EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2009_088_R_0234_01

2009/231/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2008 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 22 ta' April 2008 b'osservazzjonijiet li huma parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja

ĠU L 88, 31.3.2009, p. 234–241 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 88/234


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta' April 2008

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006

(2009/231/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet finali annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet tal-Eurojust (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat KE u, b'mod partikulari, l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari, l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li waqqfet il-Eurojust bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra r-reati serji (4), u b'mod partikulari, l-Artikolu 36 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0129/2008),

1.

Jagħti l-kwittanza tiegħu lid-direttur amministrattiv tal-Eurojust fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006;

2.

Jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni li ġejja;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha lid-Direttur amministrattiv tal-Eurojust, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u sabiex jagħmel arranġamenti biex jiġu ppublikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Harald RØMER


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 57.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 111.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-22 ta' April 2008

b'osservazzjonijiet li huma parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Eurojust għas-sena finanzjarja

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet finali annwali tal-Eurojust għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet tal-Eurojust (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat KE u, b'mod partikulari, l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari, l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li waqqfet il-Eurojust bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra r-reati serji (4), u b'mod partikulari, l-Artikolu 36 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0129/2008),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 huma affidabbli, u li t-transazzjonijiet huma legali u regolari,

B.

billi fl-24 ta' April 2007 il-Parlament tal-kwittanza amministrattiv lid-Direttur tal-Eurojust rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2005 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu flimkien mad-deċiżjoni ta' kwittanza, inter alia

stieden lill-Eurojust biex itejjeb it-tbassir tal-ispiża relatata mat-tħaddim tiegħu,

innota li fl-2005, il-Eurojust kien għadu ma kellux regolament finanzjarju intern tiegħu (għalkemm skont it-tweġibiet tal-Eurojust, kien hemm fethim mal-Kummissjoni dwar test u ġie adottat mill-Kulleġġ fl-20 ta' April 2006),

stieden lill-Eurojust biex jinforma l-Parlament dwar l-adozzjoni mill-Bord tiegħu ta' kwalunkwe standards interni ta' kontroll,

talab lill-Eurjust biex tippreżenta lill-Parlament deskrizzjoni qasira ta' kwalunkwe titjib fil-listi ta' verifika li jikkonċernaw il-proċeduri ta' akkwisti u impjegar f'biżżejjed żmien qabel il-proċedura ta' kwittanza tal-2006,

Punti ġenerali li jirrelataw ma' kwistjonijiet orizzontali li jaffetwaw l-aġenziji tal-UE u li għalhekk jinfluwenzaw il-proċedura ta' kwittanza ta' kull aġenzija individwali.

1.

Jinnota li l-baġits tal-24 aġenzija u korpi oħra anċiallari li l-verifika tagħhom issir mill-Qorti tal-Awdituri ammontaw għal EUR 1,080,5 miljuni fl-2006 (l-akbar wieħed kien dak tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li laħaq il-EUR 271 miljun u l-iżgħar dak tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li laħaq EUR 5 miljuni);

2.

Jinnota li l-medda ta' korpi esterni tal-UE lu huma suġġetti għall-verifika u l-kwittanza issa jinkludu mhux biss l-aġenziji regolatorji tradizzjonali, imma wkoll l-aġenziji eżekuttivi mwaqqfa biex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur se jkunu suġġett wkoll intrapriżi konġunti mwaqqfa bħala sħubijiet pubbliċi-privati (inizjattivi konġunti fit-teknoloġija);

3.

Josserva li, f'dak li jirrigwarda l-Parlament, in-numru ta' aġenziji suġġetti għall-proċedura ta' kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (mhux inklużi 2 aġenziji li jiġu verifikati mill-Qorti tal-Awdituri imma mhumiex suġġetti għall-proċess intern ta' kwittanza);

4.

