EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2009_088_R_0134_01

2009/207/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta' April 2008 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi għas-sena finanzjarja 2006
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta'April 2008 li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi għas-sena finanzjarja 2006

ĠU L 88, 31.3.2009, p. 134–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 88/134


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta' April 2008

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi għas-sena finanzjarja 2006

(2009/207/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0116/2008),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi b'rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2006;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lid-direttur taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje L).

Il-President

Hans-Gert PÖTTERING

Is-Segretarju Ġenerali

Harald RØMER


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 67.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 128.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-22 ta'April 2008

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Drogi għas-sena finanzjarja 2006

Il-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew ta'Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi għas-sena finanzjarja 2006 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew ta'Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta'Frar 2008 (5843/2008 – C6-0084/2008),

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-KE, u b'mod partikulari l-Artikolu 276 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta'Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta'Diċembru 2006 dwar iċ-Ċentru Ewropew ta'Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 15 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta'Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta'Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0116/2008),

A.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2006 huma ta'min wieħed joqgħod fuqhom, u li t-tranżazzjonijiet bażiċi huma legali u regolari,

B.

billi fl-24 ta'April 2007, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2005 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta'kwittanza fost affarijiet oħrajn

innota li l-ispiża tal-amministrazzjoni uriet rata għolja ta'trasferiment għas-sena ta'wara ta'kważi 40 %; stieden liċ-Ċentru sabiex imexxi aħjar il-politika dwar l-akkwist sabiex jevita trasferimenti ta'approprjazzjonijiet,

innota nuqqasijiet fir-reklutaġġ tal-istaff u fil-proċeduri tal-missjonijiet u stieden liċ-Ċentru sabiex japplika dawk il-proċeduri kif suppost,

innota li waqt il-proċedura ta'kontrolli dwar l-akkwisti u l-proċeduri kuntrattwali dehru numru ta'anomaliji,

stieden liċ-Ċentru sabiex jinkludi sistemi ta'inventarju ta'assi fissi fil-kontijiet ġenerali peress li mingħajr sistema ta'tikkettar ta'min joqgħod fuqha ma tkunx tista'tiġi żgurata t-traċċabiltà tal-assi mdaħħla fl-inventarju,

 

Punti ġenerali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw lill-aġenziji tal-UE u li jħallu effett fuq il-proċedura ta'kwittanza għal kull waħda mill-aġenziji individwali

1.

Jinnota li l-baġits tal-24 aġenzija u ta'korpi relatati oħrajn li saritilhom il-verifika mill-Qorti tal-Awdituri kienu jammontaw għal EUR 1 080,5 miljun fl-2006 (l-akbar baġit kien tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni li kien jammonta għal EUR 271 miljun u l-iżgħar baġit kien tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) li kien jammonta għal EUR 5 miljun);

2.

Jenfasizza l-fatt li l-firxa ta'korpi esterni tal-UE li huma suġġetti għal verifika u għal kwittanza issa tinkludi mhux biss aġenziji regolatorji tradizzjonali iżda wkoll aġenziji eżekuttivi li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw programmi speċifiċi, u fil-futur qrib se testendi wkoll għal intrapriżi konġunti li ġew stabbiliti bħala ftehimiet ta'sħubija pubbliċi-privati (inizjattivi teknoloġiċi konġunti);

3.

Josserva fir-rigward tal-Parlament li l-għadd ta'aġenziji suġġetti għall-proċedura ta'kwittanza evolva kif ġej: sena finanzjarja 2000: 8; 2001: 10; 2002: 11; 2003: 14; 2004: 14; 2005: 16; 2006: 20 aġenzija regolatorja u 2 aġenziji eżekuttivi (m'humiex inklużi 2 aġenziji li jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Awdituri iżda li huma suġġetti għal proċess ta'kwittanza intern);

4.

Għaldaqstant, jikkonkludi li l-proċess ta'verifika/kwittanza sar ineffiċjenti u sproporzjonat meta mqabbel mad-daqs relattiv tal-baġits tal-aġenziji/tal-korpi satelliti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jagħmel reviżjoni fuq firxa wiesgħa tal-proċess ta'kwittanza fir-rigward ta'aġenziji u korpi satelliti bil-għan li jitfassal metodu iktar sempliċi u razzjonali, filwaqt li jżomm f'moħħu l-għadd dejjem jikber ta'korpi li kull wieħed minnhom jesiġi rapport ta'kwittanza separat fis-snin li ġejjin;

Kunsiderazzjonijiet fundamentali

5.

Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi spjegazzjonijiet ċari fir-rigward tal-elementi li ġejjin qabel il-ħolqien ta'aġenzija ġdida jew ir-riforma ta'aġenzija eżistenti: it-tip ta'aġenzija, l-għanijiet tal-aġenzija, l-istruttura ta'governanza interna, il-prodotti, is-servizzi, il-proċeduri ewlenin, il-grupp fil-mira, il-klijenti u l-partijiet interessati tal-aġenzija, ir-relazzjoni formali mal-atturi esterni, ir-responsabiltà tal-baġit, l-ippjanar finanzjarju, u l-politika dwar l-istaff u l-politika rigward l-istaff;

6.

Jitlob li kull aġenzija tkun irregolata minn ftehima annwali rigward ir-rendiment li tkun ifformulata mill-aġenzija u mid-DĠ responsabbli u li għandha tinkludi l-għanijiet ewlenin għas-sena li tkun ġejja, qafas finanzjarju u indikaturi ċari għall-kejl tar-rendiment;

7.

Jitlob li l-eżekuzzjoni tal-aġenziji tiġi vverifikata b'mod regolari (u fuq bażi ad hoc) mill-Qorti tal-Awdituri jew minn awditur indipendenti ieħor; iqis li din il-verifika m'għandhiex tkun limitata għal elementi tradizzjonali ta'ġestjoni finanzjarja u għall-użu kif suppost tal-fondi pubbliċi, iżda għandha tkopri wkoll l-effiċjenza u l-effikaċja amministrattiva u għandha tinkludi klassifika tal-ġestjoni finanzjarja ta'kull aġenzija;

8.

Jargumenta li fil-każ ta'aġenziji li qegħdin kontinwament jgħollu ‘l fuq il-ħtiġijiet tal-baġit tagħhom rispettiv, għandu jkun hemm tnaqqis tekniku skont il-postijiet vakanti; huwa tal-opinjoni li dan għandu jwassal, fl-aħħar mill-aħħar, għal dħul inqas assenjat għall-aġenziji u għalhekk inaqqas ukoll l-ispejjeż amministrattivi;

9.

Jinnota li hija problema serja li numru ta'aġenziji jiġu kkritikati talli ma jsegwux ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti tal-Istaff eċċ.; jikkunsidra li r-raġuni ewlenija għal dan hija li ħafna mir-regolamenti u r-Regolament Finanzjarju huma mfassla għal istituzzjonijiet akbar u li ħafna mill-aġenziji ż-żgħar m'ghandhomx il-kapaċità mixtieqa biex jaqdu dawn il-ħtiġijiet regolatorji; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni sabiex issib soluzzjoni malajr kemm jista'jkun, ħalli titjieb l-effiċjenza billi jingħaqdu flimkien il-funzjonijiet amministrattivi ta'diversi aġenziji, sabiex tinkiseb din is-saħħa (billi wieħed jikkunsidra l-bidliet meħtieġa fir-regolamenti bażiċi li jmexxu lill-aġenziji u l-indipendenza baġitarja tagħhom), jew sabiex jinħoloq abbozz ta'regoli speċifiċi għall-aġenziji (b'mod partikolari billi jiġu implimentati regoli għall-aġenziji) li jippermettulhom li jkunu konformi fit-totalità tagħhom;

10.

Jinsisti li l-Kummissjoni, meta tkun qed tfassal l-Abbozz Preliminari tal-Baġit, tqis ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-aġenziji individwali fis-snin ta'qabel, b'mod partikolari għas-sena n-1, u tirrevedi l-baġit rikjest mill-aġenzija partikolari kif meħtieġ; jistieden lill-Kumitat kompetenti tiegħu sabiex jirrispetta din ir-reviżjoni u, jekk ma jkunx diġà ġie rivedut mill-Kummissjoni, jirrevedi huwa stess il-baġit imsemmi fuq livell realistiku li jaqbel mal-kapaċità ta'assorbiment u implimentazzjoni tal-aġenzija imsemmija;

11.

Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza b'rabta mas-sena finanzjarja 2005, fejn huwa stieden lill-Kummissjoni sabiex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta'kull aġenzija li teżisti; jistieden lill-istituzzjonijiet relevanti kollha sabiex, f'każ ta'evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta'aġenzija, jieħdu l-passi neċessarji, billi jifformulaw mill-ġdid il-mandat ta'dik l-aġenzija jew billi jagħlquha; jinnota li ma saret l-ebda evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2007; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta, tal-inqas, 5 minn dan it-tip ta'evalwazzjonijiet qabel id-deċiżjoni dwar il-kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2007, billi tibda mill-iżjed aġenzija antika;

12.

