Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2009_255_R_0078_01

    2009/636/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ April 2009 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima V – Qorti tal-Awdituri
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 23 ta’ April 2009 li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima V – Qorti tal-Awdituri

    ĠU L 255, 26.9.2009, p. 78–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.9.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 255/78


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-23 ta’ April 2009

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima V – Qorti tal-Awdituri

    (2009/636/KE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 - Volum I (C6-0419/2008) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2007,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Awditur Estern dwar il-Kontijiet tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2007 (4),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (5),

    wara li kkunsdira l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0152/2009),

    1.

    Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2007;

    2.

    Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Hans-Gert PÖTTERING

    Is-Segretarju Ġenerali

    Klaus WELLE


    (1)  ĠU L 77, 16.3.2007.

    (2)  ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.

    (3)  ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.

    (4)  ĠU C 318, 12.12.2008, p. 1.

    (5)  ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tat-23 ta’ April 2009

    li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007, Taqsima V – Qorti tal-Awdituri

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2007 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2007 – Volum I (C6-0419/2008) (2),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2007,

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet li jkunu qed jiġu verifikati (3),

    wara li kkunsidra r-rapport mill-Awditur Estern dwar il-Kontijiet tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2007 (4),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (5),

    wara li kkunsdira l-Artikoli 272(10), 274, 275 u 276 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0152/2009),

    1.

    Jinnota li fl-2007 l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) kellha approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli li jammontaw għal total ta’ EUR 122 miljun (2006: EUR 114-il miljun (7)), b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 90,21 %, taħt il-medja tal-istituzzjonijiet l-oħra 93,82 %);

    2.

    Ifakkar li, fir-rigward tas-sena finanzjarja 2007, il-kontijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġew verifikati minn ditta esterna, PricewaterhouseCoopers (fis-snin preċedenti, mill-KPMG), li waslet għal dawn il-konklużjonijiet:

    (a)

    fir-rigward tal-korrettezza tal-kontijiet għas-sena finanzjarja 2007, li “[f]l-opinjoni tagħna, dawn ir-rendikonti finanzjarji jagħtu stampa reali u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-31 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll tal-prestazzjoni finanzjarja tagħha u l-likwidità tagħha għas-sena li għalqet f’dik id-data, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 [dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi u r-Regoli tal-Kontabilità tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri”; u

    (b)

    fir-rigward tal-użu tar-riżorsi finanzjarji assenjati lill-Qorti u ma’ kemm huma xierqa l-proċeduri ta’ kontroll fis-seħħ matul is-sena finanzjarja 2007, li “xejn ma ġibed l-attenzjoni tagħna biex iġiegħlna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u abbażi tal-kriterji (identifikati), (a) ir-riżorsi assenjati lill-Qorti ma ntużawx għall-għanijiet li għalihom kienu intiżi u (b) il-proċeduri ta’ kontroll fis-seħħ ma jagħtux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli”;

    3.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-sistema integrata ġdida għall-immaniġġjar u l-kontroll finanzjarju (SAP), li ilha topera mill-1 ta’ Jannar 2008, ġiet żviluppata fuq bażi interistituzzjonali mill-Kunsill, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk tirrapreżenta ffrankar baġitarju sostanzjali u anke gwadanji fl-effiċjenza għat-tliet istituzzjonijiet involuti;

    4.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-koperazzjoni produttiva interistituzzjonali mal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-taħriġ;

    5.

    Jinnota li r-rapport tal-2007 tal-Awditur Intern tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien, fil-biċċa l-kbira, pożittiv u stabilixxa li l-proġett tal-bini K2 ġie mmaniġġjat b’mod effettiv u li l-K2 ingħata diversi xhur qabel ma kien ippjanat u fil-limiti tal-pakkett baġitarju previst; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, il-fatt li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Awditur Intern ġew aċċettati u integrati fi pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva;

    6.