Għalhekk jikkonkludi li l-proċess ta' verifika/kwittanza sar wieħed kumplikat u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġit tal-aġenziji/korpi anċillari; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu biex jagħmel reviżjoni wiesgħa tal-proċess ta' kwittanza f'dak li jirrigwarda l-aġenziji u l-korpi anċillari, bil-għan li jinstab metodu aktar faċli u aktar razzjonali, billi jitqies in-numru li dejjem qed jikber ta' korpi, li fis-snin li ġejjin, se jeħtieġu individwalment rapport separat ta' kwittanza;

Kunsiderazzjonijiet fundamentali

5.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi spjegazzjonijiet ċari rigward l-elementi li ġejjin, qabel ma tinħoloq aġenzija ġdida jew issir riforma ta' aġenzija eżistenti: it-tip ta' aġenzija, l-objettivi tal-aġenzija, l-istruttura interna ta' tmexxija, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri prinċipali, il-gruppi fil-mira, il-klijenti u l-partijiet interessati tal-aġenzija, ir-relazzjoni formali mal-partijiet interessati esterni, ir-responsabbilità tal-baġit, l-ippjanar finanzjarju, l-istaff u l-politika ta' impjegar;

6.

Jitlob sabiex kull aġenzija tkun immexxija minn ftehim annwali ta' prestazjoni mħejji mill-aġenzija u d-DĠ responsabbli u li għandu jkun fih l-objettivi prinċipali għas-sena li ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għat-tkejjil tal-prestazjoni;

7.

Jitlob li l-prestazjoni tal-aġenziji tkun ivverifikata regolarment (u mhux fuq bażi ad hoc) mill-Qorti tal-Awdituri jew minn awdituri indipendenti ieħor; iqis li dan m'għandux ikun limitat għal elementi tradizzjonali ta' mmaniġġjar finanzjarju u l-użu tajjeb ta' fondi pubbliċi, imma għandu jkopri wkoll l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni u għandu jinkludi klassifikazzjoni tal-immaniġġjar finanzjarju ta' kull aġenzija;

8.

Huwa tal-opinjoni li fil-każ ta' aġenziji li kontinwament jagħmlu stima għall-baġit tagħhom li taqbeż il-ħtiġijiet rispettivi tagħhom, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku fuq il-bażi ta' postijiet vakanti; huwa tal-opinjoni li, fuq tul ta' żmien, dan se jwassal għal anqas fondi assenjati għall-aġenziji u għalhekk għal anqas spejjeż amministrattivi;

9.

Jinnota li din hija problema serja u li numru ta' aġenziji huma kritikati għax ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament tal-Istaff, eċċ.; iqis li r-raġuni prinċipali għal dan huwa li l-parti l-kbir tar-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassal għal istituzzjonijiet ta' daqs akbar u li ħafna mill-aġenziji żgħar m'għandhomx il-massa kritika biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw ir-rekwiżiti regolatorji; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfittex soluzzjoni ta' malajr biex ittejjeb l-effettività billi tiġbor flimkien il-funzjonijiet amministrattivi varji tal-aġenziji, bil-għan li tikseb din il-massa kritika (billi tqis it-tibdil meħtieġ fir-regolamenti bażiċi li jmexxu l-aġenziji u l-indipendenza tagħhom tal-baġit), jew biex tħejji b'urġenza abbozz ta' regoli speċifiċi għall-aġenziji (partikularment regoli ta' implimentazzjoni għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi bis-sħiħ;

10.

Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tħejji l-Abbozz ta' Baġit Preliminari, tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit minn aġenziji individwali fis-snin ta' qabel, partikularment fis-sena n-1, u tirrevedi kif xieraq il-baġit mitlub minn aġenzija partikulari; jistieden lill-kumitat kompetenti sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk il-Kummissjoni ma twettaqiex, jirrevedi huwa stess il-baġit partikulari biex jirrifletti livell reali ta' kapaċità ta' assorbiment u implimentazzjoni tal-aġenzija taħt eżami;

11.

Ifakkar id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2005, fejn stieden lill-Kummissjoni biex, kull sena, tippreżetna studju dwar il-valur miżjud ta' kull aġenżija eżisteni; jistieden lil kull istituzzjoni rilevanti biex fil-każ ta' evalwazzjoni negattiva ta' valur miżjud ta' aġenzija, jieħdu l-passi meħtieġa biex jirriformulaw il-mandat ta' dik l-aġenzija jew biex jagħlquha; jinnota li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni waħda matul is-sena 2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta mill-anqas 5 evalwazzjonijiet bħal dawn qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2007, billi tibda bl-aġenziji l-aktar qodma;

12.

Huwa tal-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għandhom ikunu implimentati mill-ewwel u l-livell tas-sussidji mogħti lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet veri fi flus; barra minn hekk iqis li l-emendi tar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom ikunu inkorporati fir-Regolament ta' Qafas Finanzjarju tal-aġenziji u fir-regolamenti finanzjarji speċifiċi u varji tagħhom;

13.

