Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2008_187_R_0106_01

    2008/515/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 24 ta' April 2007 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 24 ta' April 2007 b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005

    ĠU L 187, 15.7.2008, p. 106–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 187/106


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    ta' l-24 ta' April 2007

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005

    (2008/515/KE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005 (1),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Aġenzija (2),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2007 (5711/2007 – C6-0080/2007),

    wara li kkunsidra t-Trattat KE, u partikularment l-Artikolu 276 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar il-ħolqien ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ta' Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni ta' l-Ambjent (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u partikularment l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0103/2007),

    1.

    Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2005;

    2.

    Jagħti l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija ta' l-Ambjent Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Hans-Gert PÖTTERING

    Is-Segretarju Ġenerali

    Harald RØMER


    (1)  ĠU C 266, 31.10.2006, p. 1.

    (2)  ĠU C 312, 19.12.2006, p. 36.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

    (4)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1641/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 1).

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    ta' l-24 ta' April 2007

    b'osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi ta’ l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005 (1),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet annwali finali ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2005, flimkien mat-tweġibiet ta' l-Aġenzija (2),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2007 (5711/2007 – C6-0080/2007),

    wara li kkunsidra t-Trattat KE, u partikularment l-Artikolu 276 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 tas-7 ta' Mejju 1990 dwar il-ħolqien ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ta’ Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni ta’ l-Ambjent (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (5), u partikularment l-Artikolu 94 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel (A6-0103/2007),

    A.

    billi l-Qorti ta’ l-Awdituri qalet li hija kisbet assigurazzjoni raġjonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2005 kienu affidabbli u li t-tranżazzjonijiet li jaqgħu taħthom, fis-sħuħija tagħhom, kienu legali u regolari,

    B.

    billi fis-27 ta' April 2006 il-Parlament ta kwittanza lid-direttur rigward l-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2004 (6) u fir-riżoluzzoni li takkumpanja d-deċiżjoni tal-kwittanza tal-Parlament, inter alia

    jinnota li fl-2004, approprjazzjonijiet żejda tpoġġew għal operazzjonijiet li ser jitwettqu fl-2005, u li approprjazzjonijiet relatati man-nefqa ta’ l-istaff ġew trasferiti; jinsisti sabiex l-Aġenzija tirrispetta l-prinċipju ta’ l-annwalità tal-baġit kif definit fir-Regolament Finanzjarju u r-regola li tipprojbixxi t-trasferiment ta’ approprjazzjonijiet relatati man-nefqa ta’ l-istaff, sabiex tippermetti implimentazzjoni korretta u trasparenti tal-baġit kif stipulat mill-Awtorità baġitarja;

    jinnota d-difetti fl-iċċekkjar, u nuqqasijiet li nstabu mill-Qorti ta’ l-Awdituri fil-verifika tagħha ta’ l-inventarju;

    Punti ġenerali dwar il-maġġoranza ta' l-Aġenziji ta' l-UE li jirrikjedu kwittanza individwali

    1.

    Iqis li n-numru dejjem jikber ta' Aġenziji Komunitarji u l-attivitajiet ta' xi wħud minnhom ma jidhrux li jiffurmaw parti minn qafas ta' politika ġenerali, u li l-mandati ta' xi Aġenziji mhux dejjem jirriflettu l-bżonnijiet reali ta' l-Unjoni jew l-aspettattivi taċ-ċittadini, u jinnota li f'termini ġenerali l-Aġenziji mhux dejjem ikollhom dehra tajba jew rapporti tajbin mill-istampa;

    2.

    Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi qafas ġenerali ta' politika għat-twaqqif ta' Aġenziji ġodda tal-Komunità u sabiex tippreżenta studju li jikkompara l-ispejjeż mal-benefiċċji qabel ma titwaqqaf aġenzija ġdida, filwaqt li toqgħod attenta li tevita rduppjar fl-attiviatjiet bejn l-Aġenziji jew mal-mandati ta' organizzazzjonijiet Ewropej oħra;

    3.

