenzaw l-imġiba jew il-ġudizzju tiegħu.

    14.

    Membru għandu jevita li jidħol f’xi relazzjoni jew jakkwista xi interess finanzjarju li aktarx jaffettwa l-imparzjalità tiegħu jew li jista’ raġonevolment jagħti l-impressjoni ta’ kondotta mhux xierqa jew ta' xaqlib lejn xi naħa jew oħra.

    Obbligi ta' membri ta' qabel

    15.

    Il-membri kollha ta' qabel għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu dehra li jxaqilbu lejn xi naħa jew oħra fit-twettiq ta' dmirijiethom jew li bbenefikaw minn vantaġġ derivat mid-deċiżjoni tal-bord tal-arbitraġġ.

    Kunfidenzjalità

    16.

    L-ebda membru jew membru ta' qabel m'għandu jiżvela jew juża informazzjoni mhux pubblika relatata ma’ xi proċediment jew akkwistata matul proċediment ħlief għall-iskopijiet tal-proċediment inniffsu u m'għandu, f'ebda każ, jiżvela jew juża informazzjoni ta' dan it-tip biex jikseb vantaġġ personali jew vantaġġ għal oħrajn jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta’ ħaddieħor.

    17.

    Membru qatt m'għandu jiżvela deċiżjoni ta' bord tal-arbitraġġ jew partijiet minnha qabel ma din tiġi ppubblikata skont dan il-Protokoll.

    18.

    Membru jew membru ta' qabel m'għandu fl-ebda mument jiżvela d-deliberazzjonijiet ta' bord tal-arbitraġġ, jew l-opinjoni ta' xi membru.

    Infiq

    19.

    Kull membru għandu jżomm reġistru u jagħti kont finali taż-żmien mgħoddi fil-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu.

    Medjaturi

    20.

    Ir-regoli mfissra f'din il-Kodiċi tal-Kondotta kif japplikaw għall-membri jew il-membri ta' qabel għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi.


    Top