Jinsab imħasseb dwar in-numru sinifikanti ta' staff impjegat fuq bażi temporanja, b'tali mod li dan jista' jxekkel il-kwalità tax-xogħol taghom; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb is-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Istaff min-naħa tal-aġenziji;

Il-preżentazzjoni tad-data ta' rappurtaġġ

14.

Jinnota li fost l-aġenzija ma jeżistix metodu standard ta' preżentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom waqt is-sena finanzjarja taħt eżami u tal-kontijiet u r-rapporti tagħhom dwar l-immaniġġjar tal-baġit u dak finanzjarju, u lanqas dwar il-kwistjoni ta' jekk għandiex titħejja dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mid-direttur tal-aġenzija; jinnota li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b'mod ċar bejn (a) il-preżentazzjoni tal-ħidma tal-aġenzija lill-pubbliku u (b) ir-rapporti tekniċi dwar l-immaniġġjar tal-baġit u dak finanzjarju;

15.

Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet permanenti tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni ta' rapporti ta' attività ma jitolbux, b'mod dirett, li l-aġenzija tħejji dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, ħafna diretturi xorta ħejjew tali dikjarazzjoni fl-2006, u f'każ wieħed din kienet tinkludi żamma importanti ta' dritt;

16.

Ifakkar il-paragrafu 25 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 (7), u jistieden lid-Diretturi tal-Aġenziji biex min issa “l quddiem flimkien mar-rapport annwali tagħhom dwar l-attivitajiet li jitressaq flimkien ma' informazzjoni finanzjarja u ta' mmaniġġjar, jippreżentaw dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni li tirrigwardsal-legalità u r-regolarità tal-operat tagħhom, simili għad-dikjarazzjonijiet iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex temenda l-istruzzjonijiet permanenti tagħha kif xieraq;

18.

Barra minn hekk jissuġerrixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem mal-aġenziji favur il-produzzjoni ta' mudell armonizzat applikabbli għall-aġenziji u l-korpi anċillari kollha billi tagħmel distinzjoni ċara bejn

rapport annwali għandu l-iskop li jagħti ħarsa ġenerali tal-operat, tal-ħidma u tat-twettiq tal-korp,

dikjarazzjonijiet finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit,

rapport dwar l-attivitajiet b'mod simili ta' rapporti tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni dwar attivitajiet,

dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma' kwalunkwe riserva jew osservazzjoni oħra meqjusa xierqa li titwassal għall-attenzjoni tal-awtorità li tagħti l-kwittanza;

Osservazzjonijiet ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri

19.

Jinnota li l-Qorti sabet (Rapport Annwali, paragrafu 10.29 (8) li l-infiq ta' sussidji mħallsa mill-Kummissjoni mill-baġit Komunitarju mhux ibbażati fuq stimi ġustifikati biżżejjed tal-ħtiġijiet fi flus tal-aġenziji u dan, flimkien mal-fondi trasferiti, jwassal li jkollhom bilanċi kbar fi flus; barra minn hekk jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta' sussidji mħallsa lill-aġenziji għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet veri fi flus;

20.

Jinnota li fl-aħħar tas-sena 2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema ta' kontabilità ABAC (Rapport Annwali, nota ta' qiegħ il-paġna tal-paragrafu 10.31);

21.

Jinnota r-rimarka tal-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 1.25) rigward tariffi b'lura konnessi ma vaganzi annwali mhux meħuda u li jiġi kkunsidrati minn xi aġenziji; jenfasizza li l-Qorti tal-Awdituri ddistingwiet id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha fil-każ ta' tliet aġenziji (Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), CEPOL u l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: Cedefop, l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza tal-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-rikostruzzjoni);

Verifika interna

22.

Ifakkar li skont l-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern tal-aġenziji regolatorji li jirċievu għotjiet mill-baġit tal-UE; jenfasizza li l-Awditur Intern jirraporta lil bord ta' tmexxija u lid-direttur ta' kull aġenzija;

23.

Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riserva mdaħħla fir-Rapport tal-Awditur dwar l-Attivitajiet Annwali għall-2006 kif ġej:

“L-Awditur Intern tal-Kummissjoni mhux f'pożizzjoni li jwettaq bis-sħiħ l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi Komunitarji minħabba nuqqas ta' riżorsi tal-istaff.”;

24.