    Jistaqsi lill-Qorti ta' l-Awdituri biex tagħti l-opinjoni tagħha rigward l-istudju dwar ir-relazzjoni bejn il-benefiċċju u l-ispejjeż qabel il-Parlament jieħu deċiżjoni;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex kull ħames snin tippreżenta studju dwar il-valur miżjud ta' kull Aġenzija eżistenti; Jistieden lill-istituzzjonijiet relevanti, fil-każ ta' evalwazzjoni negattiva tal-valur miżjud ta' Aġenzija, sabiex jieħdu l-passi kollha meħtieġa billi jifformolaw mill-ġdid il-mandat ta' dik l-Aġenzija jew billi jagħlquha;

    5.

    Meta jqis in-numru dejjem jikber ta' aġenziji regolatorji, jiddeplora l-fatt li n-negozjar għal abbozz ta’ ftehima interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv ta' dawn l-aġenziji regolatorji Ewropej għadu ma ntemmx, u jistieden lid-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni sabiex jagħmlu dak kollu li jistgħu, flimkien mal-Qorti ta' l-Awdituri, sabiex din il-ftehima tiġi konkluża malajr;

    6.

    Jinnota li r-responsabilità baġitarja tal-Kummissjoni titlob li jsiru konnessjonijiet iktar stretti bejn l-Aġenziji u l-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jagħtu lill-Kummissjoni minoranza li tibblokka fl-entitajiet ta' sorveljanza ta' l-Aġenziji ta' regolamentazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2007 u sabiex jipprovdu għal din il-minoranza sa mill-bidu meta jkunu qed jitwaqqfu Aġenziji ġodda;

    7.

    Jistieden lill-Qorti ta' l-Awdituri biex toħloq kapitolu ieħor fir-Rapport Annwali tagħha, li jkun dwar l-Aġenziji li għandhom jingħataw kwittanza skond il-kontijiet tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm stampa aktar ċara ta' l-użu tal-fondi ta' l-UE mill-Aġenziji;

    8.

    Ifakkar il-prinċipju li fuq il-bażi tiegħu, l-Aġenziji kollha tal-Komunità, kemm jekk issussidjati kif ukoll jekk le, huma suġġetti għal kwittanza mill-Parlament, anke meta jkun hemm awtorità ta' kwittanza bis-saħħa tat-testi kostituttivi tagħhom;

    9.

    Jistieden lill-Qorti ta' l-Awdituri sabiex tagħmel verifiki ta' rendiment lill-Aġenziji kollha u tirrapporta lura lill-kumitati relevanti tal-Parlament, inkluż lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit;

    10.

    Jinnota li n-numru ta' Aġenziji qiegħed dejjem jikber u li, skond ir-responsabilità politika tal-Kummissjoni għat-tħaddim ta' l-Aġenziji, li tmur lil hinn minn sempliċiment appoġġ loġistiku, hemm ħtieġa saħansitra ikbar li d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni inkarigati mit-twaqqif u l-monitoraġġ ta' l-Aġenziji jiżviluppaw approċċ komuni lejn l-Aġenziji; struttura simili għal dik maħluqa mill-Aġenziji għall-koordinament fost id-DGs konċernati jkun mod pragmatiku lejn metodu komuni tal-Kummissjoni rigward il-kwistjonijiet kollha relatati ma' l-Aġenziji;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-appoġġ amministrattiv u tekniku għall-Aġenziji, filwaqt li tiġi meqjusa l-kumplessità dejjem akbar tar-regoli amministrattivi u problemi tekniċi tal-Komunità;

    12.

    Jinnota n-nuqqas ta' korp dixxiplinarju fl-Aġenziji kollha tal-Komunità, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi neċessarji ħalli tiżgura li dan il-mekkaniżmu jiġi implimentat malajr;

    13.

    Jilqa' bi pjaċir it-titjib konsiderevoli fil-koordinazzjoni fost l-Aġenziji ta' l-UE, li tippermettilhom li jaħdmu fuq problemi rikorrenti u li tagħmel il-koperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Parlament aktar effiċjenti;

    14.