Huwa tal-opinjoni li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu implimentati minnufih, u li l-livell tas-sussidji mħallsa lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tagħhom għall-flus kontanti; barra minn hekk iqis li l-emendi għar-Regolament Finanzjarju ġenerali għandhom jiġu inkorporati fir-regolament ta'qafas finanzjarju tal-aġenziji kif ukoll fir-regolamenti finanzjarji speċifiċi varji;

Preżentazzjoni tad-data ta'rappurtaġġ

13.

Jinnota li m'hemm ebda metodu standard fost l-aġenziji fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom matul is-sena finanzjarja kkonċernata u tal-kontijiet tagħhom u tar-rapporti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u l-anqas rigward jekk għandhiex titfassal dikjarazzjoni ta'assigurazzjoni mid-direttur tal-aġenzija; josserva li mhux l-aġenziji kollha jiddistingwu b'mod ċar bejn (a) il-preżentazzjoni tax-xogħol tal-aġenzija lill-pubbliku u (b) ir-rappurtar tekniku dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja;

14.

Jinnota li filwaqt li l-istruzzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni għall-preparazzjoni tar-rapporti ta'attività ma jesiġux b'mod espliċitu li l-aġenzija tfassal dikjarazzjoni ta'assigurazzjoni, bosta diretturi, minkejja dan, xorta waħda għamlu dan għall-2006, filwaqt li f'każ wieħed minnhom kienet inkluża riserva importanti;

15.

Ifakkar li l-paragrafu 25 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta'April 2005 (7), li jistieden lid-diretturi tal-aġenziji sabiex minn issa ‘l quddiem jibagħtu mar-rapport ta'attività annwali tagħhom, li jiġi ppreżentat flimkien mat-tagħrif finanzjarju u dwar il-ġestjoni, dikjarazzjoni ta'assigurazzjoni li tikkonċerna l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet, simili għad-dikjarazzjonijiet li ġew iffirmati mid-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex temenda l-istruzzjonijiet fis-seħħ tagħha lill-aġenziji skont dak li ntqal hawn fuq;

17.

Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha taħdem mal-aġenziji biex jinħoloq mudell armonizzat li japplika għall-aġenziji u għall-korpi satelliti kollha li jiddistingwi b'mod ċar bejn

rapport annwali maħsub għall-qarrejja ġenerali dwar l-operazzjonijiet, ix-xogħol u l-kisbiet tal-korp,

rendikontijiet finanzjarji u rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit,

rapport ta'attività simili għar-rapporti ta'attività tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni,

dikjarazzjoni ta'assigurazzjoni ffirmata mid-direttur tal-korp, flimkien ma'kull riserva jew osservazzjoni li jqis xierqa li għandha titqiegħed għall-attenzjoni tal-awtorità ta'kwittanza;

Sejbiet ġenerali mill-Qorti tal-Awdituri

18.

Jinnota dak li sabet il-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 10.29 (8) li l-ħruġ ta'sussidji li jitħallsu mill-Kummissjoni mill-baġit tal-Komunità m'huwiex ibbażat fuq stimi ġġustifikati biżżejjed tar-rekwiżiti ta'likwidità tal-aġenziji, u li dan, flimkien mad-daqs tat-trasferimenti għas-sena ta'wara, iwassal sabiex ikollhom bilanċi ta'kreditu kbar mhux ħażin; jinnota wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-livell ta'sussidji li jitħallsu lill-aġenziji għandu jkun konformi mal-bżonnijiet reali tagħhom għal dak li jirrigwardja l-likwidità;

19.

Jinnota li fi tmiem l-2006, 14-il aġenzija kienu għad iridu jimplimentaw is-sistema tal-kontijiet ABAC (Rapport Annwali, in-nota f'qiegħ il-paġna għall-paragrafu 10.31);

20.

Jinnota l-kumment tal-Qorti (Rapport Annwali, paragrafu 1.25) dwar spejjeż akkumulati minħabba liv li ma tteħidx li huma responsabbli għalihom uħud mill-aġenziji; jirrimarka li l-Qorti tal-Awdituri kkwalifikat id-dikjarazzjoni ta'assigurazzjoni tagħha fil-każ ta'tliet aġenziji (iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta'Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), CEPOL u l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji) għas-sena finanzjarja 2006 (2005: Cedefop, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni);

Verifika interna

21.

Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa wkoll l-awditur intern tal-aġenziji regolatorji li jingħataw għotjiet mill-baġit tal-UE; jirrimarka li l-Awditur Intern jirrapporta lill-bord ta'tmexxija u lid-direttur ta'kull aġenzija;

22.

Jiġbed l-attenzjoni għar-riserva li tniżżlet fir-Rapport tal-Attivitajiet Annwali tal-Awditur Intern għall-2006 kif ġej:

“L-Awditur Intern tal-Kummissjoni m'huwiex f'pożizzjoni li jissodisfa kif suppost l-obbligu tiegħu skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju bħala awditur intern tal-korpi tal-Komunità minħabba nuqqas ta'riżorsi ta'staff”;

23.

Jinnota, madankollu, il-kumment tal-Awditur Intern fir-rapport tal-attivitajiet tiegħu għall-2006 li mill-2007, bis-saħħa tar-riżorsi tal-istaff addizzjonali mogħtija mill-Kummissjoni lis-Servizz ta'Verifika Interna (IAS), l-aġenziji regolatorji operattivi kollha se jkunu suġġetti għal xogħol ta'verifika interna fuq bażi annwali;

24.

Jinnota l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta'aġenziji regolatorji u eżekuttivi u ta'intrapriżi konġunti li jeħtieġ li ssirilhom verifika mill-IAS skont l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-kumitat kompetenti tagħha dwar jekk ir-riżorsi tal-istaff għad-dispożizzjoni tal-IAS humiex se jkunu biżżejjed sabiex issir verifika annwali ta'dawn il-korpi kollha fis-snin li ġejjin;

25.

Josserva li l-Artikolu 72(5) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jeżiġi li kull aġenzija tibgħat kull sena lill-awtorità tal-kwittanza u lill-Kummissjoni rapport li jkun imħejji mid-direttur tagħha u li jiġbor fih l-għadd u t-tip ta'verifiki interni li saru mill-awditur intern, ir-rakkomandazzjonijiet li saru u l-azzjoni li ttieħdet dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet; jitlob lill-aġenziji sabiex jindikaw jekk dan huwiex qiegħed isir u, jekk inhu hekk, kif qiegħed isir;

26.

Jieħu nota, fir-rigward tal-kapaċità tal-verifika interna, l-iktar b'rabta mal-aġenziji iżgħar, ta'proposta li saret mill-Awditur Intern quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament nhar l-14 ta'Settembru 2006 li aġenziji iżgħar għandhom ikunu awtorizzati jixtru servizzi ta'verifika interna mis-settur privat;

Evalwazzjoni tal-aġenziji

27.

Ifakkar fl-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni (9) li ġiet innegozjata fil-konċiljazzjoni quddiem il-Kunsill tal-baġit ECOFIN tat-13 ta'Lulju 2007 li titlob (i) lista ta'aġenziji li l-Kummissjoni bi ħsiebha tevalwa, u (ii) lista ta'aġenziji li diġà ġew evalwati, flimkien ma'sommarju tar-riżultati prinċipali;

Proċeduri dixxiplinari

28.

Jinnota li, minħabba d-daqs tagħhom, aġenziji individwali jsibu diffikultà biex jistabbilixxu bordijiet ta'dixxiplina ad hoc minn fost staff li huwa ta'grad xieraq fil-karriera u li l-IDOC (l-Uffiċċju tal-Investigazzjoni u Dixxiplina) tal-Kummissjoni m'huwiex kompetenti għall-aġenziji; jitlob lill-aġenziji sabiex iqisu bord ta'dixxiplina komuni;

Abbozz ta'Ftehima Inter-istituzzjonali

29.

Ifakkar l-abbozz ta'ftehim Inter-istituzzjonali dwar il-ħolqien ta'qafas operattiv għall-aġenziji regolatorji Ewropej ippreżentat mill-Kummissjoni(COM(2005) 59), li kien maħsub li joħloq qafas orizzontali għall-ħolqien, l-istruttura, it-tħaddim, l-evalwazzjoni u l-kontroll tal-aġenziji regolatorji Ewropej; jinnota li l-abbozz jirrappreżenta inizjattiva utli bħala sforz sabiex ikunu rrazzjonalizzati l-ħolqien u l-immaniġġjar tal-aġenziji; jinnota l-istqarrija fir-rapport ta'sintesi 2006 tal-Kummissjoni (il-paragrafu 3.1, COM(2007) 274) li għalkemm ma sarx progress fin-negozjati wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz, tniedew mill-ġdid diskussjonijiet dwar sustanza fil-Kunsill fi tmiem l-2006; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsir iktar progress lejn l-adozzjoni;

30.