Madankollu, jinnota r-rimarka tal-Awditur Intern fir-rapport tiegħu ta' attività għall-2006, li mill-2007, b'aktar staff allokat mill-Kummissjoni lis-Servizz tal-Awdituri Intern (IAS), kull aġenzija regolatorja li topera se tkun suġġetta għal verifika interna fuq bażi annwali;

25.

Jinnota n-numru li dejjem qed jiżdied ta' aġenziji regolatorji u eżekuttivi u intrapriżi konġunti li jeħtieġ li kunu vverifikati mill-IAS skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat kompetenti tagħha dwar jekk l-istaff disponibbli għall-IAS hux se jkun biżżejjed biex titwettaq verifika annwali ta' korpi kollha bħal dawn fis-snin li ġejjin;

26.

Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jitlob li kull aġenzija tibgħat lill-awtorità li tagħti l-kwittanza u lill-Kummissjoni, kull sena, rapport imħejji mid-direttu tagħha li jissintetizza n-numru u t-tip ta' verifiki interni li jkunu saru mill-awditur interni, ir-rakkommandazzjonijiet magħmula u l-azzjoni li ttieħdet fuq dawk ir-rakkommandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji biex jindikaw jekk dan hux isir, u jekk iva, il-mod ta' kif isir;

27.

F'dak li jirrigwarda l-kapaċità ta' verifika interna, speċjalment f'dak li rigward l-aġenziji ż-żgħar, jieħu nota ta' proposta magħmula mill-Awditur Intern lill-kumitat kompetenti tal-Parlament fl-14 ta' Settembru 2006, li l-aġenziji ż-żgħar għandu jkunu awtorizzati li jixtru servizzi ta' verifika mis-settur privat;

L-evalwazzjoni tal-aġenziji

28.

Ifakkar id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (9) nnegozjata waqt il-konċiljazzjoni qabel il-Kunsill tal-Baġit tal-ECOFIN tat-13 ta' Lulju 2007 li sejjaħ għal (i) lista ta' aġenziji li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tevalwa, u (ii) lista ta' aġenziji diġà evalwati, flimkien ma' sintesi tas-sejbiet prinċipali;

Proċeduri dixxiplinari

29.

Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, huwa diffiċili għall-aġenziji individwali li jwaqqfu bords dixxiplinari ad hoc magħmula minn staff ta' grad xieraq fil-karriera u li l-IDOC tal-Kummissjoni (Uffiċju għall-Investigazzjoni u d-Dixxipplina) mhux kompetenti għall-aġenziji; jistieden lill-aġenziji biex jikkunsidraw board dixxiplinari ta' bejn l-aġenziji;

Abbozz ta' Ftehim Inter-Istituzzjonali

30.

Iffakkar l-abbozz ta' ftehima interistituzzjonali dwar il-qafas ta' ħidma għall-aġenziji regolatorji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni (COM(2005) 59), li l-għan tagħha kien li toħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, għall-istruttura, għall-operat, u għall-evalwazzjoni u kontroll tal-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bil-għan li l-ħolqien u t-tmexxija tal-aġenziji jiġu razzjonalizzati; jinnota d-dikjarazzjoni fir-rapport ta' sintesi tal-Kummissjoni tal-2006 (paragrafu 3.1 COM(2007) 274) li għalkemm il-progress fin-negozjati waqaf wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz, id-diskussjonijiet reġgħu nbdew fil-Kunsill fl-aħħar tal-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir aktar progress favur l-adozzjoni;

31.

Għalhekk jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-futur tal-aġenziji regolatorji waqt is-sena 2008;

Agenziji awto-finanzjati

32.

Ifakkar li fil-każ taż-żewġ aġenziji awot-finanzjati, il-bord amministrattiv jagħti l-kwittanza lid-direttur; jinnota li it-tnejn għandhom surplus akkumulat sinifikanti minn dħul trasferit mis-snin ta' qabel;

L-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern, flus u ekwivalenti ta' flus: EUR 281 miljuni (10),

L-Uffiċċju Komunitarju għall-Varjetajiet ta' Pjanti, flus u ekwivalenti ta' flus: EUR 18 miljuni (11);

Punti speċifiċi

33.