    Huwa ta' l-opinjoni illi t-twaqqif ta' servizz ta' apppoġġ minn numru ta' Aġenziji bil-għan li jagħmel is-sistemi ta' mmaniġġjar finanzjarju kompjuterizzat tagħhom konsistenti ma' dawk tal-Kummissjoni hija miżura li għandha titkompla u tiġi estiża;

    15.

    Jistieden lill-Aġenziji sabiex itejbu l-koperazzjoni u l-istandards mal-partijiet fil-qasam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tadotta kull miżura li hija tqis bħala neċessarja biex tgħin lill-Aġenziji ħalli jtejbu id-dehra tagħhom u jgħollu l-profil ta' l-attivitajiet tagħhom;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex toħroġ bi proposta għall-armonizzazzjoni tal-format tar-rappurtaġġ annwali mill-Aġenziji sabiex jiġu żviluppati indikaturi ta' prestazzjoni li jippermettu li jkun hemm paragun ta' l-effiċċjenza tagħhom;

    17.

    Jistieden lill-Aġenziji sabiex fil-bidu ta' kull sena jippreżentaw indikaturi ta' prestazzjoni li magħhom jistgħu jkunu mkejla;

    18.

    Jistieden lill-Aġenziji kollha sabiex jużaw dejjem aktar objettivi SMART, li għandhom iwasslu għal tfassil u implimentazzjoni aktar realistiċi ta' l-għanijiet;

    19.

    Jaqbel mal-Qorti ta' l-Awdituri li l-Kummissjoni hija wkoll responsabbli għall-immaniġġjar (finanzjarju) ta' l-aġenziji; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmoniterja u, fejn ikun meħtieġ, tmexxi u tgħin l-immaniġġjar ta' l-aġenziji differenti, speċjalment fir-rigward ta’ l-applikazzjoni xierqa tal-proċeduri tat-tfigħ ta’ offerti, it-trasparenza tal-proċeduri ta' reklutaġġ, l-immaniġġjar finanzjarju sod (nuqqas ta’ nfiq u bbaġitjar żejjed) u l-iktar importanti l-applikazzjoni xierqa tar-regoli dwar il-qafas ta' kontroll intern;

    20.

    Jikkunsidra li l-programmi ta' ħidma ta' l-Aġenziji għandhom jesprimu l-kontribwizzjonijiet tagħhom f'termini operattivi u li jistgħu jitkejlu u li tingħata l-konsiderazzjoni xierqa lill-Istandards ta' Kontroll Interni tal-Kummissjoni;

    Punti Speċifiċi

    21.

    Jinnota li l-Aġenzja impenjat kważi l-approprjazzjonijiet kollha tal-baġit tagħha tas-sena finanzjarja 2005; jinnota, madankollu, li r-rata ta’ trasferiment (aktar minn 30 %) għal impenji għall-attivitajiet operattivi tagħha (Titolu III) hija għolja; jistieden lill-Aġenzija sabiex tiżura tnaqqis fit-trasferimenti, li l-volum tagħhom ixekkel l-immaniġġjar ta’ l-approprjazzjonijiet tas-sena ta’ wara, li sussegwentement toħloq dewmien fl-implimentazzjoni jew anke żżidhom;

    22.

    Jinnota li m’hemm l-ebda deskrizzjoni tas-sistemi interni ta’ kontroll, u li l-uffiċjali awtorizzanti ma pprovdewx deskrizzjoni formali tas-sistemi li jużaw sabiex jagħtu u jissostanzjaw informazzjoni tal-kontabilità, u għaldaqstant l-uffiċjal tal-kontabilità baqa’ ma jistax jivvalidahom; jistieden lill-Aġenzija sabiex issib rimedju għal dan;

    23.