Jilqa'b'sodisfazzjon għaldaqstant, l-impenn tal-Kummissjoni li tressaq Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-aġenziji regolatorji matul l-2008;

Aġenziji ffinanzjati minnhom infushom

31.

Ifakkar li għaż-żewġ aġenziji li jiffinanzjaw lilhom infushom, id-direttur jingħata l-kwittanza mill-bord amministrattiv; jinnota li t-tnejn li huma għandhom eċċessi akkumulati sinifikanti minn dħul minn onorarji li jkunu ġew trasferiti minn ċifri tas-snin preċedenti:

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 281 miljun (10),

Uffiċċju tal-Komunità għall-Varjetajiet ta'Pjanti: flus kontanti u l-ekwivalenti fi flus kontanti: EUR 18-il miljun (11);

Punti speċifiċi

32.

Jinnota l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri fir-rapport tagħha għall-2006 li

iċ-Ċentru naqqas il-livell ta'trasferimenti għas-sena ta'wara għal 25 % fl-2006 (40 % fl-2005),

kien hemm dewmien fi ħlasijiet għall-punti fokali nazzjonali tar-REITOX (Netwerk Ewropew ta'Tagħrif dwar Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi) skont ftehimiet ta'għotjiet,

minkejja li s-sekondar tiegħu fit-tul mal-Kummissjoni fi Brussell kien wasal fi tmiemu, membru tal-istaff baqa'jitħallas miċ-Ċentru mingħajr ma reġa'beda x-xogħol f'Liżbona; jinnota li l-kwistjoni hi attwalment is-suġġett ta'proċeduri legali skont ir-Regolamenti tal-Istaff;

33.

Jilqa'b'sodisfazzjon il-ħidma taċ-Ċentru sabiex itejjeb l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu; madankollu jiddispjaċih li l-livell tal-fondi trasferiti għas-sena ta'wara għall-baġit li jmiss għadu għoli wisq;

34.

Jinnota mill-kontijiet taċ-Ċentru, li f'Lulju 2006 dan għamel kontroll fiżiku tal-inventarju tiegħu u li r-riżultati ddaħħlu f'sistema speċifika tal-komputer;

35.

Jinnota li l-karta tal-bilanċ taċ-Ċentru tinkludi art u bini b'valur ta'EUR 2.5 miljun;

36.

Jinnota mir-rapport komprensiv ħafna ta'attività annwali taċ-Ċentru li saret evalwazzjoni tal-operazzjonijiet tiegħu fl-2007; jinnota wkoll li ċ-Ċentru joqgħod fuq is-Servizz ta'Verifika Interna tal-Kummissjoni għall-verifika interna tiegħu;

37.

Jinnota, mill-programmi taċ-Ċentru għall-2007 u għall-perjodu 2007 sal-2009, l-adozzjoni ta'programm ta'tmexxija sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet reċenti tas-Servizz ta'Verifika Interna tal-Kummissjoni, kif ukoll l-għanijiet strateġiċi li ġejjin:

l-iżvilupp ta'kontroll ex-post tat-tranżazzjonijiet finanzjarji;

l-iżvilupp ta'kapaċità interna dwar evalwazzjoni tar-riskji u ta'verifika interna;

l-iżvilupp ta'mezzi u proċeduri għat-tmexxija ta'riżorsi integrati u l-promozzjoni ta'sinerġiji esterni, partikolarment mal-Aġenzija tas-Sigurtà Marittima Ewropea (EMSA), ibbażata wkoll f'Liżbona;

l-implimentazzjoni ta'politika aktar strutturata u effettiva għar-riżorsi umani;

it-tkomplija b'suċċess tat-trasferiment għall-kwartieri l-ġodda f'Liżbona.


(1)  ĠU C 261, 31.10.2007, p. 67.

(2)  ĠU C 309, 19.12.2007, p. 128.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU C 376, 27.12.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 187, 15.7.2008, p. 99.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li tinkludi l-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropea ta' Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Drogi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu għas-sena finanzjarja 2003 (ĠU L 196, 27.7.2005, p. 121).

(8)  ĠU C 273, 15.11.2007, p. 1.

(9)  Dokument tal-Kunsill DS 605/1/07 Rev1.

(10)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 141).

(11)  Sors: Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti għas-sena finanzjarja 2006 flimkien mat-tweġibiet tal-Uffiċċju (ĠU C 309, 19.12.2007, p. 135).


Top