Jinnota li l-osservazzjoni tal-Qorti fir-rapport tagħha tas-sena 2006, li r-rata tal-fondi trasferiti kienet ta' 33 % għal spiża amministrattiva ta' 30 % għal spiża għat-tħaddim, fejn kien hemm numru kbir ta' trasferimenti ta' approprazzjonijiet bejn il-linji tal-baġit u f'ħafna każijiet, id-dokumentazzjoni supplimentari ma kienetx dettalljata biżżejjed u b'hekk il-prinċipju baġitarju tal-ispeċifikazzjoni ma kienx osservat kif xieraq;

34.

Barra minn hekk jinnota s-sejbien tal-Qorti li r-regoli dwar l-akkwist ma kienux osservati kif xieraq, u li ma ġiex stabbilit reġistru tal-assi fissi, li jinkludi l-assi u l-valur tagħhom, u lanqas ġie użat fis-sorveljanza tal-propjeta tal-Eurojust; jistieden lill-Eurojust biex jimplimenta regoli stretti dwar l-akkwist, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda l-kuntratti ta' qafas;

35.

Jinnota, mill-kontijiet u r-rapport dwar il-baġit u l-immaniġġjar finanzjarju:

surplus akkumulat ta' EUR 3.3 miljuni għal totatl tal-karta tal-bilanċ ta' EUR 7.3 miljuni,

reviżjoni tat-tariffa ta' kiri mħallsa mill-Eurojust għall-fond tagħha li rriżulta fl-irkupru ta' EUR 952 403 għall-perjodu 2003 sal-2005,

responsabilità kontinġenti għal ammont stimat ta' EUR 388 297 fir-rigward ta' kawżi kontenzjużi quddiem it-Tribunal tas-Servizz Ċivili,

dikjarazzjoni li l-Eurojust adotta ċirkuwitu finanzjarju ċentralizzat u li l-“Linji gwida dwar iċ-Ċirkuwiti Finanzjarji u l-isseparar tad-dmirijiet fil-Eurojust” tqassmu lill-partijiet interessati kollha sabiex ikunu konxji mir-responsabilitajiet tagħhom, flimkien mal-introduzzjoni ta' listi ta' verifikar u kontrolli regolari ex-post;

36.

Madankollu, jinsab imħasseb dwar ir-referenza fil-kontijiet li transazzjonijiet anqas minn EUR 1000, jiġu vverifikati minn uffiċċjal li jawtorizza, u dan kontra l-prinċipju tas-separazzjoni tad-dmirijiet;

37.

Jesprimi tħassib dwar ċertu dikjarazzjonijiet fir-rapport annwali tal-Eurojust li għandhom influwenza sinifikanti fuq il-ġlieda kontra l-frodi:

Il-Eurojust għadu ma jħossx li l-kapaċità tiegħu li jiffaċċja x-xogħol relatat mal-każijiet qed tkun sfruttata kemm jista' jkun,

matul l-2006 kien għad hemm ħafna opportunitajiet sabiex ir-relazzjoni tal-Eurojust mal-OLAF tkun żviluppata, inkluż permezz ta' ftehima formali ta' koperazzjoni,

id-diżappunt tal-Eurojust minħabba li ma deherx possibbli li l-Eurojust u l-Europol ikunu allokat flimkien fil-fond ġdid propost f'The Hague, u b'hekk intilfet opportunità għat-tnejn li huma li jiffrankaw l-ispejjeż u jkollhom kapaċità ta' sinerġiji li jkunu disponibbli għall-Istati Membri billi titejjeb l-effettività taż-żewġ organizzazzjonijiet billi jitpoġġew fl-istess sit;

38.

Jinnota li kien hemm ftehim dwar ir-regolament finanzjarju tal-Eurojust mal-Kummissjoni f'Marzu 2006 u adottat mill-Kulleġġ fl-20 ta' April 2006;

39.

Jinnota li huwa mistenni li l-Eurojust jimla' l-pożizzjoni ta' awditur intern fl-ewwel nofs tas-sena 2008.


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 57.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 111.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 187, 15.7.2008, p. 135.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li fiha l-kummenti ppreżentati mad-deċiżjoni dwar il-kwittanza lid-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust rigward l-implipentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 108).

(8)  ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.

(9)  Dokument tal-Kunsill DS 605/1/07 Rev. 1

(10)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 141).

(11)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 135).


Top