    Jinnota li għad hemm nuqqasijiet fir-rapport annwali ta’ attività ta’ l-uffiċjal awtorizzant, liema rapport ma jipprovdix informazzjoni adegwata dwar ir-relazzjoni bejn ir-riżultati ta' l-attivitajiet tas-sena u l-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati, l-użu tar-riżorsi u l-iffunzjonar ta’ sistemi interni ta’ kontroll; jitlob lill-Aġenzija sabiex issolvi din il-problema;

    24.

    Jinnota li waqt il-verifika tal-proċeduri għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema temporanji, ġie osservat li ċerti dispożizzjonijiet interni dwar in-natura konġunta tal-kumitati ta’ l-għażla u l-fatt li l-kriterji ta’ għażla adottati qabel ma jistgħux jinbidlu ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet; jitlob li fil-futur il-proċeduri għar-reklutaġġ għandhom ikunu rispettati b’mod sħiħ;

    25.

    Jistieden lill-Aġenzija sabiex tirrispetta l-kriterji ta’ evalwazzjoni fil-proċeduri ta’ akkwist;

    26.

    Iqis lill-Aġenzija bħala għajn ta’ informazzjoni ambjentali importanti għall-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE u għat-tfassil tal-politika; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija setgħet tinterpreta data kkumplikata f’konklużjonijiet ċari u tikkomunikahom lill-pubbliku; jagħraf, b’mod partikulari, l-importanza tar-rapport 'L-Ambjent Ewropew – Stat u prospetti 2005’ bħala sors ta’ informazzjoni dwar l-ambjent li jista’ jintuża faċilment u biex juri b’mod preċiż l-isfidi prinċipali li l-UE u l-Istati Membri qed jiffaċċjaw;

    27.

    Jinkoraġġixxi lill-Aġenzija tkompli l-isforzi tagħha biex tiżviluppa aktar il-metodi ta’ komunikazzjoni tagħha sabiex tattira aktar irrappurtar mill-midja għas-sejbiet tagħha u b’hekk tikkontribwixxi għad-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet ambjentali importanti, bħall-bidla fil-klima, il-bijodiversità u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali;

    28.

    Juri li l-impatt tal-programmi ambjentali spiss ikun ostakolat min-nuqqas ta' evalwazzjoni ta' l-impatti ambjentali ta' politiki Komunitarji oħra; jistieden lill-Aġenzija biex tiżviluppa l-ħidma tagħha aktar fil-qasam ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ambjentali;

    29.

    Jitlob li, qabel l-1 ta’ Jannar 2010 u kull ħames snin wara din id-data, l-Aġenzija tikkummisjona evalwazzjoni esterna indipendenti dwar dak li rnexxielha tagħmel fuq il-bażi ta’ l-ewwel Regolament u l-programmi ta’ ħidma deċiżi mill-Bord tal-Maniġment; jitlob li fl-evalwazzjoni jiġi eżaminati wkoll il-prattiki ta’ ħidma u l-impatt ta’ l-Aġenzija u jiġu wkoll ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-partijiet intetressati, kemm fuq livell komunitarju kif ukoll fuq dak nazzjonali; jitlob ukoll li l-Bord Maniġerjali ta’ l-Aġenzija jeżamina l-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjoni u jfassal abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet bħal dawn lill-Kummissjoni u lill-Parlament peress li jista' jkun neċessarju, fir-rigward ta’ bidliet fl-Aġenzija, fil-prattiki ta’ ħidma u fil-programmi tagħha, li l-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-Parlament għandhom jiġu ppubblikati, pereżempju fuq il-websajts tagħhom, u li l-fondi meħtieġa biex titwettaq l-evalwazzjoni esterna għandhom jiġu allokati permezz ta’ baġit tad-DĠ korrispondenti;

    30.

    Jenfasizza l-irwol ta’ l-Aġenzija fl-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali ta’ l-UE;


    (1)  ĠU C 266, 31.10.2006, p. 1.

    (2)  ĠU C 312, 19.12.2006, p. 36.

    (3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

    (4)  ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1641/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 1).

    (5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

    (6)  ĠU L 340, 6.12.2006, p. 90.


    Top