    Jinnota li, waqt l-2007, ingħaqdu żewġ Membri ġodda mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, wara l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija; jinnota l-fatt li l-prinċipju organizzattiv oriġinali tal-funzjoni Ewropea tal-verifika - ċittadin wieħed minn kull Stat Membru - issa rriżulta f’organizzazzjoni mmexxija minn kulleġġ ta’ 27 Membru; huwa konvint li din l-istruttura laħqet il-limiti tagħha u li hemm bżonn ta’ tisħiħ u riforma fil-fond fir-rigward tal-arranġamenti dwar il-verifiki esterni tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li iktar ma tkun b’saħħitha l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, iktar tkun b’saħħitha l-awtorità ta’ kwittanza u l-iskrutinju tal-eżekuttiv ikun aħjar; għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri biex jibdew diskussjonijiet dwar riforma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u biex jinkludu lill-Parlament f’dawn id-diskussjonijiet;

    7.

    Josserva li rapport ta’ “reviżjoni inter pares” minn grupp internazzjonali ta’ reviżjoni inter pares ġie pprovdut f’Diċembru 2008; jiddispjaċih mill-fatt li r-rapport ma indirizzax il-kwistjoni fundamentali dwar jekk l-istruttura attwali tal-funzjoni ta’ verifika esterna tal-Unjoni hijiex adegwata;

    8.

    Jinnota, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Membri, li, f’konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jikkomunikaw dikjarazzjoni dwar l-interessi finanzjarji u l-assi l-oħra tagħhom (inklużi ishma, bonds konvertibbli, ċertifikati ta’ investiment, kif ukoll art u propjetà immobbli, flimkien mal-attivitajiet professjonali tal-konjuġi tagħhom) lill-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jżommhom fir-rispett tal-kunfidenzjalità, u li dawn ma jiġux ippubblikati;

    9.

    Itenni t-talba tiegħu li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju u fl-interessi tat-trasparenza, il-Membri tal-istituzzjonijiet kollha għandhom jiġu rikjesti jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji, li għandha tkun disponibbli fuq l-Internet permezz ta’ reġistru pubbliku; ma jaqbilx li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha tistenna, kif ġie suġġerit, sakemm ikun hemm format standardizzat disponibbli, applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jipproponi li jinħatru uffiċjali indipendenti ta’ monitoraġġ f’kull istituzzjoni li xogħolhom ikun li jirraportaw kull sena b’mod pubbliku dwar id-dikjarazzjonijiet li jkunu rċevew;

    10.

    F’dan il-kuntest, jitlob lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex fir-rapport ta’ attività li jmiss tagħha, tinkludi kapitolu li jagħti rendikont dettaljat tas-segwitu mwettaq matul is-sena għad-deċiżjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tal-Parlament, li jkun jinkludi l-ispjegazzjonijiet possibbli għalfejn ir-rakkomandazzjonijiet ma ġewx segwiti;

    11.

    Jinnota li, minkejja l-emendi għar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli tiegħu tal-akkwist għadhom eċċessivament onerużi għall-istituzzjonijiet iż-żgħar, bħall-EPDS, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mas-sejħiet għall-offerti f’kuntratti relattivament żgħar; jistieden lill-Kummissjoni biex hi u tagħmel ix-xogħol preliminari tagħha qabel ma jinkitbu proposti futuri għal emendi għar-Regolament Finanzjarju, tikkonsulta b’mod estensiv mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u mas-Segretarjat tiegħu sabiex tiżgura li jittieħed kont sħiħ tal-preokkupazzjonijiet tagħhom fl-abbozz finali;


    (1)  ĠU L 77, 16.3.2007.

    (2)  ĠU C 287, 10.11.2008, p. 1.

    (3)  ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.

    (4)  ĠU C 318, 12.12.2008, p. 1.

    (5)  ĠU C 287, 10.11.2008, p. 111.

    (6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (7)  2005: EUR 107 500 000.